Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52015AE5033

    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Tnedija tal-proċess ta’ konsultazzjoni pubblika dwar disinn ġdid tas-suq tal-enerġija” [COM(2015) 340 final]

    ĠU C 82, 3.3.2016, p. 13–21 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    3.3.2016   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 82/13


    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Tnedija tal-proċess ta’ konsultazzjoni pubblika dwar disinn ġdid tas-suq tal-enerġija”

    [COM(2015) 340 final]

    (2016/C 082/03)

    Relatur:

    is-Sur Lutz RIBBE

    Nhar il-15 ta’ Lulju 2015, il-Kummissjoni ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

    “Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Tnedija tal-proċess ta’ konsultazzjoni pubblika dwar disinn ġdid tas-suq tal-enerġija”

    [COM(2015) 340 final].

    Is-Sezzjoni Speċjalizzata għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà tal-Informazzjoni, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar is-7 ta’ Jannar 2016.

    Matul il-513-il sessjoni plenarja tiegħu li saret fl-20 u l-21 ta’ Jannar 2016 (seduta tal-20 ta’ Jannar), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’212-il vot favur, 4 voti kontra u 7 astensjonijiet.

    1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

    1.1.

    Il-KESE jilqa’ l-Komunikazzjoni u jappoġġja ħafna mill-proposti li jinsabu fiha, li huwa jqis bħala konsegwenza loġika tal-kunsiderazzjonijiet dwar Unjoni tal-Enerġija Ewropea.

    1.2.

    It-titjib tas-swieq li huwa ppreżentat, li jinkludi l-kummerċ tal-istess ġurnata, it-tħassir ta’ regoli li jfixklu l-kompetizzjoni, il-kontroll tad-domanda u l-ħolqien ta’ sinjali tal-prezzijiet tajbin fil-prinċipju huma miżuri korretti u importanti għal disinn ġdid tas-suq tal-enerġija, li fil-futur ser ikun iktar allinjat mal-ispeċifiċitajiet ta’ enerġija rinnovabbli varjabbli u deċentralizzata.

    1.3.

    Il-provvista sikura u bi prezz aċċessibbli ta’ enerġija (nadifa) għall-kumpaniji u l-unitajiet domestiċi hija l-bażi vitali għall-ekonomija u l-persuni fis-soċjetà moderna. Għaldaqstant, is-sistema tal-enerġija hija fundamentalment kwistjoni tas-soċjetà kollha kemm hi, u biex tinkiseb tirrikjedi bilanċ tajjeb bejn is-suq u r-regolamentazzjoni. Sa issa, dan mhuwiex diskuss biżżejjed fil-livell politiku, lanqas f’din il-Komunikazzjoni.

    1.4.

    L-għan tal-provvista tal-enerġija b’livell baxx ta’ karbonju u bi proporzjon għoli ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli li jistgħu jiġu rregolati jista’ jintlaħaq fil-perjodu qasir sa medju biss jekk l-operaturi tas-suq kollha (inklużi l-ġodda) ikollhom biżżejjed għażliet flessibbli, bħal kapaċitajiet ta’ ħżin suffiċjenti, għażliet ta’ domanda flessibbli u faċli għall-konsumatur u teknoloġiji flessibbli għall-ġenerazzjoni tal-elettriku (bħal pereżempju l-koġenerazzjoni), kif ukoll infrastruttura għad-distribuzzjoni tal-elettriku li hija żviluppata u konnessa b’mod adatt, u jekk il-konsumaturi jkunu informati biżżejjed fil-ħin u b’mod korrett, jekk ikollhom l-opportunità li jiżviluppaw opportunitajiet ta’ kummerċjalizzazzjoni tagħhom stess u jekk l-investimenti neċessarji fit-teknoloġiji u l-infrastruttura jħallu l-frott. Dan kollu ma jseħħx attwalment.

    1.5.

    Is-sinjali tal-prezzijiet huma importanti, għaliex il-bidla tas-sistema eżistenti ser tkun teħtieġ investimenti kbar. Fil-każ tal-prezzijiet tal-kambju attwali ta’ 30 jew 40 EUR/MWh, l-investimenti ma jistgħux jiġu ffinanzjati mill-ġdid, irrispettivament minn jekk dawn isirux f’kapaċitajiet ġodda għall-produzzjoni tal-elettriku jew f’teknoloġiji tal-ħżin. Tali prezzijiet tal-kambju jistgħu jinkisbu biss minħabba li, fost affarijiet oħrajn, jispiċċa ħafna elettriku minn impjanti tal-enerġija deprezzati fis-suq u minħabba li jitħallsu sussidji għal elettriku ġġenerat mill-faħam, l-enerġija nukleari u l-enerġiji rinnovabbli. Għalhekk, il-prezzijiet tal-kambju tal-lum lanqas biss jirriflettu l-istruttura tal-ispejjeż reali. Il-prezzijiet fil-borża tal-elettriku jipprovdu stampa mgħawġa tal-ispejjeż reali tal-enerġija minħabba sussidji u regolamentazzjoni żejda. Huwa biss bi prezzijiet trasparenti u realistiċi li jistgħu jinkisbu s-sinjali t-tajbin għall-investimenti kbar meħtieġa għat-trasformazzjoni tas-sistema eżistenti.

    1.6.

    Konsegwentement, l-ipprezzar jeħtieġ approċċi kompletament ġodda sabiex tinħoloq bażi ekonomika għall-kwalità tan-netwerk ġdida mixtieqa (li tkopri wkoll il-ġestjoni tad-domanda u l-ħżin). Approċċ wieħed ikun li l-komponenti regolatorji jkunu allinjati aħjar mall-innovazzjonijiet mixtieqa u ssir evalwazzjoni aħjar tal-istabbiltà tas-sistema.

    1.7.

    Il-prezzijiet fil-futur għandhom jirriflettu l-ispejjeż totali attwali għall-ġenerazzjoni, il-provvista u r-rimi tal-elettriku, inklużi wkoll l-effetti esterni negattivi (pereżempju emissjonijiet tas-CO2). L-ipprezzar għandu jkun realistiku. Dan ifisser ukoll li l-Kummissjoni għandha tadatta s-sistema tagħha stess u li s-sussidji statali li baqa’ għandhom jitneħħew. Il-Kummissjoni għadha ma ssuġeriet l-ebda approċċ koerenti għal dan il-għan.

