Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52014XG1223(02)

Konklużjonijiet tal-Kunsill u tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, imlaqqgħin fil-Kunsill, dwar Pjan ta’ Ħidma għall-Kultura (2015–2018)

ĠU C 463, 23.12.2014, p. 4–14 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

23.12.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 463/4


Konklużjonijiet tal-Kunsill u tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, imlaqqgħin fil-Kunsill, dwar Pjan ta’ Ħidma għall-Kultura (2015–2018)

(2014/C 463/02)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA U R-RAPPREŻENTANTI TAL-GVERNIJIET TAL-ISTATI MEMBRI, IMLAQQGĦIN FIL-KUNSILL,

I.   INTRODUZZJONI

FILWAQT LI JFAKKRU fl-objettivi assenjati lill-Unjoni Ewropea fil-qasam tal-kultura permezz tal-Artikolu 167 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE);

FILWAQT LI JFAKKRU fir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-16 ta’ Novembru 2007 dwar Aġenda Ewropea għall-Kultura (1) u l-objettivi strateġiċi tagħha, jiġifieri l-promozzjoni tad-diversità kulturali u d-djalogu interkulturali, il-promozzjoni tal-kultura bħala katalista għall-kreattività u l-promozzjoni tal-kultura bħala element vitali fir-relazzjonijiet internazzjonali tal-Unjoni;

FILWAQT LI JFAKKRU fir-Regolament (UE) Nru 1295/2013 li jistabbilixxi l-Programm Ewropa Kreattiva (2014 sa 2020) (2), u b’mod partikolari l-objettivi ġenerali tiegħu li għandhom l-għan li jsaħħu d-diversità kulturali u lingwistika Ewropea, jippromwovu l-patrimonju kulturali tal-Ewropa, u jsaħħu l-kompetittività tas-settur kulturali u dak kreattiv Ewropej bil-ħsieb li jiġi promoss tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv;

FILWAQT LI JFAKKRU l-kontribut sostanzjali tas-settur kulturali u dak kreattiv għall-iżvilupp ekonomiku, soċjali u reġjonali, l-importanza ta’ dawn is-setturi għall-istrateġija Ewropa 2020 għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv u l-fatt li d-diskussjoni tal-Ministri tal-Kultura fil-laqgħa tal-Kunsill fil-25 ta’ Novembru 2014 ser tikkontribwixxi għar-rispons tal-Kunsill fil-qafas tal-eżami ta’ nofs it-terminu tal-istrateġija ppjanat għall-2015;

FILWAQT LI JIEĦDU NOTA tar-riżultati tal-ħidma li twettqet fil-qafas tal-Pjan ta’ Ħidma tal-Kunsill għall-Kultura 2011-2014 (3) kif ukoll tar-riżultati tal-evalwazzjoni finali li saret mill-Istati Membri fil-Kunsill (4) li jiffurmaw il-bażi tar-rapport finali tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni u r-rilevanza tal-Pjan ta’ Ħidma għall-Kultura 2011-14 (5);

FILWAQT LI JIKKUNSIDRAW il-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-26 ta’ Novembru 2012 dwar il-Governanza Kulturali (6) u b’mod partikolari id-dispożizzjoni tagħha dwar il-provvediment regolari u fi stadju bikri ta’ informazzjoni dwar politiki u azzjonijiet tal-UE f’oqsma oħrajn ta’ politika b’impatt dirett jew indirett fuq kwistjonijiet u politiki kulturali.

JAQBLU LI:

jistabbilixxu, b’konsiderazzjoni debita tal-prinċipju ta’ sussidjarjetà, Pjan ta’ Ħidma ta’ erba’ snin għall-Kultura għall-perijodu 2015-2018, li jippermetti reviżjoni ta’ nofs it-term;

jiffokaw l-attivitajiet fil-qasam kulturali fuq it-temi ta’ prijorità, suġġetti ewlenin, eżiti u metodi ta’ ħidma kif elenkati f’dan il-Pjan ta’ Ħidma;

jadottaw prijoritajiet għall-Pjan ta’ Ħidma kif jinsabu fl-Anness I;

jistabbilixxu gruppi ta’ ħidma magħmula minn esperti maħtura mill-Istati Membri abbażi tal-prijoritajiet, il-prinċipji u l-mandati definiti fl-Annessi I u II u li jsegwu l-ħidma tagħhom.

