Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52015IP0279

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-9 ta' Lulju 2015 dwar il-Bahrain, b'mod partikolari l-każ ta' Nabeel Rajab (2015/2758(RSP))

ĠU C 265, 11.8.2017, p. 151–154 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

11.8.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 265/151


P8_TA(2015)0279

Il-Bahrain, b'mod partikolari l-każ ta' Nabeel Rajab

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-9 ta' Lulju 2015 dwar il-Bahrain, b'mod partikolari l-każ ta' Nabeel Rajab (2015/2758(RSP))

(2017/C 265/20)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Bahrain, b’mod partikolari ir-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta’ Frar 2014 dwar il-Bahrain, b’mod partikolari l-każijiet ta’ Nabeel Rajab, Abdulhadi al-Khawaja u Ibrahim Sharif (1),

wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tas-17 ta’ Ġunju 2015 mill-kelliem tal-Viċi-President/Rappreżentant Għoli għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà Federica Mogherini, dwar il-kundanna tas-Segretarju Ġenerali ta' al-Wefaq, Ali Salman, fil-Bahrain,

wara li kkunsidra l-24 Kunsill Konġunt u Laqgħa Ministerjali UE-GCC f’Doha, il-Qatar, fl-24 ta’ Mejju 2015,

wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Kunsill Ministerjali tal-Lega Għarbija, li ltaqa’ fil-Kajr fl-1 ta’ Settembru 2013, biex jistabbilixxi qorti pan-Għarbija tad-drittijiet tal-Bniedem f’Manama, il-kapitali tal-Bahrain,

wara li kkunsidra tar-rapport li jagħti dettalji tal-implimentazzjoni, mill-Gvern tal-Bahrain, tar-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni Indipendenti ta’ Inkjesta tal-Bahrain ta’ Frar 2014 u l-aġġornament dwar l-Eżami Perjodiku Universali (UPR) ippreżentat mill-Gvern tal-Bahrain f'Settembru 2014,

wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi tal-1966, il-Konvenzjoni Konta t-Tortura u Trattamenti jew Pieni oħra Krudili, Inumani jew Degradanti, il-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal u l-Karta Għarbija dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, li l-Bahrain huwa pajjiż firmatarju tagħhom,

wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-UE dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem, adottati f'Ġunju 2004, u riveduti fl-2008,

wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tnaqqis tal-Apolidija,

wara li kkunsidra l-Qafas Strateġiku u Pjan ta’ Azzjoni dwar id-Drittijiet tal-Bniedem il-ġdid tal-UE, li għandu l-għan li jqiegħed il-protezzjoni u s-sorveljanza tad-drittijiet tal-bniedem fil-qalba tal-politiki kollha tal-UE, u li jinkludi taqsima speċifika dwar il-protezzjoni tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem,

wara li kkunsidra ż-żjara ta’ Stavros Lambrinidis, ir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem, fil-Bahrain fl-aħħar ta’ Mejju 2015,

wara li kkunsidra l-Artikoli 5 u 19 tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem,

wara li kkunsidra l-Artikoli 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.

billi l-Bahrain wiegħed li jsir progress fir-riformi tiegħu dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, wara l-ħruġ tar-rapport mill-Kummissjoni Indipendenti ta’ Inkjesta tal-Bahrain (BICI) fit-23 ta’ Novembru 2011, u r-rapport ta’ segwitu tiegħu tal-21 ta’ Novembru 2012;

B.

billi t-twaqqif fil-Bahrain tal-Ombudsman tal-Ministeru tal-Intern, tal-Kummissjoni għad-Drittijiet tal-priġunieri u d-detenuti u tal-Unità tal-Investigazzjonijiet Speċjali huwa inkoraġġanti; billi dawn l-istituzzjonijiet għandhom isiru aktar imparzjali, trasparenti u indipendenti mill-istituzzjonijiet governattivi;

C.

billi, mill-bidu tal-irvellijiet tal-2011, l-awtoritajiet tal-Bahrain intensifikaw l-użu ta’ miżuri ripressivi kontra l-attivisti tas-soċjetà ċivili u l-oppożizzjoni paċifika; billi fl-10 ta’ Ġunju 2014, 47 Stat, inklużi t-28 Stat Membru tal-UE, iffirmaw dikjarazzjoni konġunta fis-26 sessjoni tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU li fiha esprimew tħassib serju dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Bahrain; billi d-dikjarazzjoni konġunta espressament innotat l-oqsma ta’ tħassib inklużi sentenzi twal talli wieħed jeżerċita d-drittijiet għal-libertà tal-għaqda paċifika u ta’ assoċjazzjoni, in-nuqqas ta’ garanziji suffiċjenti ta’ proċess ġust, ir-repressjoni tad-dimostrazzjonijiet, il-fastidju u l-priġunerija kontinwi ta’ persuni li jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom għal-libertà tal-opinjoni u l-espressjoni, it-trattament ħażin u t-tortura fil-faċilitajiet ta’ detenzjoni, il-privazzjoni arbitrarja tan-nazzjonalità mingħajr proċess dovut u n-nuqqas ta’ responsabbiltà għal ksur tad-drittijiet tal-bniedem;

