Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52015PC0013

    Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni skont il-punt 13 tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta’ Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja u dwar ġestjoni finanzjarja tajba (l-applikazzjoni FEG/2013/009 PL/Zachem mill-Polonja)

    /* COM/2015/013 final */

    52015PC0013

    Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni skont il-punt 13 tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta’ Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja u dwar ġestjoni finanzjarja tajba (l-applikazzjoni FEG/2013/009 PL/Zachem mill-Polonja) /* COM/2015/013 final - 2014/ () */


    MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

    L-Artikolu 12 tar-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020[1] jippermetti li jiġi mmobilizzat il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (il-FEG) b’limitu massimu annwali ta’ EUR 150 miljun (bi prezzijiet tal-2011), minbarra l-intestaturi rilevanti tal-qafas finanzjarju.

    Ir-regoli applikabbli għall-kontribuzzjonijiet mill-FEG għall-applikazzjonijiet imressqin sal-31 ta’ Diċembru 2013 huma stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 1927/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Diċembru 2006 li jistabbilixxi l-Fond Ewropew ta’ aġġustament għall-globalizzazzjoni[2].

    Fid-9 ta’ Ottubru 2013, il-Polonja ssottomettiet l-applikazzjoni FEG/2013/009 PL/Zachem għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG, wara s-sensji li kien hemm fil-kumpanija Zachem u f’żewġ fornituri fil-Polonja.

    Wara eżaminazzjoni bir-reqqa ta’ din l-applikazzjoni, f’konformità mal-Artikolu 10 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-kundizzjonijiet għal kontribuzzjoni finanzjarja skont dan ir-Regolament huma ssodisfati.

    SOMMARJU TAL-APPLIKAZZJONI U ANALIŻI TAGĦHA

    Dejta ewlenija: ||

    Numru ta’ referenza tal-FEG || FEG/2013/009

    Stat Membru || Il-Polonja

    Artikolu 2 || (a)

    Impriża primarja || Zakladi Chemizne Zachem

    Fornituri u produtturi li jinsabu iktar ’l isfel fil-katina ta’ produzzjoni || 2

    Perjodu ta’ referenza || 31.3.2013-31.7.2013

    Data ta’ meta nbdew is-servizzi personalizzati || 4.3.2013

    Data tal-applikazzjoni || 9.10.2013

    Sensji matul il-perjodu ta’ referenza || 615

    Sensji qabel il-perjodu ta’ referenza u warajh || 0

    Sensji totali eliġibbli || 615

    Ħaddiema mogħtija s-sensja li mistennija jipparteċipaw fil-miżuri || 50

    Nefqa għas-servizzi personalizzati (f’EUR) || 220 410

    Nefqa għall-implimentazzjoni tal-FEG[3] (f’EUR) || 10 000

    Nefqa għall-implimentazzjoni tal-FEG (f’perċentwali) || 4.34 %

    Baġit totali (f’EUR) || 230 410

    Kontribuzzjoni tal-FEG (50 %) (f’EUR) || 115 205

    1.           L-applikazzjoni tressqet lill-Kummissjoni fid-9 ta’ Ottubru 2013 u ġiet issupplimentata b’informazzjoni addizzjonali sas-16 ta’ Ġunju 2014.

    2.           L-applikazzjoni tissodisfa l-kundizzjonijiet għall-mobilizzazzjoni tal-FEG kif stabbilit fl-Artikolu 2(a) tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006, u tressqet fi żmien l-iskadenza ta’ 10 ġimgħat imsemmija fl-Artikolu 5 ta’ dak ir-Regolament.

    Rabta bejn is-sensji u l-bidliet strutturali ewlenin fix-xejriet kummerċjali dinjija minħabba l-globalizzazzjoni