JIKKUNSIDRAW li Pjan ta’ Ħidma ta’ erba’ snin għandu jkun irregolat mill-prinċipji ta’ gwida li ġejjin:

(a)

il-bini fuq il-kisbiet tal-Pjan ta’ Ħidma għall-Kultura preċedenti (2011-2014) filwaqt li miegħu tiżdied dimensjoni aktar strateġika sabiex tissaħħaħ ir-rabta bejn il-Pjan ta’ Ħidma u l-ħidma tal-Kunsill u l-Presidenzi b’rotazzjoni tiegħu;

(b)

il-konċentrazzjoni fuq suġġetti b’valur miżjud ċar għall-UE;

(c)

li jittieħed kont tal-valur intrinsiku tal-kultura u l-arti għat-tisħiħ tad-diversità kulturali;

(d)

l-iżgurar tal-eċċellenza, l-innovazzjoni u l-kompetittività tas-settur kulturali u dak kreattiv billi jiġi promoss il-ħidma ta’ artisti, kreaturi u professjonisti kulturali u jiġi rikonoxxut il-kontribut tas-setturi għall-għanijiet tal-istrateġija Ewropa 2020 għat-tkabbir u l-impjiegi, filwaqt li tingħata attenzjoni partikolari għall-isfidi tal-bidla diġitali;

(e)

li l-kultura tiġi integrata f’oqsma oħrajn ta’ politika, kull fejn tkun rilevanti, f’konformità mal-Artikolu 167(4) TFUE;

(f)

l-inkoraġġiment għall-kooperazzjoni transettorjali;

(g)

l-iżgurar tas-sinerġiji mal-Programm Ewropa Kreattiva;

(h)

il-ħidma għal politika bbażata fuq l-evidenza.

II.   PRIJORITAJIET u METODI TA’ ĦIDMA

JAQBLU li jiksbu l-prijoritajiet kif jinsabu fl-Anness I:

A.

Kultura aċċessibbli u inklużiva;

B.

Patrimonju kulturali;

C.

Is-settur kulturali u dak kreattiv: l-ekonomija kreattiva u l-innovazzjoni;

D.

Il-promozzjoni tad-diversità kulturali, il-kultura fir-relazzjonijiet barranin tal-UE u l-mobilità.

JAQBLU li statistika affidabbli, komparabbli u aġġornata hija l-bażi tat-tfassil sod tal-politika kulturali u għalhekk l-istatistika hija prijorità transettorjali f’dan il-Pjan ta’ Ħidma; u għalhekk JISTENNEW B’INTERESS ir-riżultati tal-ħidma li ser issir taħt il-patroċinju tal-Eurostat sabiex tiġi żgurata l-produzzjoni regolari u t-tixrid ta’ statistika dwar il-kultura, filwaqt li jittieħed kont tar-rakkomandazzjonijiet li fih ir-rapport dwar il-kultura ESS-net;

JAQBLU li jittieħed kont tal-ħidma li saret fil-qasam tal-kultura fir-relazzjonijiet barranin tal-UE u dwar il-bżonn li titkompla l-ħidma f’dan il-qasam, f’kooperazzjoni mas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna u l-Kummissjoni;

JAQBLU li jintużaw metodi ta’ ħidma differenti, skont l-għan u s-suġġett:

i.

il-Metodu Miftuħ ta’ Koordinazzjoni (MMK), li għandu jibqa’ l-metodu ta’ ħidma ta’ kooperazzjoni ewlieni fost l-Istati Membri;

ii.

laqgħat informali ta’ uffiċjali minn Ministeri tal-Kultura, inkluż ma’ uffiċjali minn Ministeri oħrajn;

iii.

gruppi esperti ad hoc jew seminars tematiċi mlaqqgħin mill-Kummissjoni biex ikomplu jiġu eżaminati kwistjonijiet marbutin mas-suġġetti tal-Pjan ta’ Ħidma u ssir interazzjoni ma’ strumenti oħrajn tal-Pjan ta’ Ħidma;

iv.

laqgħat ta’ evalwazzjoni organizzati mill-Kummissjoni fl-oqsma ta’ politika li ġew indirizzati b’mod estensiv mill-pjanijiet ta’ ħidma preċedenti għall-kultura;

v.

konferenzi, studji u inizjattivi ta’ tagħlim fost il-pari.

III.   AZZJONIJIET

JISTIEDNU LILL-ISTATI MEMBRI:

jikkunsidraw, filwaqt li jirrispettaw il-prinċipju tas-sussidjarjetà, ir-riżultati miksuba minn dan il-Pjan ta’ Ħidma meta jkunu qed jiżviluppaw il-politika fil-livell nazzjonali;

ixerrdu informazzjoni dwar ir-riżultati tal-Pjan ta’ Ħidma ma’ partijiet ikkonċernati fil-livelli kollha.

