IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 14.9.2015
COM(2015) 440 final
ANNESS
tal-
Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill
dwar l-iffirmar, f'isem l-Unjoni Ewropea, u l-applikazzjoni proviżorja tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika ta' Kiribati dwar l-eżenzjoni mill-viża għal soġġorn qasir
ANNESS
tal-
Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill
dwar l-iffirmar, f'isem l-Unjoni Ewropea, u l-applikazzjoni proviżorja tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika ta' Kiribati dwar l-eżenzjoni mill-viża għal soġġorn qasir
FTEHIM
bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika ta' Kiribati dwar l-eżenzjoni mill-viża għal soġġorn qasir
L-UNJONI EWROPEA, minn hawn 'il quddiem imsejħa “l-Unjoni” jew “l-UE”, u
IR-REPUBBLIKA TA’ KIRIBATI, hawn iżjed ‘il quddiem imsejħa "Kiribati",
minn hawn 'il quddiem flimkien imsejħin il-“Partijiet Kontraenti”,
BIL-ĦSIEB li jiġu żviluppati ulterjorment relazzjonijiet ta' ħbiberija bejn il-partijiet Kontraenti u bix-xewqa li jiġi ffaċilitat l-ivvjaġġar billi jiġi żgurat dħul u soġġorn qasir mingħajr viża għaċ-ċittadini tagħhom,
FILWAQT LI JIKKUNSIDRAW ir-Regolament (UE) Nru 509/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 539/2001 li jelenka l-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom għandhom ikollhom viża fil-pussess tagħhom meta jaqsmu l-fruntieri esterni u dawk li ċ-ċittadini tagħhom huma eżenti minn dik il-ħtieġa billi, inter alia, jittrasferixxi 19-il pajjiż terz, inkluż Kiribati, mal-lista ta' pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom huma eżenti mill-ħtieġa tal-viża għal soġġorni qosra fl-Istati Membri,
FILWAQT LI HUMA KONXJI li l-Artikolu 1 tar-Regolament (KE) Nru 509/2014 jistipula li għal dawk id-19-il pajjiż, l-eżenzjoni mill-ħtieġa tal-viża għandha tapplika mid-data tad-dħul fis-seħħ ta' ftehim dwar l-eżenzjoni mill-viża li għandu jiġi konkluż mal-Unjoni,
FILWAQT LI JIXTIEQU li jitħares il-prinċipju ta' trattament ugwali taċ-ċittadini kollha tal-UE,
FILWAQT LI JIKKUNSIDRAW li l-persuni li jivvjaġġaw bil-għan li jwettqu attività bi ħlas matul is-soġġorn qasir tagħhom mhumiex koperti b'dan il-Ftehim u għalhekk għal dik il-kategorija r-regoli rilevanti tal-liġi tal-Unjoni u tal-liġi nazzjonali tal-Istati Membri u tal-liġi nazzjonali ta' Kiribati dwar l-obbligu jew l-eżenzjoni mill-viża u dwar l-aċċess għal impjieg jibqgħu japplikaw,
FILWAQT LI JIKKUNSIDRAW il-Protokoll dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda fir-rigward tal-ispazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja u l-Protokoll dwar l-acquis ta' Schengen integrat fil-qafas tal-Unjoni Ewropea, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u filwaqt li jikkonfermaw li d-dispożizzjonijiet ta' dan il-Ftehim ma japplikawx għar-Renju Unit u l-Irlanda,
FTIEHMU KIF ĠEJ:
ARTIKOLU 1
Għan
Dan il-Ftehim jipprovdi għal vjaġġar mingħajr viża għaċ-ċittadini tal-Unjoni u għaċ-ċittadini ta' Kiribati meta jivvjaġġaw lejn it-territorju tal-Parti Kontraenti l-oħra għall-perjodu massimu ta' 90 jum fi kwalunkwe perjodu ta' 180 jum.
ARTIKOLU 2
Definizzjonijiet
Għall-finijiet ta' dan il-Ftehim:
(a)
“Stat Membru” tfisser kwalunkwe Stat Membru tal-Unjoni, bl-eċċezzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda;
(b)
“ċittadin tal-Unjoni” tfisser ċittadin ta' Stat Membru kif definit fil-punt (a);
(c)
"ċittadin ta’ Kiribati" tfisser kwalunkwe persuna li għandha ċ-ċittadinanza ta’ Kiribati;
(d)
"żona Schengen" tfisser iż-żona mingħajr fruntieri interni li tinkludi t-territorji tal-Istati Membri kif stipulat fil-punt (a) li japplikaw l-acquis ta’ Schengen b’mod sħiħ.
