IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Strasburgu, 27.10.2015
COM(2015) 610 final
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI
Programm ta' Ħidma tal-Kummissjoni tal-2016
Mhux il-waqt li kollox jibqa' l-istess
Sena ilu din il-Kummissjoni wettqet bidu ġdid. Abbażi tal-Linji Gwida Politiċi, iddefinixxejna l-prijoritajiet tal-Kummissjoni u impenjajna ruħna li niffukaw fuq l-affarijiet il-kbar fejn iċ-ċittadini jistennew li l-UE tagħmel id-differenza. Iddeċidejna li nibdlu l-mod kif naħdmu, u li nkunu miftuħa u responsabbli għall-azzjonijiet tagħna. U aħna stedinna lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill biex jikkoperaw magħna sabiex inwasslu din il-bidla, għaliex l-uniku mod biex terġa’ tinkiseb il-fiduċja tal-Ewropej li l-Unjoni tagħna qiegħda hemm biex isservihom huwa tabilħaqq meta niksbu r-riżultati flimkien f'dawk l-affarijiet li huma tassew importanti.
Iċ-ċittadini se jiġġudikaw lill-UE fuq kemm hi kapaċi tiffaċċja l-isfidi ewlenin li jinsabu quddiem is-soċjetajiet tagħna llum. L-impjiegi, it-tkabbir u d-diskrepanza fl-investiment. Ir-refuġjati li jaħarbu l-instabilità u l-gwerer biex ifittxu post tal-kenn. It-tibdil fil-klima u l-pressjoni fuq ir-riżorsi naturali. L-inugwaljanza, l-intolleranza u sens ta’ insigurtà f’xi partijiet tal-komunitajiet tagħna. Ir-realtà tal-interdipendenza globali u nuqqas ta’ fiduċja tagħna dwar x'inhu post l-Ewropa f’ordni dinji emerġenti ġdid.
L-għaxar prijoritajiet stabbiliti fl-Aġenda għall-Impjiegi, it-Tkabbir, il-Ġustizzja u t-Tibdil Demokratiku — li jikkostitwixxu kemm l-istqarrija tal-missjoni tal-Kummissjoni Juncker kif ukoll il-bażi li fuqha ġejna eletti – tindirizza dawn l-isfidi. L-avvenimenti determinati tas-sena li għaddiet – mill-irkupru tal-ekonomiji tagħna aktar bil-mod milli kien mistenni u l-ħtieġa li jerġa’ jkun hemm l-istabbiltà tal-ekonomija Griega, sal-pressjoni migratorja fuq il-fruntieri esterni tagħna megħjuna min-nuqqas ta’ sigurtà fil-viċinat tagħna, sal-attakk terroristiku kontra Charlie Hebdo u bnadi oħra fuq l-art Ewropea — komplew isaħħu d-determinazzjoni tagħna biex nibqgħu ffukati fuq dawn il-prijoritajiet, biex nagħmlu affarijiet differenti u biex l-affarijiet nagħmluhom b'mod differenti.
Nagħmlu affarijiet differenti
Is-sena li għaddiet għidna li se nagħmlu affarijiet differenti u li se nikkonċentraw fuq l-affarijiet il-kbar. Minn dak iż-żmien 'l hawn ippreżentajna l-viżjoni tagħna u l-miżuri konkreti li jeħtieġ nieħdu fil-Pjan ta' Investiment, fis-Suq Uniku Diġitali, fl-Unjoni tal-Enerġija, fl-Aġenda Ewropea dwar is-Sigurtà, fl-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni, fl-Unjoni tas-Swieq Kapitali, fil-Pjan ta’ Azzjoni għal Tassazzjoni Ġusta u Effiċjenti tal-Kumpaniji, fl-Istrateġija Kummerċjali l-ġdida u fl-aktar proposti reċenti tagħna, biex napprofondixxu u nsaħħu l-Unjoni Ekonomika u Monetarja tagħna. Din il-ġimgħa qed nippreżentaw l-Istrateġija tas-Suq Uniku għal oġġetti u servizzi, u sa qabel tmiem is-sena l-istampa kollha se tkun lesta bil-pjanijiet tagħna għal ekonomija ċirkolari sostenibbli, għall-mobilità tax-xogħol u għal ġestjoni aħjar tal-fruntieri esterni tagħna. Dawn l-azzjonijiet kollha huma msejsa fuq l-Aġenda għal Regolamentazzjoni Aħjar tal-Kummissjoni.
Wara djalogu kontinwu mal-Parlament Ewropew u l-Kunsill imniedi mid-diskors tal-President dwar l-Istat tal-Unjoni tad-9 ta’ Settembru, dan il-Programm ta’ Ħidma jistabbilixxi l-inizjattivi ewlenin li se nieħdu fit-tnax-il xahar li jmiss sabiex inwettqu dawn l-impenji. Ma jistax isir kollox f’sena iżda dak li qed nimpenjaw ruħna għalih jirrappreżenta aġenda leġiżlattiva sostantiva, u qafas għal aktar azzjonijiet li se jiġi inkluż fi programmi ta’ ħidma futuri, li għalihom ix-xogħol preparatorju, flimkien mal-evalwazzjonijiet, il-konsultazzjonijiet u l-valutazzjonijiet tal-impatt, se jibdew fl-2016.
Tajna prijorità lill-bidliet leġiżlattivi li – jekk ikun hemm qbil dwarhom malajr – jista’ jkollhom impatt dirett fuq l-impjiegi u t-tkabbir, fuq l-ambjent u fuq il-benessri soċjali, fuq is-sigurtà tagħna u fuq il-mod kif naħdmu f'dinja interkonnessa.
Il-Parlament Ewropew elett direttament u mill-Kunsill tal-Ministri ta’ kull gvern nazzjonali, li huma l-koleġiżlaturi tal-UE, qablu b’rapidità liema bħalha dwar il-proposti tal-Kummissjoni għal Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (EFSI), sabiex jiġi emendat il-Baġit tal-UE għall-2015 sabiex jissaħħaħ l-appoġġ finanzjarju fil-kuntest tal-kriżi tar-refuġjati, għal pakkett ta’ EUR 35 biljun għall-impjiegi u għat-tkabbir fil-Greċja u għal deċiżjonijiet ta’ emerġenza rigward ir-riallokazzjoni fl-UE ta’ refuġjati fil-bżonn ta’ protezzjoni internazzjonali. Dan l-isforz konġunt sabiex jinkisbu r-riżultati rapidament fejn hemm bżonn li jittieħdu d-deċiżjonijiet, u jittieħdu malajr, ma għandux jibqa' jkun l-eċċezzjoni iżda jrid isir in-norma.
