This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52015IR3637
Opinion of the European Committee of the Regions — Age-friendly tourism
Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni – It-turiżmu adattat għall-anzjani
Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni – It-turiżmu adattat għall-anzjani
ĠU C 120, 5.4.2016, p. 6–9
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
5.4.2016 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 120/6 |
Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni – It-turiżmu adattat għall-anzjani
(2016/C 120/03)
|
RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA
IL-KUMITAT EWROPEW TAR-REĠJUNI
1. |
jisħaq dwar il-bżonn li jiġu identifikati l-gruppi differenti fi ħdan il-komunità anzjana, jiġu definiti il-preferenzi u l-bżonnijiet tagħhom fis-suq sabiex jiġu żviluppati pjanijiet kummerċjali mfassla biex jiżguraw l-aħjar żvilupp possibbli għal turiżmu adattat għall-anzjani fl-UE, immirat għall-offerti ta’ turiżmu kemm bħala grupp kif ukoll individwali; jisħaq ukoll dwar il-bżonn li jiġu identifikati l-ostakli differenti li turisti anzjani jistgħu jaffaċjaw (bħalma huma l-lingwa, l-aċċessibbiltà tal-informazzjoni, l-isfidi organizzazzjonali, diskriminazzjoni minħabba l-età, id-disponibbiltà tal-kura tas-saħħa u assigurazzjoni tal-ivvjaġġar u emerġenza, eċċ.) kif ukoll li jiġu ssuġeriti mezzi u metodi biex jingħelbu dawn l-isfidi; |
2. |
jisħaq fuq l-importanza kbira li jiġi żgurat li fil-ġejjieni tiġi stabbilita età unika jew definizzjoni unika għat-turiżmu tal-anzjani, sabiex ikunu jistgħu jitwettqu monitoraġġ u studji komparabbli, bil-għan li jsir l-aħjar użu possibbli mill-potenzjal ta’ din il-parti tas-suq dejjem tikber; |
3. |
jenfasizza li suq inizjali fuq skala kbira jew il-post tat-tluq (roll-out) tal-broadband fl-Ewropa kollha huwa essenzjali biex ir-reġjuni kkonċernati jingħataw kull opportunità strateġika biex jiżviluppaw u jimplimentaw kompetizzjoni strateġika sostenibbli (turiżmu). B’mod partikolari jistgħu jkunu ta’ benefiċċju għall-intrapriżi turistiċi ż-żgħar u ta’ daqs medju; |
4. |
jitlob lill-Kummissjoni tagħti post prominenti lit-turiżmu tal-anzjani fl-Aġenda Diġitali għall-Ewropa bħala mekkaniżmu biex jitnaqqas id-distakk diġitali; |
5. |
jemmen li l-politika tat-turiżmu adattat għall-anzjani teħtieġ approċċ integrat. B’mod partikolari, l-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom iqisu approċċ transsettorjali, li jinvolvi organizzazzjonijiet differenti, li jkunu attivi pereżempju fil-qasam tal-kura tas-saħħa, l-aċċessibbiltà fiżika u t-trasport; |
6. |
jirrikonoxxi kemm huwa importanti li tinħoloq bażi ta’ data Ewropea li jkun fiha data dwar grupp ta’ anzjani b’kapital f’idejhom u fil-biċċa l-kbira awtonomi. Fi ħdan dan il-qafas sistematiku jistgħu jiġu żviluppati analiżijiet u indikaturi biex tingħata tweġiba effettiva lill-mistosija ta’ xi jfisser l-għadd dejjem akbar ta’ anzjani għall-offerta tal-operaturi tat-turiżmu b’rabta: mad-destinazzjonijiet turistiċi, il-kumpaniji tat-trasport, il-postijiet ta’ interess għat-turisti, l-akkomodazzjoni, il-ħwienet, il-provvedituri ta’ informazzjoni u l-midja li joffru lit-turisti ideat u għarfien li jistgħu jikkontribwixxu sew biex jarrikkixxu l-esperjenza turistika personali. Fid-dawl tat-tkabbir tas-settur tat-turiżmu tal-anzjani din il-bażi ta’ data ser issir dejjem iktar importanti; |
