Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52015PC0110

    Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar il-konklużjoni tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u Santa Luċija dwar l-eżenzjoni mill-viża għal perjodu qasir

    /* COM/2015/0110 final - 2015/0060 (NLE) */

    52015PC0110

    Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar il-konklużjoni tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u Santa Luċija dwar l-eżenzjoni mill-viża għal perjodu qasir /* COM/2015/0110 final - 2015/0060 (NLE) */


    MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

    1.           SFOND POLITIKU U LEGALI

    Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 539/2001[1] jelenka l-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom għandhom ikollhom viża fil-pussess tagħhom meta jaqsmu l-fruntieri esterni ta' Stati Membri u dawk li ċ-ċittadini tagħhom huma eżentati minn dak ir-rekwiżit. Ir-Regolament (KE) Nru 539/2001 huwa applikat mill-Istati Membri kollha, bl-eċċezzjoni tal-Irlanda u r-Renju Unit.

    Ir-Regolament (UE) Nru 509/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill[2] emenda r- Regolament (KE) Nru 539/2001 bit-trasferiment ta’ 19-il pajjiż għall-Anness II, li jelenka l-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom huma eżentati mill-ħtieġa ta’ viża.  Dawn id-19-il pajjiżi huma: Il-Kolombja, Dominika, Grenada, Kiribati, il-Gżejjer Marshall, il-Mikroneżja, Nauru, il-Palaw, il-Perù, Santa Luċija, Saint Vincent u l-Grenadini, Samoa, il-Gżejjer Solomon, Timor-Leste, Tonga, Trinidad u Tobago, Tuvalu, l-Emirati Għarab Magħquda u l-Vanwatu. Ir-referenza għal kull wieħed minn dawk il-pajjiżi fl-Anness II hija akkumpanjata b’nota ta’ qiegħ il-paġna li tispeċifika li “l-eżenzjoni mill-ħtieġa tal-viża għandha tapplika mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ ftehim dwar l-eżenzjoni tal-viża li għandu jiġi konkluż mal-Unjoni Ewropea”. 

    Ir-Regolament (UE) Nru 509/2014 ġie adottat fl-20 ta’ Mejju 2014 u daħal fis-seħħ fid-9 ta’ Ġunju 2014.  F’Lulju 2014, il-Kummissjoni ppreżentat Rakkomandazzjoni lill-Kunsill sabiex jawtorizzaha tiftaħ negozjati dwar ftehimiet ta’ eżenzjoni mill-viża ma’ kull wieħed miss-17-il pajjiż li ġejjin: Dominika, Grenada, Kiribati, il-Gżejjer Marshall, il-Mikroneżja, Nauru, il-Palaw, Santa Luċija, Saint Vincent u l-Grenadini, Samoa, il-Gżejjer Solomon, Timor-Leste, Tonga, Trinidad u Tobago, Tuvalu, l-Emirati Għarab Magħquda u l-Vanwatu.[3]. Fid-9 ta’ Ottubru 2014, il-Kunsill ħareġ direttivi ta’ negozjati lill-Kummissjoni.

    Il-Kolombja u l-Perù huma, skont il-premessa 5 tar-Regolament (UE) Nru 509/2014 u d-Dikjarazzjoni Konġunta maħruġa fi żmien l-adozzjoni, suġġetta għal proċedura speċifika li teħtieġ valutazzjoni ulterjuri tat-twettiq minnhom tal-kriterji rilevanti, qabel ma l-Kummissjoni tkun tista’ tippreżenta lill-Kunsill rakkomandazzjonijiet għal deċiżjonijiet li jawtorizzaw il-ftuħ tan-negozjati dwar il-ftehimiet dwar l-eżenzjoni tal-viża ma’ dawn iż-żewġ pajjiżi.  Huma għalhekk ma ġewx inklużi r-Rakkomandazzjoni msemmija hawn fuq lill-Kunsill.  

