Izberite preskusne funkcije, ki jih želite preveriti.

Dokument je izvleček s spletišča EUR-Lex.

Dokument 52014PC0563

Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL li tawtorizza lill-Istati Membri biex jirratifikaw, fl-interess tal-Unjoni Ewropea, il-Protokoll tal- 2014 għall-Konvenzjoni dwar ix-Xogħol Furzat, 1930, tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol fir-rigward ta’ kwistjonijiet relatati mal-politika soċjali

/* COM/2014/0563 final - 2014/0259 (NLE) */

52014PC0563

Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL li tawtorizza lill-Istati Membri biex jirratifikaw, fl-interess tal-Unjoni Ewropea, il-Protokoll tal- 2014 għall-Konvenzjoni dwar ix-Xogħol Furzat, 1930, tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol fir-rigward ta’ kwistjonijiet relatati mal-politika soċjali /* COM/2014/0563 final - 2014/0259 (NLE) */


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.           KUNTEST TAL-PROPOSTA

Id-Deċiżjonijiet tal-Kunsill li ġew proposti se jippermettu li l-Istati Membri jirratifikaw il-Protokoll tal-Konvenzjoni dwar ix-Xogħol Furzat, 1930, tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO), minn hawn 'il quddiem "il-Protokoll".

Il-Konvenzjoni dwar ix-Xogħol Furzat, 1930, (Nru 29), tal-ILO ("il-Konvenzjoni"), hija waħda mit-tmien Konvenzjonijiet fundamentali tal-ILO li flimkien jiffurmaw l-istandards ewlenin dwar ix-xogħol internazzjonali, u hija meqjusa bħala strument tad-drittijiet tal-bniedem. Fl-adozzjoni tal-Konvenzjoni fl-1930, il-Konferenza Internazzjonali dwar ix-Xogħol ("il-Konferenza") stiedenet lill-Istati biex jeliminaw l-użu ta’ xogħol furzat fl-iqsar żmien possibbli, u biex jikkriminalizzaw ir-reat. Madankollu, aktar minn 80 sena wara, minkejja r-ratifika kważi universali tal-Konvenzjoni, il-prattika għadha teżisti, għalkemm f’forom differenti minn dawk li ħolqu tħassib ta’ din it-tip fil-bidu tas-seklu għoxrin. L-ILO tistma li tal-inqas 20.9 miljun persuna madwar id-dinja huma vittmi ta' xogħol furzat.

Il-Protokoll, adottat fil-103 sessjoni tal-Konferenza, jfittex li jindirizza n-nuqqasijiet fl-implimentazzjoni u biex isir prograss fil-prevenzjoni tat-traffikar għall-isfruttament tax-xogħol u l-protezzjoni u l-kumpens tal-vittmi tax-xogħol furzat.

L-Unjoni Ewropea (UE) hija impenjata li tippromwovi d-drittijiet tal-bniedem u x-xogħol diċenti u li teqred it-traffikar tal-bnedmin kemm fl-Unjoni, kif ukoll fir-relazzjonijiet esterni tagħha. Fil-kuntest tal-Protokoll għandu importanza partikolari wkoll l-impenn tal-UE għall-promozzjoni tal-ħarsien tad-drittijiet tat-tfal u tal-ugwaljanza bejn is-sessi, billi n-nisa jistgħu jkunu partikolarment vulnerabbli għal ċerti forom ta’ xogħol furzat. Id-drittijiet fuq il-post tax-xogħol huma pilastru ewlieni tax-xogħol deċenti. Bir-ratifikazzjoni tal-konvenzjonijiet tal-ILO u l-Protokolli relatati, l-Istati Membri tal-UE jibagħtu messaġġ importanti dwar il-koerenza tal-politika tal-UE fil-promozzjoni tal-prinċipji fundamentali u d-drittijiet fil-post tax-xogħol u t-titjib tal-kundizzjonijiet tax-xogħol madwar id-dinja.

