Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52014PC0024

Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL li temenda d-Deċiżjoni 2004/162/KE fir-rigward tal-applikazzjoni tagħha għall-Majott mill-1 ta' Jannar 2014

/* COM/2014/024 final - 2014/0010 (CNS) */

52014PC0024

Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL li temenda d-Deċiżjoni 2004/162/KE fir-rigward tal-applikazzjoni tagħha għall-Majott mill-1 ta' Jannar 2014 /* COM/2014/024 final - 2014/0010 (CNS) */


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.           KUNTEST TAL-PROPOSTA

Id-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), li japplikaw għar-reġjuni l-iktar imbiegħda tal-Unjoni, li minnhom jagħmlu parti d-dipartimenti Franċiżi extra-Ewropej (DOM), fil-prinċipju ma jawtorizzaw l-ebda differenza ta’ impożizzjoni fid-DOM bejn il-prodotti lokali u dawk li joriġinaw minn Franza metropolitana jew l-Istati Membri l-oħra. L-Artikolu 394 tat-TFUE (dak li qabel kien l-Artikolu 299(2) tat-Trattat KE) jipprevedi l-possibbiltà li jiġu introdotti miżuri speċifiċi favur dawk ir-reġjuni minħabba l-eżistenza ta' żvantaġġi permanenti li għandhom effett fuq is-sitwazzjoni ekonomika u soċjali tar-reġjuni l-iktar imbiegħda.

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/162/KE tal-10 ta’ Frar 2004 (kif emendata bid-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2008/439/KE tad-9 ta’ Ġunju 2008 u 448/2011/UE tad-19 ta’ Lulju 2011), adottata abbażi tal-Artikolu 299(2) tat-Trattat tal-KE, tawtorizza lil Franza biex tapplika sal-1 ta’ Lulju 2014, rata mnaqqsa tad-dazji "tal-baċir" għal ċerti prodotti maħduma lokalment fid-dipartimenti Franċiżi extra-Ewropej tal-Gwadelup, il-Gujana Franċiża, Martinique u Réunion. L-anness tad-Deċiżjoni msemmija hawn fuq jipprovdi l-lista tal-prodotti li għalihom jistgħu japplikaw l-eżenzjonijiet jew it-tnaqqis fit-taxxi. Skont il-prodotti, id-differenza fl-impożizzjoni bejn il-prodotti lokali u l-prodotti l-oħra ma tistax taqbeż l-10, l-20 jew it-30 punti ta' perċentwali.

Id-Deċiżjoni 2004/162/KE tesponi r-raġunijiet li mmotivaw l-adozzjoni tal-miżuri speċifiċi: l-iżolament, id-dipendenza fir-rigward tal-materja prima u tal-enerġija, l-obbligu li jżiedu l-istokkijiet, id-daqs żgħir tas-suq lokali u l-livell baxx tal-attività ta' esportazzjoni eċċ. Dawn l-iżvantaġġi kollha ġabu żieda tal-ispejjeż ta' produzzjoni u b'hekk tal-prezz ta' kemm iqumu l-oġġetti mmanifatturati lokalment li, fin-nuqqas ta' miżuri speċifiċi, se jkunu inqas kompetittivi minn dawk li ġejjin minn barra, anke b'kunsiderazzjoni tal-ispejjeż ta' trasport lejn id-DOM. Dan se jagħmliha iktar diffiċli biex tinżamm il-produzzjoni lokali. Il-miżuri speċifiċi li hemm fid-Deċiżjoni 2004/162/KE ġew maħsuba bil-għan li tissaħħaħ l-industrija lokali billi tittejjeb il-kompetittività tagħha.

Il-Kunsill Ewropew, bid-Deċiżjoni 2012/419/UE li temenda l-istatus tal-Unjoni Ewropea fir-rigward tal-Majott, iddeċieda li l-Majott, mill-1 ta’ Jannar 2014, se jkollha l-istatus ta’ reġjun ultraperiferiku skont it-tifsira tal-Artikolu 349 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) minflok dak ta’ pajjiż u territorju barra mill-Ewropa (OCT) skont it-tifsira tal-Artikolu 355(2) tat-TFUE. Għalhekk, id-Deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew żieded lill-Majott fil-lista tar-reġjuni l-aktar imbiegħda msemmija fl-Artikolu 349 tat-TFUE. It-Trattat kollu u l-leġiżlazzjoni tat-taxxa Komunitarja għalhekk se jkun applikabbli għall-Majott minn din il-bidla fl-istatus.

