Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52014PC0397

    Proposta għal DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL li temenda d-Direttivi 2008/98/KE dwar l-iskart, 94/62/KE dwar l-imballaġġ u l-iskart mill-imballaġġ, 1999/31/KE dwar ir-rimi ta' skart f'terraferma, 2000/53/KE dwar vetturi li m’għadhomx jintużaw, 2006/66/KE dwar batteriji u akkumulaturi u skart ta' batteriji u ta' akkumulaturi, u 2012/19/UE dwar skart ta' tagħmir elettriku u elettroniku

    /* COM/2014/0397 final - 2014/0201 (COD) */

    52014PC0397

    Proposta għal DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL li temenda d-Direttivi 2008/98/KE dwar l-iskart, 94/62/KE dwar l-imballaġġ u l-iskart mill-imballaġġ, 1999/31/KE dwar ir-rimi ta' skart f'terraferma, 2000/53/KE dwar vetturi li m’għadhomx jintużaw, 2006/66/KE dwar batteriji u akkumulaturi u skart ta' batteriji u ta' akkumulaturi, u 2012/19/UE dwar skart ta' tagħmir elettriku u elettroniku /* COM/2014/0397 final - 2014/0201 (COD) */


    MEMORANDUM TA' SPJEGAZZJONI

    1.           IL-KUNTEST TAL-PROPOSTA

    1.1         Il-Kuntest Ġenerali

    Daż-żmien, l-ekonomija tal-Unjoni qed titlef għadd ġmielu ta' materja prima sekondarja potenzjali li jkun hemm fil-flussi tal-iskart. Fl-2011, b'kollox, il-produzzjoni tal-iskart fl-UE laħqet kważi it-2.5 biljun tunnellata. Bħala eżempju, mill-iskart muniċipali ġġenerat fl-Unjoni, 40% biss jiġi rriċiklat u l-bqija jintrema fil-miżbliet (37%) jew fl-inċineratur (23%) li minnu 500 miljun tunnellata jistgħu jerġgħu jintużaw jew jiġu rriċiklati mod ieħor. Għalhekk, l-Unjoni mhix taħtaf l-opportunitajiet importanti biex ittejjeb l-effiċjenza fir-riżorsi u biex toħloq ekonomija aktar ċirkolari li twassal għat-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi filwaqt li jonqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet serra u d-dipendenza tagħha fuq il-materja prima importata.

    L-Unjoni qed tiffaċċja wkoll diskrepanzi fl-implimentazzjoni fost l-Istati Membri tagħha. Fl-2011, filwaqt li sitt Stati Membri kif jarmu fil-miżbliet tagħhom inqas minn 3% tal-iskart muniċipali tagħhom, 18-il Stat Membri tilfu r-riżorsi għax fil-miżbliet irmew aktar minn 50%, u saħansitra wħud jarmu fil-miżbliet aktar minn 90% tal-iskart. Dan juri diverġenzi kbar fost il-pajjiżi fejn jidħlu l-prestazzjonijiet fl-immaniġġjar tal-iskart, li jeħtiġilhom jiġu indirizzati mill-aktar fis.

    1.2         Ir-raġunijiet għall-proposta u l-għanijiet tagħha

    Ix-xejriet riċenti juru li l-effiċjenza tar-riżorsi tista' tkompli titjieb u din tista' toħloq bosta benefiċċji ekonomiċi u soċjali kbar. Mod essenzjali kif tiżdied l-effiċjenza tar-riżorsi hu billi l-iskart jinbidel f'riżorsa u allura tissawwar ekonomija ċirkolari sħiħa.

    Il-leġiżlazzjoni Ewropea, l-aktar billi nħolqu miri legalment vinkolanti, kienet xprun ewlieni biex jitjiebu l-prattiċi fl-immaniġġjar tal-iskart, titħajjar l-innovazzjoni fir-riċiklaġġ, jiġi limitat ir-rimi fil-miżbliet, u jinħolqu inċentivi biex tinbidel l-imġiba tal-konsumaturi. Jekk il-politika dwar l-iskart titmexxa 'l quddiem jista' jsir ħafna ġid, minħabba tkabbir sostenibbli u ħolqien tal-impjiegi mingħajr ħafna spejjeż, u fl-istess waqt tkun qed tgħin għal ambjent aħjar.

    Din il-proposta tindirizza l-obbligu legali ta' reviżjoni tal-miri tal-immaniġġjar tal-iskart fi tliet Direttivi: Id-Direttiva 2008/98/KE dwar l-iskart[1], id-Direttiva 1999/31/KE dwar ir-rimi ta' iskart f'terraferma[2], u d-Direttiva 94/62/KE dwar l-imballaġġ u l-iskart mill-imballaġġ[3]. B'dan il-mod, din tindirizza l-qagħda li tissemma hawn fuq, f'konformità mal-għanijiet tal-Pjan Direzzjonali tal-Użu Effiċjenti tar-Riżorsi[4] u s-Seba' Programm ta' Azzjoni Ambjentali[5], inklużi implimentazzjoni sħiħa tal-ġerarkija tal-iskart[6] f'kull Stat Membru, tnaqqis tal-ġenerazzjoni tal-iskart assolut u għal kull ras, u l-iżvilupp ta' strateġija wiesgħa li titħabat kontra l-iskart żejjed tal-ikel, filwaqt li tiżgura riċiklaġġ ta' kwalità għolja u li l-iskart riċiklat jintuża bħala sors affidabbli ewlieni tal-materja prima għall-Unjoni, u tillimita l-irkupru tal-enerġija għal materjali li mhumiex riċiklabbli u tħalli l-miżbliet għal skart li ma jistax jiġi rkuprat. Din tgħin ukoll fl-implimentazzjoni tal-Inizjattiva tal-UE għall-Materja Prima[7].

    Barra minn hekk, il-proposta fiha elementi li jissimplifikaw ir-rekwiżiti tar-rappurtar li hemm fid-Direttivi 94/62/KE dwar l-imballaġġ u l-iskart mill-imballaġġ, 2000/53/KE dwar vetturi li m'għadhomx jintużaw[8], u 2006/66/KE dwar batteriji u akkumulaturi u skart ta' batteriji u ta' akkumulaturi[9].

    2.           IR-RIŻULTATI TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET INTERESSATI U L-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

    2.1         L-istudji

    It-tliet studji li saru matul l-aħħar sentejn saħħew il-valutazzjoni tal-impatt u l-proposta legali[10] billi vvalutaw il-benefiċċji teknoloġiċi u soċjo-ekonomiċi, u l-benefiċċji meta mqabbla mal-ispejjeż, relatati mal-implimentazzjoni u l-iżvilupp ulterjuri tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar l-iskart.

    2.2         Il-konsultazzjoni interna

    Fis-16 ta' April 2012 inħoloq Grupp ta' Tmexxija dwar il-Valutazzjoni tal-Impatt. Dawn id-DĠ ġew mistiedna jieħdu sehem f'5 laqgħat tal-Grupp ta' Tmexxija ddwar il-Valutazzjoni tal-Impatt: l-SG, l-ECFIN, l-ENTR, il-CLIMA, il-JRC u l-ESTAT. Il-Grupp ta' Tmexxija dwar il-Valutazzjoni tal-Impatt segwa l-preparazzjoni tal-valutazzjoni tal-impatt.

    2.3         Il-konsultazzjoni esterna

    Il-Kummissjoni ħejjiet lista indikattiva ta' kwistjonijiet li jridu jiġu indirizzati, u l-ewwel intervisti mal-partijiet interessati ewlenin bdew fi Frar 2013. F'Ġunju 2013 tnediet konsultazzjoni pubblika fuq l-internet u ntemmet f'Settembru 2013 f'konformità mal-istandards minimi għall-konsultazzjoni.

    B'kollox waslu 670 tweġiba, u dan juri ħafna tħassib fost il-pubbliku dwar il-qagħda tal-immaniġġjar tal-iskart fl-UE u aspettattivi għoljin biex tittieħed azzjoni tal-UE f'dan il-qasam.

    2.4         Il-valutazzjoni tal-impatt

    Ma' din il-proposta qed jiġu ppubblikati rapport tal-valutazzjoni tal-impatt u sommarju eżekuttiv. Il-valutazzjoni tal-impatt tevalwa l-impatti ambjentali, soċjali u ekonomiċi ewlenin ta' bosta alternattivi ta' politika biex titjieb il-qagħda tal-immaniġġjar tal-iskart fl-UE. Qed jiġu vvalutati bosta livelli ta' ambizzjoni u qed jitqabblu max-"xenarju bażi" ħalli jinstabu l-aktar strumenti xierqa u l-miri filwaqt li jitnaqqsu l-ispejjeż u jiżdiedu l-benefiċċji kemm jista' jkun.

    Fit-8 ta' April 2014 il-Bord tal-Valutazzjoni tal-Impatt tal-Kummissjoni ta opinjoni pożittiva dwar il-valutazzjoni tal-impatt, u għamel għadd ta' rakkomandazzjonijiet biex jorqom ir-rapport. Il-Bord talab aktar kjarifika dwar id-definizzjoni tal-problema u l-ħtieġa ta' miri ġodda ta' nofs it-terminu, li jissaħħu l-argumenti favur projbizzjoni tal-miżbliet mil-lat ta' sussidjarjetà u proporzjonalità u favur miri uniformi f'kull Stat Membru, u li jiġi spjegat f'aktar dettall kif il-proposta qed tqis il-bosta prestazzjonijiet differenti tal-Istati Membri.

    Meta komplew jitqiesu l-alternattivi ta' politika li hemm fil-valutazzjoni tal-impatt, instabet il-konklużjoni li l-Alternattiva 2 u l-Alternattiva 3.7 se joħolqu dawn il-benefiċċji:

    – jonqsu l-piżijiet amministrattivi l-aktar għall-istabbilimenti jew l-impriżi ż-żgħar, tiżdied is-simplifikazzjoni u titjieb l-implimentazzjoni anki billi l-miri jkunu adatti għall-għan;

    – jinħolqu l-impjiegi – aktar minn 180,000 impjieg dirett sal-2030, l-aktar fosthom ma jkunx possibbli jitilqu mill-UE;

    – jistgħu jiġu evitati l-emissjonijiet tal-gassijiet serra – madwar 443 miljun tunnellati ta' gassijiet serra bejn l-2014 u l-2030;

    – jitħallew effetti pożittivi fuq il-kompetittività tas-setturi tal-UE tal-imminiġġjar tal-iskart u tar-riċiklaġġ kif ukoll fuq is-settur tal-manifattura tal-UE (EPR aħjar, inqas riskji assoċjati mal-aċċess tal-materja prima);

    – terġa' tiddaħħal il-materja prima sekondarja fl-ekonomija tal-UE u b'hekk tonqos id-dipendenza tal-UE fuq l-importazzjoni tal-materja prima.

    3.           L-ELEMENTI LEGALI TAL-PROPOSTA

    3.1         Sommarju tal-azzjoni proposta

    L-emendi ewlenin tal-proposta huma:

    – l-allinjament tad-definizzjonijiet u t-tneħħija tar-rekwiżiti legali skaduti;

    – is-simplifikazzjoni u r-razzjonalizzazzjoni tal-obbligi tar-rappurtar;

    – l-introduzzjoni ta' Sistema ta' Twissija Bikrija għall-monitoraġġ tal-konformità mal-miri tar-riċiklaġġ;

    – l-introduzzjoni ta' kundizzjonijiet operattivi minimi ta' tħaddim għar-Responsabbiltà Estiża tal-Produttur;

    – żieda fil-mira tat-tħejjija għall-użu mill-ġdid u għar-riċiklaġġ ta' skart muniċipali għal 70% sal-2030;  

    – żieda fil-miri tal-użu mill-ġdid u tar-riċiklaġġ tal-iskart mill-imballaġġ;

    – limitazzjoni għall-użu tal-miżbliet għal skart muniċipali mhux residwu sal-2030;

    – l-allinjament mal-Artikoli 290 u 291 tat-TFUE dwar atti delegati u ta' implimentazzjoni.

    Dan t'hawn fuq jistabbilixxi l-qafas legali meħtieġ għall-Istati Membri biex jiżviluppaw politiki u leġiżlazzjoni fil-qasam tal-prevenzjoni u tar-riċiklaġġ tal-iskart.

    3.2         Bażi legali u d-dritt ta' azzjoni

    Din id-Direttiva temenda sitt Direttivi li jindirizzaw l-immaniġġjar ta' skart differenti. Erbgħa minn dawn id-Direttivi (id-Direttiva 2008/98/KE, id-Direttiva 1999/31/KE, id-Direttiva 2000/53/KE u d-Direttiva 2012/19/UE) ġew adottati abbażi tal-Artikolu 192(1) tat-TFUE, filwaqt li d-Direttiva 2006/66/KE ġiet adottata abbażi tal-Artikolu 192(2) u tal-Artikolu 114 tat-TFUE u d-Direttiva 94/62/KE abbażi tal-Artikolu 114 tat-TFUE. Għaldaqstant, din id-Direttiva tibbaża fuq l-Artikolu 192(1) tat-TFUE u fuq l-Artikolu 114 tat-TFUE fir-rigward tal-Artikolu 2.

    L-Artikolu 11(2) tad-Direttiva 2008/98/KE jistabbilixxi mira ta' 50% tat-tħejjija għall-użu mill-ġdid u għar-riċiklaġġ tal-iskart domestiku u ta' skart simili u mira ta' 70% tat-tħejjija għall-użu mill-ġdid, għar-riċiklaġġ u għall-irkupru tal-materjal tal-iskart mhux perikoluż mill-bini u t-twaqqigħ sal-2020. Skont l-Artikolu 11(4), sa mhux aktar tard mill-31 ta' Diċembru 2014, il-Kummissjoni għandha teżamina dawk il-miri bil-għan li jekk ikun meħtieġ issaħħaħhom, u tqis jekk tistabbilixxix miri għal flussi oħra ta' skart rilevanti skont kif dawn il-miri jolqtu l-ambjent, l-ekonomija u s-soċjetà. Skont l-Artikolu 9(c), sa tmiem l-2014 il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi għanijiet għall-prevenzjoni u d-diżakkoppjar tal-iskart għall-2020, skont l-aqwa prattiki disponibbli, inkluża, jekk ikun meħtieġ, reviżjoni tal-indikaturi msemmija fl-Artikolu 29(4). Fl-aħħar nett, skont l-Artikolu 37(4), fl-ewwel rapport li jsir sat-12 ta' Diċembru 2014, il-Kummissjoni għandha tivvaluta għadd ta' miżuri li jinkludu skemi tar-responsabbiltà tal-produttur għal flussi speċifiċi ta' skart, miri, indikaturi u miżuri relatati mar-riċiklaġġ, kif ukoll operazzjonijiet ta' rkupru ta' materjal u enerġija li jistgħu jgħinu biex jintlaħqu l-għanijiet stabbiliti fl-Artikoli 1 u 4 b'mod aktar effettiv.

    L-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 1999/31/KE jistabbilixxi tliet miri għad-devjazzjoni tal-iskart muniċipali bijodegradabbli mill-miżbliet u jipprojbixxi r-rimi ta' ċertu flussi ta' skart. L-Istati Membri jridu jilħqu l-aħħar mira għad-devjazzjoni tal-iskart muniċipali bijodegradabbli mill-miżbliet sas-16 ta' Lulju 2016. Skont l-Artikolu 5(2), din għandha tiġi eżaminata mill-ġdid sas-16 ta' Lulju 2014 bil-ħsieb li tiġi konfermata jew emendata biex tiżgura livell għoli ta' protezzjoni ambjentali u fid-dawl tal-esperjenza prattika li kisbu l-Istati Membri meta laħqu ż-żewġ miri preċedenti.

