Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52015IR4872

Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni – Il-kooperazzjoni Ewropea fil-qasam taż-żgħażagħ (2010-2018)

ĠU C 120, 5.4.2016, p. 22–26 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

5.4.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 120/22


Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni – Il-kooperazzjoni Ewropea fil-qasam taż-żgħażagħ (2010-2018)

(2016/C 120/06)

Relatur:

Is-Sur BORBOLY (RO/PPE), President tal-Kunsill tal-Kontea ta’ Harghita

Dokument ta’ referenza:

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – L-Abbozz tar-Rapport Konġunt tal-2015 tal-Kunsill u tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tal-qafas imġedded għall-kooperazzjoni Ewropea fil-qasam taż-żgħażagħ (mill-2010 sal-2018)

COM(2015) 429 final

RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA

IL-KUMITAT EWROPEW TAR-REĠJUNI

1.

jilqa’ l-fatt li l-Kummissjoni għarfet l-importanza tat-tisħiħ, fi ħdan il-qasam taż-żgħażagħ, tal-iżvilupp tal-politiki billi tibbaża fuq fatti u provi, u billi tikkoordina bl-aktar mod effettiv possibbli l-isforzi u r-riżorsi tal-Unjoni Ewropea, u dawk reġjonali u tal-Istati Membri sabiex jintlaħqu l-objettivi tal-politika dwar iż-żgħażagħ;

2.

jesprimi apprezzament partikolari għall-approċċ tal-Kummissjoni, li tqis li hu meħtieġ, fil-qasam taż-żgħażagħ matul il-perjodu 2016-2018, li tirreaġixxi malajr kemm jista’ jkun, permezz ta’ aġġustament xieraq tal-politika għall-isfidi l-ġodda, bħalma huma l-integrazzjoni tar-refuġjati żgħażagħ jew it-tixrid tal-estremiżmu fost iż-żgħażagħ;

3.

jilqa’ f’dan il-kuntest b’mod espliċitu l-benefiċċju li għandu l-qafas tal-UE għall-kooperazzjoni Ewropea fil-qasam taż-żgħażagħ (2010-2018), sabiex itejjeb il-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea u l-awtoritajiet lokali u reġjonali tagħhom u jiftaħ u jespandi l-opportunitajiet u l-vantaġġi tal-proġett ta’ integrazzjoni għaż-żgħażagħ; għaldaqstant jistieden lill-Kummissjoni biex taġġorna u tkompli tiżviluppa l-qafas għaż-żmien ta’ wara l-2018;

4.

jinsisti li, fil-futur, l-iżgurar ta’ opportunitajiet indaqs, il-promozzjoni tal-inklużjoni soċjali u t-titjib tal-kompetittività taż-żgħażagħ fis-suq tax-xogħol, filwaqt li jitrawmu ċ-ċittadinanza attiva (il-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ), it-titjib tax-xogħol taż-żgħażagħ, in-nondiskriminazzjoni u l-fehim interkulturali, għandhom jibqgħu l-objettivi ewlenin tal-politika taż-żgħażagħ;

5.

jesprimi tħassib, madankollu, dwar il-fatt li l-Kummissjoni ma tirreferix għar-rwol tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fil-politika taż-żgħażagħ, meta wieħed iqis kemm huwa ovvju li f’bosta Stati Membri, fejn hemm politiki nazzjonali dwar kwistjonijiet taż-żgħażagħ, l-awtoritajiet lokali u reġjonali, f’livelli differenti, għandhom kompetenza determinanti f’dan il-qasam;

6.

japprezza l-ħidma tal-Eurostat biex jipproduċi u jikkoordina settijiet ta’ data relatata ma’ firxa ta’ fatturi marbutin mal-kwistjonijiet taż-żgħażagħ;

7.

jistieden lill-Kummissjoni teżamina b’mod sistematiku l-impatt territorjali tal-politika dwar iż-żgħażagħ fil-livell sottonazzjonali, tal-anqas sal-livell NUTS 2. Sabiex ikompli jissaħħaħ ir-rwol tar-reġjuni fl-implimentazzjoni tal-istrateġija tal-UE, jikkunsidra li fi ħdan il-qafas tal-Metodu Miftuħ ta’ Koordinazzjoni fost l-Istati Membri tal-UE jinħtieġu l-iżvilupp ta’ indikaturi li jistgħu jitkejlu, pjani ta’ azzjoni konkreti relatati maż-żgħażagħ li jinvolvu l-livelli kollha ta’ gvern, u sħubijiet b’saħħithom bejn l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ u l-awtoritajiet pubbliċi;