Barra minn hekk, bħala parti mill-istrateġija tal-UE dwar il-qerda tat-traffikar tal-bnedmin[1], il-Kummissjoni ħeġġet lill-Istati Membri tal-UE biex jirratifikaw l-istrumenti internazzjonali, il-ftehimiet u l-obbligi legali rilevanti kollha. Dan se jgħin biex jiġi indirizzat it-traffikar tal-bnedmin b’mod iktar effettiv, ikkoordinat u koerenti. It-tisħiħ tad-drittijiet tal-vittmi fl-UE kien ukoll prijorità strateġika tal-Kummissjoni matul dawn l-aħħar ftit snin. Id-Direttiva orizzontali dwar id-drittijiet tal-vittmi se tiżgura li l-vittmi tal-kriminalità jibbenefikaw minn standards minimi komuni ta’ drittijiet matul l-investigazzjonijiet tal-pulizija u l-proċeduri tal-qorti. Il-Protokoll għandu jitqies parti minn dan ix-xogħol.

Għalhekk jinħtieġ jitneħħa kull impediment legali fil-livell tal-UE għar-ratifika tal-Protokoll mill-Istati Membri tal-UE. Is-sustanza tal-Protokoll ma tikkawżax tħassib fid-dawl tal-acquis eżistenti tal-UE.

Id-dispożizzjonijiet tal-Protokoll issaħħu l-qafas legali internazzjonali billi jistabbilixxu obbligi biex jiġi evitat ix-xogħol furzat u biex il-vittmi jingħataw protezzjoni u aċċess għal rimedji, bħal kumpens.

Il-Protokoll, fl-Artikoli 1 u 6 tiegħu, jeħtieġ li l-Istati Membri tal-ILO jiżviluppaw politika nazzjonali u pjan ta’ azzjoni biex ix-xogħol furzat jitrażżan b'mod effettiv u kontinwu u biex jittieħdu miżuri għall-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Protokoll, b’konsultazzjoni mal-organizzazzjonijiet ta’ min iħaddem u tal-ħaddiema.

L-Artikolu 2 tal-Protokoll jistabbilixxi l-miżuri li l-Istati Membri tal-ILO għandhom jieħdu sabiex jiġi evitat ix-xogħol furzat, jiġifieri:

· jedukaw u jinfurmaw lin-nies, speċjalment dawk li huma partikolarment vulnerabbli, u min iħaddem;

· jagħmlu sforzi sabiex jiżguraw li l-kopertura u l-infurzar tal-leġiżlazzjoni rilevanti għall-prevenzjoni ta’ xogħol sfurzat japplikaw għall-ħaddiema kollha u fis-setturi kollha tal-ekonomija u li s-servizzi ta’ spezzjoni tax-xogħol huma msaħħa;

· iħarsu n-nies, speċjalment il-ħaddiema migranti, minn prattiki ta’ reklutaġġ u kollokament f'impjieg potenzjalment abbużivi u frodulenti;

· jappoġġaw lid-diliġenza dovuta mis-setturi pubbliċi u privati; kif ukoll

· jindirizzaw il-kawżi ewlenin li jżidu r-riskji tax-xogħol furzat.

Fir-rigward tal-vittmi tax-xogħol furzat, l-Artikolu 3 jipprovdi li jridu jittieħdu miżuri effettivi għall-identifikazzjoni, ir-rilaxx, il-protezzjoni, l-irkupru u r-riabilitazzjoni tagħhom u forom oħra ta’ għajnuna u appoġġ. L-Artikolu 4 jirrikjedi li l-Istati Membri tal-ILO jiżguraw li l-vittmi kollha jkollhom aċċess għar-rimedji, bħall-kumpens, u li l-awtoritajiet kompetenti jkunu intitolati li ma jtellgħux lill-vittmi l-qorti għall-attivitajiet illegali li kienu mġiegħla jwettqu.

