Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52015DC0561

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL dwar l-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 479/2013 tat-13 ta’ Mejju 2013 dwar l-eżenzjoni mill-obbligu li jiġu sottomessi dikjarazzjonijiet sommarja tad-dħul u l-ħruġ għal merkanzija tal-Unjoni li taqsam il-Kuritur Neum

COM/2015/0561 final

Brussell, 11.11.2015

COM(2015) 561 final

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL

dwar l-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 479/2013 tat-13 ta’ Mejju 2013 dwar l-eżenzjoni mill-obbligu li jiġu sottomessi dikjarazzjonijiet sommarja tad-dħul u l-ħruġ għal merkanzija tal-Unjoni li taqsam il-Kuritur Neum


RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL

dwar l-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 479/2013 tat-13 ta’ Mejju 2013 dwar l-eżenzjoni mill-obbligu li jiġu sottomessi dikjarazzjonijiet sommarja tad-dħul u l-ħruġ ghal merkanzija tal-Unjoni li taqsam il-Kuritur Neum

1.Introduzzjoni

Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 479/2013 tat-13 ta’ Mejju 2013 (ir-Regolament Neum) ġie adottat fuq il-bażi tal-Artikolu 43 tal-Att tal-Adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja mal-UE. Huwa jistabbilixxi sistema speċjali rigward l-obbligu li jiġu preżentati dikjarazzjonijiet fil-qosor tad-dħul u l-ħruġ għal kunsinni li jaqsmu l-Kuritur Neum permezz ta’ deroga minn ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali Komunitarju 1 (CC) u tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2454/93 li jiffissa d-dispożizzjonijiet għall-implementazzjoni tal-Kodiċi Doganali Komunitarju (CCIP). 2

Skont l-Artikolu 6 tar-Regolament Neum, ir-Repubblika tal-Kroazja impenjat ruħha biex tissorvelja rigorożament l-applikazzjoni tiegħu u biex tinforma lill-Kummissjoni Ewropea sa Marzu 2014 bi kwalunkwe irregolarità misjuba u dwar il-miżuri sussegwentement meħuda biex jiġu rmedjati. Skont l-Artikolu 7, fi żmien sentejn mid-dħul fis-seħħ tar-Regolament, il-Kummissjoni kellha tippreżenta rapport lill-Kunsill tal-UE li jipprovdi valutazzjoni tal-applikazzjoni tiegħu.

Dan ir-rapport jipprovdi dik il-valutazzjoni. Huwa jagħti ħarsa ġenerali lejn il-kuntest ekonomiku u ġeografiku u jistabbilixxi l-qafas legali. Barra minn hekk, jipprovdi valutazzjoni ġenerali dwar l-implimentazzjoni, valutazzjoni ta' jekk ikunux ġew infurzati dispożizzjonijiet speċifiċi, u valutazzjoni tal-adegwatezza tar-riżorsi u l-kapaċitajiet meħtieġa u disponibbli.

Dan ir-rapport huwa bbażat fuq id-data perjodikament ipprovduta mill-amministrazzjoni doganali Kroata, fuq żjara ta’ monitoraġġ speċjali mwettqa fit-28 ta’ Novembru 2014 u fuq id-djalogu sussegwenti mal-amministrazzjoni doganali Kroata meta tlesti r-rapport tal-missjoni.

2.Il-kuntest ekonomiku u ġeografiku

2.1.Il-kuntest ġeografiku

Il-Kuritur Neum jagħmel parti mit-territorju tal-Bożnja u Ħerzegovina li jestendi sal-baħar Adrijatiku, u jaqsam il-Kroazja kontinentali f’żewġ partijiet. Huwa twil madwar disa' kilometri (9 km). It-triq li tgħaddi mill-Kuritur Neum għandha żewġ punti ta’ qsim tal-fruntieri (BCPs): Klek (Neum I) fuq in-naħa tat-Tramuntana u Zaton Doli (Neum II) fuq in-naħa tan-Nofsinhar. Minħabba s-sitwazzjoni partikolari ta’ din iż-żona, arranġamenti speċjali għat-trasport ta’ kunsinni ta’ prodotti li joriġinaw mill-annimali mill-Kuritur Neum jippermettu li tgħaddi tali merkanzija jekk il-vettura tkun issiġillata.

