EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52015PC0137

Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata, f’isem l-Unjoni Ewropea, fis-Seba' Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni ta’ Stokkolma dwar Materjal Organiku Persistenti li Jniġġes dwar il-proposti għall-emendar tal-Annessi A, B u C

/* COM/2015/0137 final - 2015/0069 (NLE) */

52015PC0137

Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata, f’isem l-Unjoni Ewropea, fis-Seba' Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni ta’ Stokkolma dwar Materjal Organiku Persistenti li Jniġġes dwar il-proposti għall-emendar tal-Annessi A, B u C /* COM/2015/0137 final - 2015/0069 (NLE) */


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.           IL-KUNTEST TAL-PROPOSTA

Il-Konvenzjoni ta’ Stokkolma dwar Materjal Organiku Persistenti li Jniġġes (Persistent Organic Pollutants, POPs)[1] ġiet adottata f’Mejju 2001 fil-qafas tal-Programm tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Ambjent (UNEP). L-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha[2] huma partijiet għall-Konvenzjoni[3] u d-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ġew implimentati fil-liġi tal-UE bir-Regolament (KE) Nru 850/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar pollutanti organiċi persistenti u li jemenda d-Direttiva 79/117/KEE[4] (ir-Regolament dwar il-POPs).

L-għan ġenerali tal-Konvenzjoni ta’ Stokkolma huwa li s-saħħa tal-bniedem u l-ambjent jiġu mħarsa mill-POPs. Fil-Konvenzjoni hemm referenza speċifika għall-approċċ prekawzjonarju kif kien ġie stabbilit fil-Prinċipju 15 tad-Dikjarazzjoni ta’ Rio dwar l-Ambjent u l-Iżvilupp tal-1992. Il-prinċipju jsir operattiv fl-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni, li jistabbilixxi r-regoli biex fl-Annessi tal-Konvenzjoni jiġu inklużi sustanzi kimiċi oħra.

Fis-seba’ Konferenza tal-Partijiet (Conference of the Parties, COP7) f’Mejju 2015, għandhom jittieħdu tliet deċiżjonijiet biex in-naftaleni poliklorinati (PCN) u l-eżaklorobutadien (HCBD) jiżdiedu mal-Annessi A (eliminazzjoni) u C (produzzjoni mhux intenzjonata) u biex il-pentaklorofenol (PCP) jiżdied mal-Anness A. It-tlieta li huma ġew nominati mill-UE fl-2011. Barra minn hekk, is-COP7 se tevalwa l-bżonn li jibqa' jkun hemm eżenzjonijiet speċifiċi u skopijiet aċċettabbli għall-aċidu sulfoniku tal-perfluworoottan u d-derivattivi tiegħu (PFOS).

Għat-tliet sustanzi l-ġodda, il-produzzjoni, it-tqegħid fis-suq, l-użu u l-emissjoni mhux intenzjonat diġà twaqqfu jew tnaqqsu b'mod drastiku fl-Unjoni, iżda ma jistax jiġi eskluż li għadhom qed jiġu prodotti, imqiegħda fis-suq, użati u/jew emessi bla intenzjoni fuq skala sinifikanti f’pajjiżi oħra. Minħabba l-potenzjal għat-trasport ambjentali fuq firxa wiesgħa ta’ dawn il-kimiki, il-miżuri li ttieħdu fil-livell nazzjonali jew tal-Unjoni mhumiex biżżejjed biex jinżamm livell għoli ta’ protezzjoni tal-ambjent u tas-saħħa tal-bniedem u, għalhekk, tinħtieġ azzjoni internazzjonali aktar wiesgħa.

Ir-rakkomandazzjonijiet tal-POPRC

Waqt id-disa’ laqgħa tiegħu, il-Kumitat għall-Analiżi tal-Materjal Organiku Persistenti li Jniġġes (Persistent Organic Pollutants Review Committee, POPRC) adotta valutazzjoni tal-ġestjoni tar-riskju għall-eżaklorobutadien (HCBD). Il-valutazzjoni tal-ġestjoni tar-riskju kkonkludiet, fost l-oħrajn, li:

– L-HCBD bħalissa mhux qed jiġi prodott jew użat intenzjonalment u, għalhekk, huwa importanti li tiġi evitata l-introduzzjoni mill-ġdid u li r-riskji assoċjati mar-rilaxx mhux intenzjonat tiegħu jiġu kkontrollati.

– L-HCBD huwa ġġenerat bħala prodott sekondarju mhux intenzjonat mill-proċessi industrijali tal-manifattura (b’mod partikolari l-produzzjoni ta’ idrokarburi klorinati oħrajn u l-produzzjoni tal-manjeżju). Hemm miżuri għat-tnaqqis kemm jista' jkun tar-rilaxxi waqt il-produzzjoni u dawn diġà qegħdin jiġu applikati fil-pajjiżi li huma partijiet tal-Konvenzjoni ta’ Stokkolma.

