EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52015PC0004

Proposta għal DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL li tawtorizza lir-Renju Unit japplika livelli ta’ tassazzjoni ddivrenzjati għall-fjuwils tal-magni f’ċerti żoni ġeografiċi skont id-Direttiva 2003/96/KE

/* COM/2015/04 final - 2015/0004 (NLE) */

52015PC0004

Proposta għal DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL li tawtorizza lir-Renju Unit japplika livelli ta’ tassazzjoni ddivrenzjati għall-fjuwils tal-magni f’ċerti żoni ġeografiċi skont id-Direttiva 2003/96/KE /* COM/2015/04 final - 2015/0004 (NLE) */


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.           KUNTEST TAL-PROPOSTA

Ir-raġunijiet għall-proposta u l-għanijiet tagħha

It-tassazzjoni fuq il-prodotti tal-enerġija u fuq l-elettriku fl-Unjoni hija rregolata mid-Direttiva tal-Kunsill 2003/96/KE ([1]) (minn hawn 'il quddiem imsejħa “id-Direttiva dwar it-Tassazzjoni fuq l-Enerġija” jew “id-Direttiva”).

Skont l-Artikolu 19(1) tad-Direttiva, flimkien mad-dispożizzjonijiet previsti b’mod partikolari fl-Artikoli 5, 15 u 17 tagħha, il-Kunsill, billi jaġixxi b’mod unanimu fuq proposta tal-Kummissjoni, jista’ jawtorizza lil kwalunkwe Stat Membru jintroduċi aktar eżenzjonijiet jew tnaqqis fil-livell tat-tassazzjoni għal kunsiderazzjonijiet politiċi speċifiċi.

L-għan ta’ din il-proposta hu li r-Renju Unit jitħalla jintroduċi rata mnaqqsa ta’ dazju tas-sisa fuq il-fjuwils tal-magni użati bħala propellant (jiġifieri l-petrol bla ċomb u ż-żejt tal-gass) fiż-żoni ġeografiċi li ġejjin iddefiniti fit-talba tar-Renju Unit bir-referenzi għall-kodiċi postali tagħhom: IV54 (Strathcarron, Highland - l-Iskozja), IV26 (Ullapool, Highland - l-Iskozja), IV27 (Lairg, Highland – l-Iskozja), NE48 (Hexham, Northumberland - l-Ingiliterra), PH41 (Mallaig, Highland - l-Iskozja), KW12 (Halkirk, Highland – l-Iskozja), PA80 (Oban, Argyll and Bute – l-Iskozja), PH36 (Acharacle, Highland – l-Iskozja), IV22 (Achnasheen, Highland - l-Iskozja), PA38 (Appin, Argyll and Bute – l-Iskozja), PH23 (Carrbridge, Highland - l-Iskozja), PH19 (Dalwhinnie, Highland - l-Iskozja), IV21 (Gairloch, Highland - l-Iskozja), LA17 (Kirkby-in-Furness, Cumbria - l-Ingilterra), EX35 (Lynton, Devon - l-Ingilterra), IV14 (Strathpeffer, Highland - l-Iskozja) u ż-żona koperta mill-belt postali ta' Hawes (li tinsab f’North Yorkshire, l-Ingilterra).

Skont l-informazzjoni mogħtija mill-awtoritajiet tar-Renju Unit, il-kodiċijiet postali jippermettu definizzjoni ċara tal-ambitu territorjali tal-miżura. Is-sistema tal-kodiċi postali hija l-istess fl-Ingilterra, l-Iskozja, Wales u l-Irlanda ta’ Fuq. Fir-Renju Unit, il-bliet postali u d-distretti tal-kodiċijiet postali jkopru għadd ta’ lokalitajiet f’żona. Fiż-żoni rurali, l-ikbar ċentru tal-popolazzjoni f'distrett tal-kodiċi postali jew f’belt postali x’aktarx ikun raħal. Il-bliet u d-distretti jvarjaw fid-daqs, pereżempju, iż-żona tal-kodiċi postali IV27 hija l-akbar distrett tal-kodiċi postali fir-Renju Unit, bi 3 397 km2, u hija ferm akbar miż-żona koperta bil-kodiċi postali NE48, li hija ta’ madwar 750 km2. It-talba għad-deroga tirreferi għall-eqreb bliet postali taż-żoni magħżula kif ukoll għall-awtorità lokali usa' taż-żona. Pereżempju, it-talba għad-deroga għaż-żona tal-kodiċi postali IV21 (Gairloch, Highland - l-Iskozja), tfisser li l-belt postali f’din iż-żona IV21 hija Gairloch u li l-awtorità lokali hija Highland – l-Iskozja. Il-bliet postali ta’ spiss ikunu magħmula minn raħal wieħed jew aktar, u ħafna drabi jissemmew għal wieħed mill-irħula li jinsabu fihom.

