Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52016AE0019

    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill – L-Implimentazzjoni tal-Aġenda Ewropea dwar is-Sigurtà: pjan ta’ azzjoni tal-UE kontra t-traffikar u l-użu illeċitu tal-armi tan-nar u l-isplussivi” (COM(2015) 624 final) u “Il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-glieda kontra t-terroriżmu u s-sostituzzjoni tad-Deċiżjoni Kwadru 2002/475/ĠAI dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu” (COM(2015) 625 final – 2015/0281(COD))

    ĠU C 177, 18.5.2016, p. 51–56 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    18.5.2016   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 177/51


    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill – L-Implimentazzjoni tal-Aġenda Ewropea dwar is-Sigurtà: pjan ta’ azzjoni tal-UE kontra t-traffikar u l-użu illeċitu tal-armi tan-nar u l-isplussivi”

    (COM(2015) 624 final)

    u

    “Il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-glieda kontra t-terroriżmu u s-sostituzzjoni tad-Deċiżjoni Kwadru 2002/475/ĠAI dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu”

    (COM(2015) 625 final – 2015/0281(COD))

    (2016/C 177/09)

    Relatur:

    is-Sur Cristian PÎRVULESCU

    Nhar it-22 ta’ Diċembru 2015, il-Kummissjoni ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

    il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill – L-Implimentazzjoni tal-Aġenda Ewropea dwar is-Sigurtà: pjan ta’ azzjoni tal-UE kontra t-traffikar u l-użu illeċitu tal-armi tan-nar u l-isplussivi

    (COM(2015) 624 final)

    u

    l-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-glieda kontra t-terroriżmu u s-sostituzzjoni tad-Deċiżjoni Kwadru 2002/475/ĠAI dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu

    (COM(2015) 625 final – 2015/0281 (COD)).

    Is-Sezzjoni Speċjalizzata għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar l-24 ta’ Frar 2016.

    Matul il-515-il sessjoni plenarja tiegħu li saret fis-16 u s-17 ta’ Marzu 2016 (seduta tas-17 ta’ Marzu), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’145-il vot favur, l-ebda vot kontra u 3 astensjonijiet.

    1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

    1.1.

    Il-Kumitat iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jiġbru flimkien ir-riżorsi tagħhom kemm għall-ġlieda kontra t-traffikar tal-armi u l-munizzjon kif ukoll għall-ġlieda kontra t-terroriżmu. L-intensifikazzjoni tal-miżuri ta’ protezzjoni, kemm fil-livell Ewropew kif ukoll fil-livell nazzjonali, madankollu, tista’ toħloq effett kumulattiv u impatt globalment negattiv fuq id-drittijiet fundamentali. B’hekk inevitabbilment l-Unjoni tkun qed tonqos mill-missjoni fundamentali tagħha.

    1.2.

    Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iqis li l-proposta għal Direttiva u l-Komunikazzjoni attwali huma meħtieġa biex tinbena Ewropa aktar sikura għal dawk kollha li jgħixu fit-territorju tagħha, peress li l-ġlieda kontra t-terroriżmu hija kompetenza kondiviża bejn l-Istati Membri u l-Unjoni. Din in-natura konġunta tqajjem il-kwistjoni tal-miżuri obbligatorji potenzjali li d-Direttiva tista’ tipprova timponi fuq l-Istati. Hija r-responsabbiltà tal-Istati Membri li jagħmlu kull sforz biex jevitaw u jiġġieldu l-forom kollha ta’ kriminalità organizzata, partikolarment it-terroriżmu, tkun xi tkun il-motivazzjoni. Fl-istess ħin, l-istituzzjonijiet tal-UE għandhom jikkontribwixxu biex jikkoordinaw u jarmonizzaw l-isforzi meħtieġa biex jiġi limitat it-tixrid ta’ atti ta’ vjolenza bħal dawn.

    1.3.