    In-negozjati dwar il-ftehim tal-eżenzjoni mill-viża ma’ Santa Luċija u erba’ pajjiżi oħra tal-Karibew bdew fit-12 ta’ Novembru 2014 fi Brussell. Matul din il-laqgħa, l-abbozz tat-test kollu seta’ jiġi rivedut u ntlaħaq qbil dwar ħafna aspetti tiegħu. Ir-rappreżentanti mill-pajjiżi tal-Karibew insistew madankollu li jiġu ċċarati ċerti dispożizzjonijiet fl-Artikoli 6(2)(c), 8(1) u 8(4). Wara numru ta’ skambji informali sussegwenti, ġew aċċettati modifiki żgħar għal dawk l-Artikoli mill-Kummissjoni. Il-Ftehim ġie inizjalat min-negozjaturi ewlenin fil-11 ta’ Diċembru 2014.

    L-Istati Membri ġew mgħarrfa waqt il-laqgħa tal-Grupp ta’ Ħidma dwar il-Viża tal-Kunsill saret fil-21 ta’ Novembru 2014.

    Min-naħa tal-Unjoni, il-bażi legali għall-Ftehim hu l-punt (a) tal-Artikolu 77(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), flimkien mal-Artikolu 218 tiegħu.

    [...] ffirmat il-Ftehim fil-[...] f’isem l-Unjoni. F’konformità mal-punt (a) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 218(6) TFUE, il-kunsens tal-Parlament Ewropew għall-konklużjoni tal-Ftehim ingħata fil-[...].

    2.           IR-RIŻULTAT TAN-NEGOZJATI

    Il-Kummissjoni tikkunsidra li nkisbu l-objettivi stabbiliti mill-Kunsill fid-direttivi ta’ negozjati tiegħu u li l-abbozz ta’ ftehim għall-eżenzjoni mill-viża hu aċċettabbli għall-Unjoni.

    Il-kontenut finali tiegħu jista’ jitqassar kif ġej:

    Għan

    Il-ftehim jipprovdi għal vjaġġar mingħajr viża għaċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea u għaċ-ċittadini ta' Santa Luċija meta jivvjaġġaw lejn it-territorju tal-Parti Kontraenti l-oħra għall-perjodu massimu ta' 90 jum fi kwalunkwe perjodu ta' 180 jum.

    Sabiex jitħares it-trattament ugwali taċ-ċittadini kollha tal-UE, ġiet inkluża dispożizzjoni fil-Ftehim li tistipula li Santa Luċija tista’ tissospendi jew itemm il-ftehim biss fil-konfront tal-Istati Membri kollha tal-Unjoni Ewropea  u l-Unjoni tista' wkoll tissospendi jew ittemm il-Ftehim biss fil-konfront tal-Istati Membri tagħha.

    Is-sitwazzjoni speċifika tar-Renju Unit u tal-Irlanda hija riflessa fil-preambolu.

    Kamp ta’ applikazzjoni

    L-eżenzjoni mill-viża tkopri l-kategoriji kollha ta’ persuni (dawk li għandhom passaport ordinarju, diplomatiku, tas-servizz/uffiċjali jew speċjali) li jivvjaġġaw għal għanijiet differenti, bl-eċċezzjoni tal-għan tat-twettiq ta attività bi ħlas. Għal din l-aħħar kategorija, kull Stat Membru kif ukoll Santa Luċija jibqgħu ħielsa milli jimponu l-ħtieġa tal-viża fuq iċ-ċittadini tal-Parti l-oħra oħra konformi mal-liġi tal-Unjoni jew nazzjonali applikabbli. Sabiex tkun żgurata implimentazzjoni armonizzata, dikjarazzjoni konġunta hi mehmuża mal-ftehim dwar l-interpretazzjoni tal-kategorija ta' persuni li jivvjaġġaw bl-għan li jwettqu attività bi ħlas.