    1.8.

    L-isfida teknika kbira tas-sistema tal-enerġija ġdida tikkonsisti partikolarment fil-fatt li l-enerġija elettrika, fil-futur, mhijiex ser tibqa’ rregolata ċentralment minn impjanti tal-enerġija kbar sabiex titwassal għand il-konsumaturi (“minn fuq għal isfel”), iżda fuq il-bażi ta’ ħafna sorsi tal-enerġija rinnovabbli deċentralizzati, parzjalment varjabbli, ser jinħolqu “gżejjer ta’ produzzjoni u provvista” ġodda, li jeħtieġ li jkunu interkonnessi (“approċċ minn isfel għal fuq”) u li fihom il-ġestjoni tad-domanda (inkluż il-ħżin) kif ukoll il-kummerċjalizzazzjoni lokali/reġjonali, ser ikollhom rwol prominenti.

    1.9.

    Il-KESE enfasizza kemm-il darba li tali sistemi tal-enerġija ġodda u deċentralizzati joffru opportunitajiet, mhux biss f’termini tal-aċċettazzjoni pubblika tat-tibdil strutturali neċessarju u l-investimenti meħtieġa (1). F’termini tal-ekonomija reġjonali wkoll jistgħu jinħolqu prospetti u opportunitajiet ġodda għal valur miżjud barra mis-sistemi magħrufa s’issa. It-teknoloġiji ġodda qegħdin jagħmluha possibbli li terġa’ tiġi stabbilita rabta bejn l-iżvilupp reġjonali u l-politika tal-enerġija. Barra minn hekk, il-gżejjer ta’ provvista interkonnessi jipprovdu sitwazzjoni tas-sigurtà mtejba biex jiġu ffaċċjati attakki fuq infrastruttura kritika.

    1.10.

    Il-Kummissjoni għalhekk għandha bżonn taħseb dwar is-sistema kummerċjali f’termini tal-infrastruttura tal-enerġija meħtieġa mingħajr ma tipprova tagħmel it-tibdiliet neċessarji għall-infrastruttura tal-enerġija kompatibbli mas-sistema kummerċjali eżistenti. Għandha wkoll tikkunsidra, flimkien mal-parteċipanti tas-suq, liema bidliet għall-infrastruttura tal-enerġija u s-sistema kummerċjali jistgħu joħolqu l-kundizzjonijiet għall-ħolqien ta’ sistema tal-provvista tal-enerġija iktar diversifikata, flessibbli, iċċentrata fuq il-konsumatur u kosteffiċjenti.

    1.11.

    Il-KESE jilqa’ mhux biss id-dikjarazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar il-firxa ġdida ta’ partijiet interessati, iżda jqis ukoll li l-involviment attiv tal-konsumaturi (jiġifieri l-kumpaniji, iċ-ċittadini, l-utilitajiet tal-muniċipalitajiet eċċ.) fil-produzzjoni u l-kummerċjalizzazzjoni lokali jew reġjonali diretta, huwa ħafna aktar importanti. Jekk illum il-kumpaniji, iċ-ċittadini jew l-utilitajiet tal-muniċipalitajiet jiddeċiedu li jużaw il-potenzjali tal-enerġija disponibbli lokalment jew reġjonalment, pereżempju fil-forma ta’ stallazzjonijiet solari jew tar-riħ ikkoordinati b’mod konġunt, imbagħad għandha tkun ħafna eħfef għalihom li jużaw l-enerġija ġġenerata immedjatament, mingħajr ma jirrikorru għal boroż jew negozjanti, u/jew li jikkummerċjalizzaw din l-enerġija direttament u mingħajr diffikultajiet. Madanakollu, hawnhekk ukoll, id-dokument tal-Kummissjoni jħalli ħafna mistoqsijiet bla tweġiba.

    1.12.

    Il-Kummissjoni ripetutament enfasizzat li għad hemm ostakli għall-enerġija rinnovabbli, li għandhom jiġu indirizzati, u li hija meħtieġa promozzjoni tas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli, immexxija mis-suq u reġjonalizzata. Il-KESE jaqbel ma’ dan, iżda jinnota li l-estensjoni tas-suq u regolamentazzjoni mnaqqsa mhux se jwasslu waħidhom għal żieda fil-produzzjoni tal-enerġija rinnovabbli. Iżda sfortunatament, il-Komunikazzjoni preżenti ma tipprovdi l-ebda gwida dwar ideat preċiżi min-naħa tal-Kummissjoni.

    2.   Kontenut u sfond tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni

    2.1.

    L-iżvilupp ta’ Unjoni tal-Enerġija reżistenti għal kriżi bi strateġija għall-protezzjoni tal-klima orjentata lejn il-futur huwa wieħed mill-għanijiet strateġiċi fil-linji gwida politiċi tal-Kummissjoni ta’ Juncker.

    2.2.

    Din il-mira ġiet ikkonfermata fil-Programm ta’ Ħidma tal-Kummissjoni għall-2015 (2) u ġiet żviluppata f’aktar dettall fil-Qafas Strateġiku għal Unjoni tal-Enerġija Reżiljenti b’Politika dwar il-Bidla fil-Klima li Tħares ‘il Quddiem (3): minbarra provvista tal-enerġija affidabbli u bi prezz aċċessibbli, l-għan huwa li tinħoloq sistema tal-enerġija sostenibbli u li ma tagħmilx ħsara lill-klima, b’kompetizzjoni qawwija fis-suq u innovazzjoni. Il-qafas strateġiku jagħmel enfasi speċjali fuq il-pubbliku, li għandu jieħu rwol attiv fid-disinn ġdid tas-sistema tal-enerġija. Id-disinn ġdid tas-suq tal-enerġija, partikolarment is-suq tal-elettriku, huwa pass importanti sabiex jinkisbu dawn l-objettivi.

    2.3.

    Il-proċess ta’ konsultazzjoni pubblika, mibdi b’din il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni, għandu jikkontribwixxi sabiex tingħeleb sensiela ta’ sfidi notevoli l qegħdin jostakolaw it-twaqqif ta’ sistema tal-enerġija sostenibbli.

    2.4.