It-tabella ta’ hawn taħt turi l-ismijiet u n-numri tal-bliet postali u tal-irħula koperti mid-distretti tal-kodiċijiet postali elenkati fl-applikazzjoni:

Distrett tal-kodiċi postali || Belt (Bliet) postali || Irħula

PH36 || 1: Acharacle || 6: Acharacle, Strontian, Kilchoan, Salen, Glenborrodale, Achateny

IV22 || 1: Achnasheen || 4: Achnasheen, Poolewe, Laide, Kinlochewe

IV21 || 1: Gairloch || 5: Gairloch, Badachro, Melvaig, Big Sand, Port Henderson

PH19 || 1: Dalwhinnie || 1: Dalwhinnie

PH23 || 1: Carrbridge || 2: Carrbridge, Bogroy

IV14 || 1: Strathpeffer || 3: Strathpeffer, Contin, Jamestown

PA38 || 1: Appin || 3: Appin, Duror, Portnacroish

LA17 || 1: Kirkby-in-Furness || 1: Kirkby-in-Furness

EX35 ([2]) || 2: Lynton u Lynmouth || 3: Barbrook, Brendon, Lynmouth

IV54 || 1: Strathcarron || 4: Strathcarron, Locharron, Applecross, Shieldaig

IV26 || 1: Ullapool || 1: Achiltibuie

IV27 || mhux applikabbli || 7: Lairg, Durness, Tongue, Scourie, Lochinver, Kinlochbervie, Talmine

PH41 || mhux applikabbli || 2: Mallaig, Inverie

KW12 || 1: Halkirk || 1: Halkirk

PA80 || mhux applikabbli || 3: Lochaline, Morvern, Drimnin

NE48 || mhux applikabbli || 7: Bellingham, Falstone, Kielder, Wark, Tarset, West Woodburn, Barrasford

Distrett tal-kodiċi postali || Belt postali || Irħula

mhux applikabbli || Hawes || 2: Gayle, Butterset

F’xi każijiet (jiġifieri għall-kodiċijiet IV27, PH41, PA80, NE48), id-distretti tal-kodiċijiet postali ma fihomx belt postali sħiħa, u għalhekk ġiet ipprovduta biss il-lista tal-irħula. Għall-biċċa l-kbira taż-żoni fuq il-lista, il-belt postali u d-distrett tal-kodiċi postali huma l-istess.

Skont l-informazzjoni pprovduta mir-Renju Unit, il-prezz tal-fjuwil fiż-żoni li għandhom jibbenefikaw mill-miżura bħala medja huwa ta’ GBP 100 (bejn wieħed u ieħor EUR 128.5) ([3]) ogħla għal kull 1 000 litru mill-prezz medju tal-fjuwil fil-bqija tar-Renju Unit. Il-prezzijiet f'dawn iż-żoni huma ogħla minħabba li l-ispejjeż tat-trasport u tad-distribuzzjoni fihom huma ogħla, u l-popolazzjoni hija baxxa. L-għan tal-miżura huwa li tikkumpensa ftit għall-prezzijiet għoljin tal-fjuwils tal-magni fiż-żoni speċifikati.

Kuntest ġenerali

L-Artikolu 19(1) tad-Direttiva jistipula li l-Kunsill, filwaqt li jaġixxi unanimament fuq proposta tal-Kummissjoni, jista’ jawtorizza lil kull Stat Membru jintroduċi aktar eżenzjonijiet jew tnaqqis fil-livell tat-tassazzjoni minħabba konsiderazzjonijiet politiċi speċifiċi.

B’ittra tat-2 ta’ Frar 2014, l-awtoritajiet tar-Renju Unit infurmaw lill-Kummissjoni li huma beħsiebhom japplikaw rata mnaqqsa għall-petrol bla ċomb u għaż-żejt tal-gass offruti għall-bejgħ bħala propellanti fiż-żoni ġeografiċi msemmija hawn fuq. Ir-rata mnaqqsa tad-dazju tas-sisa fuq il-fjuwils li jintużaw bħala propellant se tkun ta’ GBP 50 (jiġifieri madwar EUR 64.3) anqas għal kull 1 000 litru mir-rata standard fir-Renju Unit (GBP 580 jew madwar EUR 745.3) applikabbli kemm għall-petrol kif ukoll għaż-żejt tal-gass. Dan ifisser li r-rata mnaqqsa xorta waħda se tkun ħafna ogħla mill-minimu attwali tal-UE għal kull 1 000 litru, li huwa ta’ EUR 359 għall-petrol bla ċomb u ta’ EUR 330 għaż-żejt tal-gass. L-awtoritajiet tar-Renju Unit ipprovdew informazzjoni u kjarifiki addizzjonali fit-3 ta' Ġunju u fis-17 ta’ Settembru 2014.

Ir-Renju Unit talab li jingħata permess għat-tnaqqis għal perjodu ta' sitt snin, li hu l-perjodu massimu indikat fl-Artikolu 19(2) tad-Direttiva.

Skont l-awtoritajiet tar-Renju Unit, il-prezz tal-fjuwil fiż-żoni msemmija hawn fuq huwa ta’ madwar GBP 100 (bejn wieħed u ieħor EUR 128.5) ogħla għal kull 1 000 litru mill-prezz medju fil-kumplament tar-Renju Unit. Il-prezz f’dawn iż-żoni huwa konformi mal-prezzijiet tal-fjuwil mill-pompi fil-gżejjer jekk wieħed ma jqisx it-tnaqqis fit-taxxa li r-Renju Unit japplika għalihom kif stipulat bid-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2011/776/UE [4]. It-tnaqqis ta' GBP 50 (bejn wieħed u ieħor EUR 64.3) għal kull 1 000 litru ma jkoprix id-differenza kollha fil-prezz, iżda jagħti lill-konsumaturi kumpens żgħir għall-prezz ogħla li jkollhom iġarrbu.