    L-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 94/62/KE jistabbilixxi miri għall-irkupru u għar-riċiklaġġ tal-iskart mill-imballaġġ li skont l-Artikolu 6(5) għandu jiġu ffissati kull ħames snin skont l-esperjenza prattika li jiksbu l-Istati Membri u s-sejbiet tar-riċerka xjentifika u l-evalwazzjonijiet bħall-valutazzjonijiet taċ-ċiklu tal-ħajja u l-analiżi tal-ispejjeż u l-benefiċċji.

    3.3         Il-prinċipju tas-sussidjarjetà u l-prinċipju tal-proporzjonalità

    Il-proposta tikkonforma mal-prinċipju tas-sussidjarjetà u mal-prinċipju tal-proporzjonalità stabbiliti fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Din hi limitata għall-emenda tad-Direttivi msemmija hawn fuq billi tipprovdi qafas li jistabbilixxi għanijiet komuni, filwaqt li tħalli lill-Istati Membri liberi jiddeċiedu dwar il-metodi preċiżi tal-implimentazzjoni.

    3.4         Id-dokumenti ta' spjegazzjoni

    Il-Kummissjoni tqis li hemm bżonn id-dokumenti ta' spjegazzjoni biex titjieb il-kwalità tal-informazzjoni dwar it-traspożizzjoni tad-Direttiva għal dawn ir-raġunijiet.

    Ħafna drabi fl-Istati Membri l-leġiżlazzjoni dwar l-iskart tiġi trasposta b'mod deċentralizzat ħafna, inkluża fil-livell reġjonali jew lokali u f'bosta atti legali, skont l-istruttura amministrattiva tal-Istat Membru. Minħabba f'hekk , fit-traspożizzjoni tad-Direttivi emendati l-Istati Membri jaf ikollhom jemendaw varjetà wiesgħa ta' atti leġiżlattivi fil-livelli nazzjonali, reġjonali u lokali.

    Din id-Direttiva temenda sitt Direttivi differenti tal-iskart u taffettwa għadd importanti ta' obbligi legalment vinkolanti, inklużi emenda komprensiva tal-miri li hemm fid-Direttiva Qafas dwar l-Iskart, id-Direttiva dwar ir-Rimi ta' Skart f'Terraferma, u d-Direttiva dwar l-Imballaġġ u s-simplifikazzjoni tad-Direttiva WEEE (dwar l-iskart ta' tagħmir elettriku u elettroniku), id-Direttiva ELV (dwar vetturi li ma għadhomx jintużaw) u d-Direttiva dwar il-Batteriji. Din hi reviżjoni kumplessa tal-leġiżlazzjoni dwar l-iskart li jaf tolqot għadd ta' biċċiet ta' leġiżlazzjoni nazzjonali.

    Il-miri riveduti għall-immaniġġjar tal-iskart li hemm fid-Direttivi emendati huma interrelatati, u allura għandhom jiġu trasposti fil-leġiżlazzjoni nazzjonali u aktar tard inkorporati fis-sistemi nazzjonali għall-immaniġġjar tal-iskart.

    Id-dispożizzjonijiet tad-Direttivi emendati jolqtu firxa wiesgħa tal-partijiet ikkonċernati privati u pubbliċi fl-Istati Membri u jħallu impatt importanti fuq l-investimenti ppjanati u l-infrastrutturi futuri f'sistemi tal-immaniġġjar tal-iskart. It-traspożizzjoni sħiħa u tajba tad-Direttivi emendati hi meħtieġa biex tiżgura li jintlaħqu l-għanijiet tagħhom, jiġifieri li jħarsu s-saħħa tal-bniedem u tal-ambjent, iżidu l-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi, u jiżguraw il-funzjonament tas-suq intern u jevitaw l-ostakli għall-kummerċ u r-restrizzjoni għall-kompetizzjoni fl-UE.

    Aktarx il-fatturi msemmija hawn iżidu r-riskji li t-traspożizzjoni u l-implimentazzjoni tad-Direttiva jsiru ħażin, u jikkumplikaw ħidmet il-Kummissjoni li tissorvelja l-applikazzjoni tal-liġi tal-UE. Fejn tidħol it-traspożizzjoni tad-Direttiva riveduta dwar l-iskart hu importanti li tingħata informazzjoni ċara biex tkun żgurata konformità tal-leġiżlazzjoni nazzjonali mad-dispożizzjonijiet tagħha.

    Ir-rekwiżit li jingħataw id-dokumenti ta' spjegazzjoni jaf toħloq piż amministrattiv addizzjonali fuq l-Istati Membri. Madankollu, id-dokumenti ta' spjegazzjoni hemm bżonnhom biex tkun tista' ssir verifika effettiva tat-traspożizzjoni sħiħa u tajba li hi essenzjali għar-raġunijiet imsemmija hawn fuq, u ma jeżistux miżuri b'inqas piż li jippermettu verifika effiċjenti. Barra minn hekk, id-dokumenti ta' spjegazzjoni jistgħu jgħinu b'mod sinifikanti biex jonqos il-piż amministrattiv tal-monitoraġġ tal-konformità mill-Kummissjoni; u mingħajrhom hemm bżonn ħafna riżorsi u kuntatti mal-awtoritajiet nazzjonali biex jiġu traċċati l-metodi ta' traspożizzjoni f'kull Stat Membru. Għalhekk, il-possibbiltà li jiżdied il-piż amministrattiv minħabba l-provdiment tad-dokumenti ta' spjegazzjoni hu proporzjonat mal-mira segwita, l-aktar biex tkun żgurata traspożizzjoni effettiva u biex jintlaħqu għalkollox l-għanijiet tad-Direttivi riveduti.

    Fid-dawl ta' dan kollu, jixraq li l-Istati Membri jintalbu jakkumpanjaw in-notifika tal-miżuri ta' traspożizzjoni tagħhom b'dokument wieħed jew aktar li jispjegaw ir-relazzjoni bejn id-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva li temenda l-leġiżlazzjoni dwar l-iskart, u l-partijiet korrispondenti tal-istrumenti ta' traspożizzjoni nazzjonali .

    3.5         Is-setgħat delegati u ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni

    Il-paragrafi 2, 3, 5, 7, 8, 13, 14, 16, 18, 20, u 21 tal-Artikolu 1, il-paragrafi 2, 5, 6, 8, u 9 tal-Artikolu 2, il-paragrafi 6 u 7 tal-Artikolu 3, l-emenda proposta tal-Artikolu 4, u l-paragrafu 1 tal-Artikolu 6 ta' din il-Proposta jidentifikaw is-setgħat delegati u ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni fid-Direttivi 2008/98/KE, 94/62/KE u 1999/31/KE rispettivament, u jistabbilixxu l-proċeduri korrispondenti għall-adozzjoni ta' dawn l-atti..

    4.           L-IMPLIKAZZJONI BAĠITARJA

    Il-proposta mhux se jkollha impatt fuq il-baġit tal-Unjoni Ewropea u għaldaqstant mhix akkumpanjata bid-dikjarazzjoni finanzjarja stipulata fl-Artikolu 31 tar-Regolament Finanzjarju (ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002).

    2014/0201 (COD)

    Proposta għal

    DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

    li temenda d-Direttivi 2008/98/KE dwar l-iskart, 94/62/KE dwar l-imballaġġ u l-iskart mill-imballaġġ, 1999/31/KE dwar ir-rimi ta' skart f'terraferma, 2000/53/KE dwar vetturi li m’għadhomx jintużaw, 2006/66/KE dwar batteriji u akkumulaturi u skart ta' batteriji u ta' akkumulaturi, u 2012/19/UE dwar skart ta' tagħmir elettriku u elettroniku

    (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 192(1) tiegħu u, fir-rigward tal-Artikolu 2 ta' din id-Direttiva, l-Artikolu 114 tiegħu, Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

    Wara t-trażmissjoni tal-abbozz tal-att leġiżlattiv lill-Parlamenti nazzjonali,

    Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew[11],

    Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni[12],

    Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja,

    Billi:

    (1)       L-immaniġġjar tal-iskart fl-Unjoni għandu jittejjeb, bil-ħsieb li titħares, tinżamm u tiżdied il-kwalità tal-ambjent, tkun protetta s-saħħa tal-bniedem, tkun żgurata utilizzazzjoni razzjonali u prudenti tar-riżorsi naturali.

    (2)       Għalhekk il-bażi legali għall-emendi tad-Direttivi 1999/31/KE, 2000/53/KE, 2006/66/KE, 2008/98/KE u 2012/19/UE hu l-Artikolu 192(2) tat-Trattat. Madankollu, id-Direttiva 94/62/KE billi hi miżura li tiżgura l-funzjonament tas-suq intern, għandha tiġi emendata abbażi tal-Artikolu 114 tat-Trattat. Minħabba s-simplifikazzjoni u l-ekonomija proċedurali jixraq li jiġu emendati dawn id-Direttivi kollha permezz ta' att ta' emenda wieħed.

    (3)       Il-Kummissjoni rrevediet il-miri stipulati fl-Artikolu 11(2) tad-Direttiva 2008/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill[13], l-Artikolu 5(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 1999/31/KE[14] u l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 94/62/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill[15]. Fir-reviżjoni tagħha, il-Kummissjoni kienet sabet li jixraq jiġu emendati dawn il-miri biex jirriflettu aħjar il-ħtiġijiet tal-ekonomija ċirkolari billi jżidu t-tħejjija tal-użu mill-ġdid u tar-riċiklaġġ tal-iskart muniċipali u tal-iskart mill-imballaġġ u billi jwaqqfu r-rimi fil-miżbliet ta' skart li jkun destinat biex jintrema f'miżbliet għal skart mhux perikoluż.

    (4)       Ħafna Stati Membri għadhom ma żviluppawx għalkollox l-infrastruttura meħtieġa għall-immaniġġjar tal-iskart u qed jippjanaw l-investimenti bħalissa. Għalhekk hemm bżonn li jiġu stabbiliti għanijiet ċari ta' poltika ħalli jiġi evitat li l-materja prima sekondarja teħel fil-parti t'isfel tal-ġerarkija tal-iskart.

    (5)       L-iskart muniċipali jiġbor kważi bejn 7% u 10% tal-iskart kollu ġġenerat fl-Unjoni; madankollu, dan il-fluss tal-iskart hu fost l-aktar skart kumpless biex timmaniġġja, u l-mod kif jiġi mmaniġġjat jixhed sew il-kwalità tas-sistema ġenerali tal-immaniġġjar tal-iskart ġenerali fil-pajjiż. L-immaniġġjar tal-iskart muniċipali joħloq sfidi minħabba li l-kompożizzjoni tiegħu hi tassew kumplessa u mħallta, l-iskart iġġenerat hu qrib ferm taċ-ċittadini, u l-iskart iġġenerat għandu ħafna viżibilità pubblika. Minħabba f'hekk, l-immaniġġjar tiegħu jeħtieġ sistema kumplessa ħafna tal-immaniġġjar tal-iskart inkluża skema ta' ġbir effiċjenti, l-involviment attiv taċ-ċittadini u n-negozji, infrastruttura aġġustata skont il-kompożizzjoni speċifika tal-iskart, u sistema elaborata ta' finanzjament. Il-pajjiżi li żviluppaw sistemi effiċjenti għall-immaniġġjar tal-iskart muniċipali ġeneralment imorru aħjar fl-immaniġġjar ġenerali tal-iskart.

    (6)       L-iskart mill-imballaġġ u l-iskart muniċipali bijodegradabbli jiġbru proporzjon kbir mill-iskart muniċipali u mill-iskart domestiku u skart simili. Għaldaqstant hemm bżonn li li jingħarblu l-impatti li jkunu stabbiliti miri għall-immaniġġjar ta' dawn il-flussi tal-iskart fl-istess ħin.

    (7)       L-iskart industrijali, kummerċjali, u tal-minjieri hu diversifikat wisq mil-lat ta' volum u kompożizzjoni, u hu differenti ħafna skont l-istruttura ekonomika tal-Istat Membru, l-istruttura tas-settur industrijali jew kummerċjali li jiġġenera l-iskart, jew id-densità industrijali jew kummerċjali f'żona ġeografika partikolari. Għalhekk, għall-ħafna mill-iskart industrijali u tal-minjieri, is-soluzzjoni xierqa hi approċċ orjentat lejn l-industrija li juża d-dokumenti ta' referenza (BREF) bl-Aqwa Tekniki Disponibbli (BAT) biex jiġi indirizzati kwistjonijiet speċifiċi relatati mal-immaniġġjar ta' tip partikolari ta' skart[16]. Madankollu, l-iskart industrijali u kummerċjali mill-iskart se jibqgħu jkopruh ir-rekwiżiti tad-Direttiva 94/62/KE u tad-Direttiva 2008/98/KE, inkluż it-titjieb rispettiv tagħhom.

    (8)       Jekk jiżdiedu ftit ftit il-miri eżistenti tat-tħejjija għall-użu mill-ġdid u għar-riċiklaġġ tal-iskart muniċipali u jieqaf jintrema skart riċiklabbli fil-miżbliet li jkun jilħaq mhux aktar minn 25% tar-rimi fil-miżbliet sal-2025, għandu jkun żgurat li l-materjali ta' valur ekonomiku fl-iskart jiġu rkuprati progressivament u effettivament irkuprati bi mmaniġġjar tajjeb tal-iskart u f'konformità mal-ġerarkija tal-iskart. B'dan il-mod għandu jkun żgurat li materjali ta' valur fl-iskart jerġgħu lura fl-ekonomija Ewropea, u b'hekk isir progress fl-implimentazzjoni tal-Inizjattiva tal-Materja Prima[17] u fit-tiswir ta' ekonomija ċirkolari.

    (9)       Jekk ikomplu jiżdiedu l-miri stabbiliti fid-Direttivi 2008/98/KE, 94/62/KE u 1999/31/KE għall-użu mill-ġdid u r-riċiklaġġ ta' skart muniċipali u skart mill-imballaġġ, qabelxejn bi flussi ta' skart li jista' jiġi riċiklat malajr (bħall-plastik, il-metall, il-ħġieġ, il-karta, l-injam, il-bijoskart), dan kollu jkun ta' ġid kbir mil-lat ambjentali, ekonomiku u soċjali.

    (10)     Hemm bżonn konformità mal-obbligu li jiġu stabbiliti sistemi ta' ġbir separat għall-karta, il-metall, il-plastik u l-ħġieġ ħalli jiżdiedu r-rati tat-tħejjija għall-użu mill-ġdid u għar-riċiklaġġ tal-iskart muniċipali fl-Istati Membri. Barra minn hekk, il-ġbir separat tal-bijoskart li ddaħħal din il-proposta għandu jgħin fil-prevenzjoni ta' kontaminazzjoni tal-materjali riċiklabbli.

    (11)     Għalhekk bit-taħlita ta' miri tar-riċiklaġġ u restrizzjonijiet għar-rimi fil-miżbliet li toffri din il-proposta, il-miri tal-Unjoni kollha għall-irkupru tal-enerġija u riċiklaġġ massimu fejn jidħol l-iskart tal-imballaġġ li tistipula d-Direttiva 94/62/KE, m'għadhomx meħtieġa u għandhom jitħassru.

    (12)     Mill-miri ta' din il-proposta joħroġ fid-dieher li l-Istati Membri għandhom jappoġġaw l-użu tal-materjali rkuprati, bħall-karta u l-injam irkuprati, f'konformità mal-ġerarkija tal-iskart, bil-għan li jkunu żgurati l-provvista tal-materja prima u li l-Unjoni ssir aktar lejn "soċjetà riċiklanti" u, meta jkun possibbli, m'għandhomx jappoġġaw ir-rimi fil-miżbliet jew l-inċinerazzjoni ta' dawn il-materjali. L-Istati Membri m'għandhomx jappoġġaw l-inċinerazzjoni ta' skart li jista' jiġi riċiklat b'mod teknikament u ekonomikament fattibbli u skont kundizzjonijiet li jirrispettaw l-ambjent. Il-Premessa 29 tad-Direttiva 2008/98/KE għandu tiġi interpretata f'dan il-kuntest.

