EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52014TA1216(02)

Rapport dwar il-kontijiet annwali tal-Impriża Konġunta ARTEMIS għas-sena finanzjarja 2013, flimkien mar-risposti tal-Impriża Konġunta

ĠU C 452, 16.12.2014, p. 8–16 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

16.12.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 452/8


RAPPORT

dwar il-kontijiet annwali tal-Impriża Konġunta ARTEMIS għas-sena finanzjarja 2013, flimkien mar-risposti tal-Impriża Konġunta

(2014/C 452/02)

WERREJ

 

Paragrafu

Paġna

Introduzzjoni

1 – 5

9

Informazzjoni li tappoġġa d-dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni

6

9

Dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni

7 – 18

9

Opinjoni dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet

12

10

Bażi għal opinjoni kwalifikata dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta' bażi

13 – 16

11

Opinjoni kwalifikata dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati l-kontijiet

17

11

Kummenti dwar il-ġestjoni baġitarja u finanzjarja

19 – 22

11

Implimentazzjoni tal-baġit

19 – 21

11

Sejħiet għal proposti

22

12

Kwistjonijiet oħra

23 – 33

12

Qafas legali

23

12

Uffiċċju tal-awditjar intern u s-Servizz tal-Awditjar Intern tal-Kummissjoni

24 – 27

12

Monitoraġġ u rapportar ta’ riżultati ta' riċerka

28

12

Kunflitti ta' interess

29 – 30

13

It-Tieni Evalwazzjoni Interim mill-Kummissjoni

31 – 32

13

Segwitu tal-osservazzjonijiet preċedenti

33

13

INTRODUZZJONI

1.

L-Impriża Konġunta ARTEMIS, li tinsab fi Brussell, ġiet stabbilita f’Diċembru 2007 (1) għal perjodu ta’ 10 snin u ilha taħdem b'mod awtonomu mill-2009 'l hawn.

2.

L-objettiv prinċipali tal-Impriża Konġunta huwa li tiddefinixxi u timplimenta “aġenda għar-riċerka” għall-iżvilupp ta’ teknoloġiji ewlenin għas-sistemi inkorporati tal-kompjuter fiż-żoni kollha differenti ta’ applikazzjoni, sabiex tissaħħaħ il-kompetittività Ewropea u s-sostenibbiltà u tippermetti l-ħolqien ta’ swieq ġodda u applikazzjonijiet fis-soċjetà (2).

3.

Il-membri fundaturi tal-Impriża Konġunta ARTEMIS kienu l-Unjoni Ewropea, irrappreżentata mill-Kummissjoni, ċerti Stati Membri tal-UE (il-Belġju, id-Danimarka, il-Ġermanja, l-Estonja, l-Irlanda, il-Greċja, Spanja, Franza, l-Italja, l-Ungerija, il-Pajjiżi l-Baxxi, l-Awstrija, il-Portugall, ir-Rumanija, is-Slovenja, il-Finlandja, l-Isvezja u r-Renju Unit), u l-ARTEMIS-IA, assoċjazzjoni li tirrappreżenta kumpaniji u organizzazzjonijiet oħra tar-riċerka li huma attivi fil-qasam tas-sistemi inkorporati tal-kompjuter fl-Ewropa. Fl-2009, ir-Repubblika Ċeka, Ċipru, il-Latvja u n-Norveġja saru wkoll membri tal-Impriża Konġunta, u l-Polonja għamlet l-istess fl-2012.

4.

Il-kontribuzzjoni massima tal-UE lill-Impriża Konġunta, biex tkopri l-ispejjeż operattivi u l-attivitajiet ta’ riċerka hija ta’ EUR 420 miljun li għandha titħallas mill-baġit tas-Seba’ Programm Kwadru (3). Barra minn hekk, l-ARTEMIS-IA għandha tagħmel kontribuzzjoni massima ta' EUR 30 miljun għall-ispejjeż operattivi, filwaqt li l-Istati Membri fl-ARTEMIS għandhom jagħmlu kontributi in natura għall-ispejjeż operattivi (billi jiffaċilitaw l-implimentazzjoni ta' proġetti) u jipprovdu kontribuzzjonijiet finanzjarji ta' mill-anqas 1,8 darbiet daqs il-kontribuzzjoni tal-UE. Kontributi in natura għandhom jiġu pprovduti wkoll mill-organizzazzjonijiet ta’ riċerka li jipparteċipaw fil-proġetti.

5.

L-Impriżi Konġunti ARTEMIS u ENIAC (4) ingħaqdu biex tinħoloq l-Inizjattiva Teknoloġika Konġunta tal-Komponenti u s-Sistemi Elettroniċi għat-Tmexxija Ewropea (JTI ECSEL) (5). Minbarra l-kombinament tal-inizjattiva ARTEMIS dwar sistemi inkorporati u l-inizjattiva ENIAC dwar in-nanoelettronika, il-JTI ECSEL se tinkorpora riċerka u innovazzjoni dwar sistemi intelliġenti. Il-JTI ECSEL inbdiet f'Ġunju 2014 u se tibqa' topera għal 10 snin. Madankollu, dan ir-rapport ġie prodott fuq il-prinċipju ta' negozju avvjat.