7. |
jirreferi għall-objettivi tal-politika tal-UE dwar it-turiżmu mill- 2010 (1) biex jiġi promoss turiżmu “sostenibbli, responsabbli u ta’ kwalità” abbinat mal-impjiegi u l-iżvilupp soċjali fl-UE; |
8. |
jappella lill-Kummissjoni Ewropea biex tagħti aktar attenzjoni lill-iżvilupp tat-turiżmu fi ħdan Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej (FSIE) wara li tkun evalwat il-bżonnijiet tal-awtoritajiet reġjonali u lokali. Barra minn hekk, il-Kummissjoni, billi tkompli bil-programm Calypso, tista’ tipprovdi appoġġ finanzjarju billi tiżgura li n-negozji tat-turiżmu jibbenefikaw minn attenzjoni partikolari fi ħdan il-programm COSME u billi timplimenta programm Erasmus+ għall-anzjani. Fid-dawl tal-impjiegi potenzjali offruti mis-settur, l-integrazzjoni tal-promozzjoni tat-turiżmu b’rabta mal-SMEs għandha tkun punt fokali fil-qafas pluriennali għall-perjodu wara l-2021; |
9. |
jenfasizza li l-aċċessibbiltà hi fundamentali sabiex jiġi żgurat it-twettiq mingħajr xkiel ta’ kull attività turistika, speċjalment għall-persuni avvanzati fl-età, peress li l-aċċess tagħhom għal destinazzjonijiet turistiċi u postijiet ta’ interess (lukandi, spas, eċċ.) permezz ta’ trasport sostenibbli, komdu, affordabbli u adattat għall-bżonnijiet tas-segmenti ta’ età differenti tat-turisti huwa prekundizzjoni għall-ivvjaġġar tagħhom. Għalhekk huwa xieraq li jiġu involuti l-fornituri tat-trasport bħalma huma l-linji tal-ajru, il-kumpaniji tal-bastimenti tal-passiġġieri u l-kumpaniji tal-karozzi tal-linja, l-operaturi tal-ferrovija u l-vapuri tal-kruċieri sabiex jistabbilixxu kooperazzjoni bejniethom li tiżgura l-intermodalità bejn il-modi differenti tat-trasport sabiex l-anzjani jkunu jistgħu jaslu b’mod faċli u komdu fid-destinazzjonijiet turistiċi tagħhom, inklużi fir-reġjuni remoti; |
10. |
f’dan ir-rigward, jappoġġja s-suġġeriment tal-intergrupp tal-Parlament Ewropew għall-iżvilupp tat-turiżmu Ewropew li l-2018 tiġi ddikjarata bħala s-“Sena Ewropea tat-Turiżmu”. Hawnhekk għandha tingħata attenzjoni addizzjonali lill-faċilitajiet għall-anzjani u l-promozzjoni tat-turiżmu fl-istaġuni baxxi u medji; |
11. |
jenfasizza li s-settur tat-turiżmu, minħabba d-dħul u l-impjiegi assoċjati miegħu, huwa essenzjali għal għadd kbir ta’ reġjuni Ewropej u għal xi reġjuni huwa saħansitra kruċjali sabiex jiġi promoss u kkonsolidat il-vantaġġ kompetittiv. It-turiżmu għandu potenzjal sinifikanti għat-tkabbir u b’mod dirett u indirett huwa marbut ma’ bosta setturi ekonomiċi, soċjali u kulturali. It-turiżmu huwa ħafna drabi l-mutur li jmexxi l-iżvilupp u t-tisħiħ integrali, strateġiku u sostenibbli tal-kompetittività fir-reġjuni. L-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom rwol prinċipali hawnhekk. Huwa għalhekk ta’ importanza mill-akbar li jsir l-aħjar użu possibbli mill-esperjenza u l-għarfien tagħhom billi tiġi xprunata l-kooperazzjoni lokali u reġjonali fil-livell Ewropew; |
12. |
itenni li l-anzjani jagħtu kontribut sinifikanti fis-settur tat-turiżmu Ewropew u jirrappreżentaw potenzjal ta’ suq kbir. Barra minn hekk, iċ-ċittadini Ewropej li għandhom iktar minn 65 sena għandhom kapaċità ta’ nfiq ta’ aktar minn EUR 3 000 biljun u l-għadd ta’ persuni bi problemi marbuta mal-età ser jikber minn 68 miljun fl-2005 għal 84 miljun fl-2020. Bħalissa, iktar minn 128 miljun ċittadin fl-Unjoni Ewropea għandhom bejn il-55 u t-80 sena. Dawn jirrappreżentaw madwar 25 % tal-popolazzjoni totali. Madankollu, 41 % taċ-ċittadini Ewropej fit-28 Stat Membru qatt ma vvjaġġaw barra mill-fruntieri nazzjonali tagħhom, filwaqt li 7 minn kull 10 anzjani jivvjaġġaw biss f’pajjiżhom; |