    3.           Sabiex tiġi stabbilita r-rabta bejn is-sensji u l-bidliet strutturali ewlenin fix-xejriet kummerċjali dinjija minħabba l-globalizzazzjoni, il-Polonja targumenta li l-UE kellha telf sinifikanti tas-sehem tas-suq fl-industrija tas-sustanzi kimiċi, u tilfet il-pożizzjoni ta’ quddiem nett li kellha fid-dinja b’rabta mal-bejgħ tas-sustanzi kimiċi. Mill-1992 sal-2012, is-sehem tal-UE fis-suq dinji tas-sustanzi kimiċi naqas drastikament, minn 35.2 % fl-1992 għal 30.5 % fl-2002 u għal 17.8 % fl-2012[4]. Ix-xejra fis-snin riċenti uriet li hemm migrazzjoni tal-manifattura tas-sustanzi kimiċi lejn l-Asja, u b’mod partikulari lejn iċ-Ċina. Iċ-Ċina kellha żieda spettakolari fil-manifattura tas-sustanzi kimiċi, minn sehem ta’ 8.7 % fl-2002 għal sehem ta’ 30.5 % fl-2012, minħabba żieda fil-bejgħ fis-swieq emerġenti. Il-livell ta’ produzzjoni fl-ekonomiji Asjatiċi huwa xprunat ukoll minn kostijiet lavorattivi iktar baxxi, aċċess għas-swieq, sussidji, taxxi iktar baxxi u regolamenti inqas stretti. Skont ir-rapport imsejjaħ “Chemical industry vision 2030”[5] (“Viżjoni tal-industrija tas-sustanzi kimiċi fl-2030”), sal-2030 madwar 66 % tal-bejgħ dinji tas-sustanzi kimiċi u bejn ħames u tmien kumpaniji minn fost l-aqwa 10 kumpaniji dinjin tas-sustanzi kimiċi se jkunu ġejjin mill-Asja. Iċ-Ċina, b’mod partikulari, hija attraenti ħafna minħabba l-potenzjal ekonomiku u r-rati ta’ tkabbir tagħha, iżda l-kumplament tal-Asja, inklużi pajjiżi bħall-Indja, Singapor u l-Korea t’Isfel, ma għandhomx jiġu ssottovalutati.

    Sors: is-CEFIC.

    4.           F’rapport tal-2012, l-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (l-OECD) enfasizzat ukoll li t-trasferiment ta’ diversi setturi tal-industrija lejn pajjiżi li mhumiex fl-OECD, li sa dak il-mument kienu speċjalizzati fil-produzzjoni ta’ sustanzi kimiċi bażiċi b’valur miżjud baxx, kien qed iżid l-interess tagħhom fil-produzzjoni ta’ sustanzi kimiċi b’valur miżjud għoli qrib iċ-ċentri tal-manifattura[6]. It-toluwen[7], li huwa kompost kumpless, ġie affettwat minn dawn ix-xejriet tas-suq. Għalhekk, is-suq għat-toluwen qed jinbidel u l-produzzjoni tiegħu naqset fl-Ewropa tal-Punent u fl-Afrika ta’ Fuq b’perċentwali ta’ bejn 8 % u 17 % filwaqt li żdiedet f’partijiet oħrajn tad-dinja, b’mod partikulari fil-Lvant Nofsani, fil-Grigal tal-Asja u fix-Xlokk tal-Asja.

    5.           Il-kumpanija Zaklady Chemiczne Zachem (minn hawn ’il quddiem imsejħa “Zachem”), kienet manifattur Pollakk tal-prodotti kimiċi bbażata fi Bydgoszcz, u waħda mill-unitajiet sussidjarji ta’ Ciech. Zachem kienet responsabbli għall-produzzjoni ta’ prodotti kimiċi nofshom lesti u lesti u organiċi u mhux organiċi għall-industriji tal-karozzi, tas-sustanzi kimiċi, tal-għamara, tal-kostruzzjoni, tat-tessuti, tal-karta u tal-ġilda u għal industriji relatati oħrajn, kif ukoll għas-settur tal-enerġija u għall-manifatturi tal-kejbils. Il-prodott ewlieni ta’ din il-kumpanija kien it-TDI (it-toluwen diisoċjanat) sa ma l-produzzjoni tiegħu twaqqfet f’Diċembru tal-2012, prodott li l-komponent ewlieni tiegħu huwa t-toluwen. L-impriża kienet tipproduċi wkoll l-ECH (l-epikloroħidrin), attività li twaqqfet ftit tax-xhur wara.

    Turija tan-numru ta’ sensji li kien hemm u tal-konformità mal-kriterji tal-Artikolu 2(a)

    6.           Il-Polonja ressqet din l-applikazzjoni skont il-kriterji ta’ intervent tal-Artikolu 2(a) tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006, li jirrikjedi li jkun hemm tal-inqas 500 sensja f’intrapriża fi Stat Membru matul perjodu ta’ erba’ xhur, inkluż ħaddiema li jkunu ngħataw is-sensja mill-fornituri jew mill-produtturi ta’ dik l-intrapriża li jkunu jinsabu iktar ’l isfel minnha fil-katina ta’ produzzjoni.

    7.           L-applikazzjoni ssemmi 615-il sensja fi tliet intrapriżi li joperaw fid-Diviżjoni 20 tar-Reviżjoni 2 tan-NACE (il-manifattura ta’ sustanzi kimiċi u ta’ prodotti kimiċi) fil-Provinċja ta’ Kujawsko-Pomorskie tan-NUTS 2 (PL61) matul il-perjodu ta’ referenza ta’ erba’ xhur mill-31 ta’ Marzu 2013 sal-31 ta’ Lulju 2013. Dawn it-tkeċċijiet kollha ġew ikkalkulati skont it-tielet inċiż tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 2(2) tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006.

