This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52015XC0505(03)
Publication of an amendment application pursuant to Article 50(2)(a) of Regulation (EU) No 1151/2012 of the European Parliament and of the Council on quality schemes for agricultural products and foodstuffs
Pubblikazzjoni ta’ applikazzjoni għal emenda skont l-Artikolu 50(2)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel
Pubblikazzjoni ta’ applikazzjoni għal emenda skont l-Artikolu 50(2)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel
ĠU C 147, 5.5.2015, p. 16–23
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
5.5.2015 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 147/16 |
Pubblikazzjoni ta’ applikazzjoni għal emenda skont l-Artikolu 50(2)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel
(2015/C 147/07)
Din il-pubblikazzjoni tikkonferixxi d-dritt ta’ oppożizzjoni għall-applikazzjoni għal emenda skont l-Artikolu 51 tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1).
APPLIKAZZJONI GĦALL-APPROVAZZJONI TA’ EMENDA MHUX MINURI GĦALL-ISPEĊIFIKAZZJONI TAL-PRODOTT TA’ DENOMINAZZJONIJIET PROTETTI TAL-ORIĠINI/INDIKAZZJONIJIET ĠEOGRAFIĊI PROTETTI
APPLIKAZZJONI GĦALL-APPROVAZZJONI TA’ EMENDA SKONT L-EWWEL SUBPARAGRAFU TAL-ARTIKOLU 53(2) TAR-REGOLAMENT (UE) NRU 1151/2012
“MONTES DE TOLEDO”
Nru tal-UE: ES-PDO-0205-01270 – 29.10.2014
DPO ( X ) IĠP ( )
1. Grupp applikant u interess leġittimu
FUNDACIÓN C.R.D.O. “MONTES DE TOLEDO” |
Alférez Provisional, 3 |
45001 Toledo |
ESPAÑA |
Tel. +34 925257402 |
Fax +34 925257402 |
Email: domt@domontesdetoledo.com |
Internet: www.domontesdetoledo.com |
2. Stat Membru jew Pajjiż Terz
Spanja
3. Intestatura fl-ispeċifikazzjoni tal-prodott affettwata mill-emenda
—
—
—
—
—
—
—
—
4. Tip ta’ emenda
—
—
5. Emendi
Deskrizzjoni tal-prodott
Jitħassar il-kliem li ġej:
“Indiċi ta’ maturità (minn kampjun tas-siġra biss): bejn 3 u 5 (stabbilit mill-Estación de Olivicultura y Elaiotecnia, finca ‘Venta del Llano’, Mengíbar, Jaén).”
Jiżdied il-kliem li ġej:
“Għaż-żjut tad-DPO ‘Montes de Toledo’ jintuża biss żebbuġ tal-varjetà Cornicabra, frisk, san u fl-aqwa qagħda ta’ maturità.”
Din il-bidla għandha l-għan li tadatta r-rekwiżiti għall-evoluzzjoni tal-metodi ta’ produzzjoni, li llum jippermettu li ż-żjut jiġu prodotti fi kwantitajiet kbar bl-użu ta’ żebbuġ li jkun f’fażijiet differenti ta’ maturità. Fl-istess ħin, din il-bidla tisħaq fuq l-iktar karatteristika li tiddistingwi dan il-prodott DPO, ċjoè l-fatt li ż-żejt isir biss minn żebbuġ tal-varjetà Cornicabra.
Jitħassar il-kliem li ġej:
“Iż-żejt tad-DPO ‘Montes de Toledo’ huwa kkaratterizzat minn kontenut għoli ta’ aċidu olejku u kontenut baxx ta’ aċidu linolejku, u minn kontenut għoli ta’ polifenoli totali li liż-żejt jagħtih stabbiltà qawwija, karatteristika li hija magħrufa u apprezzata ferm fis-suq.”
Din is-sentenza qiegħda titħassar għaliex dawn il-karatteristiċi diġà jissemmew fit-taqsima dwar l-ispeċifiċità tal-prodott, u mhumiex kundizzjoni restrittiva iżda sempliċi deskrizzjoni ġenerali. Għalkemm l-influwenza tal-varjetà u taż-żona ġeografika tissemma fit-test tal-ispeċifiċità, il-kontenut tas-sustanzi msemmija jista’ jvarja skont il-kundizzjonijiet agroklimatiċi ta’ kull sena tal-ħsad, mingħajr ma dan itellef in-natura awtentika taż-żjut.
