EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52015DC0676

RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL dwar is-segwitu tal-Laqgħa tal-Mexxejja dwar il-flussi tar-refuġjati matul ir-Rotta tal-Balkani tal-Punent

COM/2015/0676 final

Strasburgu, 15.12.2015

COM(2015) 676 final

RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

dwar is-segwitu tal-Laqgħa tal-Mexxejja dwar il-flussi tar-refuġjati matul ir-Rotta tal-Balkani tal-Punent


Il-flussi bla preċedent ta’ refuġjati u migranti li bdew tard fis-sajf tal-2015 u li eskalaw fil-ħarifa segwew rotta komuni. Ir-rotta tal-“Balkani tal-Punent” saret il-fowkus tal-isfida li qed tiffaċċja l-Ewropa, b’aktar minn 650 000 ruħ jaqsmu mit-Turkija għall-Greċja fl-2015, il-biċċa l-kbira minnhom jivvjaġġaw tul il-Balkani tal-Punent sal-Ewropa Ċentrali u tat-Tramuntana. Dawn il-movimenti ma kinux biss imprevedibbli u bla preċedent fid-daqs, iżda spiss seħħew b’veloċità qawwija, u qajjmu l-preokkupazzjoni li l-pajjiżi kienu sempliċiment qed jgħaddu n-nies lil ġirien aktar 'il quddiem matul ir-rotta. Dan kixef nuqqas qawwi ta’ kapaċità, kooperazzjoni u solidarjetà, kif ukoll ta' komunikazzjoni bażika bejn il-pajjiżi matul ir-rotta: problema speċifika li kienet teħtieġ soluzzjoni politika u operazzjonali speċifika fil-livell Ewropew.

Fil-25 ta’ Ottubru 2015, il-President Juncker sejjaħ laqgħa tal-Kapijiet ta’ Stat jew ta’ Gvern tal-pajjiżi kkonċernati. Il-Kapijiet ta’ Stat jew ta' Gvern tal-Albanija, l-Awstrija, il-Bulgarija, il-Kroazja, l-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, il-Ġermanja, il-Greċja, l-Ungerija, ir-Rumanija, is-Serbja u s-Slovenja ħadu sehem, u magħhom ingħaqdu l-President tal-Parlament Ewropew, il-President tal-Kunsill Ewropew, il-Presidenzi attwali u dik li jmiss tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, u l-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Refuġjati (UNHCR). 1  

Il-Mexxejja qablu fuq pjan ta’ azzjoni ta' 17-il punt 2 għal implimentazzjoni immedjata, li jkopri kemm kif għandhom jikkooperaw, kif ukoll x’għandu jinkiseb b’mod kollettiv biex jiġu ġestiti aħjar il-flussi tal-migranti u r-rifuġjati, b’mod partikolari fir-rigward ta’ kapaċitajiet ta’ akkoljenza u l-ġestjoni tal-fruntieri. Dan ix-xogħol tmexxa 'l quddiem f’komplementarjetà sħiħa mal-isforzi usa’ tal-UE dwar l-indirizzar tal-kriżi tar-refuġjati, bil-parteċipazzjoni tal-Presidenza tal-Kunsill, biex tiġi żgurata l-koerenza.  3 Fil-kuntest tal-Kunsill Ewropew tas-17-18 ta’ Diċembru 2015, dan ir-rapport għandu l-għan li jevalwa l-implimentazzjoni tal-Istqarrija tal-Mexxejja 4 .

Il-laqgħa tal-25 ta’ Ottubru kienet tikkoinċidi ma’ livell massimu ta' qsim fejn f'ġimgħa waħda waslu fil-Greċja aktar minn 50 000 persuna. Sa kmieni f’Diċembru dawn in-numri kienu naqsu għal taħt l-14 000 fil-ġimgħa, iżda għadhom irregolari. Bl-istess mod, is-Slovenja rat aktar minn 12 600 ruħ deħlin f’ġurnata waħda f’Ottubru – sal-aħħar ta’ Novembru, il-wasliet kienu f'medja ta’ madwar 2 000-3 000 kuljum. Iżda ċ-ċifri għadhom instabbli u għoljin biżżejjed biex iżommu pressjoni għolja kontinwa fuq ir-rotta tal-Balkani tal-Punent.

1.Skambjar permanenti ta’ informazzjoni u kooperazzjoni effettiva (il-punti 1-2)

L-ewwel prijorità kienet li jiġi indirizzat in-nuqqas ta’ komunikazzjoni bejn il-gvernijiet u l-awtoritajiet kompetenti ta’ pajjiżi tul ir-rotta. Fi żmien 24 siegħa, il-pajjiżi parteċipanti, l-istituzzjonijiet u l-aġenziji kollha kienu nnominaw punti ta’ kuntatt li jirrapportaw direttament lill-Mexxejja. Dan sar forum għal skambju ta’ informazzjoni ta’ kuljum u ta’ koordinazzjoni effettiva, permezz ta’ vidjokonferenzi mmexxija mill-Kummissjoni Ewropea. 5   6

L-iskambji ta’ kull ġimgħa ffokaw fuq is-17-il punt li dwarhom kien hemm qbil fil-Laqgħa tal-Mexxejja, inklużi t-tendenzi ta’ moviment ġenerali tul ir-rotta, il-valutazzjonijiet tal-ħtiġijiet u żieda fil-kapaċitajiet ta’ akkoljenza, il-miżuri li ttieħdu fil-fruntieri u r-rappurtar konsolidat tal-Frontex 7 bħala l-ewwel pass essenzjali lejn iċ-ċaqliq iktar ordnat ta’ persuni tul ir-rotta tal-Balkani tal-Punent.

Kien hemm ukoll kuntatti intensifikati fir-reġjun innifsu: is-Slovenja sejħet laqgħa tal-Ministri tal-Intern fis-17 ta’ Novembru, li għaliha attendew is-Serbja, l-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja u l-Greċja. Il-parteċipanti qablu li jtejbu l-koordinazzjoni, inkluż l-iskambju ta’ informazzjoni fuq l-għadd ta’ refuġjati li jaqsmu l-fruntiera, u dwar ir-rati ta' okkupanza tal-akkoljenza. Fil-laqgħa tal-kapijiet tal-pulizija reġjonali fis-Slovenja fit-3-4 ta’ Diċembru ġiet diskussa l-kooperazzjoni operazzjonali u l-possibbiltà ta' approċċ komuni għall-migranti ekonomiċi. Il-Kroazja ma ħaditx sehem f’dawn il-laqgħat.

Madankollu, għad hemm ħafna każijiet ta’ nuqqas ta’ konsultazzjoni minn qabel u ta' notifika dwar bidliet previsti fil-politiki nazzjonali jew fl-inizjattivi, b’mod partikolari dawk li għandhom riperkussjonijiet possibbli fir-reġjun kollu. Qed ikomplu jittieħdu wisq miżuri unilaterali, inkluż kundizzjonijiet tad-dħul ibbażati de facto fuq in-nazzjonalità għall-migranti li jidħlu l-Kroazja, is-Serbja u l-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja u l-kostruzzjoni ta' ċint fil-fruntiera bejn l-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja u l-Greċja (kif diġà kienet għamlet l-Ungerija fil-fruntiera tagħha mas-Serbja). Irrispettivament mil-loġika wara kull pass individwali, in-natura mhux koordinata ta’ dawn il-passi ħolqot inċertezza u instabbiltà fir-reġjun.

