Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52015AR5369

Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — Inwasslu Patt Ġdid għall-Konsumaturi tal-Enerġija

ĠU C 240, 1.7.2016, p. 24–30 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

1.7.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 240/24


Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — Inwasslu Patt Ġdid għall-Konsumaturi tal-Enerġija

(2016/C 240/05)

Relatur:

is-Sur LEBRUN (BE/PPE), membru tal-Kunsillier ta’ Viroinval

Dokument ta’ referenza:

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni -–Inwasslu Patt Ġdid għall-Konsumaturi tal-Enerġija

COM(2015) 339 final

RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA

IL-KUMITAT EWROPEW TAR-REĠJUNI,

1.

iqis li huwa meħtieġ li t-tranżizzjoni enerġetika tkun kompletament ta’ benefiċċju għall-konsumaturi finali: id-djar, in-negozji u l-industrija. F’dan il-kuntest, il-linji ta’ politika dwar il-ġestjoni tal-enerġija għandhom jimmiraw lejn il-kontroll tal-konsum mill-konsumaturi stess, sabiex ikunu jistgħu jieħdu vantaġġ minn teknoloġiji ġodda biex inaqqsu l-kontijiet tagħhomu u jikkontribwixxu għall-isforzi tal-UE biex tilħaq il-miri tal-klima ambizzjużi kif miftiehma f’Pariġi waqt il-COP21. Dawn il-politiki għandhom jgħinuhom biex mhux biss jipparteċipaw attivament fis-suq iżda wkoll jibbenefikaw minn mekkaniżmi ta’ protezzjoni tal-konsumaturi effettivi u adegwati, li jistgħu jkunu neċessarji biex jiġi miġġieled il-faqar enerġetiku;

2.

jinnota l-progress li diġà sar fir-rigward tal-użu razzjonali tal-enerġija, tat-tnaqqis tal-konsum, kif ukoll tal-iżvilupp u l-użu ta’ teknoloġiji u servizzi għal ġestjoni mtejba tal-enerġija fil-livell lokali u tal-konsumaturi finali permezz ta’, fost l-oħrajn, qafas regolatorju Ewropew volontarju u dinamiku. Il-leġislazzjoni tal-futur għandha tinkoraġġixxi lill-Istati Membri u l-awtoritajiet lokali u reġjonali biex ikomplu bl-isforzi tagħhom sabiex itejbu l-livelli tagħhom ta’ prestazzjoni dwar l-effiċjenza tal-enerġija, it-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra u l-iżvilupp tal-kapaċitajiet ta’ produzzjoni ta’ enerġija rinnovabbli, inklużi l-kapaċitajiet ta’ ġenerazzjoni deċentralizzati;

3.

jinnota l-għadd kbir ħafna u l-varjetà wiesgħa ħafna ta’ servizzi u soluzzjonijiet tekniċi u teknoloġiċi, eżistenti jew li attwalment qed jiġu żviluppati, fil-qasam tal-ġestjoni tad-domanda, kif ukoll fil-ġestjoni tal-ġenerazzjoni deċentralizzata. L-Unjoni Ewropea għandha tagħti prijorità li tħeġġeġ u tappoġġja l-iżvilupp ta’ dawn l-għodod, li tivvaluta r-rilevanza u l-impatt tagħhom, kemm f’termini ta’ enerġija, kif ukoll ekonomiċi, soċjali u ambjentali u li tirregolahom sabiex jiġi żgurat l-użu sikur, faċli u affordabbli;

4.

jixtieq, permezz ta’ din l-Opinjoni, jikkontribwixxi għad-diskussjoni usa’ dwar il-qafas strateġiku għal Unjoni tal-Enerġija u jilqa’ b’sodisfazzjon ħafna mill-messaġġi ewlenin tal-Komunikazzjoni dwar Patt Ġdid għall-Konsumaturi tal-Enerġija (COM(2015) 339 final), li twitti t-triq għal Unjoni tal-Enerġija li tqiegħed iċ-ċittadin fiċ-ċentru u li tista’ tipproteġi l-konsumaturi l-iżjed vulnerabbli; jappella lill-Kummissjoni Ewropea biex issegwi din il-Komunikazzjoni, fi żmien definit, billi tadotta u timplimenta inizjattivi speċifiċi u konkreti fl-oqsma msemmija fil-Komunikazzjoni u b’attenzjoni xierqa għat-tħassib u l-esperjenzi tal-awtoritajiet lokali u reġjonali;

5.