    Skont il-Kummissjoni Ewropea, dawn l-isfidi huma marbutin mal-fatt li: “Il-kunċett tas-suq eżistenti jmur lura għal żmien li fih impjanti tal-elettriku ċentralizzati, fuq skala kbira, imħaddma fil-biċċa l-kbira mill-fjuwils fossili, kellhom l-għan ewlieni li jipprovdu lil kull dar u negozju f’żona limitata – tipikament Stat Membru – b’kemm iridu elettriku, u li fih il-konsumaturi – l-unitajiet domestiċi, in-negozji u l-industrija – kienu meqjusa bħala passivi”. Il-Kummissjoni qiegħda timmira għal “bidla fundamentali tas-sistema tal-enerġija tal-Ewropa”, bidla fejn il-ġenerazzjoni tal-elettriku deċentralizzata tkun ibbażata b’mod qawwi fuq sorsi tal-enerġija varjabbli, fejn ħafna iktar partijiet interessati jinvolvu ruħhom fl-attività tas-suq bi rwoli li qegħdin jevolvu filwaqt li l-ġestjoni tad-domanda ser tkun sfida ġdida u ċentrali.

    2.5.

    Il-Kummissjoni ssemmi dawn l-isfidi speċifiċi:

    il-formazzjoni tal-prezzijiet u inċentivi għall-investiment fi swieq frammentati;

    regolazzjoni kontinwa tal-prezz u l-aċċess għas-suq fil-livell nazzjonali, kif ukoll interventi oħrajn fis-suq fl-Istati Membri;

    nuqqas ta’ flessibbiltà b’rabta mal-provvista u d-domanda tas-swieq, fid-dawl ta’ espansjoni tal-enerġiji rinnovabbli u l-prinċipju tal-“l-Effiċjenza Enerġetika l-ewwel”;

    opportunitajiet insuffiċjenti għall-involviment attiv tal-pubbliku fil-futur tal-enerġija.

    2.6.

    Il-Kummissjoni identifikat sensiela ta’ miżuri sabiex tegħleb dawn l-isfidi:

    it-twaqqif ta’ suq flessibbli, transkonfinali u għal żmien qasir għall-kummerċ bl-elettriku (suq tal-istess ġurnata);

    l-istabbiliment ta’ sinjali tal-prezzijiet għal perjodu twil permezz tas-suq Ewropew ta’ CO2;

    it-tlestija ta’ konnessjonijiet infrastrutturali;

    il-promozzjoni ta’ sorsi tal-enerġija rinnovabbli allinjata mar-rekwiżiti tas-suq u reġjonlizzata;

    it-tgħaqqid tas-swieq bl-ingrossa u dawk bl-imnut sabiex jissaħħaħ is-sinjal tal-prezz għall-utenti finali;

    l-abolizzjoni ta’ regolamentazzjoni tal-prezzijiet fis-suq bl-imnut u ta’ ostakoli għall-aċċess għas-suq għal aggregaturi u parteċipanti oħrajn fis-suq;

    il-koordinazzjoni reġjonali tal-politika tal-enerġija;

    il-koordinazzjoni Ewropea u reġjonali tar-regolaturi tas-suq tal-enerġija u operaturi tan-netwerk;

    l-allinjament tal-metodi għall-valutazzjoni tal-adegwatezza tas-sistemi tal-enerġija f’termini tas-sigurtà nazzjonali u Ewropea tal-provvista;

    qafas għall-istabbiliment ta’ mekkaniżmi tal-kapaċità bejn il-fruntieri.

    3.   Kummenti ġenerali

    3.1.

    Sabiex jintlaħqu l-miri tal-Unjoni tal-Enerġija Ewropea, ser ikunu neċessarji ħafna bidliet fundamentali, u fost l-oħrajn hemm bżonn ta’ – kif tispjega l-Kummissjoni – direzzjoni fundamentalment ġdida fit-tfassil tas-suq tal-elettriku.

    3.2.

    Dawn il-bidliet ser jiġu aċċettati mis-soċjetà b’mod suffiċjenti biss jekk a) isir proċess ta’ konsultazzjoni intensiv u organizzat tajjeb mal-partijiet interessati u mas-soċjetà ċivili u b) dawn ma jkunux biss ikkonsultati, iżda jkunu aċċettati bħala msieħba attivi li jaġixxu.

    3.3.

    L-istudju (4) tal-KESE dwar il-valutazzjoni tal-konsultazzjoni tal-partijiet interessati mill-Kummissjoni Ewropea jiddeskrivi kif dan il-proċess jista’ jitwettaq, kif ukoll jirreferi għall-inizjattiva tiegħu ta’ “Djalogu Ewropew dwar l-Enerġija”.

    3.4.

    It-titjib tas-swieq li huwa ppreżentat, li jinkludi l-kummerċ tal-istess ġurnata, it-tħassir ta’ regoli li jgħawġu u jfixklu l-kompetizzjoni, il-kontroll tad-domanda u l-ħolqien ta’ sinjali tal-prezzijiet tajbin huma miżuri korretti u importanti għal disinn ġdid tas-suq tal-enerġija, li fil-futur ser ikun iktar allinjat mal-ispeċifiċitajiet ta’ enerġija rinnovabbli varjabbli. Hekk biss jistgħu jintlaħqu l-għanijiet ta’ Unjoni tal-Enerġija Ewropea, milqugħin mill-KESE, filwaqt li tkun iggarantita provvista tal-elettriku għall-unitajiet domestiċi u l-ekonomija li tkun kosteffiċjenti, favur l-ambjent, sikura u bi prezz aċċessibbli.

    3.5.

    Il-KESE jenfasizza partikolarment il-kummerċ tal-istess ġurnata sabiex ikun organizzat kummerċ raġonevoli għall-elettriku minn enerġija rinnovabbli varjabbli.

    3.6.

    Huwa jilqa’ l-fatt li fil-Komunikazzjoni, mill-ġdid, huma deskritti l-prinċipji ewlenin tas-“sistema tal-enerġija ġdida”. Huwa jqis dan bħala sinjal tajjeb għall-operaturi tas-suq kollha u għas-soċjetà sħiħa. Fost dawn hemm:

    il-prinċipju “l-Effiċjenza Enerġetika l-Ewwel”;

    il-viżjoni ta’ provvista tal-enerġija mingħajr karburanti fossili (5);

    ir-rikonoxximent ta’ produzzjoni tal-elettriku li fil-futur tkun iktar deċentralizzata minn sorsi varjabbli;

    l-importanza tal-ġestjoni tad-domanda u l-ħżin fis-sistema tal-enerġija futura;

    ir-rikonoxximent tar-rwol tal-konsumatur li qed jevolvi f’konsumatur kif ukoll produttur u fornitur attiv ta’ servizz (6).

