EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52015IP0323

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta' Settembru 2015 dwar il-Programm ta' Ħidma tal-Kummissjoni għall-2016 (2015/2729(RSP))

ĠU C 316, 22.9.2017, p. 254–269 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

22.9.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 316/254


P8_TA(2015)0323

Tħejjija tal-Programm ta' Ħidma tal-Kummissjoni għall-2016

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta' Settembru 2015 dwar il-Programm ta' Ħidma tal-Kummissjoni għall-2016 (2015/2729(RSP))

(2017/C 316/29)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu “'Programm ta' Ħidma tal-Kummissjoni 2015 – Bidu Ġdid” (COM(2014)0910) u l-Annessi 1 sa 4 tagħha,

wara li kkunsidra l-Artikolu 37(3) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.

billi l-Ewropa jeħtiġilha tirrispondi b'viżjoni ċara, direzzjoni, tmexxija, ambizzjoni u kuraġġ għall-isfidi li qed inħabbtu wiċċna magħhom, kemm internament kif ukoll esternament, biex turi li hija kapaċi taqdi l-aspettattivi taċ-ċittadini tagħna, filwaqt li toffrilhom prospetti u toħloq il-fiduċja, billi tagħmel lill-UE unjoni politika tassew demokratika, demokrazija parlamentari u arena fejn iċ-ċittadini jistgħu jidderieġu u jsawru l-kontinent tagħhom fl-interess tal-preservazzjoni u l-konsolidazzjoni tal-livell ta' għajxien tagħhom;

B.

billi l-istrateġija Ewropa 2020 tibqa' bażi valida għall-bini ta' tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv fl-Ewropa u billi huwa mistenni li l-miri tagħha jiġu kkonfermati qabel tmiem l- 2015, iżda l-istrumenti tagħha li jwasslu għal riżultati konkreti jeħtieġ li jiġu aġġornati u msaħħin;

C.

billi Programmi ta' Ħidma tal-Kummissjoni tal-ġejjieni għandhom jindirizzaw l-isfidi determinanti tas-seklu 21, bħalma huma t-tibdil fil-klima, l-indipendenza tal-enerġija, l-effiċjenza fir-riżorsi, it-tranżizzjoni lejn soċjetà diġitali, il-kompetizzjoni globali, l-ugwaljanza bejn is-sessi u l-inugwaljanza li qed tiżdied, filwaqt li jqisu l-konsegwenzi tan-non-Ewropa;

D.

billi t-telf tal-kompetittività Ewropea fl-ekonomija globali, ir-rata għolja tal-qgħad, it-tibdil demografiku u l-popolazzjoni li dejjem aktar qed tixjieħ lill-UE jiffaċċjawha bi sfidi mingħajr preċedent; billi biss l-ekonomiji kompetittivi bil-politiki makroekonomiċi t-tajba se jkunu kapaċi joħolqu l-impjiegi, jgħollu l-istandards tal-għajxien taċ-ċittadini tagħhom, u jiġġeneraw il-prosperità li tiffinanzja l-investiment fil-futur u tipprovdi servizzi pubbliċi; billi hemm bżonn ta' enfasi msaħħa fuq il-promozzjoni ta' kompetizzjoni ħielsa u ġusta biex jintlaħqu l-għanijiet ambizzjużi għall-impjiegi ta' kwalità, it-tkabbir, l-investiment u l-kompetittività globali tal-ekonomija Ewropea, speċjalment fid-dawl tal-fatt li reġjuni oħra tad-dinja qegħdin jikbru b'aktar ħeffa, b'livelli dejjem akbar ta' produttività u ta' innovazzjoni;

E.

billi l-UE ġarrbet kriżi ekonomika twila, b'livell ta' tkabbir baxx, b'aktar diżekwilibri interni u nuqqas ta' ħolqien ta' impjiegi u ta' investiment, li mhux se tingħeleb mingħajr integrazzjoni sinifikanti ulterjuri tal-Ewropa kull fejn din tkun ġustifikata, b'mod partikolari fis-suq intern u fil-kuntest tal-unjoni ekonomika u monetarja, b'kontroll demokratiku u responsabbiltà msaħħa;

F.

billi r-riżorsi finanzjarji għandhom ikunu immirati fuq il-prijoritajiet politiċi tal-UE, mhux biss f'termini ta' ammonti, iżda wkoll ta' flessibbiltà u bilanċ, mhux l-anqas fir-rigward tal-Fond Ewropew għal Investimenti Strateġiċi (FEIS) u l-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP) 2014-2020, li jipprevedi sett ta' mekkaniżmi ta' flessibbiltà, inkluża klawżola ta' reviżjoni, sabiex il-baġit tal-UE jkun jista' jadatta għal ċirkostanzi mhux previsti;

G.

billi l-politiki u l-attivitajiet tal-UE jridu jkunu konformi mal-prinċipji tas-sussidjarjetà u tal-proporzjonalità sabiex jgħinu liċ-ċittadini jantiċipaw u jirreaġixxu għal soċjetà u ekonomija li qed jinbidlu b'rata mgħaġġla;

H.

billi, biex lil din il-ġenerazzjoni u 'l dik li jmiss toffrilhom impjiegi u mhux djun, l-Ewropa jeħtiġilha timpenja ruħha favur mudell ekonomiku li jista' jiżgura tkabbir sostenibbli;

I.

billi s-sostenibbiltà u t-tkabbir ekonomiku huma kompatibbli u jistgħu jsaħħu 'l xulxin b'mod reċiproku, u billi l-Kummissjoni hija mħeġġa tagħmel is-sostenibbiltà pedament tal-aġenda tagħha għall-impjiegi u t-tkabbir; billi l-Kummissjoni hi l-gwardjana tat-trattati tal-UE, li fihom huma minquxa l-iżvilupp sostenibbli, il-ġustizzja soċjali, is-solidarjetà u d-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini Ewropej;

J.

billi l-Ewropa teħtieġ Kummissjoni bi Programm ta' Ħidma ffukat tajjeb u ambizzjuż biżżejjed li bih tkun tista' tindirizza l-ħtiġijiet reali li l-UE u ċ-ċittadini tagħha qed iħabbtu wiċċhom magħhom;

L-EWWEL PARTI

1.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tuża d-dritt ta' inizjattiva tagħha kollu kemm hu sabiex toffri lill-Unjoni tmexxija ċara, u partikolarment biex twettaq l-ikkompletar tas-suq uniku flimkien mal-pjan direzzjonali strateġiku għall-unjoni ekonomika, għall-unjoni politika u għall-azzjoni esterna;

2.

Jilqa' b'sodisfazzjon l-enfasi tal-Kummissjoni fuq 10 prijoritajiet strateġiċi; jenfasizza li huwa importanti li jiġi promoss l-interess tal-Komunità u li l-UE tinżamm magħquda u koeżiva filwaqt li jiġu rrispettati l-prinċipji ta' sussidjarjetà u proporzjonalità; jemmen bil-qawwa, għaldaqstant, li l-isforzi jridu jkunu kkonċentrati fuq dawn il-prijoritajiet strateġiċi;

3.

Jilqa' b'sodisfazzjon il-ftuħ tan-negozjati għal ftehim interistituzzjonali ġdid dwar it-tfassil aħjar tal-liġijiet; huwa tal-fehma li dan għandu jwassal għal titjib fil-kwalità tal-abbozzar leġiżlattiv tal-Kummissjoni, it-tisħiħ tal-valutazzjoni tal-impatt tal-abbozzi ta' liġijiet, inklużi valutazzjonijiet tal-impatt ekonomiku, soċjali, ambjentali u relatat mal-SMEs u, fejn dan ikun f'loku, l-użu ta' regolamenti aktar milli ta' direttivi bi qbil mal-prinċipji ta' sussidjarjetà u proporzjonalità; jistenna li l-Kummissjoni liż-żewġ fergħat tal-awtorità leġiżlattiva tittrattahom indaqs f'termini tal-informazzjoni u d-dokumentazzjoni li tipprovdi matul il-proċess leġiżlattiv; jistenna li jkun hemm impenn aktar qawwi favur konsultazzjoni interistituzzjonali xierqa, li l-proposti u r-rakkomandazzjonijiet tal-Parlament jingħataw segwitu sħiħ, kif ukoll li jingħataw ġustifikazzjonijiet dettaljati għal kull irtirar previst; ifakkar li l-ipprogrammar pluriennali, miftiehem bejn it-tliet istituzzjonijiet, għandu jipprovdi l-qafas għall-programm ta' ħidma annwali u għandu jkun il-bażi tad-diskussjonijiet dwar il-programm ta' ħidma annwali speċifiku; ifakkar fil-fehma tiegħu li t-tfassil aħjar tal-liġijiet m'għandux jitqies bħala għodda li tbaxxi l-prijorità ta' oqsma fi ħdan il-kompetenzi tal-UE u li d-deċiżjonijiet politiċi fi ħdan il-proċess deċiżjonali demokratiku għandhom jipprevalu fuq valutazzjonijiet tekniċi;

4.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tkompli ttejjeb il-koerenza tal-programm leġiżlattiv tagħha u ssaħħaħ il-valutazzjoni tal-impatt indipendenti tal-abbozzi tal-liġijiet, bl-inklużjoni ta' test rigward l-SMEs u test tal-kompetittività, għax dawn il-miżuri jgħinu biex titneħħa l-burokrazija żejda f'kull livell – Ewropew, nazzjonali u reġjonali – għall-atturi ekonomiċi u għaċ-ċittadini kollha f'ħajjithom ta' kuljum, u b'hekk irawmu l-ħolqien tal-impjiegi fir-rispett tal-istandards soċjali u ambjentali; iqis li l-SMEs u l-mikrointrapriżi m'għandhomx isofru minn piżijiet żejda huma u jimplimentaw il-leġiżlazzjoni u jikkonformaw mal-istandards; jistieden lill-Kummissjoni timmira lejn semplifikazzjoni massima u, kull fejn ikun possibbli, tippromwovi l-użu sħiħ ta' soluzzjonijiet diġitali sabiex tiffaċilita l-implimentazzjoni tar-regoli tal-UE; iqis li, meta jirriżulta li d-direttivi u r-regolamenti ma jkunux adatti għall-kumpaniji żgħar, jista' jkun jeħtiġilhom jiġu riveduti biex ikun żgurat li l-SMEs ma jkunux mgħobbija bil-piżijiet; jitlob li, kull fejn ikun possibbli, il-mikrointrapriżi jkunu eżenti minn kull leġiżlazzjoni li toħloq piżijiet żejda, b'mod partikolari biex jiġi żgurat li start-ups ġodda u intraprendituri jkunu inkoraġġuti;

5.

Jistenna li l-Kummissjoni, fil-kuntest tal-Programm dwar l-Idoneità u l-Prestazzjoni tar-Regolamentazzjoni (REFIT), tippreżenta lista ambizzjuża ta' leġiżlazzjoni u proposti li għandhom jiġu riveduti jew revokati meta ma jibqax jirriżulta li għadhom adegwati jew għad għandhom valur miżjud tal-UE u meta jkunu skaduti jew inkella ma jkunux għadhom jaqdu l-fini inizjali tagħhom; jenfasizza, madankollu, li REFIT ma għandux jintuża bħala pretest biex jitbaxxa l-livell ta' ambizzjoni dwar kwistjonijiet ta' importanza vitali, jew biex l-istandards soċjali u ambjentali jiġi deregolamentati jew imbaxxa; jemmen li s-semplifikazzjoni hi kwistjoni ta' kwalità u mhux ta' miri kwantittativi; jinnota l-għan li l-piż amministrattiv u burokratiku u l-ispejjeż relatati ta' proposti ġodda jitnaqqsu b’25 % għaċ-ċiklu tal-politika sħiħ, inklużi t-traspożizzjoni, l-implimentazzjoni u l-infurzar; jitlob tnaqqis sinifikanti bil-għan li jitniedu kundizzjonijiet aħjar għall-ħolqien ta' impjiegi ġodda, iż-żamma tal-impjiegi fl-Ewropa u r-ritorn tal-impjiegi lejha, b'mod li jrawwem il-kompetizzjoni u l-iżvilupp sostenibbli;

6.

