Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52015IP0468

Riżoluzzjoni mhux leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tas-17 ta' Diċembru 2015 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni, f'isem l-Unjoni, tal-Ftehim Qafas dwar Sħubija u Kooperazzjoni Komprensivi bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u r-Repubblika Soċjalista tal-Vjetnam, min-naħa l-oħra (05432/2015 – C8-0062/2015 – 2013/0440(NLE) – 2015/2096(INI))

ĠU C 399, 24.11.2017, p. 141–148 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

24.11.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 399/141


P8_TA(2015)0468

Ftehim Qafas dwar Sħubija u Kooperazzjoni Komprensivi bejn l-UE u l-Vjetnam (riżoluzzjoni)

Riżoluzzjoni mhux leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tas-17 ta' Diċembru 2015 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni, f'isem l-Unjoni, tal-Ftehim Qafas dwar Sħubija u Kooperazzjoni Komprensivi bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u r-Repubblika Soċjalista tal-Vjetnam, min-naħa l-oħra (05432/2015 – C8-0062/2015 – 2013/0440(NLE) – 2015/2096(INI))

(2017/C 399/17)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill (05432/2015),

wara li kkunsidra l-abbozz ta' Ftehim Qafas dwar Sħubija u Kooperazzjoni Komprensivi bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u r-Repubblika Soċjalista tal-Vjetnam, min-naħa l-oħra (18204/2010),

wara li kkunsidra t-talba għal approvazzjoni preżentata mill-Kunsill bi qbil mal-Artikoli 207 u 209 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod konġunt mal-Artikolu 218(6)(a) tiegħu,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni leġiżlattiva tiegħu tas-17 ta' Diċembru 2015 (1) dwar l-abbozz ta' deċiżjoni,

wara li kkunsidra r-relazzjonijiet diplomatiċi bejn il-Vjetnam u l-UE (dak iż-żmien il-Komunitajiet Ewropej) li ġew stabbiliti fit-22 ta' Ottubru 1990,

wara li kkunsidra l-Ftehim Qafas ta' Kooperazzjoni bejn l-UE u l-Vjetnam li daħal fis-seħħ fl-1 ta' Ġunju 1996 (2),

wara li kkunsidra l-avviż tal-4 ta' Awwissu 2015 mill-Kummissjoni li l-UE u l-Vjetnam laħqu qbil dwar Ftehim ta' Kummerċ Ħieles komprensiv li ilu jiġi nnegozjat mis-26 ta' Ġunju 2012;

wara li kkunsidra l-abbozz ta' rakkomandazzjoni mill-Ombudsman tal-UE, Emily O’Reilly, tas-26 ta' Marzu 2015, fejn appellat lill-Kummissjoni biex twettaq, mingħajr aktar dewmien, valutazzjoni tal-impatt fuq id-drittijiet tal-bniedem fil-kuntest tal-Ftehim ta' Kummerċ Ħieles previst mal-Vjetnam,

wara li kkunsidra l-Programm Indikattiv Pluriennali tal-Unjoni Ewropea għall-Vjetnam 2014-2020,

wara li kkunsidra d-djalogu dwar id-drittijiet tal-bniedem bejn l-UE u l-Vjetnam li tnieda fl-2003, u r-raba' ċiklu tad-djalogu msaħħaħ dwar id-drittijiet tal-bniedem bejn l-UE u l-Vjetnam li sar fi Brussell fid-19 ta' Jannar 2015,

wara li kkunsidra n-negozjati dwar Ftehim ta' Sħubija Volontarju mal-Vjetnam fir-rigward tal-Pjan ta' Azzjoni dwar l-Infurzar tal-Liġi, it-Tmexxija u l-Kummerċ fis-Settur Forestali (FLEGT), li bdew f'Novembru 2010,

wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1440/80 tat-30 ta' Mejju 1980 dwar il-konklużjoni tal-Ftehim ta' Kooperazzjoni bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u l-Indoneżja, il-Malasja, il-Filippini, Singapore u t-Tajlandja – pajjiżi membri tal-Assoċazzjoni tan-Nazzjonijiet tax-Xlokk tal-Asja (3), u l-Protokoll dwar l-estensjoni tal-ftehim ta' kooperazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u l-pajjiżi membri tal-ASEAN għar-Repubblika Soċjalista tal-Vjetnam iffirmat fl-14 ta' Frar 1997 (4),

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni Konġunta tat-18 ta' Mejju 2015 lill-Parlament u lill-Kunsill bl-isem “L-UE u l-ASEAN: sħubija bi skop strateġiku”,

wara li kkunsidra l-Għaxar Summit tal-ASEM li sar f'Milan fis-16-17 ta' Ottubru 2014 u s-summit li jmiss li se jsir f'Ulan Bator, il-Mongolja, fl-2016,

wara li kkunsidra ż-żjara tad-delegazzjoni tal-Parlament Ewropew għar-relazzjonijiet max-Xlokk tal-Asja fil-Vjetnam f'Ottubru 2013,

wara li kkunsidra l-laqgħa interparlamentari bejn il-PE u l-Vjetnam, f'Hanoi, fit-30 ta' Ottubru 2013,

wara li kkunsidra ż-żjara tal-President tal-Kummissjoni José Manuel Barroso fil-Vjetnam f'Awwissu 2014,

wara li kkunsidra ż-żjara tal-Prim Ministru tal-Vjetnam Nguyen Tan Dung fl-Unjoni Ewropea f'Ottubru 2014,