Il-limitu massimu nbidel minn 0,7 ° għal 0,5 °.
Bis-saħħa tat-titjib fil-metodi u l-proċessi tal-produzzjoni li sar mindu nkitbet l-Ispeċifikazzjoni inizjali (1998), dan il-limitu ta’ aċidità jista’ jitnaqqas, bil-għan li l-konsumaturi jkollhom garanzija ta’ kwalità aħjar tal-prodott kopert mid-DPO.
Il-limitu massimu tela’ minn 0,15 għal 0,20.
Din il-bidla qiegħda ssir għaliex instab li dan il-parametru, fi żjut ġejjin minn żebbuġ aħdar tal-varjetà Cornicabra, jista’ jisboq b’mod naturali l-valur ta’ 0,15, u b’hekk ikollhom jiġu esklużi żjut li jilħqu r-rekwiżiti stipulati għall-kategorija straverġni u li jkollhom karatteristiċi organolettiċi eċċezzjonali b’togħma intensa ta’ frott.
Skont l-artiklu “Influencia del índice de madurez de las aceitunas en la calidad de los aceites ‘cornicabra’ de las campañas 1995/96 y 1996/97” (“Influwenza tal-indiċi ta’ maturità taż-żebbuġ fil-kwalità taż-żjut Cornicabra tas-snin tal-ħsad 1995/96 u 1996/97”, ta’ F. Aranda Palomo, M.D. Salvador Moya, u G. Fregapane Quadri), il-koeffiċjent ta’ estinzjoni K270, li jipprovdi kejl tal-komposti karboniliċi (aldeidi u ketoni) li huma preżenti fiż-żjut, jonqos ferm hekk kif il-frott jibqa’ jimmatura. Dan jikkuntrasta mar-riżultati miksubin minn Gracía et al., 1996, għaż-żjut magħmula mill-varjetajiet Arbequina, Blanqueta, Lechín, Villalonga u Verdial.
B’mod speċifiku, iż-żjut tal-Cornicabra magħmulin minn żebbuġ b’indiċi ta’ maturità inqas minn 3,5 jistgħu saħansitra jaqgħu mill-ogħla kategorija (straverġni), billi dan il-parametru jisboq il-valur stipulat bir-Regolament, għax sa livell ta’ maturità li joqrob lejn l-4, dawn il-valuri ma jaqgħux taħt iż-0,15.
Il-kliem li ġej:
“Mil-lat organolettiku, iż-żjut ta’ din il-varjetà jagħtu togħma sfiqa, immerrqa u aromatika, filwaqt li għandhom valuri medji ta’ mrar u ta’ kwalità pikkanti, b’aroma bbilanċjata ħafna, dejjem jekk ikun intlaħaq il-livell ottimu ta’ maturità (Dr. Francis Gutiérrez, il-President tal-Bord tad-Dewwieqa, l-Istitut taż-Żjut, il-Kunsill Nazzjonali tar-Riċerka ta’ Spanja (CSIC), Sivilja).”
jinbidel b’dan:
“Iż-żjut tad-Denominazzjoni tal-Oriġini ‘Montes de Toledo’ għandhom valuri bejn medji u qawwija għall-fatturi pożittivi li ġejjin: il-kwalità mmerrqa, it-togħma ta’ mrar u l-kwalità pikkanti.”
Din l-emenda qiegħda ssir għax it-test ta’ qabel ma qiesx il-limiti stipulati għall-użu tat-terminu “qawwi” fir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 640/2008 (2). Fil-mument tat-tfassil tal-Ispeċifikazzjoni ta’ qabel, dawn il-valuri kienu meqjusin “medji”, billi ma kienx hemm limiti stipulati li jiddefinixxu l-intensità ta’ dawn il-kwalitajiet u b’hekk jimmarkaw id-differenza bejn “medju” u “qawwi”. Dawn il-limiti ġew stabbiliti bir-Regolament imsemmi, wara li nstab li proporzjon għoli ta’ żjut tal-varjetà Cornicabra għandhom valuri ta’ mrar u ta’ kwalità pikkanti ogħla minn 6, u għaldaqstant dawn il-valuri jkollhom jiġu deskritti bħala “qawwija”. Dan ma jilħaqx ir-rekwiżiti tal-Ispeċifikazzjoni kif miktuba bħalissa. Għalhekk jeħtieġ li r-rekwiżiti jiġu adattati għall-profil karatteristiku taż-żjut “Montes de Toledo”, li l-imrar u l-kwalità pikkanti tagħhom jistgħu jvarjaw bejn “medji” u “qawwija”, skont iż-żmien tal-ħsad, il-kundizzjonijiet klimatiċi tul is-sena tat-tkabbir, u l-pożizzjoni ġeografika fiż-żona.