13. |
josserva li l-evoluzzjoni demografika għandha impatt sinifikanti fuq id-domanda għas-servizzi tat-turiżmu, u konsegwentement, fuq is-suq tax-xogħol. L-industrija tat-turiżmu wriet li hi ferm aktar reżiljenti għal xokkijiet esterni/kriżijiet milli kien antiċipat. Fiż-żminijiet ekonomiċi attwali, l-infiq fuq ir-rikreazzjoni u t-turiżmu baqa’ konsiderevoli. It-turiżmu huwa servizz li jeħtieġ ħafna ħaddiema, jagħti kontribut kbir lill-impjieg u l-iżvilupp soċjali u jistħoqqlu iktar attenzjoni fil-qafas pluriennali li jmiss; |
14. |
jenfasizza li s-settur tat-turiżmu qed jiffaċċja bosta sfidi bħal: a) il-bidliet demografiċi, b) it-teknoloġija diġitali u c) id-diversifikazzjoni tal-offerta għat-turisti. Minħabba l-kompetizzjoni globali l-istrateġiji kummerċjali konvenzjonali nbidlu favur strateġiji li jippermettu li s-servizzi jkunu aktar flessibbli u aċċessibbli għat-turisti; |
15. |
huwa konvint li s-sostenibbiltà, l-innovazzjoni permanenti u persunal imħarreġ huma kruċjali għall-iżvilupp ta’ turiżmu adattat għall-anzjani ta’ kwalità għolja; |
16. |
għalhekk jipproponi li, fil-qafas tal-Programmi Operattivi reġjonali, tiġi determinata l-importanza nazzjonali u reġjonali tal-isfida demografika. Dawn il-programmi jikkonċernaw, fost oħrajn, il-kompetittività tal-intrapriżi ż-żgħar u ta’ daqs medju (SMEs), l-impjieg, is-suq tax-xogħol u l-integrazzjoni soċjali. Dan huwa importanti fil-ġlieda kontra l-qgħad staġjonali u l-effett ta’ lieva tal-impjiegi fis-settur tat-turiżmu; |
17. |
jinnota li sabiex jiġi estiż l-istaġun tat-turiżmu lokali u reġjonali, fi ħdan u flimkien ma’ gruppi speċifiċi ta’ età, dawk li jfasslu l- politika għandhom iħarsu wkoll lejn gruppi speċifiċi motivati mill-interessi komuni tagħhom bħalma huma l-wirt kulturali, l-istorja, l-edukazzjoni, ir-reliġjon, l-isport u r-rikreazzjoni; |
18. |
jinnota li t-turiżmu tas-saħħa jirrappreżenta element li qed jikber mis-settur turistiku tal-UE u ż-żewġ dimensjonijiet tiegħu (l-kura tas-saħħa u t-turiżmu tal-benesseri) għandhom jiġu appoġġjati. Huwa għalhekk essenzjali, speċjalment mill-perspettiva reġjonali, li tiġi promossal-kompetittività u li d-destinazzjonijiet Ewropej jinbidlu f’destinazzjonijiet tal-eċċellenza tas-saħħa b’offerti li għandom valur miżjud għoli. It-turiżmu tas-saħħa qed isir l-aktar settur bl-akbar żieda fis-suq tal-industrija tat-turiżmu, speċjalment fost dawk l-anzjani li t-tfittix ta’ kura hija fost il-motivazzjonijiet ewlenin għall-ivvjaġġar; |
19. |
huwa konvint li t-titjib tat-teknoloġija diġitali għal aċċess imħaffef tal-ICT jaqdi diversi għanijiet, fosthom li jagħmel parti mit-“turiżmu adattat għall-anzjani”, u jista’ jintrabat mal-prijoritajiet ewlenin tal-UE. L-iffaċilitar tal-aċċess għall-infrastruttura teknoloġika ser jikkontribwixxi b’mod sinifikanti biex tissarraf il-kapaċità tal-akkwist disponibbli. Bħalissa, din il-kapaċità hija l-aktar f’idejn persuni li għandhom iktar minn 50 sena (il-potenzjal ekonomiku tal-ekonomija tal-fidda); |
20. |