Minħabba s-sitwazzjoni ġeografika u l-qosor tat-triq tal-Kuritur Neum, l-applikazzjoni sħiħa tad-dritt tal-Unjoni Ewropea li jeħtieġ li jiġu ppreżentati dikjarazzjonijiet fil-qosor tad-dħul/ħruġ għall-kunsinni li jaqsmu dan il-kuritur mhux biss kienet tkun teknikament diffiċli biex tiġi implimentata, iżda x’aktarx li kienet tirriżulta fi tfixkil serju tat-traffiku tal-passiġġieri u t-traffiku kummerċjali f’din iż-żona.

2.2.Il-kuntest ekonomiku

It-triq ewlenija waħda li taqsam il-Kuritur Neum hija l-unika konnessjoni possibbli ta’ trasport bit-triq u għandha kapaċità limitata. L-oġġetti domestiċi li jiġu ttrasportati mill-kuritur huma prinċipalment provvisti għar-reġjun ta’ Dubrovnik. Dawn jissodisfaw il-ħtiġijiet ta’ kuljum tal-popolazzjoni lokali u tal-ekonomija lokali, li fiha t-turiżmu għandu rwol ewlieni. Għalkemm kumpaniji kbar ukoll jipprovdu provvisti bħal dawn, merkanzija li tinġarr minn operaturi ekonomiċi żgħar u medji, bħal nies tas-sengħa, is-sajjieda u l-bdiewa tifforma parti sostanzjali mit-traffiku li jiċċirkula fil-kuritur.

L-applikazzjoni tar-rekwiżit ġenerali li jiġu ddepożitati dikjarazzjonijiet fil-qosor tad-dħul u l-ħruġ tista’ jwassal għal dewmien, tagħmel il-kunsinna ta’ merkanzija konsiderevolment aktar diffiċli, iżżid l-ispejjeż tat-trasport u fl-aħħar mill-aħħar tirriżulta f’żieda ta’ prezzijiet/spejjeż ta’ dawn il-prodotti fis-suq domestiku. L-awtoritajiet doganali Kroati pprovdew lill-Kummissjoni b’analiżi dettaljata u spjegazzjoni ta’ din is-sitwazzjoni partikolari. Dawn il-kundizzjonijiet ġew ikkunsidrati mill-Kummissjoni u diskussi fil-Kunsill qabel l-adozzjoni tar-Regolament Neum. 3

3.Il-kundizzjonijiet legali skont ir-Regolament Neum

Ir-Regolament Neum daħal fis-seħħ fl-1 ta' Lulju 2013. L-Artikolu 36a(1) tal-Kodiċi Doganali Komunitarju 4 (CC) jeħtieġ li l-merkanzija li tiddaħħal fit-territorju doganali tal-Unjoni tkun koperta b’dikjarazzjoni fil-qosor tad-dħul (ENS), soġġetta għal ċerti eżenzjonijiet jew derogi kif stabbilit fl-Artikolu 181c tad-dispożizzjonijiet ta’ implimentazzjoni tagħha 5 (CCIP).

Skont l-Artikolu 182a (1) CC, suġġetta għall-eżenzjonijiet jew għad-derogi rilevanti kif applikabbli skont it-tielet u r-raba’ paragrafi tal-Artikolu 842a tas-CCIP, merkanzija tielqa mit-territorju doganali tal-Unjoni għandha tkun koperta minn dikjarazzjoni fil-qosor tal-ħruġ (EXS) sakemm ma tkunx meħtieġa dikjarazzjoni doganali, bħal fil-każ ta’ merkanzija li tħalli temporanjament it-territorju doganali tal-UE mingħajr ma tiġi esportata, esportata mill-ġdid jew imqiegħda taħt proċedura ta’ tranżitu.

L-Artikoli 36b(2) u 182d (2) CC jeħtieġu l-użu ta' tekniki elettroniċi tal-ipproċessar tad-data għall-preżentazzjoni ta' dawk id-dikjarazzjonijiet fil-qosor sabiex jippermettu l-iskambju elettroniku tad-data bejn l-awtoritajiet doganali, bil-ħsieb li l-kontrolli doganali jkunu bbażati fuq analiżi tar-riskju bl-użu ta' sistemi awtomatizzati, kif meħtieġ mill-Artikolu 13 CC.