    Il-KESE jisħaq b’mod qawwi u jitlob li l-prinċipju tal-proporzjonalità, li b’mod obbligatorju huwa parti intrinsika minn kull stat ta’ dritt, jitħares mill-organi u l-qrati kollha tal-Istat. Biex jiġu evitati interpretazzjonijiet żbaljati jew abbużi tal-miżuri meħtieġa ta’ ħarsien, il-KESE, bi qbil mar-Riżoluzzjoni 1566 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, isostni li l-akkuża tat-terroriżmu tista’ titressaq biss meta l-għan ta’ theddid, ta’ atti mwettqa bil-għan li tiġi kkawżata l-mewt jew korriment fiżiku gravi, ta’ ħtif ta’ ostaġġi jew ta’ ħsara serja ta’ infrastruttura jkun li tinħoloq sitwazzjoni ta’ biża’ kbir, li tiġi intimidata popolazzjoni jew li ssir koerċizzjoni fuq gvern.

    1.4.

    Dawn il-bidliet leġislattivi huma parti minn sforzi usa’ biex jiġi indirizzat tip ta’ theddid, li, min-natura tiegħu, huwa dannuż għall-pedament tas-sistemi demokratiċi Ewropej, iżda dawn l-isforzi qed jaffaċċjaw diffikultajiet minħabba s-sitwazzjoni politika internazzjonali attwali. It-tixrid tal-biża’, id-diviżjoni tal-opinjoni pubblika, iż-żamma tal-isterjotipi dwar ċerti gruppi speċifiċi tal-popolazzjoni, id-djgħufija tal-ekwilibriju tal-awatoritajiet pubbliċi u t-tisħiħ tal-istituzzjonijiet awtoritarji għad-detriment ta’ dawk li jiżguraw rappreżentanza demokratika – dawn huma r-riżultati mistennija mill-atti terroristiċi, li jeħtieġ li jiġu miġġielda b’mod determinat u ċar. Il-Kumitat jemmen li l-Ewropej huma intitolati li jgħixu fis-sigurtà iżda wkoll fil-libertà.

    1.5.

    Il-Kumitat iqis li huwa perikoluż għal kwalunkwe demokrazija jekk il-leġislazzjoni tintroduċi reati b’antiċipazzjoni (il-kriminalizzazzjoni ta’ offiżi jew reati li għadhom ma twettqux). Il-punt (i) tal-Artikolu 3(2) tal-Proposta għandu jitħassar sabiex tiġi evitata l-konfużjoni bejn il-ġustizzja u s-sigurtà. Bl-istess mod, l-Artikolu 15 tad-Direttiva proposta ma jiżgurax la l-libertajiet pubbliċi u lanqas il-preżunzjoni ta’ innoċenza. Barra minn hekk, il-KESE huwa mħasseb dwar il-kwistjoni tal-prova tal-intenzjoni u jemmen li l-każijiet kollha elenkati fl-Artikoli 5 sa 13 għandhom jidhru quddiem l-imħallef biex jikkonferma l-akkużi.

    1.6.

    Il-KESE jemmen li huwa xieraq li jiġu introdotti strumenti li jimpedixxu r-radikalizzazzjoni, bħala parti minn programm usa’ li jindirizza l-kawżi soċjali, ekonomiċi, kulturali, reliġjużi u politiċi tat-tixrid ta’ dan it-tip ta’ theddid, u dawn għandhom ikunu kkoordinati ma’ attivitajiet relatati mal-ġlieda kontra t-terroriżmu u s-soppressjoni tiegħu. Madanakollu, ir-radikalizzazzjoni mhux bilfors hija predispożizzjoni jew sejħa għall-vjolenza. Il-politiki u l-programmi ta’ prevenzjoni għandhom ikunu mmirati lejn l-individwi u l-gruppi li huma l-aktar inklinati li jużaw il-vjolenza għal skopijiet terroristiċi. Is-soċjetà ċivili għandha rwol kruċjali x’taqdi fl-indirizzar ta’ kundizzjonijiet li jħeġġu r-radikalizzazzjoni u l-propensità għall-użu tal-vjolenza.

