Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52014PC0119

Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni skont il-Punt 13 tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja, il-kooperazzjoni fi kwistjonijiet baġitarji u l-ġestjoni finanzjarja tajba (applikazzjoni EGF/2012/007 IT/VDC Technologies mill-Italja)

/* COM/2014/0119 final */

52014PC0119

Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni skont il-Punt 13 tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja, il-kooperazzjoni fi kwistjonijiet baġitarji u l-ġestjoni finanzjarja tajba (applikazzjoni EGF/2012/007 IT/VDC Technologies mill-Italja) /* COM/2014/0119 final */


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

L-Artikolu 12 tar-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020[1], jippermetti l-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG) fil-limitu massimu annwali ta' EUR 150 miljun (prezzijiet tal-2011) minbarra l-intestaturi rilevanti tal-qafas finanzjarju.

Ir-regoli applikabbli għall-kontribuzzjonijiet mill-FEG għall-applikazzjonijiet imressqa sal-31 ta' Diċembru 2013 huma stipulati fir-Regolament (KE) Nru 1927/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Diċembru 2006 li jistabbilixxi l-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni[2].

Fil-31 ta' Awwissu 2012, l-Italja ressqet l-applikazzjoni EGF/2012/007 IT/VDC Technologies, għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG, wara li ngħataw is-sensja mill-VDC Technologies SpA u minn fornitur wieħed fl-Italja.

Wara analiżi bir-reqqa ta' din l-applikazzjoni, il-Kummissjoni kkonkludiet bi qbil mal-Artikolu 10 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006 li l-kundizzjonijiet għal kontribuzzjoni finanzjarja skont dan ir-Regolament huma ssodisfati.

TAQSIRA TAL-APPLIKAZZJONI U L-ANALIŻI

Dejta ewlenija: ||

Nru ta’ Referenza tal-FEG || EGF/2012/007

Stat Membru || L-Italja

Artikolu 2 || (a)

Intrapriża primarja || VDC Technologies SpA

Fornituri u produtturi fl-istadju aħħari tal-produzzjoni || 1

Perjodu ta’ referenza || 26.2.2012 – 25.6.2012

Data tal-bidu għas-servizzi personalizzati || 30.11.2012

Data tal-applikazzjoni || 31.8.2012

Sensji waqt il-perjodu ta' referenza || 1 164

Sensji qabel u wara l-perjodu ta’ referenza || 54

Total ta’ sensji eliġibbli || 1 218

Ħaddiema li ngħataw is-sensja u li mistennija jipparteċipaw fil-miżuri || 1 146

Nefqa għas-servizzi personalizzati (EUR) || 5 698 620

Nefqa għall-implimentazzjoni tal-FEG[3] (EUR) || 323 350

Nefqa għall-implimentazzjoni tal-FEG (%) || 5,4 %

Baġit totali (EUR) || 6 021 970

Kontribuzzjoni tal-FEG (50 %) (EUR) || 3 010 985

1.           L-applikazzjoni tressqet quddiem il-Kummissjoni fil-31 ta’ Awwissu 2012 u kienet sostnuta b'tagħrif addizzjonali sas-6 ta’ Settembru 2013.

2.           L-applikazzjoni tissodisfa l-kundizzjonijiet għall-użu tal-FEG kif stabbilit fl-Artikolu 2(a) tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006, u tressqet fi żmien il-perjodu stipulat ta’ 10 ġimgħat imsemmi fl-Artikolu 5 ta’ dak ir-Regolament.

Rabta bejn is-sensji u l-bidliet strutturali ewlenin fix-xejriet kummerċjali dinjija minħabba l-globalizzazzjoni

3.           L-intrapriżi kkonċernati huma VDC Technologies SpA u fornitur, Cervino Technologies Srl, li huwa 100 % sussidjarju ta' VDC Technologies SpA. VDC Technologies SpA kienet timmanifattura settijiet tat-televixin, moniters u skrins tat-televixin, kif ukoll unitiajiet tal-arja kundizzjonata. Cervino Technologies Srl kienet timmanifattura il-forom tal-plastik użati kemm fis-settijiet tat-televixin kif ukoll fil-moniters u fl-iskrins tat-televixin. Is-setturi tal-attività ekonomika kkonċernata huma kklassifikati skont it-taqsima 26 ta' NACE[4] 'Manifattura ta' prodotti tal-kompjuter, elettroniċi u ottiċi' u t-taqsima 27 'Manifattura ta' tagħmir elettriku'.

