EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52014PC0746

Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni Ewropea fir-rigward tal-proposti għall-emendi tal-Anness III tal-Konvenzjoni ta’ Rotterdam

/* COM/2014/0746 final - 2014/0356 (NLE) */

52014PC0746

Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni Ewropea fir-rigward tal-proposti għall-emendi tal-Anness III tal-Konvenzjoni ta’ Rotterdam /* COM/2014/0746 final - 2014/0356 (NLE) */


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.           IL-KUNTEST TAL-PROPOSTA

Taħt l-awspiċi tal-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura (Food and Agriculture Organisation - FAO) u l-Programm tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Ambjent (United Nations Environment Programme - UNEP), f’Marzu tal-1998 ġew konklużi negozjati għal Konvenzjoni dwar l-applikazzjoni ta’ proċedura ta’ kunsens infurmat minn qabel (prior informed consent - PIC) għal ċerti sustanzi kimiċi u pestiċidi perikolużi fil-kummerċ internazzjonali.

Il-Konvenzjoni nfetħet għall-iffirmar waqt il-Konferenza Diplomatika Ministerjali li saret f’Settembru tal-1998 f’Rotterdam. Il-Komunità ffirmatha fil-11 ta’ Settembru 1998. Il-Konvenzjoni ta’ Rotterdam tfisser pass kbir ’il quddiem fir-regolazzjoni internazzjonali ta' ċerti sustanzi kimiċi perikolużi, inklużi l-pestiċidi. L-għan tagħha huwa li tippromwovi r-responsabbiltà u l-isforzi kooperattivi konġunti fost il-Partijiet involuti fil-kummerċ internazzjonali ta’ dawn il-kimiċi, sabiex jitħarsu saħħet il-bniedem u l-ambjent minn ħsara potenzjali, u biex tikkontribwixxi lejn l-użu ambjentali tagħhom mingħajr periklu.

L-Unjoni implimentat il-Konvenzjoni permezz tar-Regolament (KE) Nru 649/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Lulju 2012 dwar l-esportazzjoni u l-importazzjoni ta’ sustanzi kimiċi perikolużi[1]. Permezz tad-Deċiżjoni 2006/730/KE tiegħu tal-25 ta’ Settembru 2006[2], il-Kunsill iddeċieda li japprova l-Konvenzjoni f’isem il-Komunità Ewropea.

Il-Konvenzjoni daħlet fis-seħħ fl-24 ta' Frar 2004. Is-seba' laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet (COP7) se ssir f’Ġinevra mill-4 sal-15 ta’ Mejju 2015. Minbarra l-Unjoni, 27 mill-Istati Membri tagħha huma Parti f’din il-Konvenzjoni.

Abbażi tar-rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat għar-Reviżjoni tal-Kimika (Chemical Review Committee - CRC), korp sussidjarju li jaqa’ taħt l-awtorità tal-Konferenza tal-Partijiet (Conference of the Parties - COP), waqt is-COP mistenni jieħu deċiżjonijiet dwar l-inklużjoni ta’ aktar sustanzi kimiċi fl-Anness III tal-Konvenzjoni, li tagħmilhom suġġetti għall-proċedura tal-PIC.

Is-sustanzi kimiċi li s-CRC irrakkomanda li jiġu inklużi fl-Anness III tal-Konvenzjoni ta’ Rotterdam, jiġifieri l-asbestos krisotilu, metammidofos, triklorfon, fentijon (il-formolazzjonijiet b’Volum Ultra Baxx (VUB) b'640g jew aktar ta' ingredjent attiv/L) u l-formolazzjonijiet likwidi (konċentrat emulsjonabbli jew konċentrat solubbli) li fihom diklorur tal-parakkwat fil-livell ta’ 276 g/L jew aktar, li jikkorrispondu għall-jon tal-parakkwat fil-livell ta’ 200 g/L jew aktar, diġà huma suġġetti għal restrizzjonijiet fuq l-esportazzjoni skont il-liġi tal-Unjoni, li huma simili għal dawk skont il-Konvenzjoni. Għaldaqstant, il-Kummissjoni qed tipproponi deċiżjoni lill-Kunsill li tjappoġġja, f’isem l-Unjoni, l-emendi tal-Anness III tal-Konvenzjoni waqt is-COP7.

