This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52014PC0291
Proposal for a COUNCIL DECISION on the signing, on behalf of the European Union, of the agreement between the European Union and its Member States and Iceland concerning Iceland's participation in the joint fulfilment of commitments of the European Union, its Member States and Iceland in the second commitment period of the Kyoto Protocol to the United Nations Framework Convention on Climate Change
Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha u l-Iżlanda dwar il-parteċipazzjoni tal-Iżlanda fit-twettiq konġunt tal-impennji tal-Unjoni Ewropea, l-Istati Membri tagħha u l-Iżlanda fit-tieni perjodu ta’ impenn tal-Protokoll ta’ Kjoto għall-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima
Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha u l-Iżlanda dwar il-parteċipazzjoni tal-Iżlanda fit-twettiq konġunt tal-impennji tal-Unjoni Ewropea, l-Istati Membri tagħha u l-Iżlanda fit-tieni perjodu ta’ impenn tal-Protokoll ta’ Kjoto għall-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima
/* COM/2014/0291 final - 2014/0152 (NLE) */
Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha u l-Iżlanda dwar il-parteċipazzjoni tal-Iżlanda fit-twettiq konġunt tal-impennji tal-Unjoni Ewropea, l-Istati Membri tagħha u l-Iżlanda fit-tieni perjodu ta’ impenn tal-Protokoll ta’ Kjoto għall-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima /* COM/2014/0291 final - 2014/0152 (NLE) */
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI 1. IL-KUNTEST TAL-PROPOSTA Dawn il-proposti jikkonċernaw
id-deċiżjonijiet tal-Kunsill, li għandhom jiġu addottati
skont l-Artikolu 218(5) u (6) TFUE, għall-iffirmar u l-konklużjoni
tal-ftehim bejn l-Unjoni, l-Istati Membri u l-Iżlanda dwar
il-parteċipazzjoni tal-Iżlanda fit-twettiq konġunt tal-impenji
tal-Unjoni, l-Istati Membri u l-Iżlanda fit-tieni perjodu ta' impenn
tal-Protokoll ta' Kjoto għall-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti
dwar it-Tibdil fil-Klima. F’Diċembru 2012, fil-Konferenza ta'
Doha dwar it-Tibdil fil-Klima, il-192 Parti tal-Protokoll ta’ Kjoto
għall-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima,
adottaw emenda fil-Protokoll ta’ Kjoto (l-Emanda ta' Doha)[1]. Din l-Emenda ta’ Doha
tistabbilixxi t-tieni perjodu ta’ impenn skont il-Protokoll ta’ Kjoto, li jibda
mill-1 ta’ Jannar 2013 u jintemm
fil-31 ta’ Diċembru 2020, b’impenji legalment vinkolanti
ta' tnaqqis tal-emissjonijiet għall-Partijiet elenkati fl-Anness B
tagħha. Dawn il-Partijiet jinkludu l-Unjoni, l-Istati Membri u
l-Iżlanda. L-Artikolu 4 tal-Protokoll ta’ Kjoto
jippermetti lill-Partijiet biex iwettqu l-impenji tagħhom b’mod
konġunt. L-Unjoni Ewropea u ħmistax-il Parti li kienu Stati Membri
meta ġie ffirmat il-Protokoll ta’ Kjoto fl-1997 għażlu li
jagħmlu hekk għall-ewwel perjodu ta’ impenn (2008-12), u laħqu
ftehim/stipulaw it-termini tal-impenji konġunti għall-ewwel perjodu
ta' impenn meta rratifikaw il-Protokoll fl-2002.[2]
L-Emenda ta' Doha[3],
u d-dikjarazzjoni tal-Unjoni, l-Istati Membri u l-Iżlanda dwar l-adozzjoni
tagħha,[4]
esprimew l-intenzjoni ta' dawn il-Partijiet li jwettqu l-miri tagħhom ta'
tnaqqis b'mod konġunt fit-tieni perjodu ta' impenn. Il-Kummissjoni
pproponiet Deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni tal-Emenda
ta’ Doha għall-Protokoll ta’ Kjoto għall-UNFCCC u t-twettiq
konġunt tal-impenni tagħha f’Novembru 2013.[5] Din il-proposta
bħalissa qed tiġi diskussa. L-intendiment li l-impenji tat-tieni perjodu
ta' impenn tal-Protokoll ta' Kjoto jiġu mħarsa b'mod konġunt
mill-Unjoni Ewropea, l-Istati Membri tagħha u l-Iżlanda tmur lura
għall-2009. F’ittra lill-Presidenza tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea tat-3
ta’ Ġunju 2009, l-Iżlanda talbet taħdidiet formali biex
jitħabbar twettiq konġunt tal-impenji mal-Unjoni Ewropea u l-Istati
Membri tagħha fit-tieni perjodu ta’ impenn tal-Protokoll ta’ Kjoto.
Fil-laqgħa tal-15 ta’ Diċembru 2009, il-Kunsill laqa’ din it-talba u
stieden lill-Kummissjoni biex “tippreżenta rakkomandazzjoni
għall-ftuħ tan-negozjati neċessarji mal-Iżlanda li hija konformi
mal-prinċipji u l-kriterji stabbiliti fil-Pakkett tal-UE dwar il-Klima u
l-Enerġija”.[6] F'Ġunju 2013, il-Kummissjoni
ppreżentat rakkomandazzjoni lill-Kunsill għal Deċiżjoni
tal-Kunsill li tawtorizza l-ftuħ ta’ negozjati mal-Iżlanda.
