Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52014SC0150

    DOKUMENT TA’ ĦIDMA TAL-PERSUNAL TAL-KUMMISSJONI SOMMARJU EŻEKUTTIV TAL-VALUTAZZJONI TAL-IMPATT li jakkumpanja d-dokument Proposta ta’ REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL rigward apparati li jużaw il-fjuwils gassużi

    SWD/2014/0150 final - 2014/0136 (COD)

    52014SC0150

    DOKUMENT TA’ ĦIDMA TAL-PERSUNAL TAL-KUMMISSJONI SOMMARJU EŻEKUTTIV TAL-VALUTAZZJONI TAL-IMPATT li jakkumpanja d-dokument Proposta ta’ REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL rigward apparati li jużaw il-fjuwils gassużi /* SWD/2014/0150 final */


    DOKUMENT TA’ ĦIDMA TAL-PERSUNAL TAL-KUMMISSJONI

    SOMMARJU EŻEKUTTIV TAL-VALUTAZZJONI TAL-IMPATT

    li jakkumpanja d-dokument

    Proposta ta’ REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

    rigward apparati li jużaw il-fjuwils gassużi

    1.           Definizzjoni tal-Problema

    Minkejja t-tħaddim b’suċċess tad-Direttiva dwar l-Apparati tal-Gass 2009/142/KE (GAD), hemm kunsens ġenerali li teħtieġ ċertu titjib. Din kienet ukoll l-fehma tal-maġġoranza ta’ dawk li wieġbu għall-Konsultazzjoni Pubblika (2011-2012).

    Kemm il-Konsultazzjoni Pubblika kif ukoll l-Istudju ta’ Valutazzjoni tal-Impatt (2012) xeħtu enfasi qawwija fuq l-identifikazzjoni ta’ problemi reali potenzjali u l-kawżi tagħhom. L-analiżi profonda tad-dejta kollha għad-dispożizzjoni u l-bidliet proposti wrew li ma kien hemm ebda evidenza disponibbli li tiġġustifika l-espansjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni għal raġunijiet ta’ sikurezza. Rigward il-funzjonament tas-suq intern, ma setgħet tiġi identifikata ebda problema speċifika assoċjata ma’ xkiel għall-kummerċ. Konsegwentement, it-tqegħid ta’ prodotti ġodda fil-kamp ta’ applikazzjoni ma kienx iġġustifikat.

    L-oqsma ta’ titjib ma jinvolvux bidliet kbar. Il-qafas legali ser jibqa’ l-istess u l-bidliet aktarx li jinvolvu impatti minimi jew xejn affattu. Madankollu, għad iridu jiġu indirizzati l-kwistjonijiet li ġejjin:

    Kwistjoni 1: Allinjament tal-GAD mad-Deċiżjoni tal-Qafas Leġiżlattiv il-Ġdid (NLF) Nru 768/2008/KE

    Ħafna mill-problemi ġenerali identifikati mill-NLF ġew osservati wkoll fil-kuntest ta’ implimentazzjoni tal-GAD bħal differenzi bejn il-kwalitajiet tas-servizzi pprovduti mill-korpi notifikati u l-prattiki ta’ evalwazzjoni u monitoraġġ tagħhom. Il-qafas legali jinħass ukoll kumpless u inkonsistenti.

    Ir-Rapport ta’ Valutazzjoni tal-Impatt fuq il-Pakkett ta’ Allinjament tal-NLF diġà eżamina fid-dettall l-opzjonijiet differenti biex jagħti effett lid-Deċiżjoni tal-NLF. Peress li l-opzjonijiet u l-impatti tagħhom huma eżatt l-istess għall-GAD, ir-Rapport ta’ Valutazzjoni tal-Impatt tal-GAD ma analizzax dawn l-aspetti.

    Kwistjoni 2: Tneħħija tal-limitu tat-temperatura ta’ 105oC mid-definizzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni

    Il-limitu oriġinarjament iddaħħal minħabba li l-perikli dovuti għal pressjoni għall-prodotti kkonċernati kienu soġġetti għal leġiżlazzjoni nazzjonali f’ħafna mill-Istati Membri fiż-żmien li fih ġiet adottata l-GAD. Bħalissa, dawn il-perikli jaqgħu taħt il-leġiżlazzjoni ta’ armonizzazzjoni tal-UE u dan jimplika li ebda jeżisti ebda riskju li jidħol f’kunflitt mal-leġiżlazzjoni nazzjonali u b’hekk, l-esklużjoni mhijiex meqjusa li taqdi xi skop utli.