Jistenna li l-Kummissjoni tressaq proposta għall-fażi li jmiss tal-istrateġija Ewropa 2020 għat-Tkabbir u l-Impjiegi li tindirizza l-isfidi u l-opportunitajiet kbar li għandna quddiemna, speċjalment it-tranżizzjoni tal-enerġija, ir-rivoluzzjoni diġitali u t-tħejjija tal-Ewropej għal dawn il-bidliet; iqis li din l-istrateġija għandha tgħaqqad flimkien ir-riformi rilevanti ma' inizjattivi ta' investiment kbir, li jibnu fuq l-unjoni tal-enerġija u s-suq uniku diġitali, it-tnejn diġà mnedija, u inizjattiva ġdida għal investiment soċjali u l-ksib ta' ħiliet ġodda; jemmen li l-istrateġija għandha tkun appoġġjata b'użu sħiħ tal-Fond Ewropew għal Investimenti Strateġiċi u ta' QFP 2014-20 rivedut; iqis li l-Istati Membri kollha jeħtieġ li jkollhom il-kundizzjonijiet meħtieġa biex jimplimentaw din l-istrateġija u li l-Unjoni Ekonomika u Monetarja għandha tiġi kkompletata biex tippromwovi l-konverġenza f'din id-direzzjoni; iqis li s-sħubijiet strateġiċi esterni tal-UE għandhom ukoll jiftħu opportunitajiet ġodda biex din l-istrateġija tirnexxi;

7.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni toħroġ b'reazzjoni qawwija biex tindirizza l-problemi soċjali tal-UE, b'mod partikolari l-qgħad, id-diskrepanza fil-ħiliet, l-inugwaljanzi soċjali u l-esklużjoni, kif ukoll ir-riskji ta' dumping soċjali u l-eżodu tal-imħuħ; iqis li dan jitlob irkupru ekonomiku u investiment li jrawwem il-ħolqien ta' impjiegi ta' kwalità, tappoġġja l-irkupru ekonomiku u l-ħolqien tal-impjiegi, investimenti soċjali li jiffukaw fuq il-ħiliet, il-kura tat-tfal u servizzi soċjali oħra, u l-ekonomija soċjali; iqis li dan jeħtieġ ukoll konverġenza aktar qawwija biex jiġi żgurat li sett ta' standards soċjali fundamentali jkun rispettat madwar l-Unjoni kollha kemm hi; iqis li, f'dan il-kuntest, il-mobilità ġusta tal-ħaddiema għandha tiġi promossa bħala libertà fundamentali fis-suq uniku; iqis li passi konkreti lejn l-“A tripla soċjali” mwiegħda jridu jibdew jitwettqu bla dewmien; jitlob lill-Kummissjoni tippromwovi involviment aktar mill-qrib tas-sħab soċjali fil-livell Ewropew u nazzjonali għal dan il-għan;

8.

Jenfasizza l-fatt li l-livell tal-qgħad għadu għoli wisq, b'mod partikolari għaż-żgħażagħ u n-nisa, u li l-irkupru ekonomiku tal-UE għadu fraġli; jilqa' l-adozzjoni tal-FEIS, iħeġġeġ l-implimentazzjoni sħiħa tiegħu u jistenna li firxa ta' proġetti ta' investiment jiġu approvati u żviluppati mill-aktar fis biex jikkontribwixxu għal irkupru qawwi u tkabbir sostenibbli u bbilanċjat, li se jġib 'il quddiem l-impjiegi u l-koeżjoni soċjali u territorjali madwar l-UE kolha kemm hi; ifakkar f'talbietu rigward it-trasparenza, ir-responsabilità demokratika u l-konformità mal-linji gwida għall-investiment;

9.

Jistieden lill-Kummissjoni tenfasizza t-tkabbir u l-impjiegi bħala l-pedament tal-ekonomija tas-suq soċjali Ewropew u tal-istrateġija tal-UE għall-iżvilupp sostenibbli; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tqiegħed is-sostenibbiltà fil-qalba ta' kull politika ekonomika soda, orjentata lejn il-futur u li ssolvi l-kriżi, u biex tagħtiha sostanza f'dan il-programm ta' ħidma u fi programmi ta' ħidma futuri permezz ta' intestatura speċifika li tiffoka fuq l-implimentazzjoni komprensiva u rapida tas-Seba' Programm ta' Azzjoni Ambjentali;

10.

Jilqa' l-adozzjoni tal-istrateġija tas-suq uniku diġitali (DSM) u jitlob l-implimentazzjoni rapida tagħha, b'rakkomandazzjonijiet leġiżlattivi ċari u b'riżrosi finanzjarji, immirati għall-ħolqien ta' ekonomija diġitali fejn l-Ewropa tista' tkun minn ta' quddiem fid-dinja, fejn l-intrapriżi jkunu jistgħu joperaw minn pajjiż għall-ieħor, u fejn id-drittijiet tal-konsumaturi, tad-detenturi tad-drittijiet u taċ-ċittadini jkunu mħarsa; jinsab konvint li l-Ewropa tipprovdi valur miżjud ċar billi trawwem l-intraprenditorija u l-ekonomija tal-għarfien u twarrab l-ostakli żejda; huwa tal-fehma li għandu wkoll ikollha l-għan li trawwem l-innovazzjoni u tiġġenera opportunitajiet ġodda għaċ-ċittadini, in-negozji u l-konsumaturi tal-UE, u b'hekk toħloq l-impjiegi, filwaqt li tiżgura standards soċjali bażiċi; jenfasizza li l-progress f'dan il-qasam se jkollu impatt dirett fuq iċ-ċittadini; jemmen li kemm il-protezzjoni tal-konsumaturi kif ukoll il-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali huma vitali sabiex l-Ewropej ikollhom fiduċja fis-suq uniku diġitali bħala parti mid-diġitizzazzjoni ta' ħajjithom ta' kuljum;

11.

Jemmen li d-disinn ta' politika tat-taxxi bilanċjata u ġusta jrid jitqies bħala parti integrali fir-riformi strutturali tal-Istati Membri fejn ikun xieraq, u li l-politika tat-taxxi u dik tal-kompetizzjoni għandhom jitqiesu bħala żewġ naħat tal-istess munita fis-suq intern, għall-benefiċċju tal-konsumaturi u taċ-ċittadini kollha tal-UE, bil-ħsieb li jkomplu jikkontribwixxu għall-ħolqien tal-impjiegi; jappoġġja ċ-ċaqliq tal-piż tat-taxxa minn fuq il-ħaddiema lejn forom oħra ta' tassazzjoni sostenibbli;

12.

Jitlob lill-Kummissjoni tevalwa mill-ġdid u ssaħħaħ il-mekkaniżmi u r-riżorsi tal-politika tal-kompetizzjoni u tal-għajnuna mill-istat; iqis li l-politika tal-UE dwar l-għajnuna mill-istat u l-kontroll ta' din l-għajnuna huma għodod importanti fil-ġlieda kontra prattiki ta' tassazzjoni li jikkawżaw tagħwiġ tas-suq uniku;

13.

Itenni mill-ġdid l-importanza li huwa jagħti lill-“metodu Komunitarju”, lit-trasparenza tal-proċess leġiżlattiv, lil-leġittimità demokratika, u lir-rwol u r-responsabbiltà tal-parlamenti nazzjonali;

14.

Jinsisti fuq il-ħtieġa li tiġi implimentata u applikata b'mod sħiħ, rapidu u effikaċi l-leġiżlazzjoni eżistenti f'oqsma bħas-suq uniku, id-dritt ambjentali, il-politika agrikola komuni (PAK) riveduta, il-politika komuni tas-sajd (PKS) u l-politika ta' koeżjoni u s-settur finanzjarju u dak bankarju; jistieden lill-Kummissjoni timmonitorja aħjar il-progress tal-Istati Membri fl-implimentazzjoni;

15.

Jitlob li Linji Gwida ta' Konverġenza jiġu adottati skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja, li flimkien mal-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir għandhom jifformaw il-bażi tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi; huwa tal-fehma li r-rwol ta' skrutinju tal-Parlament fis-Semestru Ewropew għandu jiġi fformalizzat u li l-parlamenti nazzjonali kollha taż-żona tal-euro għandhom isegwu kull pass tal-proċess tas-Semestru Ewropew;

16.

Jistieden lill-Kummissjoni, flimkien mal-partijiet interessati kollha, tesplora l-possibilitajiet kollha biex l-UEM tissaħħaħ u ssir aktar reżistenti u twassal aktar għat-tkabbir, l-impjiegi l-istabilità, b'dimensjoni soċjali intiża biex iżżomm l-ekonomija tas-suq soċjali tal-Ewropa, filwaqt li tirrispetta d-dritt għal negozjar kollettiv, u li tiżgura l-koordinament tal-politiki soċjali tal-Istati Membri taħt il-kappa tagħha, inkluża l-paga minima jew mekkaniżmu ta' dħul xieraq proprju għal kull Stat Membru u deċiż minnu, u li tappoġġja l-ġlieda kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali, ir-reintegrazzjoni tal-ħaddiema fis-suq tax-xogħol u l-mobilità volontarja u l-flessibilità bejn il-professjonijiet u l-Istati Membri;

17.

Jenfasizza li l-baġit tal-UE jrid jintuża b'mod effikaċi biex imexxi 'l quddiem il-prijoritajiet u l-politiki tal-UE u għalhekk jistieden lill-Kummissjojni tindirizza preokkupazzjonijiet dwar ġestjoni ħażina u frodi; jistieden lill-Kummissjoni tieħu l-passi meħtieġa biex tevalwa u ttejjeb il-kontrolli eżistenti u tħaffef il-piż burokratiku fejn possibbli; jenfasizza li l-Kummissjoni jeħtiġilha tiżgura li flus il-kontribwenti tal-UE jintuża bl-aqwa mod u jissottolinja li l-eżiti ta' prestazzjoni huma aktar importanti mis-sempliċi nfiq tal-approprjazzjonijiet disponibbli; jitlob, għalhekk li jsiru evalwazzjonijiet sistematiċi, regolari u indipendenti sabiex ikun żgurat li l-infiq kollu qed jilħaq ir-riżultati mixtieqa b'mod li jkun kosteffettiv; jitlob lill-Kummissjoni ġġedded l-isforzi tagħha biex tinvolvi Stati Membri f'dan il-kompitu, partikolarment rigward il-fondi żburżati mill-Istati Membri nfushom;

18.

Jenfasizza l-ħtieġa li flus il-kontribwnei jintuża b'mod aktar effiċjenti u li jittieħdu passi ulterjuri għall-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni sabiex tkun żgurata l-leġittimità tal-infiq tal-UE b'mod kosteffettiv; jitlob għalhekk, l-użu kosteffettiv tal-baġit tal-UE b'konċentrazzjoni fuq prestazzjoni aħjar tal-kontrolli eżistenti, l-evalwazzjoni tal-kontrolli u mezzi biex jiżguraw li l-prestazzjoni u l-valur miżjud jitqiesu aktar importanti mill-immassimizzar tal-użu tal-approprjazzjonijiet ibbaġitjati; huwa tal-fehma li l-proposta għal Kontrollur ta' Garanziji Proċedurali għall-Uffiċċju kontra l-Frodi, OLAF (COM(2014)0340 – 2014/0173(COD)) għandha tinżamm;

19.

Jilqa' b'sodisfazzjon l-Aġenda tal-Kummissjoni Ewropea dwar il-Migrazzjoni u l-proposti leġiżlattivi u proposti relatati korrispondenti għall-aġġustamenti baġitarji fl-2015 u fl-2016 biex tiżgura li l-għanijiet stipulati fl-Aġenda dwar il-Migrazzjoni jiġu implimentati kif xieraq; ifakkar lill-Kummissjoni, madankollu, fl-impenn tagħha li tindirizza l-pressjoni dejjem tikber fuq il-fruntieri esterni tal-UE, inklużi miżuri sodi kontra l-migrazzjoni irregolari u t-traffikar tal-bnedmin u l-kuntrabandu, u t-titjib tal-ġestjoni tal-migrazzjoni li tfisser rabta aħjar bejn il-politika ta' migrazzjoni tal-UE mal-politika esterna tagħha; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tkompli tiżviluppa strumenti għal approċċ ibbażat fuq id-drittijiet tal-bniedem għal persuni li qegħdin ifittxu fl-UE protezzjoni mill-gwerra u mill-persekuzzjoni;

20.