Għaldaqstant qabel ma tfassal dan il-Programm ta' Ħidma, il-Kummissjoni għamlet diskussjonijiet intensi u kostruttivi mas-sħab istituzzjonali sabiex jissawwar għarfien komuni ta' fejn għandha tingħata l-attenzjoni. L-aħjar proposti ma huma se jibdlu xejn jekk jibqgħu fuq il-mejda tan-negozjati għal snin mingħajr ma jintlaħaq ftehim. Huwa għalhekk li aħna identifikajna xi proposti eżistenti li jeħtieġ li jiġu adottati malajr mill-koleġiżlaturi, u għaliex għandna l-ħsieb li nirtiraw għadd ta’ proposti li saru qabel mill-Kummissjoni li ma għadhomx relevanti, li ġew imblukkati jew li ma għadhomx jissodisfaw il-livell meħtieġ ta’ ambizzjoni, sabiex joħolqu spażju ħalli jingħataw attenzjoni l-proposti prijoritarji li x'aktarx isir qbil fuqhom.
Nagħmlu l-affarijiet b’mod differenti
Sfidi ġodda jeħtieġu rispons ġdid u ambizzjuż, iżda rridu nibqgħu daqstant ambizzjużi sabiex jintlaħqu l-isfidi attwali u, fuq kollox, nivverifikaw li meta hemm bżonn ta' rispons Ewropew, dan ikun kemm jista’ jkun effettiv sabiex jintlaħqu l-għanijiet komuni tagħna. Ir-riżultati li jgħoddu, mhux l-intenzjonijiet tajbin. Dan l-impenn tal-Kummissjoni għal regolamentazzjoni janalizza l-evidenza, u jiżgura li meta l-UE tintervjeni hija tagħmel dan b’mod li effettivament tagħmel differenza pożittiva fil-konkret. Għalhekk jeħtieġ li nkunu l-ħin kollu viġilanti biex niżguraw li l-leġiżlazzjoni u l-programmi tal-infiq jaħdmu b’mod effikaċi u jibqgħu adattati għall-iskop.
F’ħafna oqsma huwa meħtieġ approċċ komuni fuq il-livell Ewropew jekk irridu nilħqu l-għanijiet ta' politika ambizzjużi tagħna – livell għoli ta’ protezzjoni ambjentali, livell għoli ta’ standards soċjali u tal-impjieg, is-sigurtà tal-enerġija, ekonomija ta' suċċess li minnha jibbenefika kulħadd, politika ta’ migrazzjoni li tirrifletti l-valuri komuni tagħna. Iżda r-regoli li għadda żmienhom, jew li huma wisq onerużi jew wisq kumplessi biex jiġu applikati fil-prattika, mhux se jilħqu l-objettivi tagħhom.
L-ivverifikar li r-regoli tagħna effettivament huma adattati biex iwettqu l-ambizzjonijiet tagħna f’dawn l-oqsma mhijiex xi ħaġa tal-biża’ iżda opportunità sabiex intejbuhom – opportunità sabiex jiġi żgurat li f’oqsma bħal-leġiżlazzjoni dwar is-saħħa u s-sikurezza, r-regoli jistgħu jitħaddmu u jistgħu jiġu infurzati, sabiex l-istandards għolja li stabilixxejna jiġu effettivament applikati fil-postijiet tax-xogħol kollha, għall-benefiċċju tal-ħaddiema fl-Unjoni.
Din hi r-raġuni għala ddeċidejna li ninkludu f’dan il-Programm ta’ Ħidma l-pjanijiet tagħna sabiex nirrieżaminaw l-oqsma ewlenin tal-leġiżlazzjoni eżistenti u biex niżguraw li huma adegwati ħalli fil-prattika jagħmlu differenza reali. U aħna qed nipproponu li nħassru xi liġijiet li ma għadhomx aktar rilevanti. Fl-istess spirtu, għall-informazzjoni taċ-ċittadini u tal-kummerċ, qed niġbdu l-attenzjoni dwar il-leġiżlazzjoni l-ġdida tal-UE li se tapplika għall-ewwel darba matul is-sena d-dieħla.
Il-monitoraġġ, u jekk ikun meħtieġ l-infurzar tal-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni Ewropea, huwa wieħed mill-aktar responsabbiltajiet importanti tal-Kummissjoni, iżda mhux dejjem kellu l-attenzjoni politika li jixraqlu. Aħna qed nibdlu dan u nintensifikaw l-attivitajiet ta' infurzar fl-oqsma li huma l-iktar importanti, pereżempju r-regoli komuni tagħna dwar l-ażil iridu jaħdmu sewwa jekk għandu jkun hemm fiduċja fiż-żona ta’ Schengen mingħajr fruntieri interni. L-applikazzjoni tar-regoli komuni Ewropej tagħna fil-prattika tfisser li jkun hemm ħidma mill-qrib mal-atturi fil-livelli kollha – nazzjonali, reġjonali u lokali.
Aħna determinati li nużaw l-għodod kollha li għandna għad-dispożizzjoni tagħna biex nilħqu l-għanijiet tagħna. Fi żmien meta r-riżorsi għandhom jissodisfaw il-bżonnijiet aktar minn qatt qabel, il-baġit tal-UE għandu jkun orjentat lejn ir-riżultati. Ir-rieżami ta’ nofs it-terminu tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali se jagħti ħarsa kif il-finanzjament jista’ jiġi ffukat fuq il-prijoritajiet li qed niffaċċjaw, bħalma huma d-dimensjonijiet interni u esterni tal-kriżi tar-refuġjati. Barra minn hekk, il-Kummissjoni se tipproponi strateġija dwar "Baġit tal-UE ffukat fuq ir-riżultati" sabiex jiġi żgurat li l-finanzjament futur ikun aktar iffukat fuq il-kisba tar-riżultati. Jista’ jsir aktar sabiex jiġi ffaċilitat l-użu ta’ strumenti finanzjarji innovattivi, u hemm lok konsiderevoli għas-simplifikazzjoni (b’mod partikolari fl-agrikoltura, fil-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej u b'aktar sforzi fir-riċerka), titjib tal-prestazzjoni u miżuri li jorbtu l-effikaċja tal-fondi ma' governanza ekonomika tajba.
F’din it-tieni sena tal-mandat tagħna din il-mira tal-Kummissjoni għadha ċara: li tkun kbira fil-ħwejjeġ kbar, u aħjar f’kif twettaqhomu li tibqa' żgħira u modesta fl-affarijiet iż-żgħar li ma jkunux jeħtieġu azzjoni komuni tal-UE. B’dan il-Programm ta’ Ħidma, strutturat madwar għaxar prijoritajiet stabbiliti mill-President Juncker fil-bidu tal-mandat tagħna, aħna naffermaw mill-ġdid l-impenn tagħna li naħdmu mas-sħab tagħna fil-Parlament Ewropew u fil-Kunsill sabiex jinkisbu r-riżultati li l-Ewropej jistennew. Meta wieħed iqis l-isfidi li l-Ewropa qed tiffaċċja llum, dan mhux il-waqt li kollox jibqa' l-istess.
***
1.
