Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52014PC0223

Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL li tistabbilixxi l-pożizzjoni li se tieħu l-Unjoni Ewropea fil-Kunsill Ġenerali tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ dwar l-adeżjoni tar-Repubblika Iżlamika tal-Afganistan mad-WTO

/* COM/2014/0223 final - 2014/0125 (NLE) */

52014PC0223

Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL li tistabbilixxi l-pożizzjoni li se tieħu l-Unjoni Ewropea fil-Kunsill Ġenerali tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ dwar l-adeżjoni tar-Repubblika Iżlamika tal-Afganistan mad-WTO /* COM/2014/0223 final - 2014/0125 (NLE) */


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

I. INTRODUZZJONI

Il-Membri tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) u l-Afganistan laħqu l-istadju konklussiv ta' ftehim dwar it-termini għall-adeżjoni tal-Afganistan mal-organizzazzjoni. Dan wasal wara 10 snin ta’ negozjati, li bdew meta l-Afganistan ressaq l-applikazzjoni tiegħu biex jingħaqad mad-WTO fl-2004. It-talba tal-Afganistan għall-adeżjoni ġiet eżaminata skont il-linji gwida stipulati mill-Kunsill Ġenerali tad-WTO dwar l-adeżjoni tal-pajjiżi l-inqas żviluppati (LDC) u jeħtieġ li issa jkun hemm Deċiżjoni tal-Kunsill li tapprova t-termini tal-adeżjoni tal-Afganistan, qabel l-UE tkun tista' tappoġġa formalment din l-approvazzjoni fid-WTO.

Taqsira tat-termini tal-adeżjoni tinsab hawn taħt.

II. TAQSIRA TAT-TERMINI TAL-ADEŻJONI TAL-AFGANISTAN MAD-WTO SKONT IS-SETTUR

Skeda tal-impenji

Prodotti (b’mod ġenerali)

Ir-rata ta’ tariffa medja finali (FBR) fl-iskeda tal-adeżjoni tal-Afganistan hija ta’ 15,1 %.

L-rata ta’ tariffa medja finali għall-prodotti tal-agrikoltura hija ta' 29,6 %, xi ftit ogħla mit-8,8 % osservata għall-prodotti industrijali. L-ogħla tariffi huma ogħla fl-agrikoltura (massimu ta' 60-70 % f’ċerti prodotti tal-agrikoltura mqabbel mal-massimu ta' 50 % osservat fil-prodotti industrijali).

L-Afganistan se jimplimenta r-rati ta’ tariffi finali mid-data tal-adeżjoni, bl-eċċezzjoni tal-importazzjonijiet ta’ għadd żgħir ta’ prodotti tat-Teknoloġija tal-Informatika – bħal ċirkwiti elettroniċi, video cameras – (li xorta waħda se jiġu liberalizzati b'mod sħiħ sal-2019).

Dawn il-livelli medji għat-tariffi huma pjuttost raġonevoli meta jitqies l-istatus tal-Pajjiżi l-Anqas Żviluppati tal-Afganistan kif ukoll id-daqs żgħir u l-vulnerabbiltà tal-ekonomija tiegħu. Fl-imgħoddi l-prassi tal-UE marbuta mal-Pajjiżi l-Anqas Żviluppati kienu li dawn il-livelli ta’ tariffi jiġu aċċettati bħala ekonomiji raġonevoli ta’ daqs komparabbli. Skont dan l-isfond, dawn il-linji tariffarji m’għandhomx restrizzjonijiet:

– 41 linja tariffarja dwar prodotti agrikoli li l-kummerċ tagħhom jitqies bħala pprojbit fl-Afganistan (majjal u prodotti tal-majjal, birra, inbid u spirti); kif ukoll

– 183 linja tariffarja ta’ merkanzija industrijali, li jikkorrispondu għal 4.4 % tan-numru tal-linji tariffarji industrijali fl-iskeda (skont, il-“Linji Gwida għan-negozjar tal-adeżjoni tal-Pajjiżi l-Anqas Żviluppati mad-WTO” li ġew approvati dan l-aħħar li jippermettu sa 5 % ta’ linji tariffarji industrijali mingħajr restrizzjonijiet).

Prodotti Industrijali

– Ir-rata ta’ tariffa medja finali għall-prodotti mhux agrikoli hija ta' 8,8 %.

– L-ogħla medji ta’ 30 % huma osservati fiċ-ċeramika, u medji ta’ 15-20 % fl-għamara, fil-ħġieġ u t-tessuti.

