This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52015XC0410(02)
Publication of an application pursuant to Article 50(2)(a) of Regulation (EU) No 1151/2012 of the European Parliament and of the Council on quality schemes for agricultural products and foodstuffs
Pubblikazzjoni ta’ applikazzjoni skont l-Artikolu 50(2)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skemi tal-kwalità u għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel
Pubblikazzjoni ta’ applikazzjoni skont l-Artikolu 50(2)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skemi tal-kwalità u għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel
ĠU C 115, 10.4.2015, p. 20–22
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
10.4.2015 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 115/20 |
Pubblikazzjoni ta’ applikazzjoni skont l-Artikolu 50(2)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skemi tal-kwalità u għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel
(2015/C 115/05)
Din il-pubblikazzjoni tikkonferixxi d-dritt ta’ oppożizzjoni għall-applikazzjoni skont l-Artikolu 51 tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1).
DOKUMENT UNIKU
“OGULINSKI KISELI KUPUS”/“OGULINSKO KISELO ZELJE”
Nru tal-UE: HR-PDO-0005-01233 – 27.5.2014
DPO ( X ) IĠP ( )
1. Ismijiet
“Ogulinski kiseli kupus”/“Ogulinsko kiselo zelje”
2. Stat Membru jew pajjiż terz
Ir-Repubblika tal-Kroazja
3. Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu jew tal-oġġett tal-ikel
3.1. Tip ta’ prodott
Klassi 1.6 Frott, ħaxix u ċereali, friski jew ipproċessati
3.2. Deskrizzjoni tal-prodott li għalih japplika l-isem f’(1)
“Ogulinski kiseli kupus”/“Ogulinsko kiselo zelje” [sauerkraut minn Ogulin] huwa prodott li jinkiseb permezz tal-fermentazzjoni tal-aċidu lattiku naturali tal-kaboċċi frisk tal-varjetà indiġena ta’ Ogulin.
Qabel ma titqiegħed fis-suq, l-“Ogulinski kiseli kupus”/“Ogulinsko kiselo zelje” f’forma sħiħa jew imqattgħa jkollha dawn il-proprjetajiet organolettiċi u fiżikokimiċi: weraq isfar li jagħti fl-isfar dehbi, riħa karatteristika ta’ prodott lattofermentat u togħma qarsa (l-aċidu lattiku). Il-weraq tagħha jkunu rqaq, transluċidi u flessibbli ħafna, u jkollhom vini rqaq. Il-kaboċċa kkapoċċata “Ogulinski kiseli kupus”/“Ogulinsko kiselo zelje” għandha zokk twil ħafna, magħruf fost in-nies fiż-żona ġeografika ddefinita bħala kocen, li huwa itwal minn tliet kwarti tad-dijametru tal-kaboċċa, u t-tul tiegħu jaffettwa l-forma li jkollha l-kaboċċa. Il-kaboċċa kkapoċċata “Ogulinski kiseli kupus”/“Ogulinsko kiselo zelje” hija tonda u ċatta. Hija soda iżda mhijiex iebsa u hija ħielsa mill-impuritajiet, u għandha kontenut ta’ NaCl ta’ 1,5–4 %, kontenut ta’ aċidu lattiku ta’ 0,5–2,5 % u kontenut ta’ aċidu aċetiku sa massimu ta’ 0,7 %. Il-qalba “Ogulinski kiseli kupus”/“Ogulinsko kiselo zelje” tiżen tal-inqas kilo.
3.3. Għalf (għall-prodotti li joriġinaw mill-annimali biss) u materja prima (għall-prodotti pproċessati biss)
Il-materja prima użata fil-produzzjoni tal-“Ogulinski kiseli kupus”/“Ogulinsko kiselo zelje” tinkiseb mill-familja tal-Brasicceae, l-ispeċi tal-Brasica oleracea L. var. Capitata u l-varjetà indiġena ta’ Ogulin. Il-karatteristiki tal-qlub li jintużaw għall-fermentazzjoni bijoloġika huma: il-weraq ta’ barra ħodor ċari, il-qalba tonda u ċatta, intatta, soda, ma jkollhiex irwejjaħ oħrajn u jkollha togħma u riħa kemxejn aromatiċi.
3.4. Passi speċifiċi tal-produzzjoni li jridu jsiru fiż-żona ġeografika ddefinita
Il-proċedura tal-produzzjoni tal-“Ogulinski kiseli kupus”/“Ogulinsko kiselo zelje”, mit-tħawwil u l-ħsad sal-aċidifikazzjoni, trid issir fi stabbilimenti rreġistrati fiż-żona ġeografika stabbilita fil-punt 4.