    1.7.

    Minbarra li tiġi ċċarata l-liġi u li titjieb il-koperazzjoni bejn l-Istati Membri fl-oqsma elenkati hawn fuq, hija meħtieġa l-koordinazzjoni tal-politika barranija Ewropea fir-reġjuni tal-Lvant Nofsani u l-Afrika ta’ Fuq, reġjuni li reċentement għaddew minn trasformazzjonijiet kbar, li kienu vjolenti għal ħafna, u, f’xi każi, wasslu għal instabbiltà u konflitti. Jekk it-theddida tat-terroriżmu laħqet livell urġenti f’dawn l-aħħar snin, dan huwa minħabba l-eżistenza ta’ żoni ta’ konflitt, li joffru punt ta’ konċentrazzjoni fejn għadd kbir ta’ ċittadini Ewropej isibu post ta’ ispirazzjoni u taħriġ. Il-preżenza ta’ konflitti fit-tul fir-reġjun, inkluż fi stat iffriżat, jinkoraġġixxu wkoll li ċerti gruppi u individwi jimpenjaw ruħhom biex jorganizzaw atti terroristiċi. Il-Kumitat iqis li l-involviment b’mod aktar ċar favur l-isforzi mmirati lejn l-istabilizzazzjoni, l-iżvilupp u d-demokratizzazzjoni tar-reġjun huwa ta’ prijorità. Il-ġlieda kontra l-faqar, il-korruzzjoni u l-esklużjoni politika u soċjali għandha wkoll tkun ta’ prijorità.

    1.8.

    Il-Kumitat iqis li l-limitazzjoni b’mod drastiku għall-aċċess għall-armi tan-nar, il-munizzjon u l-isplussivi għandha tkun prijorità għall-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-UE. L-attakki terroristiċi riċenti fl-Ewropa wrew li persuni involuti f’attivitajiet terroristiċi xtraw armi perikolużi mis-suq iswed, fejn hemm offerta diversifikata ħafna. Il-kollużjoni bejn il-gruppi terroristiċi u l-kriminalità organizzata hija theddida kbira għas-sigurtà taċ-ċittadini tal-Ewropa u lil hinn minnha.

    1.9.

    Il-Kumitat jaqbel li jsiru kjarifiki fil-leġislazzjoni dwar il-vittmi tat-terroriżmu. Dawn għandhom jirċievu għajnuna effettiva u rapida mhux biss immedjatament wara l-atti mġarrba iżda wkoll fi żmien medju u fit-tul. Fl-istess ħin, jeħtieġ li wieħed jifhem aħjar il-konsewgenzi soċjali, ekonomiċi u psikoloġiċi tal-attakki terroristiċi fuq il-komunitajiet, l-individwi u s-setturi differenti tal-attività ekonomika. Il-Kumitat iħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea tanalizza dawn l-aspetti u, skont l-eżitu ta’ din il-ħidma, tipproponi miżuri xierqa. L-attakki reċenti x’aktarx ikollhom impatt fuq setturi bħat-turiżmu u t-trasport, u l-awtoritajiet pubbliċi Ewropej u nazzjonali għandhom jimplimentaw programmi ta’ appoġġ. Il-Kumitat jinnota li l-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-terroriżmu tinvolvi nefqa u jistieden lill-Unjoni Ewropea tikkunsidra appoġġ finanzjarju għall-isforzi nazzjonali marbuta ma’ dan.

    2.   Il-kuntest attwali: ir-rikonċiljazzjoni tal-ħtieġa għal aktar sigurtà mar-rispett tad-drittijiet fundamentali

    2.1.

