EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52014XC0516(01)

Sommarju tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-26 ta’ Frar 2014 — Li tirrigwarda proċediment skont l-Artikolu 101 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Kawża AT 39398 Visa MIF) (notifikata bid-dokument C (2014) 1199 final)

ĠU C 147, 16.5.2014, p. 7–10 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

16.5.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 147/7


Sommarju tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni

tas-26 ta’ Frar 2014

Li tirrigwarda proċediment skont l-Artikolu 101 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE

(Kawża AT 39398 Visa MIF)

(notifikata bid-dokument C (2014) 1199 final)

(It-test bl-Ingliż biss huwa awtentiku)

2014/C 147/06

Fis-26 ta’ Frar 2014, il-Kummissjoni adottat deċiżjoni li tirrigwarda proċediment skont l-Artikolu 101 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 53 tal-Ftehim taż-ŻEE. Skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 30 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 (1) , il-Kummissjoni qiegħda hawnhekk tippubblika l-ismijiet tal-partijiet u tal-kontenut prinċipali tad-Deċiżjoni, inkluż kull penalità imposta, fid-dawl tal-interess leġittimu tal-impriżi fil-protezzjoni tas-sigrieti kummerċjali tagħhom.

(1)

Il-kawża tikkonċerna l-iffissar ta’ tariffi ta’ interskambju miftiehma b’mod multilaterali (“MIFs”) minn Visa Europe Limited (“Visa Europe”), applikabbli għal tranżazzjonijiet Intrareġjonali, għal ċerti tranżazzjonijiet domestiċi (2) u intra-Visa Europe li mhumiex fil-punt tal-bejgħ (“POS”) fiż-ŻEE (3) b’kards ta’ kreditu tal-konsumatur tal-Visa u b’kards ta’ debitu tal-konsumatur tal-Visa u r-regoli li jirrigwardaw l-akkwisti transfruntieri.

1.   TĦASSIB PRELIMINARI DWAR IL-KOMPETIZZJONI

(2)

Fid-Dikjarazzjoni ta’ Oġġezzjonijiet tagħha tat-3 ta’ April 2009, (“id-Dikjarazzjoni ta’ Oġġezzjonijiet”), il-Kummissjoni waslet għal konklużjoni proviżorja li Visa Europe kisret l-Artikolu 101 tat-Trattat u l-Artikolu 53 tal-Ftehim taż-ŻEE meta stabbilixxiet il-MIFs.

(3)

Fit-8 ta’ Diċembru 2010, il-Kummissjoni adottat deċiżjoni skont l-Artikolu 9 tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 (“id-deċiżjoni ta’ impenn ta’ debitu”). Id-deċiżjoni għamlet legalment vinkolanti għal erba’ snin għal Visa Europe l-impenji li (i) l-medja peżata tal-MIF applikabbli għal tranżazzjonijiet ta’ debitu tal-konsumatur koperti mill-proċedimenti tiġi llimitata sa 0,20 % u (ii) żżomm u/jew tintroduċi għadd ta’ tibdiliet fir-regoli tan-netwerk tagħhom.

(4)

Fid-Dikjarazzjoni Supplimentari ta’ Oġġezzjonijiet tagħha tal-31 ta’ Lulju 2012 (“id-Dikjarazzjoni Supplimentari ta’ Oġġezzjonijiet”) il-Kummissjoni rriformulat u rfinat iktar l-oġġezzjonijiet tagħha fir-rigward ta’ tariffi ta’ interskambju b’mod multilaterali tal-kards ta’ kreditu tal-konsumatur (“MIFs”). Estendiet ukoll l-ambitu tal-proċedimenti għall-applikazzjoni diretta ta’ MIFs Interreġjonali (jew internazzjonali) meta negozjanti jinsabu fiż-ŻEE u mxiet ukoll mal-opinjoni preliminarja li r-regoli tal-Visa Europe dwar l-akkwist transfruntiera kisru l-Artikolu 101 tat-Trattat u l-Artikolu 53 tal-Ftehim taż-ŻEE.