Twettqet valutazzjoni inizjali ta’ bżonnijiet, materjali u finanzjarji. L-Awstrija, il-Bulgarija, il-Kroazja, l-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, il-Greċja, l-Ungerija, ir-Rumanija, is-Serbja u s-Slovenja għamlu l-valutazzjonijiet tagħhom stess, fuq talba tal-Kummissjoni, li jkopru kwistjonijiet bħal akkomodazzjoni u akkoljenza, l-ikel u s-servizzi bażiċi, ir-reġistrazzjoni, l-ipproċessar tal-applikazzjonijiet għall-asil, ir-ritorn u l-ġestjoni tal-fruntieri. Il-Kummissjoni segwiet dawn il-valutazzjonijiet b’missjonijiet fuq il-post li saru f’Novembru-Diċembru 2015, 8 bil-parteċipazzjoni tal-UNHCR, l-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Migrazzjoni, il-Bank Ewropew tal-Investiment u l-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp. L-għan kien li jsir irqim tal-valutazzjonijiet tal-ħtiġijiet kemm f’termini ta’ ambitu u żmien u biex ir-rispons għall-ħtiġijiet isir bl-aktar sorsi ta’ finanzjament adatti 9 . Bħala l-pass li jmiss, jeħtieġ li jitwettqu eżerċizzji addizzjonali biex jivvalutaw il-ħtiġijiet fuq perjodu medju u twil fil-pajjiżi kollha, kif ukoll billi tingħata aktar attenzjoni lil oqsma bħalma huma l-integrazzjoni u r-ritorn. 10  

2.Limitar tal-Movimenti Sekondarji (il-punt 3)

Parti mill-impetu għall-impenn tal-Mexxejja biex jiskoraġġixxu ċ-ċaqliq ta’ refuġjati u migranti lejn il-fruntiera ta’ pajjiż ieħor fir-reġjun, u biex jiddikjaraw b’mod ċar li l-politika li tħalli r-rifuġjati għaddejjin mhijiex aċċettabbli, kienu rapporti mifruxa 11 li l-pajjiżi kienu li jiffaċilitaw il-passaġġ rapidu ta’ refuġjati u migranti lejn pajjiżi ġirien billi jipprovdu trasport jew appoġġ amministrattiv biex jimxu malajr tul ir-rotta, mingħajr notifika minn qabel lilll-pajjiż li jkun se jirċevihom. Dan wassal għal aċċellerazzjoni tal-flussi li aggravat l-isfida tal-ġestjoni tal-wasla ta’ migranti u refuġjati b’mod ordnat, u poġġa piż partikolari dwar il-pajjiżi tad-destinazzjoni fi tmiem ir-rotta tal-Balkani tal-Punent.

Minn dak iż-żmien, kien hemm anqas rapporti ta’ miżuri bħal dawn u aktar każijiet ta’ kooperazzjoni u komunikazzjoni bejn l-awtoritajiet tal-fruntieri. Madankollu, nuqqas ta’ rieda politika biex tinħoloq kapaċità ta’ akkoljenza għal perjodu ta’ iktar minn 24 siegħa f’numru ta’ pajjiżi tul ir-rotta – li jissuġġerixxi li dawn il-pajjiżi jaraw lilhom infushom bħala pajjiżi ta’ tranżitu biss – jindika wkoll interess limitat li l-flussi jnaqqsu fir-ritmu – għalkemm l-atturi internazzjonali inkluż l-UNHCR innutaw ukoll li r-refuġjati u l-migranti ħafna drabi huma determinati li jimxu 'l quddiem lejn il-pajjiżi ta’ destinazzjoni tagħhom, minflok joqogħdu fil-pajjiżi li jinsabu tul ir-rotta.

3.Appoġġ lir-refuġjati u l-provvediment ta' kenn u mistrieħ (il-punti 4-7)

Iż-żieda fil-kapaċità biex jingħata kenn temporanju, mistrieħ, ikel, saħħa, ilma u sanità lil dawk kollha fil-bżonn ġiet miftiehema bħala waħda mill-aktar affarijiet importanti għall-pajjiżi kollha. Faċilitajiet bħal dawn joffru wkoll mezz aħjar u aktar prevedibbli tal-ġestjoni tal-flussi u titjib fir-reġistrazzjoni tul ir-rotta. Ittieħdu passi importanti matul l-aħħar xahrejn biex jintlaħaq l-impenn tal-Mexxejja li tiżdied il-kapaċità ta’ akkoljenza fil-Greċja għal total ta’ 50 000 post sal-aħħar tal-2015 12 u żieda ta’ 50 000 post tul ir-rotta tal-Balkani tal-Punent, bl-għajnuna ta’ sostenn finanzjarju mill-UE u l-assistenza ta’ sħab bħalma huma l-UNHCR u l-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Migrazzjoni. Madankollu, aktar sforzi huma meħtieġa b’mod urġenti biex jintlħaq l-impenn tal-miri tal-kapaċità stabbiliti mill-Mexxejja u biex ikunu żgurati kenn, mistrieħ u ħtiġijiet umanitarji oħra għar-refuġjati.

Fil-Greċja, 13 il-Kummissjoni qablet li tiffinanzja EUR 80 miljun mill-Fond għall-Asil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni u mill-Fond għas-Sigurtà Interna biex tagħti appoġġ lill-programmi tal-UNHCR u tistabbilixxi 27 000 ċentru ta’ akkoljenza 14 . Il-Kummissjoni adottat deċiżjoni ta’ finanzjament sabiex tippermetti li l-UNHCR jagħti kuntratti biex jilħqu u joperaw 20 000 post permezz ta’ kombinazzjoni ta’ vawċers tal-lukandi, il-kiri ta’ appartamenti u binjiet u l-iskema tal-familji ospitanti. Diġà hemm disponibbli 500 post, bil-possibbiltà li dan in-numru jiżdied sakemm is-sejħa tkun kompleta. Il-programm se jiffinanzja wkoll it-twettiq ta’ 7 000 ċentru tal-ewwel akkoljenza fil-gżejjer Griegi (hotspots), li r-rwol ewlieni tagħhom ikun li jiffaċilitaw ir-rilokazzjoni eventwali fi Stati Membri oħra u/jew riferimenti lis-sistema Griega tal-asil. Jekk il-forom kollha ta’ kapaċità ta’ akkoljenza jiġu inklużi u jiġu implimentati pjanijiet, il-kapaċità ta’ akkoljenza fil-Greċja għandha tilħaq il-35 000 sal-bidu ta’ Jannar 2016.

Dan jindika nuqqas ta’ 23 000 post meta mqabbla mal-ftehim li 30 000 post minbarra l-20 000 post tal-iskema tas-sussidju tal-kera. Huwa essenzjali li jiġi identifikat malajr kif se jiġi indirizzat dan in-nuqqas: l-ewwel pass ittieħed bl-identifikazzjoni ta’ xi postijiet potenzjali.