    Kif stqarr fl-opinjoni tiegħu dwar il-Programm tal-Aja, il-Programm ta’ Stokkolma u l-Komunikazzjoni “Ewropa miftuħa u sikura: kif nagħmluha realtà”, il-Kumitat jemmen li l-bażi u l-punt ta’ referenza għal kwalunkwe politika dwar il-libertà, is-sigurtà u l-ġustizzja għandu jkun il-ħarsien, mingħajr waqfien jew diskriminazzjoni, tad-drittijiet fundamentali garantiti mill-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (1).

    2.2.

    Fir-rigward tal-ġlieda kontra t-terroriżmu, il-Kumitat jemmen li huwa loġiku, fil-kuntest internazzjonali attwali, li ssir reviżjoni tal-qafas legali eżistenti biex l-atti assoċjati mal-attivitajiet terroristiċi jiġu kkunsidrati bħala reati. Il-Kumitat jinnota li fil-parti tal-proposta għal Direttiva dwar id-drittijiet fundamentali (Kapitolu 3 tal-memorandum ta’ spjegazzjoni), hija msemmija l-ħtieġa li tkun eskluża kull forma ta’ arbitrarjetà u, kif għamel f’opinjonijiet oħra dwar l-istess suġġett, josserva li għandha tingħata prijorità lid-drittijiet fundamentali u l-bżonn li jinżamm ambjent demokratiku qawwi għalkemm iffaċċjati b’dan it-tip ta’ theddid (2).

    2.3.

    Il-Kumitat jiġbed l-attenzjoni lejn l-importanza li titħares iż-żona Schengen, bħala eżempju konkret tal-prinċipji ġenerali stabbiliti fit-Trattat. Huwa jinkoraġġixxi lill-Istati Membri biex ma jużawx forom ta’ limitazzjoni tal-moviment liberu fi ħdan l-Unjoni.

    2.4.

    Konxju mill-isfidi serji tal-kuntest ġeopolitiku attwali, il-Kumitat jinnota li d-definizzjonijiet mogħtija fil-proposta għal Direttiva mhumiex ċari biżżejjed biex jiżguraw l-infurzar tad-drittijiet taċ-ċittadini kif minquxa fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u fit-Trattat. Jinnota li l-marġini ta’ interpretazzjoni tat-termini hija wiesgħa wisq u li, fiċ-ċirkustanzi attwali, ma tingħatax f’idejn l-imħallfin iżda titħalla f’idejn il-prosekuzzjoni u s-servizzi tal-infurzar tal-liġi. Il-Kumitat jiġbed l-attenzjoni wkoll għat-tentazzjoni possibbli li miżuri eċċezzjonali jitqarrbu għad-dritt komuni, kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll dak Ewropew, kif tista’ tagħti x’tifhem proposta ta’ Direttiva bħal din f’qasam ta’ kompetenza kondiviża.

    2.5.

    Il-KESE jilqa’ l-implimentazzjoni tal-interoperabbiltà tas-sistemi ta’ informazzjoni diġitali, sakemm huma ddisinjati biex jikkontribwixxu fil-ġlieda kontra t-terroristi. F’dan ir-rigward, il-Kumitat iqis li s-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen (SIS) hija pilastru ewlieni tal-mekkaniżmu ta’ informazzjoni tal-Unjoni u jirrakkomanda lil dawk li jfasslu l-politika biex jagħmlu kull sforz biex jiżguraw li l-Istati Membri kollha jipparteċipaw.

    3.   Kummenti ġenerali u speċifiċi

    3.1.    Il-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE kontra t-traffikar u l-użu illegali tal-armi tan-nar u l-isplussivi

    3.1.1.

    Kummenti ġenerali

    3.1.1.1.

    Il-Kumitat jilqa’ l-proposti deskritti fil-Komunikazzjoni. Huwa meħtieġ li titjieb b’mod sinifikanti l-kooperazzjoni istituzzjonali bejn l-Istati Membri, kemm f’termini ta’ skambju ta’ informazzjoni kif ukoll fil-konnessjoni tal-bażijiet ta’ data eżistenti. Għandha ssir referenza speċifika għall-programmi ta’ taħriġ tal-persunal fl-amministrazzjonijiet nazzjonali, li s’issa għadhom ma kinux prijorità.