wara li kkunsidra t-22 laqgħa tal-Kumitat Konġunt ta' Kooperazzjoni ASEAN-UE li saret f'Jakarta fil-5 ta' Frar 2015,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet riċenti tiegħu dwar il-Vjetnam, b'mod partikolari dawk tat-12 ta' Lulju 2007 dwar id-drittijiet tal-bniedem fil-Vjetnam (5), tat-22 ta' Ottubru 2008 dwar id-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem u l-Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni ġdid UE-Vjetnam (6), tas-26 ta' Novembru 2009 dwar is-sitwazzjoni fil-Laos u l-Vjetnam (7), tat-18 ta' April 2013 dwar il-Vjetnam, b'mod partikolari l-libertà ta' espressjoni (8), tal-15 ta' Jannar 2014 dwar il-futur tar-relazzjonijiet bejn l-UE u l-ASEAN (9), u tas-17 ta' April 2014 dwar l-istat attwali tal-Ftehim ta' Kummerċ Ħieles UE-Vjetnam (10),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Diċembru 2012 dwar Strateġija dwar il-Libertà Diġitali fil-Politika Barranija tal-UE (11),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Ġunju 2013 dwar il-libertà tal-istampa u tal-midja fid-dinja (12),

wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem dwar il-Libertà tal-Espressjoni Online u Offline, adottati fil-Kunsill Affarijiet Barranin tal-UE fit-12 ta' Mejju 2014,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta' Settembru 2015 dwar “Id-drittijiet tal-bniedem u t-teknoloġija: l-impatt ta' sistemi ta' intrużjoni u sorveljanza fuq id-drittijiet tal-bniedem f'pajjiżi terzi” (13),

wara li kkunsidra l-fatt li l-Vjetnam sar membru sħiħ tal-Assoċjazzjoni tan-Nazzjonijiet tax-Xlokk tal-Asja (ASEAN) fit-28 ta' Lulju 1995,

wara li kkunsidra lill-Vjetnam bħala membru fundatur tal-Kummissjoni għax-Xmara Mekong, li ġiet iffurmata fil-5 ta' April 1995 biex issaħħaħ il-kooperazzjoni għall-iżvilupp sostenibbli tal-baċin tax-Xmara Mekong,

wara li kkunsidra s-26 Summit tal-Assoċjazzjoni tan-Nazzjonijiet tax-Xlokk tal-Asja (ASEAN) li sar f'Kuala Lumpur u f'Langkawi fil-Malasja bejn is-26 u t-28 ta' April 2015,

wara li kkunsidra l-14-il Summit dwar is-Sigurtà tal-Asja (id-Djalogu ta' Shangri-La tal-IISS) li sar f'Singapore bejn id-29 u l-31 ta' Mejju 2015,

wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' Qofol ta' Hanoi, l-istrateġija nazzjonali tal-Vjetnam għall-implimentazzjoni tad-Dikjarazzjoni ta' Pariġi dwar l-Effikaċja tal-Għajnuna,

wara li kkunsidra r-Rapport tal-Grupp ta' Ħidma rigward l-Eżami Perjodiku Universali dwar il-Vjetnam tad-9 ta' Ottubru 2009 kif ukoll ir-rakkomandazzjonijiet tat-tieni Rapport tal-Eżami Perjodiku Universali dwar il-Vjetnam matul is-26 sessjoni tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti tal-20 ta' Ġunju 2014, kif ukoll is-sħubija tal-Vjetnam fil-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU għall-perjodu 2014-2016,

wara li kkunsidra r-ratifika reċenti min-naħa tal-Vjetnam tal-Konvenzjoni kontra t-Tortura u Trattamenti jew Pieni Oħra Krudili, Inumani jew Degradanti u tal-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità, kif ukoll iż-żjara tant mistennija tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar il-Libertà ta' Reliġjon jew ta' Twemmin f'Lulju 2014,

wara li kkunsidra l-kommemorazzjoni ta' din is-sena tat-tmiem tal-Gwerra tal-Vjetnam (40 sena ilu),

wara li kkunsidra l-Artikolu 99(1), it-tieni subparagrafu, tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (A8-0342/2015),

A.

billi fl-2015 infakkru l-25 anniversarju tar-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Vjetnam; billi dawn ir-relazzjonijiet ġew estiżi rapidament mill-kummerċ u l-għajnuna għal relazzjoni aktar komprensiva;

B.

billi l-Ftehim dwar Sħubija u Kooperazzjoni Komprensivi għandu l-għan li jistabbilixxi sħubija moderna, b'bażi estensiva u ta' benefiċċju reċiproku, abbażi ta' interessi u prinċipji kondiviżi bħalma huma l-ugwaljanza, ir-rispett reċiproku, l-istat tad-dritt u d-drittijiet tal-bniedem;

C.

billi l-UE hija l-akbar suq ta' esportazzjoni tal-Vjetnam; billi l-UE flimkien mal-Istati Membri tagħha hija l-akbar fornitur ta' għajnuna uffiċjali għall-iżvilupp lill-Vjetnam u għal dan il-għan se jkun hemm żieda fil-baġit tal-UE ta' 30 % għal EUR 400 miljun fl-2014-2020;

D.

billi l-awtoritajiet Vjetnamiżi ħabbru t-tneħħija tal-projbizzjonijiet fuq l-investiment dirett barrani f'45 settur u adottaw miżuri biex jiffaċilitaw ir-regolamenti kummerċjali fil-pajjiż sabiex isostnu l-investimenti minn barra;

E.

billi l-Vjetnam f'dawn l-aħħar deċennji adotta b'mod konsistenti approċċ evidentement pro-Ewropew u kien impenjat b'mod attiv mal-UE bħala l-koordinatur għall-ASEAN tar-relazzjonijiet ta' djalogu bejn l-ASEAN u l-UE mill-2012 sal-2015 u bħala l-pajjiż li ospita l-132 Assemblea tal-Unjoni Interparlamentari f'Hanoi mit-28 ta' Marzu sal-1 ta' April 2015; billi r-rwol tiegħu bħala koordinatur kien ikkaratterizzat minn żieda sinifikanti fl-għadd u l-livell ta' laqgħat bejn l-UE u l-ASEAN; billi l-Vjetnam sar membru tal-Bank Asjatiku tal-Investiment fl-Infrastruttura (AIIB) immexxi minn Beijing;

F.