ARTIKOLU 3
Kamp ta' applikazzjoni
1.
Iċ-ċittadini tal-Unjoni li għandhom passaport ordinarju, diplomatiku, tas-servizz, uffiċjali jew speċjali, maħruġ minn Stat Membru, jistgħu jidħlu u jibqgħu mingħajr viża fit-territorju ta' Kiribati għall-perjodu ta' soġġorn kif definit fl-Artikolu 4(1).
Iċ-ċittadini ta' Kiribati li għandhom passaport ordinarju, diplomatiku, tas-servizz, uffiċjali jew speċjali, maħruġ minn Kiribati, jistgħu jidħlu u jibqgħu mingħajr viża fit-territorju tal-Istati Membri għall-perjodu ta' soġġorn kif definit fl-Artikolu 4(2).
2.
Il-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu ma japplikax għall-persuni li jivvjaġġaw bil-għan li jwettqu attività bi ħlas.
Għal din il-kategorija ta’ persuni, kull Stat Membru jista’ jiddeċidi b’mod individwali li jimponi l-ħtieġa tal-viża fuq iċ-ċittadini ta' Kiribati jew li jirtirha skont l-Artikolu 4(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 539/2001.
Għal din il-kategorija ta’ persuni, Kiribati jista’ jiddeċidi dwar il-ħtieġa tal-viża jew l-eżenzjoni mill-viża għaċ-ċittadini ta’ kull Stat Membru b’mod individwali skont il-liġi nazzjonali tiegħu.
3.
L-eżenzjoni mill-viża pprovduta b'dan il-Ftehim għandha tapplika mingħajr preġudizzju għal-liġijiet tal-Partijiet Kontraenti dwar il-kundizzjonijiet tad-dħul u tas-soġġorn qasir. L-Istati Membri u Kiribati jirriżervaw id-dritt li jirrifjutaw id-dħul u s-soġġorn qasir fit-territorji tagħhom jekk waħda jew aktar minn dawn il-kundizzjonijiet ma tintlaħaqx.
4.
L-eżenzjoni mill-viża tapplika irrispettivament mill-metodu ta' trasport użat biex jinqasmu l-fruntieri tal-Partijiet Kontraenti.
5.
Kwistjonijiet mhux koperti minn dan il-Ftehim ikunu koperti mil-liġi tal-Unjoni, mil-liġi nazzjonali tal-Istati Membri u mil-liġi nazzjonali ta' Kiribati.
ARTIKOLU 4
Tul ta' żmien tas-soġġorn
1.
Iċ-ċittadini tal-Unjoni jistgħu jibqgħu fit-territorju ta' Kiribati għal perjodu massimu ta' 90 jum fi kwalunkwe perijodu ta' 180 jum.
2.
Iċ-ċittadini ta' Kiribati jistgħu jibqgħu fit-territorju tal-Istati Membri li japplikaw l-acquis ta' Schengen b'mod sħiħ għal perjodu massimu ta' 90 jum fi kwalunkwe perjodu ta' 180 jum. Dak il-perjodu jiġi kkalkulat irrispettivament minn kwalunkwe soġġorn fi Stat Membru li għadu ma japplikax l-acquis ta' Schengen b'mod sħiħ.
Iċ-ċittadini ta' Kiribati jistgħu jibqgħu għal perjodu massimu ta' 90 jum fi kwalunkwe perjodu ta' 180 jum fit-territorju ta' kull Stat Membru li għadu ma japplikax l-acquis ta' Schengen b'mod sħiħ, irrispettivament mill-perjodu tas-soġġorn ikkalkulat għat-territorju ta' Stat Membru li japplika l-acquis ta' Schengen b'mod sħiħ.
3.
Dan il-Ftehim ma jaffettwax il-possibbiltà għal Kiribati u għall-Istati Membri biex jestendu l-perjodu tas-soġġorn għal aktar minn 90 jum f'konformità mal-liġijiet nazzjonali rispettivi tagħhom u mal-liġi tal-Unjoni.
ARTIKOLU 5
Applikazzjoni territorjali
1.
Fir-rigward tar-Repubblika Franċiża, dan il-Ftehim japplika biss għat-territorju Ewropew tar-Repubblika Franċiża.
2.
Fir-rigward tar-Renju tan-Netherlands, dan il-Ftehim japplika biss għat-territorju Ewropew tar-Renju tan-Netherlands.
ARTIKOLU 6
Kumitat Konġunt għall-ġestjoni tal-Ftehim
1.