– L-inqas, 0 %, jiġi offrut fil-prodotti tat-Teknoloġija tal-Informazzjoni (ITA) li se jkun implimentat sal-2019.

– L-ogħla tariffi għoljin industrijali huma 50 % (vetturi tal-passiġġieri) segwiti b’żidiet ta’ 30 % fil-prodotti taċ-ċeramika u tat-tessuti.

– 183 linja tariffarja mingħajr restrizzjonijiet fuq prodotti industrijali jikkorrispondu għall-materja prima, twapet, żraben u għamara.

Prodotti agrikoli

– Ir-rata ta’ tariffa medja finali għall-prodotti agrikoli hija ta' 29,6 %.

– L-ogħla tariffi għoljin fl-agrikoltura huma ta’ 70 % għal ċertu meraq tal-frott, u 60 % f’varjetà wiesgħa ta’ prodotti agrikoli bħal ħaruf u laħam taċ-ċanga, ħaxix, frott, ġewż, tadam, patata, tabakk u ilma minerali.

– 41 linja tariffarja fuq prodotti agrikoli jikkonċernaw prodotti li l-kummerċ tagħhom jitqies bħala pprojbit fl-Afganistan (majjal u prodotti tal-majjal, birra, inbid u spirti);

Dazji tal-esportazzjoni

L-Afganistan wettaq impenji ta' waqfien u ta’ tnaqqis fuq id-dazji tal-esportazzjoni. L-Afganistan mhux se jintroduċi dazji tal-esportazzjoni fuq prodotti li attwalment mhumiex soġġetti għal dazji simili. Fir-rigward tad-dazji eżistenti, ir-rati massimi b'restrizzjonijiet għall-materja prima kritika se jitnaqqsu fi żmien ħames snin mid-data tal-adeżjoni.

Servizzi

L-iskeda ta' impenji speċifiċi tal-Afganistan fis-servizzi hija sodisfaċenti meta jitqies l-istatus tiegħu ta' Pajjiżi l-Anqas Żviluppati. L-Afganistan se jidħol għall-impenji ta' aċċess għas-suq u ta' trattament nazzjonali f'firxa wiesgħa ta' setturi tas-servizzi, inklużi s-servizzi professjonali, tal-kompjuter u ta' negozju ieħor, is-servizzi tal-komunikazzjoni (ta' kurrier u tat-telekomunikazzjonijiet), servizzi tal-kostruzzjoni, tad-distribuzzjoni, tal-edukazzjoni privata, tal-ambjent, servizzi finanzjarji (tal-assigurazzjoni u bankarji), servizzi privati marbuta mas-saħħa, tat-turiżmu u t-trasport (servizzi ta' trasport marittimu u ferrovjarju u servizzi awżiljarji).

L-impenji tal-protokoll

Fl-istadju multilaterali finali tal-proċess ta' adeżjoni, il-Membri tad-WTO fittxew kollettivament li jiżguraw il-kompatibbiltà bażika tal-liġijiet u l-istituzzjonijiet kummerċjali tal-Afganistan mar-regoli u l-ftehimiet tad-WTO, stabbiliti fil-Protokoll ta’ adeżjoni u r-Rapport tal-Grupp ta’ Ħidma.

Perjodi ta’ tranżizzjoni kienu mitluba f’għadd ta’ oqsma; il-kwistjonijiet li ġejjin huma ta’ interess partikolari għall-UE:

Applikazzjoni ta’ taxxi interni fuq l-importazzjonijiet: rata tat-taxxa fissa u taxxa fuq id-dħul tan-negozju applikati attwalment se jkunu f'konformità sħiħa mal-obbligi tad-WTO fl-2020; għall-kumplament tat-taxxi interni u l-imposti fuq l-importazzjoni, l-allinjament mad-WTO se jseħħ mid-data ta' adeżjoni.

Ostakli Tekniċi għall-Kummerċ (OTK): Sal-1 ta’ Jannar 2016 l-Afganistan se jimplimenta b'mod sħiħ il-Ftehim dwar l-Ostakli Tekniċi għall-Kummerċ. Pjan ta’ azzjoni huwa stabbilit fir-Rapport tal-Grupp ta’ Ħidma.

Miżuri sanitarji u fitosanitarji (SPS): L-Afganistan se jibbenefika minn perjodu ta’ tranżizzjoni sal-1 ta’ Jannar 2018 għall-implimentazzjoni sħiħa tal-Ftehim SPS, kif stabbilit fi pjan ta’ azzjoni inkluż fir-Rapport tal-Grupp ta’ Ħidma.

