EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52014PC0364

Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed mill-Unjoni Ewropea fil-Kunsill tal-Ministri tal-AKP-UE rigward ir-reviżjoni tal-Anness III tal-Ftehim ta’ Sħubija tal-AKP-UE

/* COM/2014/0364 final - 2014/0184 (NLE) */

52014PC0364

Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed mill-Unjoni Ewropea fil-Kunsill tal-Ministri tal-AKP-UE rigward ir-reviżjoni tal-Anness III tal-Ftehim ta’ Sħubija tal-AKP-UE /* COM/2014/0364 final - 2014/0184 (NLE) */


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

L-“Aġenda għall-Bidla”[1] ssemmi li t-tkabbir ekonomiku inklużiv u sostenibbli huwa kruċjali għat-tnaqqis fit-tul tal-faqar. Tali tkabbir ekonomiku jeħtieġ ambjent kummerċjali favorevoli, żieda fil-kompetittività lokali u modi ġodda ta’ involviment tas-settur privat permezz ta’ strumenti finanzjarji eżistenti jew oħrajn li għad iridu jiġu stabbiliti.

Ir-raba' Forum ta’ Livell Għoli dwar l-Effettività tal-Għajnuna f’Busan appella għal aktar involviment tas-settur privat dirett sabiex titmexxa 'l quddiem l-innovazzjoni, jinħolqu l-introjtu u l-impjiegi, jiġu promossi l-SMEs u l-intraprenditorija, jiġu mmobilizzati r-riżorsi domestiċi u jitkomplew jiġu żviluppati mekkaniżmi finanzjarji innovattivi.

Dan ta' hawn fuq iggwida d-diskussjonijiet konġunti AKP-UE dwar l-appoġġ għall-iżvilupp tas-settur privat li għandu jkun riflessi fl-ipprogrammar u l-implimentazzjoni tal-11-il Fond Ewropew għall-Iżvilupp (minn hawn 'il quddiem 'FEŻ').

Dawn l-aspetti u l-evoluzzjoni tal-kuntest internazzjonali, b’mod partikolari l-għadd konsiderevoli ta’ atturi u modalitajiet li jistgħu jipprovdu appoġġ effettiv lis-settur privat jimplika li l-programmi għandhom jiġu implimentati permezz ta’ organizzazzjonijiet li wrew il-kapaċità tagħhom li jipprovdu għarfien espert ta’ kwalità għolja b’mod kost-effettiv.

Abbażi ta' dan, il-modifika tal-Anness III għall-Ftehim ta' Sħubija bejn il-membri tal-Grupp ta' Stati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku minn naħa waħda, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha min-naħa l-oħra, iffirmata f'Cotonou fit-23 ta' Ġunju 2000[2] (minn hawn 'il-quddiem "il-Ftehim ta' Sħubija AKP-UE"), kif emendat l-aħħar f'Ouagadougou, Burkina Faso, fit-22 ta' Ġunju 2010[3], tikkonċerna t-tħassir ta' referenzi għaċ-Ċentru għall-Iżvilupp tal-Intrapriżi (minn hawn 'il quddiem imsejjaħ is-"ĊŻI").

Il-Kummissjoni tipproponi li l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea jadotta d-Deċiżjoni mehmuża.

2014/0184 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed mill-Unjoni Ewropea fil-Kunsill tal-Ministri tal-AKP-UE rigward ir-reviżjoni tal-Anness III tal-Ftehim ta’ Sħubija tal-AKP-UE

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 209(2) flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-Ftehim ta’ Sħubija bejn il-membri tal-Grupp tal-Istati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku minn naħa, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha min-naħa l-oħra, iffirmat f’Cotonou fit-23 ta’ Ġunju 2000[4] (minn issa ’l quddiem imsejjaħ "il-Ftehim ta’ Sħubija AKP-UE"), kif l-aħħar emendat f'Ouagadougou, Burkina Faso, fit-22 ta' Ġunju 2010[5],

Wara li kkunsidra l-proposta li saret mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)       L-Artikolu 100 tal-Ftehim ta' Sħubija AKP-UE jgħid li l-Annessi Ia, Ib, II, III, IV u VI tiegħu jistgħu jiġu riveduti, eżaminati mill-ġdid u/jew emendati mill-Kunsill tal-Ministri AKP-UE fuq il-bażi ta' rakkomandazzjoni min-naħa tal-Kumitat ta' Kooperazzjoni AKP-UE għall-Finanzjament tal-Iżvilupp.