4.           Sabiex tiġi stabbilita r-rabta bejn is-sensji u l-bidliet strutturali ewlenin fix-xejriet kummerċjali dinjija minħabba l-globalizzazzjoni, l-Italja targumenta li s-setturi kkonċernati fl-UE għaddew minn taqlib ekonomiku serju minħabba ż-żieda fil-kompetizzjoni minn pajjiżi terzi, b'mod partikolari miċ-Ċina.

5.           Bejn l-2008 u l-2011, l-importazzjonijiet miċ-Ċina fl-UE-27 ta' prodottti klassifikati skont it-taqsima 76 tas-SITC[5] 'Telekomunikazzjonijiet u apparat u tagħmir ta' rrekordjar u riproduzzjoni tal-ħoss', żdiedet bi 18,7 %. Matul l-istess perjodu, is-sehem tal-importazzjonijiet miċ-Ċina fl-UE-27 ta' dawn il-prodotti żdied minn 44,0 % għal 52,2 %[6]. Din il-bidla fix-xejriet kummerċjali dinjija tista' titqies li kellha impatt sinifikanti fuq il-livelli ta' impjiegi, peress li fl-UE ntilfu madwar 121 000 impjieg fis-settur tal-manifattura tal-prodotti tal-kompjuter, elettroniċi u ottiċi matul il-perjodu 2008-2011, li jirrappreżenta tnaqqis ta' 7 %[7].

Turija tal-għadd ta' sensji u konformità mal-kriterji tal-Artikolu 2(a)

6.           L-Italja ressqet din l-applikazzjoni skont il-kriterji ta’ intervent tal-Artikolu 2(a) tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006, li jirrikjedu mill-inqas 500 sensja tul perjodu ta’ erba’ xhur f’intrapriża fi Stat Membru, inklużi ħaddiema li ngħataw is-sensja mill-fornituri tagħha u mill-produtturi fl-istadju aħħari tal-produzzjoni.

7.           L-applikazzjoni ssemmi 1 164 sensja fl-intrapriża VDC Technologies matul il-perjodu ta' referenza ta' erba' xhur mis-26 ta' Frar 2012 sal-25 ta' Ġunju 2012 u 54 sensja oħra barra l-perjodu ta' referenza, iżda relatati mal-istess proċedura ta' sensji kollettivi. Dawn is-sensji kollha ġew ikkalkulati skont it-tieni inċiż tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006.

Spjegazzjoni tan-natura mhux prevista ta’ dawk is-sensji

8.           L-awtoritajiet Taljani argumentaw li billi, bejn l-2007 u t-tmiem tal-2009, l-intrapriża VDC Technologies kienet, f'termini ta' volum, waħda mill-akbar produtturi fl-UE ta' settijiet tat-televixin, fi tmiem l-2009 VDC Technologies SpA waqfet b'mod permanenti l-attivitajiet produttivi kollha fl-impjant tagħha ta' Anagni (fi Frosinone) u l-ħaddiema kienu permessi li jibbenefikaw mill-iskema tal-Cassa Integrazione Guadagni (CIG)[8]. Skont l-awtoritajiet Taljani, din is-sitwazzjoni nħolqot minn diversi fatturi bħat-tnaqqis fid-domanda għal settijiet tat-televixin bi skrin plażma favur settijiet bi skrin LCD, ir-rata tal-kambju negattiva tal-euro meta mqabbla mad-dollaru mill-2008 'il quddiem u t-tnaqqis fil-prezzijiet tas-suq għas-settijiet tat-televixin parzjalment minħabba tnaqqis fl-ispejjeż tal-manifattura.

9.           Ittieħdu azzjonijiet biex il-kumpanija terġa' tingħata l-ħajja u fl-2010 u l-2011 bdew in-negozjati ma xerrej potenzjali għat-teħid ta' kontroll ta' VDC Technologies SpA. Madankollu, peress li ma ntlaħaq l-ebda ftehim mal-kredituri tagħha, fil-25 ta' Ġunju 2012 l-intrapriża VDC Technologies SpA ġiet iddikkjarata falluta. Cervino Technologies Srl ġiet iddikjarata falluta fil-5 ta' Settembru 2012.