    (13)     Din il-proposta għandha l-għan li tistabbilixxi direzzjonijiet ċari għall-immaniġġjar tal-iskart tal-Unjoni u b'dan il-mod tiżgura sigurtà tal-investiment għall-Istati Membri u l-industrija. Waqt li jiżviluppaw l-istrateġiji nazzjonali tagħhom għall-immaniġġjar tal-iskart u jippjanaw l-investimenti fl-infrastruttura tal-immaniġġjar tal-iskart, l-Istati Membri għandhom jużaw sew il-Fondi Ewropej Strutturali u ta' Investiment f'konformità mal-ġerarkija tal-iskart billi jippromwovu t-tħejjija għall-użu mill-ġdid u għar-riċiklaġġ.

    (14)     Il-Kummissjoni stabbilixxiet miri sal-2025 għar-riċiklaġġ ta' skart tal-plastik mill-imballaġġ filwaqt li qieset dak li kien teknikament fattibbli fiż-żmien tar-reviżjoni tad-Direttiva; il-Kummissjoni tista' tipproponi livelli ġodda ta' miri sal-2030 għall-plastik skont l-evalwazzjoni dwar kemm l-Istati Membri mxew 'il quddiem f'li jilħqu dawn il-miri, filwaqt li tqis l-evoluzzjoni tat-tipi ta' plastik li jitqiegħed fis-suq u l-iżvilupp ta' teknoloġiji ġodda għar-riċiklaġġ.

    (15)     Il-ġbir separat u r-riċiklaġġ ta’ metalli u aluminju ferrużi jkun ta' ġid ekonomiku u ambjentali ġmielu għax jibda jinqabad aktar aluminju. Għalhekk il-mira tal-użu mill-ġdid u tar-riċiklaġġ għal imballaġġ tal-metall għandha tinqasam f'miri separati għal dawn iż-żewġ tipi ta' skart.

    (16)     Fost l-Istati Membri jeżistu differenzi kbar fejn jidħol l-immaniġġjar tal-iskart, l-aktar tal-iskart muniċipali. Sabiex tkun żgurata implimentazzjoni aħjar, f'waqtha u aktar uniformi tal-leġiżlazzjoni dwar l-iskart u sabiex jiġu antiċipati d-dgħufijiet fl-implimentazzjoni, għandha titwaqqaf sistema ta' twissija bikrija ħalli ssib in-nuqqasijiet u tkun tista' tittieħed azzjoni qabel l-iskadenzi biex jintlaħqu l-miri.

    (17)     Id-Direttiva 2008/98/KE tintroduċi definizzjonijiet bażiċi dwar l-immaniġġjar tal-iskart. Għal aktar koerenza tal-leġiżlazzjoni dwar l-iskart, hemm bżonn li d-definizzjonijiet fid-Direttivi 94/62/KE u 1999/31/KE jiġu allinjati mad-definizzjonijiet fid-Direttiva 2008/98/KE.

    (18)     Fid-Direttiva 2008/98/KE għandhom jiżdiedu d-definizzjonijiet ta' skart muniċipali, skart tal-ikel u radam mill-ġdid u fid-Direttiva 1999/31/KE għandha tiżdied id-definizzjoni ta' skart residwu ħalli jiġi ċċarat il-kamp ta' applikazzjoni ta' dawn il-kunċetti.

    (19)     Id-dejta statistika li jirrappurtaw l-Istati Membri hi essenzjali biex il-Kummissjoni tivvaluta l-konformità mal-leġiżlazzjoni dwar l-iskart. Jekk jibda jsir rappurtar annwali f'post waħdieni tad-dejta kollha dwar l-iskart, jitneħħew ir-rekwiżiti skaduti tar-rappurtar u ssir valutazzjoni komparattiva tal-metodoloġiji nazzjonali tar-rappurtar flimkien ma' verifika tal-kwalità tad-dejta minn parti terza, il-kwalità u l-affidabbiltà tal-istatistika għandha titjieb.

    (20)     Il-produtturi tal-oġġetti u l-prodotti għandhom ikunu responsabbli għall-immaniġġjar tal-iskart iġġenerat wara l-użu. L-iskemi tar-Responsabilità Estiża tal-Produttur huma parti essenzjali mill-immaniġġjar effiċjenti tal-iskart, iżda l-effettività  u l-prestazzjoni tagħhom ivarjaw sew fost l-Istati Membri. Għalhekk hemm bżonn li jiġu stabbiliti rekwiżiti operazzjonali minimi għar-responsabbiltà estiża tal-produttur bil-għan li jiġu internalizzati l-ispejjeż tal-immaniġġjar ta' tmiem il-ħajja ta' prodott skont standards ambjentali għoljin u li jingħata inċentiv lill-produtturi biex iqisu konsiderazzjonijiet ambjentali tul il-ħajja tal-prodotti, mit-tfassil sa tmiem l-użu tagħhom, ħalli jonqsu l-ispejjeż tagħhom u titjieb il-prestazzjoni, filwaqt li jiżguraw kundizzjonijiet ekwi u jevitaw ostakli għall-funzjonament tas-suq intern.

    (21)     L-immaniġġjar xieraq tal-iskart perikoluż għadu problema fl-Unjoni, u d-dejta dwar it-trattament tiegħu għadha parzjalment nieqsa. Għaldaqstant hemm bżonn li jissaħħu l-mekkaniżmi taż-żamma tar-rekords u tat-traċċabbiltà billi jitwaqqfu reġistri elettroniċi għall-iskart perikoluż fl-Istati Membri. Il-ġbir ta' dejta elettronika għandu jitwessa' għal tipi oħra ta' skart ħalli ż-żamma tar-rekords teħfief għan-negozji u għall-amministrazzjonijiet u ħalli jitjieb il-monitoraġġ tal-flussi tal-iskart fl-Unjoni.

    (22)     Sabiex tkun żgurata s-sigurtà tal-provvista tal-materja prima kritika u skont l-Inizjattiva dwar il-Materja Prima u l-għanijiet u l-miri tas-Sħubija Ewropea għall-Innovazzjoni dwar il-Materja Prima[18], l-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri biex jiksbu l-aqwa mmaniġġjar possibbli tal-iskart li jkun fih ammont ġmielu ta' materja prima kritika[19] f'konformità mal-ġerarkija tal-iskart, filwaqt li jitqiesu l-fattibbiltà ekonomiku u teknoloġika u l-benefiċċji ambjentali. Il-miżuri li jinsabu f'din id-Direttiva, pereżempju il-miri tar-riċiklaġġ għall-iskart muniċipali u l-projbizzjoni fuq ir-rimi ta' metalli, anki l-metalli fi prodotti mormija, f'miżbliet għal skart mhux perikoluż, se jappoġġaw il-miżuri meħuda fil-livell nazzjonali.

    (23)     Sabiex ikomplu jappoġġjaw l-implimentazzjoni effettiva tal-Inizjattiva dwar il-Materja Prima, fil-pjanijiet għall-immaniġġjar tal-iskart, l-Istati Membri għandhom jinkludu miżuri nazzjonali xierqa dwar il-ġbir u l-irkupru ta' skart li jkun fih ammont ġmielu ta' materja prima kritika.

    (24)     Wara li jitqiesu x'effetti negattivi jħalli l-ħela tal-ikel fuq l-ambjent u r-riperkussjonijiet tiegħu, għandu jitwaqqaf qafas għall-Istati Membri biex jiġbru u jirrappurtaw il-livelli ta' skart tal-ikel fis-setturi kollha b'mod komparabbli, u jitolbu li jiżviluppaw pjanijiet nazzjonali għall-prevenzjoni tal-iskart tal-ikel bil-ħsieb li jintlaħqu l-għan ambizzjuż li jnaqqsu l-iskart tal-ikel bi 30% sal-2025.

    (25)     Waqt li jkunu qed jiżviluppaw il-programmi nazzjonali għall-prevenzjoni tal-iskart tal-ikel, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu prijoritajiet ibbażati fuq il-ġerarkija tal-immaniġġjar tal-iskart: il-prevenzjoni, it-tħejjija għall-użu mill-ġdid, għar-riċiklaġġ u għall-irkupru u għar-rimi. Fil-każ ta' skart tal-ikel, dan għandu jiġi vvalutat bir-reqqa jekk u għal liema kategoriji ta' skart tal-ikel, id-donazzjoni u l-użu possibbli ta' dawk li kienu oġġetti tal-ikel fl-għalf tal-annimali, għandhom jingħataw prijorità fuq il-kompożizzjoni, il-ħolqien ta' enerġija rinnovabbli, u r-rimi fil-miżbliet. Din il-valutazzjoni għandha tqis l-aktar iċ-ċirkostanzi ekonomiċi, is-saħħa, u l-istandards tal-kwalità, u għandha tikkonforma dejjem mal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar is-sikurezza tal-ikel u tal-għalf u s-saħħa tal-annimali.

    (26)     Ir-rimi, l-aktar tal-plastik, iħalli impatt dirett u detrimentali fuq l-ambjent u l-ispejjeż għoljin tat-tindif huma piż ekonomiku żejjed. Jekk fil-pjanijiet għall-immaniġġjar tal-iskart jiddaħħlu miżuri speċifiċi, jingħata appoġġ finanzjarju mill-produtturi fl-iskemi tar-responsabbiltà estiża tal-produttur, u jsir infurzaw xieraq min-naħa tal-awtoritajiet kompetenti, dan kollu għandu jgħin biex tissolva din il-problema.

    (27)     Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-Idoneità u l-Prestazzjoni tar-Regolamentazzjoni ("REFIT"): Ir-riżultati u l-passi li jmiss[20] jimpenjaw lill-Kummissjoni biex tevalwa, tissimplifika jew tħassar miżuri leġiżlattivi tal-Unjoni bil-għan li ttaffi l-piż għan-negozji u tħeġġeġ it-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi. Il-Programm REFIT jagħti prijorità lill-azzjoni li tnaqqas il-piż regolatorju għall-istabbilimenti u l-impriżi żgħar. Mill-konsultazzjoni dwar l-aktar għaxar atti leġiżlattivi tal-UE li jtaqqlu lill-SMEs[21] ħareġ fid-dieher li l-leġiżlazzjoni dwar l-iskart hi qasam li jista' jittaffa mill-piż. Biex titwieġeb din is-sejħa, u wara konsultazzjoni aktar dettaljata mal-istabbilimenti u l-impriżi żgħar li saret fi grupp ta' ħidma apposta fis-16 ta' Settembru 2013, għandhom jiġu simplifikati r-rekwiżiti tal-awtorizzazzjoni u tar-reġistrazzjoni għall-istabbilimenti u l-impriżi żgħar.

    (28)     Ir-rapporti tal-implimentazzjoni li jħejju l-Istati Membri kull tliet snin urew li mhumiex għodda effettiva biex tkun verifikata l-konformità u żgurata implimentazzjoni tajba, u dawn qed joħolqu piż amministrattiv żejjed. Għalhekk hemm bżonn li jitħassru d-dispożizzjonijiet li jobbligaw lill-Istati Membri biex jipproduċu rapporti bħal dawn u minflok, id-dejta statistika li l-Istati Membri jirrapportaw lill-Kummissjoni kull sena li tkun turi meta aktarx jintlaħqu l-miri, tintuża esklussivament għal finijiet ta' monitoraġġ tal-konformità.

    (29)         Hemm bżonn jissokta r-rappurtar dwar ċertu aspetti tal-implimentazzjoni tad-Direttiva 2000/53/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill[22]. Għal monitoraġġ aħjar tal-implimentazzjoni ta' dik id-Direttiva, dan ir-rappurtar għandu jsir kull sena.

    (30)         Ir-rappurtar affidabbli tad-dejta statistika dwar l-immaniġġjar tal-iskart hu fundamentali għal implimentazzjoni effiċjenti u biex ikunu żgurati kundizzjonijiet ekwi fost l-Istati Membri. Għalhekk, meta jippreparaw ir-rapporti dwar il-konformità mal-miri stipulati fil-leġiżlazzjoni dwar l-iskart, l-Istati Membri għandhom jużaw l-aktar metodoloġija riċenti li żviluppaw il-Kummissjoni u l-uffiċċji nazzjonali tal-istatistika tal-Istati Membri.

    (31)     Sabiex id-Direttiva 94/62/KE tiġi supplimentata jew emendata, is-setgħa li tadotta atti skont l-Artikolu 290 tat-Trattat għandha tingħata lill-Kummissjoni fir-rigward tal-Artikoli 3(1), 11(3), 19(2) u 20(1). B'mod partikolari, hu importanti li l-Kummissjoni tagħmel konsultazzjonijiet xierqa matul il-ħidma preparatorja tagħha, inkluż fil-livell ta' esperti. Meta tħejji u tfassal l-atti delegati, il-Kummissjoni għandha tiżgura trażmissjoni simultanja, f'waqtha u xierqa tad-dokumenti rilevanti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

    (32)     Sabiex id-Direttiva 2008/98/KE tiġi supplimentata jew emendata, is-setgħa li tadotta atti skont l-Artikolu 290 tat-Trattat għandha tingħata lill-Kummissjoni fir-rigward tal-Artikoli 5(2), 6(2), 7(1), 27(1), 27(4), 38(1), 38(2) u 38(3). B'mod partikolari, hu importanti li l-Kummissjoni tagħmel konsultazzjonijiet xierqa matul il-ħidma preparatorja tagħha, inkluż fil-livell ta' esperti. Meta tħejji u tfassal l-atti delegati, il-Kummissjoni għandha tiżgura trażmissjoni simultanja, f'waqtha u xierqa tad-dokumenti rilevanti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

    (33)     Sabiex id-Direttiva 1999/31/KE tiġi supplimentata jew emendata, is-setgħa li tadotta atti skont l-Artikolu 290 tat-Trattat għandha tingħata lill-Kummissjoni fir-rigward tal-Artikolu 16. B'mod partikolari, hu importanti li l-Kummissjoni tagħmel konsultazzjonijiet xierqa matul il-ħidma preparatorja tagħha, inkluż fil-livell ta' esperti. Meta tħejji u tfassal l-atti delegati, il-Kummissjoni għandha tiżgura trażmissjoni simultanja, f'waqtha u xierqa tad-dokumenti rilevanti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. Kull emenda fl-Annessi għandha ssir biss skont il-prinċipji stipulati f'din id-Direttiva kif espressi fl-Annessi. Għal dan il-għan, fejn jidħol l-Anness II, il-Kummissjoni għandha tqis il-prinċipji ġenerali u l-proċeduri ġenerali għal kriterji tal-ittestjar u tal-aċċettazzjoni kif jistipula l-Anness II, kriterji speċifiċi u/jew metodi tal-ittestjar u valuri limiti assoċjati għandhom jsiru għal kull klassi ta' miżbla, u jekk ikun hemm bżonn anki għal tipi speċifiċi ta' miżbliet f'xi klassi partikolari, inkluża l-ħażna ta' taħt l-art. Fi żmien sentejn minn meta tidħol fis-seħħ din id-Direttiva, meta jkun xieraq, il-Kummissjoni għandha tqis biex tadotta proposti għall-istandardizzazzjoni ta' metodi tal-kontroll, tat-teħid tal-kampjuni u tal-analiżi rigward l-Annessi.

    (34)     Sabiex ikunu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni tad-Direttiva 94/62/KE, is-setgħat ta' implimentazzjoni għandhom jingħataw lill-Kummissjoni fir-rigward tal-Artikoli 12(3b) u 19(1). Dawn is-setgħat għandhom jiġu eżerċitati skont ir-Regolament (KE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill[23].

    (35)     Sabiex ikunu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni tad-Direttiva 1999/31/KE, is-setgħat ta' implimentazzjoni għandhom jingħataw lill-Kummissjoni fir-rigward tal-Artikoli 3(3), 5(2), 5(2a), 5(2b), l-Anness I, il-paragrafu 3.5 u l-Anness II, il-paragrafu 5. Dawn is-setgħat għandhom jiġu eżerċitati skont ir-Regolament (KE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill[24].