    Kwistjoni 3: L-introduzzjoni tad-definizzjonijiet li bħalissa huma neqsin

    It-test attwali tad-definizzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni mhuwiex preċiż u wassal għall-bżonn ta’ interpretazzjoni. Dan għaliex il-kamp ta’ applikazzjoni huwa definit billi tiġi pprovduta lista ta’ użi tal-prodotti, iżda ma tingħata ebda definizzjoni għall-użi. Fl-imgħoddi, saru ħafna sforzi biex jiġi interpretat il-kamp ta’ applikazzjoni li, madankollu, ma jipprovdix iċ-ċertezza u l-istabbiltà legali meħtieġa mitlubin mill-partijiet interessati.

    Kwistjoni 4: Il-kontenuti inadegwati tal-komunikazzjoni tat-tipi ta’ gass u l-pressjonijiet tal-provvista korrispondenti

    It-tipi ta’ gass u l-pressjonijiet tal-provvista korrispondenti mhumiex soġġetti għal armonizzazzjoni fil-qafas tal-GAD. Sabiex tiġi żgurata d-disponibilità ta’ din id-dejta relevanti dwar is-sikurezza u l-prestazzjoni, l-Artikolu 2(2) jeżiġi li l-Istati Membri jikkomunikaw it-tipi ta’ gass u l-pressjonijiet tal-provvista korrispondenti użati fit-territorji tagħhom.

    It-tagħrif komunikat bħalissa dwar il-kundizzjonijiet tal-provvista tal-gass mhuwiex biżżejjed.

    Peress li l-GAD la tiddefinixxi liema parametri għandhom ikunu pprovduti u lanqas ma tarmonizza l-format tal-komunikazzjonijiet, hemm bżonn li jiġu ddeterminati dawn il-parametri u li tiġi definita forma komuni biex ikunu żgurati l-adegwatezza u l-komparabbilità tat-tagħrif. Dan jiżgura wkoll li ż-żieda fl-użu tal-bijogass tkun indirizzata kif suppost mill-GAD.

    Kwistjoni 5: Il-kjarifika tar-relazzjoni bejn il-GAD u l-leġiżlazzjoni tal-UE dwar l-effiċjenza enerġetika

    Ir-Rekwiżit Essenzjali 3.5. li jittratta l-“użu razzjonali tal-enerġija” huwa ferm ġeneriku filwaqt li r-rekwiżiti fid-Direttiva dwar l-Ekodisinn u l-miżuri ta’ implimentazzjoni tagħha huma ferm dettaljati. Barra minn hekk, it-terminoloġija użata fil-GAD hija skaduta u trid tiġi allinjata ma’ dik moderna użata fil-leġiżlazzjoni riċenti tal-UE dwar l-effiċjenza enerġetika.

    Peress li l-leġiżlazzjoni tal-UE dwar l-effiċjenza enerġetika qed tevolvi b’ħeffa u minħabba li ser jiddaħħlu l-miżuri ta’ implimentazzjoni l-ġodda tad-Direttiva dwar l-Ekodisinn li japplikaw għal firxa dejjem ikbar ta’ apparati tal-gass, hemm bżonn li tiġi ċċarata l-applikazzjoni tar-Rekwiżit Essenzjali 3.5. fejn teżisti leġiżlazzjoni iktar speċifika.

    Kwistjoni 6: Ċarezza tad-dispożizzjonijiet tal-GAD

    Ma ġiet identifikata ebda problema oħra fid-dispożizzjonijiet tal-GAD. Apparti, ir-Rekwiżiti Essenzjali wrew li jkopru sew ir-riskji tal-gass li jistgħu jġibu magħhom l-apparati u l-fittings.