    Spjegazzjoni tan-natura mhix prevista ta’ dawk is-sensji

    8.           Is-sensji fil-kumpanija Zachem ma kinux previsti minħabba ż-żieda għall-għarrieda fil-provvista tas-suq tat-TDI. Il-provvista żejda ta’ 30 % li ġiet minn investimenti li saru f’partijiet oħrajn tad-dinja biex jittieħed vantaġġ mill-ekonomiji tal-iskala u biex tkompli tiġi integrata l-katina tal-provvista ppermettiet lil dawn il-produtturi jimmanifatturaw il-prodotti tagħhom b’kost medju iktar baxx. Flimkien mal-ispejjeż baxxi tat-trasport, dan wassal biex il-kumpanija Zachem ma tkunx tista’ tikkompeti iktar f’dan l-ambjent. F’dak li jirrigwarda t-tieni sors ta’ dħul tal-kumpanija, jiġifieri l-manifattura tal-ECH (l-epikloroħidrin) mill-materja prima tal-propilen, filwaqt li l-prezzijiet tal-ECH baqgħu stabbli, il-prezzijiet tal-propilen żdiedu b’madwar 160 % fl-Ewropa. Meta wieħed iqis il-provvista żejda tal-ECH u l-iskala baxxa tal-operat tal-kumpanija Zachem, il-bejgħ tal-ECH ma baqax irendi qligħ għall-grupp u s-sitwazzjoni ma kinitx mistennija titjieb biż-żieda fil-kapaċità globali tal-ECH fl-Asja fil-futur, u anke issa, ir-rata medja tal-użu tal-faċilitajiet mistennija tonqos.

    9.           Dawn iċ-ċirkustanzi wasslu għad-deċiżjoni li l-operazzjonijiet tal-produzzjoni tal-kumpanija Zachem jitwaqqfu, li ssir riorganizzazzjoni tal-korporazzjoni u li eventwalment tittieħed deċiżjoni dwar is-sensji. Dan kellu impatt negattiv f’daqqa fuq is-sitwazzjoni ekonomika tal-fornituri. Il-kumpanija ZACHEM UCR Sp. Z o.o. kienet tiddependi għal 92 % tad-dħul tagħha fuq is-servizzi li kienet tagħti lill-kumpanija Zachem. Il-kumpanija Metalko, li hija spin-off tal-kumpanija Zachem, li kienet tipprovdi wkoll servizzi ta’ manutenzjoni u tiswija tal-makkinarju lill-intrapriża ewlenija, ġarrbet telf serju.

    Identifikazzjoni tal-intrapriżi li taw is-sensja lill-ħaddiema tagħhom u tal-ħaddiema li huma fil-mira tal-għajnuna

    10.         L-applikazzjoni hija relatata mal-għoti tas-sensja lil 615-il ħaddiem mill-kumpanija Zachem u mill-fornituri tagħha, il-kumpaniji ZACHEM UCR Sp. z.o.o u Metalko Sp z.o.o.

    Fornituri tal-kumpanija Zachem u l-għadd ta’ sensji

    ZACHEM UCR Sp. z.o.o || 53 || Metalko Sp z.o.o. || 6

    Impriżi fornituri totali: 2 || Sensji totali: 59 ||

    11.         Il-ħaddiema li ngħataw is-sensja jistgħu jitqassmu kif ġej:

    Kategorija || Numru || Perċentwali

    Irġiel || 484 || 78.7

    Nisa || 131 || 21.3

    Ċittadini tal-UE || 615 || 100.0

    Ċittadini ta’ pajjiżi li mhumiex membri tal-UE || 0 || 0.0

    15-24 sena || 3 || 0.5

    25-54 sena || 460 || 74.8

    55-64 sena || 152 || 24.7

    Aktar minn 64 sena || 0 || 0

    12.         F’termini tal-kategoriji tax-xogħol tagħhom, il-ħaddiema jistgħu jitqassmu kif ġej:

    Kategorija || Numru || Perċentwali

    Rappreżentanti tal-awtoritajiet pubbliċi, uffiċjali għoljin u maniġers || 10 || 1.6

    Professjonisti || 57 || 9.3

    Nies tekniċi u professjonisti assoċjati || 68 || 11.1

    Ħaddiema li jagħmlu xogħol klerikali ta’ appoġġ || 102 || 16.6

    Ħaddiema tas-sengħa u ta’ snajja’ relatati || 54 || 8.8

    Operaturi tal-impjanti u tal-magni u ħaddiema li jaħdmu fl-assemblaġġ || 324 || 52.7

    13.         Skont l-Artikolu 7 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006, il-Polonja kkonfermat li ġiet applikata politika ta’ ugwaljanza bejn l-irġel u n-nisa kif ukoll politika ta’ nondiskriminazzjoni, u li dawn se jkomplu japplikaw matul id-diversi stadji tal-implimentazzjoni tal-FEG u b’mod partikulari fl-aċċess għalih.

