Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52015IR5066

    Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — Naħdmu flimkien għat-tkabbir u l-impjiegi: Ir-rwol tal-Banek Promozzjonali Nazzjonali u Reġjonali (NPBs) fl-appoġġ tal-Pjan ta’ Investiment għall-Ewropa

    ĠU C 240, 1.7.2016, p. 6–8 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    1.7.2016   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 240/6


    Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — Naħdmu flimkien għat-tkabbir u l-impjiegi: Ir-rwol tal-Banek Promozzjonali Nazzjonali u Reġjonali (NPBs) fl-appoġġ tal-Pjan ta’ Investiment għall-Ewropa

    (2016/C 240/02)

    Relatur:

    Adam BANASZAK (PL/KRE), Viċi President tal-Assemblea Reġjonali ta’ Kujawsko-Pomorskie

    Dokument ta’ referenza:

    Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill: Naħdmu flimkien għat-tkabbir u l-impjiegi: Ir-rwol tal-Banek Promozzjonali Nazzjonali (NPBs) fl-appoġġ tal-Pjan ta’ Investiment għall-Ewropa

    COM(2015) 361 final

    RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA

    Il-KUMITAT EWROPEW TAR-REĠJUNI

    1.

    jilqa’ l-ħidma tal-Kummissjoni Ewropea biex tappoġġja l-banek promozzjonali u biex toħloq pjattaformi ta’ investiment bħala elementi importanti tal-Pjan ta’ Investiment għall-Ewropa. Iżda jiddispjaċih li minkejja li d-definizzjoni formali ta’ banek promozzjonali nazzjonali fil-prinċipju tħaddan fiha wkoll banek reġjonali, il-Kummissjoni, fil-prattika madankollu tikkonċentra esklużivament fuq ir-rwol tal-amministrazzjonijiet nazzjonali u tappella biss għat-twaqqif ta’ banek promozzjonali nazzjonali ġodda. Minbarra dan banek promozzjonali li joperaw fuq livell lokali u reġjonali jiksbu għarfien u rikonoxximent fil-qafas tal-Pjan ta’ Investiment għall-Ewropa;

    2.

    ifakkar fid-definizzjoni ta’ banek jew istituzzjonijiet ta’ żvilupp kif stabbilita fir-Regolament dwar il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi, jiġifieri “l-entitajiet legali impenjati f’attivitajiet finanzjarji fuq bażi professjonali, li għalihom Stat Membru, jew entità ta’ Stat Membru f’livell ċentrali, reġjonali jew lokali, jagħtu mandat biex jitwettqu attivitajiet ta’ żvilupp jew ta’ promozzjoni”;

    3.

    ifakkar li banek promozzjonali mfassla skont diversi mudelli jaqdu rwol importanti biex jittaffew il-konsegwenzi tal-kriżi ekonomika u finanzjarja, speċjalment fid-dawl tat-tnaqqis tal-investimenti pubbliċi fuq livell lokali u reġjonali, li ssemmiet fl-aktar rapport konġunt reċenti tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni u l-OECD;

    4.

    b’rabta ma’ dan jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li għall-promozzjoni ta’ investimenti, li huma meħtieġa għall-awtoritajiet reġjonali, f’xi pajjiżi hemm banek li joperaw mal-pajjiż kollu (eż. fi Franza u l-Polonja), li s-sidien konġunti tagħhom huma l-awtoritajiet reġjonali (il-pajjiżi Skandinavi u n-Netherlands), iżda li hemm ukoll, minbarra banek promozzjonali nazzjonali, banek promozzjonali reġjonali (eż. fil-mudell Ġermaniż), li huma proprjetà (sħiħa jew parzjali) tar-reġjun federali rispettiv u li jwettqu xogħol ta’ promozzjoni speċifiku ġħar-reġjun federali. L-għamla ta’ dawn il-banek promozzjonali tvarja skont l-esperjenzi storiċi u l-kundizzjonijiet ekonomiċi fl-Istat jew ir-reġjun rispettiv;

    5.