Identifikazzjoni tal-intrapriżi li taw is-sensji u l-ħaddiema fil-mira tal-għajnuna

10.         L-applikazzjoni tikkonċerna 1 218-il sensja (1 164 f'VDC Technologies SpA u 54 f'Cervino Technologies Srl).

11.         L-awtoritajiet Taljani stmaw li 1 146 mill-ħaddiema li ngħataw is-sensja se jipparteċipaw fil-pakkett ikkoordinat ta' servizzi personalizzati.

12.         It-tqassim tal-ħaddiema fil-mira huwa kif ġej:

Kategorija || Numru || Perċentwal

Irġiel || 1 057 || 92,2

Nisa || 89 || 7,8

Ċittadini tal-UE || 1 145 || 99,9

Ċittadini mhux tal-UE || 1 || 0,1

Età bejn il-15 u l-24 sena || 0 || 0,0

Età bejn il-25 u l-54 sena || 713 || 62,2

Età bejn il-55 u l-64 sena || 432 || 37,7

'il fuq minn 64 sena || 1 || 0,1

13.         Mill-ħaddiema fil-mira tal-għajnuna, 69 għandhom problema ta' saħħa fit-tul jew diżabbiltà.

14.         Fir-rigward ta’ kategoriji ta’ xogħol, it-tqassim huwa kif ġej:

Kategorija || Numru || Perċentwal

Tekniċi u professjonisti assoċjati || 1 097 || 95,7

Ħaddiema ta' appoġġ klerikali || 27 || 2,4

Ħaddiema involuti fil-qasam tas-servizzi u tal-bejgħ || 22 || 1,9

15.         Skont l-Artikolu 7 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006, l-Italja kkonfermat li ġiet applikata politika ta’ ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel kif ukoll ta’ nondiskriminazzjoni, u li din se tkompli tapplika matul l-istadji varji tal-implimentazzjoni tal-FEG u, b’mod partikolari, fir-rigward tal-aċċess għalih.

Deskrizzjoni tat-territorju kkonċernat u tal-awtoritajiet u l-partijiet interessati tiegħu

16.         L-istabbilimenti ta' VDC Technologies SpA u Cervino Technologies Srl li taw is-sensji lill-ħadiema, jinsabu fir-reġjun ITI45 Frosinone tal-livell NUTS 3 u fir-reġjun ITI4 Lazio tal-livell NUTS 2.

17.         L-awtoritajiet inkarigati mill-implimentazzjoni tal-miżuri huma l-Ministeru Taljan għax-Xogħol u l-Politika Soċjali u r-Reġjun tal-Lazio (id-Direttorat Ġenerali għall-Politiki dwar ix-Xogħol u s-Sistemi għall-Gwida u t-Taħriġ).

18.         L-awtoritajiet Taljani waqqfu netwerk lokali ta' appoġġ iffurmat minn rappreżentanti tal-awtoritajiet lokali u reġjonali (muniċipalitajiet, provinċji u reġjuni), trejdjunjins (CGIL USB, CISAL, CISL, UIL, UGL) u organizzazzjonijiet tal-impjegaturi).

Impatt mistenni tas-sensji fir-rigward tal-impjiegi lokali, reġjonali jew nazzjonali

19.         Skont l-awtoritajiet Taljani, l-attività ekonomika u l-impjiegi fir-reġjun tal-Lazio ġew affettwati ħafna mill-globalizzazzjoni. Fl-2011, il-PDG reġjonali naqas b'-0,3 %[9] u d-dejta għall-ewwel nofs tal-2012 turi tnaqqis fl-esportazzjonijiet fis-setturi industrijali ewlenin tar-reġjun (-28,3 % għall-prodotti taż-żejt, -19 % għall-mezzi tat-trasport, -6,3 % għall-prodotti kimiċi, -0,7 % għall-elettronika[10]). L-impjiegi totali fil-Lazio naqsu b'-0,2 % fl-2011 u b'-0,7 % fl-ewwel kwart tal-2012. Ir-rata tal-qgħad fil-Lazio żdiedet minn 8,5 % fl-2009 għal 10,8 % fl-2012[11].