F’Diċembru 2013, il-Kunsill ta mandat lill-Kummissjoni biex tiftaħ,
f’isem l-Unjoni, in-negozjati mal-Iżlanda dwar il-ftehim li jistabbilixxi
t-termini ta’ twettiq konġunt li jikkonċernaw il-parteċipazzjoni
tal-Iżlanda fit-twettiq konġunt tal-impenji mill-Unjoni, l-Istati
Membri u l-Iżlanda. Ir-rappreżentanti tal-Istati Membri fil-Kunsill
ukoll taw mandat lill-Kummissjoni biex tinnegozja dan il-ftehim f’isem l-Istati
Membri, fir-rigward ta’ oqsma li jaqgħu taħt il-kompetenza tal-Istati
Membri. Dawn in-negozjati tmexxew f’konformità mad-direttivi ta’ negozjar, fuq
il-bażi tal- Artikolu 218 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni
Ewropea u rriżultaw fil-ftehim mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni
proposta. 2. Il-Ftehim mal-Iżlanda Il-Ftehim mal-Iżlanda mehmuż ma’ din
id-Deċiżjoni proposta tistabbilixxi t-termini li jirregolaw
il-parteċipazzjoni tal-Iżlanda fit-twettiq konġunt tal-impenji
mill-Unjoni, l-Istati Membri tagħha u l-Iżlanda. Din ma tistabbilixxi
l-ebda impenn għall-Unjoni jew l-Istati Membri tagħha. Il-parteċipazzjoni tal-Iżlanda
fit-twettiq konġunt Il-parteċipazzjoni tal-Iżlanda
fit-twettiq konġunt fuq l-istess bażi bħall-Istati Membri.
Il-livell tal-emissjonijiet tal-Iżlanda, li huwa daqs l-ammont assenjat
lilha, se jkun relatat ma' dawk l-emissjonijiet minn gassijiet u setturi
koperti fit-tieni perjodu ta’ impenn tal-Protokoll ta’ Kjoto li mhumiex koperti
mill-iskema għall-iskambju ta' kwoti tal-emissjonijiet tal-UE (Direttiva
2003/87/KE[7]). [daħħal it-test dwar l-ammont
assenjat lill-Iżlanda, ladarba jkun iddeterminat] Fl-Anness II tagħha, il-ftehim
mal-Iżlanda ser jkollu l-istess termini ta’ twettiq konġunt li huma
stabbiliti fl-Anness anness mad-Deċiżjoni tal-Kunsill dwar
il-konklużjoni tal-Emenda ta' Doha għall-Protokoll ta’ Kjoto għall-UNFCCC
u t-twettiq konġunt tal-impennji tiegħu. Applikazzjoni għal
leġiżlazzjoni tal-UE relevanti għall-Iżlanda Bħala Partijiet fil-Protokoll ta’ Kjoto,
l-Unjoni u l-Istati Membri huma soġġetti għal għadd ta’
rekwiżiti ta’ monitoraġġ, rappurtar u verifika skont
il-Protokoll ta’ Kjoto. Għall-Partijiet li jkunu qablu li jwettqu
l-impennji tagħhom b’mod konġunt, jeħtieġ li xi
informazzjoni tkun sottomessa b’mod konġunt. Għaldaqstant,
il-Kummissjoni se titlob informazzjoni mill-Iżlanda sabiex l-Unjoni tkun
tista’ twettaq l-impenji tagħha ta’ rappurtar. Barra minn hekk,
jeħtieġ li l-Iżlanda titniżżel fis-sistemi ta’
reġistrazzjoni tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha li huma
rilevanti għat-twettiq tal-impennji taħt il-Protokoll ta’ Kjoto. Dan
jirrikjedi biex l-Iżlanda tapplika leġiżlazzjoni tal-Unjoni li
ma tkunx applikabbli għal pajjiżi terzi (inklużi l-partijiet
taż-Żona Ekonomika Ewropea), speċjalment b’rabta
mal-monitoraġġ, ir-rappurtar u l-verifika tal-emissjonijiet kif ukoll
fir-rigward tal-operazzjoni ta’ reġistru u l-kontabilità ta’ tranżazzjonijiet
relatati mal-implimentazzjoni tal-impenji tal-Unjoni, l-Istati Membri
tagħha u l-Iżlanda fit-tieni perjodu ta’ impenn tal-Protokoll ta’
Kjoto, f’konformità mat-termini ta’ twettiq konġunt u r-regoli miftiehma
internazzjonalment. Lista ta’ leġiżlazzjoni tal-Unjoni
li għandha tkun vinkolanti fuq l-Iżlanda tinsab fl-Anness I
tal-ftehim. Il-ftehim jipprovdi wkoll proċedura li temenda din il-lista,
biex jiżgura li l-Iżlanda tipparteċipa fit-twettiq konġunt u
ssegwi l-istess regoli u responsabbiltajiet bħal dawk tal-Istati Membri,
f’konformità mar-rekwiżiti miftiehma internazzjonalment. Kumitat tat-Twettiq Konġunt Il-Ftehim mal-Iżlanda jipprovdi
għat-twaqqif ta’ Kumitat tat-Twettiq Konġunt, li jiżgura
implimentazzjoni u operazzjoni effettivi ta’ dan il-ftehim. Dan il-kumitat huwa
ffurmat minn rappreżentanti tal-Unjoni, tal-Istati Membri u
tal-Iżlanda u jieħu d-deċiżjonijiet b’kunsens. Jista’
jieħu deċiżjonijiet dwar l-applikazzjoni
tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni rilevanti għall-Iżlanda u
jwettaq skambji ta’ fehmiet u informazzjoni relatati mal-implimentazzjoni
tat-termini tat-twettiq konġunt. Il-laqgħat tiegħu se jiġu
organizzati, kull meta jkun possibbli, qrib dawk tal-Kumitat dwar it-Tibdil
fil-Klima, stabbilit skont l-Artikolu 26 tar-Regolament 525/2013[8]. Tul u terminazzjoni tal-ftehim
mal-Iżlanda Il-Ftehim mal-Iżlanda huwa konkluż
għal perjodu ta’ żmien limitat, sakemm jitlestew il-kwistjonijiet
kollha relatati mal-implimentazzjoni tat-tieni perjodu ta’ impenn. Dan huwa
f’konformità mal-Artikolu 4 tal-Protokoll ta’ Kjoto li jeħtieġ
li kull ftehim ta' twettiq konġunt bejn il-Partijiet jibqa'
fis-seħħ matul il-perjodu tal-impenn rispettiv. F’każ ta’ ksur jew oġġezzjoni
min-naħa tal-Iżlanda għal emenda tal-lista ta’ atti legali
b’applikazzjoni fl-Iżlanda skont dan il-ftehim, l-Iżlanda se tkun
responsabbli b’mod individwali għall-emissjonijiet ta’ gassijiet b’effett
ta’ serra kollha tagħha koperti mill-Protokoll ta’ Kjoto, inklużi
dawk taħt il-kamp ta' applikazzjoni tas-sistemi ta' skambju tal-kwoti
tal-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra tal-UE.