– L-HCBD jiġi ġġenerat, mhux b’mod intenzjonat, waqt il-kombustjoni u proċessi termali oħrajn u waqt proċessi industrijali. Il-miżuri għat-tnaqqis tar-rilaxxi mhux intenzjonati tal-POPs minn dawn il-proċessi se jwasslu għal iktar tnaqqis tar-rilaxxi tal-HCBD. Il-monitoraġġ tal-HCBD jista' jwassal għal iktar spejjeż.

Mhux magħruf sa liema punt jiġi rilaxxat l-HCBD minn siti għar-rimi tal-iskart li ma għadhomx jintużaw. Hemm disponibbli miżuri ta’ kontroll biex jiġu minimizzati dawn ir-rilaxxi. Fid-disa' laqgħa tiegħu f’Ottubru 2013, il-POPRC irrakkomanda li l-HCBD jiġi elenkat fl-Anness A u fl-Anness C tal-Konvenzjoni mingħajr eżenzjoni.

Dwar in-naftaleni poliklorinati (PCN), il-valutazzjoni tal-ġestjoni tar-riskju kkonkludiet, fost l-oħrajn, li:

– Skont l-informazzjoni disponibbli, il-PCN bħalissa mhux qed jiġu prodotti jew użati intenzjonalment iżda, madankollu, huwa importanti l-użi possibbli li jifdal jiġu limitati u li tiġi evitata l-introduzzjoni mill-ġdid tal-PCN.

– Il-PCN jiġu ġġenerati b'mod mhux intenzjonat matul proċessi industrijali b’temperatura għolja (b’mod partikolari l-inċinerazzjoni tal-iskart, iżda wkoll fi proċessi oħra magħrufa li jiġġeneraw id-Dibenżo-p-diossini poliklorinati/Dibenżofurani poliklorinati (PCDD/PCDF). Il-miżuri għat-tnaqqis tar-rilaxx tal-PCDD/PCDF se jnaqqsu wkoll ir-rilaxxi tal-PCN. Il-monitoraġġ tal-PCN jista’ jwassal għal iktar spejjeż. 

– Mhuwiex magħruf sa liema punt il-PCN jiġu rilaxxati minn siti għar-rimi tal-iskart li ma għadhomx jintużaw u minn stokks ta’ apparati elettrodomestiċi antiki. Il-miżuri li huma fis-seħħ għall-istokks tal-PCB għandhom inaqqsu wkoll b’mod effiċjenti r-rilaxxi tal-PCN mill-istokks.

Fid-disa' laqgħa tiegħu f’Ottubru 2013, il-POPRC irrakkomanda li l-PCN jiġu elenkati fl-Anness A u fl-Anness C tal-Konvenzjoni mingħajr eżenzjoni.

Fl-għaxar laqgħa tiegħu f’Ottubru 2014, il-POPRC adotta valutazzjoni tal-ġestjoni tar-riskju dwar il-pentaklorofenol, l-imlieħ u l-esteri tiegħu (PCP). Il-valutazzjoni tal-ġestjoni tar-riskju kkonkludiet, fost l-oħrajn, li:

– Il-produzzjoni tal-PCP għandha tiġi ristretta, bl-eżenzjoni biss għall-użu bi skopijiet ta’ preservazzjoni tal-injam industrijali għat-trattament tal-arbli u t-traversi tal-elettriku.

Fl-għaxar laqgħa tiegħu f’Ottubru 2014, il-POPRC iddeċieda li jirrakkomanda li l-PCP jiġi elenkat fl-Anness A tal-Konvenzjoni bl-eżenzjoni speċifika għall-produzzjoni u għall-użu tal-PCPs għall-arbli u t-traversi tal-elettriku.

Skont l-Artikolu 8(9) tal-Konvenzjoni, il-POPRC iddeċieda li jippreżenta dawk ir-rakkomandazzjonijiet lis-COP sabiex tikkunsidrahom fil-laqgħa ta’ Mejju 2015.

Il-POPRC adotta wkoll għadd ta’ rakkomandazzjonijiet dwar l-alternattivi għall-użu tal-PFOS f'applikazzjonijiet miftuħa. Għall-applikazzjonijiet li ġejjin saret disponibbli informazzjoni dwar id-disponibbiltà kummerċjali u l-effikaċja tal-alternattivi iktar sikuri għall-PFOS: twapet, ġilda u lbies, drappijiet u tapizzerija, kisi u addittivi tal-kisi, insettiċidi għall-kontroll tan-nemel tan-nar importat aħmar u t-termiti, u l-lixka tal-insetti għall-kontroll tan-nemel li jaqta' l-weraq tal-ispeċijiet Atta spp. u Acromyrmex spp. Barra minn hekk, il-POPRC iħeġġeġ ukoll lill-Partijiet biex jillimitaw l-użu tal-PFOS fil-kisi tal-metall iebes (dan l-użu huwa permess bħala "eżenzjoni speċifika" skont il-Konvenzjoni) għal sistemi b’ċiklu magħluq biss. Dan tal-aħħar ġie permess bħala “skop aċċettabbli" skont il-Konvenzjoni.