    3.1.1.2.

    Il-Kumitat jemmen li l-iżgurar tal-interoperabbiltà tal-bażijiet tad-data u l-inkoraġġament tal-awtoritajiet nazzjonali biex jiġbru d-data, huma elementi kruċjali biex tiġi żgurata valutazzjoni korretta tal-kontroll tal-użu tal-armi tan-nar u l-isplussivi.

    3.1.1.3.

    Il-Kumitat jilqa’ b’sodisfazzjon l-attenzjoni għall-ħtieġa li tkun imfixkla l-provvista ta’ armi tan-nar illegali permezz tal-Internet (web viżibbli u inviżibbli) u r-riskji relatati mal-iżvilupp ta’ innovazzjonijiet teknoloġiċi bħall-istampar 3D.

    3.1.1.4.

    Għalkemm huma meħtieġa aktar sforzi kemm fl-użu ta’ teknoloġiji ta’ skoperta kif ukoll fl-istandardizzazzjoni tal-użu tagħhom, il-Kumitat jiġbed l-attenzjoni dwar il-periklu li jinħoloq “suq” għal dawn it-teknoloġiji. Jekk in-negozjanti jkunu jridu jikkummerċjalizzawhom, huma jista’ jkollhom it-tentazzjoni li jenfasizzaw ir-riskji potenzjali għas-sigurtà u għaldaqstant ixxerdu l-biża’ fost il-popolazzjoni. Il-Kumitat ma jirrakkomandax il-ġeneralizzazzjoni ta’ teknoloġiji ta’ skoperta iżda l-użu selettiv tagħhom, skont il-ħtiġijiet u r-riskji.

    3.1.1.5.

    Il-Kumitat iħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea biex tappoġġa koperazzjoni mill-qrib bejn l-Europol, l-Interpol, l-atturi ewlenin tal-iTrace u korpi rilevanti oħra, bħalma huma l-awtoritajiet doganali u dawk ta’ liċenzjar tal-importazzjoni u l-esportazzjoni tal-armi tan-nar, sabiex titjieb il-kooperazzjoni operattiva, it-traċċabilità u l-prevenzjoni tad-devjazzjoni ta’ armi lejn is-suq iswed.

    3.1.1.6.

    Il-Kumitat jilqa’ l-intenzjoni li jissaħħu l-attivitajiet operattivi u li jitwessa’ l-kamp ta’ applikazzjoni tal-pjan ta’ azzjoni bejn l-UE u l-Ewropa tax-Xlokk u li tissaħħaħ il-kooperazzjoni mal-pajjiżi fil-Lvant Nofsani u l-Afrika ta’ Fuq (ir-reġjun MENA). F’dan il-qasam ukoll, il-kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi hija importanti ħafna.

    3.1.1.7.

    Il-Kumitat jiġbed l-attenzjoni lejn l-eżistenza ta’ problemi ta’ natura istituzzjonali, b’mod partikolari l-integrità tal-forzi tal-pulizija, f’ħafna minn dawn il-pajjiżi. Minbarra l-kooperazzjoni fil-qasam tal-armi tan-nar innifsu, l-Unjoni Ewropea għandha tħeġġeġ u tappoġġa r-riformi istituzzjonali fil-pajjiżi kkonċernati.

    3.2.

    Id-Direttiva dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu

    3.2.1.

    Kummenti ġenerali

    3.2.1.1.

    Il-Kumitat huwa tal-fehma li l-liġijiet u l-proċeduri istituzzjonali jridu jiġu kontinwament adattati għall-iżviluppi u r-riskji fil-qasam tas-sigurtà. Avvenimenti reċenti wrew li l-fenomenu tat-terroriżmu qed jieħu xejra internazzjonali, kemm minħabba l-infrastruttura ta’ komunikazzjoni kif ukoll minħabba l-kunflitti fil-Lvant Nofsani u l-Afrika ta’ Fuq.