INFORMAZZJONI LI TAPPOĠĠA D-DIKJARAZZJONI TA' ASSIGURAZZJONI

6.

L-approċċ tal-awditjar meħud mill-Qorti jinkludi proċeduri analitiċi tal-awditjar, ittestjar tat-tranżazzjonijiet fil-livell tal-Impriża Konġunta u valutazzjoni tal-kontrolli ewlenin tas-sistemi ta’ superviżjoni u kontroll. Dan huwa ssupplimentat b’evidenza pprovduta mix-xogħol ta’ awdituri oħrajn (fejn rilevanti) u analiżi tar-rappreżentazzjonijiet tal-maniġment.

DIKJARAZZJONI TA' ASSIGURAZZJONI

7.

Skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), il-Qorti awditjat:

(a)

il-kontijiet annwali tal-Impriża Konġunta ARTEMIS, li jinkludu r-rapporti finanzjarji (6) u r-rapporti dwar l-implimentazzjoni tal-baġit (7) għas-sena finanzjarja li ntemmet fil-31 ta' Diċembru 2013, u

(b)

il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati dawk il-kontijiet.

Ir-responsabbiltà tal-maniġment

8.

Skont l-Artikoli 33 u 43 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2343/2002 (8), il-maniġment huwa responsabbli mit-tħejjija u l-preżentazzjoni ġusta tal-kontijiet annwali tal-Impriża Konġunta u mil-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta’ bażi.

(a)

Ir-responsabbiltajiet tal-maniġment fir-rigward tal-kontijiet annwali tal-Impriża Konġunta jinkludu t-tfassil, l-implimentazzjoni u ż-żamma ta’ sistema ta’ kontroll intern rilevanti għat-tħejjija u l-preżentazzjoni ġusta ta’ rapporti finanzjarji li jkunu ħielsa minn kwalunkwe dikjarazzjoni skorretta materjali, sew jekk minħabba frodi u sew jekk minħabba xi żball, l-għażla u l-applikazzjoni ta’ politiki kontabilistiċi xierqa fuq il-bażi tar-regoli kontabilistiċi adottati mill-uffiċjal tal-kontabbiltà tal-Kummissjoni (9), u t-tħejjija ta’ stimi kontabilistiċi li jkunu raġonevoli fiċ-ċirkustanzi. Id-Direttur japprova l-kontijiet annwali tal-Impriża Konġunta wara li l-uffiċjal tal-kontabbiltà tagħha jkun ħejjiehom fuq il-bażi tal-informazzjoni kollha disponibbli u jkun stabbilixxa nota biex takkumpanja l-kontijiet li fiha huwa jiddikjara, fost l-oħrajn, li għandu aċċertament raġonevoli li dawn jippreżentaw stampa vera u ġusta tal-pożizzjoni finanzjarja tal-Impriża Konġunta fl-aspetti materjali kollha.

(b)

Ir-responsabbiltajiet tal-maniġment fir-rigward tal-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta’ bażi u l-konformità mal-prinċipju ta’ ġestjoni finanzjarja tajba jikkonsistu fit-tfassil, l-implimentazzjoni u ż-żamma ta’ sistema ta’ kontroll intern effettiva u effiċjenti li tinkludi superviżjoni adegwata u miżuri xierqa għall-prevenzjoni ta’ irregolaritajiet u frodi u, jekk meħtieġ, proċedimenti legali għall-irkupru ta’ fondi mħallsa jew użati ħażin.

Ir-responsabbiltà tal-awditur

9.

Ir-responsabbiltà tal-Qorti hija li, fuq il-bażi tal-awditu tagħha, tipprovdi lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (10) b’dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet annwali u dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta’ bażi. Il-Qorti tmexxi l-awditu tagħha skont l-Istandards Internazzjonali tal-Awditjar u l-Kodiċijiet tal-Etika tal-IFAC u l-Istandards Internazzjonali tal-Istituzzjonijiet Supremi tal-Awditjar tal-INTOSAI. Dawn l-istandards jeżiġu li l-Qorti tippjana u twettaq l-awditu biex tikseb aċċertament raġonevoli dwar jekk il-kontijiet annwali tal-Impriża Konġunta jkunux ħielsa minn kwalunkwe dikjarazzjoni skorretta materjali u dwar jekk it-tranżazzjonijiet ta' bażi jkunux legali u regolari.

10.