    ifakkar li l-istituzzjonijiet ta’ promozzjoni mhux dejjem ikunu banek – f’xi pajjiżi jkollhom l-għamla ta’ aġenziji, kumpaniji ta’ investiment jew fondi ta’ investiment, u mhuwiex rari li jingħataw kapital ta’ riskju, u anke dan it-tip ta’ istituzzjonijiet, li mhumiex banek, jista’ jkollhom funzjoni importanti fil-Pjan ta’ Investiment għall-Ewropa;

    6.

    jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li fuq livell lokali u reġjonali sa issa mhux fl-Istati Membri u r-reġjuni kollha huma disponibbli strumenti finanzjarji jew l-istrumenti u l-esperjenza eżistenti ma jistgħux jintużaw bl-aħjar mod minbarra li s-sehem tas-settur privat normalment huwa limitat għat-twettiq ta’ kuntratti – dan iżid il-ħtieġa għal appoġġ għall-istituzzjonijiet finanzjarji ta’ promozzjoni lokali;

    7.

    jisħaq li hemm modi differenti għat-twaqqif ta’ banek promozzjonali, bl-istess mod li l-istorja ta’ kif bdew dawk li diġà jeżistu żviluppat b’modi differenti – xi wħud twaqqfu mill-ewwel bħala istituzzjonijiet indipendenti, oħrajn żviluppaw minn dipartimenti ta’ banek pubbliċi;

    8.

    jenfasizza li l-ħolqien ta’ banek promozzjonali u l-kapaċità operattiva tagħhom huma essenzjali bħala strumenti ekonomiċi, strutturali u soċjopolitiċi fost l-oħrajn bħala reazzjoni għal dgħufija strutturali jew falliment tas-swieq (anke dawk reġjonali), u fl-istess ħin huwa konxju mid-diffikultajiet ta’ definizzjoni kunċettwali ċara u valutazzjoni ta’ falliment tas-suq; b’rabta ma’ dan jappella għal interpretazzjoni wiesgħa b’mod permanenti tat-terminu “falliment tas-suq”;

    9.

    jiġbed l-attenzjoni tal-Kummissjoni Ewropea dwar il-fatt li l-awtoritajiet reġjonali għandu jkollhom aktar influwenza fuq l-għażla ta’ soluzzjonijiet finanzjarji, li jaqdu l-interessi tal-amministrazzjonijiet lokali. In-nuqqas ta’ kunsiderazzjoni tal-fehmiet tal-awtoritajiet lokali u reġjonali sikwit twassal għall-promozzjoni ta’ investimenti li ma jgħoddux għall-programmi operazzjonali reġjonali u mal-istrateġiji lokali;

    10.

    jindika diskrepanza sostanzjali fil-livell tal-iżvilupp tas-sistemi ta’ promozzjoni nazzjonali individwali, li b’konsegwenza tagħha pajjiżi u reġjuni b’kultura anqas żviluppata ta’ dan it-tip ta’ entità bankarja juru nuqqasijiet sistematiċi. Dan jista’ jwassal biex xi kultant ma jkunx hemm biżżejjed appoġġ għall-awtoritajiet u l-intrapriżi lokali min-naħa tal-banek promozzjonali nazzjonali, li għandhom jagħmlu deċentralizzazzjoni qawwija tas-servizzi li joffru;

    11.

    huwa mħasseb li mudelli ċentralizzati ta’ promozzjoni tal-iżvilupp li jiddependu minn bank nazzjonali u l-fergħat lokali u mhux awtonomi tiegħu mhux dejjem jissodisfaw b’mod sħiħ il-ħtiġijiet tal-komunitajiet lokali, speċjalment f’reġjuni mhux daqstant żviluppati, fejn l-awtoritajiet ikollhom biss influwenza ferm limitata fuq il-bank promozzjonali nazzjonali;

    12.