D.

billi Nabeel Rajab, difensur tad-drittijiet tal-bniedem Bahraini u President taċ-Ċentru Bahraini għad-Drittijiet tal-Bniedem (BCHR), Deputat Segretarju Ġenerali tal-Federazzjoni Internazzjonali għad-Drittijiet tal-Bniedem (FIDH) u membru tal-Kumitat Konsultattiv tad-Diviżjoni tal-Lvant Nofsani ta’ Human Rights Watch, ġie kkundannat għal sitt xhur priġunerija sempliċiment minħabba li b’mod paċifiku eżerċita l-libertà ta’ espressjoni tiegħu; billi Nabeel Rajab kien arrestat fl-1 ta’ Ottubru 2014 wara ż-żjara tiegħu lis-Sottokumitat għad-Drittijiet tal-Bniedem tal-Parlament Ewropew, fuq akkużi li xeħet tweets dwar grupp ta’ persuni minn pajjiżu li allegatament ikkooperaw mal-IS/Da’esh; billi kien akkużat li insulenta istituzzjoni pubblika u l-armata; billi f'Novembru 2013 il-Grupp ta' Ħidma tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Detenzjoni Arbitrarja ddeskriva d-detenzjoni tas-Sur Nabeel Rajab bħala arbitrarja;

E.

billi Nabeel Rajab serva diversi sentenzi ta’ ħabs mindu waqqaf iċ-Ċentru Bahraini għad-Drittijiet tal-Bniedem fl-2002; billi Nabeel Rajab qed jiffaċċja aktar akkużi relatati mal-libertà tal-espressjoni tiegħu u attwalment qed jirriskja li jeħel sa 10 snin ħabs talli allegatament “insulta korp statutorju” u “xerred xnigħat fi żmien ta’ gwerra”;

F.

billi, bħal Nabeel Rajab, bosta difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, bħal Naji Fateel, id-difensur tad-drittijiet tal-bniedem Daniż Abdulhadi Al-Khawaja, l-attivist politiku Żvediż Mohammad Habib Al-Muqdad u oħrajn fl-hekk imsejħa Bahrain 13, jinsabu detenuti, soġġetti għal fastidju ġudizzjarju fil-Bahrain, mitfugħa l-ħabs u qed iservu pieni twal jew għal ħajjithom b’ritaljazzjoni diretta għall-ħidma tagħhom għad-difiża tad-drittijiet tal-bniedem; bilwaqt li l-biċċa l-kbira tagħhom allegatament ġew suġġetti għal vjolenza, trattament ħażin u tortura fiżika jew psikoloġika;

G.

billi skont il-BCHR, aktar minn 3 000 priġunier jinsabu f’detenzjoni arbitrarja, ħafna minnhom difensuri tad-drittijiet tal-bniedem li ntbagħtu l-ħabs u qed iservu sentenzi twal jew għal ħajjithom b'ritaljazzjoni diretta għall-attivitajiet tagħhom; bilwaqt li l-biċċa l-kbira tagħhom allegatament ġew suġġetti għal vjolenza, trattament ħażin u tortura fiżika jew psikoloġika;

H.

billi fis-16 ta’ Ġunju 2015, is-Segretarju Ġenerali tal-Al-Wefaq, il-partit ewlieni tal-oppożizzjoni tal-Bahrain, Sheikh Ali al-Salman, ġie kkundannat għal erba’ snin ħabs fil-kuntest ta’ protesti kontra l-gvern li faqqgħu fl-2011, fl-eqqel tal-irvellijiet tar-“Rebbiegħa Għarbija” tar-reġjun; billi huwa allegat li l-Qorti ma ħallitx lill-avukati tiegħu jippreżentaw l-argumenti orali u ma ngħataw l-ebda opportunità sinifikanti biex jeżaminaw il-provi; billi grupp ta’ esperti indipendenti min-Nazzjonijiet Uniti, li parti minnhom hija magħrufa bħala Proċeduri Speċjali tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem, ħeġġew lill-awtoritajiet tal-Bahrain biex jeħilsu lix-Sheikh Ali Salman;

I.