billi r-relazzjonijiet bejn l-UE u l-ASEAN huma komprensivi u jkopru firxa wiesgħa ta' setturi inklużi l-kummerċ u l-investiment, l-iżvilupp, l-ekonomija u l-affarijiet politiċi; billi l-Pjan ta' Azzjoni ta' Bandar Seri Begawan tal-2012 ġie adottat biex jagħti enfasi aktar strateġika għall-kooperazzjoni reġjonali bejn l-UE u l-ASEAN f'dawn is-setturi;

G.

billi l-Ftehim dwar Sħubija Trans-Paċifika (TPP) bejn tnax mill-pajjiżi fuq xfar il-Paċifiku, inkluż il-Vjetnam, ġie ffinalizzat fil-5 ta' Ottubru 2015, biex ħoloq blokk kummerċjali ġdid li jħaddan 36 % tal-PDG globali u li jista' jkollu effetti estensivi fuq il-kummerċ dinji;

H.

billi, f'dawn l-aħħar żewġ deċennji, il-Vjetnam kellu riżultati tajbin ħafna fl-ilħuq tal-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju (l-MDGs), it-tnaqqis tal-faqar, l-iżvilupp ekonomiku, is-sigurtà soċjali, l-impjiegi, l-edukazzjoni u l-kura tas-saħħa;

I.

billi l-impatt tal-politika “Doi Moi” (rinnovament) u l-passi lejn l-istabbiliment ta' ekonomija tas-suq wasslu wkoll għal żieda fl-ispariġġ tal-faqar; billi l-protesti dwar art u proprjetà kkonfiskati mill-gvern żdiedu; billi, madankollu, ir-riċessjoni globali għamlet ħsara lill-esportazzjonijiet Vjetnamiżi, bil-PGD li fl-2014 kiber b'waħda mill-aktar rati baxxi minn mindu ntemmet il-kriżi ekonomika Asjatika; billi l-Vjetnam qed jiffaċċa l-isfida ta' forza tax-xogħol li qed tikber b'aktar minn miljun kull sena;

J.

billi l-Artikolu 1(1) tal-Ftehim dwar Sħubija u Kooperazzjoni Komprensivi jikkonferma l-impenn favur il-prinċipji ġenerali tad-dritt internazzjonali u jistabbilixxi “ir-rispett tal-prinċipji demokratiċi u d-drittijiet tal-bniedem” bħala element essenzjali tal-ftehim, li jirfed il-politiki interni u internazzjonali taż-żewġ Partijiet; billi għadhom iseħħu każijiet ta' arresti ta' attivisti fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem f'ċirkustanzi li xejn mhuma trasparenti, u billi l-Kungress li jmiss tal-Partit Komunista tal-Vjetnam, ippjanat għal Jannar 2016, se jservi tal-eżami deċiżiv biex jitkejjel ir-rispett reali għall-prinċipji demokratiċi fil-Vjetnam;

K.

billi r-restrizzjonijiet fil-Vjetnam fuq il-libertà ta' espressjoni, fuq l-internet u mhux, fuq il-libertà tal-istampa u tal-midja, fuq l-aċċess għall-informazzjoni, fuq il-libertà ta' għaqda u ta' assoċjazzjoni, kif ukoll fuq il-libertà ta' reliġjon, hekk kif ġew irraportati mir-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar il-Libertà ta' Reliġjon jew Twemmin, jibqgħu ta' tħassib serju;

L.

billi l-Vjetnam huwa sieħeb prezzjuż għall-UE fin-negozjati dwar it-tibdil fil-klima u wiegħed li jnaqqas l-emissjonijiet bi 8 sa 10 fil-mija meta mqabbla ma' dawk tal-2010 u li jnaqqas il-konsum tal-enerġija għal kull unità tal-PDG b'1 sa 1,5 fil-mija fis-sena waqt il-perjodu preċedenti għall-Konferenza tan-NU dwar it-Tibdil fil-Klima f'Pariġi f'Novembru 2015;

M.

billi għadd ta' ċittadini Ewropej għandhom dixxendenza Vjetnamiża minħabba rabtiet storiċi u billi r-Repubblika Ċeka rrikonoxxiet l-istatus ta' minoranza etnika liċ-ċittadini tagħha ta' dixxendenza Vjetnamiża;

N.

billi dan l-aħħar eskalat it-tensjoni bejn iċ-Ċina u l-pajjiżi ġirien fil-Baħar taċ-Ċina tan-Nofsinhar, inkluż il-Vjetnam, bħala riżultat tal-azzjonijiet unilaterali li ttieħdu fiż-żoni kkontestati fil-Baħar taċ-Ċina tan-Nofsinhar, li mhumiex konformi mad-dritt internazzjonali; billi l-eskalazzjoni ta' tilwim territorjali fir-reġjun għandha implikazzjonijiet għall-affarijiet globali u tirrappreżenta theddida serja għall-paċi, is-sigurtà, l-istabilità u l-kummerċ internazzjonali; billi s-soluzzjoni għal dawn it-tensjonijiet tikkostitwixxi interess strateġiku importanti għall-UE, fil-prospettiva tal-ħarsien tas-sigurtà globali, kif ukoll l-iżgurar tal-istabilità fir-rotot marittimi ewlenin fil-Baħar taċ-Ċina tan-Nofsinhar li huma vitali għall-kummerċ tal-UE; billi l-Vjetnam uffiċjalment jappoġġa s-sottomissjoni ġuridika tal-Filippini quddiem il-Qorti Permanenti ta' Arbitraġġ fl-Aja tas-16 ta' Marzu 2015 abbażi tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Dritt tal-Baħar (UNCLOS);

O.

billi l-Vjetnam saħħaħ b'mod simultanju l-kooperazzjoni strateġika, u dik fl-oqsma tas-sigurtà u tal-enerġija mal-ġirien Asjatiċi tiegħu u qed isaħħaħ ir-rabtiet bilaterali tiegħu mal-atturi internazzjonali ewlenin bħall-Istati Uniti u r-Russja minħabba l-qawmien mill-ġdid fit-tensjonijiet fil-Baħar taċ-Ċina tan-Nofsinhar;

P.

billi l-Vjetnam għadu kkontaminat ħafna mill-fdalijiet splussivi tal-Gwerra fil-Vjetnam, u n-nies u l-ambjent għadhom isofru mill-effetti ta' xi 20 miljun gallun ta' Agent Orange (diossina) li ġew sprejjati;

1.