itenni, f’dan il-kuntest, it-talba tiegħu biex il-miżuri tat-tielet pakkett dwar l-enerġija, tad-Direttiva dwar l-effiċjenza fl-enerġija u tad-Direttiva dwar is-soluzzjoni alternattiva għat-tilwim jkunu implimentati bis-sħiħ;

6.

jirrakkomanda li l-Kummissjoni Ewropea twettaq analiżi dettaljata tal-isfidi, l-ostakoli u l-opportunitajiet marbuta mal-parteċipazzjoni konkreta tal-konsumaturi tal-enerġija fis-swieq tal-enerġija, sabiex tikseb fehim fil-fond tas-sitwazzjoni tagħhom u ta’ kwalunkwe diffikultajiet li jħabbtu wiċċhom magħhom, u li jkunu jeħtieġu aktar miżuri ta’ appoġġ mill-UE, l-Istati Membri, l-awtoritajiet lokali jew reġjonali jew l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili;

7.

jenfasizza r-rwol ewlieni li jaqdu l-awtoritajiet lokali u reġjonali fl-implimentazzjoni tal-leġislazzjoni Ewropea f’dan il-qasam, fil-ħolqien u l-iffinanzjar tal-infrastruttura għad-distribuzzjoni, il-kejl u l-ġestjoni tad-domanda għall-enerġija, fil-ġestjoni tal-ġenerazzjoni deċentralizzata u t-tixrid tal-aħjar prattiki żviluppati fil-livell reġjonali u lokali, kif ukoll li jinformaw u jagħtu pariri lill-konsumaturi tal-enerġija. Għaldaqstant, il-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni qed jitlob li jkun involut fl-istadji kollha tal-iżvilupp tal-politiki futuri li għandhom jiġu adottati f’dan il-qasam mill-Unjoni Ewropea;

8.

itenni, f’dan il-kuntest, il-ħtieġa li kwalunkwe leġislazzjoni futura dwar il-ġestjoni tad-domanda għall-enerġija u tal-ġenerazzjoni deċentralizzata tal-enerġija rinnovabbli, kif ukoll il-protezzjoni tal-konsumaturi u tad-drittijiet tagħhom, ikunu ibbażati fuq il-prinċipju tas-sussidjarjetà. Il-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni jistieden lill-Unjoni Ewropea biex tikkunsidra sew il-kompetenzi tal-awtoritajiet lokali u reġjonali, sabiex ikun żgurat livell ta’ intervent li jirrispetta bis-sħiħ il-prinċipju tas-sussidjarjetà;

9.

itenni r-rieda tiegħu biex ikompli jikkontribwixxi għat-tħejjija u l-proċess tal-Forum taċ-Ċittadini dwar l-Enerġija u biex jipparteċipa b’mod attiv fl-iżvilupp tal-politiki tal-UE, billi jagħmel rakkomandazzjonijiet dwar l-inizjattivi reċenti u futuri u dwar l-impatt soċjali u ekonomiku fil-livell lokali u reġjonali;

10.

jilqa’ l-fatt li l-Kummissjoni Ewropea tagħmel referenza għall-Patt tas-Sindki (1); ifakkar li l-firmatarji tiegħu, jiġifieri l-awtoritajiet lokali u reġjonali madwar l-UE, huma mudelli vera tal-konsum tal-enerġija sostenibbli u li jippromovu b’mod volontarju l-prattika t-tajba f’termini ta’ awtoġenerazzjoni mill-konsumatur; jenfasizza li aktar minn 180 membru tal-KtR diġà jirrappreżentaw firmatarji tal-Patt tas-Sindki u li l-KtR huwa impenjat li jippromovi l-Patt tas-Sindki kemm fost il-membri tiegħu kif ukoll fil-kuntatti tiegħu mal-awtoritajiet lokali u reġjonali fl-UE u lil hinn minnha; Inizjattivi oħrajn li jippermettu lill-bliet jersqu lejn miri ambizzjużi lanqas m’għandhom jiġu ddiskriminati (2);

11.

jenfasizza li hu meħtieġ li l-Kummissjoni Ewropea tagħmel referenza wkoll għall-Patt tal-Gżejjer, inizjattiva simili u parallela mal-Patt tas-Sindki li tgħaqqad aktar minn mitt firmatarju, li fil-kuntest tiegħu, l-awtoritajiet tal-gżejjer iwettqu ħidma importanti għall-kisba tal-għanijiet ta’ żvilupp sostenibbli tal-UE sal-2020;