    Deskrizzjoni tat-territorju kkonċernat u l-awtoritajiet u l-partijiet interessati tiegħu

    14.         It-territorju kkonċernat huwa l-“voivodeship” (ir-reġjun) ta’ Kujawsko-Pomorskie tan-NUTS 2 (PL61), li jinsab fil-parti ċentrali tal-Polonja. Dan ir-reġjun għandu erja ta’ 18,000 km2 u għandu popolazzjoni ta’ madwar 2.1 miljun abitant. Huwa fih 52 belt u raħal, li tnejn minnhom huma ż-żewġ bliet kapitali ta’ Bydgoszcz u Torun. Il-bliet li ġew affettwati l-iktar mis-sensji huma Bydgoszcz (li għandha 367,000 abitant), Toruń (li għandha 200,000 abitant) u Włocławek (li għandha 120,000 abitant).

    Fost il-partijiet ikkonċernati nsibu lill-awtoritajiet muniċipali ta’ Bydgoszcz, lill-awtoritajiet tal-gvern reġjonali ta’ Kujawsko-Pomorskie, lir-rappreżentant lokali tal-amministrazzjoni tal-gvern ċentrali, lill-uffiċċji tax-xogħol tal-bliet ta’ Torun, Bydgoszcz (fejn ġew irreġistrati l-ikbar numru ta’ sensji), Naklo u Znin.

    Fost is-sħab soċjali nsibu lil dawn li ġejjin:

    NSZZ “Solidarność” (il-Bord Eżekuttiv tar-Reġjun ta’ Bydgoski);

    l-Alleanza tat-Trejdjunjins tal-Polonja Kollha (OPZZ) tal-Provinċja ta’ Kujawsko-Pomorskie;

    il-Forum tat-Trejdjunjins (il-Bord Eżekuttiv tal-Provinċja ta’ Kujawsko-Pomorskie);

    il-Kunvent tal-klabb taċ-ċentru tan-negozju;

    il-Kamra tas-Snajja’ u tal-Impriżi ta’ Kujawy u Pomorze;

    l-Assoċjazzjoni ta’ Min Iħaddem u tal-Imprendituri ta’ Kujawy u Pomorze.

    L-impatt mistenni tas-sensji fuq l-impjiegi lokali, reġjonali jew nazzjonali

    15.         Ir-reġjun ta’ Kujawsko-Pomorskie (PL61), li jinsab fil-parti ċentrali tal-Polonja, ibbenefika mill-espansjoni industrijali f’firxa wiesgħa ta’ setturi, fosthom fin-negozju fl-agrikoltura, fil-kimika, fl-immaniġġjar tal-iskart, fil-kostruzzjoni u fl-industrija mekkanika.

    16.         Il-belt ta’ Bydgoszcz, li f’Diċembru tal-2012 kellha 361 254 abitant, hija l-ikbar belt fir-reġjun, u f’Ġunju tal-2013 kellha rata tal-qgħad ta’ 9.1 %. Hija konnessa mal-bqija tal-pajjiż permezz tat-toroq nazzjonali prinċipali u tan-netwerks tal-ferrovija. Torun, it-tieni l-ikbar belt tar-reġjun, f’Diċembru tal-2012 kellha popolazzjoni ta’ 204 299 abitant u f’Ġunju tal-2013 kellha rata tal-qgħad ta’ 10.2 %[8].

    17.         Minkejja l-espansjoni ekonomika li r-reġjun ibbenefika minnha, sal-aħħar ta’ Lulju tal-2013, ir-reġjun kellu l-ogħla rata ta’ qgħad fil-pajjiż, li kienet tammonta għal 17.4 %. Matul il-perjodu ta’ referenza, l-Uffiċċju Distrettwali tax-Xogħol ta’ Bydgoszcz irreġistra 722 persuna bħala persuni mingħajr impjieg, li 426 minnhom ingħataw is-sensja direttament jew indirettament mill-kumpanija Zachem, li qabel kienet l-iktar impriża li tħaddem nies f’dan ir-reġjun, u ġieli ħaddmet sa 7 000 impjegat.

    Pakkett ikkoordinat ta’ servizzi personalizzati li għandu jiġi ffinanzjat u analiżi tal-ispejjeż stmati tiegħu, inkluża l-kumplimentarjetà tiegħu mal-azzjonijiet iffinanzjati mill-Fondi Strutturali

    18.         Il-miżuri kollha li ġejjin jingħaqdu flimkien biex jiffurmaw pakkett ikkoordinat ta’ servizzi personalizzati li għandu l-għan li jerġa’ jintegra fl-impjieg lill-ħaddiema li ngħataw is-sensja. Mis-615-il ħaddiem li ngħataw is-sensja, il-miżuri deskritti hawn taħt se jkunu mmirati lejn l-iktar 50 persuna żvantaġġjata minnhom u se jmorru lil hinn minn dak li l-miżuri tal-FSE u l-mizuri nazzjonali flimkien jistgħu jagħmlu għall-grupp affettwat.