Spinta ġdida għall-Impjiegi, it-Tkabbir u l-Investiment
L-istorja wriet li l-Ewropej għandhom kapaċità inerenti li jaħdmu bis-sħiħ, jinnovaw, joħolqu u jbigħu l-ideat tagħhom lid-dinja. Aħna ma nistgħux nippermettu li nitilfu t-talent u l-potenzjal ta' ġenerazzjoni. Il-Kummissjoni se tkompli tgħin lill-Istati Membri fl-isforzi tagħhom biex in-nies jerġa jkollhom xogħol. Aħna fornejna minn qabel EUR 1 biljun sabiex titħaffef l-implimentazzjoni tal-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ, sabiex ngħinu sa 650,000 żagħżugħ u żagħżugħa biex isibu impjieg, apprendistati, taħriġ jew edukazzjoni kontinwa fl-Ewropa. Ipproponejna gwida għall-Istati Membri sabiex jgħinu aħjar lid-diżokkupati fit-tul sabiex jerġgħu jibdew jaħdmu.
Hemm bżonn li nagħtu lill-Ewropej il-mezzi biex jadattaw għall-ħtiġijiet ta’ dinja li qed tinbidel b’rata mgħaġġla u għas-swieq tax-xogħol emerġenti. L-Aġenda dwar il-Ħiliet Ġodda tagħna se tippromwovi l-investiment fin-nies tul il-ħajja, mit-taħriġ vokazzjonali u l-edukazzjoni għolja sal-kompetenzi diġitali u tat-teknoloġija avanzata, kif ukoll il-ħiliet għall-ħajja meħtieġa għall-impenn attiv taċ-ċittadini f’postijiet tax-xogħol u s-soċjetajiet li qed jinbidlu. Se tingħata attenzjoni speċjali għall-bilanċ bejn il-ħajja privata u dik tax-xogħol tal-familji li jaħdmu, bil-għan li tiżdied il-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol. Id-Direttiva dwar in-Nisa fuq il-Bordijiet għandha tiġi adottata fl-2016 u l-Kummissjoni se tkompli tagħmel xogħol prattiku għall-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi.
Irridu wkoll naraw lill-kumpaniji Ewropej jisfruttaw bis-sħiħ l-opportunitajiet tas-Suq Uniku, jikbru u jikkompetu fuq skala globali. Għal dan jeħtieġu finanzjament stabbli, ambjent kummerċjali sod, u infrastruttura moderna. Il-Pjan ta’ Investiment għall-Ewropa issa lest u jaħdem. Il-Fond Ewropew għal Investimenti Strateġiċi (EFSI) issa operattiv u qed jikkontribwixxi b'investimenti ta’ kwalità għolja sabiex tingħata aktar spinta lill-ekonomija Ewropea, inkluż fir-riċerka. Aħna issa se niffukaw biex jitjieb l-ambjent tal-investiment u biex japprofondixxi ruħu s-suq uniku sabiex jagħti riżultati aħjar lill-Ewropej, inaqqas l-ostakli għall-kummerċ u joħloq ambjent adegwat għall-innovazzjoni.
Jeħtieġ li nibdew naħdmu minn issa sabiex tkun żgurata s-sostenibbiltà tal-Ewropa fil-futur. Se nressqu approċċ ġdid sabiex jiġi żgurat it-tkabbir ekonomiku u s-sostenibbiltà soċjali u ambjentali lil hinn mill-perjodu ta’ żmien tal-2020, filwaqt li jittieħed inkonsiderazzjoni r-rieżami ta' Ewropa 2020 u l-implimentazzjoni interna u esterna tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-Nazzjonijiet Uniti.
L-ottimizzar tal-użu tar-riżorsi huwa essenzjali sabiex jiġi żgurat li t-tkabbir ikun ekoloġiku u inklussiv. Mis-sena d-dieħla, aħna se nimplimentaw Pjan ta’ Azzjoni dwar l-Ekonomija Ċirkolari sabiex noħolqu suq uniku għall-użu mill-ġdid ta’ materjali u riżorsi, li se jgħin biex nitbiegħdu minn ekonomija lineari. Dan jirrikjedi azzjoni fil-partijiet kollha taċ-ċiklu ekonomiku, mill-provvista għall-produzzjoni, l-konsum, l-iskart u r-riċiklaġġ u l-innovazzjoni, sabiex nisfruttaw opportunitajiet kummerċjali li jkunu ekonomikament u ambjentalment effiċjenti
Futur sostenibbli tfisser ukoll li nipprevedu u nimmitigaw it-theddid għal ambjent b’saħħtu. Il-Kummissjoni se tkompli l-ħidma tagħha biex tgħin lill-Istati Membri jindirizzaw l-isfida tar-reżistenza għall-antimikrobiċi u biex jikkontribwixxu għall-isforzi globali ħalli tiġi indirizzata din it-theddida. Aħna se nniedu wkoll ħidma preparatorja u se ntejbu l-konsultazzjoni dwar il-Valutazzjoni tat-Teknoloġija tas-Saħħa sabiex intejbu l-funzjonament tas-suq uniku għall-prodotti tas-saħħa. Aħna se nikkonkludu l-ħidma preparatorja kumplessa li diġà għaddejja sabiex nipproteġu lill-Ewropej mill-perikli tas-sustanzi li jfixklu s-sistema endokrinali, u se nsegwuha. Ir-rieżami tagħna tal-leġiżlazzjoni eżistenti dwar is-saħħa u s-sikurezza fuq il-post tax-xogħol, inkluż dwar il-karċinoġeni u l-mutaġeni, se jtejjeb l-effiċjenza u l-effikaċja tal-qafas tal-UE għall-protezzjoni tal-ħaddiema.
2.
Suq Uniku Diġitali Konness
Ekonomija diġitali b’saħħitha tista' tespandi s-swieq u toħloq sorsi ġodda tal-impjieg. Hawnhekk l-Ewropa tista' tkun fuq quddiem jekk nistgħu negħlbu l-frammentazzjoni, intejbu dak li noffru lill-konsumaturi Ewropej, u niftħu opportunitajiet ġodda għan-negozji. Din hija r-raġuni għaliex il-Kummissjoni pproponiet l-Istrateġija tas-Suq Uniku Diġitali f’Mejju 2015. L-għan tagħna huwa li jiġu adottati l-proposti rilevanti kollha qabel tmiem l-2016 sabiex l-Unjoni jkollha Suq Uniku Diġitali kompletament funzjonali matul il-mandat ta’ din il-Kummissjoni.
F’Diċembru aħna se nippreżentaw il-viżjoni tagħna għal approċċ aktar modern, aktar Ewropew dwar id-drittijiet tal-awtur, sabiex tiġi meqjusa r-rivoluzzjoni diġitali. Aħna se nippreżentaw wkoll proposti dwar id-drittijiet ta' kuntratti diġitali. Aktar inizjattivi dwar id-drittijiet tal-awtur, l-imblukkar ġeografiku, il-fluss liberu tad-dejta, it-teknoloġiji cloud, u l-VAT fuq il-kummerċ elettroniku se jiġu ppreżentati matul l-2016.