    Perjodu ta’ żmien tas-soġġorn

    Il-ftehim jipprovdi għal vjaġġar mingħajr viża għaċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea u għaċ-ċittadini ta' Santa Luċija meta jivvjaġġaw lejn it-territorju tal-Parti Kontraenti l-oħra għall-perjodu massimu ta' 90 jum fi kwalunkwe perjodu ta' 180 jum. Dikjarazzjoni konġunta dwar l-interpretazzjoni ta’ dan il-perjodu ta’ 90 jum huwa mehmuż ma’ dan il-ftehim.

    Il-ftehim jikkunsidra s-sitwazzjoni tal-Istati Membri li għadhom ma applikawx l-acquis ta' Schengen b’mod sħiħ. Sakemm huma mhux parti miż-żona ta’ Schengen mingħajr fruntieri interni, l-eżenzjoni mill-viża tagħti dritt liċ-ċittadini ta' Santa Luċija biex jibqgħu għal 90 jum fit-territorju ta’ kull wieħed minn dawk l-Istati Membri (il-Bulgarija, il-Kroazja, Ċipru, u r-Rumanija), irrispettivament mill-perjodu kkalkulat għaż-żona sħiħa ta’ Schengen.

    Applikazzjoni territorjali

    Il-ftehim għandu dispożizzjonijiet relatati mal-applikazzjoni territorjali tiegħu: fil-każ ta’ Franza u l-Olanda, l-eżenzjoni mill-viża għandha tintitola liċ-ċittadini ta' Santa Luċija biex jibqgħu biss fit-territorji Ewropej ta' dawn l-Istati Membri.

    Dikjarazzjonijiet

    Dikjarazzjonijiet konġunti oħra huma mehmuża mal-ftehim:

    - dwar it-tixrid totali tal-informazzjoni dwar il-kontenut u l-konsegwenzi tal-ftehim dwar l-eżenzjoni mill-viża u kwistjonijiet relatati, bħal-kundizzjonijiet tad-dħul fit-territorju, u

    - dwar l-assoċjazzjoni tan-Norveġja, l-Islanda, l-Isvizzera u l-Liechtenstein mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen.

    3.           KONKLUŻJONIJIET

    Fid-dawl tar-riżultati msemmija hawn fuq, il-Kummissjoni tipproponi li l-Kunsill japprova, wara li jikseb il-kunsens tal-Parlament Ewropew, il-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u Santa Luċija dwar il-viża għal perjodu qasir.

    2015/0060 (NLE)

    Proposta għal

    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

    dwar il-konklużjoni tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u Santa Luċija dwar l-eżenzjoni mill-viża għal perjodu qasir

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-punt (a) tal-Artikolu 77(2), flimkien mal-punt (a) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 218(6), tiegħu,

    Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidra l-kunsens tal-Parlament Ewropew,

    Billi:

    (1)       Il-Kummissjoni nnegozjat Ftehim, f’isem l-Unjoni Ewropea, ma' Santa Luċija dwar l-eżenzjoni mill-viża għal perjodu qasir (minn hawn 'il quddiem "il-Ftehim").

    (2)       Dan il-Ftehim ġie iffirmat, f'isem l-Unjoni Ewropea, fil-… 2015, u japplika b'mod proviżorju, suġġett għall-konklużjoni possibbli tiegħu aktar tard, skont id-Deċiżjoni …../…/KE tal-Kunsill tal-[….].

    (3)       Il-Ftehim għandu jiġi approvat.

    (4)       Il-Ftehim jistabbilixxi Kumitat Konġunt għall-ġestjoni tal-Ftehim, li għandu jadotta r-regoli tal-proċedura tiegħu. Ikun xieraq li titfassal proċedura simplifikata għall-istabbiliment tal-pożizzjoni tal-Unjoni f'dan il-każ.

    (5)       Skont il-Protokoll dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda fir-rigward tal-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja u l-Protokoll dwar l-acquis ta’ Schengen integrat fil-qafas tal-Unjoni Ewropea, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u jikkonfermaw li d-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim ma japplikawx għar-Renju Unit u l-Irlanda,

    IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

    Artikolu 1

    Il-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u Santa Luċija dwar l-eżenzjoni mill-viża għal perjodu qasir hi minn issa 'l quddiem approvata f’isem l-Unjoni.