Barra minn hekk, l-Artikolu 5 jipprovdi għal kooperazzjoni internazzjonali għall-prevenzjoni u l-qerda tax-xogħol furzat u l-Artikolu 7 jħassar id-dispożizzjonijiet tranżitorji mill-Konvenzjoni.

Il-Protokoll jindirizza oqsma tal-liġi tal-UE li diġà huma suġġetti għal grad avvanzat ta' regolamentazzjoni.

Fid-dispożizzjonijiet tiegħu dwar il-prevenzjoni tax-xogħol furzat, il-Protokoll jittratta l-aspetti koperti permezz tal-politika soċjali tal-UE, li fir-rigward tagħhom il-liġi tal-UE tistabbilixxi regoli minimi dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol[2].

Fid-dispożizzjonijiet tiegħu dwar il-protezzjoni tal-vittmi u l-aċċess għal rimedji, il-Protokoll jindirizza aspetti relatati mal-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali, li fir-rigward tagħhom il-liġi tal-UE tistabbilixxi standards minimi kontra t-traffikar u dwar id-drittijiet tal-vittmi[3].

Xi partijiet tal-Protokoll jinteraġixxu wkoll mal-moviment liberu tal-ħaddiema[4] u r-regoli dwar l-ażil u l-immigrazzjoni[5].

Barra minn hekk, il-Protokoll jinteraġġixxi ma’ regoli tal-politika kummerċjali komuni, il-ftehimiet internazzjonali tal-UE, il-kooperazzjoni għall-iżvilupp u l-istrumenti tal-kummerċ li jagħmlu referenza għall-istandards ewlenin tax-xogħol u r-ratifika u l-implimentazzjoni effettiva tal-konvenzjonijiet fundamentali tal-ILO minn pajjiżi terzi u fl-UE.

2.           RIŻULTATI TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET INTERESSATI U L-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

Mhux applikabbli.

3.           ELEMENTI LEGALI TAL-PROPOSTA

Il-Protokoll huwa ftehim internazzjonali vinkolanti, soġġett għal ratifika, u huwa marbut mal-Konvenzjoni. Huwa joħloq obbligi legali applikabbli għall-pajjiżi ratifikanti u jista’ biss jiġi ratifikat minn Stati li jkunu rratifikaw il-Konvenzjoni.

Fi ħdan l-ILO, Protokoll jintuża għar-reviżjoni parzjali ta' Konvenzjoni jew biex issirilha xi żieda, li jippermettu li jiġi adattat għal bidla fil-kundizzjonijiet, u dan jagħmlu aktar rilevanti. L-Artikolu 19(4) tal-Kostituzzjoni tal-ILO, dwar l-adozzjoni u r-ratifika ta’ Konvenzjonijiet, japplika wkoll għal Protokoll.

Skont il-każistika tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (ECJ)[6], u b’mod aktar speċifiku rigward il-konklużjoni u r-ratifika tal-Konvenzjoni tal-ILO[7], l-Istati Membri mhumiex f’pożizzjoni li jiddeċiedu li jirratifikaw il-Protokoll barra l-qafas tal-istituzzjonijiet tal-UE, billi xi partijiet tal-Protokoll jaqgħu f’oqsma ta’ kompetenza tal-UE.

Madankollu, l-UE bħala tali ma tistax tirratifika l-Protokoll tal-ILO, għaliex skont ir-regoli tal-ILO, l-Istati biss jistgħu jkunu partijiet għal Protokolli ta' dan it-tip.

Billi s-suġġett ta’ dan il-Protokoll jaqa’ parzjalment fi ħdan l-oqsma ta’ kompetenza tal-UE u parzjalment taħt dik tal-Istati Membri, l-istituzzjonijiet tal-UE u l-Istati Membri jridu jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jikkooperaw fir-ratifika tal-Protokoll u fl-implimentazzjoni tal-impenji li jirriżultaw minn dak il-Protokoll[8].