12.

itenni t-talba tiegħu li jiġi rappreżentat f’awtoritajiet regolatorji tal-enerġija ewlenin fil-livell tal-UE (ACER) kif ukoll fil-livell nazzjonali (ARN) (3);

13.

jindika li l-adozzjoni ta’ għanijiet ġodda fil-qasam tal-ġestjoni tad-domanda tal-enerġija u l-ġenerazzjoni tal-enerġija rinnovabbli, kif ukoll ta’ strumenti ekonomiċi possibbli marbuta magħhom, għandha titwettaq f’konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità. Il-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni jistieden lill-Kummissjoni Ewropea biex tqis l-impatt li dawn il-miżuri l-ġodda jistgħu jħallu fuq l-awtoritajiet lokali u reġjonali kollha, il-baġits tagħhom u l-kapaċitajiet amministrattivi u operattivi tagħhom, b’kunsiderazzjoni tal-ispeċifiċitajiet u d-diffikultajiet partikolari li tista’ tiltaqa’ magħhom kull tip ta’ entità; jenfasizza li l-prinċipju ta’ prekawzjoni bħala element fundamentali tal-liġi ambjentali tal-UE għandu jiġi applikat ukoll għall-politika tal-enerġija tal-UE;

14.

isostni, fir-rigward tal-infrastruttura għall-enerġija, li għall-awtonomizzazzjoni u r-responsabbilizzazzjoni tal-konsumaturi jidher li huwa meħtieġ l-iżvilupp ta’ netwerks u miters intelliġenti (bil-kundizzjoni li jkun sodisfatt l-interess ekonomiku tal-konsumatur finali), effiċjenti u bi prezzijiet raġonevoli, produttivi, tajbin biex insaqqsu l-frodi, faċli għall-utent, sikuri u mfassla skont il-ħtiġijiet u l-istennijiet tal-konsumaturi fir-rigward tal-informazzjoni, tal-kontroll tal-konsum u t-tnaqqis fil-kontijiet tagħhom;

15.

jenfasizza l-importanza tar-rwol li għandhom l-operaturi tan-netwerk, u b’mod partikolari l-operaturi tan-netwerk ta’ distribuzzjoni, fl-iżvilupp ta’ netwerks intelliġenti fil-livell lokali, fl-installazzjoni u l-ġestjoni ta’ miters intelliġenti kif ukoll fl-implimentazzjoni ta’ soluzzjonijiet għall-ħtiġijiet ġodda ta’ flessibbiltà (fil-ġbir u d-distribuzzjoni), soluzzjonijiet essenzjali għall-funzjonament tajjeb tas-suq fil-futur; jieħu nota tal-intenzjoni tal-Kummissjoni li ssegwi mill-qrib l-implimentazzjoni ta’ standards eżistenti tal-UE għal metraġġ intelliġenti, netwerks intelliġenti u ġestjoni tal-informazzjoni, u jaqbel li l-aċċess għad-data għall-konsumaturi għandu jkun “effettiv” u “mhux diskriminatorju” għall-klijenti jew partijiet terzi magħżula minnhom; jistenna bil-ħerqa t-tfassil tal-qafas legali neċessarju fil-kuntest tal-Istrateġija għal Suq Uniku Diġitali u tar-reviżjoni tar-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data tal-UE;

16.

jenfasizza li f’ħafna reġjuni, l-introduzzjoni ta’ teknoloġiji ġodda timponi spejjeż sinifikanti minħabba li l-infrastrutturi tal-enerġija hija jew antika jew ma teżistix; għaldaqstant jemmen li huwa indispensabbli li jinstab mod kif il-livell lokali jew reġjonali jiddetermina kif għandhom jinqasmu l-ispejjeż bejn il-fornitur tas-servizzi, il-konsumatur u l-awtoritajiet reġjonali, kif ukoll l-ammont ta’ sussidji disponibbli biex jiġi ffinanzjat l-investiment. It-tranżizzjoni għandha ssir b’mod li fl-aħħar mill-aħħar twassal għal tnaqqis fil-kontijiet tal-konsumaturi. Fl-istess ħin, il-Kumitat iqis li huwa essenzjali li l-konsumaturi jkunu informati kif suppost dwar it-tħassib li jista’ jkollhom u l-benefiċċji tat-teknoloġiji u kemm jistgħu jagħtu kontribut, sabiex titnaqqas l-oppożizzjoni għan-novità;

17.

