EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52014PC0191

Proposta għal REGOLAMENT TAL-KUNSILL dwar l-allokazzjoni ta’ opportunitajiet tas-sajd skont il-Protokoll li jistabbilixxi l-opportunitajiet tas-sajd u l-kontribuzzjoni finanzjarja previsti fil-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd bejn l-Unjoni Ewropea, minn naħa waħda, u r-Repubblika Demokratika ta' São Tomé e Príncipe, min-naħa l-oħra

/* COM/2014/0191 final - 2014/0116 (NLE) */

52014PC0191

Proposta għal REGOLAMENT TAL-KUNSILL dwar l-allokazzjoni ta’ opportunitajiet tas-sajd skont il-Protokoll li jistabbilixxi l-opportunitajiet tas-sajd u l-kontribuzzjoni finanzjarja previsti fil-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd bejn l-Unjoni Ewropea, minn naħa waħda, u r-Repubblika Demokratika ta' São Tomé e Príncipe, min-naħa l-oħra /* COM/2014/0191 final - 2014/0116 (NLE) */


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.           KUNTEST TAL-PROPOSTA

Il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni Ewropea biex tinnegozja, f'isem l-Unjoni Ewropea, it-tiġdid tal-protokoll għall-Ftehim ta' Sħubija tas-Sajd fis-settur tas-sajd konkluż mar-Repubblika Demokratika ta' São Tomé u Príncipe. Wara dawn in-negozjati, ġie inizjalat abbozz ta' Protokoll ġdid min-negozjaturi fid-19 ta' Diċembru 2013. Il-Protokoll il-ġdid ikopri perjodu ta' erba' snin li jibda mid-data tal-applikazzjoni provviżorja stipulata mill-Artikolu 14 – tiegħu. Din id-data tkun l-istess bħal dik tal-iffirmar ta' dan il-Protokoll il-ġdid.

L-għan prinċipali tal-Protokoll tal-Ftehim huwa li joffri opportunitajiet tas-sajd għall-bastimenti tal-Unjoni Ewropea fl-ilmijiet ta' São Tomé u Príncipe skont l-aqwa parir xjentifiku disponibbli u r-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni Internazzjonali għall-Konservazzjoni tat-Tonn tal-Atlantiku (ICCAT) fil-limiti tal-kwantità żejda disponibbli. Il-Kummissjoni bbażat, fost oħrajn, fuq ir-riżultati ta' evalwazzjoni ex-post tal-protokoll preċedenti mwettqa minn esperti esterni.

L-għan ġenerali huwa li tissaħħaħ il-kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika Demokratika ta' São Tomé u Príncipe favur l-iżvilupp ta’ politika tas-sajd sostenibbli u l-użu responsabbli tar-riżorsi tas-sajd fiż-żoni tas-sajd ta' São Tomé u Príncipe, fl-interess taż-żewġ partijiet.

Il-protokoll jipprovdi għal opportunitajiet ta' sajd fil-kategoriji tas-sajd li ġejjin :

–          28 bastiment tas-sajd għat-tonn bit-tartarun.

–          6 bastimenti tas-sajd bil-konzijiet tal-wiċċ.

Għandu jiġi ddefinit il-metodu għad-distribuzzjoni tal-opportunitajiet tas-sajd fost l-Istati Membri. Abbażi ta’ dan, il-Kummissjoni qed tipproponi li l-Kunsill jadotta dan ir-Regolament.

2.           RIŻULTATI TA’ KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET INTERESSATI U VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

Il-partijiet interessati ġew ikkonsultati fil-qafas tal-evalwazzjoni tal-Protokoll 2011-2014. Ġew ikkonsultati wkoll l-esperti mill-Istati Membri waqt laqgħat tekniċi. Minn dawn il-konsultazzjonijiet ġie konkluż li jkun ta’ benefiċċju li jinżamm protokoll tas-sajd mar-Repubblika Demokratika ta' São Tomé u Príncipe.

3.           ELEMENTI LEGALI TAL-PROPOSTA

Din il-proċedura qed tinbeda f'parallel mal-proċeduri marbuta mad-Deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni tal-Protokoll li stabbilixxa l-opportunitajiet tas-sajd u l-kontribut finanzjarju previst fil-Ftehim tas-Sħubija dwar is-Sajd bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika Demokratika ta' São Tomé u Príncipe kif ukoll id-Deċiżjoni tal-Kunsill li tawtorizza l-iffirmar u l-applikazzjoni provviżorja tal-Protokoll innifsu.