(5)

It-tariffi tal-interkambju jitħallsu minn bank kummerċjali (“l-akkwirent”) lill-bank ta’ detentur ta’ kard (“l-emittent”) għal kull tranżazzjoni li tkun saret fi stabbiliment ta’ negozju b’kard tal-ħlas. Meta detentur ta’ kard juża kard tal-ħlas biex jixtri oġġetti jew servizzi mingħand negozjant, in-negozjant iħallas tariffa għas-servizz tan-negozjant lill-akkwirent tiegħu. L-akkwirent iżomm parti minn din it-tariffa (il-marġni tal-akkwirent), parti tingħadda lill-emittent (l-MIF) u parti żgħira tingħadda lill-operatur tal-iskema (f’dan il-każ Visa). Fil-prattika, parti kbira mit-tariffa għas-servizz tan-negozjant hija ddeterminata mill-MIF.

(6)

L-evalwazzjoni preliminari uriet it-tħassib li l-MIFs għandhom bħala għan u ukoll bħala effett restrizzjoni sinifikanti tal-kompetizzjoni fis-swieq tal-akkwist b’detriment għan-negozjanti u, indirettament, għall-klijenti tagħhom. L-MIFs jidhru li qed jgħollu l-bażi li fuqha l-akkwirenti jistabbilixxu t-tariffi għas-servizzi tan-negozjant (MSC) billi joħolqu element sostanzjali ta’ spiża li hu komuni għall-akkwirenti kollha. Skont il-Valutazzjoni Preliminari tal-Kummissjoni, l-MIFs ta’ Visa Europe mhumiex oġġettivament bżonnjużi. L-effett restrittiv fis-swieq tal-akkwist qed jiġi msaħħaħ aktar bl-effett tal-MIFs fuq is-swieq tan-netwerk u fuq dawk emittenti kif ukoll b’regoli u prattiki oħrajn tan-netwerk, jiġifieri r-Regola li għandek tonora l-Kards Kollha (Honour All Cards Rule - “HACR”), Regola tal-Ebda Diskriminazzjoni (No Discrimination Rule - “NDR”), il-fużjoni (4) u s-segmentazzjoni ta’ swieq tal-akkwist minħabba regoli li jirrestrinġu l-akkwist transfruntier (5). Barra minn hekk, skont id-Dikjarazzjoni ta’ Oġġezzjonijiet u d-Dikjarazzjoni Supplimentari ta’ Oġġezzjonijiet, l-MIFs ma jissodisfawx ir-rekwiżiti għal eżenzjoni skont l-Artikolu 101(3) tat-Trattat billi jipprovdu titjib fl-effiċjenza filwaqt li jgħaddu sehem ġust tal-benefiċċji li jirriżultaw minnhom lill-konsumatur.

(7)

Fis-sistema tal-Visa Europe, akkwirenti transfruntieri huma soġġetti għal regola ta’ mandat għall-applikazzjoni tal-MIFs li huma applikabbli fil-pajjiż tat-tranżazzjoni. Skont din ir-regola, akkwirenti transfruntieri għandhom japplikaw bħala awtomatiċi il-MIFs speċifiċi tal-Pajjiż jew il-MIFs Intrareġjonali jew il-MIFs domestiċi rreġistrati. Membri tal-ħruġ u tal-akkwist tal-Visa fil-pajjiż tat-tranżazzjoni u akkwirenti transfruntieri jistgħu jiddevjaw minn MIFs domestiċi jew MIFs speċifiċi tal-Pajjiż billi jikkonkludu ftehim bilaterali li jinvolvi tariffi baxxi jew tal-interkambju. Madankollu, akkwirenti transfruntieri huma soġġetti li jkunu fi żvantaġġ jekk iridu jidħlu fi ftehim bilaterali ta’ dan it-tip, għax x’aktarx ma jkollhomx rabtiet b’saħħithom ma’ emittenti domestiċi F’pajjiżi fejn hemm ftehim bilaterali sinifikanti li jinvolvi akkwirenti domestiċi, akkwirenti transfruntieri tipikament ikollhom japplikaw il-MIFs għoljin speċifiċi tal-Pajjiż jew il-MIFs Intrareġjonali jew il-MIFs domestiċi rreġistrati. Din ir-regola hija kkunsidrata wkoll bħala restrizzjoni fuq il-prezz u waħda territorjali u skont l-għan jew l-effett, li tfixkel l-akkwirenti f’pajjiżi fejn il-MIF hija iktar baxxa biex toffri s-servizzi tagħhom f’pajjiżi oħrajn bi prezzijiet li jirriflettu l-MIFs baxxi tagħhom. Fid-dawl tal-objettiv tal-ksib ta’ suq intern fi ħlasijiet, din hija restrizzjoni serja ħafna li ma tidhirx iġġustifikata. Diviżjoni artifiċjali bħal din tas-swieq tal-akkwist hija ta’ ħsara għall-konsumaturi, billi n-negozjanti huma obbligati jħallsu prezzijiet ogħla għal servizzi tal-akkwist. Għalhekk il-Kummissjoni adottat l-opinjoni preliminari fid-Dikjarazzjoni Supplimentari ta’ Oġġezzjonijiet li l-objettiv u l-kontenut ta’ din ir-regola għandhom iżommu d-diviżjoni tas-swieq nazzjonali billi jillimitaw il-kompetizzjoni tad-dħul u tal-prezzijiet minn akkwirenti transfruntieri.