Jinsab imħasseb ħafna dwar l-iżviluppi reċenti fil-Mediterran u r-rotta tal-Balkani tal-Punent, fejn numru rekord ta' migranti irregolari li qasmu l-fruntieri tal-UE, b'mod li ħolqu sfida mingħajr preċedent lill-Ewropa u lill-Istati Membri tagħha, li teħtieġ rispons Ewropew komuni u determinat; jesprimi l-appoġġ tiegħu għall-miżuri mressqa mill-Kummissjoni, u jitlob adozzjoni u implimentazzjoni rapida mill-Istati Membri; jilqa’ l-inizjattivi tal-Kummissjoni dwar ir-rilokazzjoni u r-risistemazzjoni, inkluża l-inizjattiva l-ġdida għar-rilokazzjoni b'emerġenza ta’ numru akbar ta’ persuni li jfittxu asil li għandhom bżonn protezzjoni internazzjonali, għall-benefiċċju tal-Greċja, l-Italja u l-Ungerija, kif ukoll il-proposta tal-Kummissjoni għal mekkaniżmu ta' rilokazzjoni permanenti, li għandu jiġi attivat f'sitwazzjonijiet ta' emerġenza, b’kont meħud tan-numru ta' rifuġjati preżenti fl-Istat Membru, u li huwa bbażat fuq l-Artikolu 78(2) tat-TFUE; jenfasizza li għandu jkun hemm aktar enfasi fuq l-inizjattivi diġà mnedija mill-Kummissjoni, b'mod partikolari l-proposti dwar ir-rilokazzjoni u r-risistemazzjoni, għax il-mekkaniżmu ta' rilokazzjoni ta' emerġenza mħaddem għall-benefiċċju tal-Italja u l-Greċja mhuwiex soluzzjoni għall-isfida fit-tul tal-pressjoni tal-asil, iżda pjuttost każ ta' prova bi ħsieb il-proposta leġiżlattiva mistennija dwar skema ta' rilokazzjoni permanenti li għandha tiġi attivata f'sitwazzjonijiet ta' influss tal-massa; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tattiva l-mekkaniżmu meħtieġ, li tfassal speċifikament għal sitwazzjonijiet ta' influss tal-massa; jissottolinja, fl-istess ħin, il-ħtieġa li l-ipproċessar tat-talbiet għall-asil jitħaffef u li dawk li talbiethom jinċaħdu jintbagħtu lura; jesprimi l-appoġġ tiegħu għal approċċ ta' 'hotspot', imħabbra fl-Aġenda dwar il-Migrazzjoni, intiż biex isaħħaħ l-appoġġ operazzjonali malwasla inizjali tal-applikanti, inkluż għar-reġistrazzjoni u l-ipproċessar tal-applikazzjonijiet inizjali, anki għal dawk li mhumiex fil-bżonn ta' protezzjoni; jirrifjuta kwalunkwe miżura li de facto terġa' daħħal il-kontrolli fil-fruntiera, b'mod li jipperikola ż-żona ta' Schengen;

21.

Ifakkar l-impenn tal-Kummissjoni li tuża l-għodda kollha disponibbli, inkluż il-baġit tal-UE, biex tmexxi 'l quddiem l-impjiegi u t-tkabbir permezz tal-investiment intelliġenti fi sħubija eqreb mal-Istati Membri, il-parlamenti nazzjonali, ir-reġjuni u l-bliet għal implimentazzjoni aħjar tal-politiki eżistenti u biex titjieb l-effikaċja ta’ azzjoni fuq il-post, speċifikament fl-użu tal-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej; jenfasizza li l-politika ta' koeżjoni, bi qbil mal-proċess ta' governanza ekonomika, tibqa' s-sors ewlieni ta' tali investiment pubbliku, u għaldaqstant hu tal-fehma li għandhom jintużaw is-sinerġiji bejn il-FEIS u fondi oħrajn, speċjalment il-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej (FSIE); jappella biex jiġu esplorati sinerġiji bejn il-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej (FSIE) u l-programm qafas Orizzont 2020; iħeġġeġ il-parteċipazzjoni kruċjali ta' sħab privati u ta' investituri privati sabiex il-FEIS ikun ta' suċċess u jenfasizza l-potenzjal tiegħu għall-ħolqien ta' impjiegi; jitlob, fl-istess ħin, li jkun hemm kontroll demokratiku sħiħ tal-FEIS fil-livell tal-UE; hu tal-fehma li kwalunkwe finanzjament iddevjat mill-Orizzont 2020 u mill-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa jwassal għal ammont indaqs jew akbar ta’ investiment fir-riċerka u l-innovazzjoni, l-infrastruttura diġitali, it-trasport u l-enerġija, rispettivament, u jistieden lill-Kummissjoni taħtaf l-opportunità li ngħatatilha permezz tal-eżerċizzju ta’ rieżami obbligatorju tal-2016 biex tħejji kumpens għal dawn iż-żewġ programmi;

22.

Jitlob l-implimentazzjoni rapida tal-istrateġija tal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa, b'infrastrutturi aħjar u bi proġetti b'valur miżjud Ewropew fis-setturi tat-trasport, l-enerġija u t-telekomunikazzjoni li huma essenzjali għall-funzjonament tas-suq uniku;

23.

Jinnota li l-Kummissjoni għandha tnedi “rieżami postelettorali” sostanzjali u komprensiv tal-QFP 2014-2020 fl-2016, flimkien ma' proposta leġislattiva li temenda r-Regolament QFP, bħala mezz biex jintuża l-baġit tal-UE u b'hekk jikkontribwixxi għall-irkupru tal-ekonomija Ewropea; jinnota li reviżjoni leġiżlattiva obbligatorja tal-QFP kienet waħda mit-talbiet ewlenin tal-Parlament fin-negozjati tal-QFP; jagħti, għaldaqstant, importanza assoluta lil dan il-proċess; jesprimi li hu lest li jaħdem b'mod kostruttiv lejn is-sejbien ta' soluzzjonijiet għal numru ta' kwistjonijiet pendenti, inklużi dawk relatati mal-finanzjament tal-fond ta' garanzija FEIS;

24.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tislet lezzjonijiet mill-konklużjonijiet mistennija tal-Grupp ta' Livell Għoli dwar ir-Riżorsi Proprji sal-aħħar tal-2016, u biex tagħmel proposti konkreti tul il-mandat tagħha; itenni l-impenji tiegħu għal riforma tas-sistema tar-riżorsi proprji tal-UE qabel it-tnedija tal-QFP li jmiss;

25.

Itenni t-tħassib qawwi tiegħu dwar il-ħlasijiet arretrati akkumulati li mminaw il-kredibilità tal-UE; jilqa’ l-adozzjoni ta’ dikjarazzjoni konġunta mill-Kummissjoni, il-Kunsill u l-Parlament dwar pjan ta’ pagament għall-2015-2016 bl-għan li jitnaqqsu l-ħlasijiet arretrati għal livell sostenibbli sal-aħħar tal-2016; ifakkar lill-Kummissjoni fl-impenn tagħha li tiskrutinizza mill-qrib l-implimentazzjoni tal-programmi 2014-2020, li tistabbilixxi sistema ta’ twissija bikrija u tipproponi l-emenda tal-baġits mingħajr dewminen, jekk il-livell ta' pagamenti awtorizzati fl-2016 ma jkunx suffiċjenti;

26.

Jistieden lill-Kummissjoni tipproponi miżuri għat-titjib tal-iskambju ta' informazzjoni u għal żieda fil-kooperazzjoni operattiva bejn l-Istati Membri u mal-aġenziji tal-UE, speċjalment rigward il-kriterji ta' twissija, u biex il-ħruġ ta' twissijiet isir obbligatorju rigward persuni akkużati jew suspettati b'terroriżmu; jistieden lill-Kummissjoni tuża riżorsi tekniċi u finanzjarji sabiex tiġi żgurata koordinazzjoni fil-livell tal-UE u skambji tal-aħjar prattiki fil-ġlieda kontra l-propaganda terroristika, in-netwerks radikali u r-reklutaġġ permezz tal-Internet; jitlob b’mod partikolari, f’dan ir-rigward, li l-Europol jingħata l-mezzi kollha meħtieġa biex jiġu indirizzati t-terroriżmu u l-kriminalità organizzata skont il-mandat tiegħu;

27.

Jenfasizza li l-ilħuq ta’ ftehimiet kummerċjali ġodda huwa essenzjali għall-iżvilupp ta’ qafas ekonomiku Ewropew kompetittiv u li jħares’ il barra, u li jkun kapaċi jwassal benefiċċji tanġibbli u prezzijiet aktar baxxi għall-konsumaturi u joħloq impjiegi ġodda bil-ftuħ tas-swieq ta' pajjiżi terzi u d-diversifikazzjoni tal-esportazzjoni; ifakkar fil-fehma tiegħu li l-ftehimiet ta' kummerċ ibbilanċjati jistgħu jipprovdu regoli għall-globalizzazzjoni; jistieden lill-Kummissjoni, għaldaqstant, tiżgura li l-istandards Ewropej ma jiġux kompromessi u jenfasizza li l-kummerċ jeħtieġ li jagħti sehmu fil-ġlieda kontra l-faqar u t-tisħiħ tal-iżvilupp barra mill-UE; iqis li t-tneħħija tal-ostakli għall-kummerċ u l-investiment fid-dinja kollha għandhom għaldaqstant jibqgħu prijorità ewlenija tal-istrateġija kummerċjali tal-UE; jappoġġa l-isforzi tal-Kummissjoni fin-negozjati kummerċjali bilaterali u multilaterali li għadhom għaddejjin biex jintlaħaq eżitu pożittiv għal ftehimiet kummerċjali ta' benefiċċju reċiproku fl-2016; jenfasizza li hemm bżonn ta' sforzi sostnuti tal-UE sabiex jittieħed vantaġġ mill-proċess miftuħ fl-2013 permezz tal-pakkett ta’ Bali maqbul bħala parti min-negozjati multilaterali taċ-Ċiklu ta’ Doha li għandhom iwittu t-triq għal stabilità ekonomika dinjija; jenfasizza l-ħtieġa għall-inkorporazzjoni ta' kapitlu dwar aktar kooperazzjoni fil-ġlieda kontra l-evażjoni tat-taxxa, ir-rifuġji fiskali, il-korruzzjoni u l-ħasil tal-flus fil-kummerċ bilaterali, plurilaterali u multilaterali tal-UE;

28.

Jitlob lill-Kummissjoni timmira għal strateġija ta' politika barranija u ta' sigurtà konsistenti u koerenti li tfittex li tidentifika l-isfidi ġodda u emerġenti fl-ambjent tas-sigurtà li qed jinbidel b'mod rapidu sabiex l-UE tkun tista' tiffaċċja u tindirizza l-interessi li trid tiddefendi u l-valuri li trid tippromwovi, kif ukoll biex tipprovdi s-sigurtà għaċ-ċittadini tal-UE u biex jinħoloq ambjent għal paċi u stabilità sostnuti; ifakkar, f'dan il-kuntest, l-importanza tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali u l-bżonn li l-UE twettaq rwol importanti fid-dinja fir-rigward tal-iżvilupp, il-ħolqien tal-paċi u l-bini tal-paċi, l-għajnuna umanitarja u l-promozzjoni dinjija tad-drittijiet tal-bniedem;

IT-TIENI PARTI

Spinta ġdida għall-impjiegi, it-tkabbir u l-investiment

29.

Jistieden lill-Kummissjoni biex tissottometti proposta għall-fażi li jmiss tal-istrateġija Ewropa 2020 li tissodisfa l-isfidi tal-kompetizzjoni globali, it-tranżizzjoni tal-enerġija, ir-rivoluzzjoni diġitali u t-tendenzi demografiċi; iqis li din il-proposta għandha tgħaqqad bidla strutturali ma’ inizjattivi kbar ta’ investiment filwaqt li tibni fuq l-istrumenti eżistenti (baġit tal-UE, FEIS);

30.

Jenfasizza r-rwol essenzjali tal-infurzar tal-politika tal-kompetizzjoni fil-ħolqien ta’ kundizzjonijiet ekwi li jrawmu l-innovazzjoni, il-produttività, il-ħolqien tal-impjiegi u l-investiment mill-parteċipanti kollha fis-suq uniku u fil-mudelli kollha tan-negozju, inklużi l-SMEs; jitlob lill-Kummissjoni tinforza b'mod strett ir-regoli dwar l-antitrust, l-għajnuna mill-Istat u l-kontroll tal-fużjonijiet sabiex jinkiseb suq intern li jiffunzjona tajjeb;

31.

Jappoġġa l-iżvilupp ta' unjoni tas-swieq kapitali, filwaqt li jiġbed l-attenzjoni lejn il-ħtieġa li jiġi żgurat li r-riskji finanzjarji sistemiċi ma jiżdidux u li dan ikun mogħni bl-infrastruttura meħtieġa u s-superviżjoni msaħħa sabiex tingħata spinta lill-kreditu mhux bankarju sostenibbli u ssir promozzjoni tal-investiment fit-tul b’appoġġ għall-ekonomija reali;

32.