Prova tal-oriġini
Il-kliem li ġej:
“L-ewwel nett, iż-żebbuġ għandu jiġi minn ortijiet li jinsabu fiż-żona tal-produzzjoni u li jkunu ġew iċċertifikati, u li fihom ikun ġie kkontrollat li titkabbar biss il-varjetà awtorizzata.”
jinbidel b’dan:
“L-ewwel nett, iż-żebbuġ għandu jiġi esklussivament minn ortijiet li jinsabu fiż-żona tal-produzzjoni.”
Din l-emenda qiegħda ssir għax il-karatteristiċi morfoloġiċi taż-żebbuġ tal-varjetà Cornicabra juru biżżejjed kwalitajiet li jiddistingwuh u li jippermettu li l-verifika tar-rekwiżit marbut mal-varjetà użata ssir meta ż-żebbuġ jasal fil-mitħna taż-żejt.
Il-kliem li ġej:
“Il-produtturi taż-żebbuġ għandhom jiffirmaw kuntratt mal-Bord Regolatorju tad-DPO ‘Montes de Toledo’ jiġifieri mal-Fundación ‘Consejo Regulador de la Denominación de Origen Montes de Toledo’, li jorbothom li jirrispettaw il-kundizzjonijiet tal-produzzjoni stipulati f’din l-Ispeċifikazzjoni.”
jinbidel b’dan:
“Il-produtturi għandhom jiffirmaw kuntratt mal-Bord Regolatorju tad-DPO ‘Montes de Toledo’ jiġifieri mal-Fundación ‘Consejo Regulador de la Denominación de Origen Montes de Toledo’, li jorbothom li jiżguraw li l-fornituri taż-żebbuġ użat fil-produzzjoni jirrispettaw il-kundizzjonijiet tal-produzzjoni stipulati f’din l-Ispeċifikazzjoni.”
B’din l-emenda isir iktar effiċjenti l-proċess taċ-ċertifikazzjoni tal-prodott skont l-istandard UNE-EN-ISO-IEC 17065, billi m’għadux meħtieġ li jiġi ffirmat kuntratt ma’ kull wieħed mill-eluf ta’ produtturi taż-żebbuġ fiż-żona. Huwa f’idejn il-produtturi taż-żejt li jwettqu kontroll tal-fornituri taż-żebbuġ tagħhom bħala parti mis-sistema tagħhom ta’ garanzija tat-traċċabbiltà tal-prodott, filwaqt li l-korp ta’ spezzjoni jwettaq il-verifiki tal-konformità korrispondenti fil-valutazzjonijiet regolari tiegħu.
Tiddaħħal is-sentenza li ġejja:
“L-ippakkjar taż-żjut għandu jsir fiż-żona ġeografika ddefinita.
B’hekk jistgħu jinżammu l-karatteristiċi tipiċi tal-prodott, il-korpi ta’ spezzjoni jkollhom sorveljanza sħiħa fuq il-produzzjoni, u jiġi garantit li l-manipulazzjoni aħħarija tal-prodott tkun f’idejn il-produtturi, li huma l-iktar li jafu kif iż-żjut jintlaqtu minn fatturi fil-proċess tal-ippakkjar, fosthom il-ħin u l-metodu tad-dikantar, l-operati ta’ filtrazzjoni, it-trab tad-diatomi, iċ-ċelluloża u t-temperaturi tal-ippakkjar, u mill-ksieħ u l-ħżin. Dan iħares il-kwalità tal-prodott, u fl-istess ħin jiggarantixxi t-traċċabbiltà taż-żjut.”
Metodu tal-produzzjoni
Titħassar it-taqsima dwar il-ħamrija li fiha jitħawlu s-siġar taż-żebbuġ, billi ma kinitx għajr deskrizzjoni tal-iktar tipi ta’ ħamrija tipiċi fiż-żona, u ma kienet tistipula l-ebda kundizzjoni restrittiva li tinfluwenza l-kwalità u l-ispeċifiċità tal-prodott.