JISTIEDNU LILL-PRESIDENZI TAL-KUNSILL:

jieħdu kont, fil-kuntest tal-Grupp ta’ Tliet Presidenzi, tal-prijoritajiet tal-Pjan ta’ Ħidma fl-iżvilupp tal-programm ta’ 18-il xahar tagħhom;

jinfurmaw lill-korp ta’ tħejjija tal-Kunsill fil-qasam tal-kultura bil-ħidma li twettqet minn korpi ta’ tħejjija oħrajn tal-Kunsill li għandha impatt dirett jew indirett fuq kwistjonijiet u politika kulturali (7);

jorganizzaw, meta adatt, laqgħat informali (inklużi dawk ta’ natura konġunta u transettorjali) biex jiddiskutu u jadottaw ir-riżultati li jkunu nkisbu permezz tal-Pjan ta’ Ħidma, u biex ixerrduhom b’mod wiesa’;

jikkunsidraw, abbażi ta’ rapport finali mħejji mill-Kummissjoni li joqgħod fuq il-kontributi volontarji mill-Istati Membri, jekk jipproponux Pjan ta’ Ħidma ġdid.

JISTIEDNU LILL-KUMMISSJONI:

tappoġġa lill-Istati Membri u partijiet ikkonċernati rilevanti oħrajn fil-kooperazzjoni fi ħdan il-qafas li jidher f’dawn il-Konklużjonijiet, b’mod partikolari billi:

(a)

tappoġġa l-parteċipazzjoni l-aktar wiesa’ possibbli tal-Istati Membri, kif ukoll ta’ esperti u partijiet ikkonċernati oħra, fl-istrutturi ta’ ħidma msemmija fl-Anness I;

(b)

tissupplimenta l-ħidma tal-gruppi tal-MMK bi studji kif ukoll eżerċizzji ta’ tagħlim fost il-pari;

ixxerred informazzjoni dwar ir-riżultati tal-Pjan ta’ Ħidma f’kemm lingwi jitqies adatt, inkluż permezz ta’ mezzi diġitali eż. s-sit web tagħha;

tirrapporta lill-korp ta’ tħejjija kompetenti tal-Kunsill fil-qasam tal-kultura fl-aktar stadju bikri possibbli dwar l-inizjattivi rilevanti tagħha, b’attenzjoni partikolari għall-proposti, li għalihom il-valutazzjoni tal-impatt ikun enfasizza impatt dirett jew indirett fuq kwistjonijiet kulturali (8);

tiżgura skambju reċiproku ta’ informazzjoni fost gruppi tal-MMK fil-qasam tal-kultura u bejniethom u gruppi rilevanti tal-MMK li jaħdmu f’setturi relatati;

tinforma regolarment lill-korp ta’ tħejjija tal-Kunsill fil-qasam tal-kultura dwar il-progress tal-ħidma fil-qasam tal-istatistika kulturali;

tikkonsulta u tinforma regolarment lill-partijiet ikkonċernati fil-livell Ewropew, inkluża s-soċjetà ċivili, dwar il-progress tal-Pjan ta’ Ħidma sabiex tiżgura r-rilevanza u l-viżibbiltà tal-attivitajiet, inkluż permezz tal-Forum Ewropew tal-Kultura;

tadotta, qabel it-tmiem tal-ewwel nofs tal-2018, u abbażi tal-kontributi volontarji tal-Istati Membri, rapport finali dwar l-implimentazzjoni u r-relevanza tal-Pjan ta’ Ħidma.

JISTIEDNU LILL-ISTATI MEMBRI U LILL-KUMMISSJONI, FL-AMBITU TAL-ISFERI TA’ KOMPETENZA RISPETTIVI TAGĦHOM U BIR-RISPETT DEBITU GĦALL-PRINĊIPJU TAS-SUSSIDJARJETÀ, BIEX:

jaħdmu flimkien b’mod kooperattiv u miftiehem billi jużaw l-istrutturi u l-metodi ta’ ħidma speċifikati f’dawn il-Konklużjonijiet sabiex jagħtu valur miżjud fil-qasam tal-kultura fil-livell tal-UE;

jieħdu kont tal-kultura meta jifformulaw, jimplimentaw u jevalwaw politiki u azzjonijiet f’oqsma ta’ politika oħrajn, b’attenzjoni partikolari li tiġi żgurata l-inklużjoni bikrija u effettiva fil-proċess tal-iżvilupp tal-politika;