L-HCBD u l-liġi tal-UE

L-HCBD huwa sustanza perikoluża ta’ prijorità skont id-Direttiva Qafas dwar l-Ilma (2000/60/KE)[5]. Barra minn hekk, l-HCBD huwa elenkat fil-Protokoll dwar il-POPs tal-Konvenzjoni tal-UNECE dwar it-Tniġġis Transkonfini tal-Arja fuq Distanza Twila (Convention on Long-Range Transboundary Air Pollution, CLRTAP) u, għalhekk, il-Partijiet huma mitluba biex jeliminaw il-produzzjoni u l-użu tiegħu. Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 519/2012 tad-19 ta' Ġunju 2012 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 850/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar pollutanti organiċi persistenti fir-rigward tal-Anness I[6] jimplimenta l-projbizzjoni fil-liġi tal-UE. Madankollu, għad fadal il-kwistjonijiet tal-iskart u l-art ikkontaminata, kif ukoll il-konsiderazzjoni ta’ miżuri biex jipprevjenu l-introduzzjoni mill-ġdid.

Filwaqt li l-produzzjoni tal-HCBD fl-Ewropa waqfet, xorta jista' jibqa' jiġi prodotti b’mod mhux intenzjonat f’xi attivitajiet industrijali. Dawn l-attivitajiet, meta jissodisfaw il-limiti stabbiliti mid-Direttiva dwar l-Emissjonijiet Industrijali (l-IED; 2010/75/UE[7]), għandhom japplikaw l-aħjar tekniki disponibbli (Best Available Techniques, BAT) sabiex jiġu evitati u jitnaqqsu l-emissjonijiet u l-impatt fuq l-ambjent kollu kemm hu.  Sabiex topera, installazzjoni industrijali għandha tikseb permess mingħand awtorità kompetenti ta’ Stat Membru. Dawn il-permessi għandhom jinkludu l-valuri ta’ limitu għall-emissjonijiet tas-sustanzi li jniġġsu elenkati fl-Anness II tal-IED, kif ukoll ta' sustanzi oħra, li aktarx jiġu emessi fi kwantitajiet sinifikanti u b'kunsiderazzjoni tan-natura u l-potenzjal tagħhom għat-trasferiment transmedjali tas-sustanzi li jniġġsu.

Il-PCN u l-liġi tal-UE

Il-PCN huma elenkati fil-Protokoll dwar il-POPs tal-CLRTAP u b’hekk, il-Partijiet huma mitluba biex jeliminaw il-produzzjoni u l-użu tagħhom. Bis-saħħa tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 519/2012, il-produzzjoni u l-użu tal-PCN huma pprojbiti fl-UE. Il-produzzjoni mhux intenzjonata permezz tal-kombustjoni (primarjament l-inċinerazzjoni tal-iskart) hija meqjusa bħala l-aktar sors sinifikanti attwali.

Filwaqt li l-produzzjoni tal-PCN fl-Ewropa waqfet, xorta jistgħu jiġu prodotti b’mod mhux intenzjonat f’xi attivitajiet industrijali. Dawn l-attivitajiet, meta jissodisfaw il-limiti stabbiliti fid-Direttiva dwar l-Emissjonijiet Industrijali (l-IED; 2010/75/UE), jirrikjedu l-applikazzjoni obbligatorja tal-aħjar tekniki disponibbli (Best Available Techniques, BAT) sabiex jiġu evitati u jitnaqqsu l-emissjonijiet u l-impatt fuq l-ambjent kollu kemm hu. Sabiex topera, installazzjoni industrijali għandha tikseb permess mingħand awtorità kompetenti ta’ Stat Membru. Dawn il-permessi għandhom jinkludu l-valuri ta’ limitu għall-emissjonijiet tas-sustanzi li jniġġsu elenkati fl-Anness II tal-IED, kif ukoll ta' sustanzi oħra, li aktarx jiġu emessi fi kwantitajiet sinifikanti u b'kunsiderazzjoni tan-natura u l-potenzjal tagħhom għat-trasferiment transmedjali tas-sustanzi li jniġġsu.