    (36)     Sabiex ikunu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni tad-Direttiva 2008/98/KE, is-setgħat ta' implimentazzjoni għandhom jingħataw lill-Kummissjoni fir-rigward tal-Artikoli 9(3), 11(3), 24(2), 29(4), 33(2), 35(4), 37(4) u 38(4). Dawn is-setgħat għandhom jiġu eżerċitati skont ir-Regolament (KE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill[25].

    (37)     F'konformità mad-Dikjarazzjoni tal-Politika Konġunta tal-Istati Membri u l-Kummissjoni dwar id-dokumenti ta' spjegazzjoni tat-28 ta' Settembru 2011, l-Istati Membri impenjaw ruħhom li f'każijiet ġustifikati, jakkumpanjaw in-notifika tal-miżuri tat-traspożizzjoni tagħhom, b'dokument wieħed jew aktar li jispjega r-relazzjoni bejn il-komponenti ta' Direttiva u l-partijiet korrispondenti tal-istrumenti tat-traspożizzjoni nazzjonali. Fir-rigward ta' din id-Direttiva, il-leġiżlatur iqis li t-traspożizzjoni ta' dokumenti bħal dawn hi ġustifikata.

    (38)         Billi l-għanijiet ta' din id-Direttiva, jiġifieri li ttejjeb l-immaniġġjar tal-iskart fl-Unjoni, u b'hekk tgħin fil-protezzjoni, il-preservazzjoni u t-titjib tal-kwalità tal-ambjent u għall-utilizzazzjoni prudenti u razzjonali tar-riżorsi naturali madwar l-Unjoni, ma jistgħux jintlaħqu sew mill-Istati Membri, iżda jistgħu jintlaħaq aħjar fil-livell tal-Unjoni minħabba l-iskala tal-effetti tal-miżuri, l-Unjoni tista' tadotta miżuri skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Skont il-prinċipju tal-proporzjonalità kif stabbilit fl-istess Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak meħtieġ biex jintlaħqu dawk l-għanijiet.

    ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

    Artikolu 1

    Emenda għad-Direttiva 2008/98/KE

    Id-Direttiva 2008/98/KE hi emendata kif ġej:

    (1) L-Artikolu 3 hu emendat kif ġej:

    (a) jiddaħħal dan il-punt (1a):

    "(1a). "skart muniċipali" tfisser skart kif stipulati fl-Anness VI;";

    (b) jiddaħħlu dawn il-punti (4a) u (4b):

    "(4a). "skart tal-ikel" tfisser ikel (inklużi l-partijiet li ma jittiklux) li jintilef mill-katina tal-provvista tal-ikel, ħlief ikel iddevjat għal użi materjali bħall-prodotti b'bażi bijoloġika, l-għalf tal-annimali jew l-ikel mibgħut għad-distribuzzjoni mill-ġdid;

    (4b). "skart mill-bini u mit-twaqqigħ tal-bini" tfisser l-iskart li jikkorrispondi għall-kategoriji tal-iskart li jinsabu fil-Kapitolu 17 tal-Anness tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2000/532/KE u kull modifika sussegwenti, ħlief l-iskart perikoluż u materjal li jokkorri b'mod naturali kif definit fil-kategorija 17 05 04;";

    (c) jiddaħħal dan il-punt (15a):

    "15(a). "materjal tal-irkupru" tfisser kull operazzjoni tal-irkupru, ħlief l-irkupru tal-enerġija u l-ipproċessar mill-ġdid f'materjali li jintużaw bħala karburant;";

    (d) jiddaħħal dan il-punt (17a):

    "(17a). "radam mill-ġdid" tfisser xi wieħed minn dawn it-tipi ta' rkupru:

    (i) irkupru meta l-iskart jintuża f'żoni skavati bħal minjieri taħt l-art jew fosos taż-żrar bil-għan ta' reklamazzjoni tax-xaqliba, għas-sikurezza, jew għall-fini ta' xogħlijiet ta' inġinerija fl-arranġamenti tal-pajsaġġ;

    (ii) irkupru meta l-iskart jintuża għall-finijiet ta' bini, stivar ta' minjieri u barrieri, rikultivazzjoni, reklamazzjoni tal-art, jew arranġamenti tal-pajsaġġ u meta l-iskart ikun jieħu post materjal ieħor li mhux skart u li inkella kien jintuża għal dak il-għan;";

    (e) jiddaħħal dan il-punt (20a):

    "(20a). "stabbilimenti jew impriżi żgħar" tfisser stabbilimenti li jħaddmu inqas minn 250 persuna u li għandhom fatturat annwali li ma jaqbiżx il-EUR 50 miljun, jew total annwali fil-karta tal-bilanċ li ma jaqbiżx it-EUR 43 miljun;";

    (2) L-Artikolu 5 hu emendat kif ġej:

    (a) fil-paragrafu 1 jiddaħħal dan il-punt (e):

    "(e) kull kundizzjoni oħra li trid tiġi ssodisfata għal sustanzi jew oġġetti speċifiċi stabbiliti skont il-paragrafu 2.";

    (b) il-paragrafu 2 jinbidel b'dan li ġej:

    "2. Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa biex tadotta atti delegati skont l-Artikolu 38a li jkunu jistabbilixxu l-kriterji li jridu jiġu ssodisfati għal sustanzi jew oġġetti speċifiċi li għandhom jitqiesu bħala prodotti sekondarji u mhux bħala skart kif imsemmi fil-punt (1) tal-Artikolu 3.”;

    (3) L-Artikolu 6(2) jinbidel b'dan li ġej:

    "2. Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa biex tadotta atti delegati skont l-Artikolu 38a li jkunu relatati mal-adozzjoni tal-kriterji msemmija fil-paragrafu 1 u jispeċifikaw it-tip ta' skart li għalih għandhom japplikaw dawn il-kriterji. Għandhom jitqiesu kriterji speċifiċi għal tmiem l-iskart, fost oħrajn, għall-inqas għall-aggregati, il-karta, il-ħġieġ, il-metall, it-tajers u t-tessuti.

    (4) L-Artikolu 6(3) jinbidel b'dan li ġej:

    "3. Skart li ma baqax jitqies bħala skart skont il-paragrafi 1 u 2 għandu jitqies li jiġi riċiklati għall-finijiet tal-kalkolu tal-miri stabbiliti f'din id-Direttiva, fid-Direttivi 94/62/KE, 2000/53/KE, 2006/66/KE u fid-Direttiva 2012/19/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill* ħlief meta l-materjali jkunu maħsuba biex jintużaw bħala karburant jew, bl-eċċezzjoni ta' aggregati mill-iskart tal-bini u tat-twaqqigħ, għar-radam mill-ġdid.";

    * Id-Direttiva 2012/19/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta' Lulju 2012 dwar skart ta' tagħmir elettriku u elettroniku (WEEE) (ĠU L 197, 24.7.2012, p. 38).

    (5) L-Artikolu 7 hu emendat kif ġej:

    (a) fil-paragrafu 1, l-ewwel sentenza tinbidel b'dan li ġej:

    "1. Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa biex tadotta atti delegati skont l-Artikolu 38a li jkunu relatati mal-aġġornament tal-lista ta' skart stabbilita fid-Deċiżjoni 2000/532/KE.";

    (b) jitħassar il-paragrafu 5;

    (6) L-Artikolu 8 hu emendat kif ġej:

    (a) fil-paragrafu 1, l-ewwel subparagrafu hu emendat b'dan li ġej:

    "1a. Ir-responsabbiltà estiża tal-produttur tfisser ir-responsabbiltà operazzjoni u/jew finanzjarja tal-produttur għal prodott estiża għal dik il-fażi fiċ-ċiklu tal-ħajja tal-prodott meta dan ikun intuża.";

    (b) il-paragrafu 2 jinbidel b'dan li ġej:

    "2. L-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri xierqa biex iħeġġu d-disinn ta' prodotti biex inaqqsu l-impatt ambjentali tagħhom u l-ġenerazzjoni tal-iskart waqt il-produzzjoni u l-użu sussegwenti tal-prodotti, mingħajr xkiel għas-suq intern.

    Dawk il-miżuri għandhom jinkludu miżuri li jħeġġu l-iżvilupp, il-produzzjoni u l-kummerċjalizzazzjoni ta' prodotti adattati għal użu multiplu, li teknikament ikunu jdumu u li meta jsiru skart ikunu adattati għall-użu mill-ġdid u għar-riċiklaġġ, ħalli teħfief l-implimentazzjoni xierqa tal-ġerarkija tal-iskart. Il-miżuri għandhom iqisu l-impatti taċ-ċiklu kollu tal-ħajja tal-prodotti.";

     (c) il-paragrafu 3 jinbidel b'dan li ġej:

    "3. Meta jkunu qed jiżviluppaw u japplikaw ir-responsabbiltà estiża tal-produttur, l-Istati Membri għandhom jikkonformaw mar-rekwiżiti minimi stipulati fl-Anness VII.";

    (7) L-Artikolu 9 jinbidel b'dan li ġej:

    "Artikolu 9

    Il-prevenzjoni tal-iskart

    "1. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri xierqa ta' prevenzjoni tal-iskart.

    2. Kull sena, l-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent għandha tippubblika rapport li jkun juri progress fil-prevenzjoni tal-ġenerazzjoni tal-iskart għal kull Stat Membru u għall-Unjoni Ewropea kollha kemm hi, inkluż dwar id-diżakkoppjar tal-ġenerazzjoni tal-iskart mit-tkabbir ekonomiku.

    3. L-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri biex jipprevjenu l-ġenerazzjoni tal-iskart tal-ikel tul il-katina kollha tal-provvista alimentari. Il-miżuri għandhom jippruvaw jiżguraw li l-iskart tal-ikel fis-setturi tal-manifattura, tal-bejgħ bl-imnut/tad-distribuzzjoni, tas-servizzi tal-ikel/tal-ospitalità u tad-djar tnaqqas b'mill-inqas 30% mill-1 ta' Jannar 2017 sal-31 ta' Diċembru 2025.

    Sal-31 ta' Diċembru 2017, il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta' implimentazzjoni li jistabbilixxu kundizzjonijiet uniformi għall-monitoraġġ tal-implimentazzjoni ta' miżuri tal-prevenzjoni tal-iskart tal-ikel meħuda mill-Istati Membri. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 39(2).";

    (8) L-Artikolu 11 hu emendat kif ġej:

    (a) il-paragrafu 2 hu emendat kif ġej:

    (i) il-punt (a) jinbidel b'dan li ġej: "(a) sa mhux aktar tard mill-1 ta' Jannar 2020, ir-riċiklaġġ u t-tħejjija għall-użu mill-ġdid tal-iskart muniċipali għandhom jiżdiedu għal mill-anqas 50% skont il-piż;";

    (ii) jiżdied dan il-punt (c):

    "(c) sa mhux aktar tard mill-1 ta' Jannar 2030, ir-riċiklaġġ u t-tħejjija għall-użu mill-ġdid tal-iskart muniċipali għandhom jiżdiedu għal mill-anqas 70% skont il-piż.";

    (b) il-paragrafi 3, 4 u 5 jinbidlu b'dan li ġej:

    "3. Il-Kummissjoni tista' tadotta l-atti ta' implimentazzjoni skont il-bżonn biex tiżgura implimentazzjoni uniformi tal-mira stabbilita fil-paragrafu 2(b) fir-rigward tar-radam mill-ġdid. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 39(2).

    4. Sabiex jinstab jekk intlaħqux il-miri stabbiliti fil-paragrafu 2(a) u (c), il-piż tal-iskart imħejji għall-użu mill-ġdid u għar-riċiklaġġ għandu jkun il-piż tal-iskart li jkun beda l-proċess aħħari tat-tħejjija għall-użu mill-ġdid jew għar-riċiklaġġ mingħajr il-piż ta' xi materjali skartati matul dak il-proċess minħabba l-preżenza ta' impuritajiet li jridu jintremew jew jgħaddu minn operazzjonijiet oħra ta' rkupru.

    Madankollu, meta l-materjal skartat ikun 2% jew anqas tal-piż tal-iskart li jitqiegħed f'dak il-proċess, il-piż tal-iskart imħejji għall-użu mill-ġdid u għar-riċiklaġġ għandu jkun il-piż tal-iskart li jkun beda l-proċess aħħari tat-tħejjija għall-użu mill-ġdid jew għar-riċiklaġġ."

    5. Sabiex jinstab jekk intlaħqitx il-mira stabbilita fil-paragrafu 2(b), il-piż tal-iskart imħejji għall-użu mill-ġdid, għar-riċiklaġġ u għall-irkupru tal-materjali għandu jkun il-piż tal-iskart li jkun fil-proċess aħħari tat-tħejjija għall-użu mill-ġdid, għar-riċiklaġġ u għall-irkupru ta' materjal ieħor mingħajr il-piż ta' xi materjali skartati matul dak il-proċess minħabba l-preżenza ta' impuritajiet li jridu jintremew jew jgħaddu minn operazzjonijiet oħra ta' rkupru. 

    Madankollu, meta l-materjal skartat ikun 2% jew anqas tal-piż tal-iskart li jitqiegħed f'dak il-proċess, il-piż tal-iskart imħejji għall-użu mill-ġdid u għar-riċiklaġġ għandu jkun il-piż tal-iskart li jkun beda l-proċess aħħari tat-tħejjija għall-użu mill-ġdid jew għar-riċiklaġġ."

    (9) għandu jiddaħħal dan l-Artikolu 11a:

    "Artikolu 11a

    Sistema ta' Twissija Bikrija

    1. Bl-għajnuna tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent, il-Kummissjoni għandha tippubblika dawn ir-rapporti:

    (a)      fl-2017, rapport dwar il-kisba tal-miri stabbiliti fl-Artikolu 11(2)(a) u (b);

    (b)     fl-2022, rapport dwar il-kisba tal-miri stabbiliti fl-Artikolu 9(3);

    (c)      fl-2027, rapport dwar il-kisba tal-miri stabbiliti fl-Artikolu 11(2)(c);

    2. Ir-rapporti msemmija fil-paragrafu 1 għandu jkun fihom dan li ġej:

    (a) stima dwar il-kisba tal-miri minn kull Stat Membru,

    (b) valutazzjoni taż-żmien mistenni biex jintlaħqu l-miri minn kull Stat Membru, u

    (c) lista ta' Stati Membri bir-riskju li ma jilħqux dawk il-miri fil-limiti taż-żmien rispettivi, flimkien ma' rakkomandazzjonijiet xierqa.

    Meta jkun meħtieġ, ir-rapporti jistgħu jindirizzaw l-implimentazzjoni ta' rekwiżiti addizzjonali apparti dawk elenkati fil-paragrafu 1.

    3. Fi żmien sitt xhur mid-data tal-pubblikazzjoni tar-rapport tal-Kummissjoni, l-Istati Membri bir-riskju li ma jilħqux il-miri, għandhom iressqu lill-Kummissjoni pjan ta' konformità li jagħti dettalji dwar il-miżuri li jkun beħsiebhom jieħdu biex jilħqu l-miri. Il-pjan ta' konformità għandu jqis ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni kif speċifikat fil-paragrafu 2(c), il-miżuri fl-Anness VIII jew xi miżura oħra xierqa. Dan għandu jkun fih iż-żmien mistenni biex tinkiseb konformità.

    4. Meta jressqu pjan ta' konformità li jwieġeb ir-rapport maħruġ mill-Kummissjoni skont il-paragrafu 1(a), l-Istati Membri jistgħu jitolbu estensjoni tal-limitu taż-żmien stipulat fl-Artikolu 11(2)(a) għal mhux aktar minn tliet snin.

    Diment li l-Kummissjoni ma toġġezzjonax għall-pjan ta' konformità fi żmien ħames xhur minn meta jaslilha, it-talba għall-estensjoni għandha titqies li ntlaqgħet.

