IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 15.7.2015
COM(2015) 345 final
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL
Reviżjoni tad-Direttiva 2010/30/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta' Mejju 2010 dwar l-indikazzjoni permezz ta’ ttikkettar u l-informazzjoni standard tal-prodott dwar il-konsum tal-enerġija u riżorsi oħra minn prodotti marbutin mal-enerġija
{SWD(2015) 143 final}
1.Għan tar-rapport
Id-Direttiva dwar it-Tikkettar tal-Enerġija (2010/30/EU)
tirrikjedi li l-Kummissjoni tevalwa l-effettività tad-Direttiva u tressaq rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill sal-31 ta' Diċembru 2014. Id-Direttiva tirrikjedi wkoll rapport dwar id-delega tas-setgħat sad-19 ta' Ġunju 2015, kif ukoll sintenżi tar-rapporti nazzjonali dwar is-sorveljanza tas-suq li għandhom jitressqu mill-Istati Membri kull erba' snin.
Ir-rapport tal-2012
dwar ir-Reviżjoni tad-Direttiva dwar l-Ekodisinn (2009/125/KE)
ikkonkluda li reviżjoni immedjata ta' din id-Direttiva ma kinitx meħtieġa, iżda li ċerti aspetti speċifiċi li ma kienx hemm biżżejjed informazzjoni disponibbli dwarhom fi żmien ir-reviżjoni setgħu jiġu vvalutati mill-ġdid fir-reviżjoni tad-Direttiva dwar it-Tikkettar tal-Enerġija fl-2014. Fost dawk l-aspetti speċifiċi ssemmew l-effettività tal-miżuri ta' implimentazzjoni u tal-istandards armonizzati, u koordinazzjoni aktar mill-qrib bejn l-implimentazzjoni taż-żewġ Direttivi.
Dan ir-rapport jissodisfa r-rekwiżiti msemmija.
2.Valutazzjoni tal-effettività, tal-effiċjenza, tal-koerenza, tal-valur miżjud u tar-rilevanza għall-UE
L-għanijiet tad-Direttivi dwar it-Tikkettar tal-Enerġija u dwar l-Ekodisinn huma dawn li ġejjin:
Iż-żieda fl-effiċjenza tal-prodotti fl-użu tal-enerġija, u fil-livell ta' protezzjoni tal-ambjent
Il-moviment ħieles ta' prodotti marbutin mal-enerġija fl-Unjoni Ewropea
L-għoti ta' informazzjoni lill-konsumaturi, li tippermettilhom jagħżlu prodotti aktar effiċjenti
Il-valutazzjoni tal-politika
tiżvela li:
1.Il-miżuri ta' ekodisinn u ta' tikkettar tal-enerġija li jinsabu fis-seħħ huma effettivi, fis-sens illi jwasslu għal iffrankar tanġibbli u sostenibbli fl-użu tal-enerġija u fil-kostijiet. Valutazzjoni ex-post matul ir-reviżjonijiet ta' miżuri speċifiċi ta' tikkettar tal-enerġija, li ilhom fis-seħħ sa mis-snin 90, uriet trasformazzjoni rapida tas-suq lejn aktar effiċjenza fl-użu tal-enerġija fl-iktar gruppi ta' prodotti tikkettati. Huwa stmat li l-implimentazzjoni taż-żewġ Direttivi se tiffranka 175 Mtoe ta' enerġija primarja fis-sena sal-2020 (bi 15% ta' dan l-iffrankar dovut għal miżuri ta' tikkettar tal-enerġija, fid-dawl tal-fatt li madwar nofs il-gruppi ta' prodotti huma koperti biss mill-ekodisinn). Dan jikkorrispondi għal iffrankar ta' 19% fir-rigward tal-użu normali tal-enerġija għal dawk il-prodotti. Dawn il-politiki għandhom jilħqu kważi nofs il-mira ta' 20% titjib fl-effiċjenza fl-użu tal-enerġija sal-2020. Id-dipendenza fuq l-importazzjonijiet tal-enerġija se tonqos bi 23% għall-gass naturali u b'37% għall-faħam. Kollox ma' kollox, huwa stmat li l-miżuri ta' ekodisinn u ta' tikkettar tal-enerġija li sal-lum jinsabu fis-seħħ se jiffrankaw lill-utenti aħħarija tal-prodotti 100 biljun euro fis-sena fl-2020, permezz ta' kontijiet aktar baxxi (li jissarraf fi ffrankar ta' EUR 400-500 fis-sena għal kull dar).