Tul ir-rotta tal-Balkani tal-Punent, f’termini tal-impenn għal kapaċità addizzjonali ta’ 50 000:

l-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja impenjat ruħha li żżid in-numru ta’ postijiet ta’ akkoljenza għal 2 000, adattati għall-ħtiġijiet tax-xitwa, iżda dawn kollha huma postijiet ta' tranżitu għal ftit sigħat biss: hemm nuqqas ta’ rieda politika biex tiżdied id-durata possibbli ta’ permanenza f’dawn il-postijiet. F’termini ta’ appoġġ, il-Kummissjoni allokat jew ippjanat sew permezz tal-Istrument għall-Assistenza ta’ Qabel l-Adeżjoni b’kollox EUR 39 miljun għal attivitajiet relatati mal-migrazzjoni fil-pajjiż. Il-Kummissjoni qed tappoġġja wkoll operazzjonijiet umanitarji (EUR 2,6 miljun 15 ). Ħafna donaturi oħrajn, inklużi l-Istati Membri, huma attivi wkoll.

Is-Serbja impenjat ruħha li żżid sa 6 000 post sal-aħħar tal-2015, u li ttejjeb il-kapaċità eżistenti tagħha. Id-donaturi qed jesploraw il-possibbiltajiet ta' 6 000 post ieħor li għalihom is-Serbja indikat kapaċità teknika potenzjal iżda għadha ma ħaditx deċiżjoni politika. Taħt l-Istrument għall-Assistenza ta’ Qabel l-Adeżjoni, saru disponibbli EUR 7 miljun biex ikopru ċerta nefqa (ir-rikostruzzjoni u l-ispejjeż operazzjonali) relatata mal-espanjsoni tal-kapaċità. Barra minn hekk, l-assistenza umanitarja tal-UE lis-Serbja bħalissa tammonta għal EUR 5,9 miljun, 16 kif ukoll għajnuna bilaterali oħra.

Il-Kroazja bħalissa għandha 5 000 post temporanju li issa huma tajbin għax-xitwa, u li jissostitwixxu l-5 000 kapaċità preċedenti tagħha li ma kinux tajba għax-xitwa. Hija rċeviet EUR 16,4 miljun f’finanzjament ta’ emerġenza 17 fl-2015 biex isostni l-kapaċità ta’ akkoljenza, il-kundizzjonijiet għar-refuġjati u s-sorveljanza mill-pulizija. Ma kien hemm l-ebda rieda politika biex tiżdied l-kapaċità ta’ akkoljenza jew biex tiżidied id-durata possibbli ta’ permanenza f’faċilitajiet eżistenti.

Minn nofs Ottubru 'l hawn, il-kapaċità eżistenti fis-Slovenja baqgħet stabbli b’madwar 7 000 post temporanju. Hija qed taħdem fuq żieda ta’ 2 000 post temporanju tajjeb għax-xitwa. F’Novembru, hija rċeviet finanzjament ta’ emerġenza ta’ EUR 10,2 miljun bħala sostenn għall-kapaċità ta’ akkoljenza u għall-pulizija tal-fruntieri.

L-Awstrija ġiet taħt pressjoni partikolari kemm bħala pajjiż ta’ tranżitu kif ukoll ta’ destinazzjoni u żiedet il-kapaċità tagħha b’16 000 post sa mill-Laqgħa tal-Mexxejja, b'żieda fil-kapaċità għal kważi 74 000 post. Hija rċeviet EUR 6,3 miljun f’għajnuna ta’ emerġenza fl-2015, li jkopru l-kapaċità ta’ akkoljenza u tal-amministrazzjoni tal-applikazzjonijiet għall-asil.

Dawn iċ-ċifri juru li saru sforzi sinifikanti. Xi pajjiżi kienu diġà daħħlu fis-seħħ kapaċità ta’ akkoljenza ġdida fil-ġimgħat ta’ qabel il-Laqgħa tal-Mexxejja. Ħafna pajjiżi ħadmu biex itejbu l-kwalità tal-postijiet ta’ akkoljenza għax-xitwa u biex iżidu l-postijiet temporanji. Madankollu, għad hemm bżonn ta' aktar sforzi. Sa issa nħolqu inqas minn nofs iċ-ċifra ta’ 50 000 post ta’ akkoljenza impenjati fil-Laqgħa tal-Mexxejja. Dawn huma kkonċentrati fi ftit pajjiżi biss. Postijiet għal żmien qasir (sa 24 siegħa) jistgħu jgħinu l-ħtiġijiet immedjati, iżda jirriflettu l-filosofija ta’ “tranżitu” li mhijiex konformi ma’ impenn sħiħ biex jingħata kontribut biex jonqos il-fluss tal-migranti u r-refuġjati 18 . Il-finanzjament jista' jintuża biex il-faċilitajiet temporanji jsiru aktar permanenti, iżda dan jeħtieġ kunċett aktar ċar ta’ kif wieħed jimmaniġġa l-fluss b’tali mod li jippermetti tqassim aktar ekwu u rieda politika ċara tal-pajjiżi biex joħolqu l-kapaċitajiet ta’ akkoljenza.

Il-pajjiżi li bħalissa mhumiex milquta mill-flussi ma żidux il-kapaċità ta’ akkoljenza mil-Laqgħa tal-Mexxejja 'l hawn. L-Albanija (300 post), il-Bulgarija (5130 post permanenti, kif ukoll aktar minn 800 li jistgħu jiġu attivati f’każ ta’ bżonn 19 ), ir-Rumanija (1 200 post permanenti u 550 temporanji possibbli f’każ ta’ emerġenza) u l-Ungerija (980 post permanenti) enfasizzaw il-fehma tagħhom li dawn il-kapaċitajiet huma konformi mal-flussi attwali u mistennija. Il-Bulgarija u r-Rumanija indikaw ir-rati ta’ okkupanza baxxa fiċ-ċentri ta’ akkoljenza tagħhom illum. Madankollu, kapaċitajiet aktar estensivi għandhom il-potenzjal li jintużaw bħala appoġġ ta’ kontinġenza f’każ ta’ bżonn fi żminijiet ta’ emerġenza. Ix-xejra tal-flussi li dejjem qed tinbidel tfisser li l-ebda pajjiż ma jista’ jassumi li ser jibqa' iżolat. Fl-2015, il-Bulgarija, ir-Rumanija u l-Ungerija rċevew EUR 5,8 miljun, EUR 8,6 miljun u EUR 6,0 miljun rispettivament mill-programmi nazzjonali taħt il-Fond għall-Asil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni u l-Fond għas-Sigurtà Interna 20 . Il-Bulgarija u l-Ungerija rċevew ukoll EUR 4,1 miljun u EUR 6,7 miljun f’finanzjament ta’ emerġenza. L-użu ta’ tali riżorsi għall-bini tal-kapaċità ta’ akkoljenza għall-futur tkun kontinġenza prudenti.

Ammont ulterjuri ta’ EUR 13-il miljun issa ġie allokat għal għajnuna umanitarja lir-refuġjati, lil dawk li jfittxu asil u lill-migranti, primarjament fis-Serbja u fl-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja. L-assistenza se tinkludi ikel, oġġetti mhux tal-ikel, protezzjoni u kenn. Dan se jġib l-ammont totali tal-għajnuna umanitarja tal-UE lill-Balkani tal-Punent għall-2015 għal kważi EUR 22 miljun.