Fil-valutazzjoni tal-eliġibbiltà taż-żoni kkonċernati għar-ribass, tqiesu żewġ fatturi ewlenin:

· l-affordabilità tal-fjuwil, ikkawżata minn prezzijiet għoljin tal-fjuwil mill-pompa u minn qligħ fil-ġimgħa li huwa taħt il-medja nazzjonali fir-Renju Unit;

· il-ħtieġa tal-fjuwil għat-trasport bit-triq bħala parti mill-ħajja ta’ kuljum tal-individwi. Dan jidher mid-dipendenza għolja fuq il-karozzi u mill-aċċessibilità limitata għat-trasport pubbliku u għas-servizzi essenzjali.

Skont l-informazzjoni statistika pprovduta mill-awtoritajiet tar-Renju Unit, il-qligħ medju fil-ġimgħa fl-awtoritajiet lokali fejn jinsabu ż-żoni magħżula jvarja minn GBP 412.10 (EUR 528.6) għal GBP 493.30 (EUR 633.9), li huwa anqas mill-medja nazzjonali fir-Renju Unit, li hija ta' GBP 518 ([5]) (EUR 665.6). L-awtoritajiet lokali li għalihom tinġabar id-dejta statistika normalment ikollhom ambitu ġeografiku usa’ miż-żoni li għalihom se tapplika l-miżura. Skont l-awtoritajiet tar-Renju Unit, wieħed jista’ jassumi li l-qligħ medju attwali fil-ġimgħa fiż-żoni inkwistjoni huwa saħansitra inqas miċ-ċifri disponibbli għall-awtoritajiet lokali. Dan huwa minħabba l-preżenza ta' korporazzjonijiet akbar fil-lokalitajiet ewlenin fl-awtoritajiet lokali, li ħafna drabi jkunu aktar minn 100 mil (madwar 160 km) ’l bogħod miż-żoni magħżula inkwistjoni. Il-flussi tad-dħul fiż-żoni koperti mill-miżura jiddependu fuq l-agrikoltura u t-turiżmu. Għalhekk, l-awtoritajiet tar-Renju Unit jassumu li l-qligħ fil-ġimgħa f’dawn iż-żoni huwa aktar baxx mill-qligħ fil-gżejjer li attwalment japplikaw id-deroga (li huwa ta’ GBP 463.0, jiġifieri ta’ EUR 752.8).

Skont id-dejta mogħtija mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika tar-Renju Unit, il-Valur Miżjud Gross għal kull persuna fiż-żoni inkwistjoni jvarja minn GBP 12 036 (EUR 15 466.5) għal GBP 17 936 (EUR 23 048) u huwa anqas mill-medja tar-Renju Unit, li hija ta’ GBP 21 674 (EUR 27 851.5) kull sena.

Skont l-awtoritajiet tar-Renju Unit, l-opportunità ekonomika limitata f’dawn iż-żoni meta mqabbla ma’ żoni aktar urbanizzati tar-Renju Unit twassal għal emigrazzjoni tal-popolazzjoni ekonomikament attiva, li hija r-raġuni prinċipali għar-rata stabbli tal-qgħad, li mhux neċessarjament tirrifletti l-kwalità tal-ħajja f’dawn iż-żoni. Ekonomikament, l-impatti ewlenin ta’ densitajiet baxxi tal-popolazzjoni fuq żoni ġeografiċi kbar huma dawn li ġejjin:

· id-distanzi medji bejn is-servizzi individwali u n-negozji huma għoljin ħafna, hekk li l-ispejjeż tat-trasport biex jitwettqu attivitajiet bażiċi wkoll huma relattivament għoljin - kemm għall-individwi kif ukoll għan-negozji;

· in-negozji għandhom popolazzjoni iżgħar li tużahom fi ħdan l-istess żona ġeografika, u għalhekk iridu joperaw b’marġnijiet li ġeneralment ikunu ogħla għal kull unità sabiex ikunu jistgħu jagħmlu profitt minn fatturat limitat.

Barra minn hekk, fl-aħħar snin għalqu numru ta' raffineriji fir-Renju Unit. It-tnaqqis fin-numru ta' raffineriji wassal biex kiber in-numru ta' pompi tal-petrol li jinsabu aktar minn 100 mil (madwar 160 km) 'il bogħod mill-eqreb raffinerija tagħhom, u dan wassal għal żieda fl-ispejjeż tat-trasport tal-fjuwil lejn iż-żoni inkwistjoni.

Id-disponibbiltà tal-karozzi tal-linja fiż-żoni rurali kollha kkonċernati hija ferm anqas mill-medja għall-Gran Brittanja ([6]). Flimkien mal-użu limitat tal-ferroviji fiż-żoni kkonċernati u l-użu għoli tal-karozzi minkejja l-prezzijiet għoljin tal-fjuwil mill-pompa, dan jenfasizza l-ħtieġa tal-karozzi bħala mezz ta’ trasport f’dawn iż-żoni.