    3.2.1.2.

    Il-finanzjament, it-taħriġ, l-inċitament, l-ivvjaġġar għall-fini ta’ parteċipazzjoni f’attivitajiet ta’ grupp terroristiku huma kollha azzjonijiet marbutin ma’ atti terroristiċi. Il-Kumitat jirrakkomanda lill-istituzzjonijiet tal-UE u lill-Istati Membri biex japplikaw il-prinċipju ta’ proporzjonalità, u l-inkriminazzjoni u l-ġlieda kontra dawn l-atti għandha tkun proporzjonata mal-gravità u l-intenzjonalità tagħhom.

    3.2.1.3.

    Bl-istess mod, il-Kumitat iqis għaqli l-kriminalizzazzjoni ta’ azzjonijiet li jinkoraġġixxu jew jikkoordinaw it-twettiq ta’ reati terroristiċi, li huma ħafna drabi mwettqa minn persuni li ma jkunux esposti direttament iżda jaġixxu permezz ta’ persuna oħra.

    3.2.1.4.

    Fl-istess waqt, il-Kumitat jesprimi t-tħassib tiegħu rigward il-kapaċitajiet tal-Istati Membri u r-rieda jew nuqqas ta’ rieda tagħhom fir-rigward tal-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali u l-iżgurar li d-dispożizzjonijiet kostituzzjonali u t-trattati internazzjonali jiġu osservati fil-prattika. L-introduzzjoni tal-istat ta’ emerġenza fi Franza, wara l-attakki terroristiċi ta’ tmiem is-sena li għaddiet, ta l-possibbiltà lill-Istat Franċiż li jieħu miżuri li l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili kkontestaw mil-lat tad-drittijiet fundamentali (3). Il-Kumitat jistieden lill-awtoritajiet nazzjonali biex iwettqu dmirijiethom b’mod proporzjonat u effettiv u biex jevitaw kwalunkwe miżura li tista’ tipproduċi effetti li jmorru kontra l-miżuri mixtieqa. Il-prevenzjoni tat-terroriżmu u l-ġlieda kontrih jistgħu jsiru biss fir-rispett tal-Istat tad-dritt, tad-drittijiet fundamentali u t-trattati internazzjonali. Il-Kumitat jikkunsidra li huwa neċessarju li tiġi stabbilita forma ta’ monitoraġġ kontinwu tal-miżuri deċiżi mill-Istati Membri fil-qasam tat-terroriżmu. F’dan ir-rigward, huwa jistieden lill-Kummissjoni Ewropea tikkunsidra t-twaqqif ta’ proċeduri li jippermettu li l-miżuri mhux xierqa jiġu identifikat u korretti. F’dan ir-rigward huwa possibbli l-użu tal-mekkaniżmu ta’ kontroll tar-rispett għall-Istat tad-dritt, implimentat mill-Kummissjoni Ewropea, li jidentifika l-ksur u jipprovdi għal proċeduri biex jiġi kkoreġut.

    3.2.1.5.

    Sabiex tiġi żgurata koordinazzjoni effettiva tal-isforzi ta’ prevenzjoni, il-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-indirizzar tal-effetti tiegħu, kif ukoll biex tiġi żgurata l-uniformità tal-prattiki, inkluż mill-perspettiva tad-drittijiet fundamentali, il-Kumitat jistieden lill-Kummissjoni u lill-istituzzjonijiet l-oħra tal-UE biex jikkunsidraw il-ħolqien ta’ aġenzija tal-UE għall-ġlieda kontra t-terroriżmu.

    3.2.2.

    Kummenti speċifiċi

    3.2.2.1.

    Fir-rigward tad-definizzjoni tar-reati terroristiċi (Titolu II, Artikolu 3), hemm ir-riskju li d-definizzjoni ta’ terroriżmu u azzjonijiet assoċjati miegħu hija wiesgħa wisq.