Erba’ operazzjonijiet tal-Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili għadhom għaddejjin tul ir-rotta tal-Balkani tal-Punent: fis-Serbja (attivata fil-21 ta’ Settembru 2015), fis-Slovenja (fit-22 ta’ Ottubru 2015), fil-Kroazja (fis-26 ta’ Ottubru 2015) u fil-Greċja (fit-3 ta’ Diċembru 2015). B’kollox, 15-il Stat parteċipanti offrew assistenza, primarjament għal tined, oġġetti għall-irqad, oġġetti ta’ protezzjoni personali, tisħin, elettriku u dwal. Il-maġġoranza tat-talbiet għall-assistenza ma ġewx issodisfati u għad baqa' ħtiġijiet sinifikanti. Pereżempju, mill-1548 kontenitur sanitarju u ta' akkomodazzjoni mitluba mill-erba’ pajjiżi matul il-kors ta’ kważi 3 xhur, 15 biss ġew ipprovduti s’issa. F’xi oqsma ewlenin oħra, bħal sodod u ħwejjeġ tax-xitwa saru biss offerti nominali. Fir-rigward tal-Greċja, ħdax-il jum wara li saret it-talba, ħames Stati poġġew tagħmir għad-dispożizzjoni. Il-Kummissjoni qed taħdem biex tiffaċilita reazzjoni usa' u rapida lill-erba’ pajjiżi li talbu l-għajnuna.

Wara ittra mill-President Juncker lill-Istituzzjonijiet Finanzjarji Internazzjonali (il-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI), il-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp, il-Bank ta’ Żvilupp tal-Kunsill tal-Ewropa (CEB), il-Fond Monetarju Internazzjonali (FMI) u l-Bank Dinji), il-Kummissjoni waqqfet netwerk ġdid biex iddaħħal fis-seħħ koordinazzjoni mal-Istituzzjonijiet Finanzjarji Internazzjonali 21 . Hija nediet eżerċizzju ta’ mmappjar biex tistabbilixxi liema istituzzjonijiet ikunu jistgħu jassistu f’liema oqsma. Diversi proġetti rilevanti kurrenti ġew identifikati, inklużi 14-il proġett eżistenti tal-BEI adattati biex jirrispondu għal talbiet relatati mal-migrazzjoni kif ukoll il-ftehimiet ta’ sovvenzjoni reċenti tas-CEB, b’valur totali ta’ EUR 13,2 miljun 22 . Issa huwa kruċjali li jiġu żviluppati risponsi fuq terminu medju u twil mill-Istituzzjonijiet Finanzjarji Internazzjonali, pereżempju billi l-appoġġ għall-migranti jiġi integrat fl-istrumenti rilevanti implimentati mill-Kummissjoni.

4.Ġestjoni konġunta tal-flussi ta’ migrazzjoni (il-punti 8-12)

Element ewlieni żviluppat fil-Laqgħa tal-Mexxejja kien il-promozzjoni ta' approċċ kollettiv għall-ġestjoni tal-migrazzjoni. L-inizjattivi ta’ ġestjoni tal-fruntieri speċifikati hawn taħt huma kollha intiżi biex jgħollu l-istandards f’lokalitajiet strateġiċi billi jinkoraġġixxu r-reġistrazzjoni sħiħa u t-teħid tal-marki tas-swaba’. Dan huwa wkoll kunċett ċentrali tal-hotspots fil-Greċja (fejn aktar minn 30 magna tal-marki tas-swaba’, minbarra s-46 kurrenti, għandhom ikunu disponibbli dalwaqt).

Parti minn approċċ konsistenti huwa li jkun hemm sensiela ta’ prinċipji li jirregolaw it-teħid ta’ deċiżjonijiet fuq il-fruntiera permezz ta’ ftehim komuni. L-Istqarrija tal-Mexxejja kkonfermat il-prinċipju li – sakemm kien hemm kontroll tal-proporzjonalità qabel in-non-refoulement – il-pajjiżi setgħu jirrifjutaw id-dħul biss lil individwi li ma ma jkunux esprimew ix-xewqa li japplikaw għall-protezzjoni internazzjonali. B’rabta ma’ dan hemm il-prinċipju ta’ “l-ebda reġistrazzjoni, l-ebda dritt”: ir-reġistrazzjoni ta’ migranti (irrispettivament mill-istatus tagħhom) hija prekondizzjoni għall-ġestjoni xierqa tal-flussi u għall-istabbiliment tad-drittijiet u d-dmirijiet tal-migranti. Madankollu, fil-prattika dan wassal għal approċċ ibbażat de facto fuq in-nazzjonalità għal dawk kollha li mhumiex ta' ċerti nazzjonalitajiet (Sirjani u Iraqin). Sa issa, mhuwiex ċar jekk dawk kollha li ġew miċħuda d-dħul effettivament ma esprimewx xewqa biex japplikaw għall-asil.

Il-Frontex kuljum qed tipprovdi rapporti tas-sitwazzjoni fuq ir-rotta tal-Balkani tal-Punent minn meta saret il-Laqgħa tal-Mexxejja, abbażi ta' informazzjoni pprovduta mill-pajjiżi. Sabiex tittejjeb il-konsistenza tar-rappurtar u jiġu żviluppati definizzjonijiet u indikaturi, fit-12 ta’ Novembru, il-Frontex organizzat laqgħa teknika tan-Netwerk ta’ Analiżi tar-Riskju tal-Balkani tal-Punent. Dan irriżulta f’rappurtar operattiv konġunt onlajn mit-23 ta’ Novembru, bil-parteċipazzjoni tal-pajjiżi kollha. Il-Frontex qed tkompli taħdem biex ittejjeb il-kwalità u l-kopertura tad-dejta u biex tiġbor flimkien analiżi usa’ – ir-rapporti ta’ kuljum tagħha issa jinkludu stampa tas-sitwazzjoni attwali u jkopru mhux biss kemm persuni jaqsmu l-fruntieri, iżda l-persuni rreġistrati, il-gruppi vulnerabbli u n-nazzjonalitajiet ewlenin. Hija wkoll f’pożizzjoni li tivvaluta x-xejriet u tipprovdi ħarsa ġenerali – billi kkalkolat, pereżempju, li matul Novembru, it-teħid tal-marki tas-swaba fil-Greċja kien ta' madwar 54 000 persuna taħt proċeduri tal-EURODAC 23 . It-twaqqif ta’ missjoni FRONTEX fil-fruntiera tat-Tramuntana tal-Greċja għandha tkompli ttejjeb ir-reġistrazzjoni. Barra minn hekk, l-Uffiċċju Ewropew ta’ Appoġġ fil-qasam tal-Asil (EASO) jaqsam ħarsiet ġenerali ta’ kull ġimgħa dwar is-sitwazzjoni tal-asil u l-aħħar xejriet tal-asil (l-għadd ta’ applikazzjonijiet għall-asil, il-pajjiżi ewlenin ta’ oriġini ta’ dawn l-applikanti, in-numru u t-tip ta’ deċiżjonijiet maħruġa fl-ewwel istanza).