Jistieden lill-Kummissjoni tneħħi l-ostakli fis-suq uniku sabiex jitjieb il-finanzjar tal-kumpaniji, b’mod partikolari l-SMEs u l-mikrointrapriżi, sabiex tingħata spinta lis-settur tal-investiment privat; jitlob it-tisħiħ u l-implimentazzjoni sħiħa tar-regoli tas-suq intern tal-UE, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni biex b’mod konsistenti tiżviluppa d-dimensjoni esterna tas-suq uniku fi ħdan il-politiki kummerċjali tal-UE, bl-għan li jissaħħu l-kompetittività u l-ħarsien tal-konsumatur tal-UE filwaqt li tiġi evitata kompetizzjoni inġusta minn oġġetti u prodotti li ma jikkonformawx mal-istandards ta’ sikurezza, ambjentali u soċjali tal-UE;

33.

Jitlob li jkun hemm politika industrijali ambizzjuża tal-UE li tippermetti l-iżvilupp ta’ oġġetti ġodda u r-ristrutturar tal-proċessi industrijali permezz tal-innovazzjoni, bil-ħsieb li l-industrija tal-UE tiġi modernizzata u permezz tal-ġestjoni tat-tranżizzjoni diġitali tas-settur u l-provvista ta’ ħiliet diġitali għall-isfruttar tagħha;

34.

Iqis li l-istrateġija Ewropa 2020 li tkopri l-kompetittività, it-tkabbir u l-impjiegi, fid-dimensjoni soċjali tagħha għandha tiġi mmirata sabiex issostni u ttejjeb permezz tal-koordinazzjoni tal-politika soċjali tal-Istati Membri, fost l-oħrajn permezz ta’ punti ta’ riferiment jew, fejn ikun neċessarju, permezz ta’ leġiżlazzjoni, sett ta’ standards soċjali fundamentali bħall-kwalità tas-servizzi tal-impjieg pubbliku, għoti ta’ benefiċċji tal-qgħad marbuta ma’ miżuri ta’ attivazzjoni, aċċess għas-servizzi tal-kura tas-saħħa, servizzi għall-kura tat-tfal ta’ kwalità tajba u li wieħed ikun jista’ jaffordja, taħriġ vokazzjonali u tagħlim matul il-ħajja; huwa tal-opinjoni li l-miri soċjali tal-Ewropa 2020 u t-Tabella ta' Valutazzjoni tal-indikaturi soċjali u tal-impjieg ewlenin jistgħu jintużaw biex jimmonitorjaw l-implimentazzjoni ta’ dawn l-istandards fundamentali;

35.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiffinalizza u tippreżenta pakkett dwar il-mobilità tal-forza tax-xogħol sa tmiem is-sena, li jindirizza wkoll l-effetti negattivi tal-mobilità tal-forza tax-xogħol; jitlob ispezzjonijiet transkonfinali qawwija tax-xogħol għall-ġlieda kontra l-abbuż; iqis li l-mobilità fl-Ewropa kollha huwa dritt bażiku; jistieden lill-Kummissjoni, barra minn hekk, biex tieħu azzjoni sabiex tippromwovi l-integrazzjoni u l-impjegabilità tal-ħaddiema Ewropej; ifakkar lill-Kummissjoni dwar l-impenn tagħha rigward id-Direttiva dwar l-Istazzjonar tal-Ħaddiema;

36.

Jitlob li jkun hemm azzjoni konkreta li telimina d-diskriminazzjoni persistenti fis-suq tax-xogħol, b’mod speċjali fir-rigward ta’ ħaddiema anzjani, dawk qiegħda fit-tul, nisa, ħaddiema b’diżabilità u ż-żgħażagħ; ifakkar fil-ħtieġa li jiġu indirizzati l-problemi ta’ dawk li ilhom qiegħda fit-tul, mhux biss permezz tal-edukazzjoni u t-taħriġ iżda wkoll permezz l-inklużività tas-swieq tax-xogħol, pariri u appoġġ aħjar għal dawk li qed ifittxu xogħol, sussidji għar-reklutaġġ immirati u benefiċċji relatati max-xogħol;

37.

Jittama li l-implimentazzjoni tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ, inkluż l-appoġġ mill-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ, tibda tħalli l-frott, u jesprimi r-rieda tiegħu li jappoġġa kull inizjattiva, inkluża kwalunkwe inizjattiva finanzjarja, biex issaħħaħ dan il-programm tal-UE; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-edukazzjoni u t-taħriġ jibqgħu fost l-ogħla prijoritajiet tagħha, inkluż tfassil mill-ġdid tal-ħiliet meħtieġa għas-suq tax-xogħol attwali u futur, waqt li tiffoka fuq kwalità għolja, effikaċja, aċċessibilità u ugwaljanza; huwa tal-fehma li għandha tingħata attenzjoni partikolari għat-tagħlim tul il-ħajja, sistemi duwali, ir-rikonoxximent ta’ diplomi u l-appoġġ għal miżuri biex jitnaqqsu r-rati ta’ tluq bikri mill-iskola sabiex ikun żgurat li l-istudenti jakkwistaw il-ħiliet ta' litteriżmu bażiċi, kif definiti skont il-Programm tal-OECD għall-Valutazzjoni Internazzjonali tal-Istudenti (PISA) u skont il-kompetenzi tat-Trattat; jitlob enfasi akbar fuq il-finanzjament u l-faċilitazzjoni tal-mobilità taż-żgħażagħ, b’mod partikolari permezz ta’ apprendistati, b’mod li jippermetti l-ogħla livell ta’ ħiliet disponibbli u l-impjiegi disponibbli fis-suq uniku;

38.

Jemmen li l-aċċessibilità, l-affordabilità u l-kwalità tal-edukazzjoni u tal-kura tas-saħħa għat-tfal hija kruċjali biex jiġi żgurat li l-ebda tifel jew tifla ma jitħalla lura u jistieden lill-Kummissjoni, għaldaqstant, biex tirrifletti dwar aktar azzjonijiet li jippromwovu l-investiment soċjali, u b’mod partikolari biex jitnaqqas il-faqar fost it-tfal;

39.

Ifakkar li bilanċ xieraq bejn il-flessibilità u s-sigurtà għal min iħaddem u għall-impjegati għandhom jitqiesu fi kwalunkwe proposta leġislattiva ġdida, kif ukoll kunsiderazzjonijiet rigward ix-xogħol u kunsiderazzjonijiet soċjali, inkluż l-impatt tat-tixjiħ u tal-ħtiġijiet tal-ħiliet; jinnota li l-kunċett ta’ “ħaddiem” huwa multidimensjonali minħabba forom ġodda ta’ impjieg u impjieg indipendenti u jeħtieġ li jiġi indirizzat bl-għan li jiġu miġġielda inugwaljanzi, li jistgħu ipoġġu f’riskju l-ġustizzja u l-effikaċja tal-ekonomija tas-suq soċjali tagħna; ifakkar lill-Kummissjoni dwar it-talba tagħha għal reviżjoni tad-Direttiva 2004/37/KE dwar il-protezzjoni tal-ħaddiema mir-riskji relatati mal-karċinoġeni u l-mutaġeni fuq ix-xogħol, li kienet mistennija sal-aħħar tal-2012;

40.

Jenfasizza l-importanza li l-appoġġ li l-politika ta’ koeżjoni tagħti lill-SMEs bħala s-sinsla tat-tkabbir u l-impjiegi tal-UE, u jappella għall-istabbiliment ta’ sinerġiji bejn il-fondi tal-politika ta’ koeżjoni, il-Programm għall-Kompetittività tal-Intrapriżi u l-SMEs (COSME) u l-programm Orizzont 2020;

41.

Jenfasizza l-implimentazzjoni kontinwa tal-Orizzont 2020, partikolarment l-isforzi tiegħu lejn attenzjoni akbar biex riċerka ta’ livell dinji tiġi trasformata fi prodotti u servizzi li jistgħu jikkontribwixxu biex jagħtu l-ħajja lill-kompetittività tal-ekonomiji Ewropej;

42.

Jappella għal proposti biex jiġi żviluppat il-potenzjal tas-settur kulturali u kreattiv bħala sors ta’ impjiegi u tkabbir; jenfasizza, f’dan ir-rigward, l-importanza tal-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali (DPI) u jħeġġeġ lill-Kummissjoni ssegwi l-pjan ta’ azzjoni tagħha għall-ġlieda kontra l-ksur tad-DPI, inkluż rieżami tad-Direttiva dwar l-Infurzar tad-DPI, li hija inadegwata għall-era diġitali u insuffiċjenti biex tiġġieled kontra l-ksur onlajn, u biex tkompli wkoll il-ħidma fuq il-Green Paper dwar iċ-ċaħda tad-debitu u skemi relatati bħala dritt potenzjalment fl-UE kollha li jiġu rkuprati flus li jkunu ntużaw, intortament, għax-xiri ta’ oġġetti ffalsifikati; jistieden lill-Kummissjoni biex issaħħaħ aktar il-mandat tal-Osservatorju tal-UE dwar il-Ksur tad-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali, u jilqa’ l-ħolqien mill-Kummissjoni ta’ grupp ta’ esperti dwar l-infurzar tad-DPI;

43.

Jilqa’ l-għan tal-Kummissjoni li tirtira l-proposta għal Liġi Komuni Ewropea dwar il-Bejgħ u jenfasizza li l-proposta l-ġdida tal-Kummissjoni kif imħabbra fil-Kommunikazzjoni dwar is-Suq Diġitali Uniku għandha tiġi bbażata fuq il-pożizzjoni tal-Parlament fl-ewwel qari;

44.

Jissottolinja l-importanza ta’ settur tas-servizzi finanzjarji kompetittiv li jagħti prodotti ta’ benefiċċju u informazzjoni trasparenti lill-konsumaturi; jenfasizza li dan se jżid il-fiduċja fost il-konsumaturi fil-prodotti tas-servizzi finanzjarji;

45.

Jinsab allarmat dwar il-possibilità li ċ-Ċina għaddejja minn kriżi ekonomika u finanzjarja, b’reazzjoni għal meta nfaqgħet il-bużżieqa tas-suq azzjonarju; iwissi dwar il-konsegwenzi possibbli ta’ evidenza ta’ nuqqasijiet sistemiċi fl-istruttura Ċiniża tas-servizzi finanzjarji;

Il-ġlieda kontra l-frodi u l-evażjoni tat-taxxa

46.

Jilqa’ l-pubblikazzjoni ta’ pakkett ġdid tal-politika tat-taxxa u jitlob lill-Kummissjoni turi ambizzjoni f’li tfittex li tiżgura sistema ġusta tat-tassazzjoni, ibbażata fuq il-prinċipju li t-taxxi għandhom jitħallsu fil-pajjiż fejn jiġu ġġenerati l-profitti, filwaqt li jiġu evitati distorsjonijiet tas-suq intern u kompetizzjoni inġusta;

47.

Jilqa’ l-ħidma li saret mill-Kummissjoni u mill-Istati Membri biex jippromwovu b’mod attiv il-ġlieda kontra l-frodi tat-taxxa, l-evażjoni tat-taxxa, l-ippjanar tat-taxxa aggressiv u l-użu tar-rifuġji fiskali, permezz tal-użu tal-għarfien espert tal-OECD fit-trawwim ta’ governanza tajba fil-qasam tat-taxxa fil-fora internazzjonali kollha rilevanti;

48.

Jistieden lill-Kummissjoni biex toħroġ b’kommunikazzjoni għall-iżvilupp ta’ definizzjoni tal-UE ta’ rifuġji fiskali (ġurisdizzjonijiet li ma jikkooperawx) ibbażata fuq il-kriterji tal-OECD; jemmen li din il-politika għandha tiġi mlaqqa’ ma’ fehma ċara ta’ kif il-lista għandha tkun użata; jistieden ukoll lill-Kummissjoni biex toħroġ b’inizjattiva mtejba tal-UE dwar bażi Komuni Konsolidata tat-Taxxa Korporattiva obbligatorja, anki jekk il-parti ta’ konsolidazzjoni tkun posposta fl-ewwel stadju, li għandha tirriżulta f’implikazzjonijiet amministrattivi konsiderevoli u tinkludi reġim tranżitorju bla xkiel;

Suq uniku diġitali konness u inklużiv

49.

