Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52014PC0744

    Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar il-pożizzjoni li trid tittieħed f'isem l-Unjoni Ewropea fi ħdan il-Kumitat dwar il-Kummerċ fil-Prodotti stabbilit mill-Ftehim Kummerċjali bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Korea, min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-adozzjoni tar-regoli ta’ amministrazzjoni tat-TRQ

    /* COM/2014/0744 final - 2014/0355 (NLE) */

    52014PC0744

    Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar il-pożizzjoni li trid tittieħed f'isem l-Unjoni Ewropea fi ħdan il-Kumitat dwar il-Kummerċ fil-Prodotti stabbilit mill-Ftehim Kummerċjali bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Korea, min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-adozzjoni tar-regoli ta’ amministrazzjoni tat-TRQ /* COM/2014/0744 final - 2014/0355 (NLE) */


    MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

    1.           IL-KUNTEST TAL-PROPOSTA

    Matul il-Kumitat dwar il-Kummerċ fil-Prodotti fit-12 ta’ Settembru 2013, iż-żewġ naħat iddiskutew ir-regoli ta' amministrazzjoni tal-Kwota tar-Rata Tariffarja [it-"TRQ”] li għandhom jiġu applikati mill-Korea, abbażi tal-prinċipji stabbiliti fl-Appendiċi 2-A-1 tal-Ftehim dwar il-Kummerċ Ħieles bejn l-UE u l-Korea. Il-qbil finali għandu jintlaħaq permezz ta' Deċiżjoni tal-Kumitat UE - Korea dwar il-Kummerċ fil-Prodotti kif previst fl-Appendiċi 2-A-1. Min-naħa tal-UE, dan jeħtieġ Deċiżjoni tal-Kunsill li tawtorizza l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-UE. Min-naħa tal-Korea, il-Ministeru tal-Affarijiet Barranin (MOFA) irid jikkonsulta l-Ministeru għal-Leġiżlazzjoni tal-Gvern li jista’ jiddeċiedi li jikkonsulta l-Assemblea Nazzjonali. Id-deċiżjoni konġunta għandha tittieħed permezz ta’ skambju ta’ noti bejn l-UE u l-Korea.

    2.           IMPLIKAZZJONI BAĠITARJA

    Xejn

    3.       ELEMENTI MHUX OBBLIGATORJI Xejn

    2014/0355 (NLE)

    Proposta għal

    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

    dwar il-pożizzjoni li trid tittieħed f'isem l-Unjoni Ewropea fi ħdan il-Kumitat dwar il-Kummerċ fil-Prodotti stabbilit mill-Ftehim Kummerċjali bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Korea, min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-adozzjoni tar-regoli ta’ amministrazzjoni tat-TRQ

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 207(4), flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

    Billi:

    (1)       Il-Ftehim ta' Kummerċ Ħieles bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Korea, min-naħa l-oħra[1] (“il-Ftehim”) ġie ffirmat fis-6 ta' Ottubru 2010.

    (2)       B’konformità mal-Artikolu 15.10.5 tiegħu, il-Ftehim ġie applikat provviżorjament mill-1 ta’ Lulju 2011 bil-konklużjoni tiegħu pendenti sakemm il-proċeduri jiġu kompluti.

    (3)       L-Artikolu 15.1 tal-Ftehim jistabbilixxi Kumitat tal-Kummerċ li, fost oħrajn, għandu l-kompitu li jiżgura li l-Ftehim jaħdem kif suppost u li jissorvelja l-ħidma tal-kumitati speċjalizzati kollha.

    (4)       Skont l-Artikolu 15.2 tal-Ftehim, ġew stabbiliti kumitati speċjalizzati taħt il-patroċinju tal-Kumitat tal-Kummerċ. Il-Kumitat tal-Kummerċ fil-Prodotti, skont l-Artikolu 2.16 tal-Ftehim, huwa wieħed minn dawk il-kumitati speċjalizzati.

    (5)       Skont il-punt 2 ta’ Appendiċi 2-A-1 tal-Ftehim, il-Korea tista’ tuża sistema ta’ rkant biex tamministra u timplimenta l-Kwoti tar-Rata Tariffarja (“TRQs”) applikat mill-Korea għall-ħalib u l-krema, il-butir, l-għasel u l-larinġ li joriġinaw fl-Unjoni fuq il-bażi tal-Ftehim. It-termini tas-sistema ta’ rkant jridu jiġu stabbiliti mill-Partijiet tal-Ftehim bi ftehim reċiproku permezz ta’ deċiżjoni tal-Kumitat tal-Kummerċ fi Prodotti.