    Artikolu 2

    Il-President tal-Kunsill jagħti n-notifika pprovduta fl-Artikolu 8(1) tal-Ftehim[4].

    Artikolu 3

    Il-Kummissjoni, assistita minn esperti mill-Istati Membri, tirrappreżenta lill-Komunità fil-Kumitat Konġunt ta’ esperti stabbilit mill-Artikolu 6 tal-Ftehim.

    Artikolu 4

    Il-pożizzjoni tal-Unjoni fi ħdan il-Kumitat Konġunt ta’ esperti dwar l-adozzjoni tar-regoli tal-proċedura tiegħu skont l-Artikolu 6(4) tal-Ftehim għandha tittieħed mill-Kummissjoni wara konsultazzjoni ma’ kumitat speċjali maħtur mill-Kunsill.

    Artikolu 5

    Din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.

    Magħmul fi Brussell,

                                                                           Għall-Kunsill

                                                                           Il-President

    [1]               Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 539/2001 tal-15 ta’ Marzu 2001 li jelenka l-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom għandhom ikollhom viża fil-pussess tagħhom meta jaqsmu l-fruntieri esterni u dawk li ċ-ċittadini li huma eżentati minn dik il-ħtieġa, ĠU L 81, 21.03.2001, p. 1

    [2]               Ir-Regolament (UE) Nru 509/2014 tal-15 ta’ Marzu 2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jelenka l-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom għandhom ikollhom viża fil-pussess tagħhom meta jaqsmu l-fruntieri esterni u dawk li ċ-ċittadini li huma eżentati minn dik il-ħtieġa, ĠU L 149, 20.05.2001, p. 67

    [3]               COM (2014) 467, 17.7.2014

    [4]               Id-data tad-dħul fis-seħħ tal-Ftehim tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill.

    ANNESS

    tal-

    Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill

    dwar il-konklużjoni tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u Saint Lucia dwar l-eżenzjoni mill-viża għal perjodu qasir

    FTEHIM

    bejn l-Unjoni Ewropea u Saint Lucia dwar l-eżenzjoni mill-viża għal perjodu qasir

    L-UNJONI EWROPEA, minn hawn ’il quddiem imsejħa "l-Unjoni", u

    SAINT LUCIA, minn hawn ’il quddiem magħrufa flimkien bħala l-“Partijiet Kontraenti”,

    BIL-ĦSIEB li jiġu żviluppati ulterjorment relazzjonijiet ta’ ħbiberija bejn il-partijiet Kontraenti u bix-xewqa li jiġi ffaċilitat l-ivvjaġġar billi jiġi żgurat dħul u soġġorn għal perjodu qasir mingħajr viża għaċ-ċittadini tagħhom,

    WARA LI KKUNSIDRAW ir-Regolament (UE) Nru 509/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014, li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 539/2001 li jelenka l-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom għandu jkollhom viża fil-pussess tagħhom meta jaqsmu l-fruntieri esterni u dawk li ċ-ċittadini tagħhom huma eżentati minn dik il-ħtieġa billi, fost l-oħrajn, jittrasferixxu 19-il-pajjiżi terzi, inkluż Saint Lucia, għal fuq il-lista ta’ pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom huma eżentati mir-rekwiżit ta' viża għal soġġorni qosra fl-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea (UE),

    FILWAQT LI HUMA KONXJI li l-Artikolu 1 tar-Regolament (UE) Nru 509/2014 jistipula li għal dawn id-19-il-pajjiż, l-eżenzjoni mill-ħtieġa ta' viża tapplika mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ ftehim dwar l-eżenzjoni mill-viża li għandu jiġi konkluż mal-Unjoni Ewropea,

    FILWAQT LI JIXTIEQU li jitħares il-prinċipju ta’ trattament ugwali taċ-ċittadini kollha tal-UE,