    Hemm xi tħassib usa’ dwar is-sikurezza, b’mod partikolari dak relatat ma’ velenar ta’ CO li huwa l-kawża ewlenija ta’ mwiet assoċjati ma’ apparati tal-gass. Dan jidher li huwa marbut ma’ kwistjonijiet li jaqgħu barra l-kamp ta’ applikazzjoni tal-GAD, bħal difetti fl-installazzjoni, nuqqas ta’ manutenzjoni u użu ħażin tal-apparat.

    Bħalissa, il-GAD ma tispeċifikax il-prinċipji dwar id-disinn ġenerali li jridu jiġu applikati sabiex tinżamm is-sikurezza tal-apparat u l-fittings. Għad li dawn il-prinċipji diġà huma meqjusin bħala inklużi fir-Rekwiżiti Essenzjali attwali, ikun aħjar li jiġu pprovduti fit-test legali biex jiġi evitat li partijiet irresponsabbli jużaw, eż., twissijiet biss minflok ma jiddisinjaw prodotti li huma sikuri b’mod inerenti. L-introduzzjoni tal-prinċipji għall-integrazzjoni tas-sikurezza tkun qed tħaffef ukoll is-sorveljanza tas-suq.

    Ħtieġa ta’ intervent pubbliku

    L-azzjoni tal-UE f’dan il-qasam hija msejsa fuq l-Artikolu 114 tat-TFUE. L-aspetti indirizzati f’dan il-kuntest diġà huma rregolati mill-GAD. Madankollu, din il-leġiżlazzjoni ma tindirizzax il-kwistjonijiet tal-problemi identifikati b’mod effettiv. L-istudju mwettaq u l-konklużjonijiet dwar l-opzjonijiet analizzati wrew li ser jibqa’ jkun hemm dawn il-problemi jekk id-Direttiva ma tiġix riveduta.

    2.           Analiżi tas-sussidjarjetà

    Il-funzjonament xieraq u effettiv tas-suq intern jeħtieġ regoli komuni għall-apparati tal-gass fir-rigward tar-riskji għas-saħħa u s-sikurezza minħabba l-użu ta’ gass kif ukoll għall-effiċjenza enerġetika tagħhom.

    Sabiex jiġi evitat milli azzjonijiet meħudin f’livell nazzjonali joħolqu xkiel għall-moviment liberu tal-apparati, kwalunkwe bidla fil-kamp ta’ applikazzjoni, il-proċeduri jew ir-rekwiżiti trid issir fil-livell tal-UE. Dan ikun qiegħed itejjeb iċ-ċarezza legali wkoll, jikkontribwixxi għat-tnaqqis tal-kost għall-manifatturi u jiżgura qafas Ewropew komuni għat-tqegħid fis-suq ta’ apparati u fittings.

    Il-prinċipju ta’ sussidjarjetà jfeġġ anki fir-rigward tad-dispożizzjonijiet il-ġodda tar-reviżjoni relatati mal-allinjament mad-deċiżjoni tal-NLF. L-esperjenza għallmet li miżuri meħudin fil-livell nazzjonali wasslu għal approċċi diverġenti fl-UE, li jxekklu l-għanijiet tas-Suq Intern

    Barra minn hekk, azzjoni koordinata fil-livell tal-UE tista’ tilħaq aħjar l-għanijiet stabbiliti, u b’mod partikolari ser tagħmel is-sorveljanza tas-suq iktar effettiva.

    3.           Objettivi

    L-objettivi ta’ din l-inizjattiva huma ppreżentati fit-Tabella 1.

    Tabella 1: Objettivi ġenerali, speċifiċi u operazzjonali tal-politika

    ĠENERALI || SPEĊIFIĊI || OPERATTIVI

    Ħarsien aħjar tas-saħħa u s-sikurezza tal-utenti ta’ apparati u fittings tal-gass kif ukoll tiġi żgurata l-prestazzjoni xierqa tagħhom || Żgurar li hemm disponibbli dejta relevanti dwar is-sikurezza u l-prestazzjoni adegwati dwar il-kundizzjonijiet qafas || Speċifikazzjoni tal-kontenuti tat-tagħrif li għandu jiġi komunikat dwar it-tipi ta’ gass u pressjonijiet tal-provvista korrispondenti użati fl-Istati Membri