20.         Sabiex jiġi limitat l-impatt ta' din is-sitwazzjoni ekonomika, l-awtoritajiet Taljani użaw b'mod estensiv strumenti bħas-CIG. Skont l-awtoritajiet Taljani, fl-ewwel seba' xhur tal-2012, l-appoġġ totali tas-CIG żdied b'31 % fil-Lazio, żieda akbar minn dik tal-Italja kollha f'daqqa. Fil-provinċja ta' Frosinone, kien hemm żieda sostanzjali fl-għadd ta' sigħat għall-industrija (minn 1,9 miljun għal 3,9 miljun).

21.         Għaldaqstant il-ħaddiema li ngħataw is-sensji qed jitqiegħdu fi sfond ta' kuntest reġjonali u lokali li fih l-għadd ta' impjegati fl-industrija qiegħed dejjem jonqos. L-awtoritajiet Taljani qed jistennew li s-sensji se jkollhom impatt negattiv b'saħħtu fuq is-suq tax-xogħol taż-żona u s-sitwazzjoni ekonomika fiż-żona se tmur għall-agħar, b'mod partikolari fost il-fornituri tal-kumpaniji.

Pakkett ikkoordinat ta’ servizzi personalizzati li jridu jiġu ffinanzjati u t-tqassim tal-ispejjeż stmati tiegħu, inkluża l-komplementarjetà mal-azzjonijiet iffinanzjati mill-Fondi Strutturali

22.         Il-miżuri kollha li ġejjin jingħaqdu flimkien biex jiffurmaw pakkett ikkoordinat ta’ servizzi personalizzati li għandu l-għan li jintegra mill-ġdid fl-impjieg il-ħaddiema li ngħataw is-sensja:

– Gwida dwar ix-Xogħol/ valutazzjoni tal-ħiliet (Orientamento professionale/bilancio di competenza): Il-ħaddiema kollha fil-mira se jirċievu servizzi ta' tagħrif, pariri u taħriġ personalizzati pprovduti permezz taċ-ċentri lokali għall-impjiegi li se jservu bħala interfaċċja bejn il-ħaddiema u l-fornituri tas-servizzi ta' gwida dwar ix-xogħol.

– Taħriġ (Formazione): Il-ħaddiema kollha fil-mira se jipparteċipaw f'korsijiet ta' taħriġ f'oqsma u f'setturi bi prospetti tajbin ta' żvilupp u li jikkorrispondu għall-ħtiġijiet rikonoxxuti fis-suq tax-xogħol.

– Servizz għall-individwi (Servizi alla persona/Voucher di conciliazione): Il-ħaddiema li jgħixu ma' persuni li għandhom bżonn il-kura (bħal tfal dipendenti, anzjani jew persuni b'diżabbiltà) se jirċievu pagament ta' ammont f'daqqa ta' mhux aktar minn EUR 1 000 għal kull ħaddiem biex ikopri l-ispiża tas-servizzi tal-kura.

– Bonus għall-mobilità ġeografika (Bonus per la mobilità territoriale): Il-ħaddiema reklutati minn intrapriżi li jinsabu ibgħad minn 100 km mill-post ta' residenza tagħhom se jirċievu kumpens għall-mobilità ta' mhux aktar minn EUR 5 000 għal kull ħaddiem biex ikopri l-ispejjeż tal-ġarr u tal-ivvjaġġar. Il-kumpens se jitħallas biss meta tiġi ppreżentata evidenza tal-ispejjeż imġarrba. Se jitwettqu kontrolli regolari biex jimmonitorjaw l-allokazzjoni ta' dawn il-fondi.

– Appoġġ għall-intraprenditorija (Supporto all’imprendiorialità): Il-ħaddiema se jkunu jistgħu jipparteċipaw f'sejħa għal proposti biex jippreżentaw proġett ta' negozju. Il-Lazio Business Innovation Centre (BIC Lazio) se jagħżel il-proġetti li għandhom jiġu appoġġati, li se jirċievu pariri legali, amministrattivi, kummerċjali u finanzjarji minn BIC Lazio u kontribuzzjoni ta' mhux aktar minn EUR 2 000 għal kull ħaddiem biex tkopri l-ispejjeż tal-bidu u l-ispiża tas-servizzi offruti minn BIC Lazio.