Il-proposta ta' Direttiva tas-7 ta' Awwissu 2013[1] għandha l-għan li l-Majott tiġi ttrattata, fir-rigward tal-VAT u dwana, bl-istess mod bħar-reġjuni Franċiżi l-oħra l-aktar imbiegħda billi dan id-dipartiment extra-Ewropew  ma jaqax taħt il-kamp ta' applikazzjoni territorjali tad-Direttivi dwar il-VAT u drittijiet doganali, u dan mill-1 ta' Jannar 2014.

L-awtoritajiet Franċiżi infurmaw lill-Kummissjoni bl-intenzjoni tagħhom li jintroduċu fil-Majott it-taxxa "tal-baċir" taħt kundizzjonijiet simili għal dawk li hemm fil-Guyane u talbu lill-Kummissjoni biex ikunu awtorizzati  japplikaw sistema fiskali differenzjata skont liema l-prodotti huma  prodotti lokalment jew le. F'dan ir-rigward, l-awtoritajiet Franċiżi, fit-talba tagħhom tal-24 ta' Mejju 2013, ikkomunikaw lill-Kummissjoni lista ta' ċerti prodotti li għalihom jixtiequ jkunu awtorizzati japplikaw sistema fiskali differenzjata skont liema l-prodotti huma prodotti lokalment jew le. L-awtoritajiet Franċiżi ġew mistiedna bosta drabi jipprovdu informazzjoni kumplimentari u biex jagħtu, għall-prodotti differenti li huma l-oġġett ta' din it-talba, ġustifikazzjonijiet dwar l-eżistenza ta' produzzjoni lokali, il-parti tas-suq li għandha din il-produzzjoni lokali u l-ispejjeż għoljin li jaffettwaw din il-produzzjoni lokali meta mqabbla mal-istess prodotti li joriġinaw minn barra.

2.           IR-RIŻULTATI TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET INTERESSATI U L-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

It-talba tal-awtoritajiet Franċiżi dwar il-Majott tressqet fid-dawl tat-talbiet li saru mis-setturi ekonomiċi kkonċernati.

Il-Kummissjoni ma għamlitx valutazzjoni tal-impatt.

3.           ELEMENTI ĠURIDIĊI TAL-PROPOSTA

Sommarju tal-miżuri proposti Il-proposta għandha l-għan li tadotta d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/162//KE sabiex issir applikabbli għall-Majott. Barra minn hekk, hija tiddetermina, għall-Majott, il-listi ta' prodotti li għalihom Franza hija awtorizzata tapplika, f'ċerti limiti, eżenzjonijiet jew tnaqqis fit-taxxa msejħa "tal-baċir" għal ċerti oġġetti mmanifatturati lokalment. Il-proposta tipprevedi l-awtorizzazzjoni tal-applikazzjoni ta' sistema fiskali differenzjata għal 59 prodotti li għalihom  hemm produzzjoni lokali fil-Majott. Għal dawn il-prodotti kollha, l-awtoritajiet Franċiżi setgħu jiġġustifikaw fl-ewwel istanza l-eżistenza ta' produzzjoni lokali, fit-tieni istanza eżistenza ta' "importazzjonijiet" sinifikanti (Franza metropolitana u Stati Membri oħra, inklużi) li setgħu jikkompromettu ż-żamma tal-produzzjoni lokali u fl-aħħar nett tal-eżistenza ta' spejjeż għoljin li jaffettwaw il-produzzjoni lokali fir-rigward tal-prodotti "importati" li jikkompromettu l-kompetittività tal-prodotti prodotti lokalment. Id-differenzjar fit-tassazzjoni awtorizzat ma jistax ikun iktar mill-ispejjeż għoljin iġġustifikati. Il-prodotti li huwa propost li jitniżżlu fl-anness tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/162/KE huma 11 għall-parti A tal-anness (differenzjar tat-tassazzjoni awtorizzat ta' 10 punti perċentwali) 32 għall-parti B tal-anness (differenzjar tat-tassazzjoni awtorizzat ta' 20 punti perċentwali) u fl-aħħarnett 16 għall-parti C tal-anness (differenzjar tat-tassazzjoni ta' 30 punti perċentwali). Il-prodotti kkonċernati huma deskritti fid-dettall  fil-premessi Nri 5 sa 7 tal-proposta ta' Deċiżjoni tal-Kunsill.