Matul l-aħħar għaxar snin, il-Kunsill diġà awtorizza lill-Istati Membri biex jirratifikaw, fl-interess tal-UE, ħames Konvenzjonijiet tal-ILO, li xi partijiet minnhom kienu f’oqsma ta’ kompetenza tal-UE[9].

B’referenza għall-Protokoll, ir-regolamentazzjoni qiegħda fi stadju avvanzat fid-diversi aspetti tal-ġlieda kontra t-traffikar, il-protezzjoni tal-vittmi u l-politiki tax-xogħol koperti mill-Protokoll, tant li l-Istati Membri ma għadhomx jistgħu jaġixxu bħala sovrani meta jittrattaw ma' partijiet esterni f’dan ir-rigward[10]. L-Artikolu 82(2) u 153 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jikkostitwixxu l-bażi legali prinċipali tal-leġiżlazzjoni tal-UE rilevanti, li hi aktar iddettaljata mill-prinċipji ġenerali stabbiliti fil-Protokoll.

Ma hemm l-ebda inkompatibbiltà bejn id-dispożizzjonijiet tal-Protokoll u r-rekwiżiti minimi għal dawn l-oqsma stabbiliti fl-acquis tal-UE.

F’konformità mal-Artikolu 19(8) tal-Kostituzzjoni tal-ILO, il-Protokoll jistabbilixxi standards minimi. L-acquis tal-UE jieħu l-istess approċċ. Dan ifisser li l-liġi tal-UE tista' tkun aktar stretta mill-istandards tal-ILO u vice versa[11].

Għalhekk, id-Deċiżjonijiet tal-Kunsill li ġew proposti se jawtorizzaw lill-Istati Membri biex jirratifikaw, fl-interessi tal-UE, dawk il-partijiet tal-Protokoll li jaqgħu f’oqsma ta’ kompetenza tal-UE, u jirrakkomandawlhom biex jagħmlu sforzi biex jagħmlu dan sal-aħħar tal-2016.

Minn naħa, id-Deċiżjonijiet tal-Kunsill li ġew proposti huma bbażati fuq l-Artikolu 218(6) tat-TFUE, b'mod konġunt mal-Artikolu 82(2) tat-TFUE, li jipprovdu l-bażi legali ewlenija għal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-kooperazzjoni ġudizzjarja fi kwistjonijiet kriminali rilevanti għall-indirizzar tat-traffikar tal-bnedmin u d-drittijiet tal-vittmi, u min-naħa l-oħra t-tieni s-subparagrafu tal-Artikolu 153(2) tat-TFUE b'mod konġunt mal-Artikolu 218(6) tat-TFUE, li jipprovdu l-bażi legali ewlenija għal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-ħarsien u t-titjib tal-kundizzjonijiet tax-xogħol, rilevanti għall-prevenzjoni tax-xogħol furzat.

Il-Protokoll għandu diversi objettivi li huma marbutin flimkien b’mod inseparabbli u fl-istess waqt mhumiex sekondarji għal xulxin u f'relazzjoni indiretta ma' xulxin. B’mod partikolari, minn banda l-Protokoll għandu l-għan li jikseb kundizzjonijiet ta’ xogħol deċenti u mill-banda l-oħra l-protezzjoni tal-vittmi ta' xogħol furzat jew obbligatorju u jissanzjona l-awturi. Għaldaqstant, irid ikun ibbażat kemm fuq l-Artikolu 82(2) tat-TFUE u kemm fuq l-Artikolu 153(1) (a) u (b). Deċiżjoni unika ma tistax tiġi adottata fuq bażi legali doppja meta l-proċeduri meħtieġa minn kull bażi legali jkunu inkompatibbli ma' xulxin.[12] Dan huwa l-każ hawnhekk minħabba l-fatt li kwistjonijiet relatati mal-kooperazzjoni ġudizzjarja fi kwistjonijiet kriminali ma jorbtux lid-Danimarka, li jwassal għal drittijiet tal-vot diverġenti fil-Kunsill. B'konsegwenza ta' dan, jinħtieġu żewġ Deċiżjonijiet tal-Kunsill separati.