– Bonus għar-reklutaġġ (Bonus assunzione): L-intrapriżi li jirreklutaw ħaddiema li ngħataw is-sensji b'kuntratti permanenti jew b'kuntratti għal terminu fiss ta' mill-inqas 24 xahar se jirċievu inċentiv għar-reklutaġġ ta' EUR 6 000 għal kull ħaddiem.

– Kumpens għall-parteċipazzjoni (Indennità di partecipazione): Il-ħaddiema li jipparteċipaw fil-miżuri ta' tiftix tax-xogħol u taħriġ se jirċievu kumpens għall-parteċipazzjoni ta' ammont medju ta' EUR 500 fix-xahar għal tul ta' żmien massimu ta' erba' xhur. L-ammont ta' kull kumpens se jiġi kkalkulat skont il-parteċipazzjoni attwali ta' kull ħaddiem f'dawk il-miżuri.

23.         In-nefqa għall-implimentazzjoni tal-FEG, li hija inkluża fl-applikazzjoni skont l-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006, tkopri l-attivitajiet preparatorji, ta’ ġestjoni u ta’ kontroll kif ukoll it-tagħrif u l-pubbliċità.

24.         Is-servizzi personalizzati mressqa mill-awtoritajiet Taljani huma miżuri attivi tas-suq tax-xogħol fi ħdan l-azzjonijiet eliġibbli ddefiniti fl-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006. L-awtoritajiet Taljani jistmaw li hemm spejjeż totali ta’ EUR 6 021 970, li EUR 5 698 620 minnhom huma n-nefqa għas-servizzi personalizzati, u n-nefqa għall-implimentazzjoni tal-FEG hija ta' EUR 323 350 (5,4 % tal-ammont totali). Il-kontribuzzjoni totali mitluba mill-FEG hija ta' EUR 3 010 985 (50 % tal-ispejjeż totali).

Azzjonijiet || Stima tal-għadd ta' ħaddiema fil-mira || Stima tal-ispiża għal kull ħaddiem fil-mira (EUR) || Spejjeż totali (FEG u l-kofinanzjament nazzjonali) (EUR)

Servizzi personalizzati (l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006)

Gwida dwar ix-Xogħol/ valutazzjoni tal-ħiliet (Orientamento professionale/bilancio di competenza): || 1 146 || 470 || 538 620

Taħriġ (Formazione) || 1 146 || 2 000 || 2 292 000

Servizz għall-individwi (Servizi alla persona/Voucher di conciliazione) || 150 || 1 000 || 150 000

Bonus għall-mobilità ġeografika (Bonus per la mobilità territoriale) || 42 || 5 000 || 210 000

Appoġġ għall-intraprenditorija (Supporto all’imprendiorialità) || 300 || 2 000 || 600 000

Bonus għar-reklutaġġ (Bonus assunzione) || 300 || 6 000 || 1 800 000

Kumpens għall-parteċipazzjoni (Indennità di partecipazione) || 54 || 2 000 || 108 000

Subtotal tas-servizzi personalizzati || || 5 698 620

Nefqa għall-implimentazzjoni tal-FEG (it-tielet paragrafu tal-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006)

Attivitajiet preparatorji || || 40 350

Ġestjoni || || 100 000

Tagħrif u pubbliċità || || 35 000

Attivitajiet ta’ kontroll || || 148 000

Subtotal tan-nefqa għall-implimentazzjoni tal-FEG || || 323 350

Total tal-istima tal-ispejjeż || || 6 021 970

Kontribuzzjoni tal-FEG (50 % tal-ispejjeż totali) || || 3 010 985

25.         L-Italja tikkonferma li l-miżuri deskritti hawn fuq jikkumplimentaw l-azzjonijiet iffinanzjati mill-Fondi Strutturali u li mhux se jitħalla jsir iffinanzjar doppju.

Id-data/i meta nbdew jew meta huwa maħsub li jinbdew is-servizzi personalizzati għall-ħaddiema affettwati

26.         L-Italja bdiet is-servizzi personalizzati għall-ħaddiema affettwati li huma inklużi fil-pakkett ikkoordinat propost lill-FEG għall-kofinanzjament fit-30 ta’ Novembru 2012. Għalhekk, din id-data tirrappreżenta l-bidu tal-perjodu ta’ eliġibbiltà għal kull għajnuna li tista’ tingħata mill-FEG.