    WARA LI JIKKUNSIDRAW li l-persuni li jivvjaġġaw b'fini ta’ attività bi ħlas matul is-soġġorn qasir tagħhom mhumiex koperti b’dan il-ftehim u għalhekk għal din il-kategorija r-regoli relevanti tal-liġi tal-Unjoni u tal-liġi nazzjonali tal-Istati Membri u tal-liġi nazzjonali ta’ Saint Lucia dwar l-obbligu jew l-eżenzjoni mill-viża u dwar l-aċċess għal impjieg jibqgħu japplikaw,

    WARA LI JIKKUNSIDRAW il-Protokoll dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda fir-rigward tal-ispazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja u l-Protokoll dwar l-acquis ta' Schengen integrat fil-qafas tal-Unjoni Ewropea, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropa u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’konferma li d-dispożizzjonijiet ta’ dan il-ftehim ma japplikawx għar-Renju Unit u l-Irlanda,

    FTIEHMU KIF ĠEJ:

    Artikolu 1

    Fini

    Dan il-Ftehim jipprevedi li ċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea u ċ-ċittadini ta’ Saint Lucia jivvjaġġaw mingħajr viża meta jivvjaġġaw lejn it-territorju tal-Parti Kontraenti l-oħra għall-perjodu massimu ta' 90 jum fi kwalunkwe perjodu ta' 180 jum.

    Artikolu 2

    Definizzjonijiet

    Għall-fini ta' dan il-Ftehim:

    (a) "Stat Membru" tfisser kull Stat Membru tal-Unjoni Ewropea, bl-eċċezzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda;

    (b) "ċittadin tal-Unjoni Ewropea" tfisser ċittadin ta’ Stat Membru kif deskritt fil-punt (a);

    (c) "ċittadin ta’ Saint Lucia" tfisser kull persuna li għandha ċ-ċittadinanza ta’ Saint Lucia;

    (d) "żona Schengen" tfisser iż-żona mingħajr fruntieri interni li tinkludi t-territorji tal-Istati Membri kif stipulat fil-punt (a) li japplikaw l-acquis ta’ Schengen b’mod sħiħ;

    Artikolu 3

    Kamp ta' applikazzjoni

    1. Iċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea li għandhom passaport ordinarju, diplomatiku, tas-servizz, uffiċjali jew speċjali li hu validu u maħruġ minn Stat Membru, jistgħu jidħlu u jibqgħu mingħajr viża fit-territorju ta’ Saint Lucia għall-perjodu tas-soġġorn kif definit fl-Artikolu 4(1).

    Iċ-ċittadini ta' Saint Lucia li għandhom passaport ordinarju, diplomatiku, tas-servizz, uffiċjali jew speċjali li hu validu u maħruġ minn Saint Lucia, jistgħu jidħlu u jibqgħu mingħajr viża fit-territorju tal-Istati Membri għall-perjodu tas-soġġorn kif definit fl-Artikolu 4(2).

    2. Il-paragrafu 1 ma japplikax għall-persuni li jivvjaġġaw għall-finijiet ta’ attivitajiet bi ħlas.

    Għal din il-kategorija ta’ persuni, kull Stat Membru jista’ jiddeċiedi b’mod individwali li jimponi l-ħtieġa ta' viża fuq iċ-ċittadini ta’ Saint Lucia jew li jirtirah konformi mal-Artikolu 4(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 539/2001.

    Għal din il-kategorija ta’ persuni, Saint Lucia jistgħu jiddeċiedu dwar il-ħtieġa ta' viża jew l-eżenzjoni mill-viża għaċ-ċittadini ta’ kull Stat Membru b’mod individwali konformi mal-liġi nazzjonali tiegħu.

    3. L-eżenzjoni mill-viża pprovduta b’dan il-Ftehim tapplika bla ħsara għal-liġijiet tal-Partijiet Kontraenti dwar il-kundizzjonijiet tad-dħul u tas-soġġorn qasir. L-Istati Membri u Saint Lucia jirriżervaw id-dritt li jirrifjutaw id-dħul u s-soġġorn qasir fit-territorji tagħhom jekk waħda jew aktar minn dawn il-kundizzjonijiet ma jintlaħqux.