Bażi ġuridika Artikolu 349 TFUE.

Il-prinċipju tas-sussidjarjetà Il-Kunsill biss għandu s-setgħa li jadotta, abbażi tal-Artikolu 349 TFUE, miżuri speċifiċi favur ir-reġjunijiet l-aktar imbiegħda għall-adattament tal-applikazzjoni tat-Trattati għal dawn ir-reġjuni, inkluża l-politika komuni, minħabba l-iżvantaġġi permanenti li jħallu impatt fuq il-kundizzjonijiet ekonomiċi u soċjali tar-reġjuni l-aktar imbiegħda. Għaldaqstant, il-proposta hija konformi mal-prinċipju tas-sussidjarjetà.

Il-prinċipju tal-proporzjonalità Il-proposta hija konformi mal-prinċipju tal-proporzjonalità għar-raġunijiet li ġejjin.

Il-proposta għandha l-għan li tadotta d-Deċiżjoni 2004/162//KE sabiex issir applikabbli għall-Majott. Tikkonċerna biss il-prodotti li għalihom saru ġustifikazzjonijiet fir-rigward ta' spejjeż għoljin li jaffettwaw l-oġġetti prodotti lokalment. ||

Bl-istess mod, id-differenzjal massimu propost għal kull prodott milqut minn din il-proposta huwa limitat għal dak li hu meħtieġ fid-dawl tal-ispejjeż għoljin li jaffettwaw kull każ ta' produzzjoni lokali kkonċernata. B’dan il-mod, il-piż fiskali fuq il-prodotti importati fid-dipartiment Franċiż extra-Ewropej tal-Majott mhuwiex se jaqbeż dak li hu meħtieġ biex tiġi kkumpensata l-kompetittività tal-prodotti manifatturati lokalment vis-à-vis dawn il-prodotti.

Għażla tal-istrument

Strument propost: Deċiżjoni tal-Kunsill.

Strumenti oħra ma kinux ikunu adegwati għar-raġunijiet li ġejjin. It-test li huwa s-suġġett tal-emenda huwa fih innifsu Deċiżjoni tal-Kunsill, adottata fuq l-istess bażi ġuridika (l-Artikolu 299(2) tat-Trattat tal-KE ta' dak iż-żmien).

4.           IMPLIKAZZJONI BAĠITARJA

Din il-proposta m'għandha l-ebda implikazzjoni fuq il-baġit tal-Unjoni Ewropea.

2014/0010 (CNS)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

li temenda d-Deċiżjoni 2004/162/KE fir-rigward tal-applikazzjoni tagħha għall-Majott mill-1 ta' Jannar 2014

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Europea, u b’mod partikolari l-Artikolu 349 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew[2],

Waqt li jaġixxi skont proċedura leġiżlattiva speċjali,

Billi:

(1)       Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/162/KE[3] tawtorizza lill-awtoritajiet Franċiżi jipprevedu eżenzjonijiet jew rati mnaqqsa tad-dazji tal-baċir għal ċerti prodotti maħduma lokalment fid-dipartimenti Franċiżi extra-Ewropej li jidhru fl-Anness tagħha. Dawn l-eżenzjonijiet jew tnaqqis huma miżuri speċifiċi mmirati biex jikkumpensaw id-diffikultajiet partikolari li jiffaċċjaw ir-reġjuni l-iktar imbiegħda  fejn l-effett tagħhom huwa li jżidu l-ispejjeż tal-produzzjoni għall-intrapriżi lokali u għalhekk il-prodotti tagħhom diffiċilment jistgħu jikkompetu mal-istess prodotti li joriġinaw fi Franza metropolitana u l-Istati Membri l-oħra. Il-Majott tinsab fl-istess sitwazzjoni bħar-reġjuni Franċiżi l-oħra l-iktar imbiegħda.

