EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52014PC0539

Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tittieħed mill-Unjoni Ewropea fil-Kumitat dwar l-Akkwist Pubbliku mill-Gvern dwar l-irtirar tal-oġġezzjonijiet tal-Unjoni għat-tneħħija mill-elenkar ta' tliet entitajiet mill-Anness 3 tal-Ġappun fl-Appendiċi I tal-Ftehim dwar l-Akkwisti Pubbliċi

/* COM/2014/0539 final - 2014/0249 (NLE) */

52014PC0539

Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tittieħed mill-Unjoni Ewropea fil-Kumitat dwar l-Akkwist Pubbliku mill-Gvern dwar l-irtirar tal-oġġezzjonijiet tal-Unjoni għat-tneħħija mill-elenkar ta' tliet entitajiet mill-Anness 3 tal-Ġappun fl-Appendiċi I tal-Ftehim dwar l-Akkwisti Pubbliċi /* COM/2014/0539 final - 2014/0249 (NLE) */


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.           IL-KUNTEST TAL-PROPOSTA

Fl-2001 il-Ġappun nnotifika lis-Segretarjat tal-GPA l-intenzjoni tiegħu li jirtira mill-kamp ta' applikazzjoni tal-Ftehim dwar l-Akkwisti Pubbliċi (GPA) tad-WTO lit-tliet kumpaniji tal-Japanese Railway (JR) ta' Honshu, jiġifieri l-East Japan Railway Company, is-Central Japan Railway Company u l-West Japan Railway Company, li huma kumpaniji ferrovjarji li qabel il-gvern Ġappuniż kien proprjetarju tagħhom b'maġġoranza.

F’dak iż-żmien l-UE u Partijiet oħra ppreżentataw oġġezzjonijiet għat-tneħħija mill-elenkar ta' dawn il-kumpaniji, li ġew irtirati bejn l-2002 u l-2006.

Saru diversi konsultazzjonijiet bejn l-UE u l-Ġappun, madankollu kien fadal tħassib min-naħa tal-UE, filwaqt li l-partijiet l-oħra tal-GPA irtiraw l-oġġezzjonijiet tagħhom. Meta jittieħed kont ta' din is-sitwazzjoni, l-Anness 3 tal-iskeda tal-Ġappun skont il-GPA rivedut ma jelenkax it-tliet kumpaniji, iżda jinkludi nota li tispeċifika li l-kumpaniji madankollu se jibqgħu meqjusin inklużi sakemm l-UE tirtira l-oġġezzjoni kontra t-tneħħija mill-elenkar ta’ dawn il-kumpaniji.

Matul l-eżerċizzju dwar il-kamp ta' applikazzjoni tal-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles bejn l-UE u l-Ġappun, l-UE esprimiet ir-rieda tagħha li tneħħi l-oġġezzjoni għat-tneħħija mill-elenkar tat-tliet kumpanniji Ġappuniżi, fil-kuntest tan-negozjati tal-FTA dwar l-akkwist pubbliku mill-gvern. Dan kien l-approċċ adottat mill-Kunsill fil-Pjan Direzzjonali dwar il-Ferroviji u t-Trasport Urban li huwa approva flimkien mad-direttivi ta’ negozjar.

Abbażi tal-iżvilupp pożittiv tan-negozjati tal-FTA dwar l-akkwist ferrovjarju, b’mod partikulari l-konferma mill-Ġappun li għandu l-intenzjoni li jirrevedi b’mod sinifikanti l-kundizzjonijiet tal-applikazzjoni tar-riżerva tal-GPA tiegħu għall-ferroviji (“il-Klawsola dwar s-Sikurezza Operazzjonali” kif stipulata fin-Nota 4 tal-Anness 2 u n-Nota 3 (a) tal-Anness 3 tal-Ġappun) u li jippromwovi prattiki ta’ akkwist trasparenti u mhux diskriminatorji mit-tliet kumpaniji tal-JR ta' Honshu, l-Unjoni Ewropea tista’ tirtira l-oġġezzjonijiet tagħha għat-tneħħija mill-elenkar ta’ dawn il-kumpanniji mill-kamp ta' applikazzjoni tal-GPA tal-Ġappun.

2.           L-ELEMENTI LEGALI TAL-PROPOSTA

Kemm il-GPA[1] tal-1994 kif ukoll dak rivedut jistabbilixxu l-proċeduri ssimplifikati għat-teħid tad-deċiżjonijiet biex jiġu mmodifikati l-listi tal-entitajiet ta’ kull parti kontraenti (“t-tneħħija mill-elenkar”). Dawn il-modifiki jseħħu permezz tal-Kumitat tal-GPA, bħala l-korp responsabbli mill-operat tal-GPA. Meta fil-Kumitat tal-GPA ma titressaq l-ebda oġġezzjoni għall-modifika proposta, il-bidliet fl-iskedi tal-Partijiet tal-GPA jiġu aċċettati.  Din id-deċiżjoni jkollha effetti legali għall-Partijiet tal-GPA kkonċernati minħabba li tbiddel id-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet stabbiliti skont il-Ftehim.  