jippromwovu kontribut aħjar tal-kultura għall-għanijiet ġenerali tal-istrateġija Ewropa 2020, minħabba r-rwol tas-settur fil-kisba ta’ tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv u jqisu l-effetti pożittivi tagħha fuq oqsma bħall-impjiegi, l-inklużjoni soċjali, l-edukazzjoni u t-taħriġ, it-turiżmu, ir-riċerka u l-innovazzjoni, u l-iżvilupp reġjonali;

jippromwovu l-qari bħala għodda biex jinfirex l-għarfien, tissaħħaħ il-kreattività, jappoġġaw l-aċċess għall-kultura u d-diversità kulturali u jiżviluppaw is-sensibilizzazzjoni ta’ identità Ewropea, b’kont meħud tal-kondizzjonijiet varji applikati għal kotba elettroniċi u kotba fiżiċi;

jikkondividu regolarment u fi stadju bikri informazzjoni dwar il-politiki u l-azzjonijiet tal-UE b’impatt dirett jew indirett fuq kwistjonijiet u politiki kulturali u f’dan ir-rigward jinkoraġġuhom jagħmlu skambju ta’ informazzjoni permezz ta’ mezzi diġitali, inklużi pjattaformi virtwali.

irawmu l-kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi, partikolarment pajjiżi kandidati, pajjiżi kandidati potenzjali u pajjiżi tal-politika Ewropea tal-viċinat u mal-organizzazzjonijiet internazzjonali kompetenti fil-qasam tal-kultura, inkluż il-Kunsill tal-Ewropa, inkluż permezz ta’ laqgħat regolari mal-pajjiżi terzi konċernati;

iwettqu reviżjoni ta’ nofs it-term tal-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Ħidma bil-ħsieb ta’ adattamenti jew riorjentazzjoni possibbli fid-dawl tar-riżultati miksuba u l-iżviluppi ta’ politika fil-livell tal-UE.


(1)  ĠU C 287, 29.11.2007, p. 1.

(2)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 221.

(3)  ĠU C 325, 2.12.2010, p. 1.

(4)  dok. 9591/14.

(5)  dok. 12646/14.

(6)  ĠU C 393, 19.12.2012, p. 8.

(7)  F’konformità mal-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-2012 dwar il-governanza kulturali.

(8)  Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 7.


ANNESS I

Prijoritajiet għall-Pjan ta’ ħidma għall-Kultura 2015-2018

Qasam ta’ prijorità A: Kultura aċċessibbli u inklużiva

Aġenda Ewropea għall-kultura: Diversità kulturali u djalogu interkulturali (3.1)

Strateġija Ewropa 2020: Tkabbir inklużiv (prijorità 3)

Azzjonijiet minn

Suġġetti

Strumenti u metodi ta’ ħidma (inkluż jekk transettorjali)

Riżultati mixtieqa u kalendarju indikattiv

Stati Membri

A1) Żvilupp tal-kompetenza ewlenija “sensibilizzazzjoni u espressjoni kulturali”

MMK (1), transettorjali

L-esperti ser jidentifikaw prattiki tajba għall-iżvilupp ta’ din il-kompetenza ewlenija u għall-integrazzjoni tagħha fil-politiki tal-edukazzjoni, abbażi tal-għarfien u tal-attitudnijiet identifikati fir-Rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2006 dwar il-kompetenzi ewlenin għall-edukazzjoni u t-taħriġ tul il-ħajja (2).

Tmiem l-2015

Manwal ta’ prattika tajba għall-awtoritajiet kulturali u tal-edukazzjoni fil-livell nazzjonali u Ewropew.

Stati Membri

A2) Promozzjoni tal-aċċess għall-kultura permezz ta’ mezzi diġitali: politiki u strateġiji għall-iżvilupp tal-udjenza

MMK

2015–2016

It-teknoloġiji diġitali biddlu l-mod kif il-persuni jkollhom aċċess għal, jipproduċu u jużaw il-kontenut kulturali. X’inhu l-impatt tal-bidla diġitali fuq il-politiki għall-iżvilupp tal-udjenza u l-prattiki ta’ istituzzjonijiet kulturali?

L-esperti ser ifasslu l-politiki u l-programmi eżistenti u jidentifikaw prattiki tajbin.

Manwal ta’ prattika tajba għall-istituzzjonijiet u l-professjonisti kulturali.

Il-promozzjoni tal-qari fl-ambjent diġitali sabiex jitħeġġeġ l-aċċess u l-iżvilupp tal-udjenza. It-tfassil tal-qafas regolatorju b’referenza partikolari għall-prattiki ta’ liċenzjar, is-servizzi transkonfinali u self elettroniku mil-libreriji pubbliċi.