F'dak li għandu x'jaqsam mal-objettiv tal-protezzjoni tal-vittmi ta' xogħol furzat jew obbligatorju u s-sanzjoni tal-atturi, l-Artikolu 82(2) tat-TFUE huwa l-unika bażi legali li fuqha għandha tkun ibbażata l-proposta preżenti. Huwa veru li l-Protokoll imiss ukoll mal-istatus ta’ residenza tal-vittmi ta’ xogħol furzat jew obbligatorju tant li dan huwa meħtieġ biex jippermetti li dawn il-vittmi jkollhom aċċess għal rimedji xierqa u effettivi (ara, b’mod partikolari, l-Artikolu 4 tal-Protokoll). Madankollu, ir-relazzjoni ta' dan il-għan mal-Artikolu 79 tat-TFUE hija biss waħda inċidentali, filwaqt li l-objettivi li jipprevjenu u jiġġieldu t-traffikar tal-bnedmin u li jħarsu lill-vittmi relatati mal-Artikolu 82(2) tat-TFUE[13] huma identifikabbli bħala l-fini u l-komponent predominanti.

F'dak il-kuntest, il-Kummissjoni tfakkar li fl-14 ta' April 2014, f'konformità mal-Artikolu 218(3) u (4) tat-TFUE, hija ppreżentat lill-Kunsill Rakkomndazzjoni għal Deċiżjoni tal-Kunsill li tawtorizza l-ftuħ tan-negozjati u direttivi ta' negozjar fil-103 sessjoni tal-Konferenza Internazzjonali tax-Xogħol dwar Protokoll biex tissuplimenta l-Konvenzjoni dwar ix-xogħol furzat Nru 29, 1930, tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (COM(2014)238 tal-14.4.2014). Il-Kummissjoni tfakkar ukoll li din ir-rakkomandazzjoni ġiet diskussa fil-laqgħat tal-Grupp ta’ Ħidma tal-Kunsill tal-5 ta’ Mejju, tal-14 ta’ Mejju u tas-16 ta’ Mejju 2014 u li, minkejja diversi tentattivi biex jintlaħaq qbil fuq soluzzjoni, ġie deċiż fil-laqgħa Coreper tat-23 ta’ Mejju 2014 li l-kwistjoni ma titkompliex iktar, u għalhekk, l-abbozz ta’ deċiżjoni lill-Kunsill ma jintbagħatx għall-adozzjoni. B'konsegwenza ta' dan, il-Kummissjoni ħarġet id-dikjarazzjoni li ġejja li ġiet irreġistrata fil-minuti tal-Coreper:

"Il-Kummissjoni tfakkar l-obbligu ta’ kooperazzjoni leali bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni fiċ-ċirkostanzi kollha. In-nuqqas ta’ dawn id-deċiżjonijiet se jwassal għal sitwazzjoni li mhijiex f’konformità mat-Trattati billi l-Istati Membri mhumiex legalment ħielsa li jagħmlu impenji legali dwar kwistjonijiet ta’ kompetenza tal-Unjoni f’negozjati internazzjonali mingħajr il-qafas ta’ deċiżjonijiet tal-Unjoni. Il-Kummissjoni se tivvaluta l-miżuri xierqa li għandhom jittieħdu f’dan ir-rigward. Il-Kummissjoni tfakkar il-ħtieġa li jiġu rrispettati l-kompetenzi tal-Unjoni, sabiex tiġi evitata kull inkompatibbiltà bejn l-acquis tal-Unjoni u l-istrumenti tal-ILO li jridu jiġu nnegozjati u sabiex l-Istati Membri jaġixxu fl-interessi tal-UE fi ħdan l-ILO.”