            Il-PCP u l-liġi tal-UE

It-tqegħid fis-suq jew l-użu tal-pentaklorofenol bħala sustanza, bħala kostitwent f’sustanzi oħra, jew f’taħlitiet f’konċentrazzjoni ta' 0,1 % jew aktar tal-piż huma ristretti skont l-entrata 22 fl-Anness XVII tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 (REACH)[8]. Barra minn hekk, it-tqegħid fuq is-suq u l-użu tal-PCP bħala prodott għall-protezzjoni tal-pjanti u bħala prodott bijoċidali huma pprojbiti skont ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009[9] u r-Regolament (UE) Nru 528/2012[10], rispettivament.

Azzjonijiet wara d-deċiżjonijiet tas-COP7

Jeħtieġ li s-sustanzi elenkati fl-Annessi A, B u/jew C tal-Konvenzjoni ta’ Stokkolma jiġu inklużi fir-Regolament dwar il-POPs sabiex jiġi żgurat li l-implimentazzjoni fl-UE tkun tikkorrispondi mal-impenji internazzjonali[11].

L-HCBD u l-PCN ġew miżjuda mal-Anness I tar-Regolament dwar il-POPs fl-2012. L-elenkar fl-Anness C tal-Konvenzjoni ta’ Stokkolma se jirrikjedi wkoll l-elenkar fl-Anness III.

Wara l-elenkar fl-Anness A tal-Konvenzjoni ta’ Stokkolma, il-PCP se jkollu jiġi miżjud mal-Anness I tar-Regolament dwar il-POPs. Peress li dan ifisser li l-elenkar attwali fl-Anness XVII tar-Regolament REACH ma jibqax validu, ser tinbeda t-tneħħija minn dak l-Anness.

Il-PFOS u l-liġi tal-UE

Fir-raba’ laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni ta' Stokkolma f'Mejju 2009, intlaħaq ftehim biex il-PFOS u d-derivattivi tiegħu, fost l-oħrajn, jiġu elenkati fl-Anness B tal-Konvenzjoni, b’għadd ta’ eżenzjonijiet speċifiċi u ta’ skopijiet aċċettabbli. Il-leġiżlazzjoni ta’ implimentazzjoni tal-UE hija iktar restrittiva mill-Konvenzjoni ta’ Stokkolma peress li ma tinkudix l-eżenzjonijiet u l-iskopijiet aċċettabbli li diġà kienu pprojbiti fl-UE skont ir-REACH. Dan sar sabiex ikun hemm konformità mal-prinċipju ġenerali li ma jitbaxxiex il-livell ta’ protezzjoni ambjentali fl-UE.

Il-proċedura għaż-Żieda ta' sustanzi POP ġodda u l-Emendar tal-Annessi tal-Konvenzjoni

Skont l-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni, il-Partijiet jistgħu jippreżentaw proposti lis-Segretarjat għall-elenkar ta’ sustanza kimika fl-Annessi A, B u/jew C. Il-Kumitat għall-Analiżi tal-Materjal Organiku Persistenti li Jniġġes (POPRC) għandu jeżamina l-proposta.

Jekk din l-analiżi tikkonkludi li huwa probabbli li s-sustanza kimika, minħabba li fl-ambjent tiġi ppropagata fuq distanza twila, se twassal għal effetti ħżiena sinifikanti fuq is-saħħa tal-bniedem u/jew fuq l-ambjent b’tali mod li tkun meħtieġa azzjoni globali, il-proposta għandha tipproċedi u għandha titfassal valutazzjoni tal-ġestjoni tar-riskji li tinkludi analiżi tal-miżuri ta’ kontroll possibbli. Abbażi ta' dan, il-POPRC jirrakkomanda lis-COP biex tikkunsidra jekk is-sustanza kimika għandhiex titqies għall-elenkar fl-Annessi A, B u C. Id-deċiżjoni finali tittieħed mis-COP.

Għall-UE, l-emendi fl-Annessi A, B u/jew C jidħlu fis-seħħ sena mid-data tal-komunikazzjoni mid-depożitarju tal-adozzjoni tagħhom mis-COP.

Ir-rakkomandazzjonijiet tal-POPRC u l-Liġi tal-UE

Ir-rakkomandazzjoni tal-POPRC, jekk tiġi segwita mis-COP f’Mejju 2015, se twassal għall-projbizzjonijiet internazzjonali tal-manifattura, it-tqegħid fis-suq, l-importazzjoni/l-esportazzjoni u l-użu tal-PCN, l-HCBD u l-PCP, ħlief għall-produzzjoni u l-użu tal-PCP għall-arbli u t-traversi tad-dawl.