8.

wara konsultazzjoni mal-partijiet interessati, iqis li għalkemm il-programm Erasmus+ u l-Garanzija għaż-Żgħażagħ huma għodda essenzjali biex jintlaħqu l-objettivi strateġiċi, il-problemi huma ħafna aktar kumplessi u l-azzjoni tal-UE fil-qasam taż-żgħażagħ diġà qed tmur ferm lil hinn minn dawn iż-żewġ strumenti effettivi li, għalkemm jidhru effettivi, fil-fatt mhumiex biżżejjed, peress li l-Garanzija għaż-Żgħażagħ għadha mhux qed tiġi applikata tajjeb. B’mod partikolari fir-rigward taż-żgħażagħ vulnerabbli, hemm bżonn ċar li jiġu żviluppati inizjattivi ta’ appoġġ għaż-żgħażagħ li ġejjin minn sistemi ta’ assistenza u li ta’ 18-il sena jkunu f’riskju li jispiċċaw mingħajr superviżjoni biex jiġu ggwidati fit-tranżizzjoni tagħhom għall-età adulta. Konsegwentement jenfasizza l-ħtieġa li informazzjoni oħra dwar ir-riżultati tal-politika dwar iż-żgħażagħ issir aċċessibbli f’format xieraq, partikolarment fir-rigward ta’ kwistjonijiet bħall-qgħad fost iż-żgħażagħ u l-inklużjoni soċjali, fost affarijiet oħra. Dan għandu jgħin ukoll biex jiġi determinat jekk ma jkunx xieraq li jsir provvediment għal għajnuna speċifika mill-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej, diġà mill-perjodu ta’ programmazzjoni attwali. Minħabba l-kumplessità u l-kobor tal-isfidi attwali, il-politika dwar iż-żgħażagħ għandha tkun integrata fil-politiki kollha tal-UE, f’approċċ orizzontali, peress li dawn il-politiki jistgħu mhux biss jintużaw biex jinstabu soluzzjonijiet għall-problemi urġenti ffaċċjati miż-żgħażagħ, iżda jservu wkoll bħala punt tat-tluq biex jinħoloq tkabbir ekonomiku ġdid. Barra minn hekk, l-iskoperta mill-ġdid tal-valuri tat-tradizzjonijiet u tas-snajja’ antiki tista’ tirrappreżenta opportunitajiet ta’ xogħol ġodda. Għadhom meħtieġa sforzi sostanzjali għall-promozzjoni tal-iskambju tal-aħjar prattiki fl-involviment u x-xogħol taż-żgħażagħ bejn l-Istati Membri u l-awtoritajiet lokali u reġjonali. Barra minn hekk, il-każ ekonomiku għal edukazzjoni u taħriġ, li ġie diskuss fil-laqgħa tal-Kunsill Edukazzjoni, Żgħażagħ, Kultura u Sport tat-12 ta’ Diċembru 2014 (1) fil-kuntest tar-reviżjoni ta’ nofs it-term tal-Istrateġija Ewropa 2020, issa għandu jissarraf f’investimenti konkreti fl-edukazzjoni bħala parti mill-aġendi tal-UE dwar iż-żgħażagħ u t-tkabbir fuq terminu twil;

9.

jilqa’ b’sodisfazzjon il-fatt li l-Kummissjoni tejbet id-dispożizzjoni ta’ informazzjoni għaż-żgħażagħ li qed ifittxu xogħol permezz tal-EURES, is-sistema tal-iskambju ta’ informazzjoni dwar postijiet tax-xogħol battala, u tat-tnedija tal-inizjattiva “L-ewwel impjieg EURES tiegħek” biex tgħin liż-żgħażagħ isibu xogħol barra minn pajjiżhom, kif ukoll il-miżuri konkreti li adottat biex tiġi implimentata r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar qafas ta’ kwalità għall-apprendistati, bil-għan li testendi l-portal tal-EURES għall-apprendistati. Huwa jappella lill-Istati Membri biex jużaw aktar dawn l-istrumenti;

10.