    3.7.

    Il-provvista sikura u bi prezz aċċettabbli tal-kumpaniji u l-unitajiet domestiċi b’enerġija iktar nadifa hija l-bażi vitali għall-ekonomija u l-persuni fis-soċjetà moderna. Għaldaqstant, is-sistema tal-enerġija hija fundamentalment kwistjoni tas-soċjetà kollha kemm hi, u biex tinkiseb tirrikjedi bilanċ tajjeb bejn is-suq u r-regolamentazzjoni. Sa issa, dan mhuwiex diskuss biżżejjed fil-livell politiku, lanqas f’din il-Komunikazzjoni. Pereżempju, il-kwistjoni dwar jekk huwiex aħjar li n-netwerks ta’ distribuzzjoni u ta’ trażmissjoni – b’mod simili għall-awtostradi, in-netwerk ferrovjarju jew il-provvista tal-ilma – jiġu allokati lill-awtoritajiet pubbliċi, tabilħaqq mhijiex deċiża fi Brussell, għalkemm hawnhekk jista’ jsir dibattitu. Il-politika tal-enerġija tinkludi l-istabbiliment ta’ kundizzjonijiet qafas ċari u superviżjoni regolatorja. Din tinkludi wkoll il-protezzjoni tal-konsumatur u l-protezzjoni ta’ gruppi soċjali li huma partikolarment vulnerabbli.

    3.8.

    Il-KESE jixtieq joqgħod lura milli jikkummenta b’mod pożittiv dwar il-ħafna miżuri korretti li ppreżentat il-Kummissjoni, inkluża l-kritika dwar il-kapaċità ta’ riżerva. Minflok, huwa jixtieq jagħti ħarsa lejn uħud mill-kwistjonijiet li ma tteħdux inkunsiderazzjoni suffiċjentement mill-Kummissjoni jew li bilkemm ġew indirizzati.

    4.   Kummenti speċifiċi

    4.1.

    Il-KESE jaqbel kompletament mal-Kummissjoni li tinħtieġ “bidla fundamentali tas-sistema tal-enerġija tal-Ewropa”. Mill-perspettiva tal-Kumitat, madankollu, is-soluzzjonijiet li huma rappreżentati fil-Komunikazzjoni iktar milli “bidla fundamentali” jirrappreżentaw adattament tas-sistema eżistenti jew żieda magħha.

    4.2.

    I-KESE jixtieq jiġbed l-attenzjoni b’mod partikolari lejn il-fatt li “bidla fundamentali” tista’ tinvolvi iktar mis-sempliċi konnessjoni ta’ sistemi nazzjonali sabiex jifformaw netwerk Ewropew, ir-riforma tas-swieq u tas-sistemi kummerċjali eżistenti u żieda sinifikanti fil-proporzjon tal-enerġiji rinnovabbli. Għall-kuntrarju, trid tiġi ddisinjata u żviluppata sistema tal-enerġija kompletament ġdida, b’firxa ħafna ikbar u iktar deċentralizzata ta’ partijiet interessati. Dan ifisser mhux biss titjib tan-netwerk ta’ trażmissjoni u ta’ distribuzzjoni eżistenti, iżda wkoll l-appoġġ għal dan in-netwerk permezz ta’ infrastruttura ġdida aktar sofistikata. Sa ċertu punt, dan in-netwerk ġdid għandu jkun ibbażat fuq strutturi kompletament ġodda u iktar diversifikati għall-kummerċ, in-netwerking u l-kummerċjalizzazzjoni, Is-sorsi tal-enerġija tradizzjonali attwali se jkollhom rwol ta’ pont.

    4.3.

    L-għan ta’ provvista tal-enerġija mingħajr karbonju bi proporzjon għoli ta’ sorsi ta’ enerġija li jistgħu jiġu rregolati jista’ jintlaħaq fi żmien qasir sa medju biss jekk

    a)

    l-operaturi tas-suq kollha (inklużi dawk ġodda) ikollhom biżżejjed għażliet flessibbli, bħal kapaċitajiet ta’ ħżin suffiċjenti, għażliet favur il-konsumatur u flessibbiltà tad-domanda kif ukoll teknoloġiji flessibbli għall-ġenerazzjoni tal-elettriku (bħall-koġenerazzjoni ta’ effiċjenza għolja),

    b)

    il-konsumaturi jkunu infurmati fil-pront, korrettament u b’mod xieraq,

    c)

    dawn ikollhom iċ-ċans jiżviluppaw opportunitajiet tas-suq għalihom,

    d)

    ikollhom infrastruttura għad-distribuzzjoni tal-elettriku li hija żviluppata u konnessa suffiċjentement u

    e)

    l-investimenti neċessarji mistennija fit-teknoloġiji u l-infrastrutturi jħallu l-frott.

    Dan kollu ma jseħħx attwalment.

    4.4.   Sinjali tal-prezzijiet u inċentivi għall-investiment

    4.4.1.

    Il-Kummissjoni tenfasizza l-importanza tas-sinjali tal-prezzijiet li għandhom a) iħeġġu lill-konsumaturi jassumu rwol attiv fis-suq tal-enerġija u b) joħolqu inċentivi għan-negozji sabiex jinvestu f’teknoloġiji tal-enerġija ġodda, b’emissjonijiet baxxi. Tali sinjali tal-prezzijiet huma importanti, għaliex il-bidla tas-sistema eżistenti teħtieġ investimenti kbar. Fil-każ tal-prezzijiet tal-kambju attwali ta’ 30 jew 40 EUR/MWh, l-investimenti, li naturalment huma interessanti għall-konsumatur peress li huwa jġarrabhom, irrispettivament minn jekk dawn isirux f’kapaċitajiet ġodda għall-produzzjoni tal-elettriku jew f’teknoloġiji tal-ħżin, ma jistgħux jiġu ffinanzjati mill-ġdid. Tali prezzijiet tal-kambju attwalment jistgħu jinkisbu biss minħabba li, fost affarijiet oħrajn, jispiċċa ħafna elettriku minn impjanti tal-enerġija deprezzati fis-suq u minħabba li jitħallsu sussidji għolja għal elettriku ġġenerat mill-faħam, l-enerġija nukleari u l-enerġiji rinnovabbli. Għalhekk, il-prezzijiet tal-kambju tal-lum ma jirriflettux l-istruttura tal-ispejjeż reali. Il-prezzijiet fil-borża tal-elettriku jipprovdu stampa mgħawġa tal-ispejjeż reali tal-enerġija minħabba sussidji u regolamentazzjoni żejda. Huwa biss bi prezzijiet trasparenti u realistiċi li jistgħu jinkisbu s-sinjali t-tajbin għall-investimenti kbar meħtieġa għat-trasformazzjoni tas-sistema eżistenti.