2.Fis-suq intern tal-Unjoni Ewropea, ma hemmx xkiel għall-moviment ħieles tal-prodotti marbutin mal-enerġija.
3.Il-benefiċċji huma iktar mill-kostijiet, kemm għan-negozji u kemm għas-soċjetà sħiħa. Filwaqt li l-kostijiet tar-rekwiżiti u tat-tikkettar se jaffettwaw qabelxejn lill-manifatturi, dawn il-kostijiet imbagħad jingħaddu lill-utenti aħħarija (id-djar u n-negozji) li jibbenefikaw mill-iffrankar fil-kostijiet minn inqas użu tal-enerġija, u dan l-iffrankar huwa pjuttost ogħla mill-kostijiet tax-xiri minn qabel. Dejta ddettaljata għall-UE sħiħa mhix disponibbli. Għar-Renju Unit, il-proporzjon bejn il-benefiċċji u l-kostijiet ġie stmat għal 3.8 għar-regolamenti li daħlu fis-seħħ fl-2012
.
4.Il-maġġoranza tal-konsumaturi (madwar 85%) jagħrfu u jifhmu t-tikketta tal-enerġija, u jużawha fid-deċiżjonijiet tagħhom qabel jixtru.
5.L-introduzzjoni tal-A+ u ta' klassijiet ogħla fil-qafas tad-Direttiva tal-2010 dwar it-Tikkettar tal-Enerġija naqqset mill-effettività tat-tikketta tal-enerġija fil-motivazzjoni lill-konsumaturi biex jixtru prodotti iktar effiċjenti. L-emenda fid-disinn, li żżid aktar simboli + biex tindika klassijiet ta' effiċjenza ogħla 'l fuq mill-klassi A, hija inqas effettiva biex tħajjar għax-xiri ta' prodotti ta' effiċjenza ogħla mill-iskala oriġinali minn A sa G. Filwaqt li r-riċerka turi li l-iskala l-ġdida ta' tikkettar tinftiehem mill-konsumaturi, xellfet ir-rieda tagħhom li jħallsu iktar għal prodotti aktar effiċjenti, għaliex huma inqas motivati minn differenza bejn A+ u A+++ milli minn differenza bejn C u A
. Uħud mill-pittogrammi li jintużaw biex jirrappreżentaw parametri oħra fit-tikketta huma diffiċli biex jinftiehmu wkoll, pereżempju il-"logo tal-iswiċċ" fuq it-tikketta tat-televixin, u t-tikketta tal-effiċjenza fit-tinxif fit-tikketta tal-magni għall-ħasil tal-platti.
6.Hemm xejra lejn ix-xiri ta' prodotti ikbar, li huma effiċjenti u għaldaqstant jilħqu klassi tal-enerġija għolja, iżda li għandhom konsum assolut tal-enerġija ħafna ogħla minn tagħmir iżgħar tal-istess tip.
7.Infurzar dgħajjef min-naħa tal-awtoritajiet nazzjonali tas-sorveljanza tas-suq jikkontribwwixi lejn in-nuqqas ta’ konformità, tant li huwa stmat li jnaqqas l-iffrankar tal-enerġija b'10%. Ara wkoll it-Taqsima 3.
8.Il-miżuri għal ċerti prodotti wrew livelli ta' ambizzjoni baxxi wisq meta mqabbla ma' dak li huwa teknikament u ekonomikament fattibbli.
9.Għalkemm ċerti miżuri indirizzaw l-impatti ambjentali iktar milli l-fażi tal-użu tal-enerġija, għad hemm potenzjal għal aktar tnaqqis f'dawk l-impatti, pereżempju f'aspetti ta' durabbiltà, kapaċità ta' tiswija, ta' użu mill-ġdid, ta' riċiklaġġ u ta' rkupru, kif ukoll aspetti ta' kontenut riċiklat, l-użu ta' materjal ta' prijorità, u l-ġestjoni ta' sustanzi perikolużi.
10.F'termini ta' effiċjenza, il-proċess ta' tfassil tar-regoli huwa twil wisq (b'medja ta' madwar 49 xahar), sitwazzjoni li twassal għal ħidma teknika u preparatorja li tisfa obsoleta fiż-żmien tad-deċiżjonijiet ta' politika, speċjalment għal prodotti elettroniċi li jiżviluppaw malajr.