jinnota bi tħassib li, l-attività politika diretta (speċjalment tal-parteċipazzjoni fl-elezzjonijiet) taż-żgħażagħ qiegħda tonqos, u meta din titqabbel mal-ġenerazzjonijiet aktar anzjani, din se tkun aktar baxxa; jilqa’ madanakollu l-interess ta’ ħafna żgħażagħ, li huma membri attivi tal-komunità lokali tagħhom permezz ta’ sħubijiet f’organizzazzjonijiet, f’għodod elettroniċi (midja soċjali) jew billi jagħtu servizz fil-volontarjat. F’dan ir-rigward għandu jintlaqa’ l-fatt li l-Kummissjoni u l-Istati Membri jixtiequ jagħmlu użu mill-forom ġodda tal-parteċipazzjoni fil-proċessi demokratiċi, kif ukoll mill-aċċess għat-tfassil tal-politika fir-rigward tal-istrateġija taż-żgħażagħ tal-UE; kif ukoll li ż-żgħażagħ ikunu mgħarrfa aħjar dwar id-dritt tagħhom li jipproponu u jappoġġjaw Inizjattiva Ewropea taċ-Ċittadini;

11.

jirrakkomanda li l-Kummissjoni, filwaqt li tirrispetta għal kollox ir-responsabbiltà tal-Istati Membri għal dak li hu kontenut ta’ tagħlim u l-organizzazzjoni ta’ sistemi ta’ edukazzjoni, teżamina l-prattiki tajbin tal-Istati Membri u r-reġjuni fir-rigward tat-taħriġ dwar ħiliet politiċi u f’termini ta’ li titbaxxa l-età tal-votazzjoni, u b’mod partikolari l-impatt dirett jew indirett li dawn iż-żewġ elementi għandhom fuq l-impenn politiku taż-żgħażagħ u l-iżvilupp tar-rieda tagħhom li jipparteċipaw. Il-Kummissjoni mbagħad teħtieġ li taqsam ir-riżultati ta’ din il-valutazzjoni mal-Istati Membri u r-reġjuni;

12.

iqis li huwa importanti b’mod partikolari r-rwol tal-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ, anki dawk sportivi, li jaħdmu f’oqfsa formali u fil-kuntest ta’ taħriġ ekstraskolastiku ta’ edukazzjoni mhux formali u informali għaċ-ċittadinanza attiva, li jikkontribwixxu b’mod sinifikanti għall-iżvilupp tal-kompetenzi ta’ parteċipazzjoni taż-żgħażagħ u jtejbu l-kwalità tat-teħid ta’ deċiżjonijiet. Għalhekk huwa tal-fehma li l-appoġġ għal dawn l-organizzazzjonijiet huwa importanti;

13.

jenfasizza wkoll il-ħtieġa li jiġu identifikati u ppreżentati b’mod aktar ċar il-komunitajiet mhux strutturati taż-żgħażagħ, li n-numru tagħhom dejjem qed jiżdied, anke bl-użu, fost l-oħrajn, tal-midja soċjali. Dawn ir-realtajiet spiss jinkludu lil dawk iż-żgħażagħ li jkollhom diffikultajiet fl-aċċess għal opportunitajiet, u li ma għandhomx il-mezzi biex jaffrontaw l-istituzzjonijiet;

14.

jirrikonoxxi l-importanza ta’ forniment soċjoedukattiv ta’ kwalità tajba u l-ħtieġa li tiġi żviluppata l-kapaċità għal reazzjoni għat-tibdil soċjali, komportamentali u teknoloġiku. F’dan ir-rigward jgħodd ukoll li għandhom ikomplu jiġu appoġġjati r-rikonoxximent u l-viżwalizzazzjoni tat-tagħlim mhux formali u informali fix-xogħol taż-żgħażagħ;

15.

jesprimi tħassib dwar il-fatt li l-forniment soċjoedukattiv, li b’mod ġenerali, f’diversi Stati Membri, jaqa’ wkoll f’idejn l-awtoritajiet lokali, ġarrab tnaqqis fil-baġits madwar l-Ewropa kollha, filwaqt li perċentwal dejjem jikber ta’ żgħażagħ f’riskju tal-faqar u l-esklużjoni, minbarra ż-żieda fl-inċidenza ta’ mġiba riskjuża għas-saħħa u r-rata ta’ mortalità assoċjata magħha fost iż-żgħażagħ, jitolbu żieda f’dawn is-servizzi. Hemm ukoll bżonn partikolari ta’ promozzjoni għal stili ta’ ħajja pożittivi li jinvolvu tnaqqis fl-użu tad-droga, fl-abbuż tal-alkoħol, fit-tipjip u fl-obeżità, mhux l-inqas billi titħeġġeġ l-attività fiżika. Fl-istess ħin huwa importanti li jiġu proposti politiki attivi biex jipprovdu liż-żgħażagħ, jew f’assoċjazzjonijiet jew individwalment, b’opportunitajiet ta’ żvilupp personali u vokazzjonali sabiex ikunu f’pożizzjoni li “joħolqu forom ġodda ta’ relazzjonijiet soċjali” (White Paper tal-2001 dwar iż-żgħażagħ Ewropej);