Wara l-ftehim dwar il-proposti għal Kontinent Konness, inkluż it-tmiem tat-tariffi tar-roaming sal-2017, qegħdin naħdmu fuq reviżjoni komprensiva tal-qafas regolatorju tat-telekomunikazzjonijiet. Wara r-rieżamijiet REFIT rispettivi, aħna se nirrevedu d-direttiva dwar is-servizzi awdjoviżivi u tal-midja, id-direttiva dwar is-servizzi bil-kejbil u bis-satellita, u r-regolament dwar il-koperazzjoni fil-protezzjoni tal-konsumatur sabiex jiġi żgurat li s-sistema effettivament qed tagħti riżultati liċ-ċittadini. Aħna se naħdmu mal-koleġiżlaturi sabiex jintlaħaq ftehim sal-aħħar tas-sena dwar ir-riforma tal-protezzjoni tad-dejta u d-direttiva dwar is-sigurtà tan-netwerks u l-informazzjoni – żewġ elementi essenzjali għat-tisħiħ tal-fiduċja u s-sigurtà tas-suq diġitali uniku li dejjem qed jikber.
L-għan ambizzjuż tagħna huwa u jibqa’, li nħottu l-kompartimentalizzazzjoni nazzjonali tar-regolament tat-telekomunikazzjoni , tal-leġiżlazzjoni dwar id-drittijiet tal-awtur u l-protezzjoni tad-dejta, tal-ġestjoni tal-frekwenzi u tal-applikazzjoni tal-liġi tal-kompetizzjoni, filwaqt li tittieħed inkonsiderazzjoni d-diversità kulturali. Bil-ħolqien ta’ Suq Diġitali Uniku konness, nistgħu niġġeneraw sa EUR 250 biljun ta’ tkabbir ekonomiku addizzjonali fl-Ewropa matul il-mandat ta' din l-Kummissjoni, u b’hekk noħolqu mijiet ta’ eluf ta’ impjiegi ġodda, b’mod partikolari għaż-żgħażagħ li qed ifittxu impjieg, kif ukoll soċjetà vibranti bbażata fuq it-tagħrif.
3.
Unjoni tal-Enerġija Reżiljenti li jkollha Politika dwar it-Tibdil tal-Klima li Tħares lejn il-Futur
Fl-Istrateġija tal-Unjoni tal-Enerġija tagħna, il-Kummissjoni fasslet l-azzjonijiet ewlenin meħtieġa sabiex tiġi żgurata l-provvista tal-enerġija tal-Ewropa u titnaqqas id-dipendenza fuq l-importazzjoni, biex jiġu integrati s-swieq tal-enerġija nazzjonali, biex l-effiċjenza enerġetika tiġi l-ewwel u qabel kollox, biex tiġi dekarbonizzata l-ekonomija kif ukoll ħalli tiġi promossa r-riċerka, l-innovazzjoni u l-kompetittività. Fl-2016 se nressqu l-maġġoranza tal-elementi previsti fil-pjan direzzjonali tal-Unjoni tal-Enerġija. Aħna se nirrappurtaw dwar il-progress li sar u dak li għad irid isir b’mod regolari f'rapport tal-Istat tal-Unjoni tal-Enerġija.
L-Unjoni Ewropea għandha rwol ewlieni fit-taħditiet dwar il-klima ta' Pariġi, l-implimentazzjoni tal-pakkett dwar l-enerġija u l-klima tal-2030 se tkun il-prijorità ewlenija tas-sena d-dieħla, sabiex jiġi żgurat li l-għanijiet jintlaħqu. Fl-2016, il-Kummissjoni se tressaq proposta għall-qsim tal-isforzi għas-setturi li ma jagħmlux parti mill-Iskema għall-Iskambju tal-Kwoti tal-Emissjonijiet (ETS), bħall-kostruzzjoni, l-agrikoltura u l-dekarbonizzazzjoni tat-trasport. Aħna se nippromovu l-użu ta’ skemi ta’ tariffi tat-toroq mhux diskriminatorji bbażati fuq il-prinċipji ta’ min iniġġeż iħallas u ta’ min juża jħallas, u se nagħmlu sforz sabiex tinħoloq żona unika Ewropea tat-trasport, li tippermetti użu aktar effiċjenti tal-infrastruttura eżistenti tat-toroq u użu aktar flessibbli tal-kapaċità tal-flotta. Sabiex titħaffef it-tranżizzjoni tal-enerġija, il-Kummissjoni se tipproponi wkoll inizjattivi dwar tifsila ġdida tas-suq tal-enerġija, sabiex tintlaħaq il-mira ta’ 15 % sal-2030 fl-interkonnessjoni tal-elettriku, dwar is-sigurtà tal-provvista tal-enerġija, l-enerġija rinnovabbli u l-effiċjenza tal-enerġija. Fl-aħħar nett, se niżviluppaw strateġija integrata għar-riċerka, l-innovazzjoni u l-kompetittività fl-Unjoni tal-Enerġija sabiex nisfruttaw il-potenzjal tal-impjiegi u tat-tkabbir tal-ekonomija b'livell baxx ta' emissjonijiet ta' karbonju.
4.
Suq Intern Aktar Ġust u Aktar Profond b'Bażi Industrijali Msaħħa
Is-Suq Uniku huwa l-aqwa element ta' valur tal-Ewropa, u huwa uniku. Dan jippermetti lill-persuni, lill-prodotti, lis-servizzi u lill-kapital biex jiċċaqalqu b’mod iktar liberu. Dan jiżgura aktar għażla u prezzijiet aktar baxxi għall-konsumaturi. Dan jippermetti biex in-nies jgħixu, jaħdmu u jistudjaw fejn jixtiequ. Joffri opportunitajiet għall-professjonisti u għan-negozji, billi jnaqqas il-burokrazija li mill-banda l-oħra kieku jiffaċċjaw meta joperaw bejn il-fruntieri. Huwa s-sies tal-kompetittività tal-industriji Ewropej tagħna.
Bl-adozzjoni tal-istrateġija tas-suq uniku din il-ġimgħa, aħna enfasizzajna l-ħtieġa li nibnu fuq dawn il-vantaġġi u li nkomplu nilliberaw l-potenzjal kollu tas-suq intern tagħna, filwaqt li nadattaw għall-kundizzjonijiet ekonomiċi li qed jinbidlu, u nagħmluh il-port li jvara l-kumpaniji u l-industrija tagħna sabiex nirnexxu fl-ekonomija globali. Issa aħna se niffukaw fuq miżuri konkreti, mill-għajnuna lin-negozji l-ġodda biex jikbru, sal-illiberar tal-potenzjal ta’ mudelli ta’ negozju ġodda li joħorġu minn ekonomija kollaborattiva, sal-faċilitazzjoni tal-provvista tas-servizzi transfruntiera, sat-titjib tal-istandards tagħna u se niżguraw li l-leġiżlazzjoni tas-suq uniku tiġi applikata u infurzata b’mod xieraq fil-prattika. Aħna se naħdmu biex ineħħu l-ostakli legali u tekniċi ta’ aċċess għas-suq tat-trasport fit-triq u biex inssaħħu l-infurzar ta’ leġiżlazzjoni soċjali applikabbli. Aħna ffukajna fuq l-għajnuna għall-SMEs u għal negozji ġodda billi indirizzajna l-ostakli regolatorji u ffaċilitajna l-aċċess għall-finanzi. Aħna se nressqu inizjattiva ġdida dwar il-proċeduri ta’ ristrutturar preventiv u se nagħtu ċans ieħor lill-intraprendituri wara l-falliment.
