Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52015SC0276

    DOKUMENT TA’ ĦIDMA TAL-PERSUNAL TAL-KUMMISSJONI SOMMARJU EŻEKUTTIV TAL-VALUTAZZJONI TAL-IMPATT Li jakkumpanja d-dokument Proposta għal REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL dwar il-ġestjoni sostenibbli ta’ flotot tas-sajd esterni, li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1006/2008

    SWD/2015/0276 final - 2015/0289 (COD)

    Brussell, 10.12.2015

    SWD(2015) 276 final

    DOKUMENT TA’ ĦIDMA TAL-PERSUNAL TAL-KUMMISSJONI

    SOMMARJU EŻEKUTTIV TAL-VALUTAZZJONI TAL-IMPATT

    Li jakkumpanja d-dokument

    Proposta għal REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL dwar il-ġestjoni sostenibbli ta’ flotot tas-sajd esterni, li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1006/2008

    {COM(2015) 636 final}
    {SWD(2015) 279 final}


    Valutazzjoni tal-impatt dwar ir-reviżjoni possibbli tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1006/2008 dwar l-awtorizzazzjonijiet għall-attivitajiet tas-sajd tal-bastimenti tas-sajd tal-Komunità barra mill-ilmijiet tal-Komunità u l-aċċess ta’ bastimenti ta’ pajjiżi terzi għall-ilmijiet tal-Komunità

    A. Hemm bżonn tittieħed azzjoni

    Għalfejn? X'inhi l-problema li qed tiġi indirizzata? Mhux aktar minn 11-il linja

    Ir-Regolament dwar l-Awtorizzazzjonijiet tas-Sajd attwali ma jippermettix is-sorveljanza effiċjenti u trasparenti tal-flotta esterna tal-UE. Din is-sitwazzjoni hija ta’ theddida għall-isfruttament sostenibbli tar-riżorsi tas-sajd u tista’ taffettwa r-reputazzjoni tal-Unjoni Ewropea fil-livell internazzjonali.

    B’mod aktar speċifiku, ħafna dispożizzjonijiet tar-Regolament attwali mhumiex ċari biżżejjed u mhumiex konsistenti ma’ regoli oħrajn, b’mod partikolari dawk relatati mal-kontroll u mal-ġlieda kontra s-sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat (IUU). Hemm ukoll okkażjonijiet fejn il-livelli differenti tal-amministrazzjoni jidħlu fuq xulxin, u dan iwassal għal inkonsistenzi u proċessi kkumplikati. Fil-każ ta’ awtorizzazzjonijiet diretti mogħtija minn pajjiżi terzi lil bastimenti tal-UE barra l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli (madwar 150 sa 180 fis-sena), ma jeżisti l-ebda qafas u kriterju ta’ awtorizzazzjoni fis-seħħ u dan iwassal għal nuqqas ta' trasparenza fil-biċċa l-kbira tal-attività tal-flotta esterna tal-UE. Fl-aħħar nett, mhumiex indirizzati l-kwistjonijiet dwar l-abbuż tal-bdil tal-bandiera u tal-kiri (chartering).

    X'mistenni jinkiseb b'din l-inizjattiva? Mhux aktar minn 8 linji

    L-għan ewlieni tal-proposta huwa li jkun hemm qafas regolatorju konsistenti biex l-Unjoni tkun tista' tissorvelja b'mod aħjar il-flotta esterna tagħha - ftit mijiet ta' bastimenti - kull fejn topera u jkun xi jkun il-qafas li fih tagħmel dan. F'dan il-kuntest, l-għan jinqasam fi tnejn:

    (1) biex jiġi ċċarat u ssimplifikat il-qafas regolatorju attwali billi jiteħħew l-inkonsistenzi u l-inċertezzi legali u billi jiġi ċċarat t-tqassim tal-kompiti bejn il-Kummissjoni u l-amministrazzjonijiet nazzjonali;

    (2) biex jiġu introdotti kriterji ta’ eliġibbiltà u proċessi ta’ awtorizzazzjoni għal kwalunkwe sitwazzjoni fejn bastiment tal-Unjoni jkun qed jistad barra l-ilmijiet tal-Unjoni, inkluż għall-awtorizzazzjonijiet diretti (“liċenzji privati”) u biex jiġu introdotti miżuri li jipprevjenu operazzjonijiet ta' bdil abbużiv tal-bandiera.

    X'inhu l-valur miżjud ta' azzjoni fil-livell tal-UE? Mhux aktar minn 7 linji 

    Il-politika tas-sajd hija kompetenza esklussiva tal-UE u l-prinċipju tas-sussidjarjetà ma japplikax fir-rigward ta’ miżuri li jikkontribwixxu għall-konservazzjoni tar-riżorsi bijoloġiċi tal-baħar. Barra minn hekk, Regolament jiżgura l-applikazzjoni uniformi tar-regoli madwar l-Unjoni Ewropea. Il-valur miżjud jirriżulta wkoll mill-introduzzjoni ta’ regoli ċari li japplikaw għall-bastimenti kollha rreġistrati f’wieħed mill-Istati Membri tal-UE, u b’hekk jinħolqu kundizzjonijiet ugwali għall-flotta kollha tal-UE li hija attiva barra mill-ilmijiet tal-UE.