    3.2.2.2.

    Pereżempju, fl-Artikolu 3(2)(d), “toħloq distruzzjoni estensiva […] facilità infrastrutturali, li tinkludi sistema informattiva” tista’ tiġi kkunsidrata bħala att terroristiku. Mhuwiex ċar jekk hacking (piraterija tal-informatika) tistax tiġi kkunsidrata bħala att terroristiku. Hemm każijiet fejn dawn l-azzjonijiet kellhom l-għan li jxerrdu dokumenti ta’ interess pubbliku, u għalkemm il-kisba u l-pubblikazzjoni tagħhom jistgħu jkunu att krimimali, dawn l-atti ma jaqgħux taħt id-definizzjoni tipika ta’ terroriżmu.

    3.2.2.3.

    L-Artikolu 3(2)(i) jgħid li “t-theddid li jitwettaq att terroristiku” huwa ekwivalenti għat-twettiq ta’ tali att. Dan il-punt huwa problematiku ħafna, speċjalment jekk il-prinċipju ta’ proporzjonalità ma jkunx rispettat. Theddida ma tistax titqies bħala fatt, peress li hija att potenzjali u mhux azzjoni mwettqa. Il-Kumitat jipproponi l-irtirar tal-Artikolu 3(2)(i) tal-proposta għal Direttiva.

    3.2.2.4.

    Fir-rigward tal-“provokazzjoni pubblika sabiex jitwettaq reat terroristiku” (Titolu III, Artikolu 5), id-definizzjoni tal-ksur mhix ċara. Billi l-libertà tal-istampa u l-libertà tal-espressjoni huma garantiti, tqum il-kwistjoni f’liema ċirkostanzi s-sempliċi żvelar pubbliku ta’ attakk terroristiku ma jibqax sempliċi informazzjoni iżda jsir provokazzjoni. Bl-istess mod, bl-iżvilupp tal-pjattaformi ta’ netwerks soċjali, fejn kull utent huwa wkoll l-awtur tal-kontenut, huwa diffiċli ħafna li jiġu traċċati u identifikati b’mod xieraq liema elementi huma informazzjoni u liema provokazzjoni.

    3.2.2.5.

    Fir-rigward tal-kriminalizzazzjoni tal-“ivvjaġġar barra mill-pajjiż għal skopijiet ta’ terroriżmu” (Titolu III, Artikolu 9), hemm nuqqas ta’ ċarezza fir-rigward tad-definizzjoni tal-kunċett ta’ “għal skopijiet ta’ terroriżmu”. Jekk is-sitwazzjoni hija ċara fil-każ ta’ organizzazzjoni ta’ attakk jew il-parteċipazzjoni f’attivitajiet ta’ taħriġ, dan żgur mhux il-każ meta persuna tkun involuta f’ribelljoni armata, insurrezzjoni jew gwerra ċivili, kif inhu l-każ fis-Sirja u l-Libja. Il-parteċipazzjoni fi gwerra kważi konvenzjonali tista’ titqies bħala għal skopjiet ta’ terroriżmu (4)? Sitwazzjoni oħra possibbli hija dik ta’ ġellieda Ewropej li qed jiġġieldu f’rabta ma’ gruppi ribelli kklassifikati bħala terroristi mill-gvernijiet nazzjonali fit-territorju fejn huma attivi, jew minn gvernijiet ta’ pajjiżi terzi.

    3.2.2.6.