Il-kliem li ġej:
“Iż-żebbuġ jinqata’ direttament mis-siġar bil-metodi tradizzjonali tat-theżżiż bil-bsaten, tal-ġbir bl-idejn jew tal-vibrazzjoni, u l-metodu magħżul għandu jvarja minn sena għall-oħra sabiex tiġi limitata l-ħsara lis-siġra.”
jinbidel b’dan:
“Iż-żebbuġ jinqata’ direttament mis-siġar bil-metodi tradizzjonali tat-theżżiż bil-bsaten, tal-ġbir bl-idejn jew tal-vibrazzjoni, u dawn il-metodi jistgħu jvarjaw minn sena għall-oħra sabiex tiġi limitata l-ħsara lis-siġra.”
Din l-emenda qiegħda ssir biex tadatta għall-bidliet li saru fil-metodi tal-ħsad mit-tfassil tal-applikazzjoni oriġinali għar-reġistrazzjoni bħala DPO, u li bis-saħħa tagħhom m’għadux meħtieġ li l-metodu tinbidel minn sena għall-oħra.
Il-kliem li ġej:
“Qabel kull tagħbija, l-irmonk jew il-kontenitur għandhom jinħaslu b’ġett tal-ilma kiesaħ bi pressjoni qawwija.”
jinbidel b’dan:
“L-irmonk jew il-kontenitur għandhom jinżammu f’kundizzjonijiet tajbin ta’ ndafa.”
Din l-emenda qiegħda ssir biex tiżgura l-indafa tal-metodi użati.
Il-kliem li ġej:
“Il-btieħi għandu jkollhom persuna bir-responsabbiltà li tiggarantixxi l-katalogazzjoni u s-separazzjoni tajba taż-żebbuġ skont il-kwalità.
Għandu jkollhom sistemi implimentati biex jiżguraw il-ħatt separat taż-żebbuġ maqtugħ mis-siġra u taż-żebbuġ miġbur mill-art sabiex jiġi evitat it-taħlit tagħhom, u biex jiġi żgurat l-ipproċessar separat taż-żebbuġ skont il-kwalità.”
jinbidel b’dan:
“Il-btieħi għandu jkollhom persuna bir-responsabbiltà li tiggarantixxi l-katalogazzjoni u s-separazzjoni tajba taż-żebbuġ skont il-varjetà u l-kwalità.
Għandu jkollhom sistemi implimentati biex jiżguraw il-ħatt separat taż-żebbuġ maqtugħ mis-siġra u taż-żebbuġ miġbur mill-art, kif ukoll tal-varjetajiet ta’ żebbuġ differenti minn dik awtorizzata, sabiex jiġi evitat it-taħlit tagħhom, u biex jiġi żgurat l-ipproċessar separat taż-żebbuġ skont il-kwalità.”
Din l-emenda qiegħda ssir sabiex tiżgura l-ipproċessar separat tal-unika varjetà permessa.
Il-kliem li ġej:
“Il-ħawtijiet u l-ilmiebet għandhom jinħaslu b’ġett tal-ilma bi pressjoni qawwija qabel il-ħatt ta’ kull ġurnata, u kull meta jitqies meħtieġ.”
jinbidel b’dan:
“L-imtieħen għandu jkollhom sistema ta’ ħasil regolari tal-ħawtijiet u tal-ilmiebet.”
Din l-emenda qiegħda ssir biex tiżgura l-eżistenza ta’ tali sistemi ta’ ħasil, irrispettivament mill-metodu mħaddem.
Jitħassar il-kliem li ġej:
“L-ilma li jintuża għall-ħasil u għall-ipproċessar għandu jkun ta’ kwalità sanitarja u ma għandux ikun fih il-kloru jew derivati tiegħu.”
Din is-sentenza qed titħassar għax torbot ma’ rekwiżit li huwa inkluż fil-leġiżlazzjoni fis-seħħ.
Jitħassar il-kliem li ġej:
“It-terra tista’ tintuża biss bħala għajnuna għall-ipproċessar, u meta tintuża, il-kwantitajiet għandhom ikunu bejn 0,5 % u 2,0 %.”
Din is-sentenza qed titħassar għax it-terra hija l-unika għajnuna għall-ipproċessar permessa mil-liġi għall-użu fl-estrazzjoni taż-żejt verġni.