Ifakkar bil-qawwa lill-Kummissjoni li suq uniku diġitali (DSM) ma jkunx possibbli mingħajr mekkaniżmu xieraq biex jiskatta investimenti fil-post, u jappoġġa l-prijoritizzazzjoni tas-DSM fid-dawl tal-opportunitajiet li attivitajiet diġitali jistgħu jiġġeneraw b’referenza għall-ħolqien ta’ xogħlijiet u start-ups ġodda, it-tisħiħ tal-innovazzjoni, l-għoti ta’ spinta lill-produttività, iż-żieda tal-kompetittività, li għaldaqstant jirriżulta fi tkabbir; jenfasizza l-ħtieġa tal-appoġġ tal-iżvilupp tas-settur diġitali, li għandu jiggarantixxi lil kull ċittadin Ewropew konnessjoni bl-ogħla veloċità u bl-aktar prezz baxx possibbli;

50.

Jirrikonoxxi l-impenn tal-Kummissjoni biex tiżblokka l-potenzjal tal-ekonomija diġitali billi tikkonċentra l-approċċ tagħha fuq tliet pilastri, bl-għan li jkun hemm aċċess aħjar għall-konsumaturi u n-negozji u ambjent aħjar għall-iżvilupp tas-servizzi diġitali; jenfasizza l-ħtieġa ta’ ħidma ma’ regolaturi globali rigward il-kompetizzjoni, is-sikurezza u s-sigurtà; jinsisti dwar l-importanza tat-titjib tal-aċċess għan-netwerk għall-konnessjonijiet broadband b’veloċità għolja sabiex tiġi indirizzata d-diviżjoni diġitali; jilqa’ t-tħabbir ta’ inizjattiva Ewropea ta’ ''fluss ħieles tad-data'', li jeħtiġilha tneħħi l-ostakli eżistenti għas-suq uniku għad-data;

51.

Jappoġġa l-isforzi tal-Kummissjoni biex tikkonkludi r-Regolament tal-UE dwar il-Protezzjoni tad-Data;

52.

Jemmen li t-tneħħija tal-burokrazija żejda u mhux ġustifikata jew tal-ostakli regolatorji jew nonregolatorji sproporzjonati għas-Suq Uniku Diġitali hija wkoll meħtieġa sabiex jiġi sfruttat bis-sħiħ il-potenzjal ta’ trasformazzjoni diġitali tal-industrija u l-kummerċ elettroniku transkonfinali; jemmen li miżuri aktar immirati jistgħu jiġu kkunsidrati sabiex tinbena fiduċja tal-konsumatur akbar u tiżdied il-protezzjoni tad-data fix-xiri ta’ beni u servizzi diġitali madwar l-UE, peress li t-tnejn huma vitali sabiex l-Ewropej ikollhom fiduċja fis-Suq Uniku Diġitali bħala parti mid-diġitalizzazzjoni tal-ħajja tagħhom ta’ kuljum;

53.

Jitlob lill-Kummissjoni tqis il-konverġenza kontinwa tat-teknoloġija fir-reviżjoni tad-Direttiva dwar is-Servizzi tal-Midja Awdjoviżiva (AVMS) billi tagħmel rakkomandazzjonijiet xierqa biex taġġusta u tivvalida għall-futur il-qafas regolatorju; jistieden lill-Kummissjoni tkompli tippromwovi l-industriji kulturali u kreattivi u tappoġġa u tippromwovi l-istabbiliment tas-Sena Ewropea għall-Wirt Kulturali; jenfasizza, f’dan ir-rigward, li s-settur kulturali u kreattiv jammonta għal sa 4,5 % tal-PDG tal-UE u sa 8,5 miljun impjieg, u għaldaqstant mhux biss hu essenzjali għad-diversità kulturali iżda wkoll jikkontribwixxi b’mod sinifikanti għall-iżvilupp soċjali u ekonomiku fl-UE kollha;

54.

Jittama li jkun hemm rieżami ambizzjuż tad-Direttiva Servizz Universali biex taġġorna d-drittijiet tal-utenti finali;

Id-Dritt tal-Awtur

55.

Jitlob sforzi ulterjuri għall-iżvilupp u l-immodernizzar tal-liġijiet tal-UE dwar il-proprjetà intellettwali, b’mod partikolari fil-qasam tad-drittijiet tal-awtur, sabiex jintgħamlu xierqa għall-era diġitali u jiġi ffaċilitat l-aċċess transkonfinali għall-kontenut kreattiv skont kundizzjonijiet ġusti u raġonevoli madwar l-UE, u b’hekk tiġi maħluqa ċertezza ġuridika waqt li d-drittijiet tal-awturi u l-artisti tal-ispettaklu jiġu mħarsa; l-iżgurar ta’ remunerazzjoni adegwata u l-indirizzar tal-piraterija diġitali dwar il-valur u l-impjieg fis-setturi kulturali u kreattivi; jistieden lill-Kummissjoni biex tibbaża kwalunkwe inizjattiva leġislattiva għall-modernizzazzjoni tad-drittijiet tal-awtur fuq evidenza indipendenti; iqis li d-drittijiet tal-awtur għandhom iżommu l-funzjoni primarja tagħhom, jiġifieri li jippermettu li l-awturi jiġu kkumpensati għall-isforzi tagħhom permezz ta’ oħrajn li jużaw ħidmiethom; jenfasizza l-fatt li l-kontribut importanti ta’ metodi tradizzjonali ta’ promozzjoni tal-kultura reġjonali u Ewropea m’għandux ikun imxekkel minn proposti ta’ modernizzazzjoni jew riforma;

Unjoni tal-Enerġija reżiljenti li tħares 'il quddiem fil-politika dwar it-tibdil fil-klima

56.

Jissottolinja l-fatt li l-Unjoni tal-Enerġija tista’ tinkiseb permezz ta’ azzjoni msaħħa tal-UE fl-oqsma segwenti: suq intern tal-enerġija kompetittiv, sistema Ewropea ta’ governanza b’saħħitha, riċerka u innovazzjoni, investimenti ġodda li jtejbu l-infrastruttura u l-interkonnetturi transkonfinali li jressqu s-sostenibilità u s-sigurtà lejn tranżizzjoni ta’ enerġija li tagħti spinta lit-tkabbir u lill-ħolqien tax-xogħol u li, fit-tul, toffri prezzijiet tal-enerġija li jistgħu jintlaħqu għad-djar u għall-industrija u għalhekk tipprevjeni u tindirizza il-faqar enerġetiku;

57.

Jitlob il-promozzjoni ta’ investiment ekoloġiku, fosthom permezz tal-pjan ta’ investiment strateġiku, u għal qafas tal-politika fit-tul u stabbli għall-promozzjoni ta’ ekonomija effiċjenti fl-użu tar-riżorsi u b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju, li jsaħħu l-objettivi tal-UE għal tnaqqis fl-emissjonijiet ta’ CO2, li jżidu s-sehem tas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli u li jtejbu l-effiċjenza tal-enerġija, li jinvolvu investiment fi grilja elettrika pan-Ewropea u enfasi fuq il-bini bbażat b’mod aktar sħiħ fuq sorsi ta’ enerġija rinnovabbli;

58.

Jistieden lill-Kummissjoni tinvolvi lill-Parlament bis-sħiħ fi sforzi komuni għall-ġlieda kontra t-tisħin globali, filwaqt li tiżgura li titqies l-azzjoni klimatika fil-politiki kollha tal-UE billi jiġu adattati għar-realtajiet tat-tibdil fil-klima, u jitlob għal proposti leġiżlattivi sabiex jiġi impliment il-pakkett tal-klima u l-enerġija 2030 skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja;

59.

Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura l-implimentazzjoni sħiħa tad-Direttiva (2009/28/KE), dwar l-Enerġija Rinnovabbli, flimkien ma’ proposti għal regolamentazzjoni effikaċi, anki mill-Parlament, sabiex ikunu jistgħu jintlaħqu l-objettivi ambizzjużi għall-enerġija rinnovabbli;

60.

Jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta għadd ta’ inizjattivi sabiex jiġi stabbilit qafas ambizzjuż għall-klima u l-enerġija għall-2030 bħala l-kontribut min-naħa tal-UE għall-konklużjoni ta’ ftehim globali dwar il-klima qabel is-summit f’Pariġi dwar il-Konvenzjoni Qafas tan-NU dwar it-Tibdil fil-Klima; jenfasizza l-importanza tal-ħolqien ta’ momentum lejn ftehim robust, universali, ġust u legalment vinkolanti; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li jingħata segwitu xieraq għal-laqgħa ta’ Pariġi u tressaq proposti leġiżlattivi li jiżguraw ratifika f’waqtha tal-Ftehim;

61.

Jitlob proposta leġiżlattiva dwar id-distribuzzjoni tal-miri għall-2030 tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra fis-settur li ma jaqax taħt l-ETS, u jitlob rieżami tal-qafas leġiżlattiv għall-effiċjenza enerġetika, inkluż ir-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija, id-Direttiva dwar l-Effiċjenza fl-Enerġija, u aspetti oħra relatati mal-governanza tal-qafas tal-2030, u reviżjoni tad-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli;

62.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni wkoll biex tagħti prijorità lill-indipendenza ġeopolitika tal-UE permezz ta’ pożizzjonijiet unifikati ta’ negozjar tal-UE fir-rigward ta’ pajjiżi terzi, fosthom permezz tar-reviżjoni f’waqtha tar-Regolament tas-Sigurtà tal-Provvista tal-Gass u tad-deċiżjoni biex jiġi stabbilit mekkaniżmu ta’ skambju ta’ informazzjoni fir-rigward ta’ ftehimiet intergovernattivi fil-qasam tal-enerġija; jisħaq fuq l-importanza tal-affordabilità, is-sostenibilità u s-sigurtà tal-provvista tal-enerġija; jenfasizza li filwaqt li d-dritt ta’ kull Stat Membru biex jiddeċiedi t-taħlita tiegħu ta’ sorsi ta’ enerġija; huwa garantit mit-Trattat, il-kooperazzjoni reġjonali (eż. fir-reġjuni Baltiku, ir-reġjun tax-Xlokk tal-Ewropa, ir-reġjun tal-Punent tal-Ewropa u l-Ewropa Ċentrali, u r-reġjun tal-Baħar tat-Tramuntana) tagħti lok għal iffrankar tal-ispejjeż u benefiċċji għas-sistema tal-enerġija Ewropea;

Kwistjonijiet ambjentali u ta’ saħħa

63.

Jilqa’ l-proposta tal-Kummissjoni dwar il-Pakkett dwar il-Kwalità tal-Arja u l-implimentazzjoni tar-Regolament REACH; jitlob approċċ aktar bilanċjat lejn miżuri ta’ ekodiżinn abbażi tal-potenzjal tagħhom ta’ konservazzjoni tal-enerġija u tar-relevanza tas-suq; jappoġġa bil-qawwa tikkettar tal-enerġija ċar bil-għan li jagħti għażla lill-konsumaturi, u jħeġġeġ proposta ġdida dwar il-Pakkett tal-Ekonomija Ċirkolari; jemmen li l-investiment u l-inċentiv ta’ bidla lejn ekonomija ċirkolari jistgħu jappoġġaw l-aġenda tal-Kummissjoni dwar l-impjiegi, it-tkabbir u l-kompetittività, u, permezz tat-tnaqqis tad-dipendenza tal-UE fuq materja prima importata, għandhom il-potenzjal li joħolqu sitwazzjoni li minnha jibbenefikaw il-partijiet ikkonċernati kollha involuti, bil-ħsieb li javvanzaw it-tranżizzjoni lejn ekonomija ċirkolari permezz ta’ manifattura f’ċirku magħluq u żvilupp sostenibbli tal-prodotti;

64.

Jitlob li jkun hemm segwitu komprensiv għar-rieżami ta’ nofs it-term tal-Istrateġija tal-Bijodiversità tal-UE u r-rapport tal-Kummissjoni bit-titolu “L-Istat tan-Natura fl-Unjoni Ewropea”, bil-għan li jiġu indirizzati n-nuqqasijiet, tkun żgurata l-implimentazzjoni sħiħa tal-istrateġija u jinkisbu l-miri tal-UE dwar il-bijodiversità; jenfasizza b’mod ġenerali li dan il-proċess m’għandux jittieħed bħala pretest biex jitbaxxa l-livell tal-ambizzjoni fi kwistjonijiet ta’ importanza vitali għall-ħarsien tal-ambjent;

65.