3.5. Regoli speċifiċi dwar it-tqattigħ, it-taħkik, l-ippakkjar, eċċ.
L-“Ogulinski kiseli kupus”/“Ogulinsko kiselo zelje” trid tkun ippakkjata fi żmien 24 siegħa biex il-kwalità tagħha tinżamm u tkun garantita, u kif ukoll biex il-kulur u/jew it-togħma ma jinbidlux. Id-daqs tal-ippakkjar huwa ta’ nofs kilo fil-każ tal-“Ogulinski kiseli kupus”/“Ogulinsko kiselo zelje” mqattgħa bċejjeċ, u fil-każ tal-qalba sħiħa, din tkun tiżen kilo u tiġi ppakkjata qalba waħda f’kull unità ta’ ppakkjar.
3.6. Regoli speċifiċi dwar it-tikkettar
Ikun kif ikun l-ippakkjar, meta l-prodott jitqiegħed fis-suq, it-tikketta jrid ikollha l-iskrizzjoni “Ogulinski kiseli kupus”/“Ogulinsko kiselo zelje”.
4. Deskrizzjoni fil-qosor taż-żona ġeografika
Iż-żona tal-produzzjoni tal-materja prima użata fil-produzzjoni tal-“Ogulinski kiseli kupus”/“Ogulinsko kiselo zelje” u tal-prodott lest innifsu, tkopri r-reġjun usa’ ta’ madwar il-belt żgħira ta’ Ogulin u l-muniċipalitajiet ta’ Josipdol, Plaški, Tounj u Saborsko, jiġifieri d-distretti tal-katast ta’ Blato, Carevo polje, Cerovnik, Hreljin Ogulinski, Janja Gora, Jezero, Josipdol, Latin, Lička Jesenica, Međeđak, Modruš, Musulinski Potok, Ogulin, Oštarije, Otok Oštarijski, Plaški, Ponikve, Pothum, Petar Ogulinski, Saborsko, Skradnik, Trojvrh, Tržić Tounjski, Vitunj u Zagorje.
5. Rabta maż-żona ġeografika
L-ispeċifiċità tal-“Ogulinski kiseli kupus”/“Ogulinsko kiselo zelje” tinsab fil-kwalità tal-prodott, u din toħroġ mill-karatteristiċi taż-żona tal-produzzjoni u l-għarfien u l-ħiliet tal-persuni li jipproduċuh u jipproċessawh.
Il-klima, it-tip tal-ħamrija taż-żona ta’ Ogulin u l-varjetà tal-kaboċċa indiġena huma lkoll fatturi ewlenin fil-produzzjoni u fil-proċess tal-“Ogulinski kiseli kupus”/“Ogulinsko kiselo zelje”.
Iż-żona tal-produzzjoni tal-“Ogulinski kiseli kupus”/“Ogulinsko kiselo zelje” hija mikroreġjun li jinsab fil-Lbiċ tal-Kontea ta’ Karlovac, li fil-fruntiera tal-Punent tmiss mal-Kontea ta’ Primorje-Gorski Kotar u mal-Kontea ta’ Lika-Senj County lejn in-Nofsinhar. Din hija l-parti tal-Kroazja fejn is-subreġjun ta’ taħt il-muntanji jingħaqad mas-subreġjun tal-muntanji, u hija magħrufa wkoll bħala “l-Kroazja alpina”.
Fiż-żona ġeografika ddefinita nsibu klima kontinentali, għalkemm bil-mod il-mod tinbidel għal waħda muntanjuża. Il-klima għandha importanza minħabba l-ammont ta’ xita li tagħmel u d-distribuzzjoni tagħha u kif ukoll it-temperaturi medji tal-arja. Il-medja tax-xita li tinżel fis-sena (1 557 mm) hija ogħla b’50 % minn dik f’żoni oħra fejn jikbru l-kaboċċi, u fix-xitwa jinżlu ammonti akbar ta’ xita u anki ta’ borra. Il-medja tat-temperatura tal-arja matul il-perjodu (April–Settembru) li fih tikber il-materja prima li tintuża fil-produzzjoni tal-“Ogulinski kiseli kupus”/“Ogulinsko kiselo zelje” hija ta’ 10,1 °C, li hija inqas mit-temperaturi f’żoni oħra fejn jikbru l-kaboċċi. L-inqas temperatura meħtieġa biex tikber il-materja prima li tintuża fil-produzzjoni tal-“Ogulinski kiseli kupus”/“Ogulinsko kiselo zelje” tvarja bejn 1 °C u 3 °C. Il-klima hija karatterizzata mill-qabża kbira bejn it-temperaturi ta’ matul il-jum u dawk ta’ matul il-lejl, u bis-saħħa ta’ dan, fis-sajf ikun hemm ħafna nida. Billi l-pjanura ta’ Ogulin ma għandhiex potenzjal għall-irrigazzjoni, in-nida tas-sajf hija fattur ewlieni għas-sostenibbiltà tat-tkabbir tal-materja prima użata fil-produzzjoni tal-“Ogulinski kiseli kupus”/“Ogulinsko kiselo zelje”, li b’hekk ikollha kwantità biżżejjed ta’ umdità.