Il-kliem li ġej:
“L-imtieħen għandhom jikklassifikaw iż-żjut prodotti abbażi tal-karatteristiċi fiżikokimiċi u organolettiċi taż-żejt tad-DPO ‘Montes de Toledo’ deskritt hawn fuq. L-imtieħen għandhom iħaddmu jew iqabbdu xjenzati u laboratorji akkreditati għal dan il-għan.”
jinbidel b’dan:
“L-imtieħen għandhom jikklassifikaw iż-żjut prodotti abbażi tal-karatteristiċi fiżikokimiċi u organolettiċi taż-żejt tad-DPO ‘Montes de Toledo’ deskritt hawn fuq. L-imtieħen għandhom iħaddmu jew iqabbdu xjenzati u laboratorji kkwalifikati għal dan il-għan.”
Din l-emenda qiegħda ssir għax ma jitqiesx essenzjali li x-xjenzati u/jew il-laboratorji responsabbli mill-monitoraġġ ikunu akkreditati.
Il-kliem li ġej:
“It-tankijiet kollha jrid ikollhom għatu, għandu jkollhom sura konika jew bil-qiegħ ċatt, inklinati biex ikunu jistgħu jiskulaw u jinħaslu b’mod regolari. Mhumiex permessi tankijiet bil-qiegħ ċatt u mimdud.”
jinbidel b’dan:
“It-tankijiet kollha jrid ikollhom għatu, u jridu jkunu jistgħu jiskulaw u jinħaslu b’mod regolari.”
Din l-emenda qiegħda ssir biex tippermetti li t-tankijiet jiskulaw u jinħaslu irrispettivament mill-metodu mħaddem għal dawn l-għanijiet.
Tikkettar
Il-kliem li ġej:
“Fit-tikketti kollha għandu jidher il-logo tad-denominazzjoni, flimkien mal-kliem: ‘Denominación de Origen Montes de Toledo’.
Ir-reċipjenti li fihom iż-żejt protett jiġi ppakkjat għall-konsum għandu jkollhom siġill ta’ garanzija, tikketta jew tikketta sekondarja nnumerata maħruġa mill-korp ta’ spezzjoni, b’mod li ma jkunux jistgħu jerġgħu jintużaw.”
jinbidel b’dan:
“Fit-tikketti kollha għandu jidher il-logo tad-Denominazzjoni tal-Oriġini, flimkien mal-kliem: ‘Denominación de Origen Protegida Montes de Toledo’ jew ‘DOP Montes de Toledo’.
Ir-reċipjenti li fihom iż-żejt protett jiġi ppakkjat għall-konsum għandu jkollhom siġill ta’ garanzija u tikketta sekondarja nnumerata bil-logo tad-Denominazzjoni tal-Oriġini, maħruġa mill-korp ta’ spezzjoni, b’mod li ma jkunux jistgħu jerġgħu jintużaw.”
Rekwiżiti nazzjonali
Biex din it-taqsima tiġi adattata għall-istandards fis-seħħ, hija emendata kif ġej:
“— |
Ir-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Novembru 2012 dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel. |
— |
Orden de 9 de mayo de 1998 de la Consejería de Agricultura y Medio Ambiente, por la que se dictan disposiciones de aplicación del Reglamento (CEE) no 2081/92 del Consejo, de 14 de julio de 1992, relativo a la protección de las indicaciones geográficas y de las denominaciones de origen de los productos agrícolas y alimenticios (Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ Castilla-La Mancha Nru 23 tat-22 ta’ Mejju 1998). |
— |
Real Decreto 1335/2011, de 3 de octubre, por el que se regula el procedimiento para la tramitación de las solicitudes de inscripción de las denominaciones de origen protegidas y de las indicaciones geográficas protegidas en el registro comunitario y la oposición a ellas.” |
Oħrajn (korp ta’ spezzjoni)
Din it-taqsima hija miktuba kif ġej, wara li tħassret il-lista tad-dokumenti kostituttivi tal-korp imsemmi billi dawn mhumiex rilevanti għall-finijiet ta’ din l-Ispeċifikazzjoni.
“Iċ-ċertifikazzjoni tal-prodott għandha ssir mill-Bord Regolatorju tad-DPO jiġifieri mill-Fundación ‘Consejo Regulador de la Denominación de Origen Montes de Toledo’, fondazzjoni bla skop ta’ qligħ li tuża l-wirt tagħha kostantement biex tilħaq il-miri tagħha, u li hija akkreditata mill-Entità Nazzjonali ta’ Akkreditazzjoni (ENAC, Entidad Nacional de Acreditación), bħala konformi mal-istandard UNE-EN/ISO-IEC 17065.