Dan il-ftehim ma għandu l-ebda
implikazzjoni baġitarja għall-Unjoni. 2014/0152 (NLE) Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni Ewropea,
tal-ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha u l-Iżlanda
dwar il-parteċipazzjoni tal-Iżlanda fit-twettiq konġunt
tal-impennji tal-Unjoni Ewropea, l-Istati Membri tagħha u l-Iżlanda
fit-tieni perjodu ta’ impenn tal-Protokoll ta’ Kjoto għall-Konvenzjoni
Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA, Wara li kkunsidra t-Trattat dwar
il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 192(1)
flimkien mal-Artikolu 218(5) tiegħu, Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni
Ewropea, Billi: (1) Il-Kummissjoni nnegozjat,
f’isem l-Unjoni, ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha u
l-Iżlanda dwar il-parteċipazzjoni tal-Iżlanda fit-twettiq
konġunt tal-impennji tal-Unjoni Ewropea, l-Istati Membri tagħha u l-Iżlanda
fit-tieni perjodu ta’ impenn tal-Protokoll ta’ Kjoto għall-Konvenzjoni
Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (“il-ftehim”). (2) Il-Protokoll ta’ Kjoto
għall-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima
(“il-Protokoll”) daħal fis-seħħ fis-16 ta’ Frar 2005 u jinkludi
impenji legalment vinkolanti għat-tnaqqis tal-emissjonijiet għall-ewwel
perjodu ta’ impenn tal-Protokoll fis-seħħ mill-2008 sal-2012,
għall-partijiet elenkati fl-Anness B tiegħu. L-Unjoni u l-Istati
Membri rratifikaw il-Protokoll fil-31 ta’ Mejju 2002, u qablu biex iwettqu
l-impenji tagħhom b'mod konġunt fl-ewwel perjodu ta’ impenn.[9] L-Iżlanda rratifikat
il-Protokoll fit-23 ta’ Mejju 2002. (3) Fil-Konferenza ta' Doha dwar
il-Klima li saret f’Diċembru 2012, il-Partijiet kollha tal-Protokoll qablu
mal-Emenda ta' Doha li tistabbilixxi t-tieni perjodu ta’ impenn tal-Protokoll
(li jibda fl-1 ta’ Jannar 2013 u jintemm fil-31 ta’ Diċembru 2020).