    (6)       Skont il-punt 3 ta’ Appendiċi 2-A-1 tal-Ftehim, il-Korea tista’ tuża sistema ta’ liċenzji biex tamministra u timplimenta ċerti TRQs. Il-Partijiet għandhom jiftiehmu fi ħdan il-Kumitat dwar il-Kummerċ ta’ Prodotti rigward il-politiki u l-proċeduri għas-sistema ta’ liċenzji, inkluża l-eliġibbiltà sabiex jiġu rċevuti l-kwantitajiet ta’ TRQ, u kull bidla jew emenda għal dawn.

    (7)       Huwa meħtieġ li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fi ħdan il-Kumitat tal-Kummerċ fi Prodotti rigward ir-regoli ta' amministrazzjoni tat-TRQ.

    (8)       Id-deċiżjoni konġunta għandha tittieħed permezz ta’ skambju ta’ noti bejn l-UE u l-Korea, li jkunu ffirmati minn rappreżentant tal-Kummissjoni f’isem l-UE.

    (9)       Il-pożizzjoni tal-Unjoni fil-Kumitat tal-Kummerċ fi Prodotti għandha għalhekk tkun imsejsa fuq l-abbozz ta’ Deċiżjoni li jinsab mehmuż.

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Il-pożizzjoni li trid tittieħed f'isem l-Unjoni fi ħdan il-Kumitat tal-Kummerċ fil-Prodotti stabbilit mill-Ftehim Kummerċjali bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Korea, min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-adozzjoni tar-regoli ta’ amministrazzjoni tat-TRQ, għandha tissejjes fuq l-abbozz ta' Deċiżjoni tal-Kumitat mehmuż ma' din id-Deċiżjoni.

    Ir-rappreżentanti tal-Unjoni fil-Kumitat jistgħu jilħqu ftehim dwar bidliet minuri fl-abbozz tad-Deċiżjoni mingħajr il-ħtieġa ta' Deċiżjoni oħra tal-Kunsill.

    Artikolu 2

    Wara l-adozzjoni tagħha, id-Deċiżjoni tal-Kumitat tal-Kummerċ fil-Prodotti tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Artikolu 3

    Din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.

    Magħmul fi Brussell,

                                                                           Għall-Kunsill

                                                                           Il-President

    [1]               ĠU L 127, 14.5.2011, p. 6.

    ANNESS

    ABBOZZ

    DEĊIŻJONI Nru 1 TAL-KUMITAT TAL-KUMMERĊ FIL-PRODOTTI UE-KOREA

    ta' …

    dwar l-adozzjoni tar-regoli ta' amministrazzjoni u implimentazzjoni tal-Kwota tar-Rata Tariffarja

    IL-KUMITAT TAL-KUMMERĊ FIL-PRODOTTI,

    Wara li kkunsidra l-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles bejn ir-Repubblika tal-Korea (“il-Korea”), minn naħa waħda, u l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, fuq in-naħa l-oħra, (“il-Partijiet” u “il-Ftehim”) u b’mod partikolari l-Artikoli 2.16, 15.2.1 u l-punti 2 u 3 tal-Appendiċi 2-A-1 tiegħu,

    Billi:

    (1) L-Artikolu 15.1 tal-Ftehim jistabbilixxi Kumitat tal-Kummerċ li għandu, fost affarijiet oħra, jiżgura li l-Ftehim jaħdem kif suppost u jissorvelja l-ħidma tal-kumitati speċjalizzati kollha.

    (2) Skont l-Artikolu 15.2 tal-Ftehim, ġew stabbiliti kumitati speċjalizzati taħt il-patroċinju tal-Kumitat tal-Kummerċ. Il-Kumitat tal-Kummerċ fil-Prodotti, skont l-Artikolu 2.16 tal-Ftehim, huwa wieħed minn dawn il-kumitati speċjalizzati.

    (3) Skont il-punt 2 tal-Appendiċi 2-A-1 tal-Ftehim, il-Korea tista’ tuża sistema ta’ rkant sabiex tamministra u timplimenta l-kwoti tar-rata tariffarja (“TRQs”) applikati mill-Korea għal ċerti prodotti ta’ oriġini tal-Unjoni Ewropea abbażi tal-Ftehim. It-termini tas-sistema ta’ rkant jridu jiġu stabbiliti bi ftehim reċiproku tal-Partijiet permezz ta’ deċiżjoni tal-Kumitat tal-Kummerċ fil-Prodotti.