Skont dawn id-dispożizzjonijiet, ir-rekwiżiti rilevanti kienu eżentati għal merkanzija tal-Unjoni li taqsam il-Kuritur Neum, b’kont meħud tan-natura tal-ekonomija lokali u tal-oġġetti.  It-turiżmu huwa l-attività ekonomika prinċipali fiż-żona madwar il-belt ta’ Dubrovnik. Huwa mmexxi l-iktar minn intrapriżi ta’ daqs żgħir u medju li jiddependu fuq provvisti ta’ merkanzija mit-territorju prinċipali tar-Repubblika tal-Kroazja li l-valur tagħhom normalment huwa ta' inqas minn EUR 10 000.

Kif ikkonfermat mill-aħħar statistika pprovduta mill-amministrazzjoni doganali Kroata, 89 % tal-merkanzija trasportata mill-Kuritur Neum hija merkanzija li għandha l-istatus ta’ merkanzija tal-Unjoni. Il-merkanzija tgħaddi mill-kuritur akkumpanjata minn dokumenti kummerċjali li jipprovaw l-istatus Komunitarju kif imsemmi fl-Artikolu 317 tas-CCIP.

Il-Kroazja impenjat ruħha li tiżgura li jkun hemm proċeduri u kontrolli fis-seħħ sad-data tal-adeżjoni tagħha mal-UE fiż-żewġ punti ta’ qsim tal-fruntieri sabiex ikun hemm ġestjoni effiċjenti tar-reġim speċjali stabbilit fir-Regolament Neum. Iż-żewġ punti ta’ qsim tal-fruntiera kellhom ikunu mgħammra b’mod adegwat u jkollhom persunal biżżejjed sabiex jinfurzaw ir-rekwiżiti rilevanti.

Skont l-Artikolu 4 tar-Regolament Neum, l-eżenzjoni mill-obbligu li jiġu ppreżentati ENS u EXS tapplika jekk jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet li ġejjin:

- Il-merkanzija tkun akkumpanjata minn dokumenti kummerċjali (fattura jew dokument tat-trasport), li għall-inqas għandhom jinkludu l-ġabra ta’ dejta meħtieġa fl-Artikolu 317(2) CCIP kif ukoll il-valur totali tal-merkanzija,

- Il-valur totali tal-merkanzija inkwistjoni m’għandux jaqbeż l-EUR 10 000,

- Id-dokumenti ta' akkumpanjament inkwistjoni huma approvati mill-awtoritajiet doganali Kroati b’marki uffiċjali (firma, timbri) mal-ħruġ,

- Meta jitqies neċessarju, l-awtoritajiet doganali jissiġillaw il-kunsinni jew il-mezzi ta’ trasport fil-ħruġ,

- Meta jerġgħu jidħlu lura, l-awtoritajiet doganali għandhom jivverifikaw id-dokumenti, il-ħin li għadda għall-qsim tal-kuritur, is-siġilli (jekk ikun hemm) u l-merkanzija meta jkun xieraq.

Barra minn hekk, l-applikazzjoni ta’ dawn l-eżenzjonijiet m’għandhomx jippreġudikaw it-twettiq tal-analiżi tar-riskji assoċjati mal-kontrolli doganali applikati għal merkanzija tal-Unjoni li tiċċirkola fil-Kuritur Neum, kif mitlub mill-Artikolu 5 tar-Regolament Neum.

4.Evalwazzjoni

Id-data pprovduta mill-amministrazzjoni doganali Kroata kkonfermat li t-traffiku ta' merkanzija ta’ valur li ma jaqbiżx l-EUR 10 000 jaqbeż b’mod sinifikanti dak tal-prodotti 'l fuq minn dan il-limitu matul is-sena. Dan għandu riperkussjonijiet sinifikanti fil-perjodu bejn Ġunju - Awwissu meta l-fluss tat-traffiku mill-kuritur jiżdied b’mod konsiderevoli.

It-tim ta’ monitoraġġ identifika għadd ta’ prattiki tajba.

Il-punti tal-qsim tal-fruntiera għandhom teknoloġija tal-informatika (IT) xierqa u tagħmir neċessarju ieħor. L-infrastruttura ġiet żviluppata b'mod sostanzjali biex tiżgura kontrolli u verifiki f’waqthom, effiċjenti u konformi, li jirriflettu prattiki tajbin stabbiliti fl-UE. L-għadd ta’ uffiċjali doganali huwa suffiċjenti u organizzat sew. Hemm koordinazzjoni tajba u rabta diretta bejn l-amministrazzjoni ċentrali u l-uffiċċji f'Neum.