jilqa’ b’sodisfazzjon l-attenzjoni li qed titfa’ l-Kummissjoni fuq il-kwistjoni speċifika tal-faqar enerġetiku, li jirrappreżenta sfida partikolari għal ħafna awtoritajiet lokali u reġjonali għaliex tabilħaqq jeħtieġ li jiġi indirizzat kemm fil-kuntest tal-politika soċjali, kif ukoll tal-politika tal-enerġija; jappella lill-Kummissjoni Ewropea biex timxi lil hinn minn sempliċiment “titjib tal-ġbir tad-data” u taħdem lejn definizzjoni komuni wiesgħa tal-faqar enerġetiku u pjan ta’ azzjoni adatt, imsejjes fuq l-idea tal-aċċess għall-enerġija bħala dritt soċjali bażiku;

18.

jenfasizza l-importanza tal-finanzjament tal-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (FEIS) fl-implimentazzjoni tal-Pjan Ewropew ta’ Rilanċ Ekonomiku, u għal miżuri biex tiżdied l-effiċjenza enerġetika;

19.

jistieden lill-UE u lill-Istati Membri jistabbilixxu qafas regolatorju li huwa ta’ benefiċċju kemm għall-konsumaturi tal-enerġija kif ukoll għall-“prosumaturi” u fornituri oħra tal-enerġija li huma involuti b’mod attiv fis-swieq tal-bejgħ bl-imnut tal-enerġija. Huwa wkoll meħtieġ li jiġi żgurat finanzjament suffiċjenti u faċilment aċċessibbli għal dawk l-awtoritajiet lokali u reġjonali li jikkontribwixxu għat-tranżizzjoni tal-enerġija lejn swieq tal-bejgħ bl-imnut tal-enerġija sostenibbli u inklużiva;

It-titjib tal-aċċess tal-konsumaturi għall-informazzjoni

20.

jenfasizza li għall-awtonomija ġenwina tal-konsumaturi hija meħtieġa s-sensibilizzazzjoni tal-konsumaturi, permezz ta’ miżuri xierqa, bħal pereżempju l-installazzjoni ta’ miter intelliġenti u l-aċċess tal-konsumaturi għall-informazzjoni dwar dan, l-użu razzjonali tal-enerġija, il-protezzjoni tal-ambjent – b’mod partikolari l-kwalità tal-arja – kif ukoll il-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima. Din is-sensibilizzazzjoni għandha tinkludi informazzjoni ċara u sħiħa dwar l-għażliet disponibbli u għandha tippermetti lill-konsumaturi jagħżlu provvista u ġestjoni ta’ enerġija sostenibbli u bi prezzijiet raġonevoli;

21.

jenfasizza l-ħtieġa li jiġi żgurat l-aċċess tal-konsumaturi għal informazzjoni li hija sempliċi, ċara, kompluta u adegwata, sikura, affidabbli, b’xejn u indipendenti fir-rigward tal-provvista tal-enerġija, kemm fir-rigward tal-offerti tal-provvista, il-kuntratti, id-drittijiet u l-obbligi tagħhom kif ukoll fir-rigward tal-prodotti u s-servizzi, inklużi s-sussidji Ewropej u nazzjonali, li tgħinhom inaqqsu l-konsum u l-kontijiet tagħhom, jiksbu u jħaddmu l-mezzi tagħhom għall-produzzjoni tal-enerġija; dan jinkludi l-ħtieġa għal informazzjoni mmirata għall-konsumaturi l-iżjed vulnerabbli, fil-formats adatti (inkluża għal dawk li mhumiex wisq familjari mal-komunikazzjoni elettronika jew għandhom aċċess limitat għaliha);

22.

jenfasizza li l-awtoritajiet reġjonali u lokali, billi huma l-entitajiet li huma l-eqreb taċ-ċittadini, jistgħu jipprovdu għajnuna u pariri essenzjali lill-konsumaturi u jibnu kultura li twassal għal inizjattivi fil-livell lokali, madankollu, jenfasizza li hemm bżonn ta’ riżorsi addizzjonali biex l-awtoritajiet lokali u reġjonali jkunu jistgħu jisfruttaw bis-sħiħ il-potenzjal tagħhom f’dan ir-rigward u jiżviluppaw soluzzjonijiet innovattivi;

L-aġġustament tad-domanda

23.