Sottogrupp tal-MMK (3)

L-esperti ser ifasslu l-aħjar prattiki.

2015

Rapport li fih studji ta’ każijiet individwali.

Stati Membri

A3) Trawwim tal-kontribut tal-kultura għall-inklużjoni soċjali

MMK

2017–2018

Il-politiki pubbliċi kif jistgħu jinkoraġġixxu u jappoġġaw istituzzjonijiet kulturali biex jaħdmu fi sħubiji ma’ setturi oħra (il-kura tas-saħħa, il-kura soċjali, is-servizz tal-ħabs eċċ.)?

L-esperti ser ifasslu l-politiki pubbliċi eżistenti li jittrattaw l-inklużjoni soċjali permezz tal-kultura u jidentifikaw prattiki tajbin.

Linji gwida għal dawk li jfasslu l-politika u għall-istituzzjonijiet kulturali.


Qasam ta’ prijorità B: Patrimonju kulturali

Aġenda Ewropea għall-kultura: Diversità kulturali u djalogu interkulturali (3.1)

Strateġija Ewropa 2020: Tkabbir intelliġenti u sostenibbli (prijoritajiet 1 u 2)

Azzjonijiet minn

Suġġetti

Strumenti u metodi ta’ ħidma (inkluż jekk transettorjali)

Riżultati mixtieqa u kalendarju indikattiv

Stati Membri

B1) Governanza parteċipattiva tal-patrimonju kulturali

MMK

2015–2016

Identifikazzjoni ta’ approċċi innovattivi għall-governanza f’diversi livelli ta’ patrimonju tanġibbli, intanġibbli u diġitali li jinvolvi s-settur pubbliku, il-partijiet interessati privati u s-soċjetà ċivili.

Ser tiġi indirizzata l-kooperazzjoni bejn il-livelli differenti ta’ governanza u oqsma ta’ politika.

L-esperti ser ifasslu u jqabblu l-politiki pubbliċi fil-livell nazzjonali u reġjonali sabiex jiġu identifikati prattiki tajbin ukoll f’kooperazzjoni ma’ netwerks eżistenti tal-patrimonju.

Manwal ta’ prattika tajba għal dawk li jfasslu l-politika u għall-istituzzjonijiet ta’ patrimonju kulturali.

Stati Membri

B2) Ħiliet, taħriġ u trasferiment ta’ għarfien: professjonijiet tradizzjonali u emerġenti fil-patrimonju

MMK, transettorjali

2017–2018

Il-bini ta’ kapaċitajiet għall-professjonisti tal-patrimonju. Fokus fuq it-trasmissjoni ta’ ħiliet u kompetenza tradizzjonali u fuq professjonijiet emerġenti, inkluż fil-kuntest tal-bidla diġitali.

Ser tiġi inkoraġġuta l-parteċipazzjoni ta’ esperti tal-edukazzjoni.

L-esperti ser ifasslu l-iskemi ta’ taħriġ eżistenti u jidentifikaw ħtiġijiet ta’ ħiliet u taħriġ emerġenti fil-qasam tal-patrimonju tanġibbli, intanġibbli u diġitali.

Manwal ta’ prattiki tajbin għall-istituzzjonijiet kulturali u tal-edukazzjoni.

Kummissjoni

B3) Valutazzjoni tar-riskju u l-prevenzjoni għas-salvagwardja tal-patrimonju kulturali mill-effetti ta’ diżastri naturali u theddid ikkawżat minn azzjonijiet tal-bniedem

It-tfassil ta’ strateġiji u prattiki eżistenti fil-livell nazzjonali. Fost il-fatturi li għandhom jiġu kkunsidrati hemm l-isfruttament eċċessiv, it-tniġġis, l-iżvilupp mhux sostenibbli, iż-żoni ta’ kunflitt u l-katastrofi naturali (nirien, għargħar, terremoti).

Studju

2016


Qasam ta’ prijorità C: Is-settur kulturali u dak kreattiv: Ekonomija kreattiva u innovazzjoni

Aġenda Ewropea għall-kultura: Il-kultura bħala katalist għall-kreattività (3.2)

Strateġija Ewropa 2020: Tkabbir intelliġenti u sostenibbli (prijoritajiet 1 u 2)

Azzjonijiet minn

Suġġetti

Strumenti u metodi ta’ ħidma (inkluż jekk transettorjali)

Riżultati mixtieqa u kalendarju indikattiv

Stati Membri

C1) Aċċess għall-finanzi

MMK (4), transettorjali

2015

Fokus fuq l-ekosistema finanzjarja għas-setturi kulturali u kreattivi. Eżami ta’ strumenti finanzjarji, bħal self u ishma. Ħarsa ġenerali u analiżi ta’ finanzjament alternattiv, bħal fondi pubbliċi-privati, investituri informali, kapital tar-riskju, finanzjament kollettiv, sponsorizzazzjoni, donazzjonijiet u filantropija.