Loġistikament, hemm allokazzjonijiet speċjali fit-toroq għal testijiet ta’ vetturi b’faċilitajiet tekniċi xierqa li jippermettu kontrolli doganali effettivi u jikkawżaw l-anqas tfixkil għat-traffiku possibbli. Barra minn hekk, il-punti ta' qsim tal-fruntiera huma organizzati b’tali mod li l-pulizija u d-dwana jistgħu jikkooperaw mill-qrib permezz ta' tieqa li tgħaqqad iż-żewġ uffiċċji. Dan jippermetti paragun xieraq u mħaffef tad-data u l-koordinazzjoni ta’ spezzjonijiet u verifiki.

Meta l-merkanzija tħalli temporanjament it-territorju doganali, l-awtoritajiet doganali Kroati jiżguraw l-implimentazzjoni tal-proċedura li ġejja:

-L-uffiċċju doganali fil-punt tal-ħruġ jirċievi dokumenti tat-trasport jew kummerċjali li jakkumpanjaw il-merkanzija u jdaħħal fis-sistema tal-IT data dwar il-persuna li tkun qed titrasporta l-merkanzija, is-sid tal-merkanzija (meta disponibbli), u l-ispeditur tal-merkanzija, flimkien ma’ deskrizzjoni tal-merkanzija, il-valur, l-għadd/il-kwantità ta’ pakketti, u l-massa grossa,

-Jekk ikun neċessarju, issir analiżi tar-riskju proporzjonali u jitwettqu kontrolli doganali,

-Meta jkun sodisfatt li l-kundizzjonijiet huma sodisfatti, l-uffiċċju doganali jittimbra d-dokumenti rilevanti li jakkumpanjaw il-merkanzija, jinnota l-informazzjoni dwar is-siġilli doganali mwaħħla (jekk ikun hemm), u jdaħħal il-ħin eżatt minn meta titlaq il-merkanzija mit-territorju doganali (is-siegħa u l-minuta). Il-medja ta’ żmien allokat biex taqsam il-kuritur huwa madwar 20 minuta. Dan huwa raġonevoli minħabba li l-vetturi jgħaddu minn erba’ postijiet ta’ kontroll fuq il-fruntiera f’Neum - inkluż dawk stabbiliti mill-awtoritajiet tal-Bożnja u Ħerzegovina.

Fil-post ta’ dħul mill-ġdid:

-Il-merkanzija u d-dokumenti ttimbrati li jakkumpanjawha jiġu ppreżentati lill-uffiċjal doganali li jivverifika d-dokumenti u jqabbel l-informazzjoni f’dawn id-dokumenti ma’ dik imdaħħla fis-sistema tal-IT mill-uffiċċju tal-ħruġ. Jiġu kkontrollati s-siġilli doganali (jekk ikun hemm). Jiġi vverifikat il-ħin li tkun ħadet il-merkanzija biex tiċċaqlaq min-naħa għall-oħra tal-kuritur Neum.

-Jekk jinstabu xi irregolaritajiet (pereżempju, siġilli doganali bil-ħsara, il-qbiż tal-ammont ta' ħin meħtieġ għall-qsim tal-kuritur) għandu jitwettaq eżami ddettaljat tal-vettura, tal-merkanzija u tad-dokumenti ta’ akkumpanjament. Skont ir-riżultati ta’ dawn il-miżuri speċjali, jinbdew l-azzjonijiet rilevanti u jittieħdu miżuri effettivi u mmirati.

Il-missjoni ta’ monitoraġġ stabbiliet li l-ispezzjonijiet dokumentarji u fiżiċi jitwettqu kif suppost u li l-kontrolli każwali huma raġonevoli. Id-dokumenti huma debitament ittimbrati mal-ħruġ u t-tul ta' żmien li ttieħed biex wieħed jgħaddi minn naħa għall-oħra tal-kuritur huwa vverifikat b’mod korrett mad-dħul mill-ġdid.