jipproponi l-adozzjoni ta’ rekwiżiti u inċentivi ġodda għall-operaturi tat-trażmissjoni u d-distribuzzjoni biex tiżdied il-flessibbiltà tan-netwerks tal-enerġija permezz tas-sistemi intelliġenti, il-ħżin tal-enerġija u l-konverżjoni bejn portaturi tal-enerġija;

24.

jinnota li għandu jkun hemm kundizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni għal dawk kollha interessati li fil-futur jiġġeneraw u jiddistribwixxu l-enerġija u/jew jipprovdu servizzi ġodda, sabiex jagħmlu possibbli, pereżempju, il-flessibbiltà tas-sistema u l-integrazzjoni tal-enerġija prodotta mill-“prosumaturi” (inklużi l-aggregaturi);

25.

jiġbed l-attenzjoni tal-Kummissjoni Ewropea għall-fatt li l-politika dwar l-enerġija għandha tikkontribwixxi għat-tnaqqis fil-piż tal-enerġija fil-baġit tad-djar u l-intrapriżi u, għaldaqstant, tal-kont finali tagħhom. F’dan il-kuntest, il-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni huwa mħasseb li, f’xi każijiet, il-ġestjoni tad-domanda tista’ tesponi lill-konsumaturi għall-bidliet fis-swieq tal-bejgħ bl-ingrossa u tal-bejgħ bl-imnut, li jistgħu jwasslu għal tariffi ogħla li l-konsumaturi ma jkunux jifilħu jħallsu. Huwa għalhekk meħtieġ li jiġu offruti pjani tat-tariffi b’rati garantiti u fit-tul sabiex jipproteġu l-konsumaturi kontra kwalunkwe tibdil qawwi. Il-konsumaturi għandhom jiġu infurmati wkoll dwar kif għandhom jużaw u jibbenefikaw minn prezzijiet varjabbli bbażati fuq tariffi tal-enerġija kkwotati;

L-iffaċilitar tal-bdil minn fornitur għal ieħor

26.

jaqbel li dawn il-problemi jammontaw f’xi każijiet għal falliment tas-suq fis-settur tal-enerġija u li nuqqas ta’ kompetizzjoni jista’ jkun ostaklu serju għal suq iżjed favorevoli għall-konsumatur; huwa tal-fehma, madankollu, li l-iżvilupp fir-regolamentazzjoni għandu jsir b’attenzjoni xierqa għall-ħtiġijiet speċifiċi ta’ partijiet interessati differenti, inklużi l-awtoritajiet lokali u reġjonali u l-konsumaturi vulnerabbli;

27.

jiddispjaċih bil-kumplessità, it-tul ta’ ħin u l-proċeduri burokratiċi wisq li baqgħu persistenti fil-proċedura ta’ bdil tal-fornitur, u jitlob biex id-diversi entitajiet regolatorji jiżguraw l-infurzar tal-leġislazzjoni fis-seħħ dwar il-kundizzjonijiet ta’ bdil tal-fornitur;

28.

jappoġġja l-impenn tal-Kummissjoni Ewropea biex tiżgura li kull konsumatur ikollu aċċess għal mill-inqas għodda għat-tqabbil li hija indipendenti u verifikata. Tqabbil bħal dan għandu jkun ċar, komplut, affidabbli u indipendenti, faċli u bla ħlas. Dan għandu jippermetti t-tqabbil tal-kuntratti attwali mal-offerti tas-suq. Peress li l-fornituri għandhom it-tendenza li jiddiversifikaw l-offerti tagħhom billi jinkludu servizzi fil-kuntratti ta’ provvista tal-enerġija, it-tqabbil għandu jqabbel id-diversi “pakketti” proposti, filwaqt li jippermetti t-tqabbil tal-“provvista” biss;

29.

jipproponi li jitniedu kampanji ta’ informazzjoni relatati mal-bidla minn fornitur għal ieħor fuq inizjattiva tal-awtoritajiet regolatorji tal-enerġija, l-awtoritajiet lokali u reġjonali territorjali u l-organizzazzjonijiet tal-konsumatur. Dawn il-kampanji jistgħu jagħmlu referenza għall-għodod ta’ tqabbil eżistenti;

30.

isostni li l-Kummissjoni Ewropea u l-entitajiet regolatorji nazzjonali u reġjonali għandhom jiżguraw il-funzjonament mingħajr xkiel tal-proċeduri ta’ bdil ta’ fornitur, u li l-konsumaturi – partikolarment dawk l-iktar vulnerabbli – għandu jkollhom aċċess għal parir xieraq dwar l-għażla ta’ kuntratt ta’ provvista kif ukoll għajnuna biex jibdlu l-fornitur u/jew il-kuntratt;