Fix-xitwa, it-temperatura medja fiż-żona tal-produzzjoni tal-“Ogulinski kiseli kupus”/“Ogulinsko kiselo zelje” hija ta’ -5,9 °C, u din tgħin biex il-fermentazzjoni tkompli fl-istabbilimenti apposta.
Ir-reġjun ta’ Ogulin huwa predominat minn artijiet b’ħamrija omoġenja b’konsistenza grassa bil-ħama jew grassa u taflija bil-ħama. Matul ix-xitwa, l-ammont ġmielu ta’ borra jikkawża għargħar fil-ħamrija u b’hekk jifforma raba’ kannella u li jinħadem, li jkollu ċertu fond u bi proporzjon favorevoli ta’ ramel, ħama u tafal. Dan it-tip ta’ ħamrija fih ħafna nutrijenti organiċi, nitroġenu, potassju, kif ukoll ammont suffiċjenti ta’ ilma, u huwa xieraq għat-tkabbir tal-materja prima użata fil-produzzjoni tal-“Ogulinski kiseli kupus”/“Ogulinsko kiselo zelje”. Dawn il-kundizzjonijiet pedoklimatiċi speċifiċi huma ideali għat-tkabbir tal-materja prima użata fil-produzzjoni tal-“Ogulinski kiseli kupus”/“Ogulinsko kiselo zelje”.
Il-prodott “Ogulinski kiseli kupus”/“Ogulinsko kiselo zelje” għandu proprjetajiet morfoloġiċi speċifiċi li jiddistingwuh minn prodotti oħra li jsiru permezz tal-fermentazzjoni tal-varjetajiet l-oħra tal-kaboċċa friska. Il-qalba tal-kaboċċa jkollha zokk twil ħafna — magħruf fost in-nies taż-żona ġeografika ddefinita bħala kocen — b’ħafna weraq irqaq, transluċidi u flessibbli ħafna li jkollhom vini rqaq. L-ispeċifiċità tal-prodott “Ogulinski kiseli kupus”/“Ogulinsko kiselo zelje” tinsab fil-qalba tonda u ċatta tal-kaboċċa, fil-weraq sofor tagħha u fl-irquqija tal-vini tagħhom. Saru wkoll studji xjentifiċi dwar dawn il-karatteristiċi speċifiċi (Ferdo Vešnik, Utjecaj sorte na kvalitetu kiselog kupusa [L-impatt tal-varjetà fuq il-kwalità tal-kaboċċa aċida], 1969, Poljoprivredna znanstvena smotra Nru 6, pp. 3–17 u Poljoprivredna znanstvena smotra Nru 18, pp. 3–17).
Speċifiċità oħra tal-prodott “Ogulinski kiseli kupus”/“Ogulinsko kiselo zelje” tinsab fil-preservazzjoni taż-żrieragħ tal-varjetà tal-kaboċċa indiġena ta’ Ogulin fl-impriżi agrikoli taż-żona ġeografika ddefinita.
Fattur ewlieni ieħor li jaffettwa kull stadju tal-produzzjoni tal-“Ogulinski kiseli kupus”/“Ogulinsko kiselo zelje” huwa l-influwenza tal-bniedem.
Fiż-żoni tal-produzzjoni tal-“Ogulinski kiseli kupus”/“Ogulinsko kiselo zelje”, il-prodott jinġabar biss bl-idejn, u għalhekk jinħtieġu ħassada esperjenzati u tas-sengħa.
Il-materja prima użata fil-produzzjoni tal-“Ogulinski kiseli kupus”/“Ogulinsko kiselo zelje” ma timmaturax dejjem bl-istess mod u għalhekk jinġabru qlub ta’ daqs differenti. Il-ħiliet tal-ħassada huma essenzjali, għax mill-esperjenza tagħhom, meta jaraw u jmissu l-prodott ikunu jafu jekk l-apparenza, is-sodizza u d-daqs humiex ta’ kwalità biżżejjed biex jinġabar jew le.
B’hekk jiżguraw li l-materja prima użata fil-produzzjoni tal-“Ogulinski kiseli kupus”/“Ogulinsko kiselo zelje” hija tal-kwalità meħtieġa. Abbażi tad-daqs tal-qalba, il-ħassad jiddeċiedi jekk din għandhiex titqiegħed fil-baċini tal-fermentazzjoni, jew għandhiex titqatta’ bċejjeċ. Dan mhux possibbli fil-każ tal-ħsad mekkaniku.