It-tagħrif marbut mal-korpi ta’ spezzjoni awtorizzati għall-verifika tal-konformità ma’ din l-Ispeċifikazzjoni huwa disponibbli fil-paġna tal-Internet:
http://pagina.jccm.es/agricul/paginas/comercial-industrial/figuras_calidad/reg_op/buscar_reg_ent.htm
Il-korp ta’ spezzjoni attwali huwa l-entità ta’ ċertifikazzjoni li ġejja:
Isem: |
Fundación ‘Consejo Regulador de la Denominación de Origen de aceite Montes de Toledo’ |
|||
Indirizz: |
|
|||
Tel. |
+34 925257402 |
|||
Fax |
+34 925257402 |
|||
Email: |
domt@domontesdetoledo.com |
Dan il-korp ta’ spezzjoni huwa awtorizzat mill-Komunità Awtonoma ta’ Kastilja-La Mancha u akkreditat mill-ENAC fir-rekwiżiti stabbiliti fl-istandard UNE-EN 17065 ‘Rekwiżiti ġenerali għall-entitajiet li jwettqu ċ-ċertifikazzjoni tal-prodott’.
Il-korp ta’ spezzjoni għandu jieħu l-passi meħtieġa biex jivverifika l-konformità ma’ din l-Ispeċifikazzjoni, skont ir-rekwiżiti tas-sistema ta’ ċertifikazzjoni għall-prodott ikkonċernat.
Il-korp ta’ spezzjoni għandu jkun konformi mal-istandards fis-seħħ, u ma’ kull rekwiżit ieħor, pereżempju fir-rigward tat-teħid ta’ kampjuni, tal-ittestjar u tal-ispezzjoni. Dawn l-istandards u r-rekwiżiti għandhom ikunu s-sisien tas-sistema taċ-ċertifikazzjoni użata fil-manwal tal-kwalità tal-korp ta’ spezzjoni.
Il-kompiti speċifiċi tal-korp ta’ spezzjoni għandhom ikunu:
— |
L-ispezzjoni ta’ kampjuni. |
— |
Il-valutazzjoni tal-konformità tal-karatteristiċi tal-prodott kif stipulati fl-Ispeċifikazzjoni. |
— |
L-awditjar tar-reġistri dokumentarji tal-produzzjoni taż-żjut protetti.” |
DOKUMENT UNIKU
“MONTES DE TOLEDO”
Nru tal-UE: ES-PDO-0205-01270 – 29.10.2014
DPO ( X ) IĠP ( )
1. Isem
“Montes de Toledo”
2. Stat Membru jew pajjiż terz
Spanja
3. Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu jew tal-oġġett tal-ikel
3.1. Tip ta’ prodott
Klassi 1.5. Żjut u xaħmijiet (butir, marġerina, żejt, eċċ.)
3.2. Deskrizzjoni tal-prodott li għalih japplika l-isem f’(1)
Żejt taż-żebbuġa straverġni miksub mill-frott tas-siġra taż-żebbuġ (Olea Europea L.) tal-varjetà Cornicabra, permezz ta’ proċessi mekkaniċi jew b’mezzi oħra fiżiċi li ma jwasslux għad-deterjorament taż-żejt, u li jippreżervaw it-togħma, l-aroma u l-karatteristiċi tal-frott li minnu jinsilet.
Karatteristiċi fiżiċi, kimiċi u organolettiċi:
— |
aċidità: massimu 0,5 °, |
— |
indiċi tal-perossidu: massimu 15 meq O2/kg, |
— |
assorbiment tar-raġġi ultravjola (K270): massimu 0,20, |
— |
umdità: massimu 0,1 %, |
— |
impuritajiet: massimu 0,1 %, |
— |
skont iż-żmien tal-ħsad u l-pożizzjoni ġeografika fiż-żona, il-lewn ivarja minn isfar dehbi għal aħdar qawwi, |
— |
mil-lat organolettiku, iż-żjut tad-Denominazzjoni tal-Oriġini “Montes de Toledo” għandhom valuri bejn medji u qawwija għall-fatturi pożittivi li ġejjin: il-kwalità mmerrqa, it-togħma ta’ mrar u l-kwalità pikkanti. |
3.3. Għalf (għall-prodotti li joriġinaw mill-annimali biss) u materja prima (għall-prodotti pproċessati biss)
—
3.4. Passi speċifiċi tal-produzzjoni li jridu jsiru fiż-żona ġeografika ddefinita
It-tkabbir taż-żebbuġ u l-produzzjoni taż-żjut għandhom isiru fiż-żona deskritta fil-punt 4.