    4. L-eżenzjoni mill-viża tapplika irrespettivament mill-metodu ta’ trasport użat biex tinqasam il-fruntiera tal-Partijiet Kontraenti.

    5. Kwistjonijiet mhux koperti minn dan il-Ftehim ikunu koperti bil-liġi tal-Unjoni, il-liġi nazzjonali tal-Istati Membri u l-liġi nazzjonali ta' Saint Lucia.

    Artikolu 4

    Tul ta’ żmien tas-soġġorn

    1. Iċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea jistgħu jibqgħu fit-territorju ta’ Saint Lucia għal perjodu massimu ta’ 90 jum fi kwalunkwe perjodu ta’ 180 jum.

    2. Iċ-ċittadini ta’ Saint Lucia jistgħu joqogħdu fit-territorju tal-Istati Membri li japplikaw bis-sħiħ l-acquis ta’ Schengen, għal perjodu massimu ta’ 90 jum fi kwalunkwe perjodu ta’ 180 jum. Dan il-perjodu jkun ikkalkulat b’mod indipendenti minn kull soġġorn fi Stat Membru li għadu ma japplikax l-acquis ta’ Schengen b’mod sħiħ.

    Iċ-ċittadini ta' Saint Lucia jistgħu jibqgħu għal perjodu massimu ta’ 90 jum fi kalunkwe perjodu ta’ 180 jum fit-territorju ta’ kull Stat Membru li għadu ma japplikax l-acquis ta’ Schengen b’mod sħiħ, irrispettivament mill-perjodu tas-soġġorn kkalkulat għat-territorju ta’ Stat Membru li japplika l-acquis ta’ Schengen b’mod sħiħ.

    3. Dan il-Ftehim ma jaffetwax il-possibbiltà għal Saint Lucia u għall-Istati Membri biex jestendu l-perjodu ta' soġġorn għal aktar minn 90 jum konformi mal-liġi nazzjonali u l-liġi tal-Unjoni.

    Artikolu 5

    Applikazzjoni territorjali

    1. Fir-rigward tar-Repubblika Franċiża, id-dispożizzjonijiet ta' dan il-Ftehim japplikaw biss għat-territorju Ewropew tar-Repubblika Franċiża.

    2. Fir-rigward tar-Renju tan-Netherlands, id-dispożizzjonijiet ta' dan il-Ftehim japplikaw biss għat-territorju Ewropew u tar-Renju tan-Netherlands.

    Artikolu 6

    Kumitat Konġunt għall-amministrazzjoni tal-Ftehim

    1. Il-Partijiet Kontraenti jistabbilixxu Kumitat Konġunt ta’ esperti (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “il-Kumitat”), kompost minn rappreżentanti tal-Unjoni Ewropea u minn rappreżentanti ta’ Saint Lucia. L-Unjoni tkun irrappreżentata mill-Kummissjoni Ewropea.

    2. Il-Kumitat ikollu, fost l-oħrajn, dawn il-kompiti:

    (a) jissorvelja l-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim;

    (b) jissuġġerixxi emendi jew żidiet għal dan il-Ftehim;

    (c) jagħmel rakkomandazzjonijiet sabiex jissolvew tilwimiet li jitqanqlu mill-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim.

    3. Il-Kumitat jiltaqa' kull meta jkun meħtieġ fuq talba ta' waħda mill-Partijiet Kontraenti.

    4. Il-Kumitat jistabbilixxi r-regoli tal-proċedura tiegħu stess.

    Artikolu 7

    Ir-relazzjoni bejn dan il-Ftehim u ftehimiet bilaterali eżistenti għall-eżenzjoni mill-viża bejn l-Istati Membri u Saint Lucia

    Dan il-Ftehim jingħata preċedenza fuq id-dispożizzjonijiet ta’ kull ftehim jew arranġament bilaterali konkluż bejn l-Istati Membri individwali u Saint Lucia, sa fejn id-dispożizzjonijiet tagħhom ikopru kwistjonijiet li jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni ta’ dan il-Ftehim.