Il-Partijiet Kontraenti jistabbilixxu Kumitat Konġunt ta' esperti (minn hawn 'il quddiem imsejjaħ il-“Kumitat”), magħmul minn rappreżentanti tal-Unjoni u minn rappreżentanti ta' Kiribati. L-Unjoni tkun irrappreżentata mill-Kummissjoni Ewropea.
2.
Il-Kumitat ikollu, inter alia, il-kompiti li ġejjin:
(a)
li jissorvelja l-implimentazzjoni ta' dan il-Ftehim;
(b)
li jissuġġerixxi emendi jew żidiet għal dan il-Ftehim;
(c)
li jsolvi tilwimiet li jitqanqlu mill-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni ta' dan il-Ftehim.
3.
Il-Kumitat jitlaqqa' kull meta jkun meħtieġ, fuq talba ta' waħda mill-Partijiet Kontraenti.
4.
Il-Kumitat jistabbilixxi r-regoli tal-proċedura tiegħu stess.
ARTIKOLU 7
Ir-relazzjoni ta' dan il-Ftehim ma' ftehimiet bilaterali ta' immunità għall-viża eżistenti
bejn l-Istati Membri u Kiribati
Dan il-Ftehim ikollu preċedenza fuq kwalunkwe ftehim jew arranġament bilaterali konkluż bejn l-Istati Membri individwali u Kiribati, sa fejn dawn ikopru kwistjonijiet li jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni tiegħu.
ARTIKOLU 8
Dispożizzjonijiet finali
1.
Dan il-Ftehim jiġi ratifikat jew approvat mill-Partijiet Kontraenti f'konformità mal-proċeduri interni rispettivi tagħhom u jidħol fis-seħħ fl-ewwel jum tat-tieni xahar wara d-data tal-aħħar waħda miż-żewġ notifiki li bihom il-Partijiet Kontraenti jinnotifikaw lil xulxin li dawk il-proċeduri jkunu tlestew.
Dan il-Ftehim jiġi applikat fuq bażi proviżorja mill-jum wara dak tal-iffirmar tiegħu.
2.
Dan il-Ftehim qed jiġi konkluż għal perijodu indefinit, kemm-il darba ma jiġix itterminat f'konformità mal-paragrafu 5.
3.
Dan il-Ftehim jista' jiġi emendat bi ftehim bil-miktub mill-Partijiet Kontraenti. L-emendi jidħlu fis-seħħ wara li l-Partijiet Kontraenti jkunu nnotifikaw lil xulxin bit-tlestija tal-proċeduri interni tagħhom li huma meħtieġa għal dan il-għan.
4.
Kull Parti Kontraenti tista' tissospendi l-Ftehim kollu jew parti minnu, b'mod partikolari, għal raġunijiet ta' politika pubblika, il-protezzjoni tas-sigurtà nazzjonali jew il-protezzjoni tas-saħħa pubblika, l-immigrazzjoni illegali jew l-introduzzjoni mill-ġdid tal-ħtieġa tal-viża minn kwalunkwe Parti Kontraenti. Id-deċiżjoni dwar is-sospensjoni tiġi notifikata lill-Parti Kontraenti l-oħra mhux aktar tard minn xahrejn qabel id-dħul fis-seħħ ippjanat tagħha. Il-Parti Kontraenti li tkun issospendiet l-applikazzjoni ta' dan il-Ftehim tgħarraf minnufih lill-Parti Kontraenti l-oħra f'każ li r-raġunijiet għas-sospensjoni ma jibqgħux jeżistu aktar u tneħħi dik is-sospensjoni.
5.
Kull Parti Kontraenti tista' ttemm dan il-Ftehim billi tagħti avviż bil-miktub lill-Parti l-oħra. Dan il-Ftehim ma jibqax fis-seħħ 90 jum wara dik id-data.
6.
Kiribati jista' jissospendi jew jittermina dan il-Ftehim biss fil-konfront tal-Istati Membri kollha.
7.
L-Unjoni tista' tissospendi jew ittemm dan il-Ftehim biss fil-konfront tal-Istati Membri kollha tagħha.
Magħmul f’żewġ kopji bil-Bulgaru, Spanjol, Ċek, Daniż, Ġermaniż, Estonjan, Grieg, Ingliż, Franċiż, Kroat, Taljan, Latvjan, Litwan, Ungeriż, Malti, Olandiż, Pollakk, Portugiż, Rumen, Slovakk, Sloven, Finlandiż u Svediż, fejn kull test huwa ugwalment awtentiku.