Il-Kummissjoni tinnota wkoll li, minkejja n-nuqqas tal-adozzjoni tal-abbozz ta’ deċiżjoni msemmi, l-Istati Membri komplew bin-negozjar u l-adozzjoni tal-Protokoll 2014 tal-Konvenzjoni dwar ix-xogħol furzat fi ħdan l-ILO. Minħabba l-importanza tal-Protokoll 2014 tal-Konvenzjoni dwar ix-Xogħol Furzat, b'dan il-Kummissjoni tkompli billi tipproponi, abbażi tal-Artikolu 218(6) tat-TFUE, li l-Istati Membri jkunu awtorizzati jirratifkaw il-Protokoll imsemmi, u jaġixxu b'mod konġunt fl-interess tal-Unjoni. Fl-istess ħin, il-Kummissjoni tenfasizza li din il-proposta ma tista’ bl-ebda mod titqies bħala l-aċċettazzjoni mill-Kummissjoni tal-legalità tal-proċedura li wasslet għall-adozzjoni tal-Protokoll imsemmi fi ħdan l-ILO

2014/0259 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

li tawtorizza lill-Istati Membri biex jirratifikaw, fl-interess tal-Unjoni Ewropea, il-Protokoll tal- 2014 għall-Konvenzjoni dwar ix-Xogħol Furzat, 1930, tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol fir-rigward ta’ kwistjonijiet relatati mal-politika soċjali

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 153(1)(a) u (b) tat-TFUE b'mod konġunt mal-Artikolu 218(6) (a) (v) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-kunsens tal-Parlament Ewropew[14],

Billi:

(1)       L-Unjoni Ewropea qed tħeġġeġ ir-ratifika tal-konvenzjonijiet internazzjonali tax-xogħol li ġew ikklassifikati mill-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol bħala aġġornati, biex jingħata kontribut lill-isforzi tal-Unjoni Ewropea biex tippromwovi d-drittijiet tal-bniedem u xogħol diċenti għal kulħadd kif ukoll biex jinqered it-traffikar tal-bnedmin kemm fl-UE kif ukoll barra minnha, billi l-ħarsien tal-prinċipji fundamentali u d-drittijiet fil-post tax-xogħol huwa aspett ewlieni.

(2)       Partijiet mir-regoli taħt il-Protokoll tal-2014 tal-Konvenzjoni dwar ix-Xogħol Furzat, 1930, tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO), minn hawn 'il quddiem "il-Protokoll", jaqgħu taħt il-kompetenzi tal-Unjoni skont l-Artikolu 153(1)(a) u (b) tat-TFUE B’mod partikolari, xi regoli tal-Protokoll diġà huma koperti mill-acquis tal-UE fil-qasam tal-politika soċjali[15].

(3)       B'konsegwenza, l-Istati Membri ma jistgħux jidħlu f’impenji b’rabta ma’ dawn il-partijiet barra mill-qafas tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea[16].

(4)       L-Artikolu 19(4) tal-Kostituzzjoni tal-ILO, dwar l-adozzjoni u r-ratifika ta' Konvenzjonijiet, japplika bl-istess mod għal Protokoll, li huwa ftehim internazzjonali li jorbot, suġġett għar-ratifika u marbut ma’ Konvenzjoni.

(5)       L-Unjoni Ewropea ma tistax tirratifika l-Protokoll, billi l-Istati biss jistgħu jkunu partijiet fih.

(6)       Għalhekk jinħtieġ li l-Istati Membri jkunu awtorizzati li jirratifikaw il-Protokoll, jaġixxu b’mod konġunt fl-interess tal-Unjoni Ewropea, għall-partijiet li jaqgħu taħt il-kompetenza tal-Unjoni skont l-Artikolu 153(1)(a) u (b) tat-TFUE.