    Żgurar taċ-ċarezza tar-rekwiżiti || Kjarifika tad-dispożizzjonijiet

    Titjib fil-kondizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni għall-operaturi ekonomiċi tas-settur || Żgurar taċ-ċarezza legali dwar l-applikazzjoni ta’ leġiżlazzjoni tal-UE iktar speċifika || Introduzzjoni ta’ Artikolu iktar ġenerali dwar leġiżlazzjoni iktar speċifika tal-UE

    Ċarezza tar-Rekwiżit Essenzjali 3.5. dwar l-użu razzjonali tal-enerġija

    Simplifikazzjoni tal-ambjent regolatorju Ewropew fil-qasam tal-apparati u l-fittings tal-gass || Żgurar li l-leġiżlazzjoni hija aġġornata || Tneħħija tal-esklużjoni skaduta tal-apparati b’temperatura normali tal-ilma li taqbeż il-105oC

    Żgurar taċ-ċarezza tal-kamp ta’ applikazzjoni || Ċarezza tal-kamp ta’ applikazzjoni billi jiġu pprovduti definizzjonijiet speċifiċi għas-setturi

    4.           Opzjonijiet Politiċi

    Ġew ikkunsidrati tliet opzjonijiet politiċi alternattivi:

    (a) l-opzjoni bażi “tagħmel xejn”;

    (b) l-opzjoni “liġi nonvinkolanti” (alternattiva mhux leġiżlattiva li tikkonsisti fil-ħruġ ta’ interpretazzjoni); u

    (c) l-opzjoni “miżura leġiżlattiva” (bidla tat-test legali).

    L-analiżi tal-impatti tal-opzjonijiet politiċi twettqet b’mod separat għal kull wieħed mill-oqsma identifikati ta’ titjib. L-ewwel, l-opzjonijiet politiċi kollha għal kull problema kienu soġġetti għal analiżi kwalitattiva separata. Imbagħad, saret analiżi profonda tal-impatti soċjali u ekonomiċi tal-opzjonijiet kollha

    5.           Valutazzjoni tal-Impatti

    It-tipi ta’ impatti supponuti bħala l-iktar relevanti għar-reviżjoni huma pprovduti fit-Tabella 2.

    Tabella 2: It-tipi ta’ impatti li l-iktar li huma relevanti għar-reviżjoni tal-GAD

    Kontroll preventiv tar-Relevanza tal-Impatti

    Tip ta’ impatt || Relevanti?

    Impatti ekonomiċi

    Il-funzjonament tas-suq intern u l-kompetizzjoni || Relevanti

    Kompetittività, kummerċ u flussi ta’ investiment || Possibbilment Relevanti

    Kostijiet operatorji u kondotta tal-operazzjonijiet/SMEs || Relevanti

    Piżijiet amministrattivi fuq in-negozji || Relevanti

    Awtoritajiet pubbliċi || Relevanti

    Innovazzjoni u riċerka || Possibbilment Relevanti

    Konsumaturi u unitajiet domestiċi || Relevanti

    Pajjiżi terzi u relazzjonijiet internazzjonali || Possibbilment Relevanti

    Impatti soċjali

    Impjiegi u swieq tax-xogħol || Possibbilment Relevanti

    Standards u drittijiet relatati mal-kwalità tal-impjiegi || Possibbilment Relevanti

    Saħħa pubblika u sikurezza || Relevanti

    Peress li l-modifika tal-kamp ta’ applikazzjoni ma tistax tkun ġustifikata, il-qafas legali tal-GAD ser jibqa’ kif inhu. Konsegwentement, anki l-operaturi ekonomiċi affettwati u l-partijiet interessati l-oħrajn ser jibqgħu l-istess bħal issa, u l-bidliet suġġeriti iktar jirrappreżentaw eżerċizzju ta’ titjib tal-leġibbiltà u ċ-ċarezza tal-kamp ta’ applikazzjoni, ir-Rekwiżiti Essenzjali u dispożizzjonijiet oħrajn.