    jesprimi l-konvinzjoni li l-mudell għall-iżvilupp ta’ sistema ta’ banek promozzjonali mill-awtoritajiet lokali u reġjonali għandu jintgħażel fuq kull livell bl-għanijiet ewlenin imniżżlin hawn taħt u skont il-kriterji ewlenin imniżżlin hawn taħt għall-valutazzjoni tal-effettività: it-tneħħija tan-nuqqasijiet tas-swieq, żieda dejjiema fin-numru ta’ impjiegi, il-kunsiderazzjoni tal-interessi ta’ komunitajiet lokali, kif ukoll is-segwitu tal-għanijiet pubbliċi ta’ żvilupp ekonomiku;

    13.

    huwa mħasseb li r-rekwiżit propost mill-Kummissjoni Ewropea ta’ valutazzjoni ex ante ta’ banek promozzjonali li jkunu għadhom kif twaqqfu u ta’ prodotti finanzjarji ġodda offruti minnhom tnaqqas b’mod sostanzjali l-kapaċità operazzjonali tagħhom u xxekkel it-twaqqif stess ta’ banek bħal dawn, kemm fuq livell nazzjonali kif ukoll reġjonali. Barra minn hekk, b’rabta ma’ dan għandu jiġi enfasizzat li f’reġjuni anqas żviluppati sikwit ikun diffiċli li tingħata evidenza ta’ falliment tas-suq, minħabba li s-sitwazzjoni soċjoekonomika tar-reġjun kollu tista’ tkun riflessjoni tal-inadegwatezza tas-suq meta mqabbel ma’ żoni aktar żviluppati;

    14.

    jesprimi t-tama li tikber il-kooperazzjoni bejn il-Kumitat tar-Reġjuni u l-Bank Ewropew tal-Investiment; jappella għall-ħolqien ta’ netwerk komplementari ta’ banek promozzjonali pubbliċi li jħares il-prinċipju ta’ sussidjarjetà, sabiex jingħata kontribut għall-kisba ta’ sinerġiji ta’ natura ekonomika u soċjali; ikun sodisfatt jekk din is-sistema ssir mezz ta’ skambju interreġjonali u internazzjonali ta’ esperjenza u għarfien, u fl-istess waqt tgħin biex jiġi evitat il-periklu ta’ ċentralizzazzjoni qawwija żżejjed;

    Proposti

    15.

    jappella, għal dawk ir-reġjuni li għad ma għandhomx sett ta’ strumenti ta’ promozzjoni tagħhom, għal tisħiħ sinifikanti tal-involviment tal-awtoritajiet lokali fit-twaqqif u l-operat ta’ banek promozzjonali kif ukoll fl-evalwazzjoni tal-impatt tagħhom. Dan jista’ jsir billi l-awtoritajiet lokali u reġjonali jkollhom influwenza akbar fuq l-orjentazzjoni strateġika u l-ġestjoni ta’ banek promozzjonali nazzjonali, jew inkella billi l-banek promozzjonali nazzjonali jiġu kkomplementati permezz tat-twaqqif ta’ banek promozzjonali reġjonali (lokali). Dawn tal-aħħar kieku jikkooperaw mill-qrib mal-bank nazzjonali;

    16.

    huwa tal-fehma li l-għażla ta’ triq konkreta għall-iżvilupp ta’ entità ta’ bank promozzjonali f’reġjun – allura l-mistoqsija dwar jekk mudell b’bank promozzjonali nazzjonali predominanti huwiex biżżejjed jew jekk mudell deċentralizzat bi rwol akbar għal istituzzjonijiet finanzjarji jew banek promozzjonali lokali jew reġjonali huwiex aħjar – trid tibqa’ f’idejn l-awtoritajiet reġjonali jew lokali bi ftehim mal-awtoritajiet nazzjonali jew - skont is-sistema legali tal-Istat Membru rispettiv - f’idejn l-awtoritajiet nazzjonali nnifishom;

    17.

    huwa tal-fehma li deċiżjonijiet dwar it-twaqqif ta’ istituzzjoni ġdida jitolbu analiżi bir-reqqa tal-utilità ta’ strutturi istituzzjonali ġodda, sabiex jiġu evitati żieda bla bżonn fil-burokrazija u ħela ta’ riżorsi;

    18.

