IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 12.10.2015
COM(2015) 494 final
2015/0238(NLE)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL
li tawtorizza lir-Renju Unit ikompli japplika miżura speċjali ta' deroga mill-Artikoli 26(1)(a), 168 u 168a tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI
1.KUNTEST TAL-PROPOSTA
Ir-raġunijiet għall-proposta u l-għanijiet tagħha
Skont l-Artikolu 395(1) tad-Direttiva 2006/112/KE tat-28 ta' Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud (minn hawn 'il quddiem "id-Direttiva tal-VAT"), il-Kunsill, huwa u jaġixxi unanimament fuq proposta mill-Kummissjoni, jista' jawtorizza lil kwalunkwe Stat Membru li jintroduċi miżuri speċjali għal deroga mid-dispożizzjonijet ta' dik id-Direttiva, sabiex jissimplifika l-proċedura tal-ġbir tal-VAT jew sabiex jipprevjeni ċerti tipi ta' evażjoni jew evitar tat-taxxa.
Permezz ta’ ittra rreġistrata mal-Kummissjoni fit-22 ta’ Mejju 2015, ir-Renju Unit talab awtorizzazzjoni biex ikompli japplika miżura li tidderoga mill-Artikoli 16 u 168 tad-Direttiva tal-VAT. Skont l-Artikolu 395(2) tad-Direttiva tal-VAT, il-Kummissjoni infurmat lill-Istati Membri l-oħra b'ittra tal-5 ta' Ġunju 2015 bit-talba li għamel ir-Renju Unit. B’ittra tat-8 ta’ Ġunju 2015, il-Kummissjoni nnotifikat lir-Renju Unit li kellha l-informazzjoni kollha li kkunsidrat meħtieġa biex tivvaluta t-talba.
Kuntest Ġenerali
L-Artikoli 168 u 168a tad-Direttiva tal-VAT jistipulaw li persuna taxxabbli hija intitolata tnaqqas il-VAT imposta fuq xiri għall-iskopijiet ta' tranżazzjonijiet taxxabbli. L-Artikolu 26(1)(a) tal-istess Direttiva jirrikjedi li l-użu ta' oġġetti li huma parti mill-assi ta' negozju għal skopijiet privati jkun provvista ta' servizzi li jitqiesu jekk il-VAT fuq l-oġġetti kienet eliġibbli għat-tnaqqis. B'din is-sistema, il-VAT li inizjalment tnaqqset f'rabta mal-użu privat, tkun tista' tiġi rkuprata.
Fil-każ ta’ karozzi tal-kumpaniji li jintużaw parzjalment għal skopijiet privati (mhux kummerċjali), ta’ sikwit ma jkunx faċli li wieħed jikkalkula u jintaxxa l-użu privat skont ir-regoli msemmija hawn fuq.
F’dan il-kuntest, ir-Renju Unit kien jopera skema speċjali, fejn l-użu privat jiġi intaxxat b’rata fissa, awtorizzata bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 86/356/KEE tal-21 ta’ Lulju 1986 li tawtorizza lir-Renju Unit biex japplika miżuri ta’ rata fissa għall-VAT mhux deduċibbli fuq l-infiq għall-fjuwil għall-karozzi tal-kumpaniji, li kienet ibbażata fuq il-kapaċità tal-magna u t-tip ta’ fjuwil tal-karozza.
Din id-deroga oriġinali ġiet abolita u nbidlet bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/659/KE tal-25 ta’ Settembru 2006 li tawtorizza lir-Renju Unit biex jintroduċi miżura speċjali li tidderoga mill-Artikoli 5(6) u 11(A)(1)(b) tad-Direttiva 77/388/KEE dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar it-taxxi fuq it-turnover, li tintroduċi taxxa b'rata fissa fuq l-użu privat abbażi tal-klassifikazzjoni tal-emissjonijiet tas-CO2 tal-karozza. Din l-iskema hija bbażata fuq il-fatt li hemm relazzjoni diretta bejn l-emissjonijiet u l-ammont ta’ fjuwil ikkunsmat, billi konsum ikbar tal-fjuwil jikkorrispondi ma’ iktar emissjonijiet. Fuq il-bażi ta’ dawn il-klassifikazzjonijiet tal-emissjonijiet, jiġi kkalkulat il-konsum tal-fjuwil għal kull kilometru li mbagħad jiġi kkombinat mal-kilometraġġ medju ta' użu privat, iddeterminat abbażi ta’ dejta fiskali diretta u l-prezz bl-imnut tal-fjuwil għat-trasport bit-triq. Dan iwassal għal imposta għall-użu privat li tikkorrispondi mal-ammont ta' VAT fuq l-użu privat tal-vettura. Din l-imposta tiġi rivalorizzata darba fis-sena biex jitqiesu l-bidliet fil-prezzijiet tal-fjuwil.