4.           IMPLIKAZZJONI GĦALL-BAĠIT

Il-kontribuzzjoni finanzjarja annwali tammonta għal EUR 710 000 għall-ewwel tliet snin u għal EUR 675 000 għar-raba' sena abbażi ta' a) tunnellaġġ ta' referenza ta' EUR 7 000, li għalih ammont marbut mal-aċċess ġie stabbilit għal EUR 385 000 għall-ewwel tliet snin u EUR 350 000 għar-raba' sena u b) appoġġ għall-iżvilupp tal-politika settorjali tas-sajd tar-Repubblika Demokratika ta' São Tomé u Príncipe li jammonta għal EUR 325 000.  Dan l-appoġġ huwa konformi mal-objettivi tal-politika nazzjonali fir-rigward tas-sajd u b'mod partikolari mal-ħtiġijiet tar-Repubblika Demokratika ta' São Tomé u Príncipe fir-rigward ta' appoġġ għas-sajd artiġjanali u tal-ġlieda kontra s-sajd illegali. 

2014/0116 (NLE)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-KUNSILL

dwar l-allokazzjoni ta’ opportunitajiet tas-sajd skont il-Protokoll li jistabbilixxi l-opportunitajiet tas-sajd u l-kontribuzzjoni finanzjarja previsti fil-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd bejn l-Unjoni Ewropea, minn naħa waħda, u r-Repubblika Demokratika ta' São Tomé e Príncipe, min-naħa l-oħra

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 43(3) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi :

(1)       Fid-19 ta' Diċembru 2013, l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika Demokratika ta' São Tomé u Príncipe nnegozjaw u inizjalaw Protokoll ġdid għall-Ftehim ta' Sħubija dwar is-Sajd li jipprovdi lill-bastimenti tal-Unjoni Ewropea opportunitajiet tas-sajd fl-ilmijiet li fuqhom ir-Repubblika Demokratika ta' São Tomé u Príncipe għandha s-sovranità jew il-ġurisdizzjoni fir-rigward tas-sajd,

(2)       Fil-[…], il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni Nru XXX/2010/UE[1] dwar l-iffirmar u l-applikazzjoni provviżorja tal-Protokoll il-ġdid,

(3)       Il-metodu għall-allokazzjoni tal-opportunitajiet tas-sajd fost l-Istati Membri għandu jiġi definit kemm għall-perjodu tal-applikazzjoni provviżorja kif ukoll għall-perjodu tal-Protokoll,

(4)       Sabiex ikun żgurat li l-opportunitajiet tas-sajd disponibbli għall-Unjoni Ewropea skont il-Protokoll huma użati bis-sħiħ, hu neċessarju li l-Kummissjoni jkollha s-setgħa li talloka mill-ġdid fuq bażi temporanja opportunitajiet tas-sajd mhux użati minn xi Stat Membru għal ieħor, mingħajr ma taffettwa l-allokazzjoni jew l-iskambju tal-opportunitajiet tas-sajd fost l-Istati Membri skont il-Protokoll,

(5)       Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum ta' wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

(1) L-opportunitajiet ta’ sajd stabbiliti mill-Protokoll jitqassmu bejn l-Istati Membri kif ġej :

(a) bastimenti tas-sajd bit-tartarun :

Spanja ||                   15     bastimenti

Franza ||                   13     bastimenti

(b) bastiment tas-sajd bil-konzijiet tal-wiċċ :

Spanja || p.m. bastimenti

Il-Portugall || p.m. bastimenti

(2) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1006/2008 tad-29 ta' Settembru 2008 dwar l-awtorizzazzjonijiet għall-attivitajiet tas-sajd tal-bastimenti tas-sajd tal-Komunità barra mill-ilmijiet tal-Komunità u l-aċċess ta' bastimenti ta' pajjiżi terzi għall-ilmijiet tal-Komunità[2] japplika mingħajr preġudizzju għas-sħubija.

(3) Jekk l-applikazzjonijiet għall-awtorizzazzjonijiet tas-sajd mill-Istati Membri msemmijin fil-paragrafu 1 ma jkoprux l-opportunitajiet kollha tas-sajd stipulati mill-Protokoll, il-Kummissjoni tista' tqis l-applikazzjonijiet għall-awtorizzazzjonijiet tas-sajd minn kwalunkwe Stat Membru ieħor skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 10 tar-Regolament (KE) Nru 1006/2008.

(4) Jekk jidher li l-opportunitajiet tas-sajd imsemmijin fil-paragrafu 1 mhumiex qed jiġu użati bis-sħiħ, il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Istati Membri kkonċernati u titlobhom jikkonfermaw li mhumiex jagħmlu użu minn dawk l-opportunitajiet tas-sajd. F'każ li ma tasalx risposta fi żmien 10 ijiem ta' xogħol għandu jitqies bħala konferma li l-bastimenti tal-Istat Membru kkonċernat mhux qed jagħmlu użu sħiħ mill-opportunitajiet tagħhom tas-sajd matul il-perjodu in kwistjoni. Wara li l-Istat Membru kkonċernat jikkonferma, l-opportunitajiet tas-sajd mhux użati għandhom isiru disponibbli għall-Istati Membri.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum ta’ wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Huwa jibda japplika mid-data tal-iffirmar tal-Protokoll.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell,

                                                                       Għall-Kunsill

                                                                       Il-President

[1]               ĠU C tal- , p. .

[2]               ĠU L 286, 29.10.2008, p. 33.

Top