Proċeduri għall-konsultazzjoni mal-imsieħba soċjali

27.         Skont l-awtoritajiet Taljani, l-imsieħba soċjali kollha involuti pparteċipaw f'laqgħa li saret mill-awtoritajiet nazzjonali u reġjonali f'Jannar 2013 u li matulha ġew diskussi azzjonijiet biex jiġu integrati mill-ġdid fis-suq tax-xogħol il-ħaddiema li ngħataw is-sensja. Il-laqgħat tal-imsieħba soċjali baqgħu ghaddejjin sa' Ġunju 2013, u ġie attivat netwerk ta' appoġġ bl-involviment ta' diversi sħab lokali.

28.         L-awtoritajiet Taljani kkonfermaw li kien hemm konformità mar-rekwiżiti stipulati fil-leġiżlazzjoni nazzjonali u f’dik tal-UE dwar is-sensji kollettivi.

Tagħrif dwar azzjonijiet li huma obbligatorji skont il-liġi nazzjonali jew il-ftehimiet kollettivi

29.         Fir-rigward tal-kriterji li jinsabu fl-Artikolu 6 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006, l-awtoritajiet Taljani fl-applikazzjoni tagħhom:

· ikkonfermaw li l-kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG ma tiħux post il-miżuri li huma r-responsabbiltà ta' kumpaniji skont il-liġi nazzjonali jew ftehimiet kollettivi;

· urew li l-azzjonijiet jipprovdu appoġġ għal ħaddiema individwali u ma għandhomx jintużaw għar-ristrutturazzjoni ta' kumpaniji jew setturi,

· ikkonfermaw li l-azzjonijiet eliġibbli msemmija hawn fuq ma jirċevux għajnuna minn strumenti finanzjarji oħra.

Sistemi ta' ġestjoni u kontroll

30.         L-Italja nnotifikat lill-Kummissjoni li l-kontribuzzjoni finanzjarja se tiġi ġestita fuq livell nazzjonali mill-Ministeru Taljan għax-Xogħol u l-Politika Soċjali (id-Direttorat Ġenerali għall-Politiki Attivi u Passivi), li fih unità waħda (ufficio) qed taġixxi bħala awtorità ta' ġestjoni, unità oħra qed taġixxi bħala awtorità ta' ċertifikazzjoni u unità oħra bħala awtorità ta' verifika. Ir-Reġjun tal-Lazio se jkun il-korp intermedjarju għall-awtorità ta’ ġestjoni fil-livell reġjonali. L-applikazzjoni tinkludi deskrizzjoni dettaljata tas-sistema ta' ġestjoni u kontroll li tispeċifika r-responsabbiltajiet tal-organizzazzjonijiet involti fuq livell nazzjonali u reġjonali.

Finanzjament

31.         Abbażi tal-applikazzjoni mill-Italja, il-kontribuzzjoni proposta mill-FEG għall-pakkett ikkoordinat ta' servizzi personalizzati (inkluża n-nefqa biex jiġi implimentat il-FEG) hija ta' EUR 3 010 985, li tirrappreżenta 50 % tal-ispiża totali. L-allokazzjoni proposta mill-Kummissjoni minn dan il-Fond hija bbażata fuq it-tagħrif li ngħata mill-Italja.

32.         Filwaqt li tqis l-ammont massimu possibbli ta’ kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG skont l-Artikolu 12 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 1311/2013, kif ukoll il-kamp ta’ applikazzjoni tal-allokazzjoni mill-ġdid ta’ approprjazzjonijiet, il-Kummissjoni tipproponi li l-FEG jiġi mobilizzat għall-ammont totali msemmi hawn fuq.

33.         Id-deċiżjoni proposta biex jiġi mobilizzat il-FEG se tittieħed b'mod konġunt mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill, kif stipulat fil-punt 13 tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja, il-kooperazzjoni fi kwistjonijiet baġitarji u l-ġestjoni finanzjarja tajba[12].