16.

b’reazzjoni għall-kriżi attwali tal-migrazzjoni u fi ħdan il-kuntest tal-Aġenda Ewropea għall-Migrazzjoni, iħeġġeġ favur riżorsi finanzjarji li jkunu direttament aċċessibbli għall-awtoritajiet lokali u reġjonali sabiex dawn ikunu jistgħu jwettqu l-obbligi tagħhom fir-rigward tal-migrazzjoni u l-integrazzjoni;

17.

huwa tal-fehma li l-migrazzjoni taż-żgħażagħ minn reġjuni Ewropej anqas żviluppati jew reġjuni li l-iktar li ntlaqtu ħażin mill-kriżi ekonomika, iddgħajjef il-koeżjoni territorjali u soċjali u twassal għal sfidi demografiċi serji. Sabiex ikunu promossi t-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi f’dawk ir-reġjuni, li huma s-soluzzjoni biex ikun evitat l-eżodu taż-żgħażagħ u għalhekk l-eżodu ta’ mħuħ, il-KESE jisħaq dwar il-ħtieġa ta’ appoġġ, fost l-oħrajn permezz ta’ sħubijiet interreġjonali u azzjonijiet lokali u reġjonali diretti permezz ta’ miżuri speċifiċi ffinanzjati mill-Fondi ESI;

18.

iqis l-iskambju tal-aħjar prattiki fil-kooperazzjoni transettorjali għall-appoġġ taż-żgħażagħ bħala strument fundamentali, peress li jippermetti lill-awtoritajiet lokali u reġjonali kif ukoll lir-rappreżentanti taż-żgħażagħ u lill-Istati Membri, sabiex jitgħallmu minn xulxin. Barra minn hekk, inizjattivi bħal “Pjattaforma Ewro-Meditteranja taż-Żgħażagħ” u l-“Forum Ewropew taż-Żgħażagħ” jippromovu d-djalogu eż. fil-kwistjonijiet li jippromovu t-tagħlim tul il-ħajja u l-mobilità Ewropea, il-politika tal-edukazzjoni u tal-impjiegi u tal-ugwaljanza bejn is-sessi.

19.

jissuġġerixxi l-iżvilupp ta’ pakkett bażiku li, fejn possibbli, għandu jiġi garantit għaż-żgħażagħ f’kull Stat Membru tal-UE. Dan il-pakkett jista’ jagħti attenzjoni partikolari għall-aċċess għall-Internet b’veloċità għolja, għall-għażla ta’ tagħlim tat-tieni lingwa barranija, ekwivalenti għal mill-inqas il-livell B2 fil-qafas tas-sistema pubblika tal-edukazzjoni, għall-għoti ta’ pariri u gwida kontinwa għall-opportunità għall-involviment xieraq fil-volontarjat, għall-promozzjoni tat-tħejjija għall-ewwel impjieg, u għall-forom ta’ finanzjament flessibbli u aċċessibbli meħtieġa biex jitwettqu studji li jipprovdu l-possibbiltajiet ta’ karriera. Fl-istess ħin, jistieden lill-Kummissjoni Ewropea tieħu azzjoni biex jiġi żgurat li ż-żgħażagħ kollha fl-UE li huma interessati fit-taħriġ vokazzjonali jkollhom aċċess għalih, u li jkollhom ukoll “garanzija ta’ kwalifiki u ħiliet minimi”, rikonoxxuti u validati fl-Istati Membri kollha, li permezz tagħhom ikunu jistgħu jaċċessaw u jikkompletaw livell minimu ta’ kisba edukattiva, akkumpanjat mil-livell rilevanti ta’ ħiliet adatti, appoġġjat minn validazzjoni adatta li tirrikonoxxi l-valur miżjud tal-attivitajiet imwettqa miż-żgħażagħ anke f’ambjenti mhux formali;

20.