Skont ir-Renju Unit, din is-sistema ħadmet b'mod preċiż u wasslet għal simplifikazzjoni sostanzjali, kemm għan-negozji kif ukoll għall-amministrazzjoni tat-taxxa. F’dan il-kuntest, ta' min jinnota li s-sistema hija fakultattiva għall-persuni taxxabbli li jistgħu jagħżlu li jibqgħu taħt ir-regoli normali. Madankollu, huwa stmat li madwar 230,000 vettura joperaw bis-simplifikazzjoni.
Fuq din il-bażi, ir-Renju Unit talab li jestendi l-applikazzjoni tad-deroga.
Id-Deċiżjoni msemmija hawn fuq, li tintemm fil-31 ta’ Diċembru 2015, ingħatat fuq il-bażi tal-hekk imsejħa Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE tas-17 ta’ Mejju 1977 fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ - Sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta' stima li, mingħajr bidliet sostanzjali fil-kontenut tagħha, inbidlet bid-Direttiva tal-VAT u li għalhekk tifforma l-bażi għal din id-Deċiżjoni.
Kull talba għall-estensjoni lil hinn mill-31 ta’ Diċembru 2018 għandha tkun akkumpanjata minn rapport dwar il-funzjonament tas-sistema.
2.IL-BAŻI ĠURIDIKA, IS-SUSSIDJARJETÀ U L-PROPORZJONALITÀ
•Il-bażi ġuridika
L-Artikolu 395 tad-Direttiva tal-VAT.
•Is-sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklussiva)
Meta titqies id-dispożizzjoni tad-Direttiva tal-VAT li fuqha hija bbażata l-proposta, din taqa' fil-kompetenza esklussiva tal-Unjoni. Għalhekk, il-prinċipju tas-sussidjarjetà ma japplikax.
•Il-proporzjonalità
Id-Deċiżjoni tikkonċerna awtorizzazzjoni mogħtija lil Stat Membru wara talba li għamel hu stess u ma tikkostitwixxi l-ebda obbligu.
Minħabba l-kamp ta’ applikazzjoni limitat tad-deroga, il-miżura speċjali hija proporzjonata mal-għan mixtieq, jiġifieri li tiġi ssimplifikata l-proċedura għall-ġbir tal-VAT. Il-proposta ma tmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ biex jiġi ssimplifikat il-ġbir tal-VAT f’settur speċifiku.
Is-sistema għadha fakultattiva għall-persuni taxxabbli.
•L-għażla tal-istrument
Skont l-Artikolu 395 tad-Direttiva tal-VAT, deroga mir-regoli komuni tal-VAT hija possibbli biss bl-awtorizzazzjoni tal-Kunsill li jkun qiegħed jaġixxi b'mod unanimu fuq proposta mill-Kummissjoni. Barra minn hekk, Deċiżjoni tal-Kunsill hija l-aktar strument adattat peress li tista' tiġi indirizzata lill-Istati Membri individwali.
3.IR-RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, IL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U L-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT
•Il-konsultazzjoni mal-partijiet konċernati
Din il-proposta hija bbażata fuq talba li saret mir-Renju Unit u tikkonċerna biss lil dan l-Istat Membru.
•Il-ġbir u l-użu tal-kompetenza
Ma kienx hemm bżonn ta’ għarfien espert estern.
•Il-valutazzjoni tal-impatt
Id-Deċiżjoni proposta timmira li tissimplifika l-ġbir tal-VAT f'rabta mal-vetturi tal-kumpaniji li jintużaw parzjalment għal skopijiet mhux kummerċjali u, għalhekk, għandha impatt potenzjali pożittiv.
Għall-persuni taxxabbli li jagħżlu li jużaw din is-sistema, din id-Deċiżjoni tnaqqas il-piż amministrattiv u l-ispejjeż tal-konformità billi tneħħi l-bżonn li jinżammu rekords dettaljati tal-kilometraġġ ta' kull karozza tal-kumpaniji għal skopijiet tal-VAT. Rekwiżiti bħal dawn għaż-żamma tar-rekords aktarx jirrikjedu ħafna ħin u ta' sikwit jimponu piż amministrattiv sinifikanti għal ammonti relattivament żgħar ta’ taxxa. Il-metodu tas-simplifikazzjoni jnaqqas ukoll il-piżijiet għall-awtoritajiet tat-taxxa li kieku kien ikollhom jivverifikaw ħafna sitwazzjonijiet individwali.