    – Inċentivi ta’ reklutaġġ: Din il-miżura hija mmirata għal 45 ħaddiem li ngħata s-sensja mill-kumpanija Zachem u se tipprovdi inċentivi lill-impjegaturi li jiddeċiedu li jħaddmu lil dawn il-ħaddiema. Il-ħaddiema mogħtija s-sensja se jiġu rreġistrati fis-Servizzi tal-Qgħad u l-Uffiċċju Distrettwali tax-Xogħol se jimmonitorja kontinwament l-impjiegi l-ġodda li jinħolqu, u se jiffoka b’mod speċifiku fuq l-impjiegi l-ġodda li jkunu nħolqu għall-persuni bla xogħol li jibbenefikaw mill-inċentiv tar-reklutaġġ. L-impjegatur potenzjali se jirrikjedi kwalifiki, ħiliet u esperjenza professjonali speċifiċi għal ċerta kariga. L-impjegatur li jimpjega persuna bla xogħol li ngħatat is-sensja mill-kumpanija Zachem se jingħata inċentiv tar-reklutaġġ għal mill-inqas 24 xahar. L-ispejjeż għal dan it-tip ta’ appoġġ, li l-Uffiċċju Distrettwali tax-Xogħol ta’Bydgoszcz għandu jippovdi għal 45 ħaddiem li ngħataw is-sensja mill-kumpanija ZACHEM S.A. u miż-żewġ impriżi fornituri, huma stmati li jlaħħqu madwar EUR 213 300 (madwar PLN 900 000).

    - Xogħlijiet ta’ intervent: Din il-miżura għandha l-għan li tkopri l-ħlas u l-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali għal ħames persuni mill-Uffiċċju Distrettwali tax-Xogħol ta’ Bydgoszcz, li huma stmati li jlaħħqu madwar EUR 7 110. L-impjegatur potenzjali jikkonkludi ftehim mal-Uffiċċju tax-Xogħol. Il-miżura normalment tkun immirata biex tgħin lill-persuni li jkun ilhom bla xogħol, lill-persuni bla xogħol li jkollhom 50 sena jew iktar, lill-persuni bla xogħol bi kwalifiki baxxi, lill-persuni bla xogħol mingħajr esperjenza ta’ xogħol, liż-żgħażagħ sa 25 sena, lill-ommijiet waħedhom, lill-persuni b’diżabilità, lill-klijenti tal-ħidma soċjali u lil dawk li qabel kienu l-ħabs. Fil-kuntest ta’ din l-applikazzjoni, il-Polonja tixtieq tuża din il-miżura b’mod speċifiku għall-persuni li ngħataw is-sensja li għandhom iktar minn 50 sena.

    19.         In-nefqa għall-implimentazzjoni tal-FEG, li hija inkluża fl-applikazzjoni skont l-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006, tkopri l-attivitajiet preparatorji, il-ġestjoni u l-implimentazzjoni, l-informazzjoni u r-riklamar u l-attivitajiet ta’ kontroll.

    20.         Is-servizzi personalizzati ppreżentati mill-awtoritajiet Pollakki huma miżuri attivi tas-suq tax-xogħol li jidħlu fl-azzjonijiet eliġibbli ddefiniti mill-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006. L-awtoritajiet Pollakki stmaw li l-ispiża totali hija ta’ EUR 230 410, li minnhom EUR 220 410 huma għan-nefqa għas-servizzi personalizzati u EUR 10 000 huma għan-nefqa għall-implimentazzjoni tal-FEG (4.34 % tal-ammont totali). Il-kontribuzzjoni totali mitluba mill-FEG hija ta’ EUR 115 205 (50 % tal-ispejjeż totali).

    Azzjonijiet || Numru stmat ta’ ħaddiema fil-mira || Spejjeż stmati għal kull ħaddiem fil-mira (f’EUR) || Spejjeż totali (FEG u kofinanzjament nazzjonali (f’EUR)

    Servizzi personalizzati (l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006)

    Inċentivi ta’ reklutaġġ || 45 || 4 740 || 213 300

    Xogħlijiet ta’ intervent || 5 || 1 422 || 7 110

    Subtotal tas-servizzi personalizzati || || 220 410

    Nefqa għall-implimentazzjoni tal-FEG (it-tielet paragrafu tal-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006)

    Attivitajiet preparatorji || || 2 000

    Ġestjoni || || 2 000

    Informazzjoni u riklamar || || 3 000

    Attivitajiet ta’ kontroll || || 3 000

    Subtotal tan-nefqa għall-implimentazzjoni tal-FEG || || 10 000

    Spejjeż totali stmati || || 230 410

    Kontribuzzjoni tal-FEG (50 % tal-ispejjeż totali) || || 115 205

    21.         Il-Polonja tikkonferma li l-miżuri deskritti hawn fuq huma kumplimentari għall-azzjonijiet iffinanzjati mill-Fondi Strutturali u li se jiġi evitat kull finanzjament doppju.