3.5. Regoli speċifiċi dwar it-tqattigħ, it-taħkik, l-ippakkjar, eċċ.
— |
Iż-żejt għandu jinħażen fi mtieħen u f’impjanti tal-ippakkjar li jkunu ġew iċċertifikati mill-Bord Regolatorju u li għandhom faċilitajiet xierqa li jiżguraw l-aqwa preżervazzjoni. |
— |
L-impriża tal-ippakkjar għandu jkollha sistemi li jippermettu li ż-żjut tad-DPO jiġu ppakkjati b’mod separat mill-bqija taż-żjut li tippakkja. Barra minn hekk, għandu jkollha sistemi approvati għall-kejl taż-żjut. |
— |
L-ippakkjar għandu jsir f’reċipjenti tal-ħġieġ, tal-metall miksi, tal-PET jew taċ-ċeramika vitrifikata. |
— |
Sabiex jiġu ppreżervati l-karatteristiċi tipiċi tal-prodott fil-fażijiet kollha, l-ippakkjar taż-żjut għandu jsir fiż-żona ġeografika ddefinita. B’hekk jistgħu jinżammu l-karatteristiċi tipiċi tal-prodott, il-korpi ta’ spezzjoni jkollhom sorveljanza sħiħa fuq il-produzzjoni, u jiġi garantit li l-manipulazzjoni aħħarija tal-prodott tkun f’idejn il-produtturi, li huma l-iktar li jafu kif iż-żjut jintlaqtu minn fatturi fil-proċess tal-ippakkjar, fosthom il-ħin u l-metodu tad-dikantar, l-operati ta’ filtrazzjoni, it-trab tad-diatomi, iċ-ċelluloża u t-temperaturi tal-ippakkjar, u mill-ksieħ u l-ħżin. Dan iħares il-kwalità tal-prodott, u fl-istess ħin jiggarantixxi t-traċċabbiltà taż-żjut. L-għan ta’ dan kollu huwa li jiġu ppreżervati l-karatteristiċi tipiċi tal-prodott. |
3.6. Regoli speċifiċi dwar it-tqattigħ, it-taħkik, l-ippakkjar, eċċ.
Fit-tikketti kollha għandu jidher il-logo tad-denominazzjoni, flimkien mal-kliem: “Denominación de Origen Protegida Montes de Toledo” jew “DOP Montes de Toledo”.
Ir-reċipjenti li fihom iż-żejt protett jiġi ppakkjat għall-konsum għandu jkollhom siġill ta’ garanzija u tikketta sekondarja nnumerata bil-logo tad-Denominazzjoni tal-Oriġini, maħruġa mill-korp ta’ spezzjoni, b’mod li ma jkunux jistgħu jerġgħu jintużaw.
4. Deskrizzjoni fil-qosor taż-żona ġeografika
Iż-żona tinsab fil-Komunità Awtonoma ta’ Kastilja-La Mancha, fil-Lbiċ tal-provinċja ta’ Toledo u fil-Majjistral tal-provinċja ta’ Ciudad Real, bil-katina tal-Muntanji ta’ Toledo bħala assi ċentrali. Iż-żona ġeografika tal-produzzjoni hija magħmula minn 128 muniċipalità fil-provinċji ta’ Toledo u ta’ Ciudad Real. Minn dawn il-muniċipalitajiet, 106 jikkorrispondu għal Toledo u 22 għal Ciudad Real.