Fil-każ tat-tneħħija mill-elenkar tat-tliet kumpaniji ferrovjarji propost mill-Ġappun, il-Partijiet Kontraenti kollha aċċettaw il-modifika billi astjenew milli jikkomunikaw oġġezzjonijiet lill-Kumitat, bl-eċċezzjoni ta’ żewġ partijiet tal-GPA oħra, li sussegwentement irtiraw l-oġġezzjonijiet tagħhom permezz ta’ notifiki.

Għaldaqstant, il-partijiet kontraenti kollha, ħlief l-UE, ħadu pożizzjoni pożittiva fil-kuntest tal-Kumitat tal-GPA (jew billi astjenew milli jifformulaw oġġezzjonijiet jew billi neħħew l-oġġezzjonijiet). Dan ifisser l-aċċettazzjoni tal-modifika proposta mill-Ġappun. Madankollu, ġaladarba l-UE żammet l-oġġezzjoni tagħha, ma jistax jingħad li l-Kumitat nnifsu aċċetta l-modifika. Biex dan iseħħ, l-UE trid tieħu pożizzjoni pożittiva fil-kuntest tal-Kumitat tal-GPA, ladarba l-partijiet kontraenti l-oħra diġà għamlu dan.

Il-GPA rivedut jinkludi dispożizzjoni tranżitorja sabiex tiġi indirizzata s-sitwazzjoni fil-Kumitat tal-GPA. Din hija n-Nota 5 tal-Anness 3 tal-skeda tal-Ġappun fl-Appendiċi I tal-GPA. Bis-saħħa ta' din in-nota, it-tliet kumpaniji ferrovjarji jiġu meqjusa inklużi provviżorjament bħala entitajiet koperti mill-GPA. Madankollu, in-nota ma tibqax fis-seħħ meta l-UE tinnotifika lill-kumitat tal-GPA li hija tirtira l-oġġezzjoni tagħha. Għalhekk hemm tkomplija bejn l-avvenimenti tal-Kumitat tal-GPA qabel mal-GPA rivedut daħal fis-seħħ u wara li daħal fis-seħħ. Barra minn hekk, in-nuqqas ta' oġġezzjoni minn partijiet kontraenti oħra ġiet ikkonfermata meta l-pakkett tal-GPA rivedut ġie aċċettat skont kif kien adottah il-Kumitat tal-GPA.

Il-possibilità ta' notifika lill-Kumitat tal-GPA sabiex jiġu rtirati l-oġġezzjonijiet għandha għalhekk titqies bħala bidla tal-pożizzjoni tal-UE (li sa issa oġġezzjonat għal modifika tal-Ġappun) fil-Kumitat tal-GPA. In-notifika tal-UE tikkostitwixxi l-aħħar rekwiżit sabiex tintemm il-proċedura tal-Kumitat tal-GPA bl-aċċettazzjoni kollettiva tal-modifika tal-Ġappun, li jkollha effetti ġuridiċi fuq il-partijiet kontraenti tal-GPA kollha, mhux biss fuq l-UE.

Ladarba tidħol in-notifika tal-UE, il-kwistjoni tkun fuq l-aġenda tal-laqgħa tal-Kumitat tal-GPA. F’din il-laqgħa, il-kumitat tal-GPA ikun mistenni li jieħu azzjoni dwar il-kwistjoni biex juri li abbażi tal-bidla fil-pożizzjoni tal-UE rigward il-kumpaniji ferrovjarji, in-Nota 5 tal-Anness 3 tal-iskeda tal-Ġappun ma tibqax fis-seħħ, u li jiddikjara t-tmiem tal-“proċedura tat-tneħħija mill-elenkar”. Aktar tard, il-Kumitat għandu jirċievi kopja awtentika ċċertifikata tal-Anness 3 tal-iskeda tal-Ġappun mis-Segretarjat tal-GPA, li tkun tirrifletti s-sitwazzjoni l-ġdida.

L-Artikolu 218(9) tat-Trattat dwar il-funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jistipula li meta deċiżjoni li għandha effett legali teħtieġ li tittieħed f’korp imwaqqaf minn ftehim internazzjonali, il-Kunsill, fuq proposta tal-Kummissjoni, għandu jadotta d-Deċiżjoni li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni. Abbażi ta’ dan ta’ hawn fuq, it-tneħħija tal-oġġezzjonijiet tal-Unjoni għall-irtirar tat-tliet entitajiet mill-Anness 3 tal-Ġappun fl-Appendiċi I tal-Ftehim dwar l-Akkwisti Pubbliċi taqa’ taħt din id-dispożizzjoni billi d-deċiżjoni tittieħed f’korp imwaqqaf minn ftehim internazzjonali li jaffettwa d-drittijiet u l-obbligi tal-UE.