Jilqa' l-konklużjoni tal-Ftehim dwar Sħubija u Kooperazzjoni Komprensivi mal-Vjetnam fejn hi enfasizzata l-importanza strateġika ewlenija li għandu l-Vjetnam bħala sieħeb kruċjali tal-UE fix-Xlokk tal-Asja u fl-ASEAN; jisħaq fuq il-fatt li l-Ftehim jiddefinixxi r-relazzjonijiet futuri fi spettru wiesa', biex ikompli jsaħħaħ il-kooperazzjoni rigward l-isfidi globali u reġjonali, bħall-governanza tajba u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni, il-progress ekonomiku u soċjali waqt li jitqies il-prinċipju tal-iżvilupp sostenibbli, id-diżarm u l-armi ta' qerda massiva, u l-ġlieda kontra t-terroriżmu; jappella lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri biex iħaffu l-proċess ta' ratifikazzjoni biex jiġi żgurat li l-ftehim ikun jista' jidħol fis-seħħ;

2.

Jittama li l-UE u l-Vjetnam it-tnejn li huma se jibbenefikaw ekonomikament mir-ratifika tal-Ftehim dwar Sħubija u Kooperazzjoni Komprensivi; jevidenzja l-impatt potenzjali ta' ftehim futur dwar il-kummerċ u l-investiment fuq il-ħolqien tax-xogħol u t-tnaqqis tal-faqar; jilqa' r-riformi ekonomiċi u finanzjarji mwettqa mill-awtoritajiet Vjetnamiżi biex jagħtu spinta lill-integrazzjoni ulterjuri tal-Vjetnam fl-ekonomija dinjija u jappella biex il-Vjetnam ikompli bir-riformi ta' dan it-tip; jappella lill-gvern tal-Vjetnam u lill-UE biex ikomplu jikkooperaw fl-oqsma tal-ekonomija, il-kummerċ u t-teknoloġiji ġodda fil-fora multilaterali; jilqa' l-fatt li l-PDG per capita tal-Vjetnam kważi rdoppja mill-2010;

3.

Jisħaq fuq l-importanza tal-Ftehimiet dwar Sħubija u Kooperazzjoni Komprensivi fir-relazzjonijiet bejn l-UE u l-ASEAN; jemmen li l-kooperazzjoni bejn l-UE u l-ASEAN tista' tissaħħaħ f'diversi oqsma bħalma huma l-iżvilupp tas-settur finanzjarju, it-trasparenza u l-koordinament tal-politiki makroekonomiċi;

4.

Jappella lill-Istati Membri biex, fi sforz biex jiksbu koerenza politika, jallinjaw kemm jista' jkun l-għanijiet individwali tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp rispettiva tagħhom mal-għanijiet iddikjarati fil-Ftehim dwar Sħubija u Kooperazzjoni Komprensivi;

5.

Jilqa' l-implimentazzjoni bikrija tal-Ftehim dwar Sħubija u Kooperazzjoni Komprensivi, filwaqt li għadu għaddej il-proċess ta' ratifikazzjoni, fl-oqsma tal-kummerċ, id-drittijiet tal-bniedem, il-migrazzjoni, is-sigurtà reġjonali, l-enerġija, ix-xjenza u t-teknoloġija;

6.

Jisħaq fuq l-importanza li jiġu stabbiliti parametri referenzjarji ċari u skadenzi vinkolanti għall-implimentazzjoni tal-Ftehim dwar Sħubija u Kooperazzjoni Komprensivi;

7.

Jilqa' l-artikoli fil-Ftehim dwar Sħubija u Kooperazzjoni Komprensivi li jirreferu għal impenn konġunt u kooperazzjoni fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem; jesprimi t-tama tiegħu li r-rispett li ntlaħaq ftehim reċiproku dwaru fir-rigward tal-prinċipji demokratiċi u d-drittijiet tal-bniedem se jrawwem ulterjorment id-djalogu li ilu stabbilit mal-Gvern Vjetnamiż dwar il-promozzjoni b'mod partikolari tal-libertà ta' espressjoni, ta' għaqda, ta' assoċjazzjoni u ta' reliġjon kif stabbiliti fl-Artikolu 69 tal-Kostituzzjoni tal-Vjetnam u fl-Artikoli 9, 10 u 11 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem;

8.

Jisħaq fuq il-potenzjal ta' internet miftuħ u tat-teknoloġiji informatiċi biex jiffaċilitaw, joħolqu u jikkatalizzaw il-bini ta' komunitajiet, is-soċjetà ċivili, u l-iżvilupp ekonomiku, soċjali, xjentifiku, kulturali u politiku fuq livell globali; jenfasizza għalhekk l-importanza ta' aċċess bla restrizzjonijiet għall-internet liberu u miftuħ, kemm mill-perspettiva ekonomika u soċjali, kif ukoll minn dik tad-drittijiet tal-bniedem;

9.

Jilqa' d-deċiżjoni tal-awtoritajiet Vjetnamiżi li jeliminaw ir-reġim tal-viżi għaċ-ċittadini ta' ħames pajjiżi Ewropej u jemmen li din id-deċiżjoni se tqanqal kooperazzjoni aktar b'saħħitha fis-settur tat-turiżmu;

10.

Jilqa' t-tħabbira mill-Prim Ministru tal-Vjetnam ta' “Pjan Ġenerali” għall-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tal-Eżami Perjodiku Universali tal-UNHRC, kif ukoll l-istrateġija ta' riforma ġudizzjarja li għandha tiġi konkluża sal-2020;

11.