L-awditu jinvolvi t-twettiq ta' proċeduri biex tinkiseb evidenza għall-awditjar dwar l-ammonti u d-divulgazzjonijiet fil-kontijiet u dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta’ bażi. Il-proċeduri magħżula, jiddependu fuq il-ġudizzju tal-awditur, li huwa bbażat fuq valutazzjoni tar-riskji ta’ dikjarazzjoni skorretta materjali tal-kontijiet u ta’ nuqqas ta’ konformità materjali mit-tranżazzjonijiet ta’ bażi mar-rekwiżiti fil-qafas legali tal-Unjoni Ewropea, sew jekk minħabba frodi u sew jekk minħabba xi żball. Meta jivvaluta dawn ir-riskji, l-awditur iqis kwalunkwe kontroll intern rilevanti għat-tħejjija u l-preżentazzjoni ġusta tal-kontijiet, kif ukoll is-sistemi ta’ superviżjoni u kontroll li jkunu implimentati biex jiġu żgurati l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta’ bażi, u jfassal proċeduri tal-awditjar li jkunu xierqa skont iċ-ċirkustanzi. L-awditu jinvolvi wkoll l-evalwazzjoni tal-adegwatezza tal-politiki kontabilistiċi, ir-raġonevolezza tal-istimi kontabilistiċi u l-preżentazzjoni kumplessiva tal-kontijiet.

11.

Il-Qorti tqis li l-evidenza għall-awditjar miksuba hija suffiċjenti u xierqa biex tipprovdi bażi għad-dikjarazzjoni ta’ assigurazzjoni tagħha.

Opinjoni dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet

12.

Fl-opinjoni tal-Qorti, il-kontijiet annwali tal-Impriża Konġunta jippreżentaw b’mod ġust, fl-aspetti materjali kollha, il-pożizzjoni finanzjarja tagħha fil-31 ta’ Diċembru 2013 u r-riżultati tal-operazzjonijiet tagħha u l-flussi tal-flus tagħha għas-sena li ntemmet dakinhar, skont id-dispożizzjonijiet tar-regoli finanzjarji tagħha u r-regoli kontabilistiċi adottati mill-uffiċjal tal-kontabbiltà tal-Kummissjoni.

Bażi għal opinjoni kwalifikata dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta' bażi

13.

L-istrateġija tal-awditjar ex-post tal-Impriża Konġunta (11), adottata b'deċiżjoni tal-Bord tat-Tmexxija fil-25 ta’ Novembru 2010 u modifikata fl-20 ta' Frar 2013, hija għodda ewlenija (12) għall-valutazzjoni tal-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta' bażi. Il-pagamenti li saru fl-2013 li huma relatati ma’ ċertifikati ta’ aċċettazzjoni tal-ispejjeż maħruġa mill-awtoritajiet ta’ finanzjament nazzjonali tal-Istati Membri (NFAs) ammontaw għal EUR 11,7 miljun, jew 57 % tal-pagamenti operazzjonali totali.

14.

Għalkemm l-awditu tal-klejms għall-ispejjeż tal-proġetti ġie delegat lill-NFAs, il-ftehimiet amministrattivi ffirmati mal-NFAs ma jinkludux arranġamenti prattiċi għal awditi ex-post.

15.

L-Impriża Konġunta rċeviet rapporti tal-awditjar mill-NFAs li jkopru bejn wieħed u ieħor 46 % tal-ispejjeż relatati ma’ proġetti kkompletati. Madankollu, l-Impriża Konġunta ma vvalutatx il-kwalità ta’ dawn l-awditi. Barra minn hekk, sa tmiem Marzu 2014, l-Impriża Konġunta ma kinitx irċeviet informazzjoni dwar l-istrateġiji tal-awditjar ta' 7 mit-23 NFAs. Għaldaqstant, hija ma kinitx f'pożizzjoni li tivvaluta jekk awditi ex-post jipprovdux biżżejjed assigurazzjoni fir-rigward tal-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta' bażi (13).

16.

L-informazzjoni disponibbli dwar l-implimentazzjoni tal-istrateġija tal-awditjar ex-post tal-Impriża Konġunta mhijiex suffiċjenti biex il-Qorti tasal għal konklużjoni dwar jekk dan il-kontroll ewlieni huwiex qed jiffunzjona b’mod effettiv.

Opinjoni kwalifikata dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati l-kontijiet

17.

Fl-opinjoni tal-Qorti, b’eċċezzjoni tal-effetti possibbli tal-kwistjoni deskritta fil-bażi għal opinjoni kwalifikata fil-paragrafi 13 sa 16, it-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati l-kontijiet annwali għas-sena li ntemmet fil-31 ta’ Diċembru 2013 huma legali u regolari fl-aspetti materjali kollha.

18.

Il-kummenti li ġejjin ma jixħtux dubju fuq l-opinjonijiet tal-Qorti.

KUMMENTI DWAR IL-ĠESTJONI BAĠITARJA U FINANZJARJA

Implimentazzjoni tal-baġit

19.

Il-baġit inizjali għall-2013 kien jinkludi approprjazzjonijiet ta’ impenn operazzjonali li ammontaw għal EUR 68,9 miljun. Fi tmiem is-sena l-Bord tat-Tmexxija adotta baġit emendatorju fejn naqqas l-approprjazzjonijiet ta' impenn għal EUR 32,6 miljun. Filwaqt li r-rata ta' utilizzazzjoni għall-approprjazzjonijiet ta' impenn operazzjonali kienet ta' 99,4 % (wara t-tnaqqis), ir-rata għall-approprjazzjonijiet ta' pagament kienet biss ta' 69 %.