    In-nuqqas ta’ problemi konkreti partikolari li jeħtieġu li jiġu indirizzati jimplika li l-modifiki proposti ma għandhomx impatti ekonomiċi, soċjali jew ambjentali importanti ħlief l-impatti żgħar taċ-ċarezzi li madankollu ser iħaffu ferm l-applikazzjoni tal-GAD. Konsegwentement, impossibbli li tinħareġ dejta kwantitattiva fuq xi impatt speċifiku. Għaldaqstant, il-benefiċċji marġinali mistennijin ġew indirizzati b’mod proporzjonat billi saret valutazzjoni kwalitattiva li ppermettiet li tingħażel l-opzjoni preferuta. Pereżempju, huwa possibbli li jiġi vvalutat jekk il-bidliet proposti humiex favorevoli għas-sikurezza u jekk l-effetti ta’ opzjoni jipprovdux soluzzjoni kostanti għall-Kwistjoni identifikata.

    Ġie vvalutat kemm jista’ jkun jekk l-implimentazzjoni ta’ bidla proposta tinvolvix kostijiet għall-manifatturi u l-awtoritajiet. Madankollu, ta’ min jinnota li ma kienx possibbli li l-effetti jissarrfu fi flus peress li l-bidliet proposti ma jibdlux fil-prattika l-qafas legali.

    L-impatti soċjali jikkonsistu f’benefiċċji għas-saħħa u s-sikurezza tal-installaturi u l-utenti ta’ apparati tal-gass. Madankollu, anki ċ-ċarezza legali mtejba u d-disponibilità tad-dejta relevanti għall-iżgurar ta’ prodotti sikuri u effiċjenti fl-enerġija jistgħu jħallu impatt pożittiv żgħir fuq l-impjiegi u t-twettiq tal-objettivi bħall-mira tal-Ewropa 2020 ta’ żieda ta’ 20% fl-effiċjenza enerġtika.

    Sommarju tar-riżultati tal-impatti ewlenin u l-kobor tagħhom huwa ppreżentat hawn taħt fit-Tabella 3.

    Tabella 3: L-iktar impatti relevanti għar-reviżjoni tal-GAD

    Impatti tas-sottopzjonijiet preferuti || Kwistjoni 2 || Kwistjoni 3 || Kwistjoni 4 || Kwistjoni 5 || Kwistjoni 6

    Impatt soċjali || Ebda impatt ħlief żgurar tas-sikureza tal-prodotti b’temperatura normali tal-ilma ogħla minn 105oC || Tnaqqis żgħir ta’ prodotti mhux konformi || Titjib fis-sikurezza tal-utenti u l-installaturi || Kontribuzzjoni għall-ilħuq tal-mira ta’ Ewropa 2020, tnaqqis ta’ prodotti mhux konformi || Titjib fis-sikurezza tal-utenti, tnaqqis ta’ prodotti mhux konformi

    Impatt ekonomiku || Impatt fuq il-kompetittività fil-kostijiet || Xejn || Kamp ta’ applikazzjoni iktar ċar jiffaċilita l-interpretazzjoni || Tfaddil permezz ta’ ċarezza teknika u legali || Tfaddil permezz ta’ ċarezza teknika u legali || Sitwazzjoni legali iktar ċara, sorveljanza tas-suq iktar faċli

    Impatt fuq il-kapaċità ta’ innovazzjoni || Xejn || Xejn || Rieda ikbar ta’ investiment fuq żvilupp ta’ prodotti, aċċess eħfef għas-suq || Żvilupp ta’ prodotti mħaffef || Xejn

    Impatt fuq il-kompetittività internazzjonali || Xejn || Xejn || Xejn || Disinni iktar sofistikati jtejbu l-kompetittività internazzjonali || Xejn

    Impatt fl-SMEs || Xejn || Xejn || Xejn || Xejn || Xejn

    6.           Tqabbil tal-Opzjonijiet

    Fuq il-bażi tar-riżultat tal-valutazzjoni profonda tal-opzjonijiet, sar tqabbil biex jiġi determinat liema opzjonijiet jipprovdu benefiċċji netti. Imbagħad, ir-riżultati tat-tqabbil ittieħdu f’Tabella waħda ta’ tqabbil sabiex jiġu viżwalizzati l-limpatti u jingħażlu l-opzjonijiet preferuti (Tabella 4). Il-kriterji użati fil-valutazzjoni tal-opzjonijiet inkludew l-effettività, l-effiċjenza u l-koerenza tal-opzjoni.