2014/0356 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni Ewropea fir-rigward tal-proposti għall-emendi tal-Anness III tal-Konvenzjoni ta’ Rotterdam

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikulari l-Artikolu 192(1) u l-Artikolu 207 flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)       L-Unjoni Ewropea rratifikat il-Konvenzjoni ta’ Rotterdam dwar il-proċedura tal-kunsens infurmat minn qabel għal ċerti sustanzi kimiċi u pestiċidi perikolużi fil-kummerċ internazzjonali ("il-Konvenzjoni ta’ Rotterdam")[3].

(2)       Ir-Regolament (UE) Nru 649/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Lulju 2012 dwar l-esportazzjoni u l-importazzjoni ta’ sustanzi kimiċi perikolużi[4] jimplimenta l-Konvenzjoni ta’ Rotterdam fl-Unjoni.

(3)       Sabiex ikun żgurat li l-pajjiżi li jimportaw ikunu jistgħu jibbenefikaw mill-ħarsien offrut mill-Konvenzjoni ta’ Rotterdam, huwa meħtieġ u xieraq li tiġi appoġġata r-rakkomandazzjoni tal-Kumitat għar-Reviżjoni tal-Kimika dwar l-inklużjoni, fl-Anness III tal-Konvenzjoni ta’ Rotterdam, tal-asbestos krisotilu, metammidofos, triklorfon, fentijon (il-formolazzjonijiet b’Volum Ultra Baxx (VUB) b'640g jew aktar ta' ingredjent attiv/L) il-formolazzjonijiet likwidi (konċentrat emulsjonabbli jew konċentrat solubbli) li fihom diklorur tal-parakkwat fil-livell ta’ 276 g/L jew aktar, li jikkorrispondu għall-jon tal-parakkwat fil-livell ta’ 200 g/L jew aktar. Dawn is-sustanzi diġà huma pprojbiti jew ristretti ħafna fl-Unjoni, u għaldaqstant huma suġġetti għal rekwiżiti tal-esportazzjoni li jmorru lil hinn minn dak li huwa meħtieġ skont il-Konvenzjoni ta’ Rotterdam.

(4)       Waqt is-seba' laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet (COP7) tal-Konvenzjoni ta’ Rotterdam huma mistennija jittieħdu deċiżjonijiet dwar l-emendi proposti għall-Anness III. L-Unjoni għandha tappoġġja dawn l-emendi.

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu Umiku

Waqt is-seba' laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet tal-Konvenzjoni ta’ Rotterdam, l-Unjoni għandha tappoġġja l-adozzjoni tal-emendi li jżidu l-asbestos krisotilu, metammidofos, triklorfon, fentijon (il-formolazzjonijiet b’Volum Ultra Baxx (VUB) b'640g jew aktar ta' ingredjent attiv/L) il-formolazzjonijiet likwidi (konċentrat emulsjonabbli jew konċentrat solubbli) li fihom diklorur tal-parakkwat fil-livell ta’ 276 g/L jew aktar, li jikkorrispondu għall-jon tal-parakkwat fil-livell ta’ 200 g/L jew aktar, fl-Anness III tal-Konvenzjoni ta' Rotterdam. Tibdil minuri fl-abbozz tad-Deċiżjoni tal-Konferenza tal-Partijiet jista’ jintlaħaq qbil dwaru mir-rappreżentanti tal-Unjoni waqt il-laqgħa mingħajr deċiżjoni ulterjuri tal-Kunsill.

Magħmul fi Brussell,

                                                                       Għall-Kunsill

                                                                       Il-President

[1]               ĠU L 201, 27.7.2012, p. 60.

[2]               ĠU L 299, 28.10.2006, p. 23.

[3]               ĠU L 299, 28.10.2006, p. 23.

[4]               ĠU L 201, 27.7.2012, p. 60.

Top