(7)       Id-dispożizzjonijiet tal-abbozz tal-Protokoll għajr id-dispożizzjonijiet relatati mal-politika soċjali se jkunu soġġetti għal Deċiżjoni adottata b’mod parallel ma' din id-Deċiżjoni.

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Għall-partijiet li jaqgħu taħt il-kompetenza mogħtija lilhom mill-Unjoni Ewropea fl-Artikolu 153(1)(a) u (b) tat-TFUE, l-Istati Membri huma b'dan awtorizzati li jirratifikaw il-Protokoll tal-2014 tal-Konvenzjoni dwar ix-Xogħol Furzat, 1930, tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol.

Artikolu 2

L-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi meħtieġa biex jiddepożitaw l-istrumenti tagħhom ta' ratifika tal-Protokoll mad-Direttur Ġenerali tal-Uffiċċju Internazzjonali tax-Xogħol kemm jista' jkun malajr, preferibbilment sal-31 ta' Diċembru 2016.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell,

                                                                       Għall-Kunsill

                                                                       Il-President

[1]               L-istrateġija tal-UE lejn il-Qerda tat-Traffikar tal-Bnedmin 2012-2016, COM(2012) 286 tad-19.6.2012.

[2]               Inkluż id-Direttiva 91/533/KEE dwar l-obbligazzjoni ta' min iħaddem li jgħarraf lill-ħaddiema bil-kondizzjonijiet applikabbli għall-kuntratt jew għar-relazzjoni tal-impjieg (“dikjarazzjoni bil-miktub”), id-Direttiva 2008/104/KE dwar xogħol temporanju permezz ta’ aġenzija , kif ukoll Direttivi dwar is-saħħa u s-sikurezza fuq ix-xogħol, inkluża d-Direttiva Qafas 89/391/KEE, id-Direttiva 2003/88/KE dwar il-ħin tax-xogħol, id-Direttiva 94/33/KEE dwar il-protezzjoni taż-żgħażagħ fuq ix-xogħol u d-Direttiva 92/85/KEE dwar il-protezzjoni tal-maternità.

[3]               Id-Direttiva 2011/36/UE (“kontra t-traffikar”); Id-Direttiva 2012/29/UE (“drittijiet tal-vittmi”);

[4]               L-Artikolu 45 tat-TFUE u r-Regolament 492/2011 dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema fi ħdan l-Unjoni.

[5]               Id-Direttiva 2004/81/KE (“permess ta’ residenza għall-vittmi”) u d-Direttiva 2009/52/KE (“sanzjonijiet kontra min iħaddem”). Id-Direttiva 2008/115/KE (“ritorn”), id-Direttiva 2011/98/UE (“permess uniku”) u d-Direttiva 2014/36/UE (“ħaddiema staġonali”) huma wkoll ikkonċernati minn dispożizzjonijiet partikolari tal-Protokoll u r-Rakkomandazzjoni relatata.

[6]               Is-Sentenza tal-AETR tal-ECJ, il-każ 22/70 tal-31 ta' Marzu 1971, ECR 1971, 263; ara wkoll l-Artikolu 3(2) tat-TFUE li kkodifika dawn il-prinċipji.

[7]               L-Opinjoni 2/91 tal-ECJ tad-19 ta’ Marzu 1993 li tikkonċerna l-Konvenzjoni Nru 170 dwar is-Sustanzi Kimiċi, Ġabra 1993-I, paġna 1061.

[8]               L-Opinjoni 2/91 tal-ECJ (ibid), il-para. 36, 37 u 38.