Madankollu, minħabba l-kamp ta' applikazzjoni ristrett tad-deroga u l-applikazzjoni limitata fiż-żmien, l-impatt se jkun limitat xorta waħda.
4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI
Il-proposta ma għandha l-ebda implikazzjoni negattiva għall-baġit tal-UE.
5.ELEMENTI OĦRA
Il-proposta tinkludi klawżola ta' estinzjoni; terminu preskrittiv awtomatiku li huwa stabbilit għall-31 ta’ Diċembru 2018.
2015/0238 (NLE)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL
li tawtorizza lir-Renju Unit ikompli japplika miżura speċjali ta' deroga mill-Artikoli 26(1)(a), 168 u 168a tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta' Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud, u b'mod partikolari l-Artikolu 395(1) tagħha,
Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
(1)Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/659/KE awtorizzat lir-Renju Unit biex japplika miżuri speċjali ta’ simplifikazzjoni sabiex, abbażi ta’ rata fissa, jiddetermina l-proporzjon tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) mhux deduċibbli marbut mal-infiq tal-fjuwil għall-vetturi kummerċjali li ma jintużawx esklussivament għal skopijiet kummerċjali. Is-sistema, li hija fakultattiva għall-persuni taxxabbli, hija bbażata fuq il-livell tal-emissjonijiet tad-dijossidju tal-karbonju (CO2) mill-karozza, peress li hemm korrelazzjoni proporzjonali bejn l-emissjoniiet u l-konsum tal-fjuwil u, għalhekk, mal-infiq fuq il-fjuwil.
(2)Permezz ta’ ittra rreġistrata mal-Kummissjoni fit-22 ta’ Mejju 2015, ir-Renju Unit talab l-awtorizzazzjoni biex ikompli japplika l-miżura.
(3)Permezz ta' ittra tal-5 ta’ Ġunju 2015, il-Kummissjoni infurmat lill-Istati Membri l-oħra bit-talba tar-Renju Unit. Permezz ta' ittra tat-8 ta' Ġunju 2015, il-Kummissjoni nnotifikat lir-Renju Unit li kellha l-informazzjoni kollha meħtieġa biex tikkunsidra t-talba.
(4)Skont ir-Renju Unit, l-arranġament effettivament wassal, kemm għall-persuni taxxabbli kif ukoll għall-amministrazzjoni tat-taxxa, għas-simplifikazzjoni tal-proċedura għall-ġbir tal-VAT f'rabta mal-infiq għall-fjuwil għall-karozzi kummerċjali. Għalhekk, jixraq li r-Renju Unit jiġi awtorizzat japplika l-miżura sal-31 ta’ Diċembru 2018.
(5)Fil-każ li r-Renju Unit jikkunsidra li jkun hemm bżonn ta' estensjoni oħra lil hinn mill-2018, għandu jissottometti rapport flimkien ma’ talba għall-estensjoni lill-Kummissjoni qabel il-31 ta’ Marzu 2018.
(6)Il-miżura ta’ deroga ma għandha l-ebda impatt negattiv fuq ir-riżorsi proprji tal-Unjoni li jirriżultaw mill-VAT.
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
B’deroga mill-Artikoli 26(1)(a), 168 u 168a tad-Direttiva 2006/112/KEE, ir-Renju Unit huwa awtorizzat, mill-1 ta’ Jannar 2016 sal-31 ta’ Diċembru 2018, li jiffissa fuq bażi ta’ rata fissa l-proporzjon tat-taxxa fuq il-valur miżjud relatata mal-infiq għall-fjuwil użat għal skopijiet privati għall-karozzi kummerċjali.
Artikolu 2
Dan il-proporzjon tat-taxxa msemmi fl-Artikolu 1 għandu jiġi espress f’ammonti fissi, stabbiliti fuq il-bażi tal-livell ta’ emissjonijiet tas-CO2 tat-tip ta’ vettura, li jirriflettu l-konsum tal-fjuwil. Ir-Renju Unit għandu jaġġusta dawn l-ammonti fissi annwalment biex jirrifletti l-bidliet fil-prezz medju tal-fjuwil.
Artikolu 3
Is-sistema stabbilita fuq il-bażi ta’ din id-Direttiva hija fakultattiva għall-persuni taxxabbli.
Artikolu 4
Kull talba għall-estensjoni tal-miżura speċjali prevista f'din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppreżentata lill-Kummissjoni sal-31 ta' Marzu 2018 u għandha tkun akkumpanjata minn rapport li jkun jinkludi valutazzjoni tal-applikazzjoni ta' din il-miżura.
Artikolu 5
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Kunsill
Il-President