jinnota l-importanza tat-turiżmu tal-ikel għall-ħolqien ta’ impjiegi sostenibbli, it-tkabbir reġjonali u l-koeżjoni billi iżjed minn terz tal-flus li jonfqu t-turisti huwa fuq ikel; |
21. |
jirrakkomanda li l-awtoritajiet reġjonali u lokali jagħtu attenzjoni lil dawn l-azzjonijiet taħt il-Programmi Operattivi; billi jaqdu rwol parteċipattiv, jistimolaw is-sħubijiet pubbliċi/privati, jibnu netwerks u javvanzaw u jiżviluppaw turiżmu adattat għall-anzjani. Attivitajiet ta’ komunikazzjoni li jippromovu l-għarfien dwar il-potenzjal tas-suq tat-turiżmu adattat għall-anzjani għandhom għalhekk ikunu wkoll minn ta’ fuq nett fl-aġenda tal-gvernijiet reġjonali u lokali; |
22. |
jinnota li ma jeżistix suq omoġenju tat-turiżmu adattat għall-anzjani. Anzi, l-anzjani huma grupp eteroġenu ta’ individwi bi bżonnijiet, motivazzjonijiet u aspettattivi differenti. Hemm ir-riskju li l-anzjani jispiċċaw soċjalment iżolati; it-turiżmu joffrilhom opportunitajiet għal kuntatti soċjali ġodda. Ir-riċerka turi li l-anzjani li jipparteċipaw f’attivitajiet turistiċi mhux biss ikollhom saħħa aħjar u allura anqas dipendenza fuq servizzi ta’ kura, iżda għażlu b’mod attiv id-destinazzjonijiet sabiex jibbenefikaw mis-servizzi ta’ kwalità ta’ saħħa u benesseri; |
23. |
jirrakkomanda li jkun hemm rabta dejjiema bejn is-Sħubija Ewropea għal Innovazzjoni dwar it-tixjiħ attiv u b’saħħtu u l-promozzjoni tal-mobbiltà, is-sikurezza, l-aċċessibilità fiż-żoni pubbliċi, il-kura tas-saħħa u s-servizzi soċjali; |
24. |
ifakkar lill-istituzzjonijiet tal-UE u l-Istati Membri li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jaqdu rwol ewlieni fil-koordinazzjoni ta’ politiki settorjali oħra, bħat-trasport, il-kura tas-saħħa, l-ippjanar urban u l-iżvilupp rurali. Min-naħa tagħhom, dawn is-setturi għandhom impatt dirett u indirett fuq it-turiżmu lokali, li jikkonsisti minn intrapriżi tal-familja żgħar u ta’ daqs medju; |
25. |
jaqbel li l-awtoritajiet lokali għandhom jiġu involuti biex jiġi sfruttat il-potenzjal tat-turiżmu għall-iżvilupp ta’ “bliet intelliġenti” u għandhom ikomplu jiġu żviluppati u appoġġati l-ħiliet individwali tal-intrapriżi ż-żgħar u ta’ daqs medju (SMEs). Tista’ ssir sensibilizzazzjoni dwar l-attivitajiet differenti għal din l-għajnuna. Għaldaqstant għandha tingħata attenzjoni lill-iżvilupp tal-kapaċitajiet bil-għan li jiġi ffaċilitat l-aċċess għall-informazzjoni dwar l-opportunitajiet ta’ finanzjament, il-koordinazzjoni tas-sħubijiet għal proġetti Ewropew pereżempju permezz ta’ programmi ta’ ġemellaġġ u l-ħolqien ta’ impriżi konġunti bejn l-aħjar prattiki lokali u reġjonali fir-rigward ta’ aċċess eħfef għall-istrutturi ta’ informazzjoni, u trasport u prodotti intiżi għall-ħtiġiet ta’ kull età; |
26. |
jistieden lil dawk li jfasslu l-politika biex joħolqu l-kundizzjonijiet meħtieġa biex l-intrapriżi tas-settur turistiku:
|
27. |
jinnota li s-sistemi ta’ prenotazzjoni, il-midja soċjali u s-swieq elettroniċi huma biss ftit mill-applikazzjonijiet tat-turiżmu dominanti disponibbli fuq l-Internet. L-awtoritajiet lokali jistgħu wkoll jagħżlu li jużaw teknoloġiji tal-komunikazzjoni moderni, inkluż magni tat-tiftix li joffru lill-utenti t-trasparenza sabiex l-anzjani jifhmu l-kwalità li wieħed għandu jistenna u għal liema prezz. Madankollu, mhux l-anzjani kollha huma familjari mas-sistemi ta’ prenotazzjoni u s-siti li jagħtu l-feedback. Minħabba d-distakk diġitali, l-anzjani pjuttost iserrħu fuq metodi tradizzjonali ta’ prenotazzjoni u interazzjoni personali, fost oħrajn mal-aġenti tal-ivvjaġġar. Bil-għan li jiġi żgurat li l-ġenerazzjoni mdaħħla fl-età tagħmel użu mill-opportunitajiet diġitali, l-awtoritajiet lokali u reġjonali jistgħu, pereżempju, joffru taħriġ għall-persuni mdaħħlin fl-età; |