L-implimentazzjoni tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali hi parti ċentrali ta’ din il-ħidma, peress li l-kisba ta’ suq uniku għall-kapital, il-finanzjament u l-iffrankar se jkollhom rwol importanti fit-tneħħija ta’ ostakoli għall-investiment u fl-għajnuna biex in-negozji jikbru fis-Suq Uniku. Se jkun importanti li l-koleġiżlaturi jaqblu malajr dwar il-proposta tal-Kummissjoni dwar it-titolizzazzjoni. Aktar tard din is-sena, il-Kummissjoni se tressaq proposta għal reviżjoni tad-Direttiva dwar il-Prospett bil-għan li tagħmilha aktar faċli għall-kumpaniji ż-żgħar biex jiġu elenkati fil-borża u jkollhom aċċess għall-finanzjament tas-suq, kif ukoll miżuri oħra li jassistu l-ħolqien ta’ fondi ta’ kapital ta’ riskju u l-iżvilupp ta' kultura tal-kapital ta’ riskju, sabiex jinħolqu l-opportunitajiet għall-intraprenditorija.
Biex l-Ewropej jiġu megħjuna jisfruttaw bis-sħiħ l-opportunitajiet ta’ impjieg fis-Suq Uniku, aħna diġà pproponejna miżuri li jsaħħu l-Portal Ewropew dwar il-Mobilità fix-Xogħol (EURES) kif ukoll il-koperazzjoni bejn is-servizzi tal-impjiegi. Il-proposti dwar il-Mobilità tax-Xogħol li se nippreżentaw aktar tard din is-sena se jinkludu miżuri biex jiġi indirizzat l-abbuż permezz ta’ infurzar aħjar u ta' koordinazzjoni ta’ sistemi tas-sigurtà soċjali, u aħna se nippreżentaw reviżjoni mmirata tad-Direttiva dwar l-Impjieg tal-Ħaddiema sabiex nindirizzaw prattiki inġusti li jwasslu għal dumping soċjali u għall-eżodu tal-imħuħ billi jiġi żgurat li l-istess xogħol fl-istess post jitħallas bl-istess paga.
Aħna se nagħmlu enfasi partikolari fuq it-titjib tal-aċċess għal firxa ta' oġġetti u servizzi għal persuni b’diżabilità.
Fl-2016 aħna se nħarsu ukoll aktar mill-qrib lejn ftit setturi magħżula, jew minħabba l-potenzjal ta’ tkabbir tagħhom jew inkella għax iħabbtu wiċċhom ma’ sfidi speċifiċi. Se nippreżentaw strateġija li tisfrutta l-vantaġġi kollha tal-programmi spazjali Ewropej, bħal Galileo u Copernicus, għall-ekonomija tal-Ewropa u ċ-ċittadini tagħha. Aħna se niżviluppaw u nimplimentaw pjan ta’ azzjoni Ewropew sabiex niżguraw li s-suq tad-difiża tagħna huwa lest li jissodisfa l-ħtiġijiet ta’ sigurtà futuri. Aħna se nagħtu segwitu għall-istrateġija tal-avjazzjoni li se tiġi ppreżentata aktar tard din is-sena. U minħabba l-iżviluppi fis-settur agrikolu, aħna se nippreżentaw ir-rapport tagħna dwar il-funzjonament tas-suq tal-ħalib diġà is-sena d-dieħla.
Il-Kummissjoni se tippreżenta pjan ta’ azzjoni dwar il-VAT ma’ passi oħra għal reġim definittiv effikaċi u reżistenti għall-frodi, u inizjattivi dwar ir-rati tal-VAT u l-kummerċ elettroniku fil-kuntest tas-Suq Uniku Diġitali. Aħna biħsiebna wkoll nirtiraw għadd ta' proposti dwar il-VAT fuq l-aġenda, li ftit li xejn għamlu progress fil-Kunsill jew fejn il-potenzjal ta' simplifikazzjoni sinifikanti tagħhom ġie mdgħajjef b'mod inaċċettabbli, bħalma huwa l-każ tad-dikjarazzjoni tal-VAT standard.
Irridu nagħmlu wkoll aktar progress lejn tassazzjoni korporattiva ġusta, effiċjenti u favur it-tkabbir, abbażi tal-prinċipju li l-kumpaniji għandhom iħallsu t-taxxi fil-pajjiż fejn il-profitti jiġu ġġenerati. Aħna se nippreżentaw sett ta’ miżuri biex insaħħu t-trasparenza tas-sistema tat-taxxa korporattiva u se niġġieldu kontra l-evażjoni tat-taxxa, inkluż permezz tal-implimentazzjoni ta’ standards internazzjonali fir-rigward tal-erożjoni tal-bażi tat-taxxa u tat-trasferiment tal-profitt. Għandna l-intenzjoni li nirtiraw il-proposta mblukkata għal bażi komuni konsolidata tat-taxxa korporattiva, u nibdluha bi proposti għal approċċ gradwali li jibda bi qbil dwar bażi tat-taxxa obbligatorja. Dan se jtejjeb is-Suq Uniku għan-negozji filwaqt li jagħlaq il-lakuni u jiżgura li l-kumpaniji jħallsu s-sehem ġust tagħhom tat-taxxa.
5.
Unjoni Ekonomika u Monetarja Aktar Profonda u Aktar Ġusta
Il-Kummissjoni għadha kif ressqet elementi ewlenin tal-ewwel stadju tal-proċess sabiex tiġi kkompletata l-Unjoni Ekonomika u Monetarja (UEM) kif stabbilita fir-Rapport tal-Ħames Presidenti. Ipproponejna approċċ imġedded għas-Semestru Ewropew u għodda mtejba għal governanza ekonomika, inkluża l-introduzzjoni ta’ Bordijiet Nazzjonali tal-Kompetittività u ta’ Bord Fiskałi Ewropew konsułtattiv. Aħna nipproponu li nibnu djalogu aħjar bejn il-Kummissjoni u l-Parlament Ewropew sabiex titjieb ir-responsabbiltà demokratika tas-sistema tal-governanza ekonomika tagħna. Aħna wkoll nappellaw għal aktar rappreżentanza unifikata fiz-zona tal-ewro fi ħdan l-organizzazzjonijiet internazzjonali (b’mod partikolari fil-FMI). Sal-aħħar tas-sena se nippreżentaw skema ta’ depożitu tal-Bank Ewropew ibbażata fuq mekkaniżmu ta’ riassigurazzjoni, u se nistabbilixxu modi biex inkomplu nnaqqsu r-riskju u niżguraw kundizzjonijiet ekwi fis-settur bankarju.