2014/0249 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tittieħed mill-Unjoni Ewropea fil-Kumitat dwar l-Akkwist Pubbliku mill-Gvern dwar l-irtirar tal-oġġezzjonijiet tal-Unjoni għat-tneħħija mill-elenkar ta' tliet entitajiet mill-Anness 3 tal-Ġappun fl-Appendiċi I tal-Ftehim dwar l-Akkwisti Pubbliċi

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 207(4) flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)       Fid-29 ta’ Awwissu 2001, in-notifika tal-Ġappun marbuta mal-irtirar ta’ East Japan Railway Company, Central Japan Railway Company u West Japan Railway Company mill-Anness 3 tal-Appendiċi I tal-Ġappun, ġiet iċċirkolata lill-Partijiet tal-GPA skont l-Artikolu XXIV:6(b) tal-Ftehim dwar l-Akkwisti Pubbliċi mill-Gvern tal-1994 (“il-GPA”).

(2)       Fl-1 ta’ Ottubru 2001, minħabba t-tħassib tal-bidu, l-Unjoni Ewropea oġġezzjonat skont l-Artikolu XXIV:6(b) tal-GPA tal-1994 għall-modifiki proposti kif innotifikati mill-Ġappun sabiex teżamina bir-reqqa r-raġunijiet għat-tneħħija mill-elenkar intenzjonata ta’ dawn l-entitajiet.

(3)       Minkejja d-diversi konsultazzjonijiet li saru bejn l-Unjoni u l-Ġappun, l-Unjoni ma rtiratx l-oġġezzjonijiet tagħha, b'kuntrast mal-partijiet l-oħra kollha li oġġezzjonaw.

(4)       Matul ir-reviżjoni tal-GPA tal-1994, ittieħed kont ta’ din is-sitwazzjoni. Il-Ġappun ma elenkax it-tliet kumpaniji kkonċernati fl-Anness 3 tiegħu, iżda inkluda nota li tispeċifika li l-kumpaniji għandhom jitqiesu inklużi fl-Anness 3 tiegħu dejjem jekk l-Unjoni Ewropea ma tirtirax l-oġġezzjoni tagħha kontra t-tneħħija mill-elenkar ta’ dawn il-kumpaniji.

(5)       Fil-qafas tal-eżerċizzju dwar il-kamp ta' applikazzjoni tal-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles bejn l-UE u l-Ġappun, u f’konformità mal-approċċ adottat mill-Kunsill rigward il-Pjan Direzzjonali dwar il-Ferroviji u t-Trasport Urban, u bla ebda ħsara għal kull valutazzjoni dwar il-livell ta’ kompetizzjoni fis-suq ferrovjarju Ġappuniż, l-Unjoni esprimiet li kienet lesta li tirtira l-oġġezzjoni għat-tneħħija mill-elenkar tat-tliet kumpaniji Ġappuniżi, skont in-negozjati tal-FTA dwar l-akkwist pubbliku mill-gvern.

(6)       Ladarba l-Ġappun ikkonferma li għandu l-intenzjoni li jirrevedi b’mod sinifikanti l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-klawsola dwar is-sikurezza operazzjonali kif stipulata fin-nota 4 tal-Anness 2 u n-nota 3(a) tal-Anness 3 fl-iskeda tal-Ġappun fl-Appendiċi I tal-GPA, u li jippromwovi prattiki ta’ akkwist trasparenti u mhux diskriminatorji mit-tliet kumpaniji ferrovjarji, l-Unjoni Ewropea għandha tirtira l-oġġezzjonijiet tagħha għat-tneħħija mill-elenkar ta’ dawn il-kumpanniji.

(7)       L-irtirar tal-oġġezzjonijiet għandu jkun bla ħsara għall-pożizzjoni tal-Unjoni fil-Kumitat tal-GPA dwar id-deċiżjoni fuq il-kriterji indikattivi li juru effettivament l-eliminazzjoni tal-kontroll jew tal-influwenza tal-gvern fuq l-akkwist kopert ta' entità, skont l-Artikolu XIX (8) tal-GPA rivedut, b’mod partikolari jekk il-kontroll jew l-influwenza tal-gvern ikunu effettivament eliminati meta l-entitajiet ikkonċernati mhumiex joperaw f’ambjent kompetittiv.

(8)       Huwa xieraq, għalhekk, li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed mill-Unjoni fil-Kumitat dwar l-Akkwist Pubbliku mill-Gvern fir-rigward tal-irtirar tal-oġġezzjonijiet,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li għandha tittieħed mill-Unjoni Ewropea fil-Kumitat dwar l-Akkwist Pubbliku tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ hija li l-Unjoni Ewropea tirrevoka l-oġġezzjonijiet kontra l-irtirar ta’ East Japan Railway Company, Central Japan Railway Company u West Japan Railway Company mill-Anness 3 tal-Ġappun fl-Appendiċi I tal-Ftehim dwar l-Akkwisti Pubbliċi.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell,

                                                                       Għall-Kunsill

                                                                       Il-President

[1]               2014/115/EU: Id-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-2 ta’ Diċembru 2013 dwar il-konklużjoni tal-Protokoll li jemenda l-Ftehim dwar l-Akkwisti Pubbliċi mill-Gvern, ĠU L 68, 7.3.2014, p. 1–1.

Top