28. |
iqis li l-kuntatti jistgħu jgħinu biex l-anzjani jibqgħu f’saħħithom, indipendenti u attivi f’xogħolhom jew fil-komunità. Dan jista’ jinkiseb billi jiġu promossi netwerks soċjali u l-parteċipazzjoni tal-partijiet interessati (pereżempju ċentri u istituzzjonijiet ta’ riċerka, kumpaniji privati tal-IT, is-soċjetà ċivili, il-komunità lokali, eċċ.) fit-tfassil u l-iżvilupp ta’ interfaċċji teknoloġiċi u disinn universali għal komunitajiet li jindirizzaw il-bżonnijiet ta’ kull età; |
29. |
huwa konxju li l-impatt tal-interazzjonijiet diġitali bejn il-partijiet interessati evolva b’mod konsiderevoli u juri kemm hija importanti bażi ta’ data Ewropea. Sabiex jiġu sfruttati kemm jista’ jkun l-istrumenti eżistenti, l-Osservatorju virtwali tat-turiżmu jista’ joħloq bażi ta’ data dwar it-turżimu adattat għall-anzjani. Madankollu, f’dan ir-rigward għad irid jiġi speċifikat min għandu jiżviluppa l-mudell u min għandu jiġbor id-data għall-indikaturi; |
30. |
jirrimarka li l-ispejjeż għoljin tal-kura tas-saħħa żiedu l-attenzjoni għat-tixjiħ u l-forom ta’ sħubijiet transsettorjali. B’hekk, l-aġenda tas-saħħa elettronika jista’ jkollha impatt partikolarment pożittiv fuq l-iżvilupp tat-turiżmu adattat għall-anzjani. It-turisti anzjani spiss jindikaw is-saħħa bħala t-tieni raġuni għaliex ma jivvjaġġawx. Jekk l-anzjani jkollhom aċċess (elettroniku) għal kura tas-saħħa ta’ kwalità għolja lil hinn mill-post fejn joqogħdu, dan jaf jirrestrinġi jew jelimina t-tħassib tagħhom. B’hekk huma jistgħu jkunu aktar avventurużi fil-ħin liberu tagħhom. Fl-istess ħin, l-ivvjaġġar lejn postijiet bi klima aħjar u l-espożizzjoni għal esperjenzi ġodda jkunu bidla fir-rutina u jkunu tajba għal saħħithom; |
31. |
jenfasizza l-importanza li d-Direttiva dwar il-kura tas-saħħa transkonfinali u jistieden lill-awtoritajiet reġjonali u nazzjonali biex itejbu l-aċċess għall-informazzjoni dwar is-servizzi tas-saħħa barra mill-pajjiż għaċ-ċittadini anzjani, li tippermettilhom li jagħmlu għażliet infurmati dwar il-proċeduri ta’ fejqan u kura u li jivvjaġġaw fl-UE mingħajr tħassib relatat mas-saħħa; |
32. |
jirrakkomanda li tittejjeb il-mobbiltà, li jinħolqu inizjattivi tas-sigurtà u li tittejjeb l-aċċessibbiltà ġenerali fl-ispazju pubbliku għall-etajiet kollha; huwa essenzjali li jiġu stabbiliti rabtiet b’saħħithom bejn it-turiżmu għall-anzjani, min-naħa waħda, u s-Sħubija Ewropea għall-Innovazzjoni dwar it-Tixjiħ Attiv u b’saħħtu, min-naħa l-oħra; |
33. |
jappoġġja l-idea li jitnieda Patt Ewropew tas-Sindki dwar it-Tibdil Demografiku u jitlob li t-turiżmu jkun rikonoxxut bħala qasam ta’ politika importanti li jista’ jagħti kontribut biex tingħata spinta lill-innovazzjoni, it-tħeġġiġ ta’ ħajja attiva u f’saħħitha u l-promozzjoni tas-solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet. |
Brussell, l-10 ta’ Frar 2016.
Il-President tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni
Markku MARKKULA
(1) http://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=CELEX:52010DC0352.