L-elenkar tal-HCBD u l-PCN fl-Anness A u l-Anness C u tal-PCP fl-Anness A tal-Konvenzjoni se jirrikjedi li jsiru emendi lir-Regolament dwar il-POPs. Skont l-Artikolu 14(1) tar-Regolament, meta jiġu miżjuda s-sustanzi mal-Konvenzjoni, il-bidliet fl-Annessi tar-Regolament jistgħu jsiru skont il-proċeduri ta’ kumitat stabbiliti fl-Artikolu 5a tad-Deċiżjoni 1999/468/KE[12], b'kunsiderazzjoni tal-Artikoli 10 u 11 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011[13].

Fir-rigward tal-PFOS u tad-derivattivi tiegħu, it-tneħħija tal-eżenzjonijiet speċifiċi elenkati fir-rapport tal-POPRC mhu se jkollha l-ebda impatt fuq il-liġi tal-UE peress li l-eżenzjonijiet rilevanti jew ma ġewx implimentati fir-Regolament dwar il-POPs jew diġà skadew. L-unika eċċezzjoni għal dan hija l-eżenzjoni għall-użu tal-PFOS fil-kisi tal-metall iebes f’sistemi miftuħa, attwalment eżentat skont ir-Regolament dwar il-POPs għall-użu bħala aġenti li jnaqqsu t-tensjoni tas-superfiċje ta’ likwidu (wetting agents) f’sistemi kkontrollati ta’ kisi bl-elettrodepożizzjoni. Madanakollu, din l-eżenzjoni skont ir-Regolament dwar il-POPs hija permessa biss sas-26 ta’ Awwissu 2015.

            Il-pożizzjoni tal-UE

Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar’ il fuq, fis-seba’ COP tal-Konvenzjoni ta’ Stokkolma, l-Unjoni Ewropea għandha tappoġġa ż-żieda tal-PCN u l-HCBD mal-Annessi A u C tal-Konvenzjoni, u ż-żieda tal-PCP mal-Anness A. Billi l-PCP diġà huwa ristrett fl-UE, mhix meħtieġa eżenzjoni speċifika għall-produzzjoni u l-użu tal-PCP għall-arbli u t-traversi tal-elettriku, iżda tista' tiġi aċċettata bħala parti minn kompromess ġenerali. Barra minn hekk, l-Unjoni Ewropea għandha tappoġġa t-tħassir tal-eżenzjonijiet speċifiċi u l-iskopijiet aċċettabbli rilevanti għall-PFOS u d-derivattivi tiegħu, inkluż l-eżenzjoni għall-użu bħala aġenti li jnaqqsu t-tensjoni tas-superfiċje ta’ likwidu f’sistemi kkontrollati ta’ kisi bl-elettrodepożizzjoni, peress li t-tħassir tal-eżenzjoni ser tidħol fis-seħħ biss wara l-iskadenza tal-eżenzjoni fl-UE f’Awwissu 2015.

2.           RIŻULTATI TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET INTERESSATI U VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

Billi l-PCN u l-HCBD diġà huma elenkati fir-Regolament (KE) Nru 850/2004 dwar il-POPs, ma jitqiesx li hemm bżonn ta' iktar konsultazzjonijiet. Billi t-tqegħid fis-suq u l-użu fl-UE tal-PCP diġà huma pprojbiti skont l-elenkar fl-Anness XVII tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 (REACH) n-nonapprovazzjoni skont ir- Regolament (KE) Nru 1107/2009 u r-Regolament (UE) Nru 528/2012, ma kienx meqjus li hemm bżonn ta' iktar konsultazzjonijiet lanqas. Is-sustanzi kollha ġew soġġetti għal konsultazzjonijiet miftuħa mal-partijiet ikkonċernati madwar id-dinja matul il-valutazzjoni tal-POPRC u l-partijiet ikkonċernati tħallew jieħdu sehem ukoll fid-deliberazzjonijiet tal-POPRC.

3.           ELEMENTI LEGALI TAL-PROPOSTA

Il-proposta tikkonsisti f’Deċiżjoni tal-Kunsill, ibbażata fuq l-Artikoli 192(1) u 218(9) tat-TFUE, li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tiġi adottata, f’isem l-UE, fis-COP7 tal-Konvenzjoni ta’ Stokkolma dwar Materjal Organiku Persistenti li Jniġġes dwar il-proposti għall-emendar tal-Annessi A, B u C.

L-Artikolu 218(9) tat-TFUE huwa l-bażi legali xierqa peress li l-att li s-COP7 qed tintalab tadotta huwa deċiżjoni li temenda anness tal-Konvenzjoni ta’ Stokkolma li għandu effetti legali.

2015/0069 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata, f’isem l-Unjoni Ewropea, fis-Seba' Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni ta’ Stokkolma dwar Materjal Organiku Persistenti li Jniġġes dwar il-proposti għall-emendar tal-Annessi A, B u C

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 191(1) flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Billi:

(1)       Fl-14 ta’ Ottubru 2004, il-Konvenzjoni ta’ Stokkolma dwar Materjal Organiku Persistenti li Jniġġes (“il-Konvenzjoni”) ġiet approvata, f’isem il-Komunità Ewropea, permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/507/KE[14].