Is-servizzi f’żoni remoti u rurali tar-Renju Unit bħaż-żoni magħżula x’aktarx li jaqdu żona ġeografika akbar minn dawk f'lokalitajiet urbani, parzjalment minħabba d-densità baxxa tal-popolazzjoni f'dawn iż-żoni. Dan ifisser li d-distanzi medji bejn l-akkomodazzjonijiet individwali, il-lokalitajiet, is-servizzi u n-negozji huma kbar ħafna, hekk li l-ispejjeż tat-trasport biex wieħed iwettaq attivitajiet bażiċi wkoll huma relattivament għolja. Pereżempju, vjaġġ miż-żona koperta mill-kodiċi postali IV27 għall-eqreb supermarket ta' daqs standard jista' jinvolvi vjaġġ bir-ritorn ta’ distanza li tlaħħaq il-135 mil (madwar 220 km).

L-isfidi deskritti hawn fuq jirriflettu kemm in-neċessità tal-użu tal-karozzi fil-ħajja ta’ kuljum tar-residenti fiż-żoni magħżula, kif ukoll l-impatt ta’ prezzijiet għolja tal-fjuwil fuqhom. Ir-Renju Unit iqis li r-ribass fuq id-dazju tal-fjuwil jgħin biex dawn il-komunitajiet rurali fraġli u mbiegħda jiġu sostnuti billi jtaffilhom xi ftit mill-piż ta' dawn l-ispejjeż partikolarment għoljin. Huwa importanti li dawn il-fatturi ma jitqisux f'iżolament, iżda bħala taħlita ta’ kwistjonijiet li wasslu għal ħtieġa ekonomika u soċjali reali għar-ribass fiż-żoni elenkati.

L-eżekuzzjoni tal-miżura

Fir-Renju Unit, id-dazju tas-sisa fuq il-fjuwils tat-triq jibda jitħallas minn meta l-fjuwil jinħareġ mir-raffinerija, minn meta jiġi impurtat jew minn meta dan jinħareġ minn xi maħżen tas-sisa ("excise warehouse"). Sa dan il-punt, ikun għadu diffiċli li wieħed jidentifika l-ammont ta' fjuwil li huwa maħsub għar-reġjuni eliġibbli.

Għalhekk, l-eżenzjoni se tingħata fil-punt tal-bejgħ fiż-żoni eliġibbli, u għaldaqstant se jiġi evitat kwalunkwe riskju li jirriżulta mid-diverżjoni tal-fjuwil li huwa soġġett għal rata tal-fjuwil imnaqqsa. Il-bejjiegħa tal-fjuwil bl-imnut fiż-żoni kkonċernati jkunu rreġistrati mad-dipartiment tad-dħul mit-taxxi u tad-dwana msejjaħ “HM Revenue and Customs” (HMRC) bħala bejjiegħa bl-imnut approvati u jkunu mitluba jnaqqsu l-prezz ta' kull litru tal-fjuwil bl-ammont tal-eżenzjoni mid-dazju. Min-naħa tagħhom, huma jkunu intitolati jitolbu rifużjoni tad-dazju mingħand l-HMRC, fuq bażi perjodika, skont kemm-il litru ta' fjwuil ikunu biegħu.

Benefiċjarji

Il-miżura hija maħsuba għal individwi privati iżda x-xirjiet kollha tal-fjuwil, inklużi dawk kummerċjali, se jibbenefikaw mill-prezz aktar baxx.

Is-27 pompa tal-petrol li jistgħu jibbenefikaw mill-iskema kollha huma indipendenti.

L-argumenti tal-awtoritajiet tar-Renju Unit dwar l-impatt tal-miżura fuq is-suq intern

L-awtoritajiet tar-Renju Unit ma jaħsbux li l-miżura se taffettwa l-funzjonament xieraq tas-suq intern.

Meta l-prezzijiet mitluba mill-pompi tal-petrol li jinsabu fiż-żoni affettwati mit-tnaqqis tat-taxxa propost ta’ GBP 50 għal kull 1 000 litru (EUR 64.3) jitqabblu ma’ dawk mitluba mill-eqreb kompetituri tagħhom barra mill-iskema, jinstab li:

għall-petrol, id-differenza medja tonqos għal GBP 10 (EUR 12.9). Bħala medja, il-prezzijiet fis-siti koperti minn din l-iskema jkunu GBP 10 (EUR 12.9) ogħla minn dawk fl-eqreb kontropartijiet tagħhom li ma jkunux fl-iskema.

Għad-diżil, id-differenza medja ssir ta’ GBP 6 (EUR 7.7). Bħala medja, il-prezzijiet fis-siti koperti minn din l-iskema jkunu GBP 6 orħos għal kull 1 000 litru (EUR 7.7) minn dawk fl-eqreb kontropartijiet tagħhom li ma jkunux fl-iskema.