2.   DEĊIŻJONI TA’ IMPENN

(8)

Fl-10 ta’ Mejju 2013 Visa Europe offriet impenji skont l-Artikolu 9 tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 biex ittaffi t-tħassib tal-Kummissjoni dwar il-kompetizzjoni.

(9)

Fl-14 ta’ Ġunju 2013, ġie ppubblikat avviż f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea skont l-Artikolu 27(4) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003, li jagħti taqsira tal-kawża u tal-impenji proposti u li jistieden lill-partijiet terzi interessati jagħmlu l-osservazzjonijiet tagħhom dwar l-impenji fi żmien xahar mill-pubblikazzjoni. Fit-30 ta’ Awwissu 2013, il-Kummissjoni kkomunikat lil Visa Europe l-osservazzjonijiet li waslu mill-partijiet terzi interessati wara l-pubblikazzjoni tal-avviż. Fil-5 ta’ Novembru 2013, Visa Europe ressqet verżjoni riveduta tal-impenji tagħha.

(10)

Permezz tad-Deċiżjoni tagħha tat-26 ta’ Frar 2014, skont l-Artikolu 9 tar-Regolament (KE) Nru 1/2003, il-Kummissjoni rendiet dawn l-impenji riveduti bħala vinkolanti fuq Visa Europe għal erba’ snin. Il-kontenut ewlieni tal-impenji huwa miġbur fil-qosor hawn taħt:

(a)

Visa Europe timpenja ruħha li tillimita l-medja ppeżata ta’ kull sena tal-MIFs tagħha tal-kreditu Intra-ŻEE applikabbli għal tranżazzjonijiet li jsiru bil-kards tagħha ta’ kreditu tal-konsumatur għal livell ta’ 0,3 % xahrejn wara n-notifika tad-deċiżjoni ta’ impenn lil Visa Europe.

(b)

Dan il-limitu se japplika wkoll separatament sentejn wara n-notifika tad-deċiżjoni ta’ impenn f’kull wieħed minn dawk il-pajjiżi taż-ŻEE li għalihom Visa Europe tistabbilixxi direttament ir-rati domestiċi speċifiċi tal-MIF għall-konsumaturi u f’dawk il-pajjiżi taż-ŻEE fejn il-MIFs ta’ kreditu Intra-ŻEE japplikaw fin-nuqqas ta’ MIFs oħrajn.