(2)       L-Unjoni implimentat l-obbligi tal-Konvenzjoni fil-liġi tal-Unjoni permezz tar-Regolament (KE) Nru 850/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill[15].

(3)       L-Unjoni tagħmel enfasi kbira fuq il-ħtieġa li l-Konvenzjoni gradwalment tespandi l-Annessi A, B u/jew C tagħha b’sustanzi ġodda li jissodisfaw il-kriterji ta’ materjali organiċi persistenti li jniġġsu (POPs), billi jitqies il-prinċipju prekawzjonarju, sabiex jintlaħaq l-għan tal-Konvenzjoni u jitwettaq l-impenn li l-gvernijiet kollha daħlu għalih fis-Samit Dinji dwar l-Iżvilupp Sostenibbli li sar f'Johannesburg fl-2002, li jitnaqqsu kemm jista' jkun l-effetti ħżiena tas-sustanzi kimiċi sal-2020.

(4)       Skont l-Artikolu 22 tal-Konvenzjoni, il-Konferenza tal-Partijiet ("COP") tista’ tadotta deċiżjonijiet li jemendaw l-Annessi A, B u/jew C tal-Konvenzjoni. Dawk id-deċiżjonijiet jidħlu fis-seħħ sena mid-data tal-komunikazzjoni mid-depożitarju ta’ emenda, għajr għal dawk il-partijiet tal-Konvenzjoni ("il-Partijiet") li jkunu għażlu li ma jipparteċipawx.

(5)       Wara n-nomina tal-pentaklorofenol (PCP)[16] mill-Unjoni fl-2011, il-Kumitat għall-Analiżi tal-Materjal Organiku Persistenti li Jniġġes ("POPRC"), stabbilit skont il-Konvenzjoni, ikkonkluda ħidmietu dwar il-PCP. Il-POPRC sab li l-PCP jissodisfa l-kriterji tal-Konvenzjoni għall-elenkar fl-Anness A. Fis-seba' laqgħa tagħha, is-COP li jmiss mistennija tiddeċiedi dwar l-inklużjoni tal-PCP fl-Anness A tal-Konvenzjoni.

(6)       It-tqegħid fis-suq u l-użu tal-PCP huma pprojbiti skont l-entrata 22 tal-Anness XVII tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (REACH)[17]. It-tqegħid fis-suq u l-użu tal-PCP bħala prodott għall-protezzjoni tal-pjanti kif ukoll bħala prodott bijoċidali huma pprojbiti skont ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill[18] u r-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill[19], rispettivament. Peress li l-PCP fl-ambjent jista’ jiġi ppropagat fuq distanza twila, eliminazzjoni gradwali globali tal-użu ta’ din is-sustanza tkun iktar ta’ benefiċċju għaċ-ċittadini tal-UE mill-projbizzjoni fl-Unjoni.

(7)       Il-POPRC jirrakkomanda li l-PCP jiġi elenkat skont il-Konvenzjoni bl-eżenzjoni speċifika għall-produzzjoni u l-użu tiegħu għall-arbli u t-traversi tal-elettriku. L-Unjoni m’għandhiex bżonn tal-eżenzjoni speċifika, iżda għandha taċċetta l-eżenzjoni fis-COP7, jekk ikun hemm bżonn, biex tiżgura l-elenkar tal-PCP.

(8)       Wara n-nomina tan-naftaleni klorinati mill-Unjoni fl-2011, il-POPRC sab li n-naftaleni poliklorinati (PCN) jissodisfaw il-kriterji tal-Konvenzjoni għall-elenkar fl-Annessi A u C. Fis-seba’ laqgħa tagħha, is-COP hija mistennija tiddeċiedi dwar l-inklużjoni tal-PCN fl-Annessi A u C tal-Konvenzjoni.

(9)       Il-PCN mhumiex prodotti fl-Unjoni iżda jistgħu jiġu prodott b’mod mhux intenzjonat, l-aktar permezz tal-kombustjoni (primarjament l-inċinerazzjoni tal-iskart). Dawn l-attivitajiet huma koperti mid-Direttiva 2010/75/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill[20], u jirrikjedu l-applikazzjoni ta’ ċerti miżuri ta’ ġestjoni tal-emissjonijiet.

(10)     It-tqegħid fis-suq u l-użu tal-PCN huma pprojbiti fl-Unjoni skont ir-Regolament (KE) Nru 850/2004, kif emendat mir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 519/2012[21]. Peress li l-PCN fl-ambjent jistgħu jiġu ppropagati fuq distanza twila, eliminazzjoni gradwali globali tal-użu ta’ dawn is-sustanzi se tkun iktar ta’ benefiċċju għaċ-ċittadini tal-UE minn projbizzjoni skont ir-Regolament (KE) Nru 850/2004 fl-Unjoni.