34.         B’mod separat, il-Kummissjoni tippreżenta talba ta’ trasferiment sabiex fil-baġit tal-2014 iddaħħal approprjazzjonijiet speċifiċi ta’ impenn, kif mitlub fil-punt 13 tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta’ Diċembru 2013.

Sors tal-approprjazzjonijiet ta’ pagament

35.         Se jintużaw approprjazzjonijiet allokati lil-linja baġitarja tal-FEG fil-baġit tal-2014 biex ikopru l-ammont ta’ EUR 3 010 985 meħtieġ għal din l-applikazzjoni.

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni skont il-Punt 13 tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja, il-kooperazzjoni fi kwistjonijiet baġitarji u l-ġestjoni finanzjarja tajba (applikazzjoni EGF/2012/007 IT/VDC Technologies mill-Italja)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidraw ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Diċembru 2006 li jistabbilixxi l-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni[13], u b'mod partikolari l-Artikolu 12(3) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba[14], u b'mod partikolari l-punt 13 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea[15],

Billi:

(1)       Il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG) twaqqaf biex jipprovdi appoġġ addizzjonali għall-ħaddiema li jkunu ngħataw is-sensja b'riżultat ta' bidliet strutturali kbar fix-xejriet kummerċjali dinjija minħabba l-globalizzazzjoni u biex jiġu megħjuna fl-integrazzjoni mill-ġdid tagħhom fis-suq tax-xogħol.

(2)       Il-FEG ma għandux jaqbeż l-ammont massimu annwali ta' EUR 150 miljun (prezzijiet tal-2011), kif stipulat fl-Artikolu 12 tar-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020[16].

(3)       L-Italja ressqet applikazzjoni biex timmobilizza l-FEG, fir-rigward tas-sensji fl-intrapriża VDC Technologies SpA u fornitur wieħed, fil-31 ta' Awwissu 2012, u sostnietha b'tagħrif addizzjonali sas-6 ta' Settembru 2013. Din l-applikazzjoni tikkonforma mar-rekwiżiti sabiex jiġu ddeterminati l-kontribuzzjonijiet finanzjarji kif stipulat fl-Artikolu 10 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006. Għaldaqstant, il-Kummissjoni tipproponi li jiġi mmobilizzat l-ammont ta' EUR 3 010 985.

(4)       Il-FEG għandu, għalhekk, jiġi mmobilizzat sabiex jipprovdi kontribuzzjoni finanzjarja għall-applikazzjoni mressqa mill-Italja,

ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Għall-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2014, il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG) għandu jiġi mmobilizzat biex jipprovdi s-somma ta' EUR 3 010 985 f'approprjazzjonijiet għall-impenji u għall-pagamenti.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Parlament Ewropew                            Għall-Kunsill

Il-President                                                    Il-President

[1]               ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884.

[2]               ĠU L 406, 30.12.2006, p. 1.

[3]               Skont it-tielet paragrafu tal-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006.

[4]               Il-Klassifikazzjoni Statistika tal-Attivitajiet Ekonomiċi, it-tieni reviżjoni.               http://ec.europa.eu/eurostat/ramon/nomenclatures/index.cfm?TargetUrl=LST_NOM_DTL&StrNom=NACE_REV2&StrLanguageCode=EN&IntPcKey=&StrLayoutCode=HIERARCHIC

[5]               Il-Klassifika Kummerċjali tal-Istandard Internazzjonali, ir-raba' reviżjoni.           http://unstats.un.org/unsd/publication/SeriesM/SeriesM_34rev4E.pdf

[6]               Sors: Eurostat (kodiċi ta' dejta onlajn: DS_018995).

[7]               Sors: Eurostat (kodiċi ta' dejta onlajn: lfsq_egan22d).

[8]               L-iskema CIG tikkonsisti f'benefiċċju finanzjarju mħallas mill-Istituto Nazionale della Previdenza Sociale - INPS (l-Istitut Nazzjonali tas-Sigurtà Soċjali) għal ħaddiema sospiżi mit-twettiq tax-xogħol jew li jkunu jaħdmu inqas sigħat.

[9]               Sors: ISTAT.

[10]             Sors: Banca d’Italia.

[11]             Sors: Eurostat

[12]             ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.

[13]             ĠU L 406, 30.12.2006, p. 1.

[14]             ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.

[15]             ĠU C […], […], p. […].

[16]             ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884.

Top