(2)       B'konformità mad-Deċiżjoni 2012/419/UE[4], mill-1 ta' Jannar 2014, il-Majott se ssir reġjun ultraperiferiku skont it-tifsira tal-Artikolu 349 tat-Trattat. Id-dispożizzjonijiet kollha tat-Trattat se jkunu applikabbli għall-Majott minn din id-data.

(3)       L-awtoritajiet Franċiżi talbu li d-Deċiżjoni 2004/162/KE dwar id-dazju tal-baċir tkun applikabbli għall-Majott mill-1 ta' Jannar 2014 u kkomunikaw lista ta' prodotti li għalihom talbu li japplikaw sistema ta' tassazzjoni differenzjata skont liema l-prodotti huma  prodotti lokalment jew le.

(4)       Din id-Deċiżjoni għandha tawtorizza lill-awtoritajiet Franċiżi biex japplikaw sistema ta' tassazzjoni differenzjata għall-prodotti li għalihom iġġustifikaw l-ewwel l-eżistenza ta' produzzjoni lokali, it-tieni l-eżistenza ta' dħul sinifikanti ta' beni (inkluż ta' oriġini minn Franza metropolitana u Stati Membri oħra) li jistgħu jikkompromettu ż-żamma tal-produzzjoni lokali u fl-aħħarnett l-eżistenza ta' spejjeż għoljin li jgħollu l-prezz ta' renditu tal-produzzjoni lokali meta mqabbel mal-prodotti li joriġinaw minn barra u li jikkompromettu l-kompetittività tal-prodotti prodotti lokalment. Id-differenzjar fit-tassazzjoni awtorizzat m'għandux ikun iktar mill-ispejjeż għoljin iġġustifikati. L-applikazzjoni ta' dawn il-prinċipji għandha tippermetti l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 349 tat-Trattat mingħajr ma tmur lil hinn minn dak li hu meħtieġ u mingħajr ma toħloq vantaġġ mhux ġustifikat favur il-produzzjonijiet lokali.

(5)       Il-prodotti li għalihom l-awtoritajiet Franċiżi ressqu dawn it-tliet tipi ta' ġustifikazzjonijiet huma mniżżla fil-partijiet A, B u C tal-anness tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/162/KE. Il-prodotti kkonċernati li jinsabu fil-parti A tal-anness tad-Deċiżjoni (differenzjar tat-tassazzjoni awtorizzat ta' 10 punti perċentwali) huma l-bżar (prodotti 0904 11 u 0904 12[5]), il-vanilja (prodott 0905), iċ-ċikkulata (prodott 1806), ċerti prodotti tal-materja plastika (prodotti 3925 10 10, 3925 90 80, 3926 90 90 u 3926 90 97), il-briks (prodotti 6901 u 6902) u l-proteżi dentali (prodotti 9021 21 90).

(6)       Il-prodotti kkonċernati mniżżla fil-parti B tal-anness tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/162/KE (differenzjar tat-tassazzjoni awtorizzat ta' 20 punti perċentwali) huma l-ħut (prodotti 0301, 0302, 0303, 0304 u 0305), ċertu xogħol tal-injam (prodotti 4407, 4409, 4414, 4418, 4419, 4420 u 4421), ċertu xogħol tal-karta jew tal-kartun (prodotti 4819 u 4821), ċeri prodotti tas-settur tal-istampa u tal-edizzjoni (prodotti 4902, 4909, 4910 u 4911), ċeri prodotti tal-ħġieġ ċatt (prodotti 7003 u 7005), ċertu xogħol tal-ħadid (prodotti 7210, 7301, 7312, 7314, 9406 00 31 u 9406 00 38), ċertu xogħol tal-aluminju (prodotti 7606, 7610 10 u 8310), u ċerti siġġijiet (prodotti 9401 69, 9401 90 30 u 9403 40).