(11)     Wara n-nomina tal-eżaklorobutadien (HCBD) mill-Unjoni fl-2011, il-POPRC sab li l-HCBD jissodisfa l-kriterji tal-Konvenzjoni għall-elenkar fl-Annessi A u C. Fis-seba’ laqgħa tagħha, is-COP hija mistennija tiddeċiedi dwar l-inklużjoni tal-HCBD fl-Annessi A u C tal-Konvenzjoni.

(12)     Il-produzzjoni tal-HCBD waqfet fl-Unjoni iżda l-HCBD xorta jista' jiġi prodott b’mod mhux intenzjonat f’xi attivitajiet industrijali. Dawn l-attivitajiet huma koperti mid-Direttiva 2010/75/UE u jirrikjedu l-applikazzjoni ta’ ċerti miżuri ta’ ġestjoni tal-emissjonijiet.

(13)     It-tqegħid fis-suq u l-użu tal-HCBD huma pprojbiti fl-Unjoni skont ir-Regolament (KE) Nru 850/2004, kif emendat mir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 519/2012. Peress li l-HCBD fl-ambjent jista’ jiġi ppropagat fuq distanza twila, eliminazzjoni gradwali globali tal-użu ta’ din is-sustanza tkun iktar ta’ benefiċċju għaċ-ċittadini tal-UE minn projbizzjoni skont ir-Regolament (KE) Nru 850/2004 fl-Unjoni.

(14)     L-aċidu sulfoniku tal-perfluworoottan u d-derivattivi tiegħu (PFOS) diġà huma elenkati fl-Anness A tal-Konvenzjoni b’għadd ta’ eżenzjonijiet speċifiċi. Wara reviżjoni ta’ dawn l-eżenzjonijiet, il-POPRC jinkoraġġixxi lill-partijiet biex ma jibqgħux jużaw il-PFOS fit-twapet, il-ġilda u l-lbies, id-drappijiet u t-tapizzerija, il-kisi u l-addittivi tal-kisi u fl-insettiċidi għall-kontroll tan-nemel tan-nar ħomor importati u tat-termiti. Barra minn hekk, il-POPRC jinkoraġġixxi lill-partijiet sabiex jillimitaw l-użu tal-PFOS fil-kisi tal-metall iebes, attwalment permess bħala "eżenzjoni speċifika", għal sistemi b’ċiklu magħluq biss, li huwa permess bħala "skop aċċettabbli" skont il-Konvenzjoni. Barra minn hekk, il-POPRC jinkoraġġixxi lill-partijiet biex ma jibqgħux jużaw il-PFOS fil-lixki tal-insetti għall-kontroll tan-nemel li jaqta' l-weraq tal-ispeċijiet Atta spp. u Acromyrmex spp., li attwalment huwa permess bħala "skop aċċettabbli”.

(15)     L-Unjoni għandha tappoġġa t-tħassir tal-“eżenzjonijiet speċifiċi” u l-“iskopjiet aċċettabbli” għall-PFOS u d-derivattivi tiegħu f’konformità mal-proposta tal-POPRC, inkluż l-eżenzjoni għall-użu bħala aġenti li jnaqqsu t-tensjoni tas-superfiċje ta’ likwidu f’sistemi kkontrollati ta’ kisi bl-elettrodepożizzjoni, li ġiet implimentata fl-Unjoni bir-Regolament (KE) Nru 850/2004 kif emendat bir-Regolament (UE) Nru 757/2010[22] bid-data ta’ skadenza tas-26 ta’ Awwissu 2015,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li għandha tittieħed mill-Unjoni fis-seba’ Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni ta’ Stokkolma għandha tkun, f’konformità mar-rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat għall-Analiżi tal-Materjal Organiku Persistenti li Jniġġes[23], li tappoġġa:

– l-elenkar tal-pentaklorofenol (PCP)[24] fl-Anness A tal-Konvenzjoni. Jekk ikun meħtieġ, l-Unjoni tista’ taċċetta “eżenzjoni speċifika” għall-produzzjoni u l-użu tal-PCP għall-arbli u t-traversi tal-elettriku;

– l-elenkar tan-naftaleni poliklorinati (PCN)[25] fl-Annessi A u C tal-Konvenzjoni mingħajr eżenzjonijiet;

– l-elenkar tal-eżaklorobutadien (HCBD) fl-Annessi A u C tal-Konvenzjoni mingħajr eżenzjonijiet;