L-Emenda ta' Doha temenda l-Anness B tal-Protokoll ta’ Kjoto,
tistabbilixxi aktar impenji ta’ mitigazzjoni legalment vinkolanti
għall-Partijiet elenkati f’dak l-Anness għat-tieni perjodu ta’ impenn,
u temenda u telabora iktar d-dispożizzjonijiet dwar l-implimentazzjoni
tal-impenji tal-Partijiet matul it-tieni perjodu ta’ impenn. (4) Il-miri għall-Unjoni
Ewropea u l-Istati Membri huma elenkati fl-Emenda ta’ Doha b’nota ta'
qiegħ il-paġna li tiddikjara li dawk il-miri huma bbażati fuq
il-fehim li dawk se jintlaħqu b’mod konġunt, b'konformità
mal-Artikolu 4 tal-Protokoll ta’ Kjoto.[10]
L-Unjoni, l-Istati Membri u l-Iżlanda wkoll ħarġu dikjarazzjoni
konġunta mal-adozzjoni tal-Emenda ta’ Doha[11], li tesprimi
l-intenzjoni tagħhom li jissodisfaw l-impenji tagħhom b’mod
konġunt fit-tieni perjodu ta’ impenn. Id-dikjarazzjoni ġiet maqbula
waqt laqgħa apposta tal-Ministri tal-UE f’Doha u ġiet approvata
mill-Kunsill fis-17 ta’ Diċembru 2012.[12] (5) Fl-istess dikjarazzjoni,
l-Unjoni, l-Istati Membri u l-Iżlanda ddikjaraw ukoll, f’konformità mal-
Artikolu 4(1) tal-Protokoll ta’ Kjoto li jippermetti lill-partijiet biex
iwettqu l-impenji tagħhom b’mod konġunt taħt l-Artikolu 3
tal-Protokoll, li l- Artikolu 3(7ter) tal-Protokoll għandu jiġi
applikat fl-ammont assenjat b'mod konġunt skont il-ftehim dwar it-twettiq
konġunt mill-Unjoni Ewropea, l-Istati Membri tagħha, il-Kroazja u
l-Iżlanda u mhux se jiġi applikat individwalment għall-Istati
Membri, il-Kroazja jew l-Iżlanda. (6) Fil-laqgħa tal-15 ta’
Diċembru 2009, il-Kunsill laqa’ t-talba tal-Iżlanda biex twettaq
l-impenji tagħha b’mod konġunt mal-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri
tagħha fit-tieni perjodu ta’ impenn u talbet lill-Kummissjoni biex
tippreżenta rakkomandazzjoni għall-ftuħ tan-negozjati meħtieġa
dwar ftehim mal-Iżlanda li tkun f'konformità mal-prinċipji u
l-kriterji stabbiliti fil-pakkett Klima u Enerġija tal-Unjoni.[13] (7) L-Artikolu 4(1)
tal-Protokoll jirrikjedi li l-Partijiet jaqblu li jwettqu l-impenji
tagħhom b’mod konġunt skont Artikolu 3 tal-Protokoll sabiex
jiġi stabbilit il-livell ta’ emissjoni rispettiv għall-kull
waħda mill-Partijiet tal-ftehim f’dak il-ftehim. L-Artikolu 4(2)
tal-Protokoll jeħtieġ li l-partijiet tal-ftehim ta' twettiq
konġunt jinnotifikaw lis-Segretarjat tal-Protokoll dwar it-termini ta’ dak
il-ftehim fid-data tad-depożitu tal-istrumenti tagħhom ta’ ratifika
jew ta’ approvazzjoni. (8) Fis-17 ta’ Diċembru
2013, il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni biex tiftaħ negozjati dwar
ftehim ta’ twettiq konġunt bejn l-Unjoni Ewropea, l-Istati Membri
tagħha u l-Iżlanda. (9) It-termini tal-ftehim ta'
twettiq konġunt tal-impenji tal-Unjoni Ewropea, l-Istati Membri
tagħha u l-Iżlanda skont l-Artikolu 3 tal-Protokoll ta’ Kjoto
huma stabbiliti f'anness tad-Deċiżjoni tal-Kunsill dwar
il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Emenda ta' Doha
għall-Protokoll ta’ Kjoto għall-UNFCCC u t-twettiq konġunt
tal-impennji tiegħu.[14]
Tali termini huma wkoll stipulati f’anness tal-ftehim mal-Iżlanda. (10) Biex jiġi żgurat li
l-impennji tal-Iżlanda fit-twettiq konġunt huma stabbiliti u
applikati b’mod mhux diskriminatorju, billi jittrattaw l-Iżlanda l-istess
bħall-Istati Membri, il-livell tal-emissjonijiet għall-Iżlanda
ġie stabbilit b’tali mod li jkun konsistenti kemm fl-impenn ta’ tnaqqis
tal-emissjonijiet kwantifikati miktuba fit-tielet kolonna tal-Anness B
tal-Protokoll ta’ Kjoto (kif emendat mill-Emenda ta’ Doha) u kemm
fil-leġiżlazzjoni tal-UE, inkluż il-pakkett dwar il-Klima u
l-Enerġija tal-2009 u l-prinċipji u l-kriterji li fuqhom
jibbażaw l-objettivi f’dik il-leġiżlazzjoni. (11) Għalhekk, il-ftehim
għandu jiġi ffirmat f'isem l-Unjoni Ewropea, soġġett
għall-konklużjoni tiegħu f'data aktar tard. ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI: Artikolu 1 L-iffirmar f’isem l-Unjoni Ewropea tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u
l-Istati Membri tagħha u l-Iżlanda dwar il-parteċipazzjoni
tal-Iżlanda fit-twettiq konġunt tal-impennji tal-Unjoni Ewropea,
l-Istati Membri tagħha u l-Iżlanda fit-tieni perjodu ta’ impenn
tal-Protokoll ta' Kjoto għall-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti
dwar it-Tibdil fil-Klima, huwa b’dan approvat f’isem l-Unjoni,
suġġett għall-konklużjoni tal-ftehim imsemmi. It-test tal-Ftehim li għandu jiġi
ffirmat huwa mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni. Artikolu 2 Il-President tal-Kunsill huwa b'dan awtorizzat
jaħtar lill-persuna(i) bis-setgħa li tiffirma/jiffirmaw il-Ftehim
f'isem l-Unjoni. Is-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill
jistabbilixxi l-istrument ta’ setgħat sħaħ biex jiġi
ffirmat il-Ftehim, soġġett għall-konklużjoni tiegħu,
għall-persuna/i indikata/i mill-Kummissjoni. Artikolu 3 Din id-Deċiżjoni għandha
tidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni
tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Magħmul fi Brussell, Għall-Kunsill Il-President [1] Id-Deċiżjoni 1/CMP.8, adottata mill-Konferenza
tal-Partijiet li serviet bħala laqgħa tal-Partijiet
għall-Protokoll ta’ Kjoto, FCCC/KP/CMP/2012/13/Add.1 [2] Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/358/KE
tal-25 ta’ April 2002 dwar l-approvazzjoni f’isem il-Komunità
Ewropea, tal-Protokoll ta' Kjoto għall-Konvenzjoni Kwadru tan-Nazzjonijiet
Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima u t-twettiq konġunt tal-obbligi
tiegħu, ĠU L 130, 15.5.2002, p. 1. [3] Ara n-noti f’qiegħ il-paġna 4, 6 u 8 marbuta
mal-impenn kwantifikat għal limitazzjoni jew tnaqqis tal-emissjonijiet
iskritti għall-Unjoni, l-Istati Membri, il-Kroazja u l-Iżlanda
fit-tielet kolonna tal-Anness B (l-Artikolu 1 tal-Emenda ta’ Doha) li
jiddikjaraw li dawn l-impenji “huma bbażati fuq l-intendiment li dawn
jiġu mħarsa b'mod konġunt”. [4] It-test sħiħ ta’ din id-dikjarazzjoni huwa
rifless fil-paragrafu 45 tar-Rapport tal-Konferenza tal-Partijiet li
serviet bħala laqgħa tal-Partijiet għall-Protokoll ta’ Kjoto
fit-tmien sessjoni tagħha, li saret f’Doha mis-26 ta’ Novembru
sat-8 ta’ Diċembru 2012 FCCC/KP/CMP/2012/13. [5] COM(2013)768 tas-6 ta' Novembru 2013. [6] Il-Konklużjonijiet
tal-Kunsill tal-15 ta’ Diċembru 2009 dwar il-Ftehim ta’
Twettiq Konġunt mal-Iżlanda fir-rigward ta' ftehim internazzjonali
futur dwar il-klima. [7] Id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u
tal-Kunsill tat-13 ta’ Ottubru 2003 li tistabbilixxi skema għall-iskambju
ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Komunità u li
temenda d-Direttiva tal-Kunsill 96/61/KE. [8] Ir-Regolament (UE) Nru 525/2013 tal-Parlament Ewropew u
tal-Kunsill tal-21 ta' Mejju 2013 dwar mekkaniżmu
għall-monitoraġġ u r-rapportar ta' emissjonijiet ta' gassijiet
serra u għar-rapportar ta' informazzjoni oħra relatata mat-tibdil
fil-klima fil-livelli nazzjonali u tal-Unjoni u li jħassar id-Deċiżjoni
Nru 280/2004/KE. [9] Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/358/KE
tal-25 ta' April 2002 dwar l-approvazzjoni f'isem il-Komunità
Ewropea, tal-Protokoll ta' Kjoto għall-Konvenzjoni Kwadru tan-Nazzjonijiet
Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima u t-twettiq konġunt tal-obbligi tiegħu,
ĠU L 130/1, 15.5.2002, p. 1. [10] In-nota f’qiegħ il-paġna 4 tal-Anness B
tal-Protokoll, kif emendata mill-Emenda ta' Doha. [11] Rifless fil-paragrafu 45 tar-Rapport tal-Konferenza
tal-Partijiet li serviet bħala l-laqgħa tal-Partijiet
għall-Protokoll ta’ Kjoto fit-tmien sessjoni tagħha, li saret f’Doha
mis-26 ta’ Novembru sat-8 ta’ Diċembru 2012,
l-ewwel Parti: Il-proċedimenti, Dokument FCCC/KP/CMP/2012/13. [12] Il-Kunsill
tas-17 ta’ Diċembru 2012, li approva d-dikjarazzjoni tal-Unjoni Ewropea u
l-Istati Membri tagħha flimkien mal-Kroazja u l-Iżlanda
fil-Konferenza ta’ Doha dwar il-Klima. [13] Il-Konklużjonijiet
tal-Kunsill tal-15 ta’ Diċembru 2009 dwar il-Ftehim ta’
Twettiq Konġunt mal-Iżlanda fir-rigward ta' ftehim internazzjonali
futur dwar il-klima. [14] [daħħal
ir-referenza]. Ftehim dwar il-parteċipazzjoni
tal-Iżlanda fit-twettiq konġunt tal-impenji tal-Unjoni, l-Istati
Membri tagħha u l-Iżlanda fit-tieni perjodu ta’ impenn tal-Protokoll
ta’ Kjoto. L-Unjoni Ewropea, ir-Renju tal-Belġju,
ir-Repubblika tal-Bulgarija, it-Repubblika tal-Kroazja, ir-Repubblika
Ċeka, ir-Renju tad-Danimarka, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja,
ir-Repubblika tal-Estonja, l-Irlanda, ir-Repubblika Ellenika, ir-Renju ta'