    jirrimarka li fil-każ tal-intenzjoni tal-Kummissjoni Ewropea u tal-BEI li jistabbilixxu qafas sistematiku għall-appoġġ tat-twaqqif ta’ banek promozzjonali reġjonali ġodda bħal dawn, hemm bżonn jitqiesu l-partikolaritajiet ta’ pajjiżi u reġjuni individwali, jitqiesu prattiki u strutturi ta’ promozzjoni tajbin f’dan il-qasam, u wkoll jiġu inklużi l-esperjenzi ta’ banek li ġew stabbiliti reċentement. Barra minn hekk jagħmel sens li l-aħjar soluzzjonijiet istituzzjonali jiġu applikati b’kunsiderazzjoni tal-partikolaritajiet lokali f’reġjuni anqas żviluppati;

    19.

    ifakkar li valutazzjoni ex post tal-funzjonament effiċjenti ta’ banek promozzjonali reġjonali li diġà jeżistu u li għadhom kif twaqqfu, minħabba li l-iskeda ta’ żmien tal-pjani ffinanzjati ta’ investiment normalment tkun fuq għadd ta’ snin, trid issir fuq perjodu twil, fuq perjodu bejn 10 snin u 15-il sena;

    20.

    iqis li l-ħolqien ta’ qafas għall-kooperazzjoni bejn fondi Ewropej tal-investiment fuq terminu twil (European Long-Term Investment Funds, ELTIF) li għadhom kif twaqqfu u banek promozzjonali reġjonali u istituzzjonijiet lokali oħrajn huwa essenzjali – għandhom jikkomplementaw lil xulxin fil-finanzjament ta’ investimenti fit-tul fil-livell lokali u dak reġjonali u mhux jikkompetu kontra xulxin;

    21.

    huwa favur l-idea li jinħolqu pjattaformi ta’ investiment bħala mezz għat-twettiq tal-Pjan ta’ Investiment għall-Ewropa; madankollu b’rabta ma’ dan iqis li huwa essenzjali li l-kontribut għall-pjattaformi ta’ investiment li jkun ġej minn riżorsi pubbliċi, nazzjonali, lokali jew reġjonali ma jingħaddx fil-qafas tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir;

    22.

    jisħaq li l-Kummissjoni Ewropea u l-Bank Ewropew tal-Investiment għandhom ifissru b’mod ċar liema rwol ser jingħata lill-banek promozzjonali reġjonali u istituzzjonijiet finanzjarji oħrajn fis-sistema ta’ pjattaformi ta’ investiment, li għandha tinbena bħala mezz għat-twettiq tal-Pjan ta’ Investiment għall-Ewropa. Il-banek promozzjonali reġjonali għandhom jikkooperaw mal-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (FEIS) fuq il-bażi ta’ pjattaformi ta’ investiment marbutin ma’ setturi differenti, iżda fuq kollox stabbiliti fuq bażi ġeografika;

    23.

    iqis li għandhom jingħataw kjarifika u spjegazzjoni aktar fil-fond tas-sisien tal-kooperazzjoni tal-banek promozzjonali reġjonali jew lokali jew istituzzjonijiet oħrajn maċ-Ċentru Ewropew ta’ Konsulenza għall-Investimenti (European Investment Advisory Hub, EIAH). Iċ-Ċentru Ewropew ta’ Konsulenza għall-Investimenti għandu jappoġġja b’mod speċjali lill-awtoritajiet lokali u lill-banek promozzjonali lokali fit-tħejjija ta’ proġetti u jieħu f’idejh il-konsulenza fi kwistjonijiet tekniċi finanzjarji u jgħin ukoll fit-tixrid ta’ għarfien. Barra minn hekk għandu jkun hemm il-possibbiltà, li ċ-Ċentru Ewropew ta’ Konsulenza għall-Investimenti jibni rabtiet ta’ sħubija mhux biss ma’ banek nazzjonali, iżda wkoll ma’ banek reġjonali.

    Brussell, is-7 ta’ April 2016.

    Il-President tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni

    Markku MARKKULA


    Top