    4.4.2.

    Fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni ma jissemmiex biżżejjed x’implikazzjonijiet ser ikollha din l-istruttura partikolari tal-ispejjeż tal-enerġija rinnovabbli: fil-każ ta’ spejjeż marġinali ta’ żero għas-sorsi tal-enerġija rinnovabbli u l-ħażniet elettriċi mhux ser jibqa’ jkun hemm sinjali tal-prezzijiet pożittivi min-naħa tas-swieq bl-ingrossa. Dan għandu żewġ implikazzjonijiet. L-ewwel nett: jekk ma jkunx hemm sinjali għall-allokazzjoni tal-elettriku fi żmien qasir min-naħa tal-prezzijiet bl-ingrossa, dawn iridu jinħolqu permezz ta’ arranġamenti oħrajn, jiġifieri pereżempju permezz ta’ sussidji. It-tieni nett, l-ispejjeż marġinali ta’ żero jeħtieġu mekkaniżmi ta’ refinanzjament kompletament ġodda għall-enerġija rinnovabbli varjabbli u anki għal ħażniet elettriċi.

    4.4.3.

    Konsegwentement, l-ipprezzar jeħtieġ approċċi kompletament ġodda sabiex tinħoloq bażi ekonomika għall-kwalità tan-netwerk ġdida mixtieqa (li tkopri wkoll il-ġestjoni tad-domanda u l-ħżin). Approċċ minnhom jista’ jkun riformulazzjoni tal-komponenti regolatorji tal-prezz għall-konsumatur finali, partikolarment fir-rigward tat-taxxa fuq l-elettriku u l-ħlasijiet għall-użu tan-netwerk. Għandha tkun eżaminata r-riorganizzazzjoni tal-finanzjament tal-ispejjeż komuni fis-sistema tal-enerġija.

    4.4.4.

    Sabiex il-prezzijiet kollha jirriflettu preċiżament l-ispejjeż għall-provvista tal-elettriku, il-KESE jitlob sabiex il-Kummissjoni, fil-kuntest ta’ approċċ armonizzat fil-livell tal-UE, tistinka favur il-ħolqien ta’ trasparenza ċara tal-ispejjeż. L-ispejjeż ikkalkolati u komparattivi għandhom jirriflettu l-ispejjeż totali attwali tal-ġenerazzjoni, il-provvista u r-rimi tal-elettriku. Dawn il-kalkoli tal-ispejjeż għandhom jinkludu wkoll l-effetti esterni negattivi (pereżempju l-emissjonijiet tas-CO2) u s-sussidji. Hawnhekk, il-KESE jirreferi għall-opinjonijiet (7) u d-dikjarazzjonijiet preċedenti u jappella bil-qawwa kollha sabiex il-Kummissjoni żżomm il-wegħda tagħha li tinternalizza l-ispejjeż kollha kompletament fil-prezzijiet (inklużi l-esternalitajiet) mill-produzzjoni sar-rimi, filwaqt li ma tippermetti l-ebda kompetizzjoni diretta jew indiretta ta’ sussidji bejn is-sorsi differenti tal-enerġija.

    4.4.5.

    Minbarra l-ispejjeż attwali, il-kundizzjonijiet qafas għandhom jitfasslu b’tali mod li l-prezzijiet jieħdu inkunsiderazzjoni wkoll il-provvista ta’ servizzi bl-istess mod bħall-miżuri għall-evitar ta’ emissjonijiet dannużi għall-klima jew il-ħolqien ta’ impjiegi ta’ kwalità għolja meħtieġa. Il-prezzijiet iridu jirriflettu l-fatt li ser ikun hemm żminijiet bi provvista għolja u domanda baxxa kif ukoll żminijiet bil-maqlub, b’domanda għolja u provvista iktar skarsa. Huwa biss jekk il-prezzijiet juru r-realtà totali tal-ispejjeż u s-servizzi, kif ukoll jekk it-tnaqqis jingħadda għalkollox lill-utenti finali, li jkun hemm l-aġġustamenti mixtieqa mill-Kummissjoni, bħall-ġestjoni tad-domanda, impjanti tal-enerġija u ħażniet iktar flessibbli.

    4.4.6.

    Il-KESE jaqbel mal-Kummissjoni li t-tariffi regolati għandhom ikunu aboliti. Huwa ġust li jkun permess ipprezzar ħieles, ‘il fuq jew ‘l isfel. Dan jikkawża r-reazzjonijiet meħtieġa fis-suq u jappoġġja l-għażliet ta’ flessibbiltà bħall-ġestjoni tad-domanda u l-ħażna. Il-KESE jqis li l-ispeċifikazzjonijiet fil-linji gwida dwar l-għajnuna mill-istat tal-UE, li jgħidu li l-ebda għajnuna ma tingħata fiż-żmien ta’ prezzijiet tal-elettriku negattivi, huma ta’ żvantaġġ għall-enerġija rinnovabbli u jagħtu vantaġġ lit-teknoloġiji li huma ta’ ħsara għall-ambjent bi spejjeż marġinali ogħla. L-għajnuna attwali twassal għan-nuqqas tal-funzjonament tas-sinjali tal-prezzijiet, b’mod partikolari bin-nuqqas ta’ internalizzazzjoni tal-ispejjeż esterni. Il-Kummissjoni Ewropea tista’ tirranġa dan billi tirriforma l-linji gwida dwar l-għajnuna tagħha stess. Il-KESE jistenna proposta mill-Kummissjoni li kemm tindirizza l-kawżi tal-prezzijiet negattivi kif ukoll li fit-tul tagħmel is-sussidji superfluwi.

    4.4.7.