31.

jitlob li l-Unjoni Ewropea tadotta regolamentazzjoni ambizzjuża dwar it-tnaqqis tal-ħin meħtieġ għall-konsmatur biex jibdel minn fornitur għal ieħor u dwar l-awtomazzjoni tal-proċess tal-bidla;

32.

jixtieq li l-kwistjonijiet marbuta mal-prattiċi kummerċjali u l-promozzjoni dwar il-provvista tal-enerġija jkunu regolati aktar strettament, fil-livell Ewropew, sabiex jittaffew il-varjazzjonijiet fil-prezzijiet u ma jiġux inkoraġġuti prattiki abbużivi f’dan il-qasam. F’dan il-kuntest, il-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni jitlob l-implimentazzjoni sħiħa tad-Direttiva dwar il-prattiċi kummerċjali żleali u d-Direttiva dwar id-drittijiet tal-konsumatur;

33.

jitlob li jkun regolat u promoss ix-xiri kollettiv tal-enerġija maħsub għall-istituzzjonijiet pubbliċi, l-unitajiet domestiċi u n-negozji. Dan għandu jtejjeb il-funzjonament tas-suq, jiżgura aċċess għall-enerġija għal kulħadd, u jiffaċilita dan l-aċċess, bi tnaqqis b’mod effettiv u sostenibbli tal-impatt tal-ispejjeż tal-kontijiet tal-enerġija fuq il-baġit tal-konsumatur;

It-titjib tal-leġġibbiltà u l-komparabbiltà tal-kontijiet

34.

jistieden lill-Unjoni Ewropea teżamina d-diversi komponenti tal-kontijiet tal-enerġija sabiex tħejji kont “tipiku” b’sett ta’ komponenti standard, li faċli jinqara, ċar u komparabbli fuq livell Ewropew u li jippermetti li l-konsumaturi jottimizzaw l-użu tal-enerġija tagħhom. F’dan ir-rigward il-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni jappoġġja l-inizjattiva tal-Kunsill tar-Regolaturi Ewropej tal-Enerġija biex tipproponi definizzjonijiet armonizzati tad-diversi elementi li għandhom jiġu inklużi fil-kontijiet tal-enerġija;

35.

jitlob li din l-istandardizzazzjoni tinvolvi l-obbligu tal-inklużjoni ta’ informazzjoni dwar għodod u servizzi b’xejn disponibbli, marbuta mat-tqabbil ta’ offerti ta’ provvista u informazzjoni u appoġġ għall-familji u n-negozji dwar il-protezzjoni tad-drittijiet tal-konsumatur, fil-kont finali;

36.

jistieden lill-Istati Membri joħolqu għodod u servizzi biex jgħinu lill-familji u n-negozji jifhmu l-kontijiet, biex ikunu jistgħu janalizzawhom u, fejn meħtieġ, jagħtu pariri u jgħinu lill-konsumaturi finali fil-passi meqjusa meħtieġa biex jikkoreġu l-irregolaritajiet jew jirreferuhom għal kuntratti ta’ provvista aktar adattati għall-ħtiġijiet tagħhom;

37.

jirrakkomanda li l-kontijiet u l-informazzjoni kollha maħruġa mill-fornituri lill-konsumaturi finali tagħhom jkunu jistgħu jintbagħtu fil-forma mitluba mill-konsumatur, jiġifieri permezz ta’ ittra jew b’mezz elettroniku, mingħajr ebda diskriminazzjoni;

38.

jenfasizza l-fatt li l-konsumaturi vulnerabbli huma partikolarment suxxettibbli li jkollhom diffikultajiet biex jifhmu liema huma l-irħas rati fost għażla estensiva ħafna, u ħafna drabi jitolbu l-għajnuna lill-eqreb livell ta’ governanza. Għaldaqstant, il-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni jistieden lill-Unjoni Ewropea tappoġġa lill-awtoritajiet lokali u reġjonali fl-iżvilupp ta’ sistemi ta’ appoġġ fil-qasam tal-enerġija, jekk dan mhux qed isir mill-Istati Membri;

It-tijib fil-qari tal-miters

39.

jenfasizza li l-konsumaturi għandu jkollhom aċċess faċli għal qari tal-miter tagħhom, f’forom differenti (permezz ta’ miter intelliġenti, onlajn, permezz ta’ dikjarazzjoni dettaljata dwar il-kont tal-enerġija tagħhom kull xahar, permezz ta’ konsulenza individwali, eċċ.);