(c)

Visa Europe qed tipproponi wkoll li tiżgura li, mill-1 ta’ Jannar 2015,

il-limitu ta’ kreditu ta’ 0,3 % tal-MIF japplika wkoll għall-MIFs kollha stabbiliti minn Visa Europe li jirrigwardaw it-tranżazzjonijiet imwettqa ma’ negozjanti li jinsabu fiż-ŻEE b’kards ta’ kreditu tal-konsumatur tal-Visa maħruġa f’pajjiżi mhux fiż-ŻEE li jagħmlu parti mit-territorju ta’ Visa Europe (6) (“MIFs ta’ kreditu intra-Visa Europe li mhumiex fiż-ŻEE”), u

il-limitu ta’ debitu ta’ 0,2 % tal-MIF japplika wkoll għall-MIFs kollha stabbiliti minn Visa Europe li jirrigwardaw it-tranżazzjonijiet imwettqa ma’ negozjanti li jinsabu fiż-ŻEE b’kards ta’ debitu tal-konsumatur tal-Visa maħruġa f’pajjiżi mhux fiż-ŻEE li jagħmlu parti mit-territorju ta’ Visa Europe (“MIFs ta’ debitu intra-Visa Europe li mhumiex fiż-ŻEE”).

(d)

Visa Europe timpenja ruħha li tamenda r-regoli tagħha dwar l-akkwist transfruntier mill-1 ta’ Jannar 2015 biex tippermetti lill-akkwirenti transfruntieri biex jew joffru l-MIF tad-debitu domestiku jew il-MIF tal-kreditu domestiku applikabbli fil-post tan-negozjant jew rata MIF ta’ 0,2 % għal tranżazzjonijiet ta’ debitu tal-konsumatur u 0,3 % għal tranżazzjonijiet ta’ kreditu tal-konsumatur, soġġetti għal ċerti kundizzjonijiet.

(e)

Visa Europe timpenja ruħha li tkompli timplimenta aktar miżuri ta’ trasparenza. Partikolarment, Visa Europe timpenja ruħha li:

iddaħħal regola li titlob lill-akkwirenti joffru lin-negozjanti pprezzar tal-ħlas għas-servizz tan-negozjant fuq bażi “MIF plus plus” għal tariffa amministrattiva (fi kliem ieħor, l-akkwirenti jridu, jekk mitluba, jikkategorizzaw b’mod ċar fil-kuntratti u l-fatturi tagħhom l-MSC fi tliet komponenti, jiġifieri l-MIF, is-sistemi tat-tariffi l-oħra kollha ta’ ħlas applikabbli u t-tariffa tal-akkwirent). Visa Europe se titlob lill-akkwirenti jimplimentaw din ir-regola fi żmien 12-il xahar wara n-notifika tad-deċiżjoni ta’ impenn lil Visa Europe fir-rigward tal-ftehim il-ġdid kollu u fi żmien 18-il xahar għall-kuntratti eżistenti;

tintroduċi struttura simplifikata tal-MIF għall-MIFs stabbiliti minn Visa Europe li tipprevedi tnaqqis ta’ mill-inqas 25 % fl-għadd ta’ kategoriji tat-tariffi biex tgħin it-trasparenza u t-tqabbil bejn ir-rati.

(11)

Visa Europe jkollha taħtar Fiduċjarju ta’ Monitoraġġ biex jissorvelja l-konformità ta’ Visa Europe mal-impenji tagħha. Qabel il-ħatra, il-Kummissjoni jkollha s-setgħa li tapprova jew li tirrifjuta l-Fiduċjarju propost.

(12)

L-impenji se jkunu validi għal perjodu ta’ erba’ snin mid-data tan-notifika tad-deċiżjoni ta’ impenn lil Visa Europe.

(13)

Il-limitu pprovdut fl-impenji, għall-medja ppeżata tal-MIFs ġie vvalutat skont il-MIT (Merchant Indifference Test). Id-deċiżjoni ssib li l-impenji huma xierqa u meħtieġa biex jindirizzaw it-tħassib identifikat mid-Dikjarazzjoni tal-Oġġezzjonijiet u mid-Dikjarazzjoni Supplimentari tal-Oġġezzjonijiet mingħajr ma jkunu sproporzjonati.

(14)

Il-Kumitat Konsultattiv fil-Qasam tal-Prattiki Restrittivi u Pożizzjonijiet Dominanti ħareġ opinjoni favorevoli dwar l-adozzjoni tad-deċiżjoni fis-17 ta’ Frar 2014. Fid-19 ta’ Frar 2014 l-Uffiċjal tas-Seduta ħareġ ir-rapport finali tiegħu.