billi mill-2012, il-Bahrain ilu jabbuża mil-leġiżlazzjoni kontra t-terroriżmu biex arbitrarjament jirrevoka ċ-ċittadinanzi ta' attivisti u membri tal-oppożizzjoni bħala tpattija għad-dissens, inklużi ta' mill-inqas 9 minorenni; billi skont diversi rapporti fl-2015 waħedha, aktar minn 100 attivist, dimostrant u politiku kellhom iċ-ċittadinanza tagħhom revokata, li wassal biex il-biċċa l-kbira minnhom spiċċaw apolidi, fi ksur tal-Konvenzjoni tan-NU dwar it-Tnaqqis tal-Apolidija;

J.

billi l-użu tal-piena tal-mewt f’każijiet politikament motivati żdied mill-2011 'l hawn; billi tal-anqas sebgħa individwi ngħataw sentenza għall-mewt f'każijiet politiċi mill-2011 'l hawn, b'erbgħa minn dawn is-sebgħa kkundannati għall-mewt fl-2015 waħedha;

K.

billi l-Kummissjoni Indipendenti ta’ Inkjesta tal-Bahrain (BICI) stabbilita permezz ta' digriet irjali biex tinvestiga u tirrapporta dwar avvenimenti li seħħew fil-Bahrain fi Frar 2011, għamlet sensiela ta’ rakkomandazzjonijiet dwar id-drittijiet tal-bniedem u r-riformi politiċi; billi sar progress fir-riforma ġenerali tas-sistemi ġuridiċi u tal-infurzar tal-liġi, iżda l-gvern naqas milli jimplimenta bis-sħiħ ir-rakkomandazzjonijiet ewlenin tal-Kummissjoni, partikolarment il-ħelsien tal-mexxejja tad-dimostranti kkundannati talli eżerċitaw id-dritt tagħhom għal-libertà ta' espressjoni u ta' għaqda paċifika; billi t-taħdidiet ta' rikonċiljazzjoni – magħrufa bħala Id-Djalogu Nazzjonali – weħlu; billi xi gruppi għadhom mhux rappreżentati fis-sistema politika u l-forzi tas-sigurtà għadhom mhux responsabbli għal għemilhom;

1.

Jitlob li jitwaqqgħu l-akkużi u minnufih u mingħajr kundizzjonijiet jiġu rilaxxati d-difensuri kollha tad-drittijiet tal-bniedem, l-attivisti politiċi u individwi oħra li sfaw miżmuma u akkużati bl-allegazzjoni ta' vjolazzjonijiet relatati mad-drittijiet ta' espressjoni, ta' għaqda paċifika u ta' assoċjazzjoni, inklużi Nabeel Rajab, Sheikh Ali Salman u “Il-Bahrain 13”;

2.

Jirrikonoxxi l-impenji mill-awtoritajiet tal-Bahrain li jimplimentaw ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni Indipendenti ta’ Inkjesta tal-Bahrain (BICI) mill-2011 u tal-Eżami Perjodiku Universali tal-Bahrain (UPR), kif ukoll ir-rakkomandazzjonijiet imressqa minn mekkaniżmi tan-NU u l-ħelsien reċenti ta' għadd ta' priġunieri akkużati b'reati relatati mal-assoċjazzjoni politika u l-espressjoni; iħeġġeġ lill-Gvern tal-Bahrain biex jimplimenta malajr ir-rakkomandazzjonijiet kollha tar-rapport BICI u tal-EPU, biex jintemmu l-abbużi kollha tad-drittijiet tal-bniedem u biex id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali jiġu rispettati, f’konformità ma’ obbligi internazzjonali tal-Bahrain rigward id-drittijiet tal-bniedem;

3.

Jesprimi t-tħassib serju tiegħu rigward l-abbuż tal-liġijiet kontra t-terroriżmu fil-Bahrain biex jiksru d-drittijiet tal-bniedem, inkluż permezz tar-revoka taċ-ċittadinanza;

4.

Jikkundanna l-użu kontinwu ta’ tortura u ta’ trattament jew pieni krudili u degradanti kontra priġunieri, dimostranti paċifiċi u membri tal-oppożizzjoni mill-awtoritajiet tal-Bahrain u jħeġġeġ lill-Gvern tal-Bahrain biex jirrispetta l-obbligi u l-impenji tiegħu skont il-Konvenzjoni tan-NU kontra t-Tortura;

5.

Iħeġġeġ lill-Gvern tal-Bahrain biex jikkoopera mar-Rapporteurs Speċjali tan-NU (b’mod partikolari fuq it-tortura, il-libertà tal-għaqda, l-indipendenza tal-imħallfin u l-avukati, u d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem) u biex tinħarġilhom stedina permanenti;

6.

Jinnota l-isforzi li għaddejjin bħalissa tal-Gvern tal-Bahrain biex jirriforma l-kodiċi penali u l-proċeduri ġuridiċi, u jħeġġeġ biex dan il-proċess jitkompla; iħeġġeġ lill-Gvern tal-Bahrain jieħu l-passi kollha meħtieġa biex jiggarantixxi sistema ġudizzjarja imparzjali u ġusta, li tiżgura proċess ġust, u biex jiggarantixxi l-imparzjalità tal-Ombudsman, tal-Unità ta' Investigazzjonijiet Speċjali u tal-Istituzzjoni Nazzjonali għad-Drittijiet tal-Bniedem tiegħu;

7.