    22.         L-azzjonijiet proposti għall-kofinanzjament mill-FEG huma kumplimentari għall-miżuri li għaddejjin bħalissa li huma kkofinanzjati mill-Fond Soċjali Ewropew, b’mod partikulari taħt is-Sottomiżura 8.1.2 “Appoġġ għall-proċessi ta’ adattament u mmodernizzar fir-reġjun” tal-Prijorità VIII “Riżorsi umani reġjonali għall-ekonomija” tal-Programm Operazzjonali tal-Kapital Uman. Xi wħud mill-ħaddiema li ngħataw is-sensja mill-kumpanija Zachem diġà ħadu sehem fil-proġett imsejjaħ “Ritorn għas-suq tax-xogħol III – perkors ġdid għall-karriera”. Dan il-proġett infetaħ għall-ħaddiema li ngħataw is-sensja minħabba proċess ta’ ristrutturar.

    23.         Il-parteċipanti fil-proġett ibbenefikaw minn taħriġ u gwida u appoġġ finanzjarju biex jibdew attivitajiet ta’ impjieg għal rashom, permezz ta’ għotjiet li kienu jammontaw għal mhux aktar minn EUR 10 000 għal kull persuna u appoġġ tranżitorju ta’ mhux aktar minn EUR 250 għal kull persuna kull xahar għal sitt xhur. Dawk interessati f’impjieg għal rashom ingħataw l-opportunità jieħdu sehem f’taħriġ speċifiku, f’sessjonijiet ta’ ħidma u f’sessjonijiet ta’ konsulenza dwar kif wieħed iħejji pjan tan-negozju. Madwar 60 ħaddiem li ngħataw is-sensja mill-kumpanija Zachem u mill-fornituri tagħha diġà ħadu sehem fil-proġett.

    24.         Proġett ieħor li fih ħadu sehem 190 ħaddiem attwali tal-kumpanija Zachem u ħaddiema li ngħataw is-sensja minn dik il-kumpanija jġib l-isem ta’ “Il-pass li jmiss”, u dan huwa programm ta’ attivazzjoni okkupazzjonali għall-ħaddiema tal-kumpanija ZACHEM S.A. sabiex iżid iċ-ċansijiet tagħhom li jsibu impjieg ġdid billi jipprovdilhom konsulenza vokazzjonali u psikoloġika, taħriġ vokazzjonali, taħriġ fin-negozju, il-kollokament f’impjieg kif ukoll għotjiet ta’ investiment ta’ darba biss u appoġġ tranżitorju.

    Data(i) meta nbdew jew huma ppjanati li jibdew is-servizzi personalizzati għall-ħaddiema affettwati

    25.         Il-Polonja bdiet is-servizzi personalizzati għall-ħaddiema affettwati inklużi fil-pakkett ikkoordinat li ġie propost lill-FEG għall-kofinanzjament fl-4 ta’ Marzu 2013. Għalhekk, din id-data tirrappreżenta l-bidu tal-perjodu ta’ eliġibbiltà għal kwalunkwe assistenza li tista’ tingħata mill-FEG.

    Proċeduri għall-konsultazzjoni tas-sħab soċjali

    26.         Il-kumitat għad-Djalogu Soċjali fil-provinċja ddiskuta l-possibbiltajiet ta’ assistenza għall-ħaddiema li ngħataw is-sensja mill-kumpanija Zachem S.A. u mill-fornituri tagħha. Il-pakkett propost ta’ miżuri personalizzati ġie diskuss waqt il-laqgħa tal-Kunsill għax-Xogħol f’Bydgoszcz, li kienet tinkludi rappreżentanti tat-trejdjunjins, tan-negozji u tal-gvern lokali u reġjonali.

    27.         L-awtoritajiet Pollakki kkonfermaw li tħarsu r-rekwiżiti stabbiliti fil-leġiżlazzjoni nazzjonali u tal-UE dwar is-sensji kollettivi.