    Jekk isiru xi oġġezzjonijiet, il-Kummissjoni għandha titlob lill-Istat Membru kkonċernat biex iressaq pjan rivedut ta' konformità fi żmien xahrejn minn meta jaslu l-kummenti tal-Kummissjoni.

    Il-Kummissjoni għandha tivvaluta l-pjan rivedut ta' konformità fi żmien xahrejn minn meta jaslilha u għandha taċċetta jew tirrifjuta t-talba għall-estensjoni bil-miktub. Meta l-Kummissjoni ma tweġibx sal-iskadenza, it-talba għall-estensjoni għandha titqies li ntlaqgħet.";

    (10) L-Artikolu 17 jinbidel b'dan li ġej:

    "Artikolu 17

    Il-kontroll tal-iskart perikoluż

    L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-produzzjoni, il-ġbir u l-ġarr tal-iskart perikoluż, kif ukoll il-ħażna u t-trattament tiegħu, isiru f'kundizzjonijiet li jipprovdu protezzjoni għall-ambjent u għas-saħħa tal-bniedem sabiex jiġu ssodisfati d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 13, inkluża azzjoni li tiżgura t-traċċabbiltà mill-produzzjoni sal-aħħar destinazzjoni u l-kontroll tal-iskart perikoluż ħalli jiġu ssodisfati r-rekwiżiti tal-Artikoli 35 u 36.

    Għal dan il-għan, l-Istati Membri għandhom jużaw l-informazzjoni disponibbli għall-awtoritajiet kompetenti u li nġabret skont l-Artikolu 35.";

    (11) fl-Artikolu 22, it-tieni subparagrafu jinbidel b'dan li ġej:

    "Sabiex titnaqqas kemm jista' jkun il-kontaminazzjoni tal-materjali tal-iskart, l-Istati Membri għandhom jiżguraw ġbir separat tal-bijoskart sal-2025.

    Il-Kumissjoni għandha tagħmel valutazzjoni tal-immaniġġar tal-bijoskart bil-ħsieb li jekk ikun hemm bżonn tressaq proposta. Il-valutazzjoni għandha teżamina l-opportunità li jiġu stabbiliti rekwiżiti minimi għall-immaniġġar tal-bijoskart u kriterji tal-kwalità għall-kompost u għad-diġestat mill-bijoskart, sabiex jiġi garantit livell għoli ta' protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-ambjent.

    (12) L-Artikolu 24 jinbidel b'dan li ġej:

    "Artikolu 24

    Eżenzjonijiet mir-rekwiżiti tal-permessi

    L-Istati Membri jistgħu jeżentaw lil stabbilimenti jew impriżi mir-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 23(1) gal dawn l-operazzjonijiet:

    (a) il-ġbir tal-iskart mhux perikoluż

    (b) il-ġarr tal-iskart mhux perikoluż

    (c) ir-rimi tal-iskart mhux perikoluż tagħhom stess fil-post tal-produzzjoni; jew

    (d) l-irkupru tal-iskart.";

    (13) L-Artikolu 26 jinbidel b'dan li ġej:

    "Artikolu 26

    Ir-Reġistrazzjoni

    1. Meta dawn li ġejjin ma jkunux soġġetti għar-rekwiżiti tal-permess, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtorità kompetenti żżomm reġistru ta':

    (a)      stabbilimenti jew impriżi li jiġbru jew iġorru l-iskart fuq bażi professjonali;

    (b)     negozjanti jew sensara; u

    (c)      stabbilimenti jew impriżi soġġetti għal eżenzjonijiet mir-rekwiżiti tal-permess skont l-Artikolu 24.

    Meta jkun possibbli, ir-rekords eżistenti miżmuma mill-awtorità kompetenti għandhom jintużaw biex tinkiseb l-informazzjoni rilevanti għal dan il-proċess ta' reġistrazzjoni, ħalli jonqos il-piż amministrattiv.

    2. L-Istati Membri jistgħu jeżentaw mir-rekwiżiti stipulati fil-paragrafu 1 lil stabbilimenti jew impriżi żgħar li jiġbru u/jew iġorru kwantitajiet żgħar ħafna ta' skart mhux perikoluż.

    Il-Kummissjoni tista' tadotta l-atti ta' implimentazzjoni meħtieġa biex tistabbilixxi kif għandu jinstab il-limitu tal-kwantità żgħira ħafna. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 39(2).";

    (14) L-Artikolu 27 hu emendat kif ġej:

    (a) il-paragrafu 1 jinbidel b'dan li ġej:

    "1. Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa biex tadotta atti delegati f'konformità mal-Artikolu 38a li jkunu jistabbilixxu standards tekniċi minimi għal attivitajiet ta' trattament li jeħtieġu permess skont l-Artikolu 23 meta jkun hemm evidenza li dawn l-istandards minimi huma ta' ġid mil-lat ta' protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-ambjent.";

    (b) il-paragrafu 4 jinbidel b'dan li ġej:

    "4. Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa biex tadotta atti delegati f'konformità mal-Artikolu 38a li jkunu jistabbilixxu standards minimi għal attivitajiet li jeħtieġu reġistrazzjoni skont l-Artikolu 26(1)(a) u (b) meta jkun hemm evidenza li dawn l-istandards minimi huma ta' ġid mil-lat ta' protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-ambjent jew għax jevitaw xkiel fis-suq intern.";

    (15) L-Artikolu 28 hu emendat kif ġej:

    (a) fil-paragrafu 3, il-punt (b) hu emendat kif ġej:

    "(b) skemi eżistenti għall-ġbir tal-iskart u impjanti ewlenin għar-rimi u l-irkupru, inklużi xi arranġament speċjali għall-iskart taż-żjut, l-iskart perikoluż, l-iskart b'ammont ġmielu ta' materja prima kritika, jew flussi ta' skart indirizzati b'leġiżlazzjoni speċifika tal-Unjoni;";

    (b) fil-paragrafu 3 jiżdied dan il-punt (f):

    "(f) miżuri li jiġġieldu r-rimi taż-żibel.";

    (c) il-paragrafu 5 jinbidel b'dan li ġej:

    "5. Il-pjanijiet għall-immaniġġar tal-iskart għandhom jikkonformaw mar-rekwiżiti tal-ippjanar stipulati fl-Artikolu 14 tad-Direttiva 94/62/KE u mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 11(2) ta' din id-Direttiva u fl-Artikolu 5 tad-Direttiva 1999/31/KE.";

    (16) L-Artikolu 29 hu emendat kif ġej:

    (a) fil-paragrafu 2 tiżdied din is-sentenza:

    "Fil-programmi tagħhom, l-Istati Membri għandhom jinkludu miżuri speċifiċi mfassla biex tonqos il-ġenerazzjoni tal-iskart tal-ikel kif jispeċifika l-Artikolu 9(3) ta' din id-Direttiva.";

    (b) il-paragrafu 4 jinbidel b'dan li ġej:

    "4. Il-Kummissjoni tista' tadotta atti ta' implimentazzjoni biex tistabbilixxi indikaturi għall-miżuri tal-prevenzjoni tal-iskart. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 39(2).";

    (17) L-Artikolu 33(2) jinbidel b'dan li ġej:

    "2. Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta' implimentazzjoni biex tistabbilixxi l-format għan-notifika tal-informazzjoni dwar l-adozzjoni u r-reviżjonijiet sostanzjali ta' dawk il-pjanijiet u l-programmi. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 39(2).";

    (18) L-Artikolu 35 hu emendat kif ġej:

    (a) il-paragrafu 1 jinbidel b'dan li ġej:

    "1. L-istabbilimenti jew l-impriżi msemmija fl-Artikolu 23(1), il-produtturi tal-iskart u l-istabbilimenti u l-impriżi li jiġbru jew iġorru l-iskart fuq bażi professjonali, jew jaġixxu ta' negozjanti jew sensara tal-iskart, għandhom iżommu reġistru kronoloġiku tal-kwantità, in-natura u l-oriġini tal-iskart u, meta jkun rilevanti, id-destinazzjoni, il-frekwenza tal-ġbir, il-mod tat-trasport u l-metodu tat-trattament maħsub għall-iskart, u għandhom jagħmlu din l-informazzjoni disponibbli għall-awtoritajiet kompetenti.

    (a) għal skart perikoluż, dik l-informazzjoni għandha ssir disponibbli kull sena sal-31 ta' Diċembru;

    (a) għal skart mhux perikoluż, dik l-informazzjoni għandha ssir disponibbli meta titlobha l-awtorità kompetenti.";

    (b) għandu jiżdied dan il-paragrafu 4:

    "4. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu reġistru elettroniku jew reġistri kkoordinati biex jirreġistraw dejta dwar l-iskart perikoluż u, meta xieraq, dwar flussi oħra tal-iskart solidu li jkopru t-territorju ġeografiku kollu tal-Istat Membru kkonċernat. L-Istati Membri għandhom jużaw id-dejta dwar l-iskart li jirrappurtaw l-operaturi industrijali skont ir-Reġistru Ewropew dwar ir-Rilaxx u t-Trasferiment ta' Inkwinanti stabbilit bir-Regolament (KE) Nru 166/2006**.

    Il-Kummissjoni tista' tadotta atti ta' implimentazzjoni li jistabbilixxu kundizzjonijiet minimi għat-tħaddim ta' dawn ir-reġistri. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 39(2).";

    ** Ir-Regolament (KE) Nru 166/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Jannar 2006 dwar il-ħolqien ta' Reġistru Ewropew dwar ir-Rilaxx u t-Trasferiment ta' Inkwinanti u li jemenda d-Direttivi tal-Kunsill 91/689/KEE u 96/61/KE (ĠU L 033, 4.2.2006, p. 1).

    (19) L-Artikolu 36(1) jinbidel b'dan li ġej:

    "1. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jipprojbixxu l-abbandun, ir-rimi jew l-immaniġġar bla kontroll tal-iskart, inkluż ir-rimi taż-żibel.

    (20) L-Artikolu 37 jinbidel b'dan li ġej:

    "Artikolu 37

    Ir-rappurtar

    1. Kull sena lill-Kummissjoni, l-Istati Membri għandhom jibagħtulha b'mod elettroniku d-dejta tagħhom dwar l-implimentazzjoni tal-Artikoli 9(3), 11(2)(a), 11(2)(b) u 11(2)(c), sal-31 ta' Diċembru tas-sena ta' wara dik li għaliha tkun inġabret id-dejta. Id-dejta trid tingħata fil-format stabbilit mill-Kummissjoni skont il-paragrafu 6. L-ewwel rapport għandu jkun għall-perjodu mill-1 ta' Jannar 2019 sal-31 ta' Diċembru 2019.

    2. Meta l-iskart jintbagħat biex jitħejja għall-użu mill-ġdid, għar-riċiklaġġ jew għall-irkupru ta' materjal ieħor fi Stat Membru ieħor, dan għandu jgħodd biss għall-miri tal-Istat Membru mnejn inġabar għall-finijiet tar-rappurtar imsemmija fil-paragrafu 1.

    3. L-iskart esportat mill-Unjoni biex jitħejja għall-użu mill-ġdid jew għar-riċiklaġġ għandu jgħodd biss biex jintlaħqu l-miri stipulati fl-Artikolu 11(2) jekk l-esportatur ikun jista' juri evidenza f'konformità mar-Regolament (KE) Nru 1013/2006 li t-trattament barra mill-Unjoni sar skont kundizzjonijiet ekwivalenti għar-rekwiżiti tal-leġiżlazzjoni ambjentali rilevanti tal-Unjoni.

    4. Għall-finijiet ta' verifika tal-konformità mal-Artikolu 11(2)(b), l-ammont ta' skart użat għall-operazzjonijiet tar-radam mill-ġdid għandu jiġi rappurtat b'mod separat mill-ammont ta' skart imħejji għall-użu mill-ġdid jew għar-riċiklaġġ jew għal-użu minn operazzjonijiet ta' rkupru ta' materjal ieħor. L-ipproċessar mill-ġdid tal-iskart f'materjal li għandu jintuża għall-operazzjonijiet tar-radam mill-ġdid għandu jiġu rappurtat ukoll bħala radam mill-ġdid.

    5. Id-dejta li jirrappurtaw l-Istati Membri skont dan l-Artikolu għandu jkollha magħha rapport ta' verifika tal-kwalità u għandha tivverifikaha parti terza indipendenti.

    6. Il-Kummissjoni tista' tadotta atti ta' implimentazzjoni li jkun hemm bżonn biex tistabbilixxi kundizzjonijiet uniformi għall-verifika tal-konformità mal-miri stabbiliti fl-Artikoli 9(3), 11(2)(a), 11(2)(b) u 11(2)(c) li jkunu jistabbilixxu l-format għar-rappurtar tad-dejta dwar dawk il-miri, u li jkunu jistabbilixxu kundizzjonijiet minimi għall-verifika minn parti terza. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 39(2).";

    (21) L-Artikolu 38 hu emendat kif ġej:

    (a) fil-paragrafu 1, it-tieni subparagrafu jinbidel b'dan li ġej:

    "Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa biex tadotta atti delegati skont l-Artikolu 38a biex tispeċifika l-applikazzjoni tal-formula għall-faċilitajiet ta' inċinerazzjoni msemmija fil-punt R1 tal-Anness II. Jistgħu jitqiesu kundizzjonijiet klimatiċi lokali, bħas-severità tal-kesħa u l-ħtieġa għat-tisħin, safejn dawn ikunu jinfluwenzaw l-ammonti ta' enerġija li teknikament jistgħu jintużaw jew jiġu prodotti fil-forma ta' elettriku, tisħin, tkessiħ jew fwar tal-ipproċessar. Jistgħu jitqiesu wkoll il-kundizzjonijiet lokali tal-aktar reġjuni mbiegħda kif jissemma fir-raba' subparagrafu tal-Artikolu 299(2) tat-Trattat u tat-territorji msemmija fl-Artikolu 25 tal-Att ta' Adeżjoni tal-1985.

    (b) il-paragrafu 2 jinbidel b'dan li ġej:

    "2. Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa biex tadotta atti delegati skont l-Artikolu 38a biex temenda l-Annessi I sa V għall-progress xjentifiku u tekniku.";

    (c) għandhom jiżdiedu dawn il-paragrafi 3 u 4:

    "3. Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa biex tadotta atti delegati skont l-Artikolu 38a li jkun hemm bżonn biex temenda l-Annessi VII u VIII. 4. Il-Kummissjoni tista' tadotta atti ta' implimentazzjoni biex tirrevedi l-Anness VI. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 39(2).";

    (22) għandu jiżdied dan l-Artikolu 38a:

    "Artikolu 38 a

    L-eżerċitar tad-delega

    1. Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa biex tadotta atti delegati li tkun soġġetta għall-kondizzjonijiet stabbiliti f'dan l-Artikolu.

    2. Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa biex tadotta l-atti delegati msemmija fl-Artikoli 5(2), 6(2), 7(1), 27(1), 27(4), 38(1), 38(2), u 38(3) għal perjodu ta' żmien indeterminat minn [enter date of entry into force of this revision].

    3. Id-delega tas-setgħa msemmija fl-Artikoli 5(2), 6(2), 7(1), 27(1), 27(4), 38(1), 38(2), u 38(3) jista' jneħħiha l-Parlament Ewropew jew il-Kunsill f'kull ħin. Id-delega tas-setgħa li tissemma f'dik id-Deċiżjoni għandha titneħħa b'Deċiżjoni ta' revoka. Din għandha tkun effettiva mill-għada tal-pubblikazzjoni tad-Deċiżjoni f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f'data aktar tard speċifikata fiha. Din ma għandhiex taffettwa l-validità ta' xi att delegat li jkun diġà fis-seħħ.