jirrikonoxxi l-ħtieġa li jsiru studji fir-reġjuni differenti tal-Ewropa bil-għan li l-qagħda taż-żgħażagħ fil-qasam tal-akkomodazzjoni u kemm hija abitabbli l-akkomodazzjoni toħroġ b’mod iżjed ċar. Fil-fatt, b’mod partikolari jinħtieġ li f’dan il-qasam isir skambju tal-aħjar prattiki u jiġu żviluppati pjani ta’ azzjoni fil-livell lokali, fid-dawl tal-fatt li, f’bosta reġjuni, wieħed josserva l-għadd eċċessiv ta’ djar, filwaqt li f’għadd ta’ reġjuni, il-kwalità tal-akkomodazzjonijiet ma tiżgurax kundizzjonijiet adegwati għaż-żgħażagħ, u li, terġa’ u tgħid f’reġjuni oħrajn, il-prezzijiet estremament għaljin jeskludu liż-żgħażagħ. Għalhekk jeħtieġ li, abbażi ta’ data adatta, jiġu żvilppati pjani ta’ azzjoni bil-għan li tiżdied l-aċċessibbiltà ta’ akkomodazzjoni tajba għaż-żgħażagħ. B’mod partikolari huwa ssuġġerit li parti mill-proprjetajiet pubbliċi jitħallew għaż-żgħażagħ, li jiġu mħeġġa forom ta’ viċinat magħquda u ta’ koabitazzjoni bejn anzjani awtosuffiċjenti u żgħażagħ (cohousing) u li jiġi appoġġjat ix-xiri ta’ djar b’self issussidjat għaż-żgħażagħ;

21.

jinsisti dwar il-ħtieġa li jiġi determinat kif, fil-qasam tal-politika dwar iż-żgħażagħ, għandhom jiġu indirizzati l-isfidi bħall-kwistjoni tat-tlaqqigħ tal-ħiliet mal-ħtiġijiet ta’ produzzjoni, territorjali u tal-impjegaturi, anke fil-kuntest tat-tnaqqis tal-livell għoli ta’ qgħad fost iż-żgħażagħ, l-opportunitajiet indaqs għaż-żgħażagħ li jgħixu f’komunitajiet żgħar li jinsabu f’reġjuni periferiċi, ultraperiferiċi, ta’ gżejjer jew rurali li jħabbtu wiċċhom ma’ sfidi demografiċi, kif ukoll kif għandhom jiġu promossi inizjattivi ta’ taħriġ professjonali adattati għall-partikularitajiet reġjonali u għall-kompetenzi speċifiċi, u l-iskambju tal-aħjar prattiki fil-qasam ta’ politika, mhux l-inqas billi jingħata għarfien akbar għax-xogħol tal-id; jenfasizza li t-tlaqqigħ tal-ħiliet mal-ħtiġijiet tal-impjegaturi huwa fattur importanti fil-qgħad taż-żgħażagħ u l-iżvilupp ulterjuri tal-prospetti ta’ karriera taż-żgħażagħ. Iqis li għandhom jiddaħħlu proċeduri sabiex jiżguraw il-validazzjoni u ċ-ċertifikazzjoni tal-ħiliet miksuba miż-żgħażagħ f’tipi ta’ edukazzjoni mhux formali u l-volontarjat sabiex ikunu jistgħu jużawhom biex isibu impjieg. Jitlob li tingħata aktar attenzjoni għal dawn il-kwistjonijiet, u li jsir appell għar-responsabbiltà soċjali korporattiva min-naħa tan-negozji sabiex jempatizzaw maż-żgħażagħ, li mhux biss huma l-forza tax-xogħol tal-lum u ta’ għada iżda huma wkoll klijenti potenzjali għas-servizzi tagħhom u l-prodotti u s-servizzi li jipprovdu;

22.

iqis li huwa neċessarju, fil-kuntest tal-politika taż-żgħażagħ, li tibqa’ tingħata attenzjoni partikolari – kemm fil-livell tal-Istati Membri kif ukoll dak tal-awtoritajiet lokali u reġjonali – lil kwistjonijiet bħall-promozzjoni tal-valuri fundaturi tal-kultura Kristjana tal-Ewropa, id-diskriminazzjoni kontra ż-żgħażagħ abbażi ta’ sess, ġeneru, razza jew oriġini etnika, reliġjon jew twemmin, diżabbiltà jew orjentazzjoni sesswali, kif ukoll il-formulazzjoni ta’ miżuri li jridu jittieħdu f’dan ir-rigward, inkluż rigward il-problemi speċifiċi taż-żgħażagħ minn minoranzi nazzjonali jew etniċi;

23.