Dawn il-miżuri jirrappreżentaw pass importanti 'l quddiem lejn UEM aktar reżiljenti u prospera. F’dan il-kuntest, is-Semestru Ewropew 2016 ukoll se jitfa' enfasi aktar qawwija fuq is-sitwazzjoni ekonomika u fiskali fiż-żona tal-euro kollha kemm hi, se jkompli jsaħħaħ l-enfasi fuq l-impjiegi u l-prestazzjoni soċjali tal-Istati Mmebri u se jippromwovi l-konverġenza, inkluż billi jitneħħew l-ostakli nazzjonali għall-investiment.
L-iżvilupp ta’ pilastru Ewropew tad-drittijiet soċjali se jikkontribwixxi għal dan. Il-Kummissjoni se ssegwi żewġ linji ta’ ħidma komplementari: l-ewwel waħda, timmodernizza u tindirizza n-nuqqasijiet eżistenti fil-leġiżlazzjoni tal-politika soċjali sabiex tieħu inkonsiderazzjoni l-ambjent tax-xogħol tal-lum u tiżgura li l-mudelli ġodda ta’ xogħol iżommu bilanċ ġust fir-relazzjoni ta' bejn min iħaddem u l-ħaddiema; u t-tieni, tiddentifika l-parametri referenzjarji soċjali, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda l-kunċett ta’ flessigurtà, mibni fuq l-aħjar prattiki tal-Istati Membri sabiex ikun hemm aktar konverġenza, b’mod partikolari fiż-żona tal-euro, f’dak li għandu x’jaqsam mal-funzjonament tas-suq tax-xogħol, il-ħiliet u l-protezzjoni soċjali.
Aħna se mmexxu din il-ħidma 'l quddiem bi djalogu msaħħaħ mal-Parlament Ewropew, l-Istati Membri, il-Parlamenti Nazzjonali u s-sħab soċjali. Il-Kummissjoni se tniedi konsultazzjoni u dibattitu wisgħin fl-UE sabiex tħejji għat-transizzjoni mill-ewwel stadju għat-tieni stadju fit-tlestija tal-UEM u tal-White Paper tal-Kummissjoni, skedati għar-rebbiegħa tal-2017. Aħna se nserrħu wkoll fuq il-kontribut analitiku minn Grupp ta’ Esperti ta’ Livell Għoli li se nwaqqfu fis-sajf tal-2016. Il-Parlament Ewropew se jkun involut mill-qrib f’dawn il-passi preparatorji kollha.
6.
Ftehim ta' Kummerċ Ħieles Raġonevoli u Bbilanċjat mal-Istati Uniti
Il-kummerċ internazzjonali u l-investiment huma l-muturi ewlenin għall-irkupru ekonomiku Ewropew. L-UE tinsab f’pożizzjoni partikolarment tajba biex tiżgura li l-opportunitajiet tal-globalizzazzjoni jaħdmu għall-benefiċċju tal-Ewropej, b’mod trasparenti, u soċjalment u ambjentalment responsabbli. Politika kummerċjali attiva se tiżgura li nkunu konnessi ma’ ċentri emerġenti ġodda ta’ tkabbir globali u li nkunu parti minn ktajjen ta’ valur mondjali u diġitali ġodda. Dan se jipprovdi opportunitajiet għan-negozji tagħna u se joħloq impjiegi ta’ kwalità għolja mingħajr ma jiġu kompromessi l-valuri jew l-istandards Ewropej tagħna.
Il-Ftehim dwar Sħubija Trans-Atlantika ta' Kummerċ u ta' Investiment (TTIP) mal-Istati Uniti jibqa’ prijorità ewlenija għall-2016. Aħna impenjati li ninnegozjaw ftehim ġust u bbilanċjat mal-Istati Uniti, b’approċċ ġdid marbut mal-protezzjoni tal-investimenti. Qed nippjanaw biex inżidu l-koperazzjoni mar-reġjun tal-Asja-Paċifiku, pereżempju permezz tan-negozjati dwar il-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles (FTA) bejn l-UE u l-Ġappun u l-ftehim ta’ investiment bejn l-UE u ċ-Ċina, billi tlabna l-awtorizzazzjoni biex ninnegozjaw FTA mal-Awstralja u New Zealand, kif ukoll se niftħu negozjati għal kummerċ ħieles mal-Filippini u mal-Indoneżja, ladarba l-kundizzjonijiet ikunu tajbin. Din l-aġenda ambizzjuża tal-kummerċ bilaterali, li diġà tkopri 27 sieħeb fin-negozjati, tikkumplimenta s-sistema multilaterali tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ li tibqa’ fil-qalba tal-approċċ tal-UE.
L-għan tal-Kummissjoni għall-2016 huwa li tara l-applikazzjoni proviżorja ta’ għadd ta’ ftehimiet ġodda, inklużi dawk mal-Kanada u ma’ bosta reġjuni Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku. Aħna se nimmonitorjaw mill-qrib ftehimiet eżistenti bħal dawk ta' mal-viċinat tal-Lvant tagħna. Se tibda l-ħidma fuq il-modernizzazzjoni ta' xi ftehimiet eżistenti tagħna minħabba realtajiet ekonomiċi ġodda, inkluż ma’ pajjiżi bħat-Turkija, il-Messiku u ċ-Ċilì.
Bl-Istrateġija tal-Kummerċ u tal-Investiment il-ġdida li ppreżentajna aktar kmieni dan ix-xahar, għandna l-għan li naġġornaw l-għodod tal-politika kummerċjali u li norjentawha aktar lejn is-servizzi, il-kummerċ diġitali, il-mobilità, l-aċċess għar-riżorsi naturali, l-innovazzjoni u motivaturi oħra tal-impjiegi u tkabbir. Aħna se naħdmu aktar fuq l-implimentazzjoni u l-infurzar, sabiex niżguraw li l-opportunitajiet maħluqa minn ftehimiet kummerċjali jagħtu riżultati reali, filwaqt li nagħtu attenzjoni partikolari lill-SMEs u ngħinu lill-ħaddiema jadattaw għall-bidla. Aħna se mmexxu 'l quddiem ukoll il-ħidma tagħna biex intejbu t-trasparenza tan-negozjati kummerċjali tagħna, għall-partijiet ikkonċernati u għaċ-ċittadini.
7.
Żona ta’ Ġustizzja u Drittijiet Fundamentali Bbażata fuq il-Fiduċja Reċiproka
It-terroriżmu u r-radikalizzazzjoni, il-kriminalità organizzata u ċ-ċiberkriminalità qed jheddu s-sigurtà tal-Ewropej u huma fin-natura transnazzjonali u jeħtieġu rispons tal-UE. Il-Kummissjoni se tiffoka fuq l-implimentazzjoni tal-Aġenda Ewropea dwar is-Sigurtà, bi proposti bħal pereżempju r-reviżjoni tad-Deċiżjoni Qafas dwar it-terroriżmu sabiex jiġi indirizzat il-fenomenu tal-ġellieda terroristi barranin u proposta dwar il-ġlieda kontra l-frodi u l-iffalsifikar ta’ mezzi ta’ pagament mhux bi flus kontanti. Ix-xogħol se jkompli jirrevedi l-qafas leġislattiv għall-kontroll tal-armi tan-nar. Aħna se nagħtu aktar attenzjoni sabiex jiġu żviluppati l-koperazzjoni operattiva u l-għodod li jsaħħu l-fiduċja reċiproka li huma essenzjali għal ħidma transfruntiera effettiva għall-infurzar tal-liġi, filwaqt li jiġu rrispettati bis-sħiħ id-drittijiet fundamentali.