Jilqa' ż-żieda baġitarja fl-għajnuna uffiċjali għall-iżvilupp tal-UE għall-Vjetnam għal EUR 400 miljun fl-2014-2020; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tinvesti biex iżżid il-viżibilità tal-attivitajiet tal-UE fil-Vjetnam u b'appoġġ għalih, b'mod li jiġi massimizzat il-potenzjal strateġiku ta' dawn ir-riżorsi;

12.

Jinkoraġġixxi lill-UE tkompli tappoġġa l-iżvilupp tal-kapaċitajiet tal-Vjetnam fil-promozzjoni tar-rispett għall-governanza tajba u l-istat tad-dritt, u jilqa' l-enfasi tal-kooperazzjoni tal-UE fuq, inter alia, ir-riformi tal-amministrazzjoni pubblika, inkluża dik dwar it-tassazzjoni, li hija kruċjali biex jiġu żgurati l-massimizzazzjoni tal-kapaċitajiet ta' ġenerazzjoni ta' dħul intern u l-ġlieda kontra l-evażjoni tat-taxxa u l-korruzzjoni, ix-xjenza u t-teknoloġija, it-trasport, u l-ippjanar u l-iżvilupp urban u reġjonali;

13.

Jappella lill-Parlament u lill-Kummissjoni biex b'konsultazzjoni mill-qrib jevalwaw kwalunkwe abbuż tad-drittijiet tal-bniedem sabiex jiżguraw superviżjoni demokratika xierqa tal-implimentazzjoni tal-Ftehim dwar Sħubija u Kooperazzjoni Komprensivi; jappella lill-Kummissjoni biex tiżgura t-trażmissjoni simultanja, puntwali u xierqa tad-dokumenti rilevanti lill-Parlament;

14.

Jilqa’ l-konklużjoni tan-negozjati dwar il-Ftehim ta' Kummerċ Ħieles; jemmen bil-qawwa li Sħubija Komprensiva u Ftehim ta’ Kooperazzjoni u l-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles bejn l-UE u l-Vjetnam għandhom jikkontribwixxu għat-tisħiħ tad-drittijiet tal-bniedem fil-Vjetnam;

15.

Ifaħħar l-inklużjoni fil-Ftehim ta' Kummerċ Ħieles futur ta' kapitolu dwar il-kummerċ u l-iżvilupp sostenibbli, impenji favur l-istandards lavorattivi fundamentali u l-Konvenzjonijiet tal-ILO, rispett għad-drittijiet fundamentali tal-ħaddiema miż-żewġ partijiet, impenji li jappoġġaw il-preżervazzjoni u l-ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi naturali b'attenzjoni partikolari għar-responsabilità soċjali korporattiva u skemi ta' kummerċ ġust u etiku;

16.

Jappella lill-Viċi President/Rappreżentant Għoli biex tissodisfa l-aspettattivi mqajma mill-ftehim il-ġdid u tiżgura li l-politiki mmexxija mill-UE u l-Istati Membri tagħha fil-kuntest tal-implimentazzjoni tal-Ftehim dwar Sħubija u Kooperazzjoni u l-Ftehim ta' Kummerċ Ħieles futur mal-Vjetnam jgħinu biex jippromwovu r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, l-istat tad-dritt u l-governanza tajba; jappella għall-bini tal-kapaċitajiet biex tissaħħaħ ir-riżoluzzjoni tal-ilmenti mingħand l-individwi u l-komunitajiet milqutin fil-kuntest tal-Artikolu 35 tal-Ftehim dwar Sħubija u Kooperazzjoni Komprensivi; jappella lill-gvern Vjetnamiż sabiex isaħħaħ l-involviment tas-soċjetà ċivili permezz tal-parteċipazzjoni tal-assoċjazzjonijiet u tal-organizzazzjonijiet mhux governattivi fl-iżvilupp politiku, ekonomiku u soċjali tal-pajjiż;

17.

Jappella lill-gvern Vjetnamiż biex jagħmel progress konkret fir-rigward tal-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tal-Eżami Perjodiku Universali tal-UNHRC, billi jibda bil-ħolqien ta' istituzzjoni indipendenti nazzjonali għad-drittijiet tal-bniedem; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tipprovdi lill-Vjetnam bl-appoġġ meħtieġ għall-bini tal-kapaċitajiet; jilqa' l-finanzjament tal-UE permezz tal-Istrument Ewropew għad-Demokrazija u d-Drittijiet tal-Bniedem u jħeġġeġ biex dawn l-inizjattivi jitkomplew sabiex isostnu l-isforzi tal-gvern;

18.

Jappella lit-12-il Kungress tal-Partit Komunista Vjetnamiż biex, fid-dawl tal-elezzjonijiet tal-2016, jippermetti l-parteċipazzjoni msaħħa taċ-ċittadini fil-funzjonament demokratiku tal-istat, b'mod speċjali billi jippermetti l-ħolqien ta' partiti ta' oppożizzjoni, movimenti tas-soċjetà ċivili u organizzazzjonijiet mhux governattivi;

19.

Jiddeplora l-fatt li hu stmat li aktar minn 500 priġunier qed jistennew li tinqatalhom kundanna għall-mewt; jappella lill-Gvern Vjetnamiż biex jistabbilixxi moratorju immedjat fuq l-eżekuzzjonijiet u biex jgħaddi leġiżlazzjoni xierqa dwar l-abolizzjoni tal-piena kapitali, u, filwaqt li jilqa' l-ftuħ li sar fis-sistema, jibqa' dispjaċut dwar id-detenzjoni ta' attivisti fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem; jilqa' f'dan ir-rigward ir-rieda tal-gvern li jnaqqas l-għadd tar-reati kriminali punibbli bil-piena tal-mewt u jappella lill-gvern biex ikun trasparenti dwar jekk għadhomx iseħħu eżekuzzjonijiet u jekk għadhom isiru, abbażi ta' liema akkużi;

20.