(15)

Id-deċiżjoni temmet il-proċedimenti f’dak li jirrigwarda t-tariffi tal-Kreditu Intra-ŻEE tal-iskambji miftiehma b’mod multilaterali tal-Visa Europe, MIFs tal-Kreditu Domestiċi stabbiliti minn Visa Europe, MIFs ta’ Kreditu Intra-Visa Europe Mhux fiż-ŻEE u MIFs ta’ Debitu, MIFs Internazzjonali u r-regola ta’ Visa Europe fuq il-MIF applikabbli fil-każ ta’ akkwist transfruntier.

(16)

Madankollu, id-deċiżjoni, ma’ tkoprix il-MIFs stabbiliti minn Visa Inc. u l-Assoċjazzjoni tas-Servizz Internazzjonali tal-Visa li l-Kummissjoni se tkompli tinvestiga.


(1)  ĠU L 1, 4.1.2003, p. 1.

(2)  Attwalment dan iseħħ fil-Belġju, l-Ungerija, l-Islanda, l-Irlanda, l-Italja, il-Lussemburgu, Malta, il-Pajjiżi l-Baxxi, il-Latvja u l-Isvezja.

(3)  Dawn huma tranżazzjonijiet imwettqa minn negozjanti li jinsabu fiż-ŻEE b’kards tal-konsumatur tal-Visa maħruġa f’pajjiżi mhux taż-ŻEE fit-territorju tal-Visa Europe. It-territorju Visa Europe jinkludi ż-ŻEE, Andorra, il-Gżejjer Faeroe, il-Groenlandja, l-Iżrael, Monako, San Marino, il-Gżejjer Svalbard u Jan Mayen, l-Isvizzera, it-Turkija u l-Belt tal-Vatikan.

(4)  L-HACR hija regola ta’ sistema tal-Visa li tobbliga negozjanti li aċċettaw b’kuntratt il-ħlasijiet b’marka ta’ kard partikolari (pereżempju, VISA, VISA Electron jew V PAY) biex jaċċettaw il-kards kollha ppreżentati kif xieraq ta’ marka bħal din mingħajr diskriminazzjoni u mingħajr ma jingħata kas tal-identità tal-bank emittenti jew tat-tip tal-kard f’dik il-marka. L-NDR hija regola ta’ sistema tal-Visa li tipprevjeni nogozjanti milli jżidu soprataxxi għal tranżazzjonijiet b’kards tal-ħlas VISA, VISA Electron jew VPAY, sakemm il-liġi lokali tirrikjedi espressament li negozjant jitħalla jimponi soprataxxa. Il-fużjoni hija prattika li biha akkwirenti jitolbu imposta lin-negozjanti l-istess MSC għall-aċċettazzjoni ta’ kards tal-ħlas differenti tal-istess skema ta’ ħlas (pereżempju, VISA debitu u kreditu) jew għall-aċċettazzjoni ta’ kards tal-ħlas li jappartjenu għal skemi ta’ kards tal-ħlas differenti (pereżempju, kards tal-Kreditu VISA u MasterCard). Fil-Valutazzjoni Preliminari tagħha li dawk ir-regoli u l-prattiki jnaqqsu l-kapaċità tan-negozjanti biex jillimitaw l-eżerċizzju kollettiv tas-saħħa fis-suq tal-membri tal-Visa Europe permezz tal-MIF, u b’hekk jissaħħu l-effetti ta’ kontra l-kompetizzjoni tal-MIF.

(5)  L-akkwist transfruntier huwa l-attività mwettqa minn akkwirenti li jimmiraw għal tfittix ta’ klijenti għal aċċettazzjoni u li jgħixu f’pajjiż taż-ŻEE differenti minn dak fejn l-akkwirent huwa stabbilit.

(6)  It-territorju Visa Europe jinkludi ż-ŻEE, Andorra, il-Gżejjer Faeroe, il-Groenlandja, l-Iżrael, Monako, San Marino, il-Gżejjer Svalbard u Jan Mayen, l-Isvizzera, it-Turkija u l-Belt tal-Vatikan.


Top