Permezz tar-ribass, il-pompi tal-petrol affettwati b’mod ġenerali se jiġu konformi mal-istazzjonijiet f’żoni fil-qrib li mhumiex fl-iskema. Għalhekk, mhuwiex mistenni li l-konsumaturi jibdlu r-rotot tas-sewqan tagħhom jew li l-pompi tal-petrol f'żoni li jmissu mal-benefiċjarji jiġu riallokati għaż-żoni inklużi. Barra minn hekk, id-densità baxxa tal-popolazzjoni u d-distanzi minn lokalitajiet kbar, flimkien mal-ispejjeż kapitali sinifikanti ta’ pompi tal-petrol ġodda, ma jagħmluhiex kummerċjalment attraenti għall-pompi tal-petrol li jirrilokaw, anke bir-ribass.

Id-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam tal-proposta

Id-Direttiva tal-Kunsill 2003/96/KE tas-27 ta’ Ottubru 2003 li tirriforma l-istruttura tal-Komunità dwar tassazzjoni fuq prodotti ta’ enerġija u elettriku.

Il-valutazzjoni tal-miżura skont l-Artikolu 19 tad-Direttiva 2003/96/KE

Konsiderazzjonijiet politiċi speċifiċi

L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 19(1) tad-Direttiva jgħid hekk:

"Flimkien ma’ dawn id-dispożizzjonijiet imsemmija fl-Artikoli ta' qabel, b'mod partikolari l-Artikoli 5, 15 u 17, il-Kunsill, li jaġixxi b'mod unanimu fuq xi proposta tal-Kummissjoni, jista' jawtorizza lil kwalunkwe Stat Membru biex jintroduċi iktar eżenzjonijiet u tnaqqis għall-konsiderazzjonijiet politiċi speċifiċi."

Il-miżura prevista mir-Renju Unit tikkonsisti fit-tnaqqis tad-dazju tas-sisa fuq il-fjuwils tal-magni forniti f’ċerti partijiet tat-territorju tiegħu, iddefiniti permezz ta’ kodiċi postali, jiġifieri fiż-żoni koperti mill-kodiċijiet postali PH36, IV22, IV21, PH19, PH23, IV14, PA38, LA17, Hawes, EX35, IV54, IV26, IV27, PH41, KW12, PA80 u NE48.

L-għan huwa li l-prezzijiet tal-fjuwil mill-pompi f'dawn it-territorji jitqarrbu lejn il-prezzijiet medji tar-Renju Unit. Ir-raġunijiet għaliex f'dawn iż-żoni kemm l-ispejjeż għal kull unità ta' fjuwil kif ukoll il-prezzijiet tal-fjuwil mill-pompi huma ogħla huma l-fatt li fihom hemm spejjeż ogħla tat-trasport u tad-distribuzzjoni u l-fatt li fihom hemm ekonomiji tal-iskala iżgħar.

Wieħed jista' jikkonkludi li x-xewqa li tiġi applikata rata mnaqqsa ta' dazju tas-sisa fuq il-fjuwils tal-magni fiż-żoni kkonċernati minħabba l-kundizzjonijiet soċjali u ekonomiċi speċifiċi tagħhom hija msejsa fuq kunsiderazzjonijiet politiċi speċifiċi b'mod partikolari fir-rigward tal-politika soċjali u reġjonali.

Konsistenza mal-politiki u l-għanijiet l-oħra tal-Unjoni

L-għan tal-miżura huwa li tikkontrobilanċja parzjalment l-ispiża ogħla għal kull unità ta' fjuwil, u għaldaqstant il-prezzijiet tal-fjuwil mill-pompa fiż-żoni kkonċernati, permezz ta' eżenzjoni diretta mid-dazju fil-punt tal-bejgħ.

Il-miżura hija limitata għal dak li hu meħtieġ biex dan iseħħ. B’mod partikolari, l-eżenzjoni hija limitata għall-ammont (relattivament żgħir) ta’ fjuwil mibjugħ f’dawn iż-żoni, u l-volum totali użat fiż-żoni postali huwa ta’ inqas minn 50 miljun litru fis-sena, li jammonta għal 0.1 % tal-konsum totali tal-fjuwil fir-Renju Unit.

Il-Kummissjoni tinnota li r-rata tad-dazju tas-sisa se titnaqqas b’GBP 50 (jiġifieri EUR 64.3) għal kull 1 000 litru tal-prodott. Il-prezz tal-fjuwil fiż-żoni magħżulin elenkati hawn fuq huwa madwar GBP 100 (EUR 128.5) ogħla mill-prezz medju fil-kumplament tar-Renju Unit. Fl-aħħar tliet xhur tal-2012, il-prezzijiet f’dawn l-ibliet kienu ogħla mill-prezz minimu fuq il-gżejjer li attwalment japplikaw tnaqqis tat-taxxa abbażi tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2011/776/UE. Il-karatteristiċi tal-prezzijiet f’dawn l-ibliet huma simili għal dawk ta’ fuq il-gżejjer fejn japplika t-tnaqqis tat-taxxa. Eżenzjoni ta’ GBP 50 (EUR 64) x’aktarx li mhix se tkopri d-differenza kollha li hemm bejn dawn il-prezzijiet għoljin u l-prezz medju tar-Renju Unit, iżda se tipprovdi lill-individwi b’kumpens żgħir għall-prezz ogħla li huma jkollhom iġarrbu.