    Tabella 4. Tqabbil tal-opzjonijiet ta’ politiki

    || Effettività || Effiċjenza Kostijiet-Benefiċċji || Koerenza (jekk l-opzjoni tikkontribwixxix għar-regolamentazzjoni aħjar u l-Att dwar is-Suq Uniku)

    Kamp ta’ applikazzjoni - Kopertura ta’ prodotti

    a) Tagħmel xejn || 0 || 0 || 0 || 0

    b) Liġi nonvinkolanti || 0 Għan speċifiku mhux milħuq peress li l-limitu tat-temperatura ta’ 105oC jħalliha possibbli li tiġi evitata l-GAD || - Kostijiet minħabba li jifdlu ħtiġijiet ta’ interpretazzjoni || 0 Ebda identifikati || 0 Ebda bidla, ebda kontribuzzjoni

    c) Miżura leġiżlattiva || ++ Objettivi speċifiċi milħuqin bis-sħiħ; titjib tas-saħħa u s-sikurezza; sitwazzjoni legali ċara || 0 Ebda impatt, iżda fit-teorija hemm kondizzjonijiet ekwivalenti aħjar ta’ kompetizzjoni għall-manifatturi || + Ċarezza legali tnaqqas il-piż amministrattiv u, b’hekk, il-kostijiet || ++ Opzjoni li tikkontribwixxi b’mod ottimali; sitwazzjoni legali ċara

    Terminoloġija u definizzjonijiet speċifiċi għas-setturi

    a) 0 || 0 || 0 || 0

    b) + Objettivi speċifiċi mwettqin b’mod parzjali iżda ċarezza legali mhux milħuqa; ser ifeġġu ħtiġijiet ta’ interpretazzjoni ġodda fil-każ ta’ prodotti innovattivi || - Kostijiet minħabba li jifdal ħtiġijiet ta’ interpretazzjoni fuq bażi ta’ każ b’każ || + Tnaqqis żgħir ta’ prodotti mhux konformi || + Kontribuzzjoni żgħira

    c) ++ Objettivi speċifiċi mwettqin bis-sħiħ peress li l-kamp ta’ applikazzjoni u r-Rekwiżiti Essenzjali huma ċċarati; sitwazzjoni legali ċara || 0 Ebda kost speċifiku; ċarezza tħaffef l-implimentazzjoni u dan jirriżulta f’iffrankar || ++ Ċarezza legali tnaqqas il-piż amministrattiv; tnaqqis ta’ prodotti mhux konformi u b’hekk sikurezza mtejba || ++ Opzjoni li tikkontribwixxi b’mod ottimali; sitwazzjoni legali ċara żgurata

    Komunikazzjoni tat-tipi ta’ gass u l-pressjonijiet tal-provvista korrispondenti

    a) 0 || 0 || 0 || 0

    b) - Objettivi speċifiċi mhux imwettqin peress li l-gwida tista’ tirriżulta f’affidabilità fuq dejta relevanti dwar is-sikurezza bla ma ssir kontroverifika u dan jimplika li jistgħu jidħlu fis-suq disinni mhux sikuri, ebda garanzija fuq il-kwalità tad-dejta || - Kostijiet relatati mal-ħtieġa spissa li tiġi aġġornata l-gwida, kostijiet minħabba diffikultajiet li tinkiseb dejta adegwata || - Ma hemmx garanzija ta’ tnaqqis ta’ prodotti mhux konformi, il-partijiet interessati jistgħu jitqarrqu u joqogħdu fuq dejta pprovduta || - Ebda kontribuzzjoni

    c) ++ Objettivi speċifiċi mwettqin bis-sħiħ; tagħrif relevanti adegwat dwar is-saħħa, is-sikurezza u l-prestazzjoni jitqiegħed għad-dispożizzjoni; sitwazzjoni legali ċara || ++ Iffrankar ta’ spejjeż peress li hemm dejta affidabbli disponibbli; tnaqqis tal-piż amministrattiv; mezzi ta’ verifika tal-kompatibilità tal-prodotti jħaffu l-aċċess għas-suq || ++ Tnaqqis ta’ prodotti mhux konformi; ċarezza legali u teknika tnaqqas il-kostijiet; żvilupp ta’ prodotti mħaffef || ++ Opzjoni li tikkontribwixxi b’mod ottimali; sitwazzjoni legali ċara żgurata