Jitlob għar-ratifika immedjata tal-Protokoll Fakultattiv għall-Konvenzjoni Kontra t-Tortura, it-Tieni Protokoll Fakultattiv għall-ICCPR li jimmira li jabolixxi l-piena tal-mewt, il-Konvenzjoni għall-Ħarsien tal-Persuni Kollha mill-Għajbien Sfurzat, u l-Konvenzjoni Internazzjonali dwar il-Ħarsien tad-Drittijiet tal-Ħaddiema Migranti u tal-Membri tal-Familji tagħhom;

8.

Jistieden lill-awtoritajiet tal-Bahrain biex ikompli d-djalogu ta’ kunsens nazzjonali bil-għan li tinstab rikonċiljazzjoni nazzjonali dejjiema u inklussiva kif ukoll soluzzjonijiet politiċi sostenibbli għall-kriżi; jinnota li fi proċess politiku sostenibbli, kritika leġittima u paċifika għandha tiġi espressa liberament; ifakkar, f’dan il-kuntest, lill-awtoritajiet tal-Bahrain, li l-involviment tal-maġġoranza Xiita u r-rappreżentanti politiċi paċifiċi tagħha abbażi tad-dinjità tal-bniedem, ir-rispett u l-ġustizzja għandha tkun element indispensabbli ta’ kull strateġija kredibbli għal rikonċiljazzjoni nazzjonali u riforma sostenibbli;

9.

Jilqa' l-ħelsien bikri mill-ħabs tal-mexxej tal-oppożizzjoni Ibrahim Sharif, f'Ġunju 2015, wara li ngħata maħfra rjali; jemmen li din id-deċiżjoni hija pass mixtieq u importanti għall-promozzjoni tal-fiduċja u l-kunfidenza fil-Bahrain;

10.

Iħeġġeġ lill-VP/RGħ biex tkompli tqajjem l-importanza tar-riforma u r-rikonċiljazzjoni fin-negozjati kollha tagħha mal-Gvern tal-Bahrain; iħeġġeġ bis-saħħa l-istabbiliment ta' grupp ta' ħidma dwar id-drittijiet tal-bniedem bejn UE u l-Bahrain, iżda jinnota li d-djalogu dwar id-drittijiet tal-bniedem bejn l-UE u l-Bahrain ma jistax jieħu post djalogu komprensiv bejn il-gvern u l-oppożizzjoni fil-Bahrain inniffsu;

11.

Jieħu nota tar-rakkomandazzjonijiet magħmula mill-Ombudsman, il-Kummissjoni tad-Drittijiet tal-Priġunieri u d-Detenuti (PDRC) u l-Istituzzjoni Nazzjonali għad-Drittijiet tal-Bniedem (NIHR), b’mod partikolari dwar id-drittijiet tad-detenuti u l-kundizzjonijiet fil-ħabs, inkluż rigward l-allegati maltrattament u tortura; iħeġġeġ lil dawn il-korpi biex ikomplu l-ħidma tagħhom b'mod indipendenti, imparzjali u trasparenti u jistieden lill-awtoritajiet biex jimplimentaw bis-sħiħ dawn ir-rakkomandazzjonijiet;

12.

Jitlob għal sforz Ewropew rapidu u kollettiv biex tkun żviluppata strateġija komprensiva dwar kif l-UE u l-Kummissjoni jistgħu jagħmlu pressjoni attiva għall-ħelsien tal-attivisti u tal-priġunieri ta’ kuxjenza arrestati; jistieden lis-SEAE u l-Istati Membri biex jiżguraw l-implimentazzjoni xierqa tal-linji gwida tal-UE dwar id-drittijiet tal-bniedem, primarjament dwar id-drittijiet tal-bniedem u t-tortura, mid-Delegazzjoni tal-UE f'Riyadh u l-ambaxxati tal-Istati Membri fil-Bahrain, u biex jirrappurtaw dwar l-implimentazzjoni tagħhom;

13.

Jitlob għal projbizzjoni tal-UE fuq l-esportazzjoni ta’ gass tad-dmugħ u tagħmir għall-kontroll tal-folol sakemm jitwettqu investigazzjonijiet fir-rigward tal-użu mhux xieraq tagħhom u sakemm dawk li huma ħatja ta’ tali użu ħażin jinżammu responsabbli;

14.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Gvern u lill-Parlament tar-Renju tal-Bahrain u lill-membri tal-GCC.


(1)  Testi Adottati, P7_TA(2014)0109.


Top