Ser titħeġġeġ il-parteċipazzjoni ta’ esperti tal-finanzjament u l-ekonomija.

L-esperti ser jidentifikaw skemi ta’ finanzjament u prattiki ta’ investiment innovattivi fis-setturi kulturali u kreattivi.

Rakkomandazzjonijiet għall-awtoritajiet pubbliċi.

 

C2) Rwol tal-politiki pubbliċi fl-iżvilupp tal-potenzjal intraprenditorjali u innovattiv tas-setturi kulturali u kreattivi

 

 

Stati Membri

a.

Kollegamenti kulturali u kreattivi biex jiġu stimulati l-innovazzjoni, is-sostenibbiltà ekonomika u l-inklużjoni soċjali.

Biex jiġu eżaminati u promossi s-sinerġiji bejn is-setturi kulturali u kreattivi, min-naħa l-waħda, u setturi rilevanti oħra, min-naħa l-oħra.

Konklużjonijiet possibbli tal-Kunsill

2015

Stati Membri

b.

Biex jiġu identifikati miżuri innovattivi għall-promozzjoni tal-intraprenditorija u mudelli ġodda ta’ negozju fis-setturi kulturali u kreattivi.

MMK, transettorjali

2016–2017

 

Ser titħeġġeġ il-parteċipazzjoni ta’ esperti tal-ekonomija u l-intrapriża.

L-esperti ser jidentifikaw prattika tajba tal-miżuri ta’ appoġġ għan-negozji għall-intraprendituri kulturali u kreattivi.

Manwal ta’ prattika tajba u rakkomandazzjonijiet għall-awtoritajiet pubbliċi.

Stati Membri

C3) Turiżmu kulturali sostenibbli

MMK, transettorjali

2017–2018

Jiġu identifikati modi kif tinħoloq offerta ta’ turiżmu Ewropew ibbażat fuq patrimonju kulturali tanġibbli u intanġibbli bħala fattur kompetittiv sabiex jiġu attirati forom ġodda ta’ turiżmu sostenibbli. Jiġi esplorat kif id-diġitalizzazzjoni tal-kontenut kulturali u s-servizzi diġitali tista’ trawwem l-espansjoni ta’ netwerks ta’ turiżmu transEwropej u jkompli l-iżvilupp ta’ itinerarji, inklużi destinazzjonijiet emerġenti żgħar, ukoll b’kont meħud ta’ attivitajiet ta’ arti kontemporanja, festivals u avvenimenti kulturali.

Ser titħeġġeġ il-parteċipazzjoni ta’ esperti tat-turiżmu.

L-esperti ser ifasslu metodi u għodod li jagħmlu lill-patrimonju kulturali Ewropew aċċessibbli għal u interoperabbli mas-sistema ta’ promozzjoni tat-turiżmu u l-kummerċjalizzazzjoni.

Linji gwida għal dawk li jfasslu l-politika


Qasam ta’ prijorità D: Promozzjoni tad-diversità kulturali, il-kultura fir-relazzjonijiet esterni tal-UE u l-mobilità

Aġenda Ewropea għall-kultura: Diversità kulturali u djalogu interkulturali (3.1), Kultura bħala element essenzjali fir-relazzjonijiet internazzjonali (3.3)

Strateġija Ewropa 2020: Tkabbir sostenibbli u inklużiv (prijoritajiet 2, 3), Mobilizzazzjoni ta’ strumenti ta’ politika esterna tal-UE

Azzjonijiet minn

Suġġetti

Strumenti u metodi ta’ ħidma (inkluż jekk transettorjali)

Riżultati mixtieqa u kalendarju indikattiv

Stati Membri/Kummissjoni

D1) Konvenzjoni tal-Unesco dwar il-protezzjoni u l-promozzjoni tad-diversità ta’ espressjoni kulturali

Tiġi valutata l-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni tal-Unesco tal-2005 dwar il-protezzjoni u l-promozzjoni tad-diversità ta’ espressjonijiet kulturali abbażi tar-rapport li sar f’isem l-UE fl-2012 (5). Jiġi kkunsidrat l-impatt tagħha fuq il-ftehimiet u l-protokolli dwar il-kooperazzjoni kulturali fi ftehimiet ta’ kummerċ ħieles. Tiġi eżaminata l-applikazzjoni tagħha b’mod partikolari fil-kuntest diġitali.