Ir-riforma tal-protezzjoni tad-dejta (ir-Regolament u d-Direttiva) u l-proposta dwar ir-Reġistru tal-Ismijiet tal-Passiġġieri tal-UE għandhom jiġu miftiehma mill-koleġiżlaturi sal-aħħar tas-sena. Il-Kummissjoni għandha l-għan li tikkonkludi ftehim solidu mal-Istati Uniti dwar it-trasferiment ta’ dejta personali għal finijiet ta’ infurzar tal-liġi li jipprovdi l-garanziji meħtieġa, inkluż stħarriġ ġudizzjarju għal individwi. Fid-dawl tal-ġurisprudenza reċenti, se naħdmu dwar qafas ġdid sabiex tiġi żgurata l-protezzjoni adegwata tad-dejta personali maħżuna mill-kumpaniji fl-Istati Uniti.
Fl-2016 se jkun importanti li l-koleġiżlaturi jmexxu 'l quddiem l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew u r-riforma tal-Europol. Il-Kummissjoni se tmexxi wkoll 'l quddiem il-ħidma biex jiġi ċċarat l-aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali.
Il-Kummissjoni se tkompli wkoll ħidmietha għall-adeżjoni tal-UE mal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, filwaqt li tieħu totalment inkonsiderazzjoni l-Opinjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja.
8.
Lejn Politika Ġdida dwar il-Migrazzjoni
L-indirizzar tal-kriżi tar-refuġjati u l-ġestjoni tal-pressjoni migratorja fuq il-fruntieri esterni tagħna huma l-aktar l-prijorità urġenti li qed tiffaċċja l-Unjoni llum, u l-instabbiltà, il-gwerra u l-faqar fil-viċinat tagħna jfissru li din il-kwistjoni jeħtieġ li tibqa’ fil-quċċata tal-aġenda politika fil-ftit snin li ġejjin.
L-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni li ppreżentajna f’Mejju 2015 tipprovdi approċċ komprensiv għall-ġestjoni tal-migrazzjoni bbażata fuq il-prinċipji ta’ solidarjetà u responsabbiltà. Diġà hemm operattivi żewġ skemi ta’ emerġenza sabiex jiġu rrilokati 160,000 ruħ fi bżonn ta' protezzjoni internazzjonali mill-Istati Membri l-aktar milquta għal Stati Membri oħra tal-UE. Kuljum, l-Operazzjoni Konġunta Poseidon u Triton tal-Frontex, qed issalva nies innawfragati fil-Baħar Mediterran. Gruppi ta’ appoġġ għall-ġestjoni tal-migrazzjoni, f'żoni tal-kriżi issa qed jgħinu lill-awtoritajiet nazzjonali fil-Greċja u fl-Italja għall-identifikazzjoni, għar-reġistrazzjoni u għall-ipproċessar tal-individwi li jkunu għadhom kif waslu. Ġew intensifikati l-isforzi sabiex jiġi nnewtralizzat it-traffikar tal-persuni u sabiex jitħottu l-gruppi tat-traffikanti tal-bnedmin. Qed tittieħed azzjoni sabiex aktar persuni li ma jkollhomx bżonn ta’ protezzjoni internazzjonali jintbagħtu lura.
L-UE diġà mmobilizzat għas-Sirjani f’pajjiżhom u għall-komunitajiet ospitanti fil-Libanu, fil-Ġordan, fl-Iraq, fit-Turkija u fl-Eġittu mal-EUR 4 biljun f’għajnuna umanitarja, ekonomika, għall-iżvilupp u għall-istabbiltà. Ammont addizzjonali ta’ EUR 1,8 biljun se jintuża sabiex jitwaqqaf "Fond Fiduċjarju ta' Emerġenza għall-istabbiltà u biex jiġu indirizzati l-kawżi tal-migrazzjoni irregolari fl-Afrika". Koperazzjoni aktar b’saħħitha u aktar profonda mal-pajjiżi terzi tal-oriġini u tat-tranżitu hija essenzjali għal ġestjoni aħjar tal-migrazzjoni, inkluż sforz ikkombinat sabiex jiġi pprovdut appoġġ għal għadd dejjem jikber ta’ refuġjati u persuni spustati internament f’pajjiżi terzi.
Il-kriżi wriet li lil hinn minn dawn il-miżuri immedjati, jeħtieġ li fundamentalment naħsbu mill-ġdid kif se niġġestixxu l-fruntieri esterni komuni tagħna u l-qafas tal-ażil Ewropew tagħna. Aktar tard din is-sena, il-Kummissjoni se tippreżenta proposti għal Gwardja Ewropea tal-Fruntieri u tal-Kosta bbażati fuq it-tisħiħ sinifikanti tal-Frontex.
Aħna se nirrevedu s-sistema komuni tagħna tal-ażil biex nikkoreġu n-nuqqasijiet u d-dgħufijiet esposti fis-sistema ta’ Dublin u biex insaħħu r-rwol tal-Uffiċċju Ewropew ta’ Appoġġ fil-qasam tal-Ażil. Aħna se nħabirku biex il-Pjan ta’ Azzjoni dwar ir-ritorn ikunu fis qed jaħdem kollu kemm hu, u biex ikun hemm ftehim dwar il-proposti pendenti għall-implimentazzjoni ta' Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni. Aħna se nippreżentaw wkoll proposti marbutin ma' sistema strutturata għar-risistemazzjoni, b’tali mod li dawk li jkollhom bżonn ta’ protezzjoni jkunu jistgħu jidħlu mingħajr periklu fl-UE, mingħajr ma jpoġġu ħajjithom f’riskju f'idejn il-kuntrabandisti, flimkien ma’ skemi ta’ protezzjoni aħjar f’reġjuni tal-viċinat.
U sabiex jintlaħqu l-ħtiġijiet demografiċi u tas-suq tax-xogħol tal-Ewropa fil-ġejjieni, aħna se nippreżentaw approċċ imġedded dwar il-migrazzjoni legali, inklużi miżuri sabiex tittejjeb id-Direttiva dwar il-Karta Blu.
9.
Attur Globali Aktar b’Saħħtu
F’dinja dejjem aktar konnessa, ikkuntestata u kumplessa, mmarkata minn bidliet dinamiċi, il-koerenza tal-azzjoni esterna tal-UE u l-kapaċità tagħna li nużaw l-istrumenti kollha disponibbli b’mod konġunt sabiex nilħqu l-objettivi tagħna u nikkumplimentaw il-politiki interni tagħna, dejjem qed ikunu aktar importanti. Sfidi bħalma huma l-migrazzjoni, l-aċċess għall-enerġija u għal riżorsi oħra, u t-tibdil fil-klima juru l-ħtieġa għal dimensjoni esterna effettiva sabiex jintlaħqu l-għanijiet prinċipali ta’ politika interna u sabiex l-UE tkun tista’ tieħu vantaġġ mill-opportunitajiet biex tmexxi 'l quddiem il-valuri tagħha, bħalma huma d-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem, l-ugwaljanza u s-solidarjetà, kif ukoll l-istorja u l-kultura tal-Ewropa fil-bqija tad-dinja. Għaldaqstant, il-Kummissjoni se tikkontribwixxi b'mod sostantiv billi tappoġġa l-ħidma tar-Rappreżentant Għoli / tal-Viċi President marbuta ma' Strateġija Globali ġdida dwar il-politika barranija u ta’ sigurtà.