    B’rabta ma’ din il-kwistjoni, għandu jiġi osservat li l-identifikazzjoni tan-natura “terroristika” jew le ta’ grupp hija diffiċli. Dawn mhumiex biss diffikultajiet ta’ analiżi iżda wkoll istituzzjonali. L-UE għandha s-sistema tagħha biex tistabbilixxi liema organizzazzjonijiet tinkludi jew tneħħi mil-lista ta’ organizzazzjonijiet terroristiċi, partikolarment dawk fuq il-lista awtonoma operata separatament mil-lista tan-NU (5). Id-definizzjoni u l-prattika nazzjonali ta’ organizzazzjoni terroristika tista’ tkun differenti mill-prattika tal-UE. F’dan il-każ, hemm ħtieġa għal koordinazzjoni bejn l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-UE u speċjalment il-korpi li għandhom responsabilitajiet f’dan il-qasam (peż. Europol).

    3.2.2.7.

    Fir-rigward tal-Artikoli 12 sa 14, mhux ċar għaliex ir-reati msemmija għandhom ikunu kriminalizzati separatament minn dawk normalment fil-kodiċi kriminali fl-Istati Membri differenti. Madankollu, huwa possibbli li l-iskop tat-terroriżmu jiġi rikonoxxut bħala aggravant tar-reati koperti, li, fir-rispett tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, għandu jiġġustifika piena kriminali itqal.

    3.2.2.8.

    Dwar “ir-relazzjoni mar-reati terroristiċi” (Artikolu 15), il-punt “Sabiex reat imsemmi fl-Artikolu 4 u t-Titolu III ikun punibbli, mhuwiex meħtieġ li reat terroristiku jkun effettivament twettaq” iqajjem problema. Kif tista’ tkun stabbilita l-intenzjoni terroristika? jiġifieri li att speċifiku jifforma parti minn katina li twassal għal att imwettaq u mhux att iżolat? Dan jista’ jkollu impatt negattiv fuq id-drittijiet fundamentali.

    3.2.2.9.

    Il-Kumitat jistaqsi dwar ir-rilevanza tal-proposta li tinsab fl-Artikolu 17 dwar is-sanzjonijiet kontra l-persuni fiżiċi, fejn huwa mitlub li l-Istati Membri jiżguraw li r-reati kkonċernati jkunu punibbli b’pieni kriminali “li jistgħu jinvolvu l-estradizzjoni”.

    3.2.2.10.

    Dwar it-traspożizzjoni, il-proposta tirreferi għal perjodu ta’ 12-il xahar wara d-data tal-adozzjoni. Il-Kumitat iħeġġeġ lill-Istati Membri sabiex iqassru kemm jista’ jkun il-perjodu sabiex titħaffef l-implimentazzjoni tad-Direttiva.

    Brussell, is-17 ta’ Marzu 2016.

    Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

    Georges DASSIS


    (1)  ĠU C 451, 16.12.2014, p. 96.

    (2)  ĠU C 218, 23.7.2011, p. 91.

    (3)  Ara r-rapport France: Abuses Under State of Emergency Halt Warrentless Search and House Arrest, Human Rights Watch (HRW), 3 ta’ Frar 2016, u r-rapport Devant l’urgence, que deviennent les principes de l’État de droit? (Dominique Guibert), Assoċjazzjoni Ewropea għall-Ħarsien tad-Drittijiet tal-Bniedem (AEDH).

    (4)  Ta’ min wieħed jinnota l-każ interessanti tal-ġellieda Ewropej fis-Sirja, li qed jiġġieldu flimkien mal-milizzja Kurda, kontra d-Daesh, li hija ċ-ċentru tal-fenomenu tat-terroriżmu b’ispirazjoni reliġjuża. Ċittadin Netherlandiż, eks militari fl-armata nazzjonali, huwa investigat mill-awtoritajiet Netherlandiżi b’akkuża ta’ qtil, b’riżultat tal-parteċipazzjoni tiegħu fil-ġlied fis-Sirja mal-forzi Kurdi (YPG). Mhuwiex ċar jekk il-kwalifika ġuridika ta’ fatti simili hux se tiġi emendata, ladarba d-Direttiva tkun trasposta fid-dritt Netherlandiż.

    (5)  EU Terrorist Listing. An Overview about Listing and Delisting Procedures Martin Wahlisch, Berghof Peace Support, 2010.


    Top