(2)        Fir-raba' Forum ta’ Livell Għoli dwar l-Effikaċja tal-Għajnuna f’Busan, il-Partijiet tal-Ftehim ta’ Sħubija AKP-UE appellaw għal involviment tas-settur privat aktar dirett sabiex titmexxa 'l quddiem l-innovazzjoni, jinħolqu l-introjtu u l-impjiegi, jiġu promossi l-SMEs u l-intraprenditorija, jiġu mmobilizzati r-riżorsi domestiċi u jitkomplew jiġu żviluppati mekkaniżmi finanzjarji innovattivi.

(3)        B’kont meħud ta' dak imsemmi hawn fuq u tal-evoluzzjoni tal-kuntest internazzjonali, b’mod partikolari l-għadd konsiderevoli ta’ atturi u modalitajiet li jistgħu jipprovdu appoġġ effettiv lis-settur privat, programmi relatati għandhom jiġu implimentati permezz ta’ organizzazzjonijiet li wrew il-kapaċità tagħhom li jipprovdu livell għoli ta’ għarfien espert b’mod kost-effettiv.

(4)        Il-modifika tal-Anness III tikkonċerna t-tħassir tar-referenzi għaċ-Ċentru għall-Iżvilupp tal-Intrapriżi (minn hawn 'il quddiem "iċ-CŻI").

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

1.           Il-pożizzjoni li għandha tiġi addottata mill-Unjoni fil-Kunsill tal-Ministri AKP-UE rigward ir-reviżjoni tal-Anness III għall-Ftehim ta’ Sħubija AKP-UE tkun stabbilita skont it-termini tal-abbozz ta’ Deċiżjoni tal-Kunsill tal-Ministri AKP-UE, li hu mehmuż ma' din id-Deċiżjoni.

2.           Tibdil minuri għall-abbozz ta' Deċiżjoni jista' jiġi miftiehem mir-rappreżentanti tal-Unjoni fil-Kunsill tal-Ministri ACP-UE mingħajr deċiżjoni ulterjuri mill-Kunsill.

Artikolu 2

Wara l-adozzjoni tagħha, id-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-Ministri AKP-UE tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell,

                                                                       Għall-Kunsill

                                                                       Il-President

[1]               Il-Komunikazzjoni COM(2011) 637 mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni: “Inżidu l-impatt tal-politika tal-UE għall-iżvilupp: Aġenda għall-Bidla”.

[2]               ĠU L 317, 15.12.2000, p. 3.

[3]               ĠU L 287, 4.11.2010, p. 3.

[4]               ĠU L 317, 15.12.2000, p. 3.

[5]               ĠU L 287, 4.11.2010, p. 3.

ANNESSI

għall-

Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed mill-Unjoni Ewropea fil-Kunsill tal-Ministri tal-AKP-UE rigward ir-reviżjoni tal-Anness III tal-Ftehim ta’ Sħubija tal-AKP-KE

ANNESS Abbozz ta' DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL TAL-MINISTRI TAL-AKP-UE dwar ir-reviżjoni tal-Anness III tal-Ftehim ta’ Sħubija AKP-UE

IL-KUNSILL TAL-MINISTRI AKP-UE,

Wara li kkunsidra l-Ftehim ta’ Sħubija bejn il-membri tal-Grupp ta’ Stati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku, minn naħa waħda, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra, iffirmat f’Cotonou fit-23 ta’ Ġunju 2000[1] (minn hawn 'il quddiem imsejjaħ "il-Ftehim ta' Sħubija AKP-UE"), kif l-aħħar emendat f’Ouagadougou, il-Burkina Faso, fit-22 ta’ Ġunju 2010[2], u partikolarment l-Artikolu 100 tiegħu,

Billi:

(1) L-Artikolu 100 tal-Ftehim ta' Sħubija AKP-UE jistipula li l-Annessi Ia, Ib, II, III, IV u VI tiegħu jistgħu jiġu riveduti, eżaminati mill-ġdid u/jew emendati mill-Kunsill tal-Ministri AKP-UE fuq il-bażi ta' rakkomandazzjoni min-naħa tal-Kumitat ta' Kooperazzjoni AKP-UE għall-Finanzjament tal-Iżvilupp.