L-Istqarrija tal-Mexxejja tenfasizza wkoll l-importanza tar-ritorn bħala wieħed mill-komponenti essenzjali ta’ ġestjoni effettiva tal-migrazzjoni. Jeħtieġ li jsir aktar minħabba li l-għadd ta’ ritorni mhuwiex qed jiżdied. L-UE żiedet l-appoġġ tagħha lill-Istati Membri li jaħdmu biex jimplimentaw l-obbligi tagħhom skont id-Direttiva tar-Ritorn. Il-Kummissjoni qed tkompli wkoll tiżviluppa u ssaħħaħ l-għodod disponibbli, inkluż ammont sostanzjali previst fil-programmi nazzjonali taħt il-Fond għall-Asil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni. Pereżempju, fil-każ tal-Greċja, il-Kummissjoni tat lill-Pulizija Ellenika (mal-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Migrazzjoni (IOM) bħala kobenefiċjarji) sovvenzjoni ta’ EUR 2,5 miljun taħt il-Fond għall-Asil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni, li tkopri l-perijodu mill-1 ta’ Diċembru 2015 sal-31 ta’ Mejju 2016, inklużi l-komponenti għar-ritorn kemm forzat kif ukoll volontarju assistit (total ta’ 2 080 persuna).

Biex jitwettqu r-ritorni, ir-riammissjoni teħtieġ l-appoġġ ta’ msieħba minn pajjiżi terzi. Il-qbil dwar applikazzjoni aktar bikrija tal-Ftehim ta’ Riammissjoni bejn l-UE u t-Turkija kien element importanti tal-Pjan ta’ Azzjoni Konġunt bejn l-UE u t-Turkija 24 . L-Istqarrija tal-Mexxejja identifikat tliet pajjiżi prijoritarji oħra. Ir-Rappreżentant Għoli/Viċi President Mogherini fit-1 ta’ Diċembru ftiehmet mal-Ministru għall-Affarijiet Barranin Rabbani tal-Afganistan biex malajr kemm jista' jkun jagħmlu Djalogu ta’ Livell Għoli dwar il-Migrazzjoni, preċedut minn żjara ta' uffiċjali għolja f’Kabul. Fil-5 ta’ Novembru, hija ftiehmet mal-Ministru għall-Affarijiet Barranin Ali tal-Bangladexx li kmieni fl-2016 isejħu l-ewwel laqgħa ta’ djalogu ġdid dwar il-migrazzjoni u l-mobilità. Fit-23 ta’ Novembru, il-Kummissarju Avramopoulos ivvjaġġa lejn il-Pakistan fejn kellu skambji mal-Ministri tal-Intern u tal-Affarijiet Barranin dwar l-implimentazzjoni ta’ Ftehim ta' Riammissjoni bejn l-UE u l-Pakistan u kiseb tal-impenn tal-Pakistan biex jikkoopera dwar ir-riammissjoni, filwaqt li nnota l-ħtieġa li jaħdmu flimkien biex jindirizzaw tħassib dwar l-implimentazzjoni prattika tal-ftehim. Kemm fil-livell politiku kif ukoll f'dak tekniku madankollu, il-progress mal-Pakistan għadu diffiċli, kif jixhdu l-kwistjonijiet dwar it-titjira ta' ritorn reċenti fit-2 ta’ Diċembru, fejn għadd kbir ta’ persuni rimpatrijati ma tħallewx jidħlu l-Pakistan, minħabba tilwima burokratika. Sadanittant qed ikomplu d-diskussjonijiet politiċi filwaqt li huma ppjanati diskussjonijiet tekniċi biex jiġu ċċarati diversi punti dwar l-implimentazzjoni matul il-Kumitat Konġunt tar-Riammissjoni li jmiss fit-12 ta’ Jannar 2016.

5.Ġestjoni tal-fruntieri (il-punti 13-14)

L-Istqarrija tal-Mexxejja identifikat sensiela ta’ punti ewlenin fil-fruntieri fuq ir-rotta fejn huma meħtieġa aktar sforzi immedjati għall-ġestjoni u biex jerġa’ jittieħed kontroll tal-fruntieri tagħna u tiżdied il-kooperazzjoni.

Is-Summit bejn l-UE u t-Turkija fid-29 ta’ Novembru attiva Pjan ta’ Azzjoni Konġunt li issa jipprovdi l-qafas għal kooperazzjoni mill-qrib bejn iż-żewġ naħat. Dan il-pjan jirrifletti impenn reċiproku bejn l-UE u t-Turkija biex il-kriżi li ħoloq il-kunflitt Sirjan jindirizzawha flimkien fi spirtu ta’ qsim tal-piżijiet u biex iżidu l-kooperazzjoni tagħhom għas-sostenn tal-protezzjoni ta’ persuni spostati lejn it-Turkija minħabba l-kunflitt fis-Sirja u jsaħħu l-kooperazzjoni ta' bejniethom biex idaħħlu ordni fil-flussi migratorji u jgħinu biex iwaqqfu l-migrazzjoni irregolari.

Il-Frontex tinsab fil-proċess li ssaħħaħ il-preżenza tagħha fuq il-fruntiera bejn il-Bulgarija u t-Turkija, u tantiċipa l-skjerament ta’ 24 uffiċjal tal-fruntiera, b’tagħmir tekniku.

Rigward l-intensifikazzjoni tal-Operazzjoni Konġunta Poseidon Sea, wara d-deċiżjoni tal-awtoritajiet Griegi li jiskjeraw 31 kap ta' tim mill-Pulizija Ellenika kmieni f'Diċembru, il-Frontex tista’ żżid il-preżenza tagħha fuq il-gżejjer u fil-baħar Eġew bi 100 membru tal-persunal aktar, mill-bidu ta' Jannar 2016. L-iskjerament ta’ kapijiet ta' timijiet huwa kważi lest. Attwalment 157 uffiċjal issekondat tal-Frontex huma skjerati fuq l-art u 146 fuq il-baħar. Barra minn hekk, il-Greċja ħarġet talba formali fit-3 ta’ Diċembru 2015 għall-iskjerament ta’ Tim ta’ Intervent Rapidu fil-Fruntieri biex jagħti appoġġ immedjat lill-gwardjani tal-fruntieri fil-fruntieri esterni tagħha fil-gżejjer Eġej.

Fit-3 ta’ Diċembru l-Greċja ftiehmet fuq pjan operazzjonali mal-Frontex għal operazzjoni ġdida fuq il-fruntiera Griega mal-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja. Il-potenzjal għal din il-fruntiera li ssir sors ta’ tensjoni żdied matul iż-żmien li ttieħed biex jintlaħaq qbil għall-iskjerament tal-Frontex, bħala riżultat tal-bini ta’ ċint fil-fruntiera bħala għodda tal-ġestjoni tal-fruntieri, kif ukoll id-deċiżjoni mill-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja li ssegwi d-deċiżjoni ta’ pajjiżi oħra li jirrestrinġu l-passaġġ fuq il-bażi ta’ nazzjonalità. L-Istqarrija tal-Mexxejja enfasizzat ukoll il-ħtieġa li l-Greċja u l-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja jidħlu kompletament biex japplikaw miżuri bilaterali li jiffavorixxu l-bini tal-fiduċja relatati mal-fruntieri: ftit li xejn inkiseb dwar dan minn meta saret il-laqgħa tal-Ministri tal-Affarijiet Barranin tagħhom fil-bidu ta’ Novembru, għalkemm il-kuntatti ta’ kuljum bejn l-amministrazzjonijiet tal-fruntiera tjiebu.