Miżuri ta’ investiment relatati mal-kummerċ (TRIMS): L-implimentazzjoni sħiħa tal-Ftehim TRIMS se tidħol fis-seħħ sal-31 ta’ Diċembru 2020, id-data meta r-rekwiżiti tal-kontenut lokali għal oġġetti fil-Liġi tal-Idrokarbur u l-Liġi tal-minjieri jridu jiġu eliminati.

Drittijiet dwar l-aspetti tal-proprjetà intellettwali relatati mal-kummerċ (TRIPS): L-implimentazzjoni sħiħa tal-Ftehim TRIPS se tidħol fis-seħħ sal-1 ta’ Jannar 2016, kif stabbilit fi pjan ta’ azzjoni inkluż fir-Rapport tal-Grupp ta’ Ħidma.

III. RAKKOMANDAZZJONI

Bil-preżentazzjoni tat-termini tal-Adeżjoni tal-Afganistan mad-WTO għall-approvazzjoni mill-Kunsill, il-Kummissjoni tikkunsidra li dawn it-termini jirrappreżentaw pakkett ibbilanċjat iżda ambizzjuż ta’ impenji fir-rigward tal-ftuħ tas-suq, li se jwasslu għal benefiċċji sostanzjali għall-Afganistan u bl-istess mod għall-imsieħba kummerċjali tiegħu tad-WTO.

2014/0125 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

li tistabbilixxi l-pożizzjoni li se tieħu l-Unjoni Ewropea fil-Kunsill Ġenerali tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ dwar l-adeżjoni tar-Repubblika Iżlamika tal-Afganistan mad-WTO

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 91, 100(2) u l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 207(4) flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)       Fil-21 ta’ Novembru 2004 il-Gvern tar-Repubblika Iżlamika tal-Afganistan applika għall-adeżjoni mal-Ftehim ta’ Marrakesh li jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO), b’konformità mal-Artikolu XII ta’ dan il-Ftehim.

(2)       Grupp ta’ Ħidma dwar l-adeżjoni tar-Repubblika Iżlamika tal-Afganistan ġie stabbilit fit-13 ta’ Diċembru 2004 sabiex jintlaħaq ftehim dwar it-termini ta’ adeżjoni aċċettabbli għar-Repubblika Iżlamika tal-Afganistan u l-Membri kollha tad-WTO.

(3)       Il-Kummissjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea, innegozjat għadd komprensiv ta' impenji għall-ftuħ tas-suq min-naħa tar-Repubblika Iżlamika tal-Afganistan li jissodisfaw it-talbiet tal-Unjoni.

(4)       Issa dawn l-impenji huma inkorporati fil-Protokoll ta’ Adeżjoni tar-Repubblika tal-Afganistan mad-WTO.

(5)       L-adeżjoni mad-WTO hija mistennija li tagħmel kontribut pożittiv u dejjiemi għall-proċess ta’ riforma ekonomika u għall-iżvilupp sostenibbli fir-Repubblika Iżlamika tal-Afganistan.

(6)       Il-Protokoll ta’ Adeżjoni għandu għalhekk jiġi approvat.

(7)       L-Artikolu XII tal-Ftehim li jistabbilixxi d-WTO jistipula li għandu jintlaħaq ftehim dwar it-termini tal-adeżjoni bejn il-Membru li qed jissieħeb u d-WTO, u li l-Konferenza Ministerjali tad-WTO tapprova t-termini tal-adeżjoni min-naħa tad-WTO. L-Artikolu IV.2 tal-Ftehim li jistabbilixxi li d-WTO tipprevedi li matul l-intervalli bejn il-laqgħat tal-Konferenza Ministerjali, il-funzjonijiet tagħha jitmexxew mill-Kunsill Ġenerali.

(8)       Għaldaqstant, jeħtieġ li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tieħu l-Unjoni fil-Kunsill Ġenerali tad-WTO dwar l-adeżjoni tar-Repubblika Iżlamika tal-Afganistan mad-WTO,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li għandha tittieħed mill-Unjoni Ewropea fil-Kunsill Ġenerali tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ dwar l-adeżjoni tar-Repubblika Iżlamika tal-Afganistan mad-WTO, hija li tapprova l-adeżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell,

                                                                       Għall-Kunsill

                                                                       Il-President

Top