Fl-aħħar nett, minkejja l-eżenzjoni, il-piż tat-taxxa li jġorr il-fjuwil ikkunsmat fiż-żoni ġeografiċi kkonċernati se jibqa’ 'l fuq sew mil-livelli minimi tat-tassazzjoni stabbiliti fid-Direttiva 2003/96/KE.

Għaldaqstant, jista’ jiġi konkluż li filwaqt li l-miżura inkwistjoni tikkostitwixxi tnaqqis tat-taxxa fuq il-fjuwils fossili li, fil-prinċipju, għandu jiġi analizzat b’mod kritiku, bil-kundizzjonijiet speċifiċi ġeografiċi u soċjali ta’ dawn iż-żoni, hija tista’ titqies bħala aċċettabbli fil-kuntest usa’ tal-politiki tas-saħħa, tal-ambjent, tal-enerġija u tat-trasport tal-Unjoni.

Fiċ-ċirkostanzi deskritti, il-miżura tidher li hija aċċettabbli wkoll mill-aspett tal-funzjonament xieraq tas-suq intern u tal-ħtieġa li tkun żgurata l-kompetizzjoni ġusta. B'mod partikolari, minħabba li ż-żoni li tapplika għalihom huma mbiegħda u minħabba t-tnaqqis moderat fir-rata, mhuwiex mistenni li din se twassal għal tibdil fil-konsum tal-fjuwil billi tattira konsumaturi minn barra dawn iż-żoni.

Il-perjodu ta’ applikazzjoni tal-miżura u l-iżvilupp tal-qafas tal-UE dwar it-Tassazzjoni fuq l-Enerġija

Il-Kummissjoni qed tissuġġerixxi li l-perjodu ta’ applikazzjoni jkun il-perjodu massimu permess mid-Direttiva 2003/96/KE, jiġifieri perjodu ta’ sitt snin. Dan il-perjodu jidher li huwa adattat biex l-awtoritajiet tar-Renju Unit ikunu jistgħu jiġbru l-informazzjoni biex jivvalutaw ir-riżultati tal-miżura u biex joffru lin-negozji u lill-konsumaturi li jkunu qed jibbenefikaw minnha livell suffiċjenti ta' ċertezza.

Regoli dwar l-għajnuna mill-Istat

Wara t-tnaqqis previst mill-awtoritajiet tar-Renju Unit, ir-rati tat-taxxa fuq il-petrol bla ċomb u ż-żejt tal-gass fir-reġjuni kkonċernati xorta waħda se jibqgħu jirrispettaw il-livell minimu ta' tassazzjoni f'konformità mal-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/96/KE. Dejjem jekk il-miżura tirrispetta l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 44 tar-Regolament għal Eżenzjoni Ġenerali Sħiħa (ir-Regolament (KE) Nru 651/2014) [7]), din tkun eżentata mill-ħtieġa ta’ notifika minn qabel.

2.           RIŻULTATI TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET INTERESSATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

Konsultazzjoni mal-partijiet interessati

Din il-proposta hija bbażata fuq talba li saret mir-Renju Unit u tikkonċerna biss lil dan l-Istat Membru.

Ġbir u użu tal-għarfien espert

Ma kienx hemm bżonn ta’ għarfien espert estern.

Valutazzjoni tal-impatt

Din il-proposta tikkonċerna awtorizzazzjoni mogħtija lil Stat Membru individwali fuq talba tiegħu stess.

3.           ELEMENTI LEGALI TAL-PROPOSTA

Il-prinċipju tas-sussidjarjetà

Il-qasam tat-tassazzjoni indiretta kopert mill-Artikolu 113 tat-TFUE fih innifsu ma jaqax taħt il-kompetenza esklużiva tal-Unjoni Ewropea skont it-tifsira tal-Artikolu 3 tat-TFUE.

Madankollu, l-eżerċizzju mill-Istati Membri tal-kompetenzi tagħhom f’dan il-qasam huwa rregolat u limitat ħafna mil-liġijiet eżistenti tal-UE. Skont l-Artikolu 19 tad-Direttiva 2003/96/KE, il-Kunsill biss għandu s-setgħa jawtorizza lil Stat Membru jintroduċi aktar eżenzjonijiet jew tnaqqis skont it-tifsira ta’ dik id-dispożizzjoni. L-Istati Membri ma jistgħux jieħdu post il-Kunsill.

Għalhekk, il-proposta tirrispetta l-prinċipju tas-sussidjarjetà.

Madanakollu, il-proposta attwali, bħala proposta mhux leġiżlattiva, mhix soġġetta għall-mekkaniżmu ta' analiżi tal-Protokoll Nru. 2 tat-TFUE, li japplika biss għal abbozzi ta' atti leġiżlattivi.

Il-prinċipju tal-proporzjonalità

Il-proposta tirrispetta l-prinċipju tal-proporzjonalità. It-tnaqqis fit-taxxa ma jmurx lil hinn minn dak li hu neċessarju biex jintlaħaq l-għan inkwistjoni (ara l-kunsiderazzjonijiet dwar l-aspetti tas-suq intern u l-kompetizzjoni ġusta mogħtija hawn fuq).