Il-muniċipalitajiet tal-provinċja ta’ Toledo:
Ajofrín, Alameda de la Sagra, Albarreal de Tajo, Alcaudete de la Jara, Aldeanueva de Barbarroya, Aldeanueva de San Bartolome, Almonacid de Toledo, Añover de Tajo, Arges, Bargas, Belvis de la Jara, Borox, Burguillos de Toledo, Burujón, Cabañas de la Sagra, Calera y Chozas, Campillo de la Jara, Cañumas, Carmena, Carpio de Tajo (El), Carranque, Casasbuenas, Cebolla, Cedillo del Condado, Cobeja, Chueca, Cobisa, Consuegra, Cuerva, Dosbarrios, Espinoso del Rey, Esquivias, Estrella (La), Gálvez, Guadamur, Guardia (La), Herencias (Las), Hontanar, Huerta de Valdecarábanos, Illescas, Layos, Lominchar, Madridejos, Magán, Malpica de Tajo, Manzaneque, Marjaliza, Mascaraque, Mata (La), Mazarambroz, Menasalbas, Mesegar, Mocejón, Mohedas de la Jara, Montearagón, Mora, Nambroca, Nava de Ricomalillo (La), Navahermosa, Navalmorales (Los), Navalucillos (Los), Noez, Numancia de la Sagra, Olías del Rey, Orgaz, Palomeque, Pantoja, Polán, Puebla de Montalban (La), Pueblanueva (La), Pulgar, Recas, Retamoso, Robledo de Mazo, Romeral (El), San Bartolome de las Abiertas, San Martín de Montalbán, San Martín de Pusa, San Pablo de los Montes, Santa Ana de Pusa, Seseña, Sevilleja de la Jara, Sonseca, Talavera de la Reina, Tembleque, Toledo, Torrecilla de la Jara, Totanes, Turleque, Ugena, Urda, Ventas con Peña Aguilera (Las), Villaluenga de la Sagra, Villaminaya, Villamuelas, Villanueva de Bogas, Villarejo de Montalbán, Villaseca de la Sagra, Villasequilla de Yepes, El Viso de San Juan, Yébenes (Los), Yeles, Yepes, Yuncler, Yunclillos u Yuncos.
Il-muniċipalitajiet tal-provinċja ta’ Ciudad Real:
Alcoba, Anchuras, Arroba de los Montes, Cortijos (Los), El Robledo, Fernancaballero, Fontanarejo, Fuente el Fresno, Herencia, Horcajo de los Montes, Labores (Las), Luciana, Malagón, Navalpino, Navas de Estena, Picón, Piedrabuena, Porzuna, Puebla de Don Rodrigo, Puertolápice, Retuerta del Bullaque u Villarrubia de los Ojos.
5. Rabta maż-żona ġeografika
Il-kundizzjonijiet tal-ħamrija u tal-klima tal-katina tal-Muntanji ta’ Toledo, flimkien mal-ħidma ta’ għadd ta’ ġenerazzjonijiet ta’ kultivaturi taż-żebbuġ, wasslu għas-selezzjoni naturali tal-varjetà Cornicabra bħala l-iktar waħda adattata għaż-żona, u l-unika waħda użata fil-produzzjoni taż-żejt “Montes de Toledo”. Mil-lat tar-rabta bejn il-karatteristiċi ġeoloġiċi u tal-ħamrija, ta’ min jinnota li l-formazzjoni ta’ ħamrija ġeneralment ftit li xejn għammiela influwenzat ferm it-tkabbir ta’ frott soġġett għal stress kontinwu, u dan l-aspett, min-naħa tiegħu, serva wkoll ta’ mezz ta’ selezzjoni naturali u ġab miegħu l-karatteristiċi li jiddistingwu l-prodott. Il-varjetà Cornicabra, flimkien mal-kundizzjonijiet tal-ħamrija u tal-klima taż-żona, jagħtu liż-żejt il-karatteristiċi fiżikokimiċi speċifiċi tiegħu, ċjoè kontenut għoli ta’ aċidu olejku u kontenut baxx ta’ aċidu linolejku, u kontenut għoli ta’ polifenoli; kif ukoll karatteristiċi organolettiċi partikulari fosthom it-togħma sfiqa, immerrqa u aromatika, flimkien ma’ valuri medji ta’ mrar u ta’ kwalità pikkanti.
Referenza għall-pubblikazzjoni tal-Ispeċifikazzjoni
(L-Artikolu 6(1), it-tieni paragrafu, tar-Regolament (3) attwali)
http://pagina.jccm.es/agricul/paginas/comercial-industrial/consejos_new/pliegos/20131204_PLIEGO_DOP_ACEITE_MONTES_TOLEDO.pdf
(1) ĠU L 343, 14.12.2012, p. 1.
(2) ĠU L 178, 5.7.2008, p. 11.
(3) Ara n-nota f’qiegħ il-paġna 1.