11.Iż-żewġ Direttivi jikkumplimentaw lil xulxin, u l-implimentazzjoni tagħhom issir b'mod ġeneralment koerenti.
12.Għal għadd ta' prodotti, il-klassijiet l-aktar baxxi tat-tikketta enerġetika huma vojta, billi miżuri ta' ekodisinn ipprojbixxew il-mudelli bi prestazzjoni baxxa, u l-manifatturi wieġbu għall-progress teknoloġiku billi qed joħolqu prodotti dejjem aktar effiċjenti. Għal għadd ta' kategoriji ta' prodotti, il-problema hija marbuta wkoll ma' klassijiet ogħla. Fl-iktar każijiet estremi tal-friġġijiet u magni għall-ħasil tal-platti jew tal-ħwejjeġ, it-tikketta enerġetika bħalissa turi l-klassijiet A+++ sa D, iżda jistgħu jitqiegħdu fis-suq biss apparat tal-klassijiet A+++, A++ u A+. Mingħajr tqabbil bis-sħiħ mill-A sal-G, ir-rilevanza tat-tikketta għall-konsumaturi hija kompromessa.
13.Il-valur miżjud għall-UE jitnissel mill-qafas regolatorju armonizzat, li jnaqqas il-kostijiet għall-manifatturi, u li bis-saħħa tiegħu l-UE tistabbilixxi x-xejriet fl-isforzi internazzjonali ta' regolamentazzjoni u standardizzazzjoni.
14.Din il-politika għandha rilevanza kontinwa fit-tiftix tal-mira tal-UE għall-effiċjenza fl-użu tal-enerġija lil hinn mill-2020. Tista' tikkontribwixxi wkoll għall-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi u għall-ekonomija ċirkulari.
15.Fl-era diġitali, l-informazzjoni għall-konsumaturi tibqa' essenzjali. Dan l-aħħar ir-regolamenti dwar it-tikkettar enerġetiku ġew adattati biex it-tikketti tal-enerġija jkunu jistgħu jintwerew ukoll fuq l-internet.
16.F'dak li jirrigwarda l-kontribuzzjoni tar-rekwiżit li r-reklamar ikun fih riferenza għall-klassi tal-effiċjenza enerġetika (l-Artikolu 4(c)), dan l-effett ma setax jiġi kkwantifikat, iżda l-valutazzjoni sabet li tali rekwiżit irnexxielu jindirizza nuqqas ta' informazzjoni fis-suq.
17.Ir-rekwiżiti għall-akkwist pubbliku (l-Artikolu 9(1)) diġà kienu ġew ivvalutati fl-2011, u b'riżultat ta' dan, tħassru mid-Direttiva dwar it-Tikkettar tal-Enerġija u ġew adottati, f'forma mibdula, fid-Direttiva dwar l-Effiċjenza fl-Enerġija.
18.Mill-kopertura tal-midja fl-aħħar ftit snin, huwa ċar li l-benefiċċji tal-politika għadhom ma ġewx ikkomunikati biżżejjed.
3.Rapport ta' sintenżi dwar is-sorveljanza tas-suq
Fl-2014 l-Istati Membri ressqu rapporti lill-Kummissjoni dwar l-attivitajiet tagħhom ta' sorveljanza tas-suq matul il-perjodu 2009-2013, abbażi ta' mudell ipprovdut mill-Kummissjoni.
L-informazzjoni mressqa turi li fl-2009 u fl-2010, madwar terz tal-Istati Membri ftit li xejn wettqu attività ta' sorveljanza tas-suq fir-rigward tat-tikkettar enerġetiku u l-ekodisinn, jew ma wettqu l-ebda sorveljanza ta' xejn. Il-Kummissjoni indirizzat l-Istati Membri f'dan ir-rigward, u l-għadd ta' Stati Membri b'attività baxxa ta' sorveljanza qiegħed jonqos.