(2) Fir-Raba' (4) Forum ta’ Livell Għoli dwar l-Effikaċja tal-Għajnuna f’Busan, il-partijiet għall-Ftehim ta’ Sħubija AKP-UE appellaw għal aktar involviment dirett mis-settur privat biex tinġieb 'l quddiem l-innovazzjoni, jinħolqu d-dħul u l-impjiegi, jiġu promossi l-SMEs u l-intraprenditorija, jiġu mmobbilizzati r-riżorsi domestiċi u jkomplu jiġu żviluppati mekkaniżmi finanzjarji innovattivi.

(3) F’kunsiderazzjoni ta' dak imsemmi hawn fuq u tal-evoluzzjoni tal-kuntest internazzjonali, b’mod partikolari l-għadd konsiderevoli ta’ atturi u modalitajiet li jistgħu jipprovdu appoġġ effettiv għas-settur privat, għandhom jiġu implimentati programmi relatati permezz ta’ organizzazzjonijiet li jkunu taw prova tal-kapaċità tagħhom li jipprovdu livell għoli ta’ għarfien espert b’mod ekonomiku.

(4) Il-modifika tal-Anness III tikkonċerna t-tħassir tar-referenzi għaċ-Ċentru għall-Iżvilupp tal-Intrapriżi (minn hawn’ il quddiem imsejjaħ "CDE").

IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

Artikolu 1

L-Anness III tal-Ftehim ta’ Sħubija AKP-UE qed jiġi emendat kif ġej:

1.           It-titolu ta’ l-Anness III jiġi sostitwit b'dan li ġej:

"Sostenn Istituzzjonali"

2.           L-Artikolu 1 jiġi sostitwit b'dan li ġej:

“Il-kooperazzjoni ssostni l-mekkaniżmu istituzzjonali biex jinġiebu 'l quddiem l-agrikoltura u l-iżvilupp rurali. F’dan il-kuntest, il-kooperazzjoni tgħin sabiex jissaħħaħ u jitkabbar ir-rwol taċ-Ċentru Tekniku ta’ Kooperazzjoni Agrikola u Rurali (CTA) fil-kapaċità istituzzjonali għall-iżvilupp tal-AKP, b'mod partikolari l-amministrazzjoni tal-informazzjoni, sabiex jitjieb l-aċċess għal teknoloġiji li jżidu l-produttività agrikola, il-kummerċjalizzazzjoni, is-sigurtà tal-ikel u l-iżvilupp rurali.”

3.           L-Artikolu 3 jsir l-Artikolu 2 li jissostitwih.

Artikolu 2

L-inizjazzjoni tal-istralċ taċ-Ċentru għall-Iżvilupp tal-Intrapriża (CDE) hija approvata b’din id-Deċiżjoni kif ġej:

1.           Il-Kunsill tal-Ministri AKP-UE jagħti mandat lill-Bord Eżekuttiv tas-CDE li jieħu l-miżuri kollha xierqa biex jinizjala l-istralċ tas-CDE, taħt is-superviżjoni tal-Kumitat tal-Ambaxxaturi tal-AKP-UE.

2.           Il-proċess ta' stralċ jiġi konkluż mhux aktar tard mill-31 ta' Diċembru 2016.

3.           L-istralċ tas-CDE u l-ispejjeż kollha relatati jiġu ffinanzjati mill-11-il Fond Ewropew għall-Iżvilupp.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni tiġi adottata fi ħdan il-Kunsill tal-Ministri AKP-UE.

Din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ mal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi […], […]

Għall-Kunsill tal-Unjoni Ewropea || Għall-Kunsill tal-Ministri AKP-UE

Il-President || Il-President

[1]               ĠU L 317, 15.12.2000, p. 3.

[2]               ĠU L 287, 4.11.2010, p. 3.

Top