iħeġġeġ lill-awtoritajiet reġjonali u lokali kkonċernati biex, f’konformità mal-liġi nazzjonali u l-prinċipji Ewropej, jagħmlu kull sforz favur iż-żamma tal-istituzzjonijiet li jipprovdu tagħlim fil-lingwa materna tal-minoranzi nazzjonali jew lingwistiċi u favur il-ħolqien ta’ istituzzjonijiet ġodda, u jistieden lill-Istati Membri biex b’kunsiderazzjoni tas-sitwazzjoni partikolari taż-żgħażagħ li joriġinaw minn minoranzi lingwistiċi jew nazzjonali fir-rigward tal-edukazzjoni, jipprovdulhom soluzzjonijiet li jippermettulhom jitgħallmu l-lingwa uffiċjali tal-pajjiż b’mod effettiv, skont il-prinċipji tal-multilingwiżmu u n-nondiskriminazzjoni;

24.

iqis li hija prijorità li jitnieda pjan ta’ azzjoni urġenti li jindirizza l-inċidenza li qed tikber ta’ vjolenza minħabba l-ġeneru fost iż-żgħażagħ, li jkun jinkludi l-importanza ta’ koedukazzjoni effettiva fil-pajjiżi kollha tal-UE;

25.

jinnota li ż-żgħażagħ ikollhom aċċess limitat biss għas-sorsi ta’ finanzjament meħtieġa biex iwaqqfu negozju, iħallsu għall-akkomodazzjoni jew ikomplu l-istudji tagħhom; għal din ir-raġuni jqis li huwa importanti għall-awtoritajiet lokali u reġjonali biex isibu soluzzjonijiet lokali li, min-naħa waħda, jgħinu biex ir-reġjun inkwistjoni jsir aktar kompetittiv u, min-naħa l-oħra, isaħħaħ sew l-opportunitajiet indaqs fost iż-żgħażagħ;

26.

jenfasizza għaldaqstant il-ħtieġa li jiġu mħeġġa modi u postijiet fejn jistgħu jinġabru ż-żgħażagħ promossi mill-atturi lokali bi sħubija wkoll ma’ entitajiet privati li jkunu kapaċi jindirizzaw il-bżonnijiet taż-żgħażagħ fil-mira u jibdluhom f’opportunità ta’ impjegabbiltà futura, ta’ ttestjar tal-ħiliet intraprenditorjali u ta’ żvilupp ta’ parteċipazzjoni attiva;

27.

jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jivverifikaw, fir-rigward tal-liġi tax-xogħol, l-istandards tal-protezzjoni tax-xogħol u l-leġislazzjoni fir-rigward tal-voluntiera, li ż-żgħażagħ jiġu infurmati kif xieraq u li jingħataw il-protezzjoni meħtieġa, speċjalment meta huma jeżerċitaw attività professjonali jew servizz volontarju jew meta jsegwu traineeship jew internat fil-pajjiż ta’ residenza tagħhom jew fi Stat Membru differenti minn dak fejn ikunu abitwalment residenti; għalhekk jipproponi li jintużaw netwerks diġà stabbiliti, bħall-Europe Direct, il-Eurodesk u l-EURES, jew l-awtoritajiet lokali bħala l-promoturi ewlenin tal-politiki dwar iż-żgħażagħ fit-territorju;

28.

jenfasizza l-ħtieġa għal kawtela rigward il-protezzjoni ta’ voluntiera żgħażagħ jew dawk attivi fis-suq tax-xogħol, u jistieden lir-reġjuni sabiex jikkunsidraw x’inhuma, f’dan il-qasam, l-opportunitajiet ta’ kooperazzjoni fir-rigward ta’ tagħlim reċiproku u l-iskambju tal-aħjar prattiki. Barra minn hekk, jenfasizzat l-ħtieġa li jissaħħaħ il-valur soċjali u ċivili tal-volontarjat bħal fil-każ tas-servizz ċivili għaż-żgħażagħ;

29.