Matul il-missjoni ta’ monitoraġġ il-Kummissjoni sabet li l-persunal operattiv kien ippreparat sew u kellu fehim tajjeb ħafna tal-liġi u l-proċeduri doganali rilevanti tal-UE, u li l-uffiċjali doganali rċevew taħriġ adegwat, kontinwu u mmirat li rrifletta kemm ir-regoli applikabbli b’mod ġenerali kif ukoll iċ-ċirkostanzi lokali speċjali. Jiġi pprovdut taħriġ għall-kummerċ fil-livell reġjonali li pprovda opportunitajiet biex isiru mistoqsijiet u jsir adattament aktar effettiv għas-sitwazzjoni speċifika.

L-organizzazzjoni tal-kontrolli tad-dokumenti u tal-kontrolli fiżiċi fil-punti ta’qsim tal-fruntieri nstabet li kienet qed titwettaq bla xkiel u b'mod effiċjenti, u l-infrastruttura tat-trasport kienet xierqa, bl-għajnuna ta' karreġġjati speċjali biex jiġi evitat it-tfixkil tat-traffiku bla bżonn.

Hemm preżenti tagħmir tal-IT adegwat li jipprovdi l-kollegament mal-amministrazzjoni ċentrali kif ukoll kooperazzjoni mill-qrib bejn l-awtoritajiet doganali u l-pulizija.

5.Riżorsi u kapaċitajiet

L-amministrazzjoni doganali Kroata tagħmel ukoll sforzi speċjali biex tkun trasparenti u biex tiffaċilita aktar iċ-ċirkulazzjoni fil-kuritur billi tinforma lill-pubbliku dwar l-arranġament speċjali applikabbli fil-Kuritur Neum permezz ta' informazzjoni mmirata disponibbli għall-pubbliku.

L-allokazzjoni tar-riżorsi fuq il-qsim tal-fruntiera hija adegwata. Kull punt ta’qsim tal-fruntiera għandu minn żewġ (2) sa tliet (3) uffiċjali. L-għadd ta’ uffiċjali għal kull post ta’ spezzjoni fuq il-fruntiera huwa ta’ 26 u 28 rispettivament. L-ammont ta’ xogħol huwa raġonevoli meta mqabbel mar-rata medja madwar l-UE. Kull uffiċjal doganali jipproċessa madwar 24 dikjarazzjoni fil-qosor kuljum meta l-għadd ta’ dikjarazzjonijiet ipproċessati jvarja minn minimu ta’ 17.5/jum sa 31.5/jum. Hemm koordinazzjoni tajba bejn il-punt ta’ qsim tal-fruntiera, l-uffiċċju reġjonali ta' Split u l-amministrazzjoni ċentrali. Hemm distribuzzjoni raġonevoli tal-ammont ta’ xogħol. L-organizzazzjoni hija effiċjenti u tippermetti li jsiru kontrolli u kontrolli doganali effiċjenti mingħajr dewmien bla bżonn.

It-tim ta’ monitoraġġ huwa sodisfatt bl-organizzazzjoni tal-implimentazzjoni tar-Regolament Neum mill-amministrazzjoni doganali Kroata u jqis l-allokazzjoni tar-riżorsi xierqa u suffiċjenti.

6.It-taħriġ u l-loġistika

6.1.It-taħriġ

L-uffiċjali doganali jirċievu kemm taħriġ ġenerali dwar il-liġi u l-proċeduri doganali kif ukoll taħriġ immirat dwar kwistjonijiet relatati mal-implimentazzjoni tar-Regolament Neum, eż.:

- l-użu tas-Sistema ta’ Kontroll tal-Importazzjoni (ICS), tas-Sistema ta’ Kontroll tal-Esportazzjoni (ECS), u tas-Sistema Ġdida ta’ Tranżitu Kompjuterizzata (NCTS),

- in-natura, l-użu u l-verifika tal-validità tad-dokument T2L 6 u mezzi oħra ta’ prova tal-istatus tal-Unjoni,

- il-ġestjoni tar-riskji

It-taħriġ għan-negozji huwa pprovdut wkoll b'mod regolari fl-uffiċċji reġjonali doganali Kroati kollha.