Analiżi tal-attivitajiet

2015

 

D2) Il-Kultura fir-Relazzjonijiet Esterni

a.

Il-kultura fil-politiki ta’ kooperazzjoni għall-iżvilupp tal-UE

 

 

Stati Membri

Appoġġ għall-integrazzjoni tal-kultura fl-aġenda ta’ kooperazzjoni għall-iżvilupp tal-UE, strumenti u programmi ma’ pajjiżi terzi u valutazzjoni tar-rwol tal-kultura fl-iżvilupp sostenibbli.

Konklużjonijiet possibbli tal-Kunsill

2015

Kummissjoni/Stati Membri

Programmi eżistenti li jindirizzaw il-kultura f’pajjiżi tal-Politika Ewropea tal-Viċinat

Studju

Diskussjoni u segwitu fil-korp ta’ tħejjija tal-Kunsill fil-qasam tal-kultura, bil-parteċipazzjoni tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE)

2015

Stati Membri

b.

Tisħiħ ta’ approċċ strateġiku għall-kultura fir-relazzjonijiet esterni tal-UE

Laqgħat informali konġunti ta’ uffiċjali għolja mill-Ministeri għall-Kultura u uffiċjali għolja responsabbli għall-kultura fil-Ministeri għall-Affarijiet Barranin, bil-parteċipazzjoni possibbli tas-SEAE (6)

2015–2018

Kummissjoni/Stati Membri

c.

Azzjoni preparatorja dwar il-kultura fir-relazzjonijiet esterni tal-UE (7): diskussjoni, analiżi u segwitu li jinvolvu l-korp ta’ tħejjija tal-Kunsill fil-qasam tal-kultura u s-SEAE.

Analiżi u attivitajiet ta’ segwitu

2015-2018

Kummissjoni

D3) Djalogu interkulturali u mobbiltà

 

2016, rapporti għal kull tema

a.

Djalogu interkulturali

Laqgħa ta’ eżami

 

b.

Il-mobbiltà ta’ professjonisti kulturali, inklużi l-ostakli tat-taxxa għall-mobbiltà tal-artisti f’sitwazzjonijiet transkonfinali. Ser titħeġġeġ il-parteċipazzjoni ta’ esperti tat-taxxa.

Laqgħa ta’ eżami

 

c.

Il-mobbiltà tal-kollezzjonijiet

Laqgħa ta’ eżami

 

d.

Traffikar illeċitu ta’ oġġetti kulturali, inkluż ir-regoli tal-UE dwar l-importazzjoni għal oġġetti kulturali esportati illegalment minn pajjiżi terzi.

Studju

2016

Stati Membri

D4) Ċinema: titjib fiċ-ċirkolazzjoni tal-films Ewropej

MMK

2017–2018

 

Jiġu identifikati l-komplementarjetajiet bejn politiki tal-films u strumenti ta’ appoġġ fil-livelli reġjonali, nazzjonali u tal-UE bil-għan ta’ titjib fiċ-ċirkolazzjoni tal-films Ewropej, b’mod partikolari fl-ambjent diġitali.

Ser titħeġġeġ il-parteċipazzjoni ta’ esperti minn ministeri inkarigati mill-politika tal-films u minn fondi u istituzzjonijiet nazzjonali tal-films.

L-esperti ser jidentifikaw prattiki tajbin, filwaqt li jieħdu kont tal-eżiti ta l-Forum Ewropew tal-Films (8).

Manwal ta’ prattiki tajba.


(1)  Grupp ta’ ħidma stabbilit fl-2014 skont il-Pjan ta’ Ħidma għall-Kultura 2011-2014, li l-mandat tiegħu ġie estiż. Dan jikkonsisti f’esperti miż-żewġ Ministeri għall-Kultura u l-Edukazzjoni.

(2)  ĠU L 394, 30.12.2006, p. 10.

(3)  Dan huwa sottogrupp tal-Grupp ta’ Ħidma tal-MMK dwar il-promozzjoni tal-aċċess għall-kultura permezz ta’ mezzi diġitali.

(4)  Grupp ta’ Ħidma stabbilit fl- 2014 skont il-Pjan ta’ Ħidma għall-Kultura 2011-2014.

(5)  Rapport perjodiku kwadriennali f’isem l-Unjoni Ewropea dwar miżuri biex tiġi protetta u promossa d-diversità ta’ espressjonijiet kulturali fil-qafas tal-Konvenzjoni tal-Unesco tal-2008 - Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni (SWD(2012) 129 final).

