EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52014XX0301(02)

Rapport Finali tal-Uffiċjal tas-Seduta – Syniverse/Mach (COMP/M.6690)

ĠU C 60, 1.3.2014, p. 5–6 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

1.3.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 60/5


Rapport Finali tal-Uffiċjal tas-Seduta (1)

Syniverse/Mach

(COMP/M.6690)

2014/C 60/04

I.   SFOND

1.

Fis-16 ta' Novembru 2012, il-Kummissjoni Ewropea rċeviet notifika ta' konċentrazzjoni proposta skont l-Artikolu 4 tar-Regolament dwar l-Għaqdiet (2) li permezz tagħha Syniverse Holdings, Inc. takkwista l-kontroll uniku fuq l-intier tal-intrapriża WP Roaming III Sàrl (“Mach”) (3), fit-tifsira tal-Artikolu 3(1)(b) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet.

2.

It-tranżazzjoni proposta ma għandhiex dimensjoni tal-UE fit-tifsira tal-Artikolu 1 tar-Regolament dwar l-Għaqdiet. Madankollu, hija ġiet riferuta lill-Kummissjoni fuq talba tal-parti notifikanti skont l-Artikolu 4(5) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet.

3.

Il-Kummissjoni tat bidu għal proċedimenti skont l-Artikolu 6(1)(c) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet fl-20 ta' Diċembru 2012. Il-parti notifikanti ngħatat aċċess għall-verżjonijiet mhux kunfidenzjali ta' xi dokumenti ewlenin miġbura matul l-ewwel fażi tal-investigazzjoni fil-21 ta' Diċembru 2012.

II.   PROĊEDURA

Dikjarazzjoni ta' Oġġezzjonijiet

4.

Fil-5 ta' Marzu 2013, il-Kummissjoni adottat Dikjarazzjoni ta' Oġġezzjonijiet (“DO”) skont l-Artikolu 18 tar-Regolament dwar l-Għaqdiet.

5.

Fid-DO, il-Kummissjoni b'mod preliminari kkonkludiet li t-tranżazzjoni proposta tqajjem tħassib dwar il-kompetizzjoni fis-swieq għal (i) servizzi tal-ikklerjar tad-dejta tar-roaming madwar id-dinja kif ukoll fiż-ŻEE u (ii) servizzi kważi f'ħin reali ta' identifikazzjoni ta' skambju ta' dejta tar-roaming (“NRTRDE”) madwar id-dinja kollha u fiż-ŻEE. Fir-rigward ta' dawn tal-aħħar, l-istess konklużjoni nstabet b'mod preliminari jekk jiġi definit suq usa' li jiġbor fih is-servizzi NRTRDE u l-feeds tal-ikklerjar tad-dejta.

6.

Il-parti notifikanti wieġbet għad-DO fid-19 ta' Marzu 2013. Il-parti notifikanti ma talbitx seduta orali.

Aċċess għall-fajl

7.

Il-parti notifikanti rċeviet aċċess għall-fajl permezz ta' CD-ROM li rċieviet fis-6 ta' Marzu 2013, il-11 ta' April 2013 u s-7 ta' Mejju 2013 rispettivament.

Terzi persuni

8.

Kompetitur wieħed mill-partijiet involuti fil-fużjoni, Transaction Network Services Inc., kif ukoll tnejn mill-klijenti tagħhom, Deutsche Telekom AG u Belgacom (4) urew “interess suffiċjenti” fit-tifsira tal-Artikolu 18(4) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet u għalhekk ġew rikonoxxuti bħala terzi persuni interessati. Dawn irċevew informazzjoni dwar in-natura u s-suġġett tal-proċedura u ngħataw l-opportunità li jesprimu l-fehmiet tagħhom.

Impenji

9.

Sabiex tindirizza t-tħassib relatat mal-kompetizzjoni identifikat fid-DO, il-parti notifikanti ssottomettiet impenji fil-11 ta' Marzu 2013. Il-Kummissjoni kkonkludiet li l-impenji ma kinux suffiċjenti biex jindirizzaw it-tħassib relatat mal-kompetizzjoni li jirriżulta mill-fużjoni.

10.

Fis-26 ta' Marzu 2013, il-parti notifikanti ssottomettiet impenji riveduti. Il-Kummissjoni nediet test tas-suq dwar l-impenji riveduti u kkonkludiet li kien meħtieġ titjib biex jissolva t-tħassib relatat mal-kompetizzjoni.

11.

Fid-19 ta' April 2013, il-parti notifikanti ssottomettiet impenji finali li jikkonsistu fi żvestiment tan-negozji ta' Mach marbuta mas-servizzi tal-ikklerjar tad-dejta tar-roaming u s-servizzi NRTRDE fiż-ŻEE. L-impenji finali kienu soġġetti għal għadd ta' kundizzjonijiet u obbligi, b'mod partikolari l-inklużjoni ta' ċerti rekwiżiti tax-xerrej u klawsola tax-xerrej bil-quddiem. Il-Kummissjoni kkonkludiet li l-impenji finali neħħew it-tħassib dwar il-kompetizzjoni identifikati fis-swieq tas-servizzi tal-ikklerjar tad-dejta tar-roaming u s-servizzi NRTRDE.

III.   L-ABBOZZ TAD-DEĊIŻJONI

12.

Fl-opinjoni tiegħi l-abbozz tad-Deċiżjoni jirrigwarda biss l-oġġezzjonijiet li fir-rigward tagħhom il-partijiet involuti fil-fużjoni ngħataw l-opportunità li jesprimu l-fehmiet tagħhom.

IV.   RIMARKI TA' KONKLUŻJONI

13.

Jiena nikkonkludi li l-parteċipanti kollha setgħu jeżerċitaw b'mod effettiv id-drittijiet proċedurali tagħhom f'dan il-każ.

Brussell, il-21 ta’ Mejju 2013.

Michael ALBERS


(1)  Skont l-Artikoli 16 u 17 tad-Deċiżjoni 2011/695/UE tal-President tal-Kummissjoni Ewropea tat-13 ta' Ottubru 2011 dwar il-funzjoni u t-termini ta' referenza tal-uffiċjal tas-seduta f'ċerti proċedimenti dwar il-kompetizzjoni (ĠU L 275, 20.10.2011, p. 29).

(2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 tal-20 ta' Jannar 2004 dwar il-kontroll ta' konċentrazzjonijiet bejn impriżi (“ir-Regolament dwar l-Għaqdiet”) (ĠU L 24, 29.1.2004, p. 1);

(3)  It-tranżazzjoni ma tinkludix l-akkwist ta' Evenex ApS u s-sussidjarja posseduta totalment tagħha Evenex AS.

(4)  Id-Deċiżjoni inkludiet ukoll lil Belgacom International Carrier Services.


Top