[9]               Id-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-14 ta' April 2005 li tawtorizza lill-Istati Membri biex jirratifikaw, fl-interess tal-Komunità Ewropea, id-Dokumenti tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol dwar id-Dokumenti ta' Identità tal-Baħħara (il-Konvenzjoni Nru 185), ĠU L 136/1 tat-30.5.2005;              Id-Deċiżjoni tal-Kunsill tas-7 ta' Ġunju 2007 li tawtorizza lill-Istati Membri biex jirratifikaw, fl-interess tal-Komunita Ewropea, il-Konvenzjoni tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol dwar ix-Xogħol Marittimu tal-2006 (ĠU L 161/63 tat-22.6.2007);                Id-Deċiżjoni tal-Kunsill tas-7 ta' Ġunju 2010 li tawtorizza lill-Istati Membri biex jirratifikaw, fl-interess tal-Unjoni, Ewropea, il-Konvenzjoni tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol dwar ix-Xogħol fis-Sajd tal-2007 (il-Konvenzjoni Nru 188), ĠU 145/12, 11.6.2010.              Id-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-28 ta' Jannar 2014 li tawtorizza lill-Istati Membri biex jirratifikaw, fl-interessi tal-Unjoni Ewropea, il-Konvenzjoni dwar is-Sikurezza fl-Użu tas-Sustanzi Kimiċi fuq ix-Xogħol, 1990, tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (Konvenzjoni Nru 170) (2014/52/UE);           Id-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-28 ta' Jannar 2014 li tawtorizza lill-Istati Membri biex jirratifikaw, fl-interess tal-Unjoni Ewropea, il-Konvenzjoni dwar ix-xogħol diċenti għall-ħaddiema domestiċi, 2011, tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (il-Konvenzjoni Nru 189) (2014/51/UE);

[10]             L-Opinjoni 2/91 tal-ECJ, il-para. 25 u 26.

[11]             L-Opinjoni 2/91 tal-ECJ, il-para. 18.

[12]             Ara, l-iktar reċenti, il-ECJ, is-sentenza tal-11 ta’ Ġunju 2014, il-Każ C-377/12, il-para. 34.

[13]             Ara, b'mod partikolari, id-Direttiva 2012/29/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 li tistabbilixxi standards minimi fir-rigward tad-drittijiet, l-appoġġ u l-protezzjoni tal-vittmi tal-kriminalità, li hija bbażata fuq l-Artikolu 82(2) tat-TFUE, u d-Direttiva 2011/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta' April 2011 dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin u l-protezzjoni tal-vittmi tiegħu, li hija bbażata fuq l-Artikoli 82(2) u 83(1) tat-TFUE. L-Artikoli 1(1), 1(2), 1(3), 2(a), 2(c), 3, 4(1) u 4(2) tal-Protokoll jikkonċernaw b'mod dirett il-kwistjonijiet regolati minn dawn id-Direttivi.

[14]             ĠU C , , p. .

[15]             B'mod partikolari, l-Artikoli 1(1), 2(a) u 2(d) tal-Protokoll jikkonċernaw kwistjonijiet irregolati mid-Direttiva 91/533/KEE dwar l-obbligazzjoni ta' min iħaddem li jgħarraf lill-ħaddiema bil-kondizzjonijiet applikabbli għall-kuntratt jew għar-relazzjoni tal-impjieg (“dikjarazzjoni bil-miktub”), id-Direttiva 2008/104/KE dwar xogħol temporanju permezz ta’ aġenzija, kif ukoll id-Direttiva dwar is-saħħa u s-sikurezza fuq ix-xogħol, inkluża d-Direttiva Qafas 89/391/KEE, id-Direttiva 2003/88/KE dwar il-ħin tax-xogħol, id-Direttiva 94/33/KEE dwar il-protezzjoni taż-żgħażagħ fuq ix-xogħol u d-Direttiva 92/85/KEE dwar il-protezzjoni tal-maternità.

[16]             ECJ, Kawża 22/70, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill (“AETR”) [ECR] 1971, 263, il-paragrafu 22, l-opinjoni 2/91 (“ILO”), Ġabra 1993-I, 1061, paragrafu 26, u Kawża C-45/07, Il-Kummissjoni vs il-Kunsill [ECR] 2009 I- 701, paragrafu 31.

Na vrh