Spanja, ir-Repubblika Franċiża, ir-Repubblika Taljana, ir-Repubblika
ta' Ċipru, ir-Repubblika tal-Latvja, ir-Repubblika tal-Litwanja, il-Gran
Dukat tal-Lussemburgu, l-Ungerija, Malta, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi,
ir-Repubblika tal-Awstrija, ir-Repubblika tal-Polonja, ir-Repubblika
Portugiża, ir-Rumanija, ir-Repubblika tas-Slovenja, ir-Repubblika
Slovakka, ir-Repubblika tal-Finlandja, ir-Renju tal-Iżvezja, ir-Renju Unit
tal-Gran Brittannja u l-Irlanda ta' Fuq u r-Repubblika tal-Iżlanda (minn
hawn 'il quddiem imsejħa "il-Partijiet"), Jitfakkar li: Id-Dikjarazzjoni Konġunta ta' Doha tat-8 ta’
Diċembru 2012, tiddikjara li l-impenni kwantifikati għal-limitazzjoni
u t-tnaqqis tal-emissjonijiet għall-Unjoni Ewropea, l-Istati Membri
tagħha, il-Kroazja u l-Iżlanda għat-tieni perjodu ta’ impenn
taħt il-Protokoll ta’ Kjoto huma bbażati fuq il-fehma li dawn se
jitwettqu b’mod konġunt skont l-Artikolu 4 tal-Protokoll ta’ Kjoto;
li l-Artikolu 3 (7ter), se japplika għall-ammont konġunt
assenjat, skont il-ftehim dwar it-twettiq konġunt tal-Unjoni Ewropea,
l-Istati Membri tagħha, il-Kroazja u l-Iżlanda, u mhux se japplika
għall-Istati Membri, il-Kroazja jew l-Iżlanda individwalment. F’dik l-istess dikjarazzjoni konġunta,
l-Unjoni Ewropea, l-Istati Membri tagħha u l-Iżlanda ddikjaraw li se
jiddepożitaw strumenti ta' aċċettazzjoni fl-istess ħin, kif
kien il-każ għall-Protokoll ta’ Kjoto nnifsu, sabiex jiżguraw
id-dħul fis-seħħ simultanju għall-Unjoni Ewropea, is-27
Stat Membru tagħha, il-Kroazja u l-Iżlanda; L-Iżlanda tipparteċipa fil-Kumitat
dwar it-Tibdil fil-Klima tal-Unjoni Ewropea, stabbilit skont l-Artikolu 26
tar-Regolament (UE) Nru 525/2013, kif ukoll bħala Grupp ta’
Ħidma I fl-ambitu tal-Kumitat dwar it-Tibdil fil-Klima. Iddeċidew li jikkonkludu l-ftehim li
ġej: Artikolu 1 (l-għan tal-Ftehim) L-għan ta’ dan il-ftehim huwa li
jistabbilixxi t-termini li jirregolaw il-parteċipazzjoni tal-Iżlanda
fit-twettiq konġunt tal-impenji tal-Unjoni Ewropea, l-Istati Membri
tagħha u l-Iżlanda għat-tieni perjodu ta’ impenn tal-Protokoll
ta’ Kjoto, u biex jippermetti implimentazzjoni effettiva ta’ din
il-parteċipazzjoni, inkluża l-kontribuzzjoni tal-Iżlanda
fit-twettiq tar-rekwiżiti ta’ rapportar tal-Unjoni għat-tieni perjodu
ta’ impenn tal-Protokoll ta’ Kjoto. Artikolu 2 (definizzjonijiet) Għall-finijiet ta’ dan il-ftehim: (a)
Il-“Protokoll ta’ Kjoto” huwa l-Protokoll ta’ Kjoto
għall-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima
(UNFCCC), kif emendat bl-Emenda ta' Doha għal dan il-Protokoll, miftiehem
fit-8 ta’ Diċembru 2012 f’Doha; (b)
L-“Emenda ta' Doha” tfisser l-Emenda ta' Doha
għall-Protokoll ta’ Kjoto għall-UNFCCC, maqbula fit-8 ta’
Diċembru 2012 f’Doha, li tistabbilixxi t-tieni perjodu ta’ impenn
tal-Protokoll ta’ Kjoto mill-1 ta’ Jannar 2013 sal-31 ta’ Diċembru 2020; (c)
It-“Termini tat-twettiq konġunt” tfisser
t-termini stabbiliti fl-Anness 2 ta’ dan il-ftehim; (d)
Id-“Direttiva ETS” tfisser d-Direttiva 2003/87/KE
tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi skema għall-iskambju
ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Komunità, kif
emendata. Artikolu 3 (twettiq konġunt) (1) Il-Partijiet jaqblu li jwettqu l-impenni
kwantifikati tagħhom għal-limitazzjoni u t-tnaqqis tal-emissjonijiet
għat-tieni perjodu ta’ impenn iskritt fit-tielet kolonna tal-Anness B
tal-Protokoll ta’ Kjoto b'mod konġunt, skont it-termini tat-twettiq
konġunt. (2) Għalhekk, l-Iżlanda għandha
tieħu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex tiżgura li
l-emissjonijiet antropiċi aggregati, espressi f'ekwivalenti ta' bijossidu
tal-karbonju għat-tieni perjodu ta’ impenn tal-gassijiet b'effett ta'
serra elenkati fl-Anness A tal-Protokoll ta’ Kjoto minn fonti u bjar koperti
mill-Protokoll ta’ Kjoto li ma jaqgħux fl-ambitu tad-Direttiva ETS ma
jaqbżux l-ammont stipulat fit-termini tat-twettiq konġunt. (3) Mingħajr preġudizzju
għall-Artikolu 8 ta’ dan il-ftehim, l-Iżlanda għandha, fi
tmiem it-tieni perjodu ta’ impenn, tirtira l-AAUs, CERs, ERUs, RMUs, tCERs jew
lCERs ekwivalenti għall-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra
minn fonti u tal-assorbiment minn bjar koperti mill-ammont assenjat lilha