Biex jiżgura li l-materja prima użata fil-produzzjoni tal-“Ogulinski kiseli kupus”/“Ogulinsko kiselo zelje” ma ssirilhiex ħsara, il-ħassad jagħżel il-qlub fl-għalqa stess, ipoġġihom f’kontenitur u mbagħad iqegħedhom — b’idejh — fil-baċini tal-fermentazzjoni.
L-“Ogulinski kiseli kupus”/“Ogulinsko kiselo zelje” tiġi fermentata b’metodu naturali, billi mal-kaboċċa tiżdied biss soluzzjoni ċara ta’ 5–6 % ta’ melħ tal-mejda, u f’kundizzjonijiet anaerobiċi dan jipproduċi l-aċidu lattiku, li jservi ta’ preservattiv naturali.
L-għarfien u l-esperjenza tal-bniedem jibqgħu fatturi importanti anki ladarba l-proċess tal-fermentazzjoni jkun intemm. Kull qalba tal-“Ogulinski kiseli kupus”/“Ogulinsko kiselo zelje” titneħħa mill-baċini tal-fermentazzjoni bl-idejn u mad-daqqa t’għajn u mal-mess, tittieħed deċiżjoni dwar jekk il-qalba hix fermentata biżżejjed.
Hekk jinkisbu l-proprjetajiet kimiċi u organolettiċi speċifikati fil-punt 3.2 (Ž. Kosanović, Analitičko izvješće za Ogulinski kiseli kupus [Rapport analitiku għall-“Ogulinski kiseli kupus”], 2010 u Modruški zbornik, Ogulinski kiseli kupus kroz povijest [L-istorja tal-“Ogulinski kiseli kupus”], 2008, p. 160).
L-ispeċifiċità tal-“Ogulinski kiseli kupus”/“Ogulinsko kiselo zelje” wasslet biex il-produtturi u l-proċessuri fiż-żona ta’ Ogulin jibdew iqiegħdu l-prodott fis-suq ippakkjat ġo vakuum. Fl-1973, dehru għall-ewwel darba fis-suq il-qlub tal-kaboċċi qarsa ppakkjati ġo vakuum bl-isem ta’ “Ogulinski kiseli kupus” (Ogulinski kiseli kupus kroz povijest, Modruški zbornik, sena 2. Katedra Čakavskog sabora Modruše, 2008, p. 153).
Il-fatturi pedoklimatiċi għandhom effett ġmielu fil-ħolqien tal-kwalità speċifika tal-“Ogulinski kiseli kupus”/“Ogulinsko kiselo zelje”. Il-mikroklima taż-żona tal-produzzjoni minn dejjem kellha u sal-lum għad għandha rwol ewlieni fl-għażla tal-kultivari. Dan huwa kkonfermat mill-ekotipi li evolvew fir-reġjuni korrispondenti: Ogulin, Ivankovac u oħrajn (Ružica Lešić, Povrćarstvo [Inkabbru l-ħxejjex], 2002, pp. 175 u 178).
Fi kliem Kosanović “[…] il-varjetà ta’ din il-kaboċċa miżrugħa f’reġjuni aktar remoti kisbet inqas qligħ u kienet ta’ kwalità inqas mill-varjetà miżrugħa fil-pjanura ta’ Ogulin. Dan beda jsir fl-1973 u sar f’diversi postijiet u f’diversi okkażjonijiet. Minn dak iż-żmien sa madwar l-1980, l-‘Ogulinski kiseli kupus’ inżergħet fiż-żona ta’ madwar Ljubljana, Ilirska Bistrica, Varaždin, Križevci, Zemun, Futog, Velika Kladuša, Zadar, Privlaka (qrib Vinkovci), u postijiet oħrajn. L-‘Ogulinski kiseli kupus’ fl-ebda post ma kisbet l-istess riżultat jew kwalità bħalma għamlet fil-pjanura ta’ Ogulin. L-influwenza tal-ħamrija u tal-klima taż-żona hija pjuttost ċara […]” (Ž. Kosanović Ogulinski kupus kroz povijest, Modruški zbornik, sena 2. Katedra čakavskog sabora, 2008, p. 132).
Referenza għall-pubblikazzjoni tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott
(L-Artikolu 6(1), it-tieni subparagrafu ta’ dan ir-Regolament)
http://www.mps.hr/UserDocsImages/HRANA/OGULINSKO%20KISELO%20ZELJE/Izmijenjena%20Specifikacija%20proizvoda.pdf
(1) ĠU L 343, 14.12.2012, p. 1.