    Artikolu 8

    Dispożizzjonijiet finali

    1. Dan il-Ftehim jiġi ratifikat jew approvat mill-Partijiet Kontraenti konformi mal-proċeduri interni rispettivi tagħhom u jidħol fis-seħħ fl-ewwel jum tat-tieni xahar wara d-data tal-aħħar waħda miż-żewġ notifiki li permezz tagħha l-Partijiet Kontraenti jinnotifikaw lil xulxin li l-proċeduri msemmija hawn fuq ikunu tlestew.

    2. Dan il-Ftehim qed jiġi konkluż għal perjodu ta’ żmien indefinit, kemm-il darba ma jiġix itterminat b'mod konformi mal-paragrafu 5.

    3. Dan il-Ftehim jista’ jkun emendat bi ftehim bil-miktub mill-Partijiet Kontraenti. L-emendi jidħlu fis-seħħ wara li l-Partijiet Kontraenti jkunu nnotifikaw lil xulxin bit-twettiq tal-proċeduri interni tagħhom li huma meħtieġa għal dan il-fini.

    4. Kull Parti Kontraenti tistà tissospendi l-Ftehim kollu jew parti minnu, b’mod partikolari, għal raġunijiet ta’ politika pubblika, protezzjoni ta’ sikurezza nazzjonali jew protezzjoni ta’ saħħa pubblika, immigrazzjoni illegali jew introduzzjoni mill-ġdid tar-rekwiżit tal-viża minn kwalunkwe Parti Kontraenti. Id-deċiżjoni dwar is-sospensjoni tkun notifikata lill-Parti Kontraenti l-oħra mhux aktar tard minn xahrejn qabel id-dħul fis-seħħ tagħha. Il-Parti Kontraenti li tkun issospendiet l-applikazzjoni ta’ dan il-Ftehim tgħarraf minnufih lill-Parti Kontraenti l-oħra hekk kif ir-raġunijiet għas-sospensjoni ma jkunux japplikaw aktar u tneħħi s-sospensjoni.

    5. Kull Parti Kontraenti tista’ ttemm dan il-Ftehim billi tavża bil-miktub lill-Parti l-oħra. Dan il-Ftehim ma jibqax jiffunzjona 90 jum mid-data ta’ dan l-avviż.

    6. Saint Lucia tista' tissospendi jew ittemm dan il-Ftehim biss fir-rigward tal-Istati Membri kollha.

    7. L-Unjoni tista' tissospendi jew ittemm dan il-Ftehim biss fir-rigward tal-Istati Membri kollha tagħha.

    Magħmul fi Brussell b’żewġ kopji bl-ilsien Bulgaru, Ċek, Daniż, Estonjan, Finlandiż, Franċiż, Ġermaniż, Grieg, Ingliż, Kroat, Latvjan, Litwan, Malti, Netherlandiż, Pollakk, Portugiż, Rumen, Slovakk, Sloven, Spanjol, Taljan, Ungeriż u Żvediż, b'kull wieħed minn dawn it-testi jkollhom l-istess awtentiċità.

    DIKJARAZZJONI KONĠUNTA FIR-RIGWARD TAL-IŻLANDA, IN-NORVEĠJA, L-IŻVIZZERA U L-LIECHTENSTEIN

    Il-Partijiet Kontraenti jirrimarkaw ir-relazzjoni mill-qrib bejn l-Unjoni Ewropea u n-Norveġja, l-Iżlanda, l-Iżvizzera u l-Liechtenstein, b’mod partikolari bis-saħħa tal-Ftehimiet tat-18 ta’ Mejju 1999 u tas-26 ta’ Ottubru 2004 dwar l-assoċjazzjoni ta’ dawn il-pajjiżi mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen.

    F’ċirkostanzi bħal dawn hu mixtieq li l-awtoritajiet tan-Norveġja, l-Iżlanda, l-Iżvizzera u l-Liechtenstein, minn naħa, u Saint Lucia, min-naħa l-oħra, jikkonkludu, bla dewmien, ftehimiet bilaterali dwar l-eżenzjoni mill-viża għal soġġorn qasir f’termini simili għal dan il-Ftehim.