    4. Malli tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah fl-istess waqt lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

    5. Att delegat adottat skont l-Artikoli 5(2), 6(2), 7(1), 27(1), 27(4), 38(1), 38(2), u 38(3) għandu jidħol fis-seħħ biss jekk la l-Parlament Ewropew u lanqas il-Kunsill ma jesprimu oġġezzjoni fi żmien xahrejn min-notifika ta' dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel l-iskadenza ta' dak il-perjodu, kemm il-Parlament Ewropew kif ukoll il-Kunsill ikunu infurmaw lill-Kummissjoni li mhumiex se joġġezzjonaw. Dak il-perjodu għandu jiġi estiż b'xahrejn fuq inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.";

    (23) L-Artikolu 39 jinbidel b'dan li ġej:

    "Artikolu 39

    Il-proċedura ta' kumitat

    1. Għall-finijiet tal-Artikoli 9(3), 11(3), 24(2), 29(4), 33(2), 35(4), 37(4) u 38(4), lill-Kummissjoni għandu jassistiha l-Kumitat biex tadatta għall-progress xjentifiku u tekniku u timplimenta d-Direttiva 2008/98/KE dwar l-iskart. Dak il-kumitat għandu jkun kumitat skont it-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ***.

    2. Meta ssir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

    ***    Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta' kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).";

    (24) Jidiedu l-Annessi VI, VII u VIII skont l-Anness ta' din id-Direttiva.

    Artikolu 2

    Emenda għad-Direttiva 94/62/KE

    Id-Direttiva 94/62/KE hi emendata kif ġej:

    (1) L-Artikolu 3 hu emendat kif ġej:

    (a) fil-punt 1 jitneħħa dan il-kliem:

    "Il-Kummissjoni għandha, kif xieraq, teżamina u, fejn meħtieġ, tirrevedi l-eżempji illustrattivi dwar id-definizzjoni ta' imballaġġ mogħtija fl-Anness I. L-oġġetti li ġejjin għandhom jiġu indirizzati bħala prijorità: kaxxi tas-CD u l-vidjo, qsari, tubi u ċilindri li magħhom jiddawwar materjal flessibbli, karta approprjata għal tikketti bi twaħħil proprju u karti għat-tgeżwir. Dawk il-miżuri, mfassla biex jemendaw l-elementi mhux essenzjali ta' din id-Direttiva, għandhom jiġu adottati skont il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 21(3).";

    (b) il-punt 2 jinbidel b'dan li ġej:

    "2. "skart mill-imballaġġ" tfisser kull imballaġġ jew materjal tal-imballaġġ li tkopri d-definizzjoni ta' skart stabbilita fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2008/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill*;";

    * Id-Direttiva 2008/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta' Novembru 2008 dwar l-iskart u li tħassar ċertu Direttivi (ĠU L 312, 22.11.2008, p. 3).

    (c) jiħassru l-punti (3) sa (10);

    (d) jiżdied dan il-punt (13):

    "(13). għandhom japplikaw id-definizzjonijiet ta' "skart", "skart muniċipali", "skart perikoluż", "prevenzjoni", "tħejjija għall-użu mill-ġdid", "użu mill-ġdid", "irkupru", "riċiklaġġ", "rimi", "immaniġġjar tal-iskart", "produttur tal-iskart" u "detentur tal-iskart" stabbiliti fl-Artikolu 3 tad-Direttiva 2008/98/KE.";

    (2) Jiżdied dan l-Artikolu 3a:

    "Artikolu 3a

    Emenda għall-Anness 1

    "Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa biex tadotta atti delegati skont l-Artikolu 21a li jkunu jemendaw l-eżempji mogħtija fl-Anness I.";

    (3) L-Artikolu 6 hu emendat kif ġej:

    (a) it-titolu jinbidel bi "tħejjija għall-użu mill-ġdid, għar-riċiklaġġ u għall-irkupru";

    (b) fil-paragrafu 1 jiżdiedu dawn il-punti (f) sa (k):

    "(f) sa tmiem l-2020, għall-użu mill-ġdid u għar-riċiklaġġ se jitħejja minimu ta' 60% bil-piż tal-iskart kollu mill-imballaġġ;

    (g) sa tmiem l-2020, se jintlaħqu dawn il-miri minimi għat-tħejjija għall-użu mill-ġdid u għar-riċiklaġġ, fejn jidħlu dawn il-materjali speċifiċi li jinsabu fl-iskart mill-imballaġġ:

    (i) 45% tal-plastik;

    (ii) 50% tal-injam;

    (iii) 70% tal-metall ferruż;

    (iv) 70% tal-aluminju;

    (v) 70% tal-ħġieġ;

    (vi) 85% tal-karta u tal-kartun;

    (h) sa tmiem l-2025, għall-użu mill-ġdid u għar-riċiklaġġ se jitħejja minimu ta' 70% bil-piż tal-iskart kollu mill-imballaġġ;

    (i) sa tmiem l-2025, se jintlaħqu dawn il-miri minimi għat-tħejjija għall-użu mill-ġdid u għar-riċiklaġġ, fejn jidħlu dawn il-materjali speċifiċi li jinsabu fl-iskart mill-imballaġġ:

    (i) 60% tal-plastik;

    (ii) 65% tal-injam;

    (iii) 80% tal-metall ferruż;

    (iv) 80% tal-aluminju;

    (v) 80% tal-ħġieġ;

    (vi) 90% tal-karta u tal-kartun;

    (j) sa tmiem l-2030, għall-użu mill-ġdid u għar-riċiklaġġ se jitħejja minimu ta' 80% bil-piż tal-iskart kollu mill-imballaġġ;

    (k) sa tmiem l-2030, se jintlaħqu dawn il-miri minimi għat-tħejjija għall-użu mill-ġdid u għar-riċiklaġġ, fejn jidħlu dawn il-materjali speċifiċi li jinsabu fl-iskart mill-imballaġġ:

    (i) 80% tal-injam;

    (ii) 90% tal-metall ferruż;

    (iii) 90% tal-aluminju;

    (iv) 90% tal-ħġieġ;

    (c) jiżdied dan il-paragrafu 1a:

    "1a. Sabiex jinstab jekk intlaħqux il-miri stabbiliti fl-Artikolu 6(1)(a) sa (k), il-piż tal-iskart imħejji għall-użu mill-ġdid u għar-riċiklaġġ għandu jkun il-piż tal-iskart li jkun beda l-proċess aħħari tat-tħejjija għall-użu mill-ġdid jew għar-riċiklaġġ mingħajr il-piż ta' xi materjali skartati matul dak il-proċess minħabba l-preżenza ta' impuritajiet li jridu jintremew jew jgħaddu minn operazzjonijiet oħra ta' rkupru.

    Madankollu, meta l-materjal skartat ikun 2% jew anqas tal-piż tal-iskart li jitqiegħed f'dak il-proċess, il-piż tal-iskart imħejji għall-użu mill-ġdid u għar-riċiklaġġ għandu jkun il-piż tal-iskart li jkun beda l-proċess aħħari tat-tħejjija għall-użu mill-ġdid jew għar-riċiklaġġ. ";

    (d) jiżdied dan il-paragrafu 1b:

    "1b. Jekk l-imballaġġ ikun fih materjali differenti, kull materjal għand jitqies b'mod separat għall-finijiet tal-kalkolu tal-miri stipulati fl-Artikolu 6(1)(f) sa (k);

    (e) jitħassru l-paragrafi 3, 5, 8 u 9.

    (f) jiżdied dan il-paragrafu 12:

    "12. L-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri xierqa biex iħeġġu d-disinn ta' imballaġġ biex inaqqsu l-impatt ambjentali tagħhom u l-ġenerazzjoni tal-iskart waqt il-produzzjoni u l-użu sussegwenti tal-prodotti, diment li dawn il-miżuri jevitaw xkiel għas-suq intern u ma jtellfux il-konformità ma' din id-Direttiva minn Stati Membri oħra.

    Dawk il-miżuri għandhom jinkludu miżuri li jħeġġu l-iżvilupp, il-produzzjoni u l-kummerċjalizzazzjoni ta' imballaġġ adattat għal użu multiplu, li teknikament ikun idum u li meta jsir skart ikun adattat għall-użu mill-ġdid u għar-riċiklaġġ, ħalli teħfief l-implimentazzjoni xierqa tal-ġerarkija tal-iskart. Il-miżuri għandhom iqisu l-impatti taċ-ċiklu kollu tal-ħajja tal-imballaġġ.";

    (4) jiżdied dan l-Artikolu 6a:

    "Artikolu 6a

    Sistema ta' Twissija Bikrija

    1. Bl-għajnuna tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent, il-Kummissjoni għandha tippubblika dawn ir-rapporti:

    (a) fl-2017, rapport dwar il-kisba tal-miri stabbiliti fl-Artikolu 6(1)(f) u (g);

    (b) fl-2022, rapport dwar il-kisba tal-miri stabbiliti fl-Artikolu 6(1)(h) u (i);

    (c) fl-2027, rapport dwar il-kisba tal-miri stabbiliti fl-Artikolu 6(1)(j) u (k);

    2. Ir-rapporti msemmija fil-paragrafu 1 għandu jkun fihom dan li ġej:

    (a) stima dwar il-kisba tal-miri minn kull Stat Membru,

    (b) valutazzjoni taż-żmien mistenni biex jintlaħqu l-miri minn kull Stat Membru, u

    (c) lista ta' Stati Membri bir-riskju li ma jilħqux dawk il-miri fil-limiti taż-żmien rispettivi, flimkien ma' rakkomandazzjonijiet xierqa.

    Meta jkun meħtieġ, ir-rapporti jistgħu jindirizzaw l-implimentazzjoni ta' rekwiżiti addizzjonali apparti dawk elenkati fil-paragrafu 1.

    3. Fi żmien sitt xhur mid-data tal-pubblikazzjoni tar-rapport tal-Kummissjoni, l-Istati Membri bir-riskju li ma jilħqux il-miri, għandhom iressqu lill-Kummissjoni pjan ta' konformità li jagħti dettalji dwar il-miżuri li jkun beħsiebhom jieħdu biex jilħqu l-miri. Il-pjan ta' konformità għandu jqis ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni kif speċifikat fil-paragrafu 2(c), il-miżuri fl-Anness VIII tad-Direttiva 2008/98/KE jew xi miżura oħra xierqa. Dan għandu jkun fih iż-żmien mistenni biex tinkiseb konformità.";

    (5) L-Artikolu 11(3) jinbidel b'dan li ġej:

    "3. Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa biex tadotta atti delegati skont l-Artikolu 21a biex tistabbilixxi l-kundizzjonijiet li skonthom il-livelli tal-konċentrazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 ma għandhomx japplikaw għal materjali riċiklati u ċrieki ta' prodotti li jkunu f'katina magħluqa jew ikkontrollata, kif ukoll it-tipi ta' imballaġġ li huma eżenti mir-rekwiżiti msemmija fit-tielet inċiż tal-paragrafu 1.";

    (6) L-Artikolu 12 hu emendat kif ġej:

    (a) it-titolu jinbidel bi "Sistemi ta' informazzjoni u rappurtar";

    (b) jitħassar il-paragrafu 3;

    (c) jiżdiedu dawn il-paragrafi 3a sa 3d:

    "3a. Kull sena lill-Kummissjoni, l-Istati Membri għandhom jibagħtulha b'mod elettroniku d-dejta tagħhom dwar l-implimentazzjoni tal-Artikoli 6(1)(a) sa (k), sal-31 ta' Diċembru tas-sena ta' wara dik li għaliha tkun inġabret id-dejta. L-ewwel rapport għandu jkopri l-perjodu mill-1 ta' Jannar [enter year of entry into force of this amending act + 1 year] sal-31 ta' Diċembru [enter year of entry into force of this amending act + 1 year].

    3b. Meta l-iskart jintbagħat biex jitħejja għall-użu mill-ġdid, għar-riċiklaġġ jew għall-irkupru ta' materjal ieħor fi Stat Membru ieħor, dan għandu jgħodd biss għall-miri tal-Istat Membru mnejn inġabar għall-finijiet tar-rappurtar imsemmija fil-paragrafu 1.

    3c. L-iskart mill-imballaġġ esportat mill-Unjoni biex jitħejja għall-użu mill-ġdid jew għar-riċiklaġġ għandu jgħodd biss biex jintlaħqu l-miri stipulati fl-Artikolu 6(1)(a) sa (k) jekk l-esportatur ikun jista' juri evidenza f'konformità mar-Regolament (KE) Nru 1013/2006 li t-trattament barra mill-Unjoni sar skont kundizzjonijiet ekwivalenti għar-rekwiżiti tal-leġiżlazzjoni ambjentali rilevanti tal-Unjoni.

    3d. Il-Kummissjoni tista' tadotta atti ta' implimentazzjoni biex tistabbilixxi kundizzjonijiet uniformi għall-verifika tal-konformità mal-miri stabbiliti fl-Artikoli 6(1)(a) sa (k) li jkunu jistabbilixxu l-format għar-rappurtar tad-dejta dwar dawk il-miri, u li jkunu jistabbilixxu kundizzjonijiet minimi għall-verifika minn parti terza. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 21(2).";

    (d) jitħassar il-paragrafu 5;

    (7) Jitħassar l-Artikolu 17;

    (8) L-Artikolu 19 jinbidel b'dan li ġej:

    "1. Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta' implimentazzjoni li jkun hemm bżonn biex tadatta s-sistema ta' identifikazzjoni msemmija fl-Artikolu 8(2) u fl-Artikolu 10, it-tieni paragrafu, is-sitt inċiż, għall-progress xjentifiku u tekniku. Dawn l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 21(2).

    2.  Il-Kummissjoni għandha tadotta l-atti ta' implimentazzjoni li jkun hemm bżonn biex tistabbilixxi l-formati tar-rappurtar imsemmija fl-Artikolu 12(3d). Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 21(2).";

     (9) L-Artikolu 20 jinbidel b'dan li ġej:

    "Artikolu 20

    Miżuri speċifiċi

    Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa biex tadotta atti delegati skont l-Artikolu 21a li jkun hemm bżonn biex tindirizza xi diffikultajiet li jinqalgħu waqt l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva, b'mod partikolari, għall-materjali tal-imballaġġ inerti li jitqiegħdu fis-suq fi kwantitajiet żgħar ħafna (jiġifieri ta' madwar 0,1% bil-piż) fl-Unjoni, għall-imballaġġ primarju tal-apparat mediku u l-prodotti farmaċewtiċi, għall-imballaġġ żgħir u għall-imballaġġ lussuż.

    (10) L-Artikolu 21 jinbidel b'dan li ġej:

    "Artikolu 21

    Il-proċedura ta' kumitat

    1. Għall-finijiet tal-Artikoli 12(3b) u 19(1), il-Kummissjoni għandu jassistiha l-Kumitat biex tadatta għall-progress xjentifiku u tekniku u timplimenta d-Direttiva 2008/98/KE dwar l-iskart, stabbilit bl-Artikolu 39 tad-Direttiva 2008/98/KE. Dak il-kumitat għandu jkun kumitat skont it-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill**.

    2. Meta ssir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

    ** Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta' kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.02.2011, p. 13).";

    (11) Jiżdied Artikolu 21a ġdid:

    "Artikolu 21 a

    L-eżerċitar tad-delega

    1. Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa biex tadotta atti delegati li tkun soġġetta għall-kondizzjonijiet stabbiliti f'dan l-Artikolu.

    2. Is-setgħa biex tadotta atti delegati li tissemma fl-Artikoli 1(1), 11(3), 19(2) u 20(1) għandha tingħata lill-Kummissjoni għal perjodu ta' żmien indeterminat minn [enter date of entry into force of this revision].

    3. Id-delega tas-setgħa msemmija fl-Artikoli 1(1), 11(3), 19(2) u 20(1) jista' jneħħiha l-Parlament Ewropew jew il-Kunsill f'kull ħin. Id-delega tas-setgħa li tissemma f'dik id-Deċiżjoni għandha titneħħa b'Deċiżjoni ta' revoka. Din għandha tkun effettiva mill-għada tal-pubblikazzjoni tad-Deċiżjoni f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f'data aktar tard speċifikata fiha. Din ma għandhiex taffettwa l-validità ta' xi att delegat li jkun diġà fis-seħħ.