(6)  Laqgħat li għandhom jiġu organizzati minn Presidenzi b’rotazzjoni tal-Kunsill fuq bażi volontarja.

(7)  http://cultureinexternalrelations.eu/wp-content/uploads/2013/05/Executive-Summary-ENG_13.06.2014.pdf

(8)  Il-Forum Ewropew tal-Films huwa pjattaforma ta’ djalogu strutturat stabbilita mill-Kummissjoni fil-Komunikazzjoni tagħha dwar il-film Ewropew fl-era diġitali (dok. 10024/14). L-ewwel eżitu ta’ dan id-djalogu strutturat hu mistenni għall-2016.


ANNESS II

Prinċipji relatati mas-Sħubija u l-Funzjonament tal-gruppi ta’ ħidma stabbiliti mill-Istati Membri fil-qafas tal-Pjan ta’ ħidma għall-Kultura 2015-2018

Sħubija

Il-parteċipazzjoni tal-Istati Membri fil-ħidma tal-gruppi hija volontarja u l-Istati Membri jistgħu jingħaqdu ma’ dawn il-gruppi fi kwalunkwe ħin.

Kull Stat Membru interessat li jipparteċipa fil-ħidma tal-gruppi ser jaħtar esperti bħala membri ta’ grupp ta’ ħidma. L-Istat Membru ser jiżgura li l-esperti maħtura jkollhom esperjenza prattika fil-qasam rilevanti fil-livell nazzjonali u ser jiżgura komunikazzjoni effettiva mal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti. Il-Kummissjoni għandha tikkoordina l-eżerċizzju tal-ħatra. Sabiex jiġi identifikat il-profil tal-espert l-aktar adatt għal kull tema, l-Istati Membru jistgħu jaħtru, jekk meħtieġ, espert differenti għal kull qasam tematiku.

Kull grupp ta’ ħidma jista’ jiddeċiedi li jistieden esperti indipendenti biex jikkontribwixxu għall-ħidma tal-grupp, rappreżentanti tas-soċjetà ċivili kif ukoll rappreżentanti ta’ pajjiżi terzi Ewropej.

Proċeduri ta’ Ħidma

Il-gruppi jindirizzaw is-suġġetti definiti fil-Pjan ta’ Ħidma f’konformità mal-l-kalendarju identifikat fl-Anness I.

Id-definizzjoni kif ukoll l-iskeda ta’ żmien għall-objettivi jistgħu jiġu riveduti matul ir-reviżjoni ta’ nofs it-term fid-dawl tar-riżultati miksuba u l-iżviluppi ta’ politika fil-livell tal-UE.

Tul ta’ żmien ta’ grupp huwa ta’ medja ta’ 18-il xahar li matulhom jistgħu jsiru medja ta’ 6 laqgħat.

Kull grupp ta’ ħidma ser ikun responsabbli li jaħtar il-president jew il-kopresidenti tiegħu għal kull qasam tematiku fost il-prijoritajiet tiegħu.

Rappurtar u Informazzjoni

Il-presidenti tal-gruppi ta’ ħidma ser jirrapportaw lill-Kumitat tal-Affarijiet Kulturali dwar il-progress tal-ħidma fil-grupp rispettivi. Il-Kumitat tal-Affarijiet Kulturali ser jingħata opportunità li jiggwida lill-gruppi ta’ ħidma sabiex jiġu garantiti l-eżitu mixtieq u l-koordinazzjoni tal-ħidma tal-grupp.

Għal kull objettiv imsemmi fl-Anness I, il-gruppi ser jippreżentaw riżultat dwar il-ħidma mwettqa, li jkun fih riżultati konkreti u li jistgħu jintużaw.

L-aġendi u l-minuti tal-laqgħat tal-gruppi kollha ser ikunu disponibbli għall-Istati Membri kollha, irrispettivament mil-livell ta’ parteċipazzjoni tagħhom f’qasam partikolari. Ir-riżultati tal-gruppi ser jiġu ppubblikati.

Il-Kummissjoni ser tipprovdi appoġġ segretarjali u loġistiku għall-ħidma tal-gruppi. Sa fejn hu possibbli, ser tappoġġa l-ħidma tagħhom permezz ta’ mezzi adatti oħra (inklużi studji rilevanti għall-qasam ta’ ħidmiethom).

Ir-rapporti ta’ hawn fuq ser jikkontribwixxu għar-rapport finali mill-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Ħidma.


Top