Jistenna li l-Kummissjoni tirrifletti dwar l-isfidi attwali fl-oqsma tal-ambjent u tas-saħħa, fejn l-istat tal-ambjent jolqot b’mod negattiv is-saħħa tal-bniedem, u li tagħmel progress fl-istrateġiji ppjanati, b’mod partikolari kriterji orizzontali b’bażi xjentifika għall-interferenti endokrinali, imsemmija fis-Seba’ Programm ta’ Azzjoni Ambjentali; jisħaq fuq il-ħtieġa għal pass ’il quddiem fil-Valutazzjoni tat-Teknoloġija Ewropea tas-Saħħa (HTA) fil-livell tal-UE li ma toħloqx livell żejjed ta’ piż amministrattiv, kif ukoll il-ħtieġa li tiġi indirizzata r-reżistenza għall-antimikrobiċi; jistenna l-leġiżlazzjoni sekondarja prevista taħt id-Direttiva dwar il-Prodotti tat-Tabakk; jisħaq fuq il-ħtieġa għal rieżami urġenti tad-Direttiva dwar it-Tessuti u ċ-Ċelloli, biex din tilħaq il-konformità mal-prinċipju ta’ donazzjoni bla ħlas, u r-Regolament dwar Terapiji Avvanzati, li jeħtieġ li jsir aktar applikabbli għall-SMEs;

66.

Jisħaq fuq l-importanza li jiġi żgurat li kwalunkwe inizjattiva jew reviżjoni proposta mill-Kummissjoni fil-qasam tas-saħħa u tas-sikurezza tal-ikel tkun ibbażata fuq provi xjentifiċi b’saħħithom;

Settur tat-trasport integrat u effiċjenti

67.

Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura monitoraġġ aħjar u implimentazzjoni korretta tal-politika tan-Netwerk tat-Trasport Trans-Ewropew (TEN-T), mill-ippjanar sal-implimentazzjoni; jisħaq fuq il-ħtieġa biex il-kurituri tan-netwerk TEN-T jinġiebu ’l-quddiem bil-għan li n-netwerks tat-trasport tar-reġjuni tal-UE kollha jiġu konnessi, tittejjeb l-infrastruttura u jitneħħew l-ostakli, speċjalment bejn il-Lvant u l-Punent; jisħaq fuq l-importanza ta’ implimentazzjoni sħiħa tal-programm ta’ azzjoni NAIADES II;

68.

Jitlob miżuri konkreti li jiżguraw l-aċċessibilità ta’ trasport pubbliku effiċjenti, l-iżvilupp ta’ soluzzjonijiet intelliġenti u innovattivi, u l-mobilizzazzjoni ta’ riżorsi finanzjarji għal mobilità urbana sostenibbli u infrastrutturi ta’ sistemi ta’ trasport interkonnessi, inkluż trasport sostenibbli b’teknoloġija innovattiva u sostenibbli u karburanti alternattivi;

69.

Jitlob li jiġi determinat prezz ġust u effiċjenti għal trasport sostenibbli permezz tar-reviżjoni tad-Direttiva Eurovignette u l-qafas għall-promozzjoni ta’ Servizz Ewropew ta’ Pedaġġ Elettroniku, it-tfassil ta’ pjan direttur għall-istabbiliment tas-Sistemi Kooperattivi tat-Trasport Intelliġenti, rieżami tad-Direttiva dwar il-Promozzjoni ta’ Vetturi ta’ Trasport bit-Triq Nodfa u Effiċjenti fl-Enerġija u rieżami tar-regoli tal-aċċess għas-suq għat-trasport bit-triq bil-ħsieb li tittejjeb l-effiċjenza enerġetika tiegħu;

70.

Jistieden lill-Kummissjoni tesplora modi biex tiżgura kompetizzjoni ġusta bejn l-operaturi tat-trasport u tindirizza l-kundizzjonijiet tax-xogħol għall-ħaddiema tat-trasport bit-triq u ttejjeb is-sikurezza fit-triq;

71.

Jenfasizza li, fir-rigward tal-Pakkett tal-Avjazzjoni, strateġija għall-kompetittività, reviżjoni tar-Regolament (KE) Nru 868/2004, li jikkonċerna prezzijiet inġusti fl-avjazzjoni, u reviżjoni tar-Regolament dwar l-Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni (Regolament (KE) Nru 216/2008), huma prijoritajiet ewlenin;

Politiki fil-qasam tal-agrikoltura u tas-sajd

72.

Jilqa’ l-impenn tal-Kummissjoni favur is-simplifikazzjoni, kif ukoll il-kontroll tal-idoneità propost u l-evalwazzjoni tal-PAK bil-għan li titnaqqas il-burokrazija żejda u jitneħħew il-piżijiet regolatorji; jitlob proposta li tiffaċilita l-implimentazzjoni tar-riforma bil-għan li jiġi żgurat li l-piż amministrattiv għall-bdiewa u l-awtoritajiet tal-Istati Membri jinżamm fil-minimu assolut; jissottolinja l-ħtieġa li jiġi żgurat ir-rwol vitali tal-PAK fl-iżgurar li s-sikurezza tal-ikel tiġi ppreservata, jiġi stimulat it-tkabbir tal-esportazzjoni fl-industrija agroalimentari tal-UE u l-iżvilupp ta’ swieq ġodda, il-ħarsien ta’ aċċess ġust għall-esportaturi, u jisħaq fuq il-fatt li l-istandards għoljin ħafna tal-UE dwar is-sikurezza tal-ikel u s-saħħa m’għandhomx jiġu kompromessi; jitlob li l-konnessjonijiet bejn ir-riċerka, il-bdiewa u l-industrija jissaħħu permezz tal-innovazzjoni;

73.

Jistieden lill-Kummissjoni tgħin lill-bdiewa jantiċipaw il-kriżijiet fis-suq, permezz ta’ għodod ġodda u b’saħħithom maħsuba biex jevitaw it-telf ta’ introjtu, kif ukoll billi tikkomunika t-tibdil fil-kundizzjonijiet tas-suq permezz ta’ informazzjoni preċiża u, jekk jista’ jkun, f’ħin reali;

74.

Jisħaq fuq il-ħtieġa li jittieħdu miżuri b’saħħithom biex jiġu indirizzati l-iżbilanċi fil-katina tal-provvista tal-ikel, b’mod partikolari biex jiġu żgurati ġustizzja u trasparenza fir-relazzjoni bejn il-produtturi primarji, il-proċessuri, il-fornituri u d-distributuri, u jistieden lill-Kummissjoni tinvestiga l-iżbilanċ fil-katina tal-provvista u r-rwol sostenibbli tal-produttur primarju fil-katina;

75.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tressaq pjanijiet ta’ ġestjoni pluriennali, li huma waħda mill-għodod ewlenin għall-implimentazzjoni tal-PKS riformata bil-għan li jsir sfruttament sostenibbli tar-riżorsi tas-sajd, kif ukoll il-qafas leġiżlattiv dwar il-miżuri tekniċi, li huwa diġà mistenni fl-2015, skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja;

76.

Jitlob lill-Kummissjoni, bħala parti mill-istrateġija Ewropa 2020 għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv, tkompli bl-isforzi tagħha biex toħloq l-impjiegi billi tapplika l-kunċett ta’ ekonomija ċirkolari u tistabbilixxi sinerġiji fis-settur tal-baħar u s-settur marittimu b’mod ġenerali (tkabbir blu);

77.

Jenfasizza li r-regolament dwar il-ġlieda kontra s-sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat (sajd IUU) kien suċċess u għandu jkompli jiġi implimentat fl-2016, b’mod partikolari kontra pajjiżi li ma jikkooperawx u l-organizzazzjonijiet kollha li jikkontribwixxu għas-sajd IUU; jitlob lill-Kummissjoni tiżgura l-koerenza tal-politiki kollha tal-UE, fosthom il-PKS u l-politika kummerċjali;

78.

Jisħaq li l-objettiv li jkun hemm ekotikketta unika Ewropea għall-prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura jrid jiġi segwit permezz ta’ rapport;

Unjoni Ekonomika u Monetarja aktar profonda u aktar ġusta

79.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex, bl-użu tal-metodu Komunitarju, tagħti segwitu għar-“rapport tal-ħames Presidenti” u tippreżenta pjan ta' azzjoni ambizzjuż li jressaq il-miżuri kollha meħtieġa biex l-Unjoni Ekonomika u Monetarja (UEM) issir aktar reżiljenti u tinbidel f'qafas għal koordinazzjoni aħjar u konverġenza strutturali msaħħa;

80.

Jistieden lill-Kummissjoni tieħu miżuri biex ittejjeb l-implimentazzjoni mill-Istati Membri tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż, u biex tħaffef u tinforza l-implimentazzjoni ta' riformi strutturali u investimenti mmirati biex jimmodernizzaw l-ekonomija tal-UE, bl-użu tal-għodod previsti fis-“Six-Pack” u fit-“Two-Pack”, u fil-leġiżlazzjoni ta' governanza ekonomika; jistieden lill-Kummissjoni tqis b’mod xieraq id-dmirijiet u s-setgħat tagħha taħt il-leġiżlazzjoni “Two-Pack” meta tindirizza pajjiżi taħt sorveljanza msaħħa jew taħt programm ta’ aġġustament makroekonomiku;

Politiki tal-kummerċ internazzjonali

81.

Ifakkar il-fehma tiegħu li ftehimiet ta' kummerċ ibbilanċjati jistgħu jipprovdu regoli għall-globalizzazzjoni; jistieden lill-Kummissjoni, għalhekk, tiżgura li l-istandards Ewropej ma jiġux kompromessi u jenfasizza li l-kummerċ jeħtieġ li jagħti sehmu fil-ġlieda kontra l-faqar u t-tisħiħ tal-iżvilupp barra mill-UE; iqis li t-tneħħija tal-ostakli għall-kummerċ u l-investiment fid-dinja kollha tibqa’ prijorità ewlenija tal-istrateġija kummerċjali tal-UE; jinnota, f'dan ir-rigward, li r-rapport tal-Kummissjoni dwar l-Ostakli għall-Kummerċ u l-Investiment 2014 jindika ostakli sinifikanti u mhux ġustifikati fir-relazzjonijiet kummerċjali tal-UE ma' pajjiżi terzi ewlenin; itenni, għalhekk, l-appell tiegħu lill-Kummissjoni biex tissokta b'din l-aġenda u tiġġieled kontra l-miżuri protezzjonisti mhux ġustifikati;

82.

Jinnota l-importanza tal-Ftehim dwar is-Sħubija Trans-Atlantika ta’ Kummerċ u ta’ Investiment (TTIP); ifakkar lill-Kummissjoni fl-importanza tal-kooperazzjoni, tat-trasparenza u tal-iskambju ta' informazzjoni mal-Parlament tul il-proċess kollu;

Kwistjonijiet oħra dwar il-kummerċ

83.

Jistieden lill-Kummissjoni tantiċipa r-reviżjoni tar-Regolament dwar arranġamenti tranżitorji għal trattati bilaterali ta' investiment ipprogrammata għall-2020 b'mod li toħloq l-istrumenti meħtieġa biex jittieħdu miżuri addizzjonali fl-elaborazzjoni tal-politika tal-UE dwar l-investiment;

84.

Jitlob lill-Kummissjoni tkompli bil-ħidma tagħha lejn ftehimiet ta' kummerċ ħieles ġodda u riveduti, u jilqa' l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tipproponi abbozzi ta' direttivi lill-Istati Membri għall-modernizzazzjoni tal-ftehimiet eżistenti mal-Messiku, maċ-Ċilì u mat-Turkija;

85.

Jinnota bi tħassib in-nuqqas ta' progress lejn ftehim ta' kummerċ ħieles bejn l-UE u l-Indja, u jappella biex il-Kummissjoni tagħmel aktar sforzi biex jingħelbu l-ostakli attwali fin-negozjati;

86.

Jenfasizza li l-multilateraliżmu jrid jbqa’ jikkostitwixxi objettiv essenzjali tal-politika kummerċjali tal-UE, u jistieden lill-Kummissjoni timpenja ruħha biex tilħaq ftehim fl-Għaxar Laqgħa Ministerjali tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) f'Nairobi f'Diċembru 2015;

Żona ta' ġustizzja u drittijiet fundamentali bbażata fuq il-fiduċja reċiproka

87.

Jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra li tindirizza n-nuqqasijiet u l-lakuni fl-applikazzjoni tal-Artikolu 2 tat-TUE u l-valuri li fuqhom hija msejsa l-UE, b’mod partikolari r-rispett għad-dinjità tal-bniedem, il-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-drittijiet ta’ persuni li jappartjenu għal minoranzi, fost oħrajn permezz ta’ mekkaniżmu vinkolanti li jistrieh fuq sett ta' indikaturi oġġettivi, biex b’hekk tippermetti rispons gradwali għall-ksur ta’ dawn il-valuri, kemm fil-livell tal-UE kif ukoll fil-livell tal-Istati Membri; ifakkar li r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem ser ikollu jiġi implimentat b'mod effikaċi permezz tal-konformità mad-dispożizzjonijiet kollha tat-Trattati li jirrigwardaw id-demokrazija;

88.