Għandhom jittieħdu wkoll aktar passi biex jingħelbu l-ostakoli li jfixklu lill-frontex milli taħdem fuq in-naħa l-oħra tal-fruntiera tas-Serbja u tal-Kroazja bħala Stat Membru tal-UE u pajjiż terz. Il-Frontex tista’ tgħin fil-monitoraġġ ta' kemm persuni jaqsmu l-fruntieri u tagħti appoġġ għar-reġistrazzjoni f’punti ta’ qsim tal-fruntiera Kroata-Serba.

Mod ieħor kif tagħti appoġġ kien li tgħin lill-pajjiżi kkonċernati biex jiżguraw li l-flussi ma joħolqux problemi ta' ordni pubblika. Fil-Laqgħa tal-Mexxejja s-Slovenja talbet l-appoġġ ta’ 400 uffiċjal tal-pulizija fi żmien ġimgħa permezz ta’ appoġġ bilaterali. Bħalissa madwar 200 uffiċjal tal-pulizija minn Stati Membri oħra huma skjerati fis-Slovenja.

Il-fowkus pass pass fuq il-kwistjonijiet prinċipali tul ir-rotta tal-Balkani tal-Punent irriżulta f’titjib sostanzjali tal-prevedibbiltà, mirfuda minn preżenza sostanzjali tal-Frontex, għalkemm il-progress baqa’ irregolari. Il-miżuri qed jinżammu lura wkoll minħabba nuqqasijiet fir-rispons tal-Istati Membri għas-sejħiet li għamlet il-Frontex għal għarfien espert u tagħmir (sa issa, l-Istati Membri wiegħdu 31 % biss tal-ammont totali ta’ jiem lavorattivi mitluba mill-Frontex).

Ir-rifjut ta’ dħul għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi li ma jikkonfermawx ix-xewqa li japplikaw għall-protezzjoni internazzjonali (f’konformità mal-liġijiet internazzjonali u tal-UE dwar l-asil u suġġett minn qabel għal non-refoulement u l-kontrolli ta' proporzjonalità) hija parti minn miżuri li jistgħu jittieħdu biex tiġi indirizzata l-migrazzjoni irregolari. Iżda l-konsegwenzi jeħtieġu li jiġu rikonoxxuti: dawn jinkludu riskju ta’ akkumulazzjoni ta’ persuni maqbuda fil-fruntieri, l-inkoraġġiment possibbli ta’ kuntrabandu u d-devjazzjoni ta’ flussi mkien ieħor (il-Bożnja u Ħerzegovina u l-Montenegro adottaw pjanijiet ta’ kontinġenza biex jiġġieldu kontra din l-eventwalità). Dan jeħtieġ li jiġi segwit. Pereżempju, il-Frontex se tassisti lill-Greċja fir-reġistrazzjoni tal-migranti permezz tal-iskjerament ta’ 26 uffiċjali fil-fruntiera mal-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja. Operazzjonijiet ta’ ritorn għal dawk li ma jkollhomx bżonn ta’ protezzjoni internazzjonali għandhom jiġu intensifikati. L-UNHCR qed jgħin ukoll lill-awtoritajiet Griegi billi jidderieġi lil persuni fis-sistema ta’ ġestjoni tal-migrazzjoni Griega u fi bżonnijiet umanitarji immedjati: operazzjoni ewlenija seħħet fl-10 ta’ Diċembru meta ġew ittrasferiti persuni mill-fruntiera tat-Tramuntana għal bliet kbar biex it-talbiet tagħhom għall-asil jiġu vvalutati.

6.Ġlieda kontra l-kutrabandu u t-traffikar (il-punt 15)

Apparti l-kooperazzjoni dwar il-flussi migratorji, aspett ieħor ta’ kooperazzjoni kienet il-ħidma dwar il-ġlieda kontra l-kuntrabandu u t-traffikar tal-bnedmin. Memorandum ta’ fehim li jippermetti l-iskambju ta’ dejta personali bejn l-Europol u l-Frontex ġie ffirmat fl-4 ta' Diċembru. Sa Marzu 2016 l-Europol se jwaqqaf ċentru Ewropew kontra l-Kuntrabandu ta’ Migranti. Eżempju wieħed ta’ appoġġ akbar tal-Europol huwa l-istabbiliment ta’ Uffiċċju Operazzjonali Konġunt fi Vjenna, bħala nodu temporanju, ta' intelligence/investigazzjoni reġjonali integrat għal kollox fiċ-Ċentru Ewropew kontra l-Kuntrabandu ta’ Migranti iżda li jippermetti kooperazzjoni aħjar fost l-investigaturi tal-Istati Membri differenti preżenti fl-Awstrija. Ir-reklutaġġ tal-biċċa l-kbira tal-membri ġodda tal-persunal allokat għaċ-Ċentru Ewropew kontra l-Kuntrabandu tal-Migranti se jiġi varat din is-sena.

L-Europol riċentement ipprovdiet appoġġ (l-iskambju ta’ informazzjoni operazzjonali u l-iskjerament ta’ analista) għal bosta operazzjonijiet fuq skala kbira kontra l-kuntrabandu tal-migranti fil-Balkani tal-Punent, inkluż pereżempju l-Operazzjoni Komuni “Koštana 2015” f’Settembru-Ottubru 2015 fil-fruntiera bejn is-Serbja u l-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, bil-parteċipazzjoni ta’ seba’ pajjiżi tar-reġjun. L-aktar reċenti, fit-2 ta’ Diċembru, l-Europol appoġġa operazzjoni konġunta fuq skala kbira li saret minn awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi u awtoritajiet ġudizzjarji mill-Awstrija, il-Greċja, l-Iżvezja u r-Renju Unit. Dan il-każ, li kien ikkoordinat mill-awtoritajiet ġudizzjarji f’Thessaloniki (il-Greċja), kellu fil-mira grupp ta’ kriminalità organizzata ssuspettat bil-kuntrabandu ta’ persuni lejn l-UE u rriżulta fiż-ż-żarmar ta’ grupp kriminali u l-arresti ta’ total ta’ 23 suspettat.

7.Informazzjoni dwar id-drittijiet u l-obbligi tar-refuġjati u l-migranti (il-punt 16)

L-informazzjoni hija essenzjali għall-ġlieda kontra kunċetti żbaljati u aspettattivi mhux realistiċi fost ir-refuġjati u l-migranti, u biex tikkonvinċihom sabiex jiġu evitati vjaġġi perikolużi u biex ma jiddependux fuq kuntrabandisti. Il-Kummissjoni waqqfet Task Force għall-Komunikazzjoni li tinkludi l-atturi istituzzjonali rilevanti kollha. It-Task Force ddefinixxiet Strateġija tal-Informazzjoni msejsa fuq tliet fażijiet: il-valutazzjoni, il-produzzjoni ta' kontenut u t-tixrid. L-ewwel nett, l-immappjar ta’ mezzi li permezz tagħhom il-migranti u l-persuni li jfittxu asil jiksbu informazzjoni se jiġi konkluż biex il-mira fuq il-messaġġi għal persuni li jfittxu l-asil u għall-migranti tkun aktar effettiva kemm fl-UE kif ukoll barra minnha. Dan imbagħad se jikkontribwixxi għal materjal speċifiku għall-pajjiżi dwar il-proċeduri tal-asil fl-Ewropa kif ukoll għal narrattivi kontra l-kuntrabandu fil-lingwi ewlenin, u wkoll għal mezzi ġodda ta’ disseminazzjoni permezz tal-midja soċjali (minbarra l-mezzi istituzzjonali, inklużi d-Delegazzjonijiet tal-UE, li jaħdmu f’hotspots, kif ukoll permezz tal-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Migrzzjoni, l-UNHCR, il-midja tradizzjonali u r-rappreżentanti tad-dijaspora). L-ewwel operazzjonijiet ta’ komunikazzjoni tul ir-rotta tal-Balkani tal-Punent se jiġu varati f’nofs Jannar.