jemmen li jkun utli li jiġi studjat kif minn naħa l-valuri soċjali u komunitarji l-ġodda u emerġenti – bħall-għarfien ambjentali fejn tiġi rispettata l-produzzjoni sostenibbli u effiċjenti mil-lat tal-enerġija, l-impenn fil-livell lokali, l-appoġġ għal persuni f’sitwazzjonijiet prekarji, l-apprezzament mill-ġdid tal-attivitajiet artiġġjanati – jistgħu jħeġġu l-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ fis-soċjetà u l-integrazzjoni tagħhom fi ħdanha b’suċċess u, min-naħa l-oħra, kif jista’ jiġi promoss u appoġġjat ir-rwol fundamentali tal-familja bħala l-ewwel mezz ta’ appoġġ għat-tkabbir soċjali u ekonomiku tal-persuna. Jirrakkomanda li l-għanijiet il-ġodda għall-iżvilupp sostenibbli tan-Nazzjonijiet Uniti jkunu marbutin mal-familja u li jsir riferiment għaliha. Il-miżuri ta’ appoġġ japplikaw kemm għall-familji ta’ oriġini, kif ukoll għall-familji ġodda jew li qegħdin jiffurmaw. Il-miżuri huma dwar il-protezzjoni tal-familja, u l-appoġġ għall-ħolqien ta’ familja u t-trobbija tat-tfal, b’mod partikolari fir-reġjuni bi sfidi demografiċi;

30.

ir-reġjuni li huma fil-biċċa l-kbira tagħhom rurali għandhom jagħtu attenzjoni speċjali lill-popolazzjoni żagħżugħa, ass strateġiku reali f’dawn it-territorji, u jagħmluha possibbli li jżommu l-għeruq tagħhom fl-ambjent rurali, issaħħu l-possibbiltajiet tagħhom li jibqgħu jgħixu f’dawn il-lokalitajiet, li kultant huma baxxi ħafna, u kemm jista’ jkun – permezz ta’ taħriġ adegwat – tiġi żgurata l-kontinwità tax-xogħol agrikolu fiż-żona bl-użu ta’ metodi tradizzjonali tal-biedja li ma jagħmlux ħsara lill-ambjent u l-prinċipji ta’ ekonomija sostenibbli. Dawn il-prattiki għandhom ikunu finanzjarjament vijabbli u ekonomikament profittabbli;

31.

jemmen li l-miżuri meħuda b’mod iżolat minn diversi Stati Membri fil-qasam tal-politika taż-żgħażagħ mhux dejjem huma suffiċjenti u l-koordinazzjoni tagħhom ħafna drabi hija dubjuża. Għalhekk, il-Kumitat jappoġġja l-proposta li involviment akbar u aktar miżuri huma meħtieġa fil-livell Ewropew biex itejbu l-koordinazzjoni, tiġi żviluppata armonizzazzjoni u jiġu sfruttati l-possibbiltajiet ta’ sinerġiji, b’kunsiderazzjoni b’mod partikolari tal-fatt li ż-żgħażagħ huma aktar miftuħa għall-mobilità u l-migrazzjoni, u b’enfasi fuq il-ħtieġa li fil-politika riveduta jiġi speċifikat ir-rwol ewlieni tal-awtoritajiet lokali u reġjonali;

32.

iqis li hemm bżonn jissaħħaħ ir-rwol taż-żgħażagħ fil-proċessi demokratiċi, sabiex isemmgħu leħinhom. Sabiex jintlaħaq dan l-għan, jinħtieġ jiġi promoss id-djalogu fost iż-żgħażagħ abbażi tal-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili u, b’mod partikolari, tal-assoċjazzjonijiet taż-żgħażagħ, tal-awtoritajiet lokali kemm individwali kif ukoll fi grupp, ta’ gruppi informali, taċ-Ċentri ta’ Informazzjoni Europe Direct li jistgħu jikkontribwixxu għall-feedback bejn iż-żgħażagħ u l-istituzzjonijiet u l-NGOs li dejjem jirrappreżentaw is-settur tal-popolazzjoni li huwa l-aktar miftuħ għat-tibdil, l-innovazzjoni soċjali u lest jistimola t-tiġdid tas-soċjetà kollha. Għaldaqstant, jenfasizza l-importanza li d-djalogu strutturat jitwessa’, u jesprimi l-appoġġ tiegħu għall-inizjattivi ġodda previsti mill-Kummissjoni f’dan il-qasam, bil-ħsieb li jsaħħu l-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ b’mod ġenerali u tal-organizzazzjonijiet li jirrappreżentawhom. Jenfasizza, fl-aħħar nett, li sabiex jintlaħqu dawn l-għanijiet, jista’ jkun utli li jiġu stabbiliti linji ta’ azzjoni strutturati, kif kien previst għall-Garanzija għaż-Żgħażagħ permezz tal-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ;

33.