– it-tneħħija tal-eżenzjonijiet u tal-iskopijiet aċċettabbli li ġejjin mill-entrata dwar l-aċidu sulfoniku tal-perfluworoottan (PFOS) u d-derivattivi tiegħu fl-Anness B tal-Konvenzjoni: twapet; ġilda u lbies; drappijiet u tapizzerija; kisi u addittivi tal-kisi; insettiċidi għall-kontroll tan-nemel tan-nar ħomor importati u tat-termiti; u l-lixka tal-insetti għall-kontroll tan-nemel li jaqta' l-weraq tal-ispeċijiet Atta spp. u Acromyrmex spp.;

– it-tħassir tal-eżenzjoni speċifika għall-PFOS fil-kisi tal-metall, ħlief għal kisi ta’ metall iebes f’sistemi b’ċiklu magħluq biss, elenkati bħala “skop aċċettabbli"  fil-Konvenzjoni.

Ir-raffinar ta’ din il-pożizzjoni, fid-dawl tal-iżviluppi fis-seba’ laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni ta’ Stokkolma, jista’ jiġi miftiehem mir-rappreżentanti tal-Unjoni fil-laqgħa, wara koordinazzjoni fuq il-post, mingħajr deċiżjoni ulterjuri tal-Kunsill.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell,

                                                                       Għall-Kunsill

                                                                       Il-President

[1]               http://www.pops.int/documents/convtext/convtext_en.pdf.

[2]               Żewġ Stati Membri tal-UE għadhom ma rratifikawx (l-Italja u Malta).

[3]               ĠU L 209, 31.7.2006, p. 1.

[4]               ĠU L 158, 30.4.2004, p. 7.

[5]               ĠU L 327, 22.12.2000, p. 1.

[6]               ĠU L 159, 20.06.2012, p. 1.

[7]               ĠU L 334, 17.12.2010, p. 17.

[8]               ĠU L 396, 30.12.2006, p. 1.

[9]               ĠU L 309, 24.11.2009, p. 1.

[10]             ĠU L 167, 27.06.2012, p. 1.

[11]             L-istess japplika għas-sustanzi miżjuda mal-Annessi I, II u/jew III tal-Protokoll tal-UN-ECE dwar il-POPs.

[12]             Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta Ġunju 1999 li tipprovdi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat tal-implimentazzjoni konferiti fuq il-Kummissjoni, ĠU L 184, 17.7.1999, p. 23.

[13]             Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni, ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13.

[14]             Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/507/KE tal-14 ta' Ottubru 2004 dwar il-konklużjoni, f’isem il-Komunità Ewropea, tal-Konvenzjoni ta’ Stokkolma dwar Materjal Organiku Persistenti li Jniġġes (ĠU L 209, 31.7.2006, p. 1).

[15]             Ir-Regolament (KE) Nru 850/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar pollutanti organiċi persistenti u li jemenda d-Direttiva 79/117/KEE (ĠU L 158, 30.4.2004, p. 7).

[16]             In-Nomina UNEP/POPS/POPRC-7/4

[17]             Ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2006 dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta ' sustanzi kimiċi (REACH), li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, li jemenda d-Direttiva 1999/45/KE u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 793/93 u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1488/94 kif ukoll id-Direttiva tal-Kunsill 76/769/KEE u d-Direttivi tal-Kummissjoni 91/155/KEE, 93/67/KEE, 93/105/KE u 2000/21/KE (ĠUL396, 30.12.2006, p.1).

[18]             Ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2009 dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 79/117/KEE u 91/414/KEE (ĠU L 309, 24.11.2009, p. 1).

[19]             Ir-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2012 dwar it-tqegħid fis-suq u l-użu tal-prodotti bijoċidali (ĠU L 167, 27.06.2012, p. 1).

[20]             Id-Direttiva 2010/75/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 24 ta’ Novembru 2010 dwar l-emissjonijiet industrijali (ĠU L 334, 17.12.2010, p. 17).

[21]             Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 519/2012 tad-19 ta’ Ġunju 2012 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 850/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar pollutanti organiċi persistenti fir-rigward tal-Anness I (ĠU L 159, 20.06.2012, p. 1).

[22]             Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 757/2010, ĠU 223/29 tal-25. 8. 2010 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 850/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar pollutanti organiċi persistenti fir-rigward tal-Annessi I u III.

[23]             Id-Deċiżjonijiet POPR C-10/1, POPR C-9/1, POPR C-9/2,

[24]             Pentaklorofenol u l-imlieħ u l-esteri tiegħu.

[25]             naftaleni diklorinati, naftaleni triklorinati, naftaleni tetraklorinati, naftaleni pentaklorinati, naftaleni eżaklorinati, naftaleni eptaklorinati u naftaleni ottaklorinati, individwalment jew bħala komponenti tan-naftaleni klorinati.

Top