mir-reġistru nazzjonali tagħha, skont id-Deċiżjoni 1/CMP.8
u deċiżjonijiet rilevanti oħra tal-UNFCCC jew korpi
tal-Protokoll ta’ Kjoto, kif ukoll it-termini tat-twettiq konġunt. Artikolu 4 (l-applikazzjoni ta’
leġiżlazzjoni tal-Unjoni Ewropea rilevanti) (1) L-atti legali elenkati fl-Anness 1 għandhom
ikunu vinkolati għall-Iżlanda u applikabbli fl-Iżlanda. Kull
meta l-atti legali inklużi fl-Anness 1 ikun fihom referenzi
għall-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea, ir-referenzi għandhom,
għall-finijiet ta’ dan il-ftehim, jinftiehmu wkoll bħala referenzi
għall-Iżlanda. (2) L-Anness 1 jista' jiġi emendat
b’deċiżjoni tal-Kumitat tat-Twettiq Konġunt stabbilit
bl-Artikolu 6 ta’ dan il-ftehim. (3) Il-Kumitat tat-Twettiq Konġunt jista’
jiddeċiedi dwar iktar modalitajiet tekniċi dwar l-applikazzjoni
tal-Iżlanda tal-atti legali elenkati fl-Anness I. (4) Fil-każ ta’ emendi fl-Anness I li
jeħtieġu bidliet fil-leġiżlazzjoni primarja
fl-Iżlanda, id-dħul fis-seħħ ta’ dawn l-emendi għandu
iqis iż-żmien meħtieġ għall-adozzjoni ta’ dawn
il-bidliet mill-Iżlanda u l-ħtieġa li tiġi żgurata
konformità mar-rekwiżiti tal-Protokoll ta’ Kjoto u
d-deċiżjonijiet. (5) Huwa ferm importanti li l-Kummissjoni
żżomm il-prassi normali tagħha u twettaq konsultazzjonijiet ma’
esperti, inklużi esperti mill-Iżlanda, qabel ma tadotta atti delegati
inklużi jew li għandhom jiġu inklużi fl-Anness I. Artikolu 5 (rappurtar) (1) Sal-15 ta’ April 2015,
l-Iżlanda għandha tressaq ir-rapport lis-Segretarjat tal-UNFCCC, biex
tiffaċilita l-kalkolu tal-ammont assenjat lilha skont dan il-ftehim,
ir-rekwiżiti tal-Protokoll ta’ Kjoto, l-Emenda ta' Doha u
d-deċiżjonijiet adottati skont dawn. (2) L-Unjoni Ewropea għandha tħejji
r-rapport biex tiffaċilita l-kalkolu tal-ammont assenjat għall-Unjoni
u r-rapport biex tiffaċilita l-kalkolu tal-ammont konġunt assenjat
għall-Unjoni, l-Istati Membri tagħha u l-Iżlanda (“l-ammont
konġunt assenjat”), f'konformità ma' dan il-ftehim, ir-rekwiżiti
tal-Protokoll ta’ Kjoto, l-Emenda ta' Doha u d-deċiżjonijiet adottati
skont dawn. L-Unjoni għandha tressaq dan ir-rapport lis-Segretarjat
tal-UNFCCC sal-15 ta’ April 2015. Artikolu 6 (Kumitat tat-Twettiq
Konġunt) (1) Kumitat tat-Twettiq Konġunt, li
jikkonsisti minn rappreżentanti tal-Partijiet, huwa b’dan stabbilit. (2) Il-Kumitat tat-Twettiq Konġunt
għandu jiżgura l-implimentazzjoni u l-operazzjoni effettivi ta’ dan
il-ftehim. Għalhekk, għandu jieħu d-deċiżjonijiet previsti
fl-Artikolu 4 ta’ dan il-ftehim u jwettaq skambji ta’ fehmiet u
informazzjoni relatati mal-implimentazzjoni tat-termini tat-twettiq
konġunt. Il-Kumitat tat-Twettiq Konġunt għandu jieħu
d-deċiżjonijiet kollha b’kunsens. (3) Il-Kumitat tat-Twettiq Konġunt
għandu jiltaqa’ fuq talba ta’ waħda mill-Partijiet jew iktar
lill-Unjoni Ewropea, jew fuq l-inizjattiva tal-Unjoni Ewropea. (4) Il-membri tal-Kumitat tat-Twettiq
Konġunt li jirrappreżentaw l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri
tagħha jkunu inizjalment rappreżentanti tal-Kummissjoni u l-Istati
Membri li qed jieħdu sehem fil-Kumitat tal-Unjoni Ewropea dwar it-Tibdil
fil-Klima ukoll, stabbilit f’konformità mal-Artikolu 26 tar-Regolament 525/2013[1]. Ir-rappreżentat
tal-Iżlanda għandu jinħatar mill-Ministeru tal-Ambjent u
r-Riżorsi Naturali tal-Iżlanda. Il-laqgħat tal-Kumitat
tat-Twettiq Konġunt għandhom ikunu organizzati, kull meta jkun
possibbli, qrib dawk tal-Kumitat dwar it-Tibdil fil-Klima. (5) Il-Kumitat tat-Twettiq Konġunt
għandu jadotta r-regoli ta’ proċedura tiegħu b’kunsens. Artikolu 7 (ebda riżerva) Ma tista' ssir ebda riżerva f'dan
il-ftehim. Artikolu 8 (dewmien u konformità) (1) Dan il-ftehim huwa konkluż
għall-perjodu ta' żmien sa tmiem il-perjodu addizzjonali tat-twettiq
tal-impenji fit-tieni perjodu ta’ impenn tal-Protokoll ta’ Kjoto jew sakemm xi
kwistjonijiet ta’ implimentazzjoni taħt il-Protokoll ta’ Kjoto għal
kwalunkwe waħda mill-Partijiet, li jkunu relatati ma’ dak il-perjodu ta’
impenn jew l-implimentazzjoni tat-twettiq konġunt, ikunu riżolti;
liema minnhom tkun l-aħħar. Ma jistax jintemm qabel. (2) L-Iżlanda għandha tinnotifika
il-Kumitat tat-Twettiq Konġunt fil-każ ta' nuqqas jew falliment
imminenti li japplikaw għad-dispożizzjonijiet ta’ dan il-ftehim.