Ifakkar fl-importanza tad-djalogu dwar id-drittijiet tal-bniedem bejn l-UE u l-Vjetnam bħala strument kruċjali li għandu jintuża b'mod effiċjenti u pragmatiku sabiex il-Vjetnam jiġi akkumpanjat u mħeġġeġ fl-implimentazzjoni tar-riformi meħtieġa;

21.

Iħeġġeġ ir-ratifika tal-Istatut ta' Ruma tal-Qorti Kriminali Internazzjonali;

22.

Jieħu nota tal-fatt li l-industrija tal-ħwejjeġ u t-tessuti, li timpjega aktar minn żewġ miljun ħaddiem, hija l-akbar settur ta' esportazzjoni tal-Vjetnam, u jinsab imħasseb dwar in-nuqqas ta' mekkaniżmi disponibbli għall-ħaddiema biex jiddefendu drittijiethom; jevidenzja s-sinjal pożittiv li jintbagħat kieku l-awtoritajiet Vjetnamiżi kellhom jirratifikaw il-Konvenzjoni Nru 87 dwar il-Libertà ta' Assoċjazzjoni u l-Protezzjoni tad-Dritt għall-Organizzazzjoni u l-Konvenzjoni Nru 98 dwar id-Dritt ta' Organizzazzjoni u tal-Innegozjar Kollettiv tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO);

23.

Jappella lill-awtoritajiet biex joqogħdu lura mis-soppressjoni tal-eżerċitar paċifiku tad-dritt għal-libertà ta' espressjoni, ta' għaqda u ta' assoċjazzjoni; iħeġġeġ, f'dan il-kuntest, biex jiġi rivedut il-Kodiċi Kriminali, b'mod partikolari l-Artikoli 79, 87, 88 u 258 tiegħu; jinnota l-amnestija mogħtija reċentement lil aktar minn 18 000 priġunier u jiddispjaċih li l-priġunieri politiċi ma ġewx inklużi; jibqa' mħasseb dwar bejn wieħed u ieħor 60 priġunier ta' kuxjenza, inklużi difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, ġurnalisti, bloggers, kif ukoll attivisti fil-qasam tad-drittijiet tal-art, ħaddiema u attivisti ambjentali li qed jinżammu fil-ħabsijiet Vjetnamiżi u li ġew ikkundannati fi proċessi sommarji għal diversi tipi ta' reati li, fuq kollox, jikkonċernaw il-libertà tal-kelma u reati kontra l-istat, u jappella għar-rilaxx tagħhom; jinkoraġġixxi r-riformi tas-sistema tal-ġustizzja kriminali, b'mod partikolari l-kodiċi ta' proċedura kriminali inklużi l-klawżoli li jikkriminalizzaw attivitajiet paċifiċi bil-ġustifikazzjoni tas-sigurtà nazzjonali; jappella lill-awtoritajiet biex jistabbilixxu sistema tal-ġustizzja kriminali indipendenti;

24.

Jappella għar-rispett tal-libertà tar-reliġjon u biex jintemmu d-diskriminazzjoni u r-ripressjoni tal-minoranzi etniċi u reliġjużi, inklużi l-fastidju, is-sorveljanza, l-intimidazzjoni, id-detenzjoni, l-arrest domiċiljari, l-assalti fiżiċi u l-projbizzjonijiet tal-ivvjaġġar kontra Nsara, Buddisti, Hoa Hao u Cao Dai, b'mod partikolari l-persekuzzjoni tal-komunitajiet reliġjużi tal-Knisja Buddista Unifikata tal-Vjetnam, kif ukoll l-Insara Montagnard u l-Buddisti Khmer Krom; iħeġġeġ biex jiġu implimentati r-riformi għat-titjib tal-kundizzjonijiet soċjoekonomiċi tal-minoranzi etniċi u reliġjużi; jappella biex tiġi eżaminata mill-ġdid il-leġiżlazzjoni li tirregola r-reġistrazzjoni tal-gruppi reliġjużi; ifakkar fid-destin traġiku tal-Venerabbli Thich Quang Do, dissident Buddist ta' 87 sena, li ilu aktar minn 30 sena taħt arrest domiċiljari fil-monasteru tiegħu mingħajr ma qatt ġie akkużat u jtenni l-appell tiegħu biex jiġi rrilaxxat;

25.

Jappella biex issir riforma urġenti tas-sistema tal-ġustizzja b'mod li jiġu ggarantiti l-istandards internazzjonali għal proċessi ġusti, kif previst fl-Artikolu 10 tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem;

26.

Jesprimi tħassib dwar il-fatt li l-Vjetnam hu wieħed mill-pajjiżi ewlenin minn fejn joriġinaw il-vittmi tat-traffikar tal-bnedmin, u dwar ir-rapporti dwar l-għadd kbir ta' tfal, speċjalment subien li mhumiex protetti mil-liġi kontra l-abbuż sesswali, li jisfaw vittmi ta' prostituzzjoni, traffikar jew trattament ħażin tat-tfal; iħeġġeġ lill-Vjetnam biex jiżviluppa liġijiet b'saħħithom u effikaċi għall-protezzjoni tat-tfal li jipproteġu lit-tfal kollha irrispettivament mis-sess tagħhom; jappella lill-Kummissjoni biex tappoġġa lill-Vjetnam fit-tisħiħ tal-kapaċitajiet tiegħu fil-qasam tal-politiki dwar il-migrazzjoni u l-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin u l-kriminalità organizzata, inkluż fil-kuntest tal-politiki tiegħu dwar ix-xogħol u l-migrazzjoni; jinsab ugwalment imħasseb bir-rapporti dwar l-isfruttament tal-vittmi Vjetnamiżi tat-traffikar tal-bnedmin, inklużi l-minorenni, fl-Istati Membri; jappella lill-Kummissjoni biex tiżgura b'mod urġenti li d-dispożizzjonijiet ta' protezzjoni kruċjali stabbiliti fl-Istrateġija tal-UE favur il-Qerda tat-Traffikar tal-Bnedmin jiġu kompletament implimentati; jinkoraġġixxi lill-gvern tal-Vjetnam u lill-Kummissjoni biex jikkunsidraw li jistabbilixxu sottokumitat jew grupp ta' ħidma speċjalizzat dwar it-traffikar tal-bnedmin taħt il-Ftehim dwar Sħubija u Kooperazzjoni Komprensivi;

27.