    (4) Skont il-punt 3 tal-Appendiċi 2-A-1 tal-Ftehim, il-Korea tista’ tuża sistema ta’ liċenzji sabiex tamministra u timplimenta ċerti TRQs. Il-Partijiet għandhom jiftiehmu fi ħdan il-Kumitat tal-Kummerċ fil-Prodotti rigward il-politiki u l-proċeduri għas-sistema ta’ liċenzji, inkluża l-eliġibbiltà sabiex jiġu rċevuti l-kwantitajiet ta’ TRQ, u kull bidla jew emenda għal dawn,

    IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

    1. Il-Korea għandha tamministra u timplimenta l-kwoti tar-rata tariffarja applikati mill-Korea għal ċerti prodotti ta’ oriġini tal-Unjoni Ewropea abbażi tal-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles bejn ir-Repubblika tal-Korea, min-naħa l-waħda, u l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra, skont ir-regoli stabbiliti fl-Anness għal din id-Deċiżjoni.

    2. Din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fi…

    Magħmul fi, ….............., ..................

    Għall-Kumitat tal-Kummerċ fi Prodotti

    Mauro PETRICCIONE                                              Hak-Do KIM                         

    Direttur                                                                       Direttur Ġenerali tal-Politika tal-FTA

    Id-Direttorat Ġeneral għall-Kummerċ                                    Il-Ministeru għall-Kummerċ, l-Industrija u l-Enerġija

    tal-Kummissjoni Ewropea                                           tar-Repubblika tal-Korea

                                                   

    ||

    Anness

    IR-REGOLI GĦALL-AMMINISTRAZZJONI U L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-KWOTI TAR-RATA TARIFFARJA

    Artikolu 1 L-għażla taż-żmien tal-irkantijiet u l-applikazzjoni tal-liċenzji

    (1) L-irkantijiet għal trab tal-ħalib xkumat, trab tal-ħalib, ħalib kondensat u għasel naturali għandhom jiġu qabel il-perjodu ta’ importazzjoni, jiġifieri f’Ġunju għall-kwoti li jinfetħu f’Lulju.

    (2) Il-linji gwida speċifiċi mill-Korea Agro-Fisheries & Food Trade Corporation ser jipprevedu li l-avviżi pubbliċi għall-irkantijiet ser isiru tmint ijiem kalendarji qabel id-data tal-iskadenza tal-applikazzjoni għall-parteċipazzjoni fl-irkantijiet.

    (3) Għal oġġetti ta' prodotti li l-iskeda ta’ żmien għall-applikazzjoni għal-liċenzja tal-kwota tagħhom mhix iffissata fil-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles Korea-UE, il-linji gwida speċifiċi tal-aġenziji magħżula biex jamministraw il-Kwoti tar-Rata Tariffarja (TRQs) (minn hawn ’il quddiem imsejħa “l-Aġenzji Rakkomandanti”) se jipprevedu perjodu, għat-tressiq tal-applikazzjoni għal liċenzja, li jkun ta’ mill-inqas sebat ijiem kalendarji mill-ewwel jum ta’ xogħol tas-sena ta' eżekuzzjoni msemmija fl-Anness 2-A, il-punt 5 tal-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles Korea-UE.

    Artikolu 2 Depożitu u miżati

    (1) Mhu ser ikun hemm l-ebda spiża amministrattiva jew ħlasijiet imposti minbarra d-depożitu – l-ammont imħallas minn offerenti li japplikaw għall-irkant - għal servizzi relatati ma’ applikazzjoni għal allokazzjoni ta’ TRQ permezz ta’ bejgħ bl-irkant.

    (2) L-istruzzjonijiet ġenerali għall-offerenti għal kull irkant għandhom jippreskrivu li d-depożitu jiġi rritornat lill-offerenti hekk kif il-proċeduri tal-amministrazzjoni normali ta' wara l-irkant ikunu tlestew.

    (3) L-ebda garanzija jew depożitu mhu se jkun meħtieġ għal applikanti għal liċenzja.

    Artikolu 3 Ħruġ u validità ta' rakkomandazzjoni

    (1) L-Aġenziji Rakkomandanti se joħorġu Rakkomandazzjoni għat-TRQs għall-Importazzjoni tal-FTA Korea-UE (minn hawn ’il quddiem imsejħa "Rakkomandazzjoni”) wara rkant jew applikazzjoni għal liċenzja.