    Fid-dokument tal-Kummissjoni, inter alia, hija indirizzata wkoll in-neċessità ta’ skema mtejba għall-iskambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet. Il-KESE ħareġ Opinjoni fuq inizjattiva proprja f’dan ir-rigward (8). Madankollu, huwa jenfasizza li anki b’riforma rigoruża, ftit biss mill-ispejjeż esterni tal-karburanti fossili għandhom ikunu inklużi fil-prezzijiet. Il-Fond Monetarju Internazzjonali jistma s-sussidji fuq il-karburanti fossili fl-UE għal total ta’ USD 330 biljun kull sena. Huwa jiddeskrivihom bħala ineffiċjenti, ta’ tfixkil għall-innovazzjoni, ta’ dannu għall-baġit, soċjalment inġusti u ambjentalment diżastrużi (9).

    4.4.8.

    L-ebda disinn ġdid tas-suq, tajjeb kemm hu tajjeb, ma jista’ jikkumpensa għas-sinjali tal-prezzijiet skorretti u l-problemi kkawżati minħabba fihom.

    4.4.9.

    Il-Kummissjoni enfasizzat diversi drabi li għad hemm ostakli għall-enerġija rinnovabbli, li għandhom jiġu indirizzati, u li hija meħtieġa promozzjoni tas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli, immexxija mis-suq u reġjonalizzata. Il-KESE jaqbel ma dan. Iżda sfortunatament, il-Komunikazzjoni preżenti ftit li xejn fiha indikazzjonijiet dwar ideat preċiżi min-naħa tal-Kummissjoni.

    4.5.   Il-kummerċ tal-elettriku

    4.5.1.

    It-titolu tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni huwa “disinn ġdid tas-suq tal-enerġija”. Madankollu, din tiffoka kważi esklużivament fuq it-tibdiliet probabbli u – dawk li hija tqis – neċessarji għas-sistemi tal-elettriku, is-swieq u l-kummerċ tal-elettriku. Il-kapitolu 5 saħansitra jirreferi għal “Komunikazzjoni konsultattiva dwar id-disinn tas-suq tal-elettriku”.

    4.5.2.

    L-enfasi ċara fuq il-grilja elettrika u s-suq tal-elettriku ma tindirizzax kif suppost l-isfida ewlenija li attwalment qiegħda tiffaċċja l-politika tal-enerġija Ewropea. Id-diskussjonijiet iridu jieħdu iktar inkunsiderazzjoni tas-setturi tat-tisħin u t-trasport, speċjalment minħabba li probabbilment fil-futur ser ikun hemm sostanzjalment iktar rabtiet bejn dawn it-tliet oqsma milli hemm fil-preżent, li se jiġġeneraw opportunitajiet u jnaqqsu l-problemi (kliem ċentrali: Wind-Power to Heat, Power to Gas/Hydrogen, l-elettromobbiltà).

    4.5.3.

    Huwa ħafna eħfef li jkun hemm konverġenza tas-settur tal-elettriku mas-settur tat-tisħin u l-mobbiltà f’sistemi tal-elettriku deċentralizzati, milli f’sistema ċentralizzata. Fil-fatt, it-tisħin u l-mobbiltà essenzjalment huma organizzati b’mod deċentralizzat, b’tali mod li jistgħu jiġu aċċessati iktar faċilment bħala għażliet flessibbli għall-elettriku jekk l-elettriku wkoll jista’ jiġi kkummerċjalizzat b’mod deċentralizzat u dirett. Għalhekk, il-kompitu tat-trasformazzjoni tas-suq tal-elettriku huwa marbut mill-qrib mal-iżvilupp ta’ għażliet deċentralizzati għall-kummerċjalizzazzjoni ta’ elettriku minn enerġija rinnovabbli varjabbli, li għandha tinkludi wkoll l-użu ta’ applikazzjonijiet għat-tisħin u l-mobbiltà.

    4.5.4.

    Rigward is-suq tal-elettriku, il-Kummissjoni tressaq ħafna proposti għal strutturi ġodda fis-sistema kummerċjali attwali, primarjament fin-negozjar tal-kambju. Huwa ovvju li hija mixtieqa u importanti diversità ikbar fil-kummerċ attwali tal-enerġija fil-livell lokali, reġjonali, nazzjonali u Ewropew. Taħt l-ebda ċirkostanza, madankollu, m’għandu għalxiex jgħaddi kollox mill-boroż u l-negozjanti; madanakollu, il-Kummissjoni ma tieħux deċiżjonijiet dwar dan,

    4.5.5.

    Jekk illum il-kumpaniji, iċ-ċittadini jew l-utilitajiet tal-muniċipalitajiet jiddeċiedu li jużaw il-potenzjal tal-enerġija disponibbli lokalment jew reġjonalment, pereżempju fil-forma ta’ stallazzjonijiet solari jew tar-riħ ikkoordinati b’mod konġunt, imbagħad għandha tkun ħafna eħfef għalihom li jużaw l-enerġija ġġenerata immedjatament, mingħajr ma jirrikorru għal boroż jew negozjanti, u/jew li jikkummerċjalizzaw din l-enerġija direttament u mingħajr diffikultajiet.

    4.5.6.

    Madankollu, il-proposti dwar kif għandhom ikunu appoġġjati forom ġodda emerġenti ta’ użu deċentralizzat dirett jew il-kummerċjalizzazzjoni diretta lokali (B to B) huma ftit ħafna. Bl-istess mod, ftit hija mogħtija attenzjoni lil forom lokali ta’ kummerċ u l-bidla fil-forma ta’ enerġija (apparati għall-ħżin).

    4.6.   Strutturi tas-suq u produzzjoni deċentralizzata

    4.6.1.

    Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni issemmi “l-integrazzjoni tal-enerġiji rinnovabbli fis-sistema tal-provvista tal-elettriku”, u tisħaq dwar il-bżonn ta’ “addatament tad-disinn tas-suq għal sorsi ta’ enerġija rinnovabbli” u l-ħolqien ta’ “suq tajjeb għal sorsi ta’ enerġija rinnovabbli”. Il-KESE jixtieq jiċċara li fil-fehma tiegħu “l-integrazzjoni” tal-enerġija rinnovabbli fis-sistema tal-provvista tal-elettriku attwali mhix l-isfida ewlenija, għalkemm l-enerġija rinnovabbli għandu jkollha rwol ċentrali fuq tul ta’ żmien.

    4.6.2.