40.

jenfasizza l-ħtieġa li l-konsumaturi jkunu infurmati b’mod intelliġibbli dwar il-ġestjoni tal-qari tal-miters u l-użu tad-data dwar il-konsum tagħhom, bi speċifika ta’ liema informazzjoni se tinġabar u tinħażen, kull meta, u għal kemm żmien;

41.

jenfasizza l-ħtieġa li jiġi adottat, fq il-livell Ewropew, qafas strett fir-rigward tas-sigurtà u l-protezzjoni tal-ħajja privata, fir-rigward tad-data tal-miters;

Appoġġ u gwida għall-iżvilupp ta’ miters intelliġenti, ir-riċerka u l-innovazzjoni

42.

isejjaħ għal darb’oħra biex jiġi aċċellerat l-iżvilupp ta’ sistemi intelliġenti, kemm fil-livell tan-netwerks kif ukoll fil-livell tal-produttur/konsumatur, tiġi ottimizzata s-sistema kumplessiva u jiġu implimentati miters intelliġenti, bħala element ewlieni ta’ ġestjoni effiċjenti tad-domanda li tinvolvi l-parteċipazzjoni attiva tal-konsumatur;

43.

jappella għall-adozzjoni ta’ qafas strett, fil-livell Ewropew, dwar l-użu ta’ miters intelliġenti u l-għażla tal-użi u l-funzjonalitajiet tagħhom, filwaqt li jfakkar li l-għan tal-użu tagħhom huwa r-razzjonalizzazzjoni u t-tnaqqis fil-konsum. F’dan il-kuntest, il-Kumitat jappella biex kwalunkwe għażla ġdida ta’ teknoloġija tkun soġġetta, qabel l-adozzjoni, għal valutazzjoni komprensiva tal-impatt fuq l-enerġija, ekonomiku, soċjali u ambjentali possibbli tagħha, jekk tkun ser tiġi introdotta bħala standard;

44.

jistieden lill-UE u lill-Istati Membri jagħtu prijorità lir-riċerka applikata għall-ġestjoni u t-tnaqqis tal-konsum, l-ispjazzament u t-tnaqqis tad-domanda għall-enerġija, l-introduzzjoni ta’ sistemi ta’ miters, ta’ distribuzzjoni u ta’ trasmissjoni intelliġenti, sikuri, affidabbli u affordabbli, kif ukoll sistemi ta’ ħżin industrijali u domestiku;

45.

jenfasizza li l-iżvilupp u l-funzjonament tal-bliet għandhom impatt kbir fuq id-domanda għall-enerġija, billi jirrappreżentaw bejn 60 % u 80 % tal-konsum dinji tal-enerġija u madwar l-istess perċentwal ta’ emissjonijiet ta’ CO2. Għaldaqstant, jenfasizza r-rwol importanti li jistgħu jaqdu Sħubija Ewropea għall-Innovazzjoni dwar Bliet u Komunitajiet Intelliġenti u mudelli ta’ finanzjament u kummerċjali oħra biex jippromovu l-iskjerament ta’ teknoloġiji tal-enerġija intelliġenti;

Il-parteċipazzjoni tal-awtoritajiet lokali u reġjonali u ċ-ċittadini fis-swieq tal-enerġija

46.

jiddispjaċih li l-Komunikazzjoni tirrikonoxxi r-rwol tal-awtoritajiet lokali u reġjonali biss fil-kuntesti dojoq ta’ “Żieda fil-parteċipazzjoni tal-konsumaturi” u speċifikament fil-Patt tas-Sindki, iżda ma tinkludix l-awtoritajiet lokali u reġjonali bħala atturi pereżermpju fil-konklużjonijiet ġenerali fejn azzjoni ulterjuri hija meqjusa neċessarja “fil-livell tal-Istati Membri, u [permezz ta’] inizjattivi ta’ kollaborazzjoni tal-industrija, l-organizzazzjonijiet tal-konsumaturi u regolaturi nazzjonali”; għaldaqstant jappella lill-Kummissjoni Ewropea biex tinkludi l-perspettiva lokali u reġjonali b’mod aktar ġenerali fl-azzjonijiet futuri tagħha f’dan il-qasam, mhux l-inqas bħala produtturi u fornituri tal-enerġija;

47.