20.

L-istimi tal-implimentazzjoni tal-baġit għal tmiem l-2013, li saru mill-maniġer tal-programm, u l-pagamenti reali taħt is-sejħiet differenti kienu kif ġej (f'perċentwal):

 

Sejħiet annwali għal proposti

2008

2009

2010

2011

2012

2013

Stimi tal-Impriża Konġunta għall-implimentazzjoni tal-baġit fi tmiem l-2013

100 %

100 %

82,5 %

49,6 %

14,6 %

xejn

Pagamenti reali li saru fi tmiem l-2013

79 %

63 %

49 %

34 %

10 %

xejn

21.

Ir-rata baxxa ta' implimentazzjoni tal-baġit hija prinċipalment dovuta għall-proċess fit-tul u kumpless għall-għeluq finanzjarju tal-proġetti.

Sejħiet għal proposti

22.

Ir-Regolament tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Impriża Konġunta ppreveda baġit totali massimu ta’ EUR 410 miljun biex ikopri n-nefqa operazzjonali. L-ammont attwali ta' approprjazzjonijiet impenjati għas-sejħiet għal proposti jammonta għal EUR 201 miljun, jew 49 % tal-baġit totali.

KWISTJONIJIET OĦRA

Qafas legali

23.

Ir-Regolament Finanzjarju l-ġdid applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni (14) ġie adottat fil-25 ta’ Ottubru 2012 u ħa effett fl-1 ta’ Jannar 2013 (15). Madankollu r-regolament finanzjarju mudell għal korpi ta' sħubija pubblika-privata msemmi fl-Artikolu 209 tar-Regolament Finanzjarju l-ġdid ma daħalx fis-seħħ sat-8 ta' Frar 2014 (16). Minħabba l-fużjoni fl-Impriża Konġunta ECSEL, ir-regoli finanzjarji tal-Impriża Konġunta ma ġewx emendati biex jirriflettu dawn il-bidliet.

Uffiċċju tal-awditjar intern u s-Servizz tal-Awditjar Intern tal-Kummissjoni

24.

L-Artikolu 6.2 tar-Regolament tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Impriża Konġunta ARTEMIS jistipula li l-Impriża Konġunta għandu jkollha kapaċità tal-awditjar intern. Madankollu, sa tmiem l-2013, din kienet għadha ma ġietx stabbilita.

25.

Il-karta tal-missjoni tas-Servizz tal-Awditjar Intern tal-Kummissjoni (IAS) ġiet adottata mill-Bord tat-Tmexxija fil-25 ta’ Novembru 2010. Madankollu, ir-regoli finanzjarji tal-Impriża Konġunta għadhom ma ġewx emendati biex jinkludu d-dispożizzjoni tar-Regolament Qafas li jirreferi għas-setgħat tal-Awditur Intern tal-Kummissjoni.

26.

Fl-2013, l-IAS awditja l-adegwatezza u l-effettività tas-sistema ta' kontroll intern tal-ARTEMIS fir-rigward tal-ġestjoni ta' esperti. L-awditu kkonkluda li s-sistema attwali ta' kontroll intern tipprovdi aċċertament raġonevoli fir-rigward tal-ksib tal-objettivi kummerċjali stabbiliti mill-ARTEMIS għall-ġestjoni ta' esperti. Huwa għamel ukoll bosta rakkomandazzjonijiet importanti fir-rigward tal-adozzjoni ta' politika komprensiva ta' kunfidenzjalità, tas-sensittività tal-post tal-uffiċjal tal-programm u tar-regoli għall-allokazzjoni tal-piż tax-xogħol għall-evalwaturi mbiegħda.

27.

L-Impriżi Konġunti ARTEMIS, Clean Sky, ENIAC, FCH u IMI kienu is-suġġett ta' valutazzjoni tar-riskju tal-IT mwettqa mill-IAS fir-rigward tal-infrastrutturi tal-IT kondiviżi tagħhom (17).

Monitoraġġ u rapportar ta’ riżultati ta' riċerka

28.

Id-Deċiżjoni dwar is-Seba’ Programm Kwadru (FP7) (18) tistabbilixxi sistema ta’ monitoraġġ u rappurtar relatata mal-protezzjoni, it-tixrid u t-trasferiment tar-riżultati ta' riċerka. L-Impriża Konġunta żviluppat miżuri għall-monitoraġġ tal-protezzjoni u t-tixrid tar-riżultati ta' riċerka fi stadji differenti tal-proġetti, iżda dan il-monitoraġġ jeħtieġ li jiġi żviluppat aktar biex jissodisfa bis-sħiħ id-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni (19).

Kunflitti ta' interess

29.

L-Impriża Konġunta ma għandhiex proċedura komprensiva bil-miktub biex tittratta l-kunflitti ta' interess.

30.