Għażla tal-istrumenti

Strument(i) propost(i): Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill.

L-Artikolu 19 tad-Direttiva 2003/96/KE jipprovdi għal din it-tip ta’ miżura biss.

4.           IMPLIKAZZJONI BAĠITARJA

Il-miżura ma twassal għall-ebda piż finanzjarju jew amministrattiv fuq l-Unjoni. Għalhekk, il-proposta ma għandha l-ebda impatt fuq il-baġit tal-Unjoni.

2015/0004 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL

li tawtorizza lir-Renju Unit japplika livelli ta’ tassazzjoni ddivrenzjati għall-fjuwils tal-magni f’ċerti żoni ġeografiċi skont id-Direttiva 2003/96/KE

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2003/96/KE tas-27 ta’ Ottubru 2003 li tirriforma l-istruttura tal-Komunità dwar tassazzjoni fuq prodotti ta’ enerġija u elettriku ([8]), u b’mod partikolari l-Artikolu 19 tagħha,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)       Permezz ta’ ittra tat-2 ta’ Frar 2014, ir-Renju Unit talab li jingħata l-permess japplika rata mnaqqsa ta’ dazju tas-sisa fuq iż-żejt tal-gass u l-petrol bla ċomb, f’konformità mal-Artikolu 19 tad-Direttiva 2003/96/KE fiż-żoni ġeografiċi li ġejjin, iddefiniti permezz ta’ kodiċi postali fejn xieraq: IV54 (Strathcarron, Highland - l-Iskozja), IV26 (Ullapool, Highland - l-Iskozja), IV27 (Lairg, Highland – l-Iskozja), NE48 (Hexham, Northumberland - l-Ingilterra), PH41 (Mallaig, Highland - l-Iskozja), KW12 (Halkirk, Highland – l-Iskozja), PA80 (Oban, Argyll and Bute – l-Iskozja), PH36 (Acharacle, Highland – l-Iskozja), IV22 (Achnasheen, Highland - l-Iskozja), PA38 (Appin, Argyll and Bute – l-Iskozja), PH23 (Carrbridge, Highland - l-Iskozja), PH19 (Dalwhinnie, Highland - l-Iskozja), IV21 (Gairloch, Highland - l-Iskozja), LA17 (Kirkby-in-Furness, Cumbria - l-Ingilterra), EX35 (Lynton, Devon - l-Ingilterra), IV14 (Strathpeffer, Highland - l-Iskozja) u ż-żona koperta mill-belt postali ta' Hawes (li tinsab f’North Yorkshire, l-Ingilterra). Ir-Renju Unit ipprovda informazzjoni u kjarifiki addizzjonali fit-3 ta’ Ġunju u fis-17 ta’ Settembru 2014.

(2)       F’dawn il-gżejjer, il-prezzijiet taż-żejt tal-gass u tal-petrol bla ċomb huma ogħla mill-prezzijiet medji fil-kumplament tat-territorju tar-Renju Unit, u dan ipoġġi lill-konsumaturi lokali tal-fjuwil fi żvantaġġ. Id-differenza fil-prezzijiet tirriżulta mill-ispejjeż addizzjonali għal kull unità kkawżati mill-pożizzjoni ġeografika taż-żoni, il-popolazzjoni żgħira tagħhom u l-kunsinna ta’ volumi relattivament baxxi ta’ fjuwil.

(3)       Ir-rati mnaqqsa ta’ tassazzjoni se jkunu ogħla mir-rati minimi stabbiliti fl-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/96/KE.

(4)       Fid-dawl tan-natura speċifika taż-żoni fil-mira u tat-tnaqqis moderat fir-rata, li jtaffi parzjalment biss l-ispejjeż ogħla mġarrba fiż-żoni ġeografiċi inkwistjoni, il-miżura mhix mistennija twassal għal xi moviment speċifikament marbut mal-provvista tal-fjuwil.

(5)       Konsegwentement, il-miżura hija aċċettabbli mill-perspettiva tal-funzjonament xieraq tas-suq intern u tal-ħtieġa li tkun żgurata l-kompetizzjoni ġusta u hija kompatibbli mal-politiki tal-Unjoni Ewropea fl-oqsma tas-saħħa, l-ambjent, l-enerġija u t-trasport.

(6)       F'konformità mal-Artikolu 19(2) tad-Direttiva 2003/96/KE, kull awtorizzazzjoni mogħtija skont dak l-Artikolu jrid ikollha żmien strettament limitat. Sabiex tipprovdi lin-negozji u lill-konsumaturi kkonċernati b’livell suffiċjenti ta’ ċertezza, l-awtorizzazzjoni għandha tingħata perjodu ta’ sitt snin. Madankollu, sabiex ma jiġux ippreġudikati l-iżviluppi ġenerali futuri tal-qafas legali eżistenti, huwa xieraq li jiġi previst li, jekk il-Kunsill, huwa u jaġixxi skont l-Artikolu 113 tat-Trattat, jintroduċi sistema ġenerali mmodifikata għat-tassazzjoni tal-prodotti tal-enerġija li għalihom ma tkunx adattata l-awtorizzazzjoni mogħtija f’din id-Deċiżjoni, din id-Deċiżjoni għandha tiskadi dakinhar li jsiru applikabbli r-regoli ta’ dik is-sistema mmodifikata.