Jisħaq fuq l-isfidi soċjoekonomiċi li l-Vjetnam qed jaffaċċa bil-popolazzjoni żagħżugħa tiegħu u l-migrazzjoni interna lejn il-bliet li dejjem qed tikber;

28.

Jilqa' l-adozzjoni tal-liġi emendata dwar l-art tal-2013, iżda jibqa' serjament imħasseb dwar l-abbużi tad-drittijiet tal-proprjetà, l-iżgumbrament sfurzat u l-konfiska statali ta' art għal proġetti ta' żvilupp, li jwasslu għall-esproprjazzjoni ta' mijiet ta' eluf ta' bdiewa; jappella lill-gvern biex iwaqqaf il-ħtif tal-art u jistabbilixxi mekkaniżmi xierqa għall-ilmenti;

29.

Jilqa' l-impenji ġuridiċi estensivi li ħadu l-awtoritajiet Vjetnamiżi fil-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi u l-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni, iżda jesprimi tħassib dwar il-fatt li l-vjolenza domestika, it-traffikar tan-nisa u l-bniet, il-problema li qed tikber tal-HIV/AIDS fost in-nisa kif ukoll il-ksur tad-drittijiet sesswali u riproduttivi għadhom problemi serji; iħeġġeġ lill-Gvern Vjetnamiż ikompli bir-riforma tar-reġistru ċivili tiegħu u jtemm il-prattiki diskriminatorji li xi kultant huma dovuti għall-karatteristiċi partikolari tar-reġistru “Hô khâu” (tal-familja), li jibblokka lil ħafna familji, u b'mod partikolari lit-tfal, milli jiġu rreġistrati, u b'hekk milli jkollhom aċċess għall-edukazzjoni u għas-servizzi soċjali;

30.

Ifaħħar lill-Vjetnam għar-rwol mexxej li qed jieħu fl-Asja rigward l-iżvilupp tad-drittijiet tal-persuni LGBTI, b'mod partikolari l-liġi li ġiet adottata dan l-aħħar dwar iż-żwieġ u l-familja li tippermetti ċerimonji ta' żwieġ bejn persuni tal-istess sess;

31.

Jikkondividi t-tħassib tal-Gvern Vjetnamiż li l-korruzzjoni tirrappreżenta waħda mill-isfidi ewlenin tal-Vjetnam; jappella għal eżami aktar mill-qrib tas-sitwazzjonijiet fejn iċ-ċittadini li jiddenunzjaw il-korruzzjoni jispiċċaw fil-mira tal-awtoritajiet; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Vjetnamiżi biex jinvestigaw bir-reqqa l-abbużi magħmula kontra ġurnalisti, bloggers u informaturi; jiddispjaċih ukoll dwar l-użu improprju mill-Gvern Vjetnamiż tal-Artikolu 258 tal-Kodiċi Penali li jikkonċerna “abbuż tal-libertajiet demokratiċi” – li jista' jwassal għal massimu ta' seba' snin il-ħabs; jinnota li huma ftit ħafna l-każijiet li l-prosekuzzjoni tagħhom irnexxiet, minkejja l-Liġi Kontra l-Korruzzjoni u jappella lill-gvern biex isaħħaħ l-implimentazzjoni tagħha;

32.

Jappella lill-awtoritajiet Vjetnamiżi biex jimplimentaw sforzi akbar kontra l-korruzzjoni bil-ħsieb li jibagħtu sinjal pożittiv lill-investituri barranin; jinnota li l-infrastruttura ġuridika dgħajfa u s-sistema ta' korruzzjoni jwasslu għal imprevedibilità finanzjarja u joħolqu ostaklu serju għall-investiment u l-operazzjonijiet kummerċjali;

33.

Jesprimi tħassib serju dwar il-ħsara ambjentali fil-Vjetnam, b'mod partikolari, it-tniġġis, id-deforestazzjoni u l-attivitajiet insostenibbli ta' estrazzjoni minn minjieri li jeqirdu reġjuni u passaġġi akwatiċi sħaħ u jfixklu l-mod ta' ħajja tal-komunitajiet lokali kif ukoll dwar l-attivitajiet tal-kumpaniji Vjetnamiżi barra mill-pajjiż li jikkontribwixxu għad-degradazzjoni ambjentali u l-ħtif tal-art;

34.

Iħeġġeġ lill-gvern Vjetnamiż biex jintroduċi miżuri li jiggarantixxu l-infurzar effikaċi tal-leġiżlazzjoni dwar il-protezzjoni tal-ambjent u l-bijodiversità, b'mod partikolari mill-effetti negattivi tad-deforestazzjoni u l-estrazzjoni ta' materja prima b'objettivi ċari, marbutin bi skadenzi u bbażati fuq ir-riżultati f'kull wieħed mill-oqsma msemmijin hawn fuq; jappella lill-Kummissjoni biex tipprovdi l-appoġġ għall-bini tal-kapaċitajiet meħtieġa għal dan l-għan;

35.

Jisħaq fuq il-ħtieġa li l-Kummissjoni għax-Xmara Mekong twettaq konsultazzjonijiet bir-reqqa u bil-quddiem u li tagħmel valutazzjonijiet komprensivi tal-impatt fuq l-ambjent, is-sajd, l-għajxien u fil-livell transkonfinali tal-pjanijiet ta' żvilupp tal-enerġija idrawlika fil-parti prinċipali tax-Xmara Mekong;

36.