Hemm il-ħtieġa għal definizzjoni ċara ta' x'għandu jitqies bħala kunflitt ta' interess, database aġġornat b'mod regolari biex jinkludi l-informazzjoni kollha relatata ma' kunflitti ta' interess, proċedura għall-ġestjoni tagħhom u mekkaniżmu għat-trattament ta' ksur tal-politika.

It-Tieni Evalwazzjoni Interim mill-Kummissjoni  (20)

31.

It-Tieni Evalwazzjoni Interim tal-Kummissjoni, imwettqa minn Settembru 2012 sa Frar 2013, ivvalutat l-Impriżi Konġunti ARTEMIS u ENIAC f'termini ta' rilevanza, effettività, effiċjenza u kwalità tar-riċerka.

32.

Ir-rapport inħareġ f'Mejju 2013 u kien fih bosta rakkomandazzjonijiet lill-Impriża Konġunta ARTEMIS, b'mod partikolari fir-rigward tal-effiċjenza ta' analiżijiet tal-proġetti, miżuri li għandhom jittieħdu biex ikun hemm tqabbil aħjar tal-portafoll tal-proġetti mal-miri strateġiċi Ewropej, u l-metriċi xierqa għall-kejl tal-impatt u s-suċċess tal-proġetti tal-ARTEMIS.

Segwitu tal-osservazzjonijiet preċedenti

33.

Il-Pjan ta' Rkupru minn Diżastru għall-Impriżi Konġunti għall-infrastruttura komuni tal-IT għadu ma ġiex approvat. Sadanittant, l-Impriża Konġunta ARTEMIS adottat miżuri fil-livell proprju tagħha sabiex tittratta sitwazzjonijiet ta' emerġenza.

Dan ir-Rapport ġie adottat mill-Awla IV, immexxija mis-Sur Milan Martin CVIKL, Membru tal-Qorti tal-Awdituri, fil-Lussemburgu fil-laqgħa tagħha tal-21 ta' Ottubru 2014.

Għall-Qorti tal-Awdituri

Vítor Manuel da SILVA CALDEIRA

President


(1)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 74/2008 tal-20 ta' Diċembru 2007 dwar it-twaqqif tal-“Impriża Konġunta ARTEMIS” għall-implimentazzjoni ta’ Inizjattiva Teknoloġika Konġunta f’Sistemi Inkorporati tal-Kompjuter (ĠU L 30, 4.2.2008, p. 52).

(2)  L-Anness jagħti sommarju tal-kompetenzi u l-attivitajiet tal-Impriża Konġunta. Huwa ppreżentat għal skopijiet ta’ informazzjoni.

(3)  Is-Seba’ Programm Kwadru, adottat bid-Deċiżjoni Nru 1982/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 412, 30.12.2006, p. 1), jiġbor flimkien l-inizjattivi kollha tal-UE relatati mar-riċerka, taħt saqaf wieħed, u jaqdi rwol kruċjali fl-ilħuq tal-għanijiet ta’ tkabbir, kompetittività u impjiegi. Huwa wkoll pilastru ewlieni għaż-Żona Ewropea tar-Riċerka.

(4)  L-Impriża Konġunta ENIAC ġiet stabbilita bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 72/2008 (ĠU L 30, 4.2.2008, p. 21) biex tiddefinixxi u timplimenta “aġenda għar-riċerka” għall-iżvilupp ta' kompetenzi ewlenin għan-nanoelettronika.

(5)  L-Impriża Konġunta ECSEL ġiet stabbilita bir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 561/2014 (ĠU L 169, 7.6.2014, p. 152).

(6)  Dawn jinkludu l-karta tal-bilanċ u l-kont tar-riżultat ekonomiku, it-tabella tal-flussi tal-flus, ir-rapport tat-tibdil fl-assi netti, sommarju tal-politiki kontabilistiċi sinifikanti u noti oħra ta’ spjegazzjoni.

(7)  Dawn jinkludu r-rapporti dwar l-implimentazzjoni tal-baġit, sommarju tal-prinċipji baġitarji u noti oħra ta’ spjegazzjoni.

(8)  ĠU L 357, 31.12.2002, p. 72.

(9)  Ir-regoli kontabilistiċi adottati mill-uffiċjal tal-kontabbiltà tal-Kummissjoni huma dderivati mill-Istandards Internazzjonali tal-Kontabbiltà għas-Settur Pubbliku (IPSAS) maħruġa mill-Federazzjoni Internazzjonali tal-Kontabilisti jew, fejn rilevanti, l-Istandards Internazzjonali tal-Kontabbiltà (IAS)/l-Istandards Internazzjonali tar-Rappurtar Finanzjarju (IFRS) maħruġa mill-Bord dwar l-Istandards Internazzjonali tal-Kontabbiltà.

(10)  L-Artikolu 185(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1).