(7)       Din id-Deċiżjoni hija mingħajr ħsara għall-applikazzjoni tar-regoli tal-Unjoni dwar l-għajnuna mill-Istat,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

1.         Ir-Renju Unit b’dan huwa awtorizzat japplika rati mnaqqsa tat-tassazzjoni għall-petrol bla ċomb u għaż-żejt tal-gass forniti bħala fjuwil tal-magni għall-karozzi tat-triq fis-17-il żona li ġejjin, li huma ddefiniti permezz ta’ kodiċi postali fejn xieraq: IV54 (Strathcarron, Highland - l-Iskozja), IV26 (Ullapool, Highland - l-Iskozja), IV27 (Lairg, Highland – l-Iskozja ), NE48 (Hexham, Northumberland - l-Ingilterra), PH41 (Mallaig, Highland - l-Iskozja), KW12 (Halkirk, Highland – l-Iskozja), PA80 (Oban, Argyll and Bute – l-Iskozja), PH36 (Acharacle, Highland – l-Iskozja), IV22 (Achnasheen, Highland - l-Iskozja), PA38 (Appin, Argyll and Bute – l-Iskozja), PH23 (Carrbridge, Highland - l-Iskozja), PH19 (Dalwhinnie, Highland - l-Iskozja), IV21 (Gairloch, Highland - l-Iskozja), LA17 (Kirkby-in-Furness, Cumbria - l-Ingilterra), EX35 (Lynton, Devon - l-Ingilterra), IV14 (Strathpeffer, Highland - l-Iskozja) u ż-żona koperta mill-belt postali ta' Hawes (li tinsab f'North Yorkshire, l-Ingilterra).

Sabiex jiġi evitat kull kumpens żejjed, it-tnaqqis mir-rata nazzjonali standard ta' tassazzjoni għall-petrol bla ċomb jew għaż-żejt tal-gass rispettivament ma għandux jeċċedi l-ispiża addizzjonali tal-bejgħ bl-imnut f'dawn iż-żoni ġeografiċi, meta mqabbel mal-ispiża medja tal-bejgħ bl-imnut imġarrba fir-Renju Unit, u ma għandux ikun ta’ aktar minn GBP 50 (EUR 64) għal kull 1 000 litru tal-prodott.

2.         Ir-rati mnaqqsa jridu jkunu konformi mar-rekwiżiti tad-Direttiva 2003/96/KE, u b’mod partikolari mar-rati minimi stabbiliti fl-Artikolu 7 tagħha.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ dakinhar tan-notifika tagħha. Għandha tapplika mill-1 ta’ Frar 2015 u tiskadi fil-31 ta’ Jannar 2021.

Madankollu, jekk il-Kunsill, huwa u jaġixxi skont l-Artikolu 113 tat-Trattat, jintroduċi sistema ġenerali mmodifikata għat-tassazzjoni tal-prodotti tal-enerġija li għalihom ma tkunx adattata din l-awtorizzazzjoni, din id-Deċiżjoni għandha tiskadi dakinhar li jsiru applikabbli r-regoli ta' din is-sistema mmodifikata.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq.

Magħmul fi Brussell,

                                                                       Għall-Kunsill

                                                                       Il-President

[1]               Id-Direttiva tal-Kunsill 2003/96/KE tas-27 ta' Ottubru 2003 li tirriforma l-istruttura tal-Komunità dwar tassazzjoni fuq prodotti ta' enerġija u elettriku (ĠU L 283, 31.10.2003 p. 51).

[2]               Id-distrett tal-kodiċi postali EX35 jikludi żewġ bliet postali – Lynton u Lynmouth. Dawn iż-żewġt ibliet postali t-tnejn se jgawdu mir-ribass.

[3]               Il-kalkoli kollha huma bbażati fuq ir-rata tal-kambju tal-1 ta’ Ottubru 2014, jiġifieri GBP 0.77820 għal kull EUR 1. Ara l-ĠU C 344, 2.10.2014.

[4]               Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill 2011/776/UE tal-24 ta’ Novembru 2011 li tawtorizza lir-Renju Unit japplika livelli mnaqqsa ta’ tassazzjoni fuq karburanti użati fil-Gżejjer kollha Hebrides ta’ ġewwa u ta’ barra, fin-Northern Isles, fil-gżejjer fiż-żona Clyde u fil-Gżejjer ta’ Scilly, f’konformità mal-Artikolu 19 tad-Direttiva 2003/96/KE (ĠU L 317, 30.11.2011, p. 34–35).

[5]               Ara l-informazzjoni mogħtija mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika tar-Renju Unit: 'http://www.nomisweb.co.uk/default.asp'.

[6]               Ara s-sit tal-internet li ġej: "https://www.gov.uk/government/statistical-data-sets/nts99-travel-by-region-and-area-type-of-residence".

[7]               Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 651/2014 li jiddikjara li ċerti kategoriji ta’ għajnuna huma kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat (ĠU L 187, 26.6.2014, p. 1–78).

[8]               )               ĠU L 283, 31.10.2003, p. 51.

Top