    DIKJARAZZJONI KONĠUNTA DWAR L-INTERPRETAZZJONI TAL-KATEGORIJA TA’ PERSUNI LI JIVVJAĠĠAW B'FINI TA’ ATTIVITÀ BI ĦLAS SKONT L-ARTIKOLU 3(2) TA’ DAN IL-FTEHIM

    Filwaqt li tkun issodisfata x-xewqa li tkun żgurata interpretazzjoni komuni, il-Partijiet Kontraenti jaqblu li, għal dan il-fini, il-kategorija ta’ persuni li jkunu se jagħmlu attività bi ħlas tkopri l-persuni li jidħlu b'fini li jkollhom mestier/attività bi qligħ b’remunerazzjoni fit-territorju tal-Parti Kontraenti l-oħra bħala impjegat jew fornitur ta’ servizz.

    Din il-kategorija ma għandhiex tkopri:

    —  persuni tan-negozju, jiġifieri persuni li jivvjaġġaw b'fini ta’ deliberazzjoni tan-negozju (mingħajr ma jkunu mpjegati fil-pajjiż tal-Parti Kontraenti l-oħra),

    — persuni tal-isports u artisti li jeżebixxu attività fuq bażi ad hoc,

    — ġurnalisti mibgħuta mill-midja ta’ pajjiż ta’ residenza tagħhom, u

    — apprendisti intrakorporattivi.

    L-implimentazzjoni ta’ din id-Dikjarazzjoni tiġi ssorveljata mill-Kumitat Konġunt fi ħdan ir-responsabbiltà tiegħu skont l-Artikolu 6 ta’ dan il-Ftehim, li fuq il-bażi tal-esperjenzi tal-Partijiet Kontraenti jista’ jipproponi modifiki meta jikkunsidrah neċessarju.

    DIKJARAZZJONI KONĠUNTA DWAR L-INTERPRETAZZJONI TAL-PERJODU TA’ 90 JUM FI KWALUNKWE PERJODU TA' 180 JUM KIF STABBILIT FL-ARTIKOLU 4 TA’ DAN IL-FTEHIM

    Il-Partijiet Kontraenti jifhmu li perjodu massimu ta’ 90 jum fi kwalunkwe perjodu ta’ 180 jum kif ipprovdut fl-Artikolu 4 ta’ dan il-Ftehim ifisser soġġorn kontinwu jew bosta soġġorni konsekuttivi li t-tul ta’ żmien tagħhom ma jaqbiżx id-90 jum fi kwalunkwe perjodu ta’ 180 jum b’kollox.

    Il-kunċett ta’ “kwalunkwe” jimplika l-applikazzjoni ta’ perjodu ta’ referenza mobbli ta' 180 jum, billi wieħed iħares lura lejn kull ġurnata tas-soġġorn fl-aħħar perjodu ta' 180 jum, sabiex jiġi vverifikat jekk ir-rekwiżit tad-90 jum fi kwalunkwe perjodu ta' 180 jum għadux jiġi ssodisfat. Fost l-oħrajn, dan ifisser li assenza għal perjodu mhux interrott ta’ 90 jum tippermetti li jkun hemm soġġorn ġdid ta' mhux aktar minn 90 jum.

    DIKJARAZZJONI KONĠUNTA DWAR L-INFORMAZZJONI TAĊ-ĊITTADINI DWAR IL-FTEHIM TAL-EŻENZJONI MILL-VIŻA

    Filwaqt li tkun rikonoxxuta l-importanza tat-trasparenza għaċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea u Saint Lucia, il-Partijiet Kontraenti jiftehmu li jiżguraw it-tixrid totali ta’ informazzjoni dwar il-kontenut u tal-konsegwenzi tal-eżenzjoni mill-viża u kwistjonijiet relatati, bħall-kundizzjonijiet għad-dħul fil-pajjiż.

    Top