(11)  Il-ftehim ta’ finanzjament ġenerali bejn il-Kummissjoni Ewropea u l-Impriża Konġunta jiddikjara li “l-Impriża Konġunta, fil-bord kompetenti tagħha, tadotta l-istrateġija tal-awditjar ex-post tagħha bil-għan li tipprovdi aċċertament raġonevoli dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta’ bażi” u li “l-istrateġija tal-awditjar ex-post għandha tkun ibbażata fuq eżaminar tal-proċeduri u ta’ kampjun tat-tranżazzjonijiet għall-benefiċjarji kollha jew għal kampjun tagħhom u għandha, b’mod partikolari, tirrifletti adegwatament ir-riskji involuti”.

(12)  L-Artikolu 12 tar-Regolament (KE) Nru 74/2008 jiddikjara li “L-Impriża Konġunta ARTEMIS għandha tiżgura li l-interessi finanzjarji tal-membri tagħha jkunu adegwatament protetti billi twettaq jew tqabbad lil min iwettaq kontrolli interni u esterni adatti” u “L-Impriża Konġunta ARTEMIS għandha twettaq kontrolli fuq il-post u verifiki (awditi) finanzjarji fost id-destinatarji tal-finanzjament pubbliku tal-Impriża Konġunta ARTEMIS. Il-kontrolli u l-verifiki (awditi) għandhom isiru direttament mill-Impriża Konġunta ARTEMIS jew mill-Istati Membri fl-ARTEMIS f’isimha. L-Istati Membri fl-ARTEMIS jistgħu jwettqu kontrolli u verifiki (awditi) oħra fost id-destinatarji tal-finanzjament nazzjonali tagħhom li huma jqisu meħtieġa u għandhom jikkomunikaw ir-riżultati lill-Impriża Konġunta ARTEMIS.”

(13)  Skont l-istrateġija tal-awditjar ex-post adottata mill-Bord tat-Tmexxija tal-ARTEMIS, l-Impriża Konġunta għandha tivvaluta mill-inqas darba fis-sena jekk l-informazzjoni li tirċievi mill-Istati Membri fl-ARTEMIS tipprovdix aċċertament suffiċjenti fir-rigward tar-regolarità u l-legalità tat-tranżazzjonijiet esegwiti.

(14)  Ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1).

(15)  L-Artikolu 214 tar-Regolament Nru 966/2012 bl-eżenzjonijiet imsemmija.

(16)  Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 110/2014 tat-30 ta’ Settembru 2013 dwar il-Mudell tar-Regolament Finanzjarju għal korpi ta’ sħubija pubblika-privata imsemmija fl-Artikolu 209 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 38, 7.2.2014, p. 2).

(17)  Ir-rapport finali datat it-22 ta’ Novembru 2013 innota l-ħtieġa li l-politika ta’ sigurtà tal-IT tiġi formalizzata u li jiġu inklużi proċeduri/kontrolli dettaljati f'kuntratti futuri mal-provdituri ta' servizzi tal-IT.

(18)  L-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1982/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2006 dwar is-Seba' Programm Kwadru tal-Komunità Ewropea għall-attivitajiet ta' riċerka, ta' żvilupp teknoloġiku u ta' dimostrazzjoni (2007-2013) jiddikjara li l-Kummissjoni għandha kontinwament u sistematikament timmonitorja l-implimentazzjoni tas-Seba' Programm Kwadru u l-programmi speċifiċi tiegħu u regolarment tirrapporta u xxerred ir-riżultati ta' dan il-monitoraġġ.

(19)  Ara l-osservazzjoni li tirreferi għall-integrazzjoni tar-riżultati miksuba fi proġetti ta' riċerka, fis-sistema ta' komunikazzjoni u tixrid tal-Kummissjoni, inkluża fir-Rapport ta' Progress Annwali 2012 mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-attivitajiet tal-Impriżi Konġunti għall-Inizjattivi Teknoloġiċi Konġunti, (SWD (2013) 539 final).

(20)  It-Tieni Evalwazzjoni Interim tal-Inizjattivi Teknoloġiċi Konġunti ARTEMIS u ENIAC ta' Mejju 2013.


ANNESS

L-Impriża Konġunta ARTEMIS (Brussell)

Kompetenzi u attivitajiet

Oqsma ta’ kompetenza tal-Unjoni li jidderivaw mit-Trattat

(L-Artikoli 187 u 188 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea)

Id-Deċiżjoni Nru 1982/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2006 dwar is-Seba' Programm Kwadru tipprevedi kontribut tal-Komunità għall-istabbiliment ta' sħubiji pubbliċi-privati fit-tul f'forma ta' Inizjattivi Teknoloġiċi Konġunti li jistgħu jkunu implimentati permezz ta' Impriżi Komuni (Konġunti) skont it-tifsira tal-Artikolu 187 tat-Trattat.

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 74/2008 tal-20 ta' Diċembru 2007 dwar it-twaqqif tal-“Impriża Konġunta ARTEMIS” għall-implimentazzjoni ta’ Inizjattiva Teknoloġika Konġunta.