L-għadd ta' spezzjonijiet u l-għadd ta' mudelli ta' prodotti spezzjonati żdiedu b'mod sinifikanti fil-perjodu 2009-2013, hekk kif miżuri ta' ekodisinn u ta' tikkettar enerġetiku baqgħu jkopru dejjem iktar gruppi ta' prodotti matul dawk is-snin. L-għadd ta' Stati Membri li jwettqu testijiet ta' prodotti f'laboratorju żdied ukoll, minn perċentwal żgħir tagħhom għal kważi nofshom. Għalkemm l-ittestjar tal-prodotti mhuwiex għajr mod wieħed ta' kif tiġi vverifikata l-konformità, huwa strument essenzjali billi hu wara kollox l-uniku mod kif wieħed jikkonferma jekk prodott jilħaqx ir-rekwiżiti minimi tal-ekodisinn u/jew jindikax il-klassi enerġetika t-tajba. Għad hemm Stati Membri li ma jittestjawx il-prodotti f'laboratorju, fost l-oħrajn għax huwa proċess għoli. Din probabbilment hija wkoll ir-raġuni għala proporzjon kbir tat-testijiet jikkonċerna apparat iżgħar, bħal tagħmir ta' provvista tal-enerġija u fanali esterni, u jikkonċerna wkoll il-konformità ma' rekwiżiti dwar standby u off-mode.
Il-livell ta' konformità misjub mill-awtoritajiet ta' sorveljanza tas-suq ivarja minn Stat Membru għall-ieħor, kif ukoll skont il-prodott u skont is-sena. Instab li bejn 5% u 40% tal-prodotti jinħarġu għall-bejgħ mingħajr it-tikketta tal-enerġija, jew bit-tikketta murija b'mod skorrett (pereżempju, ma tkunx viżibbli b'mod ċar, it-tikketta tkun żbaljata, jew l-indikazzjonijiet fuq it-tikketta ma jaqblux mad-dettalji mogħtija fil-laboratorju). Fil-każ tal-ekodisinn, instab li tipikament bejn 10% u 50% tal-prodotti spezzjonati u/jew ittestjati jinstab li mhumiex konformi. Madankollu, il-livell ta' nuqqas ta' konformità misjub mill-awtoritajiet is-soltu huwa ogħla mil-livell ġenerali tan-nuqqas ta' konformità fis-suq, billi s-sorveljanza tas-suq timmira l-marki kummerċjali u l-ħwienet bi storja magħrufa jew b'suspett ta' nuqqas kbir ta’ konformità. Kollox ma' kollox, in-nuqqas ta' konformità fis-suq jista' jiġi stmat għal 20%, sitwazzjoni li twassal biex madwar 10% tal-iffrankar tal-enerġija jintilef (16 Mtoe f'enerġija primarja kull sena).
4.Setgħat delegati
Kemm id-Direttiva tal-Ekodisinn u kemm dik tat-Tikkettar tal-Enerġija huma Direttivi ta' Qafas, li jistipulaw regoli u prinċipji ġenerali, u jagħtu s-setgħa lill-Kummissjoni biex tadotta iktar atti ddettaljati f'koordinazzjoni mal-Istati Membri. Iż-żewġ Direttivi jistabbilixxu l-kundizzjonijiet għall-eżerċizzju ta' din is-setgħa min-naħa tal-Kummissjoni. Skont id-Direttiva tat-Tikkettar tal-Enerġija, dawn l-atti jieħdu l-forma ta' atti ddelegati
li jiġu diskussi mill-Istati Membri fi grupp espert, filwaqt li għall-Ekodisinn, l-atti huma miżuri ta' implimentazzjoni adottati skont il-proċedura tal-komitoloġija b'votazzjoni b'maġġoranza mill-Istati Membri fi ħdan Kumitati Regolatorju. Att iddelegat dwar it-tikkettar ta' prodott partikulari s-soltu jiġi adottat b'mod parallel ma' miżura ta' implimentazzjoni dwar l-ekodisinn li tistipula r-rekwiżiti minimi ta' effiċjenza fl-użu tal-enerġija għall-istess gruppi ta' prodotti, bil-għan li jiġi żgurat impatt koerenti taż-żewġ miżuri.
Il-Grupp Espert dwar it-Tikkettar tal-Enerġija twaqqaf mill-Kummissjoni f'Diċembru 2012
, u ħa post il-Kumitat Regolatorju dwar it-Tikkettar Enerġetiku tal-prodotti li jużaw l-enerġija, li kien jeżisti fil-qafas tad-Direttiva originali dwar it-tikkettar tal-enerġija, Nru 92/75/KEE. Il-grupp espert iddiskuta l-miżuri ta' tikkettar enerġetiku li ġew adottati s'issa fil-qafas tad-Direttiva 2010/30/UE, u b'hekk aċċerta ruħu li l-Istati Membri ġew ikkonsultati kif suppost. Sal-lum ġew adottati 12-il att
iddelegat dwar it-tikkettar tal-enerġija. Wara li l-Kummissjoni adottat atti ddelegati dwar it-tikkettar tal-enerġija, la l-Parlament Ewropew u lanqas il-Kunsill ma ppreżentaw oġġezzjoni għall-atti ddelegati fil-perjodu ta' erba' xhur għall-oġġezzjoni. L-atti ddelegati mbagħad ġew ippubblikati f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, u daħlu fis-seħħ ftit wara.