    Informazzjoni dwar l-azzjonijiet li huma obbligatorji bis-saħħa tal-liġi nazzjonali jew skont ftehimiet kollettivi

    28.         Fir-rigward tal-kriterji inklużi fl-Artikolu 6 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006, l-awtoritajiet Pollakki fl-applikazzjoni tagħhom:

    · ikkonfermaw li l-kontribuzzjoni finanzjarja min-naħa tal-FEG mhix se tieħu post il-miżuri li jaqgħu fir-responsabbiltà tal-kumpaniji bis-saħħa tal-liġi nazzjonali jew tal-ftehimiet kollettivi;

    · urew li l-azzjonijiet jipprovdu appoġġ għall-ħaddiema individwali u ma għandhomx jintużaw għar-ristrutturar ta’ kumpaniji jew setturi partikulari;

    · ikkonfermaw li l-azzjonijiet eliġibbli msemmija hawn fuq ma jirċevux assistenza minn strumenti finanzjarji oħrajn tal-UE.

    Sistemi ta’ ġestjoni u ta’ kontroll

    29.         Il-Polonja għarrfet lill-Kummissjoni li l-kontribuzzjoni finanzjarja se tiġi ġestita u kkontrollata mill-istess korpi bħall-Fond Soċjali Ewropew. L-Awtorità Maniġerjali responsabbli għall-implimentazzjoni tal-FEG se tkun il-Ministeru tal-Infrastruttura u l-Iżvilupp, u b’mod speċifiku d-Dipartiment tal-Fond Soċjali Ewropew. L-Awtorità Maniġerjali se tittrasferixxi xi kompiti lill-Korp Intermedjarju, li huwa l-Uffiċċju Provinċjali tax-Xogħol f’Torun.

    30.         L-Awtorità tal-Pagamenti se tkun id-Dipartiment tal-Awtorità tal-Pagamenti tal-Ministeru tal-Finanzi.

    31.         L-Awtorità ta’ Ċertifikazzjoni se titwaqqaf fid-Dipartiment taċ-Ċertifikazzjoni u d-Deżinjazzjoni fil-Ministeru tal-Infrastruttura u l-Iżvilupp, f’dipartiment differenti mill-Awtorità Maniġerjali.

    32.         Id-Dipartiment tal-FSE u d-Dipartiment taċ-Ċertifikazzjoni u d-Deżinjazzjoni huma ssorveljati minn żewġ membri indipendenti tal-maniġment tal-Ministeru. Il-kontribuzzjoni tal-FEG se tintbagħat f’kont separat tal-Ministeru tal-Finanzi minn fejn il-fondi se jiġu ttrasferiti għall-kont tad-dħul tal-baġit tal-Istat. Il-kofinanzjament għall-implimentazzjoni tal-attivitajiet se jiġi mir-riżorsi nazzjonali, inkluż mill-Fond tax-Xogħol.

    L-Uffiċċji Distrettwali tax-Xogħol se jżommu reġistru separat tan-nefqa. Ladarba tintemm l-implimentazzjoni, l-Uffiċċji Distrettwali tax-Xogħol se jibagħtu talba għall-ħlas lill-Awtorità Maniġerjali. L-Awtorità Maniġerjali se tibgħat iċ-ċertifikat lill-Kummissjoni Ewropea flimkien ma’ dikjarazzjoni li tiġġustifika n-nefqa. L-Awtorità Maniġerjali se twettaq spezzjonijiet biex tiċċekkja li l-Korp Intermedjajru jkun qed jimplimenta sew il-proċeduri. Min-naħa tiegħu, il-Korp Intermedjarju se jivverifika l-metodu li bih l-Uffiċċji Distrettwali tax-Xogħol ikunu qed jagħtu l-assistenza tagħhom. Skont is-sistemi ta’ kontroll, meta tasal id-deċiżjoni ta’ rimborż skont il-FEG, se tiġi miftehma skeda biex isiru l-ispezzjonijiet. F’każ li kien hemm xi irregolaritajiet meta kienu qed jiġu implimentati l-azzjonijiet, awtorità tista’ tiddeċiedi li tibda attivitajiet addizzjonali ta’ verifika. L-Awtorità tal-Awditjar għall-FSE se tkun ukoll l-Awtorità tal-Awditjar għal dan il-każ.

    Finanzjament

    33.         Abbażi tal-applikazzjoni tal-Polonja, il-kontribuzzjoni proposta mill-FEG għall-pakkett ikkoordinat ta’ servizzi personalizzati (inkluża n-nefqa għall-implimentazzjoni tal-FEG) hija ta’ EUR 115 205, li tirrappreżenta 50 % tal-ispiża totali. L-allokazzjoni proposta tal-Kummissjoni taħt il-Fond hija bbażata fuq l-informazzjoni li bagħtet il-Polonja.

    34.         Filwaqt li tqis l-ammont massimu possibbli ta’ kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG skont l-Artikolu 12 tar-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013, kif ukoll l-ambitu għar-riallokazzjoni tal-approprjazzjonijiet, il-Kummissjoni qed tipproponi li timmobilizza l-FEG għall-ammont totali msemmi hawn fuq.

    35.         Id-deċiżjoni proposta li jiġi mmobilizzat l-FEG se tittieħed b’mod konġunt mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill, kif stabbilit fil-punt 13 tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta’ Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f’materji ta’ baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba[9].