DIKJARAZZJONI KONĠUNTA FIR-RIGWARD TAL-IŻLANDA, IN-NORVEĠJA, L-IŻVIZZERA
U L-LIECHTENSTEIN
Il-Partijiet Kontraenti jirrimarkaw ir-relazzjoni mill-qrib bejn l-Unjoni Ewropea u n-Norveġja, l-Iżlanda, l-Iżvizzera u l-Liechtenstein, b'mod partikolari bis-saħħa tal-Ftehimiet tat-18 ta' Mejju 1999 u tas-26 ta' Ottubru 2004 dwar l-assoċjazzjoni ta' dawk il-pajjiżi mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta' Schengen.
F'ċirkostanzi bħal dawn hu mixtieq li l-awtoritajiet tan-Norveġja, l-Iżlanda, l-Iżvizzera u l-Liechtenstein, min-naħa, u Kiribati, min-naħa l-oħra, jikkonkludu, mingħajr dewmien, ftehimiet bilaterali dwar l-eżenzjoni mill-viża għal soġġorn qasir f'termini simili għal dawk ta' dan il-Ftehim.
DIKJARAZZJONI KONĠUNTA DWAR L-INTERPRETAZZJONI TAL-KATEGORIJA TA’ PERSUNI LI JIVVJAĠĠAW BI SKOP TA’ ATTIVITÀ
BI ĦLAS SKONT L-ARTIKOLU 3(2) TA’ DAN IL-FTEHIM
Xewqana li tkun żgurata interpretazzjoni komuni, il-Partijiet Kontraenti jaqblu li, għall-għan ta' dan il-Ftehim, il-kategorija ta' persuni li jwettqu attività bi ħlas tkopri l-persuni li jidħlu b'għan li jkollhom mestier bi qligħ jew attività b'remunerazzjoni fit-territorju tal-Parti Kontraenti l-oħra bħala impjegat jew fornitur ta' servizz.
Din il-kategorija ma għandhiex tkopri:
–
persuni tan-negozju, jiġifieri persuni li jivvjaġġaw b'għan ta' deliberazzjoni tan-negozju (mingħajr ma jkunu impjegati fil-pajjiż tal-Parti Kontraenti l-oħra),
–
persuni tal-isports jew artisti li jeżebixxu attività fuq bażi ad hoc,
–
ġurnalisti mibgħuta mill-midja tal-pajjiż ta' residenza tagħhom, u,
–
apprendisti intrakorporattivi.
L-implimentazzjoni ta' din id-Dikjarazzjoni tkun issorveljata mill-Kumitat Konġunt fi ħdan ir-responsabbiltà tiegħu skont l-Artikolu 6 ta' dan il-Ftehim, li jista' jipproponi modifiki meta, fuq il-bażi tal-esperjenzi tal-Partijiet Kontraenti, jikkunsidrah neċessarju.
DIKJARAZZJONI KONĠUNTA DWAR L-INTERPRETAZZJONI TAL-PERJODU TA' 90 JUM
FI KWALUNKWE PERJODU TA' 180 JUM KIF STABBILIT FL-ARTIKOLU 4 TA' DAN IL-FTEHIM
Il-Partijiet Kontraenti jifhmu li l-perjodu massimu ta' 90 jum fi kwalunkwe perjodu ta' 180 jum kif previst mill-Artikolu 4 ta' dan il-Ftehim ifisser soġġorn kontinwu jew bosta soġġorni konsekuttivi, li t-tul ta' żmien totali tagħhom ma jaqbiżx id-90 jum fi kwalunkwe perjodu ta' 180 jum.
Il-kunċett ta' “kwalunkwe” jimplika l-applikazzjoni ta' perjodu ta' referenza mobbli ta' 180 jum, billi wieħed iħares lura lejn kull ġurnata tas-soġġorn fl-aħħar perjodu ta' 180 jum, sabiex jiġi vverifikat jekk il-ħtieġa tad-90 jum fi kwalunkwe perjodu ta' 180 jum għadux jiġi ssodisfat. Inter alia, dan ifisser li assenza għal perjodu mhux interrott ta' 90 jum tippermetti li jkun hemm soġġorn ġdid ta' mhux aktar minn 90 jum.
DIKJARAZZJONI KONĠUNTA DWAR L-INFURMAR TAĊ-ĊITTADINI
DWAR IL-FTEHIM BILATERALI TA' IMMUNITÀ GĦALL-VIŻA
Filwaqt li tkun rikonoxxuta l-importanza tat-trasparenza għaċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea u għaċ-ċittadini ta' Kiribati, il-Partijiet Kontraenti jiftiehmu li jiżguraw it-tixrid totali ta' informazzjoni dwar il-kontenut u l-konsegwenzi tal-ftehim dwar l-eżenzjoni mill-viża u kwistjonijiet relatati, bħall-kundizzjonijiet għad-dħul fit-territorju.