    Użu razzjonali tal-enerġija

    a) 0 || 0 || 0 || 0

    b) + Objettivi speċifiċi mwettqin b’mod parzjali, titjib fiċ-ċarezza rigward leġiżlazzjoni iktar speċifika, iżda jifdal diffikultajiet fl-identifikazzjoni ta’ liema regolamenti għandhom jiġu applikati || - Kostijiet relatati mal-iżvilupp ta’ gwida, kostijiet għall-manifatturi minħabba piż amministrattiv biex tiġi identifikata l-leġiżlazzjoni applikabbli || + Gwida tħaffef ftit l-identifikazzjoni tal-leġiżlazzjoni; tnaqqis żgħir ta’ prodotti mhux konformi || 0 Kontribuzzjoni żgħira; sitwazzjoni legali mhux ċara tibqa’ kif inhi

    c) ++ Objettivi speċifiċi mwettqin bis-sħiħ peress li tinkiseb koerenza tal-leġiżlazzjoni tal-UE; ċarezza legali pprovduta || + Il-piż amministrattiv jitnaqqas, l-identifikazzjoni tal-leġiżlazzjoni titħaffef, it-trikkib tar-rekwiżiti huwa evitat li jfisser iffrankar || ++ Tnaqqis ta’ prodotti mhux konformi; sitwazzjoni legali ċċarata tħaffef l-iżvilupp ta’ prodotti ġodda || ++ Opzjoni li tikkontribwixxi b’mod ottimali; tikkontribwixxi għall-objettiv tal-Ewropa 2020 li titjieb l-effiċjenza enerġetika; tiżdied il-koerenza tal-leġiżlazzjoni tal-UE

    Rekwiżiti

    a) 0 || 0 || 0 || 0

    b) 0 Impatti marġinali biss peress li ma ġie identifikat ebda nuqqas fir-rekwiżiti attwali || - Kostijiet minuri relatati mal-iżvilupp ta’ gwida || + Tnaqqis żgħir ta’ prodotti mhux konformi || + Kontribuzzjoni żgħira

    c) ++ Objettivi speċifiċi milħuqin bis-sħiħ, żgurata ċarezza tar-rekwiżiti legali || + Ebda kost speċifiku ħlief iffrankar ta’ kostijiet għas-sorveljanza tas-suq || + Leġibbiltà mtejba tar-rekwiżiti tnaqqas il-piż amministrattiv; is-sorveljanza tas-suq hija mħaffa || + Kontribuzzjoni żgħira

    7.           Monitoraġġ u Evalwazzjoni

    Il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-effikaċja tal-leġiżlazzjoni ser ikunu msejsin fuq ir-rispons riċevut permezz tal-bosta mekkaniżmi ta’ kooperazzjoni bħall-Grupp ta’ Ħidma dwar l-Apparati tal-Gass u l-grupp ta’ Kooperazzjoni Amministrattiv tal-GAD.

    B’mod partikolari l-grupp ta’ ADCO tal-GAD ser jiddiskuti l-programmi nazzjonali ta’ sorveljanza tas-suq u l-eżitu tal-eżekuzzjoni tagħhom, in-numru ta’ prodotti mhux konformi misjubin, tipi ta’ nuqqas ta’ konformità, eċċ. L-Istati Membri ser ikunu mistiedna jużaw is-sitema RAPEX, id-database tal-ICSMS kif ukoll il-proċedura ta’ notifika tal-klawżola ta’ salvagwardja. Ser jinkiseb iktar rispons mill-mekkaniżmi ta’ kooperazzjoni pprovduti mir-Regolament tal-NLF 765/2008. Indikaturi differenti msejsin fuq tagħrif ipprovdut mill-awtoritajiet ser jintużaw biex jiġi ssorveljat it-tnaqqis ta’ prodotti mhux konformi

    B’konformtià mal-politika tagħha ta’ "Regolamentazzjoni intelliġenti", il-Kummissjoni ser tevalwa l-effettività tar-Regolament dwar l-Apparati tal-Gass fi żmien 5 snin sa massimu ta’ 10 snin wara d-data ta’ applikazzjoni tar-Regolament.

    Top