    B. Soluzzjonijiet

    X'għażliet ta' politiki leġiżlattivi u mhux leġiżlattivi tqiesu? Hemm alternattiva preferuta? Għalfejn? Mhux aktar minn 14-il linja 

    B'kollox tqiesu erba' għażliet fil-Valutazzjoni tal-Impatt:

    Għażla 1: Emenda limitata tar-Regolament attwali sabiex jiġi żgurat l-allinjament mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat ta’ Lisbona.

    Għażla 2: Minbarra l-alternattiva 1, il-linji gwida jistgħu jiġu elaborati mill-Kummissjoni sabiex tingħata interpretazzjoni għad-dispożizzjonijiet attwali tal-FAR li mhumiex ċari u preċiżi biżżejjed.

    Għażla 3: Emenda limitata tar-Regolament attwali biex jiġu indirizzati n-nuqqasijiet, l-inċertezzi u l-lakuni tal-leġiżlazzjoni attwali, b’hekk jintlaħaq l-għan li jingħataw dispożizzjonijiet mingħajr dubji lill-Istati Membri u lill-operaturi privati.

    Għażla 4: JIġi adottat Regolament ġdid b’kamp ta' applikazzjoni usa'. Dan ikun jinkludi l-kriterji ta’ eliġibbiltà li għandhom jiġu assoċjati mat-tressiq tal-awtorizzazzjonijiet diretti u li jirregolaw il-kiri (chartering). Ir-Regolament ikun jinkludi wkoll dispożizzjonijiet sabiex jiġu evitati l-każijiet tal-bdil abbużiv tal-bandiera.

    L-għażla 4 tgħaqqad iċ-ċertezza legali mal-kamp ta’ applikazzjoni usa’ u b’hekk twassal għal qafas sħiħ li jirregola l-attività tal-flotta esterna tal-UE madwar id-dinja. Għal dik ir-raġuni, din tqieset bħala l-aktar għażla effettiva, li tista' tilħaq l-għanijiet ta’ politika, tikkontribwixxi għall-kredibbiltà internazzjonali tal-Unjoni u tagħti benefiċċji fit-tul għall-flotta tal-UE.

    Liema għażla u min jappoġġaha? Mhux aktar minn 7 linji 

    L-għażliet 1 u 2 ma għandhom l-appoġġ tal-ebda grupp ta' partijiet ikkonċernati sinifikanti, għajr għal xi assoċjazzjonijiet tas-sajd attivi fil-qasam mhux tat-tonn li jqisu l-qafas attwali bħala sodisfaċenti. L-għażla 3 tilħaq b'mod limitat biss l-aspettazzjonijiet tal-partijiet ikkonċernati li fil-biċċa l-kbira tagħhom huma favur reviżjoni sħiħa tar-Regolament dwar l-awtorizzazzjoni tas-sajd. Għaldaqstant, l-għażla 4 tista' titqies bħala dik li ksibet l-aktar appoġġ, anki minn Stati Membri, bħal Spanja, Franza, il-Portugall, il-Polonja u n-Netherlands, bi flotta esterna kbira, mill-biċċa l-kbira tal-assoċjazzjonijiet tas-sidien tal-bastimenti u minn għadd ta' NGOs imdaħħlin fil-konservazzjoni tar-riżorsi naturali.

    C. Impatti tal-għażla preferuta

    X'inhuma l-benefiċċji tal-għażla preferuta (jekk hemm, inkella dawk ewlenin)? Mhux aktar minn 12-il linja

    Fl-għażla preferuta (l-għażla 4), l-impatt ekonomiku huwa vvalutat bħala pożittiv meta wieħed iqis il-benefiċji taċ-ċertezza legali miżjuda kemm għall-operaturi ekonomiċi kif ukoll għall-amministrazzjonijiet pubbliċi.

    Ir-regoli jsiru aktar ċari u aktar komprensivi u l-proċess kollu għandu jiġi ssimplifikat hekk kif ir-rwol ta’ kull amministrazzjoni jkun ddefinit b’mod ċar, u b’hekk jiġu eliminati l-okkażjonijiet fejn livelli differenti jidħlu fuq xulxin filwaqt li l-proċess tal-awtorizzazzjoni tal-attivitajiet tas-sajd jiġi ssimplifikat. Il-benefiċċji ambjentali marbuta mal-ħarsien tal-organiżmi ħajjin tal-baħar jkunu ottimali hekk kif is-sorveljanza aktar strinġenti tal-flotta tal-UE barra l-ilmijiet tal-UE tikkontribwixxi għall-ġestjoni mtejba tas-sajd u biex tkun żgurata s-sostenibbiltà tar-riżorsi tas-sajd. Din tkun tissupplimenta l-impatt ekonomiku pożittiv għall-operaturi msemmija aktar 'il fuq.