6.2.Il-loġistika

Immedjatament qabel l-adeżjoni tagħha mal-UE, b’konformità mal-obbligi tagħha, parzjalment iddikjarati fir-Regolament Neum, il-Kroazja bniet u għammret kompletament il-punti tal-qsim tal-fruntiera ġodda fi Klek u f'Zaton Doli. L-infrastruttura loġistika l-ġdida tipprovdi l-ispazju meħtieġ għall-uffiċjali tal-fruntieri, il-postijiet għal spezzjonijiet dettaljati tal-vetturi tat-triq, punti tal-qsim tal-fruntieri mgħammra bi skali tat-triq b'piż massimu ta’ 50 tunnellata u spazju għax-xogħol tat-trasportaturi.

6.3.L-infrastruttura tal-IT

L-arranġamenti loġistiċi li jippermettu kontrolli espedjenti tal-vetturi jistgħu jitqiesu bħala l-aħjar prattika. L-infrastruttura tal-IT hija adegwata u tista’ tibbenefika minn aġġornamenti regolari f’konformità mal-iżviluppi fil-livell ċentrali.

Il-postijiet tax-xogħol kollha huma mgħammra b’tagħmir standard tal-IT marbut man-netwerk doganali. L-aċċess huwa disponibbli għall-applikazzjonijiet tal-IT u għall-websajt tal-amministrazzjoni doganali. Hemm konnessjoni tal-IT bejn l-uffiċċji tal-fruntieri fi Klek u f'Zaton Doli.

It-taħriġ huwa organizzat mid-Dipartiment tar-Riżorsi Umani li jagħmel parti mid-Direttorat Ġenerali Doganali. Dan jitwettaq minn esperti mid-dipartimenti fid-Direttorat Ġenerali Doganali u normalment iseħħ fid-Direttorat Ġenerali Doganali, iżda sabiex jiġi evitat l-ivvjaġġar min-naħa tal-persunal hemm ukoll xi postijiet ta’ taħriġ f’imkejjen oħra fil-pajjiż.

Qed jingħata wkoll taħriġ ġenerali doganali f’uffiċċji reġjonali minn esperti mill-amministrazzjoni ċentrali. Dan iħeġġeġ l-applikazzjoni uniformi tar-regoli doganali filwaqt li jittieħed kont taċ-ċirkostanzi lokali. Ġie wkoll organizzat taħriġ speċifiku dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament Neum. Il-Kummissjoni rrakkomandat li jsir ċertu titjib, b’mod partikolari struzzjonijiet speċifiċi dwar l-użu, il-ħtiġijiet u l-verifika tal-awtentiċità ta’ dokumenti T2L. Il-livell ta’ taħriġ jibqa’ madankollu biżżejjed biex jipprepara lill-uffiċjali għall-applikazzjoni effiċjenti u effettiva tar-Regolament Neum. Il-Kummissjoni tappoġġja u tinkoraġġixxi l-organizzazzjoni ta’ taħriġ fid-dipartimenti reġjonali li jingħata minn esperti mill-amministrazzjoni ċentrali u t-taħriġ immirat għall-implimentazzjoni tar-Regolament. 

Ikun ta' ġid għan-negozji jekk jiġi inkluz ukoll taħriġ xieraq dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament Neum fil-programm ta' taħriġ.

7.Il-konformità mal-kundizzjonijiet skont ir-Regolament

7.1.Leġiżlazzjoni

L-Amministrazzjoni Doganali tal-Kroazja adottat l-istruzzjoni Nru 25/2013 dwar l-Implimentazzjoni ta’ Miżuri ta’ Kontroll Doganali għal Merkanzija li tiċċirkola fil-Kuritur Neum. It-taħriġ speċjalizzat għall-uffiċjali doganali kompla matul l-2014.

7.2.Irregolaritajiet

Ma tantx qed jinstabu irregolaritajiet. Instab biss għadd żgħir ta’ dokumenti irregolari u l-irregolaritajiet qed jittwettqu bażikament minħabba nuqqas ta’ għarfien dwar il-proċedura.