huwa tal-fehma li l-miters intelliġenti jistgħu jkunu wkoll għodda importanti sabiex tiġi indirizzata l-kwistjoni tal-faqar enerġetiku, iżda jfakkar li huwa meħtieġ li jiġi żgurat li t-teknoloġiji tal-kejl intelliġenti ma twassalx għal spejjeż eċċessivi għall-konsumaturi u/jew limitazzjoni eċċessiva tal-użu tagħhom tal-enerġija;

48.

jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jiżguraw li l-awtoritajiet lokali u reġjonali, kif ukoll il-kumpaniji lokali tal-enerġija, jibbenefikaw minn finanzjament adegwat u faċilment aċċessibbli biex jorganizzaw politiki u proġetti fil-qasam tal-effiċjenza enerġetika u tal-produzzjoni u l-użu tal-enerġija rinnovabbli, pereżempju sabiex jiġu pprovduti parir dwar l-enerġija. Il-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni jitlob lill-Unjoni Ewropea biex tintegra dan l-aspett fil-programmi ta’ finanzjament futuri kollha f’dan il-qasam;

49.

jipproponi li jiġi stabbilit qafas ċar, li jipprovdi aċċess faċli għan-netwerks intelliġenti għall-enerġija prodotta mill-konsumatur, biex b’hekk jiġi faċilitat u jitnaqqas id-dewmien tal-proċeduri għal-liċenzjar/l-awtorizzazzjoni u jitneħħew l-ostakli amministrattivi u regolatorji li fadal li jfixklu kompetizzjoni effettiva;

50.

jistieden lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Istati Membri joħolqu qafas regolatorju xieraq sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni għall-parteċipanti ġodda fis-suq li huma l-prosumaturi, u jintroduċu l-miżuri u l-inċentivi suffiċjenti u l-garanziji neċessarji biex jistimulaw l-awtokonsum deċentralizzat tal-enerġija rinnovabbli u rimunerazzjoni ġusta tal-produzzjoni tal-enerġija;

51.

jinnota li hemm għadd ta’ eżempji ta’ prattika tajba dwar il-parteċipazzjoni tal-konsumaturi fil-ġestjoni tajba tal-konsum u l-ġenerazzjoni deċentralizzata tal-enerġija rinnovabbli u jenfasizza r-rwol importanti li jaqdi l-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni fl-iskambju tal-aħjar prattiki;

52.

jenfasizza, b’mod partikolari, il-potenzjal enormi tal-awtoġenerazzjoni individwali u kollettiva tal-enerġiji rinnovabbli disponibbli lokalment, u jitlob lill-Unjoni Ewropea tinvestiga l-ostakoli finanzjarji u regolatorji, marbuta wkoll mal-ħtieġa tal-addattament tan-netwerks elettriċi eżistenti għall-mekkaniżmi ta’ awtokonsum, li jillimitaw l-iżvilupp ta’ dawn l-inizjattivi u tadotta miżuri biex dawn jingħelbu. F’dan il-kuntest, il-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni jenfasizza li l-kunċett ta’ sjieda huwa importanti għall-involviment taċ-ċittadini fit-tranżizzjoni tal-enerġija b’mod effettiv, u jitlob li tingħata attenzjoni speċjali lill-konsumaturi li m’għandhomx il-mezzi finanzjarji jew prattiki biex jinvestu fit-teknoloġiji ta’ awtoġenerazzjoni; barra minn hekk, jenfasizza r-rwol importanti li jistgħu jaqdu l-awtoritajiet lokali u reġjonali fl-organizzazzjoni jew l-appoġġ ta’ inizjattivi lokali għal skemi kollettivi, kooperattivi jew ta’ awtoġenerazzjoni għall-produzzjoni, id-distribuzzjoni u l-konsum tal-enerġija;

53.

jilqa’ l-inizjattiva tal-Forum taċ-Ċittadini dwar l-Enerġija, filwaqt li jenfasizza li huwa mixtieq li jiġu stabbiliti strutturi u mekkaniżmi regolari oħra li jippermettu lill-konsumaturi tal-enerġija jesprimu l-opinjoni tagħhom fi żmien xieraq u b’hekk jinfluwenzaw l-għażliet magħmula dwar is-swieq tal-enerġija.

Brussell, is-7 ta’ April 2016.

Il-President tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni

Markku MARKKULA


(1)  Ara wkoll ENVE-VI/005.

(2)  Ara punti 25 u 31 tal-Opinjoni ENVE-VI-006.

(3)  Ara wkoll ENVE-VI/003, punt 57.


Top