Sabiex jiġu indirizzati l-kriżijiet akuti bħall-kunflitti fis-Sirja, fil-Libja u fl-Ukrajna, il-Kummissjoni se tinvolvi ruħa b’mod proattiv biex tappoġġa lill-atturi internazzjonali bħal pereżempju n-Nazzjonijiet Uniti u l-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Koperazzjoni fl-Ewropa, billi tirrikorri għal firxa sħiħa ta’ politiki, għal finanzjamenti u għodod oħra għad-dispożizzjoni tagħha. Aħna se nirrevedu u nkomplu niżviluppaw l-istrumenti tagħna sabiex insaħħu s-sigurtà u l-iżvilupp fil-pajjiżi sħab, u se nippreżentaw miżuri sabiex ngħinuhom itejbu l-governanza fis-settur tas-sigurtà u fit-tisħiħ tal-kapaċitajiet.
Wara l-konsultazzjoni pubblika li għaddejja bħalissa, aħna se nippreżentaw qafas ta’ politika ġdid post-Cotonou, sabiex nirregolaw ir-relazzjonijiet mal-pajjiżi u r-reġjuni tal-Afrika, tal-Karibew u tal-Paċifiku. Il-politika tal-iżvilupp tal-Kummissjoni, kif ukoll l-Istrateġija ta' Kummerċ u ta’ Investiment ġdida, se jippromwovu wkoll l-iżvilupp ekonomiku, se jappoġġjaw il-protezzjoni soċjali u ambjentali, se jiddefendu d-drittijiet tal-bniedem, se jiġġieldu kontra l-korruzzjoni, u se jtejbu l-ġestjoni tal-migrazzjoni filwaqt li jiġu indirizzati l-kawżi ewlenin tagħha.
Il-Kummissjoni se tkompli taħdem biex tkompli tikkonkretizza l-perspettiva tal-adeżjoni tal-pajjiżi kandidati. F’dan il-kuntest, aħna se nsaħħu s-sħubija tagħna mat-Turkija, bis-saħħa tal-implimentazzjoni tal-pjan ta’ azzjoni dwar il-migrazzjoni u tal-immodernizzar tal-unjoni doganali. Il-Politika Ewropea tal-Viċinat il-ġdida se tipprovdi qafas aktar iffukat u mfassal apposta għall-appoġġ tal-istabbilizzazzjoni u tal-iżvilupp demokratiku tal-pajjiżi fil-Viċinat tal-Lvant u tan-Nofsinhar.
Aħna se nappoġġaw wkoll ir-Rappreżentant Għoli / il-Viċi President sabiex jiġu approfonditi r-relazzjonijiet bilaterali mas-sħab ewlenin tal-UE. Approċċi strateġiċi mfasslin apposta jeħtieġ li jiġu aġġornati b’mod regolari, bil-politika tal-UE dwar iċ-Ċina bħala l-ewwel eżempju. Wara li ntemmu b’suċċess in-negozjati nukleari mal-Iran, jista' jiġi previst qafas imġedded marbut mal-impenn tal-UE mal-pajjiż, dejjem jekk isseħħ l-implimentazzjoni sħiħa tal-Ftehim.
10. Unjoni ta’ Tibdil Demokratiku
Il-Kummissjoni se taħdem fi sħubija mal-Parlament Ewropew u l-Kunsill sabiex jiġi żgurat li n-negozjati dwar Ftehim Interistituzzjonali ġdid dwar Regolamentazzjoni Aħjar jistgħu jintemmu sal-aħħar tas-sena, sabiex jissaħħaħ l-impenn komuni tagħna għal regolamentazzjoni aħjar bħala l-għodda li tagħti riżultati aħjar, tiżdied it-trasparenza dwar kif jittieħdu d-deċiżjonijiet, u biex it-tliet istituzzjonijiet jiġu pprovduti b'mezzi biex fil-futur jaħdmu aħjar flimkien.
Aħna se nressqu fl-2016 il-proposta tagħna għal Ftehim Interistituzzjonali dwar reġistru ta’ trasparenza obbligatorju għar-rappreżentanti ta’ interessi li għandhom l-għan jinfluwenzaw it-tfassil tal-politika fil-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni.
F’din l-aħħar sena aħna żidna l-impenn tal-Kummissjoni u d-djalogu mal-Parlamenti Nazzjonali, kemm f’termini ta’ laqgħat kif ukoll f’termini ta’ skambji ta’ fehmiet mal-kumitati parlamentari, u permezz ta' impenn imġedded għal djalogu politiku dwar l-abbozzi ta’ proposti. Għandna l-ħsieb li nkomplu nibnu fuq dan fl-2016 u nimxu 'l quddiem biex niżguraw li l-parlamenti nazzjonali jkollhom vuċi b’saħħitha fit-tfassil tal-politiki Ewropej.
Fl-aħħar nett, aħna se nkomplu nespandu d-"Djalogi taċ-Ċittadini" li jippermettu lill-Membri tal-Kummissjoni biex jisimgħu direttament liċ-ċittadini fir-reġjuni tagħhom stess u jagħtu tweġiba dwar l-aktar kwistjonijiet li huma ta' importanza għalihom.
***
L-Unjoni Ewropea tinsab f’mument kruċjali. Aħna qed niffaċċjaw diversi sfidi bla preċedent: il-kriżi tar-refuġjati, il-qgħad u d-differenzi fl-impjiegi u fit-tkabbir, il-ħtieġa li napprofondixxi l-Unjoni Ekonomika u Monetarja tagħna, it-tibdil fil-klima, l-instabbiltà fil-viċinat tal-Lvant u tan-Nofsinhar tagħna, u ftehim ġust għar-Renju Unit fi ħdan Unjoni Ewropea impenjata favur l-erba’ libertajiet tas-suq uniku u l-valuri li t-28 Stat Membru kollha jħaddnu.
Għaldaqstant, mhux il-waqt li kollox jibqa' l-istess, u għalhekk f'dan il-Programm ta’ Ħidma l-Kummissjoni hija impenjata li tieħu azzjoni kuraġġuża, iffukata u pragmatika li se tippermettilna negħlbu dawn l-isfidi u noħorġu aktar b’saħħitna fi spirtu Ewropew ta’ solidarjetà u responsabbiltà. Nistennew li s-sħab tagħna fil-Parlament Ewropew u l-Kunsill jaħdmu magħna sabiex inġibu malajr ir-riżultati li l-Ewropej jistennew li l-Unjoni tagħhom iġġib.