Kompetenzi tal-Impriża Konġunta

(Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 74/2008)

Objettivi

L-Impriza Konġunta għandha tikkontribwixxi lejn l-implimentazzjoni tas-Seba’ Programm Kwadru billi tiddefinxxi u timplimenta partijiet sinifikanti tal-Aġenda Strateġika għar-Riċerka ARTEMIS għall-iżvilupp ta’ teknoloġiji ewlenin fil-qasam ta’ sistemi inkorporati tal-kompjuter, billi toħloq sħubija pubblika-privata u billi tqawwi u żżid l-investiment privat u pubbliku fis-settur tas-sistemi integrati fl-Ewropa.

L-Impriża Konġunta timmira biex tikseb koordinazzjoni effettiva u sinerġija tar-riżorsi u l-finanzjament mill-industrija, mill-Programm Kwadru, mill-programmi nazzjonali ta’ R&Ż u minn skemi intergovernattivi ta’ R&Ż, sabiex b’hekk tikkontribwixxi għat-tisħiħ tat-tkabbir, il-kompetittività u l-żvilupp sostenibbli futuri fl-Ewropa.

L-ARTEMIS tfittex li trawwem kollaborazzjoni bejn il-partijiet interessati kollha bħall-industrija, inklużi l-impriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs), l-awtoritajiet nazzjonali jew reġjonali, iċ-ċentri akkademiċi u ta’ riċerka, billi jiġbru flimkien u jiffokaw l-isforz fuq ir-riċerka.

L-Impriża Konġunta tadotta aġenda għar-riċerka miftiehma komunement li ssegwi mill-qrib ir-rakkomandazzjonijiet tal-Aġenda Strateġika għar-Riċerka żviluppata mill-Pjattaforma tat-Teknoloġija ARTEMIS. Din l-Aġenda għar-Riċerka tidentifika u tanalizza b’mod regolari prijoritajiet tar-riċerka għall-iżvilupp u l-adozzjoni ta’ teknoloġiji ewlenin għas-sistemi inkorporati tal-kompjuter fl-oqsma kollha differenti ta’ applikazzjoni sabiex issaħħaħ il-kompetittività Ewropea u tippermetti l-qawmien ta’ swieq ġodda u ta' applikazzjonijiet importanti għas-soċjetà.

L-Impriża Konġunta se tappoġġa attivitajiet ta’ R&Ż permezz ta’ sejħiet kompetittivi u miftuħa għal proposti ppubblikati fuq bażi annwali, sabiex tattira l-aqwa ideat ta’ riċerka Ewropej u kapaċitajiet fil-qasam ta’ sistemi inkorporati tal-kompjuter. Proposti ppreżentati għal sejħiet tal-Impriża Konġunta ARTEMIS jgħaddu minn evalwazzjoni teknika u proċess tal-għażla mwettaq bl-assistenza ta’ esperti indipendenti. Dan il-proċess jiżgura li l-allokazzjoni tal-finanzjament pubbliku tal-Impriża Konġunta issegwi l-prinċipji ta’ trattament ugwali, eċċellenza u kompetizzjoni.

Governanza

Il-korp governattiv tal-Impriża Konġunta huwa l-Bord tat-Tmexxija. It-tim eżekuttiv huwa mmexxi minn Direttur Eżekuttiv, filwaqt li l-industrija (li tinkludi impriżi kbar u żgħar, kif ukoll istituzzjonijiet akkademiċi u ta’ riċerka) hija rrappreżentata mill-Assoċjazzjoni tal-Industrija tal-ARTEMIS (ARTEMIS-IA). L-ARTEMIS-IA tipprovdi l-president tal-Bord tat-Tmexxija u l-membri tal-Kumitat tal-Industrija u r-Riċerka (IRC), li huwa responsabbli mill-programm ta’ xogħol tekniku. Is-settur pubbliku (Stati Membri parteċipanti u l-Kummissjoni Ewropea) huma individwalment irrappreżentati fuq il-Bord tat-Tmexxija u l-Bord tal-Awtoritajiet Pubbliċi (PAB), li huwa responsabbli minn kwistjonijiet finanzjarji.

Riżorsi disponibbli għall-Impriża Konġunta fl-2013

Baġit

EUR 3 0 3 43  708 għal impenji.

EUR 3 0 0 00  000 għal pagamenti (operazzjonali).

Persunal fil-31 ta’ Diċembru 2013

15-il post previst fit-tabella tal-persunal (8 membri tal-persunal temporanji u 7 membri tal-persunal kuntrattwali); 13-il post kienu okkupati u ġew assenjati kif ġej: attivitajiet operazzjonali (8); kompiti amministrattivi (5); kompiti mħallta (0).

Attivitajiet u servizzi pprovduti fl-2013

Ara r-rapport annwali tal-attività tal-Impriża Konġunta għall-2013 fuq http://www.artemis-ju.eu/reference_documents

Sors: Informazzjoni pprovduta mill-Impriża Konġunta ARTEMIS.


IR-RISPOSTI TAL-IMPRIŻA KONĠUNTA

14-15-16:

Artemis tissottometti pjan ta’ azzjoni komuni mal-ENIAC biex tiffaċilita din l-opinjoni kwalifikata:

1.