Il-Kummissjoni tqis li d-delega ta' setgħat fir-rigward tat-tikkettar enerġetiku tikkontribwixxi effettivament lejn l-istipular tar-regoli ddettaljati meħtieġa dwar it-tikkettar enerġetiku ta' prodotti u apparati. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tqis li eżerċitat tajjeb is-setgħat iddelegati tagħha fil-qafas tad-Direttiva dwar it-Tikkettar tal-Enerġija.
5.Konklużjonijiet
Abbażi tar-riżultat tal-valutazzjoni, il-Kummissjoni tqis li tkun xierqa reviżjoni tad-Direttiva dwar it-Tikkettar tal-Enerġija. Dan ir-rapport jakkumpanja proposta leġiżlattiva għar-reviżjoni tad-Direttiva dwar it-Tikkettar tal-Enerġija, b'mod partikulari sabiex jiġi indirizzat it-tnaqqis fl-effettività tat-tikketta (il-punti 5 u 12 tat-Taqsima 2) u l-infurzar dgħajjef (il-punti 5 u 7 tat-Taqsima 3, it-Taqsima 3).
Fir-rigward tad-Direttiva dwar l-Ekodisinn, l-indirizzar tal-kwistjonijiet identifikati dwar il-proċess ta' evalwazzjoni ma jeħtieġ l-ebda bidla legali. B'mod partikulari, l-indirizzar ta' impatti ambjentali minbarra l-fażi tal-użu tal-enerġija (eż. id-durabbiltà, ir-riċiklabbità u l-kapaċita ta' rkupru) jista' jsir b'mod aktar sistematiku fil-qafas ta' miżuri tal-ekodisinn, mingħajr il-bżonn li wieħed jibdel il-qafas leġiżlattiv.
Sabiex jittejjeb il-fehim pubbliku tat-tikketta tal-enerġija (it-Taqsima 2, il-punt 5), il-Kummissjoni beħsiebha twettaq ittestjar mal-konsumaturi meta tiġi biex tiżviluppa tikketti tal-enerġija speċifiċi għall-prodott, b'mod partikulari biex jiġi żgurat li l-pittogrammi u t-tikketta nsfiha jinftiehmu.
Sabiex jittejjeb l-infurzar (it-Taqsima 2, il-punt 7), il-Kummissjoni beħsiebha wkoll tiffaċilita l-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali tas-sorveljanza tas-suq permezz tal-gruppi ta' Kooperazzjoni Amministrattiva ("ADCO") dwar l-ekodisinn u t-tikkettar tal-enerġija, kif ukoll permezz ta' proġetti konġunti ddedikati, bħall-proġett "EEpliant" iffinanzjat mill-UE
.
Sabiex tiġi indirizzata l-isfida tal-proċess twil ta' tfassil tar-regoli li jissemma fit-Taqsima 2 (il-punt 10), il-Kummissjoni beħsiebha tinnotifika abbozzi ta' regolamenti ddelegati lill-Membri tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ, skont il-Ftehim dwar l-Ostakli Tekniċi għall-Kummerċ, fi stadju iktar bikri tal-proċess, u b'mod parallel mal-konsultazzjoni fil-Forum ta' Konsultazzjoni.
Għall-prodotti elettroniċi, l-isfidi marbutin mal-iżvilupp rapidu tas-suq (it-Taqsima 2, il-punt 10), u n-nuqqas ta' relazzjoni ċara bejn il-prezz tax-xiri u l-effiċjenza tal-enerġija, jistħoqqilhom reviżjoni speċifika u fil-fond. Il-Kummissjoni qiegħda tippjana li twettaq din ir-reviżjoni fil-kuntest tal-valutazzjoni li ġejja tal-programm Energy Star tal-UE fl-2016, kif ukoll billi tindirizza l-apparat elettroniku li mhuwiex kopert minn tali programm.
Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni se tkompli bl-attivitajiet ta' komunikazzjoni mtejba dwar il-miżuri ta' ekodisinn u ta' tikkettar enerġetiku speċifiċi għall-prodott, fi sforz biex ittejjeb l-għarfien u l-aċċettazzjoni pubbliċi ta' din il-politika.