Jappella li jiġi finalizzat ftehim komprensiv u eżawrjenti dwar il-protezzjoni tad-data bejn l-UE u l-Istati Uniti u li r-reviżjoni tal-prinċipji li jipprovdu livell ta' protezzjoni xieraq (Safe Harbour) ikunu konformi u ma jippermettu l-ebda lakuna legali, bis-saħħa ta' Pakkett dwar il-Protezzjoni tad-Data ambizzjuż tal-UE li jistabbilixxi qafas leġiżlattiv ġdid fil-livell tal-UE għall-protezzjoni ta' data personali;

89.

Jistieden lill-Kummissjoni tirrieżamina r-Regolament Brussell IIA dwar il-kwistjonijiet ta' kunflitt tal-liġijiet fid-dritt tal-familja bejn l-Istati Membri; iħeġġeġ lill-Kummissjoni, għaldaqstant, tipprevjeni s-“sekwestru ta' minuri” internazzjonali permezz ta' skema ta' medjazzjoni u tippromwovi taħriġ speċifiku għal medjaturi u mħallfin li jittrattaw proċedimenti transnazzjonali li jinvolvu t-tfal, u jinkoraġġixxi lill-Istati Membri jiċċentralizzaw il-każijiet ta' sekwestru ta' minuri fi qrati speċjalizzati;

90.

Jilqa' l-adozzjoni tal-Aġenda Ewropea dwar is-Sigurtà għall-perjodu 2015-2020 u l-prijoritajiet stabbiliti fl-oqsma tal-ġlieda kontra t-terroriżmu, il-kriminalità organizzata transfruntiera u ċ-ċiberkriminalità, u jappoġġa bi sħiħ l-impenn tal-Kummissjoni fl-Istrateġija ta' Sigurtà Interna sabiex tgħin fl-indirizzar tat-theddid għas-sigurtà interna tal-Istati Membri fir-rigward tal-ġellieda barranin u t-terroriżmu; jenfasizza li l-UE għandha taċċetta t-theddida li qiegħda dejjem tikber ta' terroriżmu nazzjonali minn “ġellieda barranin”, partikolarment minn individwi li jivvjaġġaw lejn stat ieħor, li ma jkunx l-istat ta' residenza jew nazzjonalità tagħhom, bl-għan li jwettqu, jippjanaw, jew jippreparaw atti terroristiċi jew biex jipprovdu jew jirċievu taħriġ terroristiku, inkluż b'rabta ma' kunflitti armati; jaqbel li l-prevenzjoni tal-estremiżmu vjolenti għandha tkun prijorità għall-UE;

91.

Jistieden lill-Kummissjoni timpedixxi l-moviment ta' terroristi individwali permezz tat-tisħiħ tal-kontrolli fil-fruntieri esterni, il-kontroll aktar sistematiku u effikaċi tad-dokumenti tal-ivvjaġġar, il-ġlieda kontra t-traffikar illegali tal-armi u l-użu frodulenti tal-identità, kif ukoll l-identifikazzjoni ta' żoni ta' riskju; jistenna l-proposta l-ġdida tal-Kummissjoni dwar il-Pakkett Fruntieri Intelliġenti;

92.

Jistieden lill-Kummissjoni tieħu azzjoni dwar skambju aħjar tal-informazzjoni bejn l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi tal-Istati Membri u l-aġenziji tal-UE; jistieden lill-Kummissjoni tgħin fit-titjib, l-intensifikazzjoni u l-aċċelerazzjoni tal-kondiviżjoni tal-informazzjoni fl-infurzar tal-liġi u jappella għal kooperazzjoni operattiva aktar effikaċi fost l-Istati Membri permezz ta' kondiviżjoni aktar rapida u effiċjenti ta' data u informazzjoni relevanti, b'rispett sħiħ għad-drittijiet fundamentali u l-prinċipji tal-protezzjoni tad-data;

93.

Jinnota l-proposti tal-Kummissjoni fl-Aġenda Ewropea dwar is-Sigurtà dwar il-ġlieda kontra ċ-ċiberkriminalità, u jinnota li orġanizzazzjonijiet terroristiċi qegħdin jużaw dejjem aktar it-teknoloġija tal-internet u tal-komunikazzjoni sabiex jippjanaw attakki, ixerrdu l-propoganda u jiġbru fondi; jistieden lill-Kummissjoni tħeġġeġ lill-kumpaniji tal-Internet u tal-midja soċjali jaħdmu flimkien mal-gvernijijet u mal-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi sabiex jiġġieldu din il-problema, filwaqt li jiġi żgurat li jiġu rrispettati bi sħiħ id-drittjiet fundamentali u l-istat tad-dritt;

94.

Jistieden lill-Kummissjoni tressaq proposta dwar riforma tal-Mandat ta' Arrest Ewropew;

95.

Itenni li l-Kummissjoni għandha tiżgura li jkun hemm implimentazzjoni sħiħa tal-leġiżlazzjoni tal-UE fi żmien l-iskadenzi tat-traspożizzjoni, u jistieden lill-Kummissjoni biex tieħu miżuri xierqa kontra dawk l-Istati Membri li naqsu milli jittrasponu kif suppost id-Direttiva 2011/93/UE dwar l-abbuż sesswali tat-tfal; jistieden lill-Kummissjoni tkompli u tintensifika l-isforzi tagħha sabiex tassigura identifikazzjoni u protezzjoni aħjar tal-minuri kontra ċ-ċiberpredaturi;

96.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tqis l-opinjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-progress lejn l-adeżjoni tal-UE għall-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u tindirizza l-sfidi ġuridiċi li għad fadal;

97.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tkompli tiżgura l-implimentazzjoni tajba tal-leġiżlazzjoni tal-UE fil-qasam tal-ġustizzja u taħdem b'mod aktar sistematiku dwar il-kooperazzjoni ġudizzjarja f'materji ċivili u kriminali;

98.

Jistieden lill-Kummissjoni tgħin lill-UE tippromwovi d-djalogu b'mod attiv permezz ta' sħubija globali kontra t-terroriżmu, billi taħdem mill-qrib ma' atturi reġjonali bħalma huma l-Unjoni Afrikana, il-Kunsill ta' Kooperazzjoni tal-Golf u l-Lega Għarbija, u b'mod partikolari mal-pajjiżi ġirien tas-Sirja u l-Iraq u l-pajjiżi li ntlaqtu b'mod drammatiku mill-kunflitt, bħall-Ġordan, il-Libanu u t-Turkija, kif ukoll man-NU, in-NATO, u b'mod speċjali l-Kumitat tan-NU Kontra t-Terroriżmu;

99.

Jappoġġa bis-sħiħ l-azzjoni biex tintemm kull forma ta' diskriminazzjoni, u jistenna li l-Kummissjoni tressaq inizjattivi għat-tisħiħ tal-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni abbażi ta' sess, oriġini razzjali jew etnika, orjentament sesswali, reliġjon jew twemmin, diżabbiltà jew età;

100.

Jissottolinja l-fatt li ż-żieda fir-razziżmu u l-ksenofobija fl-Ewropa hija waħda mill-isfidi ewlenin għall-UE peress li tikkostitwixxi theddida kontra d-demokrazija u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem; jitlob, għaldaqstant, lill-Kummissjoni biex tressaq inizjattivi għall-ġlieda kontra r-razziżmu u l-ksenofobija fl-UE;

101.

Jieħu nota tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tirtira l-proposta tagħha għar-reviżjoni tad-Direttiva 92/85/KEE dwar is-sikurezza u s-saħħa okkupazzjonali tal-ħaddiema nisa tqal, u tar-rieda tal-Kummissjoni li twitti t-triq għal inizjattiva ġdida li jista’ jintlaħaq ftehim dwarha u li tista’ twassal għal titjib reali fil-ħajjiet tal-ġenituri li jaħdmu u tal-persuni li jindokraw, bil-għan li tirrikonċilja aħjar il-ħajja professjoni, il-ħajja tal-familja u l-ħajja privata, tiffaċilita l-parteċipazzjoni femminili fis-suq tax-xogħol, tipprovdi protezzjoni minima lill-ommijiet u tnaqqas l-inugwaljanzi bejn l-irġiel u n-nisa;

102.

Jistenna li l-Kummissjoni tagħmel l-2017 bħala s-sena għall-eliminazzjoni tal-vjolenza kontra n-nisa u ssaħħaħ l-isforzi tagħha biex tipprevjeni u tiġġieled it-traffikar tal-bnedmin u l-protezzjoni tal-vittmi ta' dan it-traffikar; jistieden lill-Kummissjoni, f'dan ir-rigward, tniedi l-proċedura għall-adeżjoni tal-UE għall-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Prevenzjoni u l-Ġlieda Kontra l-Vjolenza fuq in-Nisa u l-Vjolenza Domestika (il-Konvenzjoni ta' Istanbul); jistieden ukoll lill-Kummissjoni tadotta strateġija separata ġdida għad-drittijiet tan-nisa u għall-ugwaljanza bejn is-sessi fl-Ewropa għall-2015-2020, immirata sabiex toħloq opportunitajiet indaqs, tnaqqas id-differenzi tal-ġeneri fir-rigward tal-pagi, il-faqar u l-pensjonijiet, u tikkumbatti l-vjolenza kontra n-nisa; jinsisti fuq il-bżonn li l-bilanċ bejn is-sessi jiġi ndirizzat aktar f'termini ta' impenn fi ħdan il-proċess ta' teħid ta' deċiżjonijiet ekonomiċi, u jistieden lill-Kummissjoni tindirizza l-fatturi li jiskoraġġixxu lin-nisa milli jidħlu fl-intraprenditorija;

Approċċ olistiku għall-migrazzjoni u l-asil

103.

Itenni t-talba tiegħu għal approċċ komprensiv u globali għall-politika dwar l-asil u l-migrazzjoni; jenfasizza l-ħtieġa li tiġi provduta sikurezza għal dawk li jfittxu asil meta jitolbu l-istatus ta’ rifuġjati u li titneħħa l-ħtieġa li r-rifuġjati jagħżlu rotot riskjużi lejn l-UE, li jiġu indirizzati l-kawżi fundamentali tal-migrazzjoni irregolari u u li jiġu miġġielda b’mod effiċjenti t-traffikanti tal-migranti, li jissaħħu s-solidarjetà u l-kondiviżjoni tar-responsabbiltà bejn l-Istati Membri kollha; jappoġġa l-bżonn li l-migrazzjoni tkun marbuta mal-politika esterna tal-UE permezz ta' kooperazzjoni ma' pajjiżi ta' oriġini u pajjiżi ta' tranżitu; jappoġġa l-proposta tal-Kummissjoni li toffri għajnuna umanitarja; jenfasizza l-ħtieġa għal aktar azzjoni fir-rigward tat-traġedji reċenti fil-Mediterran, sabiex jiġi prevenut li jintilfu aktar ħajjiet fuq il-baħar; jitlob li l-isfidi fuq perjodu ta’ żmien medju u twil jiġu ffaċċjati u li jiġi żviluppat rispons komprensiv, kif definit fl-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni; jenfasizza li d-Direttiva dwar il-Karta Blu tal-UE għandha tiġi riveduta biex toffri l-prospettiva ta’ migrazzjoni legali lejn l-UE;

104.

Jissottolinja li jinsab lest jaffronta l-iskema l-ġdida ta' rilokazzjoni b'emerġenza fl-ambitu ta' proċedura rapida, u jiddikjara l-intenzjoni tiegħu li jipproċedi bil-miżuri l-oħra kollha proposti mill-Kummissjoni b'mod parallel, bil-għan li jiżgura li l-Istati Membri ma jdewmux l-iskema ta' rilokazzjoni permanenti; ifakkar lill-Kunsill li l-Parlament jaqbel bis-sħiħ ma' mekkaniżmu ta' rilokazzjoni vinkolanti bbażat fuq kriterji ċari u definiti sew u li jqis il-preferenzi tar-rifuġjati;

105.