7.3.L-Artikolu 4 tar-Regolament Neum

Jekk jinstab li d-data ta’ skadenza għat-tranżizzjoni mill-kuritur tkun inqabżet, il-kunsinna tkun soġġetta għal kontrolli addizzjonali fuq:

- l-awtentiċità tad-dokument T2L jew il-kontenut tiegħu, abbażi ta’ analiżi ta’ rekords elettroniċi fil-post fejn il-merkanzija titlaq mill-UE,

- jekk is-sigilli doganali għadhomx mhux mittiefsa (jekk imwaħħla),

- karatteristiċi oħra tal-kostruzzjoni tal-vettura, biex jiġi vverifikat jekk kienx possibbli li jkun hemm aċċess għall-merkanzija mingħajr ma ssir ħsara lis-siġilli doganali, kif ukoll jekk il-prodotti humiex identiċi u jekk il-kwantità tagħhom tikkorrispondix għal dik iddikjarata mal-ħruġ.

7.4.L-Artikolu 5 tar-Regolament Neum

Il-kontrolli doganali huma bbażati fuq ir-riskji u mwettqa fuq bażi ta’ każ b’każ. L-Istruzzjoni tal-amministrazzjoni doganali Kroata Nru 25/2013 tiddeskrivi kif iridu jitwettqu l-kontrolli fil-livell lokali u tipprovdi wkoll struzzjonijiet għall-analiżi tas-sikurezza manwali u tar-riskji għas-sigurtà. Huwa previst ukoll rekwiżit speċifiku għat-tip u l-livell tal-kontrolli li għandu jippermetti lill-uffiċjali doganali biex jieħdu deċiżjoni finali jew biex jippermettu jew jiċħdu d-dħul jew il-ħruġ.

L-uffiċjali doganali fil-punti tal-qsim tal-fruntieri ta’ Klek u Zaton Doli għandhom aċċess permanenti għal servizz ta' assistenza li jingħata minn uffiċjali esperti fl-analiżi tar-riskju. L-Uffiċċju Ċentrali, is-Settur tal-Kontrolli (responsabbli mill-analiżi tar-riskju), ipprovda gwida għas-sikurezza u s-sigurtà. Hemm xiftijiet regolari fl-Uffiċċju Reġjonali Doganali ta' Split fi ħdan id-Dipartiment tas-Servizz ta' Kontroll, tal-Investigazzjoni u tal-Ġestjoni tar-Riskju.

L-uffiċċju doganali ta’ ħruġ ikun jista' jippermetti li titlaq il-merkanzija biss wara li jkunu twettqu l-attivitajiet preskritti.

7.5. Penali

Jekk il-valur tal-merkanzija jaqbeż l-EUR 10 000, it-trasportatur għandu jissottometti ENS/EXS sħiħa. F’każ ta’ irregolaritajiet, jiġu applikati wkoll penali.

Il-Kummissjoni tikkonkludi li dawn il-kundizzjonijiet qed jiġu applikati b’mod korrett. Id-dokumenti ġew ivverifikati b’mod korrett, il-kontrolli twettqu regolarment u l-amministrazzjoni ċentrali stabbiliet proċeduri għall-applikazzjoni uniformi tal-liġi tal-Unjoni.

8.Konklużjoni

Fuq il-bażi tal-evalwazzjoni pprovduta f’dan ir-rapport, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-livell ta' applikazzjoni tar-Regolament Neum huwa sodisfaċenti u m’hemm l-ebda raġuni biex tissospendi jew tħassar ir-Regolament.

(1)

 ĠU L 302, 19.10.1992, p. 1

(2)

 ĠU L 253, 11.10.1993, p. 1

(3)

COM(2013) 1 final, il-Pożizzjoni Komuni tal-Grupp ta’ Ħidma dwar it-Tkabbir u l-Pajjiżi li Qed Jinnegozjaw l-Adeżjoni mal-UE tal-4 ta’ Ġunju 2011

(4)

Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 tat-12 ta' Ottubru 1992

(5)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2454/93 tat-2 ta' Lulju 1993.

(6)

It-T2L huwa dokument doganali li jintuża fl-Unjoni Ewropea bħala prova tal-karattru komunitarju Inter-Ewropew tal-esportazzjoni/importazzjoni. L-esportatur, l-importatur u l-pajjiż minn fejn titgħabba l-merkanzija u fejn titwassal għandhom jagħmlu parti mill-Istati Membri tal-UE sabiex ikun jista' jinħareġ id-dokument. Id-dokument T2L huwa ċċertifikat mill-awtoritajiet doganali tal-pajjiż minn fejn jiġu mgħobbija l-prodotti u l-importatur jeħtieġ li jirċevih qabel ma jibda l-proċedura tal-importazzjoni.

Top