8.Monitoraġġ (il-punt 17)

Sa issa saru seba' vidjokonferenzi ta' segwitu waħda kull ġimgħa mal-punti ta’ kuntatt nazzjonali, ippreseduti mill-Kabinett tal-President Juncker. 25 Kien hemm livell tajjeb ħafna ta’ parteċipazzjoni mill-pajjiżi kollha tar-reġjun f’dawn vidjokonferenzi u l-approċċ laħaq l-aspettattivi.

(1)

Attendew ukoll il-Frontex, kif ukoll l-Uffiċċju Ewropew ta’ Appoġġ fil-qasam tal-Asil.

(2)

     http://ec.europa.eu/news/2015/docs/leader_statement_final.pdf.

(3)

     Kien hemm ukoll konferenza ta’ livell għoli dwar ir-rotta tal-Mediterran tal-Lvant/il-Balkani tal-Punent fit-8 ta’ Ottubru 2015 fil-Lussemburgu, kif ukoll il-laqgħa Ministerjali ĠAI bis-suġġett UE-il-Balkani tal-Punent fis-7 ta’ Diċembru.

(4)

     Dan ir-rapport huwa bbażat fuq l-informazzjoni li waslet sal-11 ta’ Diċembru.

(5)

     Ara l-Kapitolu 8 hawn taħt.

(6)

     L-iskambji ta’ informazzjoni saru aktar effettivi permezz bl-attivazzjoni tal-Arranġamenti Integrati tal-UE għal Tweġiba Politika f'Sitwazzjonijiet ta' Kriżi (IPCR) fil-modalità ta’ kondiviżjoni ta’ informazzjoni.

(7)

     Jekk jogħġbok ara d-dettalji hawn taħt fil-Kapitoli 4 u 5.

(8)

     L-iskeda tal-missjonijiet rigward il-valutazzjoni ta’ ħtiġijiet hija dan li ġej: il-Greċja fis-26-27 ta’ Ottubru u t-18 ta’ Novembru, is-Slovenja fid-9 u fis-16-17 ta’ Novembru, il-Kroazja fl-10-12 ta’ Novembru, is-Serbja fid-19-20 ta’ Novembru, il-Bulgarija fit-30 ta’ Novembru, l-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja fit-30 ta’ Novembru u fl-1 ta’ Diċembru, l-Awstrija fit-3 ta’ Diċembru, ir-Rumanija fis-7 ta’ Diċembru, u l-Ungerija fit-8 ta’ Diċembru. Kien hemm ukoll laqgħa preparatorja mal-Ġermanja fit-30 ta’ Novembru, b’missjoni ta’ segwitu ppjanata għal kmieni fl-2016.

(9)

     Ara l-Kapitolu 3 hawn taħt.

(10)

     Ara l-Kapitolu 4 hawn taħt. Valutazzjoni tal-ħtiġijiet kompletament aġġornata mill-Greċja għadha ma waslitx.

(11)

     Pereżempju, il-missjoni tal-Kummissjoni tal-valutazzjoni tal-ħtiġijiet għall-Kroazja nnutat li l-prattika li jiġi organizzat trasport lejn il-frutiera Slovena ma waqfitx.

(12)

     Maqsumin bejn “intenzjoni li tiżdied il-kapaċità ta’ akkoljenza għal 30 000 post sal-aħħar tas-sena u [impenn] ta' appoġġ lill-Greċja u lill-UNHCR biex jipprovdu sussidji għall-kera u programmi ta' familji ospitanti għal mill-inqas 20 000 oħra.”

(13)

     Fil-valutazzjoni tal-ħtiġijiet tagħha f’Ottubru l-Greċja nnotifikat li għandha 9 171 post permanenti (3 071 post f'faċilitajiet miftuħa tal-akkoljenza, li minnhom 1 371 post huma għal dawk li jfittxu l-asil u 1 700 post għal dawk li mhux qed ifittxu l-asil, u 6 100 post f’ċentri ta’ qabel it-tneħħija għal dawk li jirritornaw lejn pajjiżhom) u 2 543 tal-ewwel akkoljenza (temporanji) (li minnhom 2 303 f’ħames hotspots identifikati u 240 f’Filakio.

(14)

     B’kollox għall-2014-2020, il-Greċja ġiet allokata EUR 474 miljun għall-programmi nazzjonali tagħha AMIF u ISF, li minnhom EUR 33 miljun diġà tħallsu fl-2015. F’dawn l-aħħar xhur, il-Greċja (lill-awtoritajiet Griegi direttament kif ukoll l-UNHCR u l-IOM għall-attivitajiet fil-Greċja) ingħatat ammont totali ta’ EUR 51,9 miljun f’għajnuna ta’ emerġenza, mill-ISF (EUR 22,2 miljun) u l-AMIF (EUR 29,7 miljun).

(15)

     Li jkopru l-provvediment ta’ akkomodazzjoni temporanja u servizzi bażiċi bħall-ikel, oġġetti mhux tal-ikel, u l-protezzjoni.

(16)

     Li jkopru l-provvediment ta’ kenn temporanju u assistenza bażika lir-refuġjati bħal ikel, oġġetti mhux tal-ikel, protezzjoni, u saħħa.

(17)

     Il-finanzjament ta’ emerġenza f’din it-taqsima jirreferi għal finanzjament taħt il-Fond għall-Asil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni u l-Fond għas-Sigurtà Interna - Furniteri u Viża

(18)

     Il-pajjiżi kkonċernati nnutaw ukoll li l-migranti u r-rifuġjati ma jistgħux jiġu sfurzati biex jibqgħu fil-faċilitajiet ta’ akkoljenza.

(19)

     Sas-sajf tal-2016 se jiżdiedu 400 post temporanju.

(20)

     B’baġits totali ta’ EUR 82,4, EUR 120,2 u EUR 85,2 miljun, rispettivament.

(21)

     Saru erba’ vidjokonferenzi, fit-28 ta’ Ottubru, fil-5 ta’ Novembru, fid-19 ta’ Novembru u fit-3 ta’ Diċembru.

(22)

     Inkluż EUR 2,3 miljun għas-Serbja, EUR 2,2 miljun għall-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, EUR 1,5 miljun għas-Slovenja kif ukoll proġetti implimentati mill-IOM fil-Greċja, fl-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, fil-Kroazja u fis-Slovenja.

(23)

     Minkejja dan ir-reġistrazzjoni fuq il-karta għadha tintua fil-preżent.