Jistieden lill-Kummissjoni tindirizza n-nuqqasijiet fir-rigward tal-kwalità tal-kundizzjonijiet ta' detenzjoni u l-proċeduri tal-asil fl-UE, li t-tnejn li huma għandhom impatt sinifikanti fuq l-indirizzar effikaċi u effiċjenti tal-pressjonijiet migratorji; jappoġġja l-proposti tal-Kummissjoni biex tingħata għajnuna msaħħa min-naħa tal-Aġenzija Ewropea għall-Ġestjoni ta' Kooperazzjoni Operazzjonali fil-Fruntieri Esterni tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea (FRONTEX) u l-Uffiċċju Ewropew ta' Appoġġ fil-qasam tal-Asil (EASO) lill-Istati Membri li huma fuq quddiem fl-akkoljenza, sabiex jintlaħaq dan l-objettiv;

106.

Jilqa' l-proposta tal-Kummissjoni li tiżdied l-effiċjenza tas-sistema tar-ritorn għal dawk li ma jkunux kisbu asil; iħeġġeġ lill-Kummissjoni, madankollu, tressaq proposta dwar politika ta' ritorn rapidu wara l-evalwazzjoni u r-rieżami tal-miżuri eżistenti, pereżempju biex tinkludi f'dan il-qafas l-għajnuna msaħħa tal-FRONTEX; jinsisti li kwalunkwe azzjoni ta’ ritorn għandha titwettaq b’rispett sħiħ għad-drittijiet fundamentali;

Attur globali aktar b'saħħtu

107.

Jenfasizza l-importanza li l-politika ta' sigurtà u ta' difiża komuni (PSDK) tintrifed b'suq intern ġenwin għad-difiża u s-sigurtà, kooperazzjoni approfondita fost l-industriji tad-difiża Ewropej, bażi industrijali u teknoloġika tad-difiża Ewropea li tkun kompetittiva u approċċ aktar kollaborattiv għar-riċerka u l-iżvilupp u l-akkwist fil-qasam tas-sigurtà u d-difiża; jenfasizza l-ħtieġa li l-Kummissjoni tressaq proposta biex tistabbilixxi reġim tas-sigurtà tal-provvista fl-Ewropa kollha, li hija essenzjali għall-iżvilupp, iż-żamma u t-trasferiment ta' kapaċitajiet kritiċi tad-difiża kif ukoll bħala espressjoni ta' solidarjetà u fiduċja bejn l-Istati Membri; jesprimi l-appoġġ sħiħ għat-tnedija tal-azzjoni preparatorja għar-riċerka tad-difiża relatata mal-PSDK u mal-proġett pilota propost mill-Parlament;

108.

Jemmen li d-difiża u l-promozzjoni tal-libertà, l-appoġġ għall-alleati tagħna u l-prevenzjoni tal-atroċitajiet jeħtieġ jibqgħu fil-qalba tal-għanijiet tal-politika barranija, u dan jinkludi d-difiża tad-drittijiet ta' gruppi reliġjużi u minoranzi oħra ppersegwitati;

109.

Ifakkar il-fehma tiegħu li, sabiex trendi riżultati, il-Kummissjoni għandha timplimenta politika riveduta dwar il-viċinat, b'approċċ komprensiv u konsistenti bejn l-azzjoni esterna u l-politiki interni; jitlob rieżami tal-Politika Ewropea tal-Viċinat, li fiha għandhom jiġu indirizzati dawn il-punti: (a) divrenzjar u “aktar għal aktar”; (b) impenn lil hinn mill-viċinat; (c) appoġġ għad-demokrazija, ir-riforma ġudizzjarja, l-istat tad-dritt u l-bini tal-kapaċitajiet istituzzjonali, (d) offerta diversifikata: is-setturi prijoritarji; (e) id-dimensjoni tas-sigurtà; (f) it-trawwim ta' integrazzjoni reġjonali;

110.

Huwa tal-fehma li għandu jkun hemm distinzjoni ċara bejn il-politiki tal-viċinat u tat-tkabbir; jinsab konvint li t-tkabbir kien wieħed mill-istejjer ta' suċċess tal-UE u għandu jinżamm fuq l-aġenda, permezz ta' prijoritizzazzjoni u monitoraġġ oġġettiv tar-riformi fil-pajjiżi kandidati sa tmiem it-terminu, bil-ħsieb li tinżamm il-motivazzjoni tagħhom u l-kapaċità tal-UE li xxerred il-valuri tagħha; ifakkar li hija biss prospettiva bħal din li tista' tagħti motivazzjoni lill-pajjiżi kkonċernati;

111.

Jappella għal enfasi akbar fuq id-djalogu interreliġjuż bl-għan tal-analiżi u l-fehim tal-iżviluppi reliġjużi għall-promozzjoni tat-tolleranza u l-impenn attiv fi ħdan il-politika barranija tal-UE kontra r-radikalizzazzjoni vjolenti u estremista;

112.

Ikompli jappoġġa l-ħidma tas-sħab internazzjonali biex jiżguraw stabbiltà, paċi u riforma politika fit-tul fil-pajjiżi tal-Viċinat tan-Nofsinhar u tal-Lvant, u jappoġġa l-aspirazzjonijiet ta' dawk il-pajjiżi li qed ifittxu rabtiet eqreb mal-UE, inklużi dawk il-pajjiżi applikanti li qegħdin jaħdmu biex jissodisfaw il-kriterji għas-sħubija fl-UE, fosthom ir-riformi ekonomiċi, politiċi u soċjali, u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt;

113.

Iqis li t-taqlib reċenti fis-suq finanzjarju fiċ-Ċina jirrappreżenta punt ta’ bidla importanti għall-mudell tal-iżvilupp taċ-Ċina u li kooperazzjoni qawwija bejn l-UE u ċ-Ċina hija meħtieġa biex jiġu evitati l-implikazzjonijiet negattivi possibbli għall-kummerċ fiż-żewġ direzzjonijiet; jistieden lill-Kummissjoni u lir-Rappreżentant Għoli jikkunsidraw il-possibbiltà li tiġi aġġornata s-Sħubija Strateġika bejn l-UE u ċ-Ċina, jiġu vvalutati r-riskji finanzjarji, u li tiġi intensifikata l-kooperazzjoni reċiproka bil-għan li jiġi żgurat aċċess aħjar għas-suq ibbażat fuq ir-reċiproċità, li jkun ta’ benefiċċju kemm għall-UE kif ukoll għaċ-Ċina;

114.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni taħdem mal-Istati Membri u l-pajjiżi terzi sabiex jittieħdu sensiela ta' miżuri kwantifikabbli biex jinqerdu l-prattiki dannużi kontra n-nisa u l-bniet, inklużi ż-żwieġ tat-tfal u ż-żwieġ furzat, il-mutilazzjoni ġenitali femminili (MĠF), il-qtil għall-unur, l-isterilizzazzjoni furzata, l-istupru fil-kunflitti, it-tħaġġir u kull forma oħra ta' brutalità; iħeġġeġ lill-Kummissjoni taħdem mas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) biex jitjieb l-appoġġ disponibbli għall-vittmi ta' tali brutalità;

Il-politika tal-iżvilupp

115.

Jenfasizza l-fatt li, matul is-Sena Ewropea għall-Iżvilupp, jeħtieġ li l-Kummissjoni trendi riżultati tanġibbli, u jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa u tipprovdi pjan ta' azzjoni bħala segwitu għall-Kunsens Ewropew dwar l-Għajnuna Umanitarja bil-ħsieb li tiżgura l-koerenza u t-tkomplija tal-implimentazzjoni konġunta tal-impenn tagħha lejn il-prinċipji umanitarji ta' umanità, imparzjalità, newtralità u indipendenza;

116.

Jenfasizza li l-għajnuna għall-iżvilupp għandha tkun iffokata fuq l-isforzi għall-promozzjoni ta' governanza tajba, l-istabbiliment tal-istat tad-dritt, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni, flussi kapitali illeċti, ħasil tal-flus, u l-evitar u l-evażjoni tat-taxxa, u li żżid it-trasparenza u r-responsabbiltà tal-partijiet ikkonċernati kollha, inklużi l-gvernijiet nazzjonali tal-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw u s-settur privat; jitlob lill-Kummissjoni, għaldaqstant, tiżviluppa strateġija u pjan ta' azzjoni komprensivi li jindirizzaw din il-kwistjoni f'pajjiżi li qegħdin jiżvilupa, sabiex jiġi żgurat li l-aġenda tal-UE għall-iżvilupp u l-kooperazzjoni tiġi wkoll adattata u l-kundizzjonalità imtejba biex jiġu miġġielda b'mod effikaċi l-evażjoni u l-evitar tat-taxxa;

117.

Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-SMEs huma l-mutur għall-ħolqien ta' impjiegi u ġid f'pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw, li jiġġeneraw madwar 90 % tal-impjiegi; jistieden lill-Kummissjoni tappoġġa lill-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju (MSMEs) u tiffoka sabiex taħdem mal-gvernijiet sħab sabiex timplimenta riformi li għandhom l-għan li jnaqqsu l-piżijiet regolatorji, jiġġieldu kontra l-korruzzjoni u l-evażjoni tat-taxxa, jiżviluppaw il-ġestjoni tal-finanzi pubbliċi u istituzzjonijiet pubbliċi effikaċi, jippromwovu l-ispirtu intraprenditorjali u innovattiv f'dan il-kuntest, u jsaħħu aktar l-aċċess għall-mikrokreditu u l-mikrofinanzjament;

118.

Jistieden lill-Kummissjoni tiffoka fuq Stati fraġli u tfassal strateġiji dwar il-bini tal-paċi u l-bini tal-istat; jenfasizza li huwa fundamentali li jkun hemm sħubijiet strutturali u fit-tul li jagħtu prijorità lill-istabbiliment tal-istat tad-dritt u l-ħolqien ta' istituzzjonijiet demokratiċi f'dawn il-pajjiżi;

119.

Jappella għal żieda fl-investiment għall-aċċess għall-edukazzjoni f'emerġenzi umanitarji, bħala mezz ta' protezzjoni tat-tfal f'sitwazzjonijiet ta' kriżi, li jirrifletti wkoll il-bżonn li jimtlew in-nuqqasijiet bejn l-għajnuna umanitarja u għall-iżvilupp permezz ta' kollegament bejn l-għajnuna, ir-riabilitazzjoni u l-iżvilupp;

Unjoni ta' bidla demokratika

Kwistjonijiet istituzzjonali

120.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tallinja l-leġiżlazzjoni pendenti kollha tad-dossiers ta' qabel it-Trattat ta' Lisbona (taħt il-proċedura regolatorja bi skrutinju) mat-Trattat ta' Lisbona fir-rigward tal-atti delegati u ta' implimentazzjoni;

121.

Itenni t-talba tiegħu lill-Kummissjoni li tressaq, abbażi tal-Artikolu 298 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, proposta għal regolament dwar Liġi Ewropea dwar il-proċedura amministrattiva;

122.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tipprijoritizza l-iżblokkar tar-reviżjoni tar-regolament dwar l-aċċess għad-dokumenti, u biex issegwi r-rakkomandazzjonijiet li saru mill-Parlament f'riżoluzzjonijiet suċċessivi dwar it-trasparenza u l-aċċess għad-dokumenti;

123.

Jappoġġa bis-sħiħ l-inizjattiva għal reġistru trasparenti mandatorju abbażi ta' ftehim interistituzzjonali; itenni t-talba tal-Parlament għal proposta leġiżlattiva;

124.

Jappella lill-Kummissjoni biex tintensifika l-isforzi tagħha biex tiżgura l-adeżjoni tal-UE mal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, filwaqt li jitqiesu l-argumenti ġuridiċi li tqajmu dan l-aħħar mill-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja;

125.

Jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta l-perċentwal baxx ta' suċċess tal-Inizjattivi taċ-Ċittadini Ewropej (ECIs), li għandu impatt negattiv fuq l-aċċettazzjoni taċ-ċittadini ta' dan l-istrument ta' demokrazija parteċipattiva diretta transnazzjonali, u tiżgura li deċiżjonijiet dwar l-ammissibbiltà ta' ECIs jikkorrispondu mal-kompetenza legali tal-UE, u jistenna li l-Kummissjoni tagħti segwitu xieraq għal kull inizjattiva ECI li kienet ta' suċċess meta hija impenjat ruħha li tagħmel dan, u b'mod aktar ġenerali tindirizza n-nuqqasijiet u l-limitazzjonijiet ta' dan l-istrument, b'mod partikolari billi tiffaċilita l-proċess u ttejjeb il-proċeduri burokratiċi u twal tiegħu bħala parti minn reviżjoni f'waqtha tar-Regolament dwar l-ECI bil-għan li dan jiġi trasformat f'għodda li tistabbilixxi aġenda kredibbli;

o

o o

126.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kummissjoni.


Top