għaldaqstant, jenfasizza l-importanza li d-djalogu strutturat jitwessa’, u jesprimi l-appoġġ tiegħu għall-inizjattivi ġodda previsti mill-Kummissjoni f’dan il-qasam, bil-ħsieb li jsaħħu l-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ b’mod ġenerali u tal-organizzazzjonijiet li jirrappreżentawhom; jinnota li l-iżvilupp ta’ djalogu strutturat jitlob li l-kriterji tal-kwalità, b’mod partikolari taż-żgħażagħ, jeħtieġ li jiġu kkunsidrati kemm jista’ jkun fil-proċess tad-djalogu. Dawn jinkludu approċċ ibbażat fuq is-sħubija għal djalogu fuq “livell ta’ pari” u ammont tal-ħin suffiċenti. Iż-żgħażagħ għandhom jipparteċipaw fil-proċessi ta’ formazzjoni ta’ opinjoni fil-livelli politiċi diversi f’kemm jista’ jkun oqsma tematiċi politiċi; il-perspettiva reġjonali tal-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ tista’ tissaħħaħ fir-rigward tal-inizjattiva favur l-impjieg taż-żgħażagħ permezz ta’ djalogu strutturat;

34.

iqis li huwa importanti li tiġi promossa kemm l-inklużjoni taż-żgħażagħ b’diżabbiltà u li jiġi żviluppat aċċess verament ugwali taż-żgħażagħ b’diżabbiltà għall-opportunitajiet li l-Istati Membri u r-reġjuni jippreżentaw;

35.

jenfasizza l-bżonn li, fil-politiki tal-UE u tal-Istati Membri, tingħata prijorità lill-inklużjoni ta’ żgħażagħ f’riskju bħan-NEETs (żgħażagħ barra mill-edukazzjoni, impjieg jew taħriġ) jew żgħażagħ bi sfond ta’ migrazzjoni, li għandhom probabbiltà li jaqgħu f’din il-kategorija;

36.

iqis li, fid-dawl tat-theddida terroristika gravi ħafna attwali fl-Ewropa u r-radikalizzazzjoni politika u reliġjuża li sfortunatament qed tinxtered fost iż-żgħażagħ, bi qbil mal-Aġenda tas-Sigurtà tal-UE, isiru ta’ prijorità l-prevenzjoni tal-vjolenza, tar-radikalizzazzjoni u l-estremiżmu, it-tisħiħ tal-parteċipazzjoni u l-fiduċja fl-istituzzjonijiet, u l-garanzija tad-dritt taż-żgħażagħ biex jgħixu f’komunità pluralista bbażata fuq il-valuri demokratiċi Ewropej, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali;

37.

jirrakkomanda li l-awtoritajiet lokali u reġjonali Ewropej jistabbilixxu strateġiji lokali u reġjonali li jindirizzaw b’mod ċar problemi u opportunitajiet li huma speċifiċi għaż-żgħażagħ, filwaqt li jitqiesu l-politiki dwar iż-żgħażagħ tal-UE u tal-Istati Membri. Fit-tfassil ta’ dawn il-pjani, għandu jiġi żgurat li jissaħħu l-possibilitajiet ta’ tagħlim reċiproku, filwaqt li tiġi żgurata l-ikbar parteċipazzjoni possibbli ta’ gruppi mmirati, jiġifieri ż-żgħażagħ, fit-tfassil, l-implimentazzjoni u l-evalwazzjoni ta’ dawn il-pjani u li jitħeġġeġ it-tagħlim reċiproku. Fl-istess ħin, il-Kumitat jenfasizza li l-istrateġiji u l-politiki kollha taż-żgħażagħ għandhom jinkorporaw miżuri orizzontali għall-ġlieda kontra l-fenomeni tad-diskriminazzjoni fuq il-bażi tas-sess, il-ġeneru, l-oriġini razzjali jew etnika, ir-reliġjon jew it-twemmin, id-diżabilità u l-orjentazzjoni sesswali;

38.

jistieden lill-Kummissjoni Ewropea sabiex tippromovi u tappoġġja l-politiki għall-iżvilupp tal-imprenditorija fost iż-żgħażagħ fil-kuntest kulturali u kreattiv għall-ħolqien tal-impjiegi u biex ikun hemm rispons effettiv għal dawk iż-żgħażagħ kollha li jixtiequ jittrasformaw il-passatempi tagħhom f’impjiegi fil-qasam tal-kultura.

Brussell, il-11 ta’ Frar 2016.

Il-President tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni

Markku MARKKULA


(1)  Stqarrija għall-Istampa tat-3358 laqgħa tal-Kunsill Edukazzjoni, Żgħażagħ, Kultura u Sport

http://www.consilium.europa.eu/en/workarea/downloadAsset.aspx?id=40802190967


Top