Visit NFA: Żjara lill-NFA: iż-żjarat saru diġà fil-Ġermanja, il-Belġju u Franza, segwiti b’dokumentazzjoni addizzjonali; ir-rapporti ta’ valutazzjoni qiegħdin fil-proċess li jiġu elaborati. S’issa r-riżultati huma kif ġej:

il-Ġermanja (15,9 % tal-għotjiet tal-UE f’ARTEMIS): sistema dokumentata tajjeb, b'separazzjoni preċiża ta' responsabbiltajiet u livelli multipli ta' kontroll. Il-Ġermanja tikseb assigurazzjoni billi tuża proċedura ta’ “verifika ex-post fid-dettall” li tiġi applikata fi tmiem l-azzjoni indiretta. Skont il-valutazzjoni preliminari tagħna, il-proċedura ta’ “verifika ex-post fid-dettall” tikkorrispondi għall-istandards internazzjonali. Fl-2013, din il-proċedura ġiet applikata għal kampjun ta’ 120 operazzjoni mit-total ta’ 424 operazzjoni (28,3 %) li jirriżultaw f’rata ta’ żball ta’ inqas minn 1 %. Attivitajiet li għadhom għaddejjin: xi aspetti tal-proċedura qegħdin fil-proċess li jiġu ċċarati qabel konklużjoni finali dwar il-valutazzjoni, dħalna f’diskussjoni fir-rigward tal-iskambju dwar l-informazzjoni ta’ teħid ta’ kampjuni li tippermetti r-riżultati li jiġu kkonsolidati b’riżultati simili minn pajjiżi oħra. Dan għandu jiġi konkluż qabel l-aħħar tal-2014.

Belgium (3,25 % of the EU grants in ARTEMIS):Il-Belġju (3,25 % tal-għotjiet tal-UE f’ARTEMIS): proċedura dokumentata tajjeb, b'separazzjoni ċara ta' responsabbiltajiet u livelli multipli ta' kontroll. Il-Belġju jikseb assigurazzjoni billi juża proċedura ta’ “verifika fid-dettall” li tiġi applikata fi tmiem l-azzjoni indiretta. Skont il-valutazzjoni tagħna, din il-proċedura għandha tiġġenera livell ta’ assigurazzjoni ekwivalenti mal-awditi esegwiti f’konformità mal-istandards internazzjonali prevalenti. Il-Belġju jissottometti l-proġetti ARTEMIS u ENIAC kollha (100 %) għal “verifika ex-ante fid-dettall”, qabel ma jesegwi l-pagamenti finali. Il-Belġju jwettaq awditi ex-post biss b'rispett tal-proċeduri, sabiex itejjeb is-sistema. Konsegwentement, is-sistema ta’ assigurazzjoni ma trendi l-ebda rata’ ta’ żball residwu (jew tista’ tiġi meqjusa li r-rata ta’ żball hija żero).

Franza (9,93 % tal-għotjiet tal-UE f’ARTEMIS): is-sistema kienet tistrieħ fuq 100 % tal-verifikazzjonijiet għall-azzjonijiet kollha li bdew qabel l-2011, meta Franza introduċiet sistema aktar effiċjenti fir-riżorsi b’separazzjoni ċara ta’ responsabbiltajiet u livelli multipli ta’ kontroll ibbażata fuq awditi statistiċi ex-post. Skont il-valutazzjoni preliminari tagħna, il-proċedura ta’ “verifika ex-post fid-dettall” tikkorrispondi għal istandards internazzjonali. Franza se tikseb assigurazzjoni billi tuża proċedura ta’ verifika ex-post li tiġi applikata fi tmiem l-azzjoni indiretta. L-ewwel azzjonijiet li bdew taħt is-sistema l-ġdida se jersqu lejn it-tmiem fl-2015 u għaldaqstant Franza għalissa ma tistax tipprovdi informazzjoni statistika.

Huma ppjanati aktar skambji mal-Pajjiżi l-Baxxi (13,86 % tal-għotjiet tal-UE f’ARTEMIS) u mal-Awstrija (8,11 % tal-għotjiet tal-UE f’ARTEMIS).

2.

Il-parti awditjata stiednet lill-awtoritajiet awditjati fl-Istati Membri ta’ ARTEMIS/ENIAC, l-awdituri tal-Kummissjoni Ewropea u l-Qorti Ewropea tal-Awdituri, għal sessjoni ta’ ħidma li se ssir fl-1 ta’ Ottubru 2014, biex jippreżentaw is-sistemi tagħhom dwar il-ksib ta’ assigurazzjoni u jiskambjaw l-aqwa prattiki, bi sforz biex jistimulaw il-konverġenza u jiddefinixxu proċeduri kompatibbli mas-sistemi nazzjonali.

29 u 30:

Nirringrazzjaw lill-Qorti talli qajmet dan il-punt u dan se jiġi indirizzat fil-proċeduri tal-Impriża Konġunta ECSEL


Top