    4. Malli tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah fl-istess waqt lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

    5. Att delegat adottat skont l-Artikoli 1(1), 11(3), 19(2) u 20(1) għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma ssir l-ebda oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien xahrejn min-notifika ta' dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perjodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn informaw lill-Kummissjoni li mhumiex se joġġezzjonaw. Dak il-perjodu għandu jiġi estiż b'xahrejn fuq inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.".

    Artikolu 3

    Emenda għad-Direttiva 1999/31/KE

    Id-Direttiva 1999/31/KE hi emendata kif ġej:

     (1) L-Artikolu 2 hu emendat kif ġej:

    (a) il-punt (a) jinbidel b'dan li ġej:

    "(a) għandhom japplikaw id-definizzjonijiet ta' "skart", "skart muniċipali", "skart perikoluż", "irkupru", "riċiklaġġ", "rimi", "immaniġġjar tal-iskart", "produttur tal-iskart" u "detentur tal-iskart" stabbiliti fl-Artikolu 3 tad-Direttiva 2008/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill*;

    * Id-Direttiva 2008/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta' Novembru 2008 dwar l-iskart u li tħassar ċertu Direttivi (ĠU L 312, 22.11.2008, p. 3).

    (b) jiżdied dan il-punt (aa):

    (aa) "skart residwu" tfisser skart li jkun ġej minn irkupru, inkluż skart minn operazzjoni tar-riċiklaġġ li ma jistax jiġi rkuprat iżjed u li allura jkollu jintrema;";

    (c) jitħassru l-punti (b), (c) u (n);

    (d) il-punt (d) jinbidel b'dan li ġej:

    "(d) "skart mhux perikoluż" tfisser skart li ma tkoprihx id-definizzjoni ta' skart perikoluż fid-Direttiva 2008/98/KE;";

    (e) il-punt (m) jinbidel b'dan li ġej:

    "(m) "skart bijodegradabbli" tfisser skart tal-injam, sal-ikel u tal-ġonna, u karti u kartun u kull skart ieħor li jista' jġarrab dekompożizzjoni anaerobika jew aerobika;";

    (2) L-Artikolu 5 hu emendat kif ġej:

      (a) jiddaħħlu dawn il-paragrafi 2a, 2b u 2c:

    "2a. Sal-1 ta' Jannar 2025 l-Istati Membri m'għandhomx jaċċettaw li jintrema dan l-iskart fil-miżbliet għal skart mhux perikoluż: skart riċiklabbli inklużi l-plastik, il-metalli, il-ħġieġ, il-karta u l-kartun u skart bijodegradabbli ieħor.

    2b. Mill-1 ta' Jannar 2025 l-Istati Membri m'għandhomx jaċċettaw li l-ammont ta' skart mormi fil-miżbliet għal skart mhux perikoluż f'sena partikolari jkun jaqbeż il-25% tal-iskart muniċipali kollu ġġenerat fis-sena ta' qabel.

    2c. Sal-1 ta' Jannar 2030 l-Istati Membri għandhom jagħmlu ħilithom biex fil-miżbliet għal skart mhux perikoluż jaċċettaw li jintrema biss skart residwu, u allura l-ammont ta' skart mormi f'dawk il-miżbliet ma jkunx jaqbeż il-5% tal-iskart muniċipali kollu ġġenerat fis-sena ta' qabel. Il-Kummissjoni għandha tirrevedi dan l-għan sal-2025 u, jekk ikun xieraq, tippreżenta proposta leġiżlattiva għal mira legalment vinkolanti ta' tnaqqis fir-rimi fil-miżbliet sal-2030.

    2d. L-Istati Membri m’għandhomx jaċċettaw l-iskart muniċipali jintrema fil-miżbliet għal skart inerti.

    Il-Kummissjoni se tivvaluta l-fattibilità li ddaħħal restrizzjonijiet għar-rimi ta' skart mhux residwu fil-miżbliet għal skart inerti u sal-2018 se toħroġ rapport bil-konklużjonijiet tagħha u, jekk ikun xieraq, tressaq proposta leġiżlattiva.";

    (3) jiżdied dan l-Artikolu 5a:

    "Artikolu 5a

    Sistema ta' Twissija Bikrija

    1. Bl-għajnuna tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent, il-Kummissjoni għandha tippubblika dawn ir-rapporti:

    (a)     fl-2022, rapport dwar il-kisba tal-miri stabbiliti fl-Artikoli 5(2a)(a) u 5(2b)(a);

    (b)     fl-2027, rapport dwar il-kisba tal-miri stabbiliti fl-Artikoli 5(2a)(b) u 5(2b)(b).

    2. Ir-rapporti msemmija fil-paragrafu 1 għandu jkun fihom dan li ġej:

    (a)     stima dwar il-kisba tal-miri minn kull Stat Membru,

    (b)     valutazzjoni taż-żmien mistenni biex jintlaħqu l-miri minn kull Stat Membru, u

    (c)     lista ta' Stati Membri bir-riskju li ma jilħqux dawk il-miri fil-limiti taż-żmien rispettivi, flimkien ma' rakkomandazzjonijiet xierqa.

    Meta jkun meħtieġ, ir-rapporti jistgħu jindirizzaw l-implimentazzjoni ta' rekwiżiti addizzjonali apparti dawk elenkati fil-paragrafu 1.

    3. Fi żmien sitt xhur mid-data tal-pubblikazzjoni tar-rapport tal-Kummissjoni, l-Istati Membri bir-riskju li ma jilħqux il-miri għandhom iressqu lill-Kummissjoni pjan ta' konformità li jagħti dettalji dwar il-miżuri li jkun beħsiebhom jieħdu biex jilħqu l-miri. Il-pjan ta' konformità għandu jqis ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni kif speċifikat fil-paragrafu 2(c), il-miżuri fl-Anness VIII tad-Direttiva 2008/98/KE jew xi miżura oħra xierqa. Dan għandu jkun fih iż-żmien mistenni biex tinkiseb konformità.";

    (4) fl-Artikolu 11(2) jitħassar it-tieni subparagrafu.

    (5) L-Artikolu 12(c) hu emendat kif ġej:

    "(c). il-kontroll tal-kwalità tal-operazzjonijiet analitiċi tal-proċeduri ta' kontroll u sorveljanza u/jew tal-analiżi msemmija fl-Artikolu 11(1)(b) isiru mill-laboratorji kompetenti akkreditati skont ir-Regolament (KE) Nru 765/2008[26].";

    (6) L-Artikolu 15 jinbidel b'dan li ġej:

    "Artikolu 15

    Ir-rappurtar

    1. Kull sena lill-Kummissjoni, l-Istati Membri għandhom jibagħtulha b'mod elettroniku d-dejta tagħhom dwar l-implimentazzjoni tal-miri u tal-obbligi stabbiliti fl-Artikoli 5(2), (2a) u (2b), sal-31 ta' Diċembru tas-sena ta' wara dik li għaliha tkun inġabret id-dejta. Id-dejta trid tingħata fil-format stabbilit mill-Kummissjoni skont il-paragrafu 3. L-ewwel rapport għandu jkopri l-perjodu mill-1 ta' Jannar [enter year of entry into force of this amending act + 1 year] sal-31 ta' Diċembru [enter year of entry into force of this amending act + 1 year].

    2. L-Istati Membri għandhom jirrappurtaw id-dejta dwar l-implimentazzjoni tal-miri stabbiliti fl-Artikolu 5(2) sal-1 ta' Jannar 2025.

    3. Il-Kummissjoni tista' tadotta atti ta' implimentazzjoni biex tistabbilixxi kundizzjonijiet uniformi għall-verifika tal-konformità mal-miri stabbiliti fl-Artikoli 5(2), (2a) u (2b) li jkunu jistabbilixxu l-format għar-rappurtar tad-dejta dwar dawk il-miri, u li jkunu jistabbilixxu kundizzjonijiet minimi għall-verifika minn parti terza. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 17(2) ta' din id-Direttiva.

    4. Id-dejta li jirrappurtaw l-Istati Membri skont il-paragrafi 1 u 2 għandu jkollha magħha rapport ta' verifika tal-kwalità u għandha tivverifikaha parti terza indipendenti.

    (7) L-Artikolu 16 jinbidel b'dan li ġej:

    "Artikolu 16

    Emenda għall-Annessi

    Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa biex tadotta atti delegati skont l-Artikolu 17a għall-emendi meħtieġa biex jiġu adattati l-Annessi għall-progress xjentifiku u tekniku.";

    (8) L-Artikolu 17 jinbidel b'dan li ġej:

    "Artikolu 17

    Il-proċedura ta' kumitat

    1. Għall-finijiet tal-Artikoli 3(3), 5(2), 5(2a), 5(2b), l-Anness I, il-paragrafu 3.5 u l-Anness II, il-paragrafu 5, il-Kummissjoni għandu jassistiha l-Kumitat biex tadatta għall-progress xjentifiku u tekniku u timplimenta d-Direttiva 2008/98/KE dwar l-iskart, stabbilit bl-Artikolu 39 tad-Direttiva 2008/98/KE. Dak il-kumitat għandu jkun kumitat skont it-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill **. Meta ssir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

    2. Meta ssir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.";

    ** Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta' kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.02.2011, p. 13).

    (9) Jiżdied Artikolu 17a:

    "Artikolu 17a

    L-eżerċitar tad-delega

    1. Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa biex tadotta atti delegati li tkun soġġetta għall-kondizzjonijiet stabbiliti f'dan l-Artikolu.

    2. Is-setgħa biex tadotta atti delegati li tissemma fl-Artikolu 16 għandha tingħata lill-Kummissjoni għal perjodu ta’ żmien indeterminat minn [enter date of entry into force of this amending act].

    3. Id-delega tas-setgħa msemmija fl-Artikolu 16 jista' jneħħiha l-Parlament Ewropew jew il-Kunsill f'kull ħin. Id-delega tas-setgħa li tissemma f'dik id-Deċiżjoni għandha titneħħa b'Deċiżjoni ta' revoka. Din għandha tkun effettiva mill-għada tal-pubblikazzjoni tad-Deċiżjoni f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f'data aktar tard speċifikata fiha. Din ma għandhiex taffettwa l-validità ta' xi att delegat li jkun diġà fis-seħħ.

    4. Malli tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah fl-istess waqt lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

    5. Att delegat li jiġi adottat skont l-Artikolu 16 għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma ssir l-ebda oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien xahrejn min-notifika ta' dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perjodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn informaw lill-Kummissjoni li mhumiex se joġġezzjonaw. Dak il-perjodu għandu jiġi estiż b'xahrejn fuq inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.".

    Artikolu 4

    Emenda għad-Direttiva 2000/53/KE

     Fl-Artikolu 9 tad-Direttiva 2000/53/KE jiżdiedu dawn il-paragrafi 1a sa 1c:

    "1a. L-Istati Membri għandhom japplikaw ir-regoli dettaljati li fost l-oħrajn jistgħu jikkonċernaw it-twaqqif ta' formati adottati mill-Kummissjoni skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 7(2) – l-aħħar subparagrafu – biex jirrapportaw dwar il-verifika tal-konformità mal-miri stabbiliti fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 7(2). Id-dejta għandha tintbagħat lill-Kummissjoni sal-31 ta' Diċembru tas-sena ta' wara dik li għaliha tkun inġabret id-dejta.

    1b. Id-dejta li jirrappurtaw l-Istati Membri skont dan l-Artikolu għandu jkollha magħha rapport ta' verifika tal-kwalità u għandha tivverifikaha parti terza indipendenti.

    1c. Il-Kummissjoni tista' tadotta atti ta' implimentazzjoni li jistabbilixxu kundizzjonijiet minimi għall-verifika ta' parti terza. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 11.";

    Artikolu 5

    Emenda għad-Direttiva 2006/66/KE

    Id-Direttiva 2006/66/KE hi emendata kif ġej:

    (1) Jitħassar l-Artikolu 22;

    (2) L-Artikolu 23 hu emendat kif ġej:

    (a) il-paragrafu 1 jinbidel b'dan li ġej:

    "Sa mhux aktar tard minn tmiem l-2016 il-Kummissjoni għandha tirrapporta dwar l-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva, u l-impatt tagħha fuq l-ambjent u dwar il-funzjonament tas-suq intern.";

    (b) fil-paragrafu 2, il-frażi introduttorja tinbidel b'dan li ġej:

    "Fir-rapport tagħha, il-Kummissjoni għandha tinkludi evalwazzjoni ta' dawn l-aspetti ta' din id-Direttiva:".

    Artikolu 6

    Emenda tad-Direttiva 2012/19/UE

    Id-Direttiva 2012/19/UE hi emendata kif ġej:

     (1) L-Artikolu 16 hu emendat kif ġej:

    (a) il-paragrafu 5 jinbidel b'dan li ġej:

    "5a. Kull sena lill-Kummissjoni, l-Istati Membri għandhom jibagħtulha b'mod elettroniku d-dejta tagħhom dwar l-implimentazzjoni tal-Artikolu 16(4), sal-31 ta' Diċembru tas-sena ta' wara dik li għaliha tkun inġabret id-dejta. Id-dejta trid tingħata fil-format stabbilit mill-Kummissjoni skont il-paragrafu 5d. L-ewwel rapport għandu jkopri l-perjodu mill-1 ta' Jannar [enter year following that of entry into force of this amending act] sal-31 ta' Diċembru [enter year following that of entry into force of this amending act].

    5c. Id-dejta li jirrappurtaw l-Istati Membri skont il-paragrafu 5a għandu jkollha magħha rapport ta' verifika tal-kwalità u għandha tivverifikaha parti terza indipendenti.

    5d. Il-Kummissjoni tista' tadotta atti ta' implimentazzjoni li jistabbilixxu kundizzjonijiet minimi għall-verifika ta' parti terza. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 21(2).";

     (2) L-Artikolu 21 jinbidel b'dan li ġej:

    "Artikolu 21

    Il-proċedura ta' kumitat

    1. Għall-finijiet tal-Artikoli 7(5), 8(5), 11(3), 16(3), 16(6) u 23(4), il-Kummissjoni għandu jassistiha l-Kumitat biex tadatta għall-progress xjentifiku u tekniku u timplimenta d-Direttiva 2008/98/KE dwar l-iskart, stabbilit bl-Artikolu 39 tad-Direttiva 2008/98/KE. Dak il-kwumitat għandu jkun kumitat skont it-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

    2. Meta ssir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

    3. Meta l-kumitat ma jagħti l-ebda opinjoni, il-Kummissjoni m'għandhiex tadotta l-abbozz tal-att ta' implimentazzjoni u għandu japplika t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 5(4) tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.".

    Artikolu 7

    It-traspożizzjoni

    1.           L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma' din id-Direttiva sa mhux aktar tard minn [insert date twelve months after the entry into force of this Directive]. Dan għandhom jgħaddu t-test ta' dawk id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni minnufih.

    Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, dawn għandhom jirreferu għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati b'din ir-referenza waqt il-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jiddeċiedu kif għandha ssir din ir-referenza.

    2.           Lill-Kummissjoni l-Istati Membri għandhom jgħaddulha t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam li tkopri din id-Direttiva.

    Artikolu 8

    Id-dħul fis-seħħ

    Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Artikolu 9

    Id-destinatarji

    Din id-Direttiva hi indirizzata lill-Istati Membri.

    Magħmul fi Brussell,

    Għall-Parlament Ewropew                            Għall-Kunsill

    Il-President                                                    Il-President

    [1]               Id-Direttiva 2008/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta' Novembru 2008 dwar l-iskart u li tħassar ċertu Direttivi (ĠU L 312, 22.11.2008, p. 3).