Jieħu nota tal-fatt li l-Ministeru għar-Riżorsi Naturali u l-Ambjent adotta strateġija ta' adattament għat-tibdil fil-klima; jindika li l-pajjiż huwa involut fl-iżvilupp tal-enerġija mill-bijomassa u dik solari u jilqa' l-enfasi qawwija tal-pakkett ta' għajnuna tal-UE (2014-2020) fuq l-iżvilupp tal-enerġija sostenibbli;

37.

Jappella lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex, fil-prospettiva tal-wirt mill-Gwerra tal-Vjetnam fuq l-ambjent, jikkunsidraw li jistabbilixxu fond għall-appoġġ tal-vittmi u l-veterani tal-gwerra, u anke biex jintensifikaw l-azzjoni billi jintbagħtu missjonijiet speċjalizzati għad-dekontaminazzjoni tas-sustanzi dannużi u jneħħu l-mini miż-żoni li anke issa, 40 sena wara li ntemm il-konflitt, għadhom qed iħallu vittmi;

38.

Jappella lill-gvern biex jikkunsidra mill-ġdid id-deċiżjoni tiegħu li jibni u jopera l-ewwel impjant tal-enerġija nukleari tal-Vjetnam f'Ninh;

39.

Jilqa' l-fatt li l-Vjetnam ħa miżuri speċifiċi biex jiżviluppa l-għarfien u r-riċerka dwar ix-xjenza u t-teknoloġija, biex jindirizza d-dgħufijiet fl-edukazzjoni għolja, biex jattira lill-Vjetnamiżi li jgħixu barra mill-pajjiż u biex jikkoopera mal-istituzzjonijiet akkademiċi Ewropej u tal-Istati Uniti biex jgħinu f'dan il-proċess;

40.

Jappella liċ-Ċina u l-pajjiżi ġirien ikkonċernati, inkluż il-Vjetnam, biex jintensifikaw l-isforzi ħalli jnaqqsu t-tensjoni fiż-żona kkontestata fil-Baħar taċ-Ċina tan-Nofsinhar; jikkunsidra li hemm ir-riskju li s-sitwazzjoni tipperikola interessi importanti tal-UE fir-reġjun, inkluż f'termini tas-sigurtà globali u l-libertà ta' navigazzjoni tar-rotot marittimi ewlenin li huma vitali għall-kummerċ tal-UE; jisħaq fuq il-ħtieġa li t-tilwim jiġi indirizzat b'mod paċifiku, permezz tal-bini tal-fiduċja, diskussjonijiet bilaterali u reġjonali u abbażi tad-dritt internazzjonali, inklużi d-dritt tal-baħar u l-medjazzjoni minn korpi internazzjonali imparzjali, bħall-UNCLOS; ifakkar fl-importanza li jinbnew soluzzjonijiet kooperattivi li jinkludu lill-partijiet kollha; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Viċi President/Rappreżentant Għoli biex jissorveljaw b'mod attiv is-sitwazzjoni u jagħtu l-appoġġ tagħhom għal soluzzjoni għat-tilwim bi qbil mad-dritt internazzjonali; jilqa' d-dikjarazzjoni konġunta li ħarġu l-mexxejja Ċiniżi u Vjetnamiżi f'April 2015 fejn wiegħdu riżoluzzjoni paċifika għat-tilwim dwar il-gżejjer;

41.

Jilqa' l-irwol li żvolġiet l-ASEAN fil-ġestjoni paċifika tat-tilwim, b'mod partikolari billi fittxet li tistabbilixxi kodiċi ta' kondotta reġjonali;

42.

Jappella għal tisħiħ tal-kooperazzjoni parlamentari u r-rwol tal-Parlament u tal-laqgħat interparlamentari bħala mezz biex tiġi sorveljata l-implimentazzjoni tal-Ftehim dwar Sħubija u Kooperazzjoni Komprensivi;

43.

Jikunsidra li l-Ftehim dwar Sħubija u Kooperazzjoni Komprensivi mal-Vjetnam hu opportunità għall-UE biex issaħħaħ il-pożizzjoni tagħha fl-Asja u tiżvolġi rwol akbar fir-reġjun; jisħaq fuq il-fatt li dan il-ftehim hu wkoll opportunità għall-UE biex tippromwovi l-objettivi tagħha fl-oqsma tal-paċi, l-istat tad-dritt, id-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem, is-sikurezza marittima u l-kondiviżjoni tar-riżorsi;

44.

Jenfasizza li, skont l-Artikolu 218(10) TFUE, il-Parlament għandu jiġi infurmat immedjatament u b’mod sħiħ fl-istadji kollha tal-proċedura dwar il-Ftehim Komprensiv ta' Sħubija u Kooperazzjoni; jinsisti li dan għandu jinkludi l-provvista ta' informazzjoni estensiva bil-miktub lill-Parlament dwar l-objettivi segwiti bl-azzjonijiet u l-pożizzjonijiet tal-UE, b’mod partikolari dwar l-iżviluppi fis-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, il-libertà tal-espressjoni u l-istat tad-dritt fil-pajjiż; jenfasizza, barra minn hekk, ir-rwol fundamentali li għandhom il-punti fokali tad-Delegazzjoni tal-UE fil-monitoraġġ tad-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiż;

45.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri u lill-Gvern u l-Assemblea Nazzjonali tal-Vjetnam.


(1)  Testi adottati ta' dik id-data, P8_TA(2015)0467.

(2)  ĠU L 136, 7.6.1996, p. 28.

(3)  ĠU L 144, 10.6.1980, p. 1.

(4)  ĠU L 117, 5.5.1999, p. 31.

(5)  ĠU C 175 E, 10.7.2008, p. 615.

(6)  ĠU C 15 E, 21.1.2010, p. 58.

(7)  ĠU C 285 E, 21.10.2010, p. 76.

(8)  Testi adottati, P7_TA(2013)0189.

(9)  Testi adottati, P7_TA(2014)0022.

(10)  Testi adottati, P7_TA(2014)0458.

(11)  Testi adottati, P7_TA(2012)0470.

(12)  Testi adottati, P7_TA(2013)0274.

(13)  Testi adottati, P8_TA(2015)0288.


Top