    (2) Ir-rakkomandazzjonijiet lill-applikanti għandhom jinħarġu fi żmien jumejn kalendarji sakemm l-applikazzjoni tar-Rakkomandazzjoni tat-TRQs tkun tissodisfa r-rekwiżiti tar-Rakkomandazzjoni.

    (3) Rakkomandazzjoni għat-TRQs għall-importazzjoni tkun valida għal 90 jum. Il-perjodu tal-validità jista’ jiġi estiż għal 30 jum ieħor, iżda ma jistax jaqbeż l-aħħar jum tas-sena ta' eżekuzzjoni msemmija fl-Anness 2-A,  punt5 tal-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles Korea-UE.

    Artikolu 4 Pubblikazzjoni tal-informazzjoni dwar l-amministrazzjoni tat-TRQs

    (1) Il-linji gwida tal-Ministeru tal-Agrikoltura, l-Ikel u l-Affarijiet Rurali tal-Korea (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ "MAFRA”) u l-linji gwida speċifiċi tal-Aġenziji Rakkomandanti se jkunu ppubblikati fuq il-websajts rispettivi tagħhom.

    (2) Fuq bażi regolari, fuq il-websajts tagħhom l-Aġenziji Rakkomandanti se jippubblikaw  informazzjoni li tinkludi avviżi pubbliċi biex jitressqu applikazzjonijiet għal liċenzji u rkantijiet, allokazzjoni ta' liċenzji u perijodi tal-irkant, kwantitajiet allokati, kwantitajiet li jifdal disponibbli għal kull TRQ u d-data ppjanata tal-irkant/perjodu ta' liċenzjar li jkun imiss.

    (3) Il-kriterji bażiċi għal irkantijiet inklużi l-eliġibbiltà, il-ħlas ta’ depożitu u ta’ ritorn, id-dati tal-irkant, il-kodiċi u l-informazzjoni tal-irkant se jkunu inklużi fil-linji gwida speċifiċi tal-Korea Agro-Fisheries & Food Trade Corporation jew fl-istruzzjonijiet ġenerali lill-offerenti għal kull irkant.

    Artikolu 5 Regoli ta' allokazzjoni tat-TRQs

    Il-linji gwida tal-MAFRA jippermettu d-distribuzzjoni tal-volum annwali tat-TRQ matul is-sena permezz ta' diviżjoni tal-volum annwali tat-TRQ f'għadd ta' subvolumi, li s-somma tagħhom tkun ekwivalenti għall-volum tat-TRQ annwali. Il-volum totali ta’ TRQ għal kull sena ta’ eżekuzzjoni kif jistipula l-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles Korea-UE ma għandux jitnaqqas.

    L-amministrazzjoni tal-kwoti tar-rata tariffarja (TRQs): Glossarju

    Aġenziji rakkomandanti          Aġenziji Koreani maħtura biex jimmaniġġjaw it-TRQs: Il-Korea Dairy Industries Association, il-Korea Agro-Fisheries & Food Trade Corporation, il-Korea Feed Ingredients Association u l-Korea Feed Milk Replacer Association

                                                    Websajts:

    Il-Korea Dairy Industries Association (verżjoni bil-Korean biss hija disponibbli):

    http://www.koreadia.or.kr/

    Il-Korea Agro-Fisheries & Food Trade Corporation:

    http://www.at.or.kr/home/apen000000/index.action

                                                    Il-Korea Feed Ingredients Association (verżjoni bil-Korean biss hija disponibbli):

    http://www.kfeedia.org/main.html

                                                    Il-Korea Feed Milk Replacer Association (verżjoni bil-Korean biss hija disponibbli):

    http://milkreplacer.or.kr/

    Depożitu                                 Ammont imħallas mill-offerenti li japplikaw għal irkant. Id-depożitu jiġi rritornat lil kull offerent immedjatament wara r-rakkomandazzjoni tal-kwota.

    Rakkomandazzjoni                 Ħruġ ta' TRQ għall-importazzjoni wara rkant jew applikazzjoni għal liċenzja.         

    Perjodu ta’ validità                 Il-perjodu li matulu tkun valida rakkomandazzjoni għal TRQ għall-importazzjoni.

    Sena ta' eżekuzzjoni                Perjodu ta' 12-il xahar bejn anniversarji konsekuttivi tal-FTA (l-1 ta' Lulju) li huwa stabbilit għalihom fl-FTA Korea-UE volum annwali ta' TRQ.

    Top