    [2]               Id-Direttiva tal-Kunsill 1999/31/KE tas-26 ta' April 1999 dwar ir-rimi ta' skart f'terraferma (ĠU L 182, 16.07.1999, p. 1).

    [3]               Id-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 94/62/KE tal-20 ta' Diċembru 1994 dwar l-imballaġġ u l-iskart mill-imballaġġ (ĠU L 365, 31.12.1994, p. 10).

    [4]               COM(2011) 571.

    [5]               Id-Deċiżjoni Nru 1386/2013/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Novembru 2013 dwar Programm Ġenerali ta' Azzjoni Ambjentali tal-Unjoni sal-2020 "Ngħixu tajjeb, fil-limiti tal-pjaneta tagħna" (ĠU L 354, 28.12.2013, p. 171).

    [6]               Il-ġerarkija tal-iskart tagħti preferenza lill-prevenzjoni, u mbagħad warajha l-użu mill-ġdid, ir-riċiklaġġ qabel l-irkupru tal-enerġija, u r-rimi li jinkludi r-rimi fil-miżbliet u l-inċinerazzjoni mingħajr irkupru tal-enerġija.

    [7]               COM(2013) 442.

    [8]               Id-Direttiva 2000/53/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Settembru 2000 dwar vetturi li m'għadhomx jintużaw (ĠU L 269, 21.10.2000, p. 34-43).

    [9]               Id-Direttiva 2006/66/KE tal-Parlament Ewropew u tal-kunsill tas-6 ta' Settembru 2006 dwar batteriji u akkumulaturi u skart ta' batteriji u ta' akkumulaturi u li tħassar id-Direttiva 91/157/KEE (ĠU L 266, 26.09.2006, p. 1-14).

    [10]             http://www.wastetargetsreview.eu/

    http://www.eea.europa.eu/publications/waste-opportunities-84-past-and 

    http://www.wastemodel.eu/

    [11]             ĠU C , , p. .

    [12]             ĠU C , , p. .

    [13]             Id-Direttiva 2008/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta' Novembru 2008 dwar l-iskart u li tħassar ċertu Direttivi (ĠU L 312, 22.11.2008, p. 3).

    [14]             Id-direttiva tal-Kunsill 1999/31/KE tas-26 ta' April 1999 dwar ir-rimi ta' skart f'terraferma (ĠU L 182, 16.07.1999, p. 1).

    [15]             Id-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 94/62/KE tal-20 ta' Diċembru 1994 dwar l-imballaġġ u l-iskart mill-imballaġġ (ĠU L 365, 31.12.1994, p. 10).

    [16]             L-attivitajiet industrijali u tal-minjieri ikopruhom id-dokumenti ta' referenza (BREF) bl-Aqwa Tekniki Disponibbli (BAT) li tfasslu bid-Direttiva 2010/75/UE dwar l-Emissjonijiet Industrijali (ĠU L 334, 17.12.2010, p. 17) u bid-Direttiva dwar l-Iskart tal-Minjieri (2006/21/KE, ĠU L 102, 11.04.2006, p. 15) li fihom informazzjoni dwar il-prevenzjoni tal-użu tar-riżorsi u l-ġenerazzjoni tal-iskart, l-użu mill-ġdid, ir-riċiklaġġ u l-irkupru. Ir-reviżjoni li għaddejja tal-BREFs u l-adozzjoni mill-Kummissjoni tal-Konklużjonijiet tal-BAT se jsaħħu l-impatt ta' dawn il-BREFs dwar prattiki industrijali li jwasslu għal aktar effiċjenza tar-riżorsi, u żiedu r-riċiklaġġ u l-irkupru tal-iskart.

    [17]             COM(2013) 442.

    [18]             http://ec.europa.eu/eip/raw-materials/en/content/about-european-innovation-partnership-eip-raw-materials

    [19]             COM(2014) 297.

    [20]             Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-2 ta' Ottubru 2013 dwar l-Idoneità u l-Prestazzjoni tar-Regolamentazzjoni ("REFIT"): Ir-Riżultati u l-Passi li Jmiss (COM(2013) 685).

    [21]             http://ec.europa.eu/enterprise/policies/sme/public-consultation-new/index_en.htm.

    [22]             Id-Direttiva 2000/53/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Settembru 2000 dwar vetturi li m'għadhomx jintużaw (ĠU L 269, 21.10.2000, p. 34).

    [23]             Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta' kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta' implimentazzjoni (ĠU L 55, 28/02/2011, p. 13).

    [24]             Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta' kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta' implimentazzjoni (ĠU L 55, 28/02/2011, p. 13).

    [25]             Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta' kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta' implimentazzjoni (ĠU L 55, 28/02/2011, p. 13).

    [26]             Ir-Regolament (KE) Nru 765/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Lulju 2008 li jistabbilixxi r-rekwiżiti għall-akkreditament u għas-sorveljanza tas-suq relatati mal-kummerċjalizzazzjoni ta' prodotti (ĠU L 218, 13.8.2008, p. 30).

    ANNESS VI

    Il-kompożizzjoni tal-iskart muniċipali

    L-iskart muniċipali jinkludi l-iskart domestiku u l-iskart mill-kummerċ bl-imnut, min-negozji żgħar, mill-binjiet tal-uffiċini u l-istituzzjonijiet (bħal skejjel, sptarijiet, binjiet tal-gvern) li fin-natura u fil-kompożizzjoni jixbah lill-iskart domestiku u jinġabar mill-muniċipalitajiet jew f'isimhom.

    Dan jinkludi:

    – skart goff (bħal apparat domestiku, għamara u saqqijiet);

    – skart tal-ġonna, weraq, bċejjeċ tal-ħaxix, knis tat-triq, il-kontenut tal-laned taż-żibel u skart mit-tindif tas-suq;

    – skart ta' servizzi muniċipali magħżula, jiġifieri skart tal-manutenzjoni tal-parks u l-ġonna, skart mit-tindif tat-toroq;

    Dan jinkludi wkoll skart mill-istess sorsi u li jixxiebah fin-natura u fil-kompożizzjoni, li:

    – ma jinġabarx f'isem il-muniċipalitajiet iżda direttament bl-iskemi tar-responsabbiltà tal-produttur jew minn istituzzjonijiet privati mingħajr skop ta' qligħ għal finijiet ta' użu mill-ġdid u riċiklaġġ, l-akbar bi ġbir separat,

    – jkun ġej minn żoni rurali li m'għandhomx servizz ta' ġbir tal-iskart regolari.

    Dan ma jinkludix:

    – skart min-netwerks u mit-trattament tad-drenaġġ, bħal ħama tad-drenaġġ,

    – skart mix-xogħol tal-bini u mit-twaqqigħ tal-bini.

    ANNESS VII

    Ir-rekwiżiti minimi għal responsabbiltà estiża tal-produttur

    Meta jiżviluppaw u japplikaw ir-responsabbiltà estiża tal-produttur, l-Istati Membri għandhom:

    1. iqisu l-fattibbiltà teknika u l-vijabbiltà ekonomika, u l-impatti ġenerali ambjentali, soċjali u fuq saħħet il-bniedem, filwaqt li jirrispettaw il-ħtieġa li jiżguraw il-funzjonament tajjeb tas-suq intern;

    2. jiżguraw definizzjoni ċara tar-rwoli u tar-responsabbiltajiet tal-atturi involuti fl-implimentazzjoni tar-responsabbiltà estiża tal-produttur, inklużi l-produtturi u l-importaturi li jqiegħdu l-prodotti fis-suq tal-Unjoni Ewropea u l-iskemi ta' konformità tagħhom, l-operaturi tal-iskart privati jew pubbliċi, l-awtoritajiet lokali u, meta jkun applikabbli, l-atturi tal-ekonomija soċjali;

    3. jiddefinixxu miri li jistgħu jitkejlu fejn jidħlu l-prevenzjoni, it-tħejjija għall-użu mill-ġdid, l-użu mill-ġdid, ir-riċiklaġġ u/jew l-irkupru bil-ħsieb li għallinqas jintlaħqu l-miri kwantitattivi eżistenti stabbiliti fil-leġiżlazzjoni rilevanti tal-Unjoni Ewropea dwar l-iskart;

    4. jiżguraw li d-detenturi tal-iskart koperti bir-responsabbiltà estiża tal-produttur jingħataw l-informazzjoni meħtieġa dwar is-sistemi disponibbli tal-ġbir;

    5. jistabbilixxu proċedura tar-rappurtar bil-għan li tinġabar dejta dwar il-prodotti li jitqiegħdu fis-suq u, ladarba dawn il-prodotti jilħqu t-tmiem tal-ħajja utli tagħhom, il-ġbir u t-trattament tagħhom f’konformità mal-ġerarkija tal-iskart, li tkun tispeċifika l-flussi tal-materjali skont kif ikun jixraq;

    6. jiżguraw li l-kontribuzzjonijiet finanzjarji fl-iskemi tar-responsabbiltà estiża tal-produttur min-naħta tal-produtturi jew tal-importaturi ta' prodotti li tqiegħdu fis-suq Ewropew, ikunu:

    6.1. ikopru l-ispejjeż kollha tal-immaniġġjar tal-iskart, inklużi l-ġbir u t-trattament separat, informazzjoni adegwata lid-detenturi tal-iskart, il-ġbir tad-dejta u r-rappurtar;

    6.2. jqisu d-dħul mill-bejgħ tal-materja prima sekondarja li tiġi mill-iskart;

    6.3. jiġu kalkulati skont il-funzjoni tal-ispiża reali tal-ġestjoni ta’ tmiem il-ħajja ta’ prodotti individwali mqiegħda fis-suq tal-Unjoni li huma koperti bl-iskema;

    6.4. jappoġġaw inizjattivi tal-prevenzjoni tal-iskart u tat-tindif.

    7. jistabbilixxu proċedura tal-għarfien għal skemi tar-responsabilità estiża tal-produttur bil-għan li:

    7.1. tkun żgurata t-trasparenza tal-iskemi mil-lat ta' kontribuzzjonijiet imħallsa mill-produtturi, inkluż l-impatt fuq il-prezzijiet tal-bejgħ u mil-lat ta' impatt fuq il-kompetittività u l-ftuħ għal stabbilimenti u impriżi żgħar;

    7.2. tiġi definita l-kopertura ġeografika ta' dawn l-iskemi;

    7.3. jkun żgurat trattament ugwali għall-produtturi domestiċi u l-importaturi;

    7.4. jkun żgurat mekkaniżmu ta' awtokontroll permezz ta' verifiki regolari tal-iskemi minn parti terza, mil-lat ta':

    – 7.4.1. ġestjoni finanzjarja soda tal-iskema — kalkolu tal-ispejjeż kollha għal kull tip ta' prodotti; l-użu tal-fondi miġbura; u

    – 7.4.2. ġbir u trattament xieraq tal-iskart, kontroll fuq il-legalità tal-vjeġġi tal-iskart u l-kwalità tad-dejta u r-rappurtar.

    8. jiddefinixxu sanzjonijiet proporzjonati jekk ma jintlaħqux il-miri u/jew jekk ma jiġux rispettati dawn ir-rekwiżiti;

    9. jistabbilixxu modi adegwati għall-monitoraġġ u għall-infurzar, u jorganizzaw djalogu formali u regolari bejn l-atturi involuti.

    ANNESS VIII

    Il-miżuri li għandhom jitqiesu fil-pjan imsemmi fl-Artikolu 11a (Sistema ta' Twissija Bikrija)

    F'konformità mal-pjan li pproponew l-Istati Membri fir-riskju li ma jilħqux il-miri, għandhom jitqiesu dawn il-miżuri:

    – miżuri biex titjieb il-kwalità tal-istatistika u biex isiru previżjonijiet ċari tal-kapaċitajiet tal-immaniġġjar tal-iskart u tad-distanza mill-miri speċifikati fl-Artikoli 11(2) ta' din id-Direttiva, fl-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 94/62/KE u fl-Artikolu 5(2a), (2b) u (2c) tad-Direttiva 1999/31/KE;

    – użu aħjar tal-istrumenti ekonomiċi ewlenin, inklużi li:

    – maż-żmien jiżdiedu t-taxxi fuq ir-rimi fil-miżbliet għal kull kategorija ta' skart (skart muniċipali, skart inert u skart ieħor);

    – isiru jew jiżdiedu t-taxxi fuq l-inċinerazzjoni jew projbizzjonijiet speċifiċi fuq l-inċinerazzjoni ta' skart riċiklabbli;

    – jitwessa' ftit ftit it-territorju kollu tal-Istati Membri ta' sistemi ta' ħlas skont l-ammont mormi biex iservi ta' inċentiv għall-produtturi tal-iskart muniċipali ħalli jnaqqsu l-iskart tagħhom u jżidu l-użu mill-ġdid u r-riċiklaġġ tal-iskart;

    – miżuri li jtejbu l-kosteffiċjenza tal-ispejjeż attwali u l-iskemi li ġejjin tar-responsabbiltà tal-produttur (inklużi miżuri dettaljati u l-waqt biex jiġu implimentati r-rekwiżiti minimi għar-responsabbiltà estiża tal-produttur li tinsab fl-Anness VII). Jitwessa' l-ambitu tal-iskemi tar-responsabbiltà tal-produttur għal flussi ġodda ta' skart;

    – inċentivi ekonomiċi għall-awtoritajiet lokali biex jippromwovu l-prevenzjoni, u biex jiżviluppaw u jżidu l-iskemi tal-ġbir separat;

    – miżuri li jappoġġaw l-iżvilupp tas-settur tal-użu mill-ġdid;

    – miżuri li jrażżnu sussidji dannużi li ma jkunux konsistenti mal-ġerarkija tal-iskart;

    – miżuri tekniċi u fiskali li jappoġġaw l-iżvilupp tas-swieq għal prodotti użati mill-ġdid u materjali riċiklati (inklużi komposti) ħalli titjieb il-kwalità tal-materjali riċiklati;

    – miżuri li jżidu l-għarfien pubbliku dwar l-immaniġġjar adegwat tal-iskart u t-tnaqqis tar-rimi fiż-żibel, inklużi kampanji ad hoc li jiżguraw tnaqqis tal-iskart f'ras l-għajn u livell għoli ta’ parteċipazzjoni fl-iskemi tal-ġbir separat;

    – miżuri li jiżguraw koordinazzjoni xierqa bejn l-awtoritajiet pubbliċi kompetenti kollha involuti fl-immaniġġjar tal-iskart, u l-involviment ta’ partijiet ikkonċernati ewlenin oħrajn;

    – użu tal-Fondi Ewropej Strutturali u ta' Investiment biex jiffinanzjaw l-iżvilupp tal-infrastruttura tal-immaniġġjar tal-iskart li hemm bżonn biex jintlaħqu l-miri rilevanti;

    – xi miżura addizzjonali jew alternattiva rilevanti li timmira li tilħaq l-istess għan.

    Il-pjan għandu jiġi abbozzat skont evalwazzjoni tal-pjanijiet għall-immaniġġjar tal-iskart eżistenti u wara konsultazzjoni tal-partijiet ikkonċernati rilevanti, u l-awtoritajiet pubbliċi kompetenti involuti fl-immaniġġjar tal-iskart. Miegħu għandhom jiżdiedu r-riżultati ta' dawn il-konsultazzjonijiet u ta' valutazzjoni tal-effetti li mistenni jħalli fuq il-kisba tal-miri rilevanti li jkopri l-pjan. Fil-pjan għandu jissemma l-waqt preċiż għall-applikazzjoni tal-miżuri proposti.

    Jekk ikun meħtieġ, il-pjan għandu jinkludi ppjanar rivedut tal-infrastruttura meħtieġa u, meta meħtieġ, għandu jkollu miegħu proposti dwar il-waqt għall-adattament tal-pjanijiet nazzjonali jew reġjonali eżisteni tal-immaniġġjar tal-iskart kif definit fl-Artikolu 28 u tal-programmi ta' prevenzjoni tal-iskart kif definit fl-Artikolu 29. ".

    Top