    36.         Il-Kummissjoni qed tippreżenta b’mod separat talba għal trasferiment sabiex iddaħħal approprjazzjonijiet speċifiċi ta’ impenn fil-baġit tal-2015, kif mitlub skont il-Punt 13 tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta’ Diċembru 2013.

    Sors tal-approprjazzjonijiet ta’ pagament

    37.         Se jintużaw approprjazzjonijiet mill-intestatura baġitarja tal-FEG biex jiġi kopert l-ammont ta’ EUR 115 205 meħtieġ għal din l-applikazzjoni.

    Proposta għal

    DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

    dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni skont il-punt 13 tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta’ Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja u dwar ġestjoni finanzjarja tajba (l-applikazzjoni FEG/2013/009 PL/Zachem mill-Polonja)

    IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidraw ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Diċembru 2006 li jistabbilixxi l-Fond Ewropew ta’ aġġustament għall-globalizzazzjoni[10], u b’mod partikulari l-Artikolu 12(3) tiegħu,

    Wara li kkusidraw il-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta’ Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f’materji ta’ baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba[11], u b’mod partikulari l-punt 13 tiegħu,

    Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea[12],

    Billi:

    (1)       Il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (il-FEG) ġie stabbilit sabiex jipprovdi appoġġ addizzjonali għall-ħaddiema li jkunu ngħataw is-sensja minħabba bidliet strutturali ewlenin fix-xejriet kummerċjali dinjija minħabba l-globalizzazzjoni u biex jgħinhom fl-integrazzjoni mill-ġdid tagħhom fis-suq tax-xogħol.

    (2)       L-Artikolu 12 tar-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020[13] jippermetti l-mobilizzazzjoni tal-FEG sa ammont massimu annwali ta’ EUR 150 miljun (bi prezzijiet tal-2011). Fid-9 ta’ Ottubru 2013, il-Polonja ssottomettiet applikazzjoni għall-mobilizzazzjoni tal-FEG fir-rigward tas-sensji li kien hemm fl-intrapriża Zachem u f’żewġ fornituri u produtturi li jinsabu iktar ’l isfel fil-katina tal-produzzjoni, u ssupplimentata b’informazzjoni addizzjonali sas-16 ta’ Ġunju 2014. Din l-applikazzjoni tikkonforma mar-rekwiżiti għad-determinazzjoni tal-kontribuzzjonijiet finanzjarji kif stabbiliti fl-Artikolu 10 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006. Għaldaqstant, il-Kummissjoni qed tipproponi li jiġi mmobilizzat l-ammont ta’ EUR 115 205.

    (3)       Għalhekk, il-FEG għandu jiġi mmobilizzat sabiex jipprovdi kontribuzzjoni finanzjarja għall-applikazzjoni mressqa mill-Polonja,

    ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Għall-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja tal-2015, il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (il-FEG) għandu jiġi mmobilizzat sabiex jipprovdi s-somma ta’ EUR 115 205 f’approprjazzjonijiet ta’ impenn u approprjazzjonijiet ta’ pagament.

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Magħmul fi Brussell,

    Għall-Parlament Ewropew                            Għall-Kunsill

    Il-President                                                    Il-President

    [1]               ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884.

    [2]               ĠU L 406, 30.12.2006, p. 1.

    [3]               Skont it-tielet paragrafu tal-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006.

    [4]               Ara d-dokument imsejjaħ “The European chemical industry. Facts & Figures 2013” (“L-industrija Ewropea tas-sustanzi kimiċi: Fatti u ċifri tal-2013”) maħruġ mis-CEFIC (http://www.cefic.org/Facts-and-Figures).

    [5]               “Chemical Industry Vision 2030 : A European Perspective” (“Viżjoni tal-industrija tas-sustanzi kimiċi fl-2030: Perspettiva Ewropea”).

    [6]               Ir-rapport tal-OECD tal-2012 imsejjaħ “Environmental Outlook to 2050 – the consequences of inaction” (“Il-prospetti ambjentali sal-2050– il-konsegwenzi tan-nuqqas ta’ azzjoni”), p. 304.

    [7]               It-toluwen huwa kompost aromatiku użat fil-manifattura tal-benżen, tal-p-ksilen għar-reżini fi stat solidu tal-polietilentereftalat (il-PET), kif ukoll tat-toluwen diisoċjanat (it-TDI) għal applikazzjonijiet tal-poliuretan, u jintuża ħafna bħala solvent.

    [8]           http://wbj.pl/wp-content/uploads/2014/09/IiP2014.pdf.

    [9]               ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.

    [10]             ĠU L 406, 30.12.2006, p. 1.

    [11]             ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.

    [12]             Ġ C […], […], p. […].

    [13]             ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884.

    Top