    L-isfida teknika kbira tas-sistema tal-enerġija ġdida tikkonsisti partikolarment fil-fatt li -kif kellu jkun iddikjarat b’iktar qawwa mill-Kummissjoni fil-proċess ta’ konsultazzjoni – l-enerġija elettrika, fil-futur, mhijiex ser tibqa’ rregolata ċentralment minn impjanti tal-enerġija kbar li jwassluha għand il-konsumaturi (“minn fuq għal isfel”), iżda li fuq il-bażi ta’ ħafna sorsi tal-enerġija rinnovabbli deċentralizzati, parzjalment varjabbli, ser jinħolqu “gżejjer ta’ produzzjoni u provvista” ġodda, li jeħtieġ ikunu interkonnessi (“approċċ minn isfel għal fuq”) u li fihom il-ġestjoni tad-domanda (inkluż il-ħżin) ser tingħata rwol prominenti.

    4.6.3.

    B’rabta mal-partijiet interessati ġodda mixtieqa, dan ifisser li, minbarra l-istrutturi ta’ kummerċjalizzazzjoni (bl-ingrossa) stabbiliti, hemm bżonn ukoll li jitwaqqfu forom deċentralizzati kompletament ġodda ta’ sistemi ta’ ġestjoni tas-suq u tal-enerġija.

    4.6.4.

    Mewġ ta’ innovazzjoni fis-settur tal-IT, fit-teknoloġija tal-produzzjoni u tal-ħżin, fis-sistema ta’ distribuzzjoni u fit-teknoloġija tal-bini, taw lok għal ħafna “gżejjer ta’ produzzjoni u provvista”, li sa ftit snin ilu kienu inkonċepibbli. Individwi, negozji, assoċjazzjonijiet (bħal kooperattivi tal-enerġija) jew muniċipalitajiet (kumpaniji tal-utilità muniċipali) ħolqu s-soluzzjonijiet awtosuffiċjenti jew parzjalment awtosuffiċjenti tagħhom stess, li jfisser li huma ħafna inqas dipendenti minn provvisti tradizzjonali (u iktar flessibbli) u flussi tal-kummerċ. Huwa importanti li tintgħaraf din il-parallelità bejn l-iżviluppi tekniċi jew teknoloġiċi u soċjali jew soċjoloġiċi. It-tnejn li huma jippuntaw fl-istess direzzjoni, jiġifieri lejn iktar awtonomija u unitajiet ta’ enerġija deċentralizzati awtoregolati.

    4.6.5.

    Dan kollu jibda fil-livell l-iktar baxx: anki issa qegħdin jiġu żviluppati strutturi kompletament ġodda, kif jixhed l-eżempju tas-sistemi fotovoltajiċi. Anki ħames snin ilu, l-użu tal-elettriku fotovoltajku ma kienx finanzjarjament attraenti għall-individwi. L-elettriku ġġenerat kien sempliċement injettat fil-grilja. Din is-sitwazzjoni nbiddlet kompletament fil-frattemp. Għal raġunijiet finanzjarji, il-pannelli solari ta’ fuq il-bejt m’għadhomx jintużaw sakemm ma jkunux iddisinjati b’mod li jiżguraw li l-elettriku li jiġġeneraw jintuża għalkollox. Dan wassal għal żieda fid-domanda u għalhekk għall-iżvilupp tat-teknoloġiji tal-ħżin. B’riżultat ta’ dan, l-installazzjonijiet fotovoltajċi ġodda jgħinu biex itaffu t-tagħbija fuq in-netwerk u jikkontribwixxu għall-bilanċ tan-netwerk. Flimkien mal-introduzzjoni probabbli tal-elettromobbiltà jew il-konnessjoni mal-produzzjoni tas-sħana, pereżempju, qegħdin jinfetħu opportunitajiet addizzjonali u kompletament ġodda għall-ġenerazzjoni u l-użu ta’ enerġija deċentralizzata.

    4.6.6.

    Madankollu, il-konsumaturi li jipproduċu u jużaw l-elettriku tagħhom stess u jixtiequ jagħtu kwalunkwe ammont żejjed lil residenti sħabhom jew lill-ġirien pereżempju, m’għadhomx “jipparteċipaw b’mod attiv fis-suq” fis-sens tradizzjonali. Sfortunatament, id-dokument tal-Kummissjoni ma jiddeskrivix kif il-qafas għandu jinbidel sabiex ikunu promossi tali sistemi.

    4.6.7.

    Il-Komunikazzjoni lanqas ma turi b’mod suffiċjenti, liema ostakli speċifiċi għadhom jiffaċċjaw l-enerġija rinnovabbli.

    4.6.8.

    Il-KESE enfasizza kemm-il darba li tali sistemi tal-enerġija ġodda u deċentralizzati joffru opportunitajiet, mhux biss f’termini tal-aċċettazzjoni pubblika tat-tibdil strutturali neċessarju u l-investimenti meħtieġa. F’termini tal-ekonomija reġjonali wkoll jistgħu jinħolqu prospetti u opportunitajiet ġodda għal valur miżjud barra mis-sistemi magħrufa s’issa. It-teknoloġiji ġodda qegħdin jagħmluha possibbli li terġa’ tiġi stabbilita rabta bejn l-iżvilupp reġjonali u l-politika tal-enerġija kif ukoll it-talbiet dejjem jiżdiedu għat-titjib tas-sigurtà tal-infrastrutturi kritiċi sinifikanti.

    4.6.9.

    Għaldaqstant, iż-żieda fil-produzzjoni lokali u fil-kummerċjalizzazzjoni diretta wkoll għandhom ikunu milqugħin għaliex dawn jistgħu inaqqsu t-telf mill-grilji. L-Aġenzija tan-Netwerk Federali tal-Ġermanja tikteb f’dan ir-rigward (10): “Huwa ovvju li t-trasformazzjoni tas-sistema tal-enerġija tista’ tirnexxi bl-aħjar mod permezz ta’ kooperazzjoni mill-qrib bejn dawk involuti (…) Aħna nilqgħu bi pjaċir approċċi li jimmassimizzaw il-konsum tal-enerġija viċin is-sors. Dan dejjem kien il-prinċipju tal-provvista tal-enerġija għaliex jimminimizza t-telf mil-grilji.”

    4.6.10.

    Il-Kummissjoni għalhekk għandha bżonn taħseb dwar is-sistema kummerċjali f’termini tal-infrastruttura tal-enerġija mixtieqa mingħajr ma tipprova tagħmel it-tibdiliet neċessarji għall-infrastruttura tal-enerġija kompatibbli mas-sistema kummerċjali eżistenti.