    Madankollu, mhux possibbli li ssir kwantifikazzjoni aktar preċiża tal-benefiċċji mistennija peress li bħalissa ma teżistix biżżejjed dejta dwar il-flotta esterna tal-UE u dwar il-kost tal-ġestjoni tal-flotta tas-sajd fl-amministrazzjonijiet nazzjonali. Fl-aħħar nett, l-impatt soċjali ta’ din l-għażla jista’ jitqies bħala newtrali.

    X'inhuma l-kosti tal-għażla preferuta (jekk hemm, inkella dawk ewlenin)? Mhux aktar minn 12-il linja

    Fl-għażla preferuta (l-għażla 4), it-trattament ta’ awtorizzazzjonijiet tas-sajd għal kull tip ta’ attivitajiet tas-sajd barra l-ilmijiet tal-UE (li jimplika għadd addizzjonali ta’ awtorizzazzjonijiet tas-sajd) flimkien mal-applikazzjoni ta’ aktar kriterji komprensivi jista’ jimplika xogħol addizzjonali fl-amministrazzjonijiet nazzjonali u Ewropej. Madankollu, l-esperjenza tal-Istati Membri fejn din is-sistema diġà teżisti tindika li dan jista’ jsir b'livelli kostanti ta’ riżorsi umani u finanzjarji, għaldaqstant mingħajr spejjeż addizzjonali. Barra minn hekk, il-possibilità li jintużaw għodod tal-IT imtejba u standardizzati għandha tiffaċilita t-twettiq ta’ dawn il-kompiti addizzjonali u tissimplifika l-proċess.

    Fir-rigward tal-operaturi ekonomiċi dawn ikollhom jagħtu aktar informazzjoni komprensiva meta jitolbu awtorizzazzjoni tas-sajd, iżda li tkun abbażi tal-informazzjoni li diġà għandhom u permezz ta' proċeduri ċċarati u standardizzati, biex b'hekk jittaffa kwalunkwe piż żejjed addizzjonali. Fl-aħħar nett, din l-għażla ma tinvolvi l-ebda impatt negattiv f’termini ambjentali jew soċjali u ma għandha l-ebda impatt f’termini ta’ kompetittività tal-operaturi tal-UE jew tal-kummerċ internazzjonali.

     

    Kif se jintlaqtu n-negozji, l-SMEs u l-mikrointrapriżi? Mhux aktar minn 8 linji

    Il-biċċa l-kbira tal-flotta kkonċernata hija magħmula minn bastimenti tas-sajd industrijali li jistadu barra l-ilmijiet tal-UE. Is-sidien ta’ dawn il-bastimenti normalment ikollhom fis-sjieda tagħhom flotta magħmula minn għadd ta' entitajiet u normalment ma jaqgħux taħt il-kriterji ta' definizzjoni ta' SME. Meta wieħed iqis ukoll in-nuqqas ta’ kosti għall-operaturi privati, mhija prevista l-ebda miżura speċifika għal din il-kategorija ta’ entitajiet ekonomiċi.

    Se jkun hemm impatti sinifikanti fuq il-baġits u fuq l-amministrazzjonijiet nazzjonali? Mhux aktar minn 4 linji

    Ma jkun hemm l-ebda impatt sinifikanti fuq il-baġits u l-amministrazzjonijiet nazzjonali, iżda impatt minuri għall-amministrazzjoni responsabbli tas-sajd biss, l-aktar ta’ natura organizzattiva. Madankollu, il-Kummissjoni tista' tipprevedi ċerti kosti tal-ġestjoni tal-IT.

    Se jkun hemm impatti sinifikanti oħra? Mhux aktar minn 6 linji

    L-uniku impatt sinifikanti ieħor ikun fuq pajjiżi terzi li joħorġu liċenzji tas-sajd għall-bastimenti tal-UE. Dan l-impatt għandu jkun pożittiv hekk kif qafas imtejjeb għall-ġestjoni tal-flotta esterna tal-UE jista' jirriżulta f’benefiċċji addizzjonali għalihom (ġestjoni aħjar tar-riżorsi tas-sajd, aktar trasparenza u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni). Bit-titjib tal-kontroll fuq il-bastimenti tal-Unjoni, ir-Regolament propost se jikkontribwixxi għall-ħolqien ta' punt ta’ riferiment fil-livell internazzjonali dwar il-ġestjoni u l-kontroll ta’ flotot esterni, u għaldaqstant jgħin biex itejjeb il-governanza globali tas-sajd.

    D. Segwitu

    Meta se tiġi rieżaminata l-istrateġija? Mhux aktar minn 4 linji 

    Il-Kummissjoni tipprevedi t-twaqqif ta’ grupp ta’ esperti mill-amministrazzjonijiet nazzjonali biex jissorvelja l-implimentazzjoni tar-Regolament. Barra minn hekk, 5 snin wara d-dħul fis-seħħ tal-istrateġija għandha ssir evalwazzjoni.

    Top