Nuqqasijiet bħal dawn għandhom ikunu ġġustifikati
għas-sodisfazzjoni tal-membri tiegħu fi żmien 30 jum
min-notifika tagħhom. Inkella, il-falliment li japplika
għad-dispożizzjonijiet ta’ dan il-ftehim jkun jikkostitwixxi ksur ta’
dan il-ftehim. (3) F’każ ta’ ksur ta’ dan il-ftehim jew
l-oġġezzjoni tal-Iżlanda għall-emenda tal-Anness I
tiegħu skont l-Artikolu 4(2), l-Iżlanda għandha tammonta
għall-emissjonijiet antropiċi aggregati, espressi f'ekwivalenti ta'
bijossidu tal-karbonju minn fonti u tal-assorbiment minn bjar fl-Iżlanda
koperti mill-Protokoll ta’ Kjoto fit-tieni perjodu ta’ impenn, inklużi
l-emissjonijiet minn sorsi koperti bl-iskema tal-Unjoni Ewropea tal-iskambju
tal-kwoti tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra, kontra l-objettiv kwantifikat
ta’ tnaqqis ta’ emissjonijiet tagħha inkluż fit-tielet kolonna
tal-Anness B tal-Protokoll ta’ Kjoto u, fi tmiem it-tieni perjodu ta’ impenn,
tirtira l-AAUs, CERs, ERUs, RMUs, tCERs jew lCERs ekwivalenti għal dawk
l-emissjonijiet mir-reġistru nazzjonali tagħha. Artikolu 9 (Depożitarju) L-oriġinal ta’ dan il-ftehim, li huwa
awtentiku bl-istess mod fil-lingwi uffiċjali kollha tal-Unjoni Ewropea u
bl-Iżlandiż, għandhom jiġu depożitati għand
is-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea. Artikolu 10 (depożitu ta’
strumenti ta' ratifika) (1) Dan il-ftehim għandu jiġi
ratifikat mill-Partijiet f'konformità mar-rekwiżiti domestiċi
rispettivi. Kull Parti għandha tiddepożita l-istrumenti ta’
ratifikazzjoni tagħha għand is-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill tal-Unjoni
Ewropea, qabel jew fl-istess waqt tad-depożitu tal-istrument ta’
aċċettazzjoni tal-Emenda ta' Doha għand is-Segretarju
Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti. (2) L-Iżlanda għandha
tiddepożita l-istrument ta’ aċċettazzjoni tal-Emenda ta' Doha
għand is-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, b’konformità
mal-Artikolu 20(4) u l-Artikolu 21(7) tal-Protokoll ta’ Kjoto, mhux
iktar tard mid-data ta’ depożitu tal-aħħar strument ta’
aċċettazzjoni mill-Unjoni Ewropea jew mill-Istati Membri tagħha. (3) L-Iżlanda, filwaqt li
tiddepożita l-istrument ta’ aċċettazzjoni tal-Emenda ta' Doha,
għandha tinnotifika wkoll it-termini tat-twettiq konġunt, f’isimha
stess, lis-Segretarjat tal-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar
it-Tibdil fil-Klima skont l-Artikolu 4(2) tal-Protokoll ta’ Kjoto. Artikolu 11 (Dħul fis-seħħ) Dan il-Ftehim għandu jidħol
fis-seħħ fid-[disgħin] jum wara d-data li fiha l-Partijiet
kollha jkunu ddepożitaw l-istrument ta’ ratifika tagħhom. Magħmul fi..., Anness
1 (Lista
provduta fl-Artikolu 4) 1.
Ir-Regolament (UE) Nru 525/2013 tal-Parlament
Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Mejju 2013 dwar mekkaniżmu
għall-monitoraġġ u r-rapportar ta' emissjonijiet ta' gassijiet
serra u għar-rapportar ta' informazzjoni oħra relatata mat-tibdil
fil-klima fil-livelli nazzjonali u tal-Unjoni u li jħassar id-Deċiżjoni
Nru 280/2004/KE, (imsejjaħ ir-'Regolament 525/2013'), minbarra
l-artikoli tagħha 4, 7, lit. f, 15 sa 20 u 22. Id-dispożizzjonijiet
fl-Artikolu 21 japplikaw kif xieraq. 2.
Atti Delegati u ta' Implimentazzjoni attwali u
futuri bbażati fuq ir-Regolament 525/2013. Anness
2 (Termini
tat-twettiq konġunt kif annessi fid-Deċiżjoni ta' Ratifika li
jikkonkludu, f’isem l-Unjoni Ewropea, l-Emenda ta’ Doha - inkluża l-figura
ta’ tCO2eq bħala livell ta’ emissjoni/ammont assenjat
għall-Iżlanda qabel l-applikazzjoni tal-Artikolu 3(7bis) KP) [1] Ir-Regolament (UE) Nru 525/2013 tal-Parlament Ewropew u
tal-Kunsill tal-21 ta' Mejju 2013 dwar mekkaniżmu
għall-monitoraġġ u r-rapportar ta' emissjonijiet ta' gassijiet
serra u għar-rapportar ta' informazzjoni oħra relatata mat-tibdil
fil-klima fil-livelli nazzjonali u tal-Unjoni u li jħassar
id-Deċiżjoni Nru 280/2004/KE.