(24)

     http://ec.europa.eu/priorities/migration/docs/20151016-eu-revised-draft-action-plan_en.pdf.

(25)

     Fit-28 ta’ Ottubru, fl-4 ta’ Novembru, fl-10 ta’ Novembru, fid-19 ta’ Novembru, fis-26 ta’ Novembru, fit-2 ta’ Diċembru u fl-10 ta’ Diċembru.

Top

Strasburgu, 15.12.2015

COM(2015) 676 final

ANNESS

tar-

RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

dwar is-segwitu tal-Laqgħa tal-Mexxejja dwar il-flussi tar-refuġjati matul ir-Rotta tal-Balkani tal-Punent


Anness: Sommarju tal-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni adottat matul il-Laqgħa tal-Mexxejja

Pjan ta' azzjoni

Stat ta' progress

Skambjar permanenti ta’ informazzjoni

1. Nomina ta' punti ta’ kuntatt fi żmien 24 siegħa

✓Il-pajjiżi parteċipanti, l-istituzzjonijiet u l-aġenziji kollha nnominaw punti ta’ kuntatt

✓ Żieda fil-kuntatti bilaterali

X Mhux biżżejjed notifika minn qabel dwar il-bidliet fil-politiki nazzjonali

X Miżuri unilaterali inkluż kundizzjonijiet tad-dħul ibbażati de facto fuq in-nazzjonalità u l-bini ta' ċnut.

2. Valutazzjonijiet konġunti tal-ħtiġijiet fi żmien 24 siegħa

✓Valutazzjoni inizjali u sussegwenti ta’ missjonijiet fuq il-post imwettqa mill-Kummissjoni

X Il-valutazzjoni finali tal-ħtiġijiet għad trid tasal mingħand il-Greċja

Limitar tal-Movimenti Sekondarji

3. L-iskoraġġiment ta’ movimenti għal għarrieda ta’ refuġjati jew migranti

✓Żieda fil-kooperazzjoni u l-komunikazzjoni bejn l-awtoritajiet tal-fruntieri

X Nuqqas ta’ rieda politika biex tinħoloq kapaċità ta’ akkoljenza għal soġġorni ta’ aktar minn 24 siegħa

Appoġġ lir-refuġjati u l-provvediment ta' kenn u mistrieħ

4. Żieda fl-appoġġ lir-refuġjati, inkluż permezz tal-Mekkaniżmu tal-Protezzjoni Ċivili

✓Il-finanzjament tal-UE appoġġa lill-pajjiżi kollha tul ir-rotta

✓ Il-Kroazja u l-Greċja attivaw il-Mekkaniżmu tal-Protezzjoni Ċivili

X Il-maġġoranza tat-talbiet għal assistenza għal operazzjonijiet tal-Mekkaniżmu tal-Protezzjoni Ċivili kurrenti ma ntlaħqux

5. Żieda f’kapaċità ta’ akkoljenza fil-Greċja għal total ta’ 50 000 post sal-aħħar tas-sena

X Il-kapaċità ta’ akkoljenza hija inferjuri għal dik fil-mira

6. Żieda ta’ kapaċitajiet ta’ akkoljenza b’50 000 post fuq ir-rotta tal-Balkani tal-Punent

X Il-kapaċità ta’ akkoljenza hija inferjuri għal dik fil-mira

7. Ħidma ma' Istituzzjonijiet Finanzjarji Internazzjonali

✓ Netwerk stabbilit biex jikkoordina x-xogħol

X Bżonn li jiġu żviluppati risponsi fuq perjodu medju u fit-tul

Ġestjoni konġunta tal-flussi ta’ migrazzjoni

8. L-iżgurar ta’ kapaċità massima għar-reġistrazzjoni ta' min jasal

X Il-Hotspots fl-Italja u fil-Greċja ma humiex għal kollox operattivi

9. L-iskambju ta’ informazzjoni dwar id-daqs tal-flussi

✓ Rappurtar ta' kuljum mill-Frontex

10. Ħidma mal-aġenziji tal-UE biex jidħol fis-seħħ malajr dan l-iskambju ta’ informazzjoni

✓ Rappurtar ta' kuljum mill-Frontex

11. Tisħiħ tal-azzjoni dwar ir-ritorn

✓ Appoġġ tal-EU rigward ir-ritorn

X Bżonn li jiżdiedu l-operazzjonijiet ta’ ritorn

12. Żieda tal-kooperazzjoni rigward ir-riammissjoni

✓ Djalogi ta' livell għoli ma' pajjiżi terzi

X Ostakoli għal riammissjoni effettiva

Ġestjoni tal-Fruntieri

13. Żieda fl-isforzi tal-ġestjoni tal-fruntieri

✓ L-attivazzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni Konġunt bejn l-EU u t-Turkija

✓L-operazzjonijiet tal-Frontex li jinsabu għaddejjin fil-biċċa l-kbira tal-fruntieri ewlenin, inkluż fuq il-baħar (Poseidon) u fil-fruntiera Bulgara/Torka u dik Griega/Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja

✓Talba formali mill-Greċja għall-iskjerament ta’ Tim ta’ Intervent Rapidu fil-Fruntieri

✓Tisħiħ tan-Netwerk ta’ Analiżi tar-Riskju tal-Balkani tal-Punent tal-Frontex

X Miżuri insuffiċjenti favur il-bini tal-fiduċja relatata mal-fruntieri bejn il-Greċja u l-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja

X L-għadd ta' uffiċjali tal-pulizija ssekondati fis-Slovenja huwa inferjuri għal dak fil-mira

X Għad baqa’ xi ostakoli fil-forniment ta' assistenza tal-Frontex lill-Kroazja u lis-Serbja

14. Konferma mill-ġdid tal-prinċipju ta’ ċaħda ta’ dħul lil ċittadini ta’ pajjiżi terzi li ma jikkonfermawx ix-xewqa li japplikaw għall-protezzjoni internazzjonali

X Bżonn ta’ azzjoni biex tittaffa l-akkumulazzjoni potenzjali ta’ persuni maqbuda fil-fruntieri

Ġlieda kontra l-kuntrabandu u t-traffikar

15. Jiżdiedu l-azzjonijiet kontra l-kuntrabandu tal-migranti u t-traffikar tal-bnedmin

✓Memorandum ta’ fehim li jippermetti l-iskambju ta’ dejta personali bejn l-Europol u l-Frontex

✓It-twaqqif taċ-Ċentru Ewropew kontra l-Kuntrabandu tal-Migranti mill-Europol

✓ Appoġġ għal operazzjonijiet fuq skala kbira

Informazzjoni dwar id-drittijiet u l-obbligi tar-refuġjati u l-migranti

16. Użu tal-għodod ta’ komunikazzjoni kollha disponibbli biex tingħata informazzjoni dwar ir-refuġjati u l-migranti

✓ Task Force għall-Komunikazzjoni

X Tnedija tal-ewwel operazzjonijiet ta’ komunikazzjoni

Monitoraġġ

17. Kull ġimgħa jsir monitoraġġ tal-implimentazzjoni ta’ dawn l-impenji

✓Kull ġimgħa jsiru vidjokonferenzi b’livell tajjeb ħafna ta’ parteċipazzjoni

Top