    4.6.11.

    Madanakollu, għandha tiġi kkunsidrata l-esperjenza ta’ ħafna pajjiżi fejn xi atturi fis-suq, bħal investituri strateġiċi, għażlu sezzjonijiet tas-settur tal-produzzjoni tal-enerġija sabiex jimmassimizzaw il-profitti biss, waqt li rrifjutaw li jinvestu fis-sigurtà tal-provvista, l-innovazzjoni u l-manutenzjoni, u għalhekk għaddew dawn l-ispejjeż lill-konsumaturi.

    4.7.   Kooperazzjoni reġjonali u żvilupp ta’ netwerks Ewropej ta’ regolaturi u operaturi tan-netwerks

    4.7.1.

    L-għan tal-politika tal-enerġija tal-UE ġdida ma jistax ikun li jkollha kemm jista’ jkun oqsma ta’ provvista awtosuffiċjenti, maqtugħin mis-sistema interkonnessa. L-għan irid ikun il-ħolqien tal-ogħla numru possibbli ta’ “gżejjer ta’ produzzjoni u provvista” b’saħħithom, effettivi u kompetittivi li huma fil-prossimità tal-konsumaturi u li dawn ikunu konnessi ma’ netwerk Ewropew. Dan għandu wkoll iseħħ filwaqt li wieħed iżomm f’moħħu li, filwaqt li r-rwol tal-UE huwa li tiżgura s-sigurtà tal-enerġija, il-kompitu attwali tal-provvista tal-enerġija huwa r-responsabbiltà tal-awtoritajiet lokali u reġjonali.

    4.7.2.

    L-unitajiet tan-netwerks li huma iżgħar se jitfaċċaw f’numri kbar jekk ikun hemm il-kundizzjonijiet qafas tajbin u s-sinjali tal-prezz tajbin. Filwaqt li dawn se jipproduċu bilanċ ekonomiku ottimu bejn il-ġenerazzjoni indipendenti u l-konsum privat, dawn l-unitajiet iridu jkunu konnessi ma’ netwerks ġirien jew globali sabiex ikun magħmul disponibbli l-kontroll tal-enerġija pożittiv jew negattiv.

    4.7.3.

    Fi ħdan dawn is-sistemi, iżda wkoll b’mod ġenerali, il-ġestjoni tad-domanda ser ikollha rwol kruċjali; il-KESE jemmen li t-teknoloġiji tal-ħżin huma parti minn din. L-apparat għall-ħżin ser ikollu rwol importanti fin-netwerk, għaliex mil-lat tekniku, dawn ser ikunu żewġ affarijiet, jiġifieri konsumaturi antiċikliċi jew produtturi attivi.

    4.7.4.

    L-operaturi tan-netwerks nazzjonali, l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali u l-UE għandhom rwol importanti fil-ħolqien u l-iżgurar ta’ din il-firxa wiesgħa ta’ partijiet interessati, fil-ħolqien ta’ kundizzjonijiet indaqs u l-koordinazzjoni tas-sistemi. Is-sistemi tal-provvista tal-enerġija tal-futur għandhom bżonn sistema għall-ġestjoni tal-enerġija kkoordinata tajjeb madwar l-Ewropa (komparabbli mas-sistema tat-traffiku tal-ajru, pereżempju) li tipprovdi ħarsa ġenerali tal-istat tal-“gżejjer ta’ produzzjoni u provvista” kollha interkonnessi u, fejn neċessarju, kwalunkwe inċidenti li jiġru. Dan ser jippermetti intervent awtomatiku jew manwali biex jiġu ssalvagwardjati l-istabbiltà u s-sigurtà tan-netwerk taħt ċirkustanzi eċċezzjonali.

    4.7.5.

    Din il-kooperazzjoni tista’ taħdem biss permezz ta’ netwerks għat-trażmissjoni u d-distribuzzjoni żviluppati tajjeb u organizzati bl-aħjar mod. Partikolarment fid-dawl tan-nuqqas ta’ inċentivi għall-investiment imsemmija qabel minħabba l-prezzijiet, dan jinkludi wkoll li l-fondi pubbliċi, bħal pereżempju dawk tal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa, jintużaw iktar biex jinħolqu netwerks tal-elettriku transkonfinali, minflok, pereżempju, ma wieħed jikkonċentra fuq l-infrastruttura tal-gass u ż-żejt.

    4.7.6.

    Il-KESE jaqbel mal-Kummissjoni li l-operaturi tas-sistema “għandhom ikunu faċilitaturi newtrali tas-suq li jippermettu l-iżvilupp ta’ servizzi bbażati fis-suq għall-konsumaturi”. Il-Kummissjoni għandha tiddefinixxi b’mod ċar x’qiegħda tippjana li tbiddel sabiex tikseb dan l-għan filwaqt li tiddefinixxi f’iktar dettall ir-rwol u l-kompiti tal-operaturi tas-sistemi ta’ distribuzzjoni kif ukoll tar-Regolaturi.

    Brussell, l-20 ta’ Jannar 2016.

    Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

    Georges DASSIS


    (1)  Ara l-istudju tal-KESE: “Inbiddlu l-futur tal-enerġija: is-soċjetà ċivili bħala l-attur prinċipali fil-ġenerazzjoni tal-enerġija rinovabbli” (EESC-2014-04780-00-04-TCD-TRA).

    (2)  COM(2014) 910 final, 16.12.2014.

    (3)  COM(2015) 80 final, 25.2.2015.

    (4)  ĠU C 383, 17.11.2015, p. 57.

    (5)  Ara COM(2011) 885 final.

    (6)  TEN/578 “Inwasslu Patt Ġdid għall-Konsumaturi tal-Enerġija” – Ara paġna 22 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali.

    (7)  Inter alia ĠU C 226, 16.7.2014, p. 1.

    (8)  Ara ĠU C 424, 26.11.2014, p. 46.

    (9)  Ara l-Working Paper tal-FMI How Large Are Global Energy Subsidies? (WP/15/105), Mejju 2015.

    (10)  Smart Grid and Smart Market: Dokument prinċipali tal-Aġenzija tan-Netwerk Federali dwar is-sistema li qed tinbidel tal-provvista tal-enerġija, Diċembru 2011, p. 42.


    Top