(7)       Il-prodotti kkonċernati mniżżla fil-parti C tal-anness tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/162/KE (differenzjar tat-tassazzjoni awtorizzat ta' 30 punti perċentwali) huma l-ħalib u l-prodotti magħmulin mill-ħalib (prodotti 0401, 0403 u 0406), ċerti prodotti pproċessati abbażi ta' laħam (prodotti 1601 u 1602), ċerti prodotti tal-laħam u tal-pastiċċerija (prodotti 1901 u 1905), il-ġelati (prodott 2105), l-ilma minerali u s-soft drinks (prodotti 2201 u 2202), il-birra (prodott 2203), il-lang-ylang (prodotti 3301 29 11 u 3301 29 31), is-sapun u d-deterġenti (prodotti 3401 u 3402) u fl-aħħarnett is-saqqijiet tal-foam (prodott 9404 29 90).

(8)       Għalhekk, id-Deċiżjoni 2004/162/KE għandha tiġi emendata skont dan.

(9)       Minħabba l-urġenza, għandha tapplika eċċezzjoni ta' tmien ġimgħat stabbilita fl-Artikolu 4 tal-Protokoll Nru 1 dwar ir-rwol tal-parlamenti nazzjonali fl-Unjoni Ewropea, anness mat-Trattat ta' Lisbona.

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Id-Deċiżjoni 2004/162/KE hija emendata kif ġej:

1) Fl-Artikolu 1, il-paragrafu 1, l-ewwel sottoparagrafu jinbidel b'dan li ġej:

"Permezz ta' deroga għall-Artikoli 28, 30 u 110 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, l-awtoritajiet Franċiżi huma awtorizzati, sal-ewwel ta' Lulju 2014, li jagħtu eżenzjonijiet jew tnaqqis tat-taxxa imsejħa "tal-baċir" għall-prodotti mniżżla fl-anness li huma prodotti lokalment fid-dipartimenti Franċiżi extra-ewropej tal-Gwadelup, tal-Guyane, tal-Martinique, tal-Majott u tar-Réunion. "

2) L-Anness huwa emendat kif ġej:

a) fil-parti A, il-punt 5 li ġej huwa miżjud:

" 5. Dipartiment tal-Majott

0904 11, 0904 12, 0905,1806, 3925 10 00, 3925 90 80, 3926 90 90, 3926 90 97, 6901, 6902, 9021 21 90. "

b) fil-parti B, il-punt 5 li ġej huwa miżjud:

" 5. Dipartiment tal-Majott

0301, 0302, 0303, 0304, 0305, 4407, 4409, 4414, 4418, 4419, 4420, 4421, 4819, 4821, 4902, 4909, 4910, 4911, 7003, 7005, 7210, 7301, 7312, 7314, 7606, 7610 10, 8310, 9401 69, 9401 90 30, 9403 40, 9406 00 31, 9406 00 38. "

c) fil-parti C, il-punt 5 li ġej huwa miżjud:

" 5. Dipartiment tal-Majott

0401, 0403, 0406, 1601, 1602, 1901, 1905, 2105, 2201, 2202, 2203, 3301 29 11, 3301 29 31, 3401, 3402, 9404 29 90. "

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tapplika mill-1 ta’ Jannar 2014.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Franċiża.

Magħmul fi Brussell,

                                                                       Għall-Kunsill

                                                                       Il-President

[1]               Il-proposta għal Direttiva tal-Kunsill COM(2013) 577 finali tas-7 ta' Awwissu 2013 li temenda d-Direttivi 2006/112/KE u 2008/118/KE fir-rigward tar-reġjuni ultraperiferiċi Franċiżi u b'mod partikolari l-Majott

[2]               ĠU C  tal- , p. .

[3]               Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/162/KE tal-10 ta' Frar 2004 dwar l-iskema tad-dazji tal-baċir fid-dipartimenti Franċiżi extra-Ewropej u li testendi l-perjodu ta’ validità tad-Deċiżjoni 89/688/KEE (ĠU L 52, 21.2.2004, p. 64).

[4]               ĠU L 204, 31.7.2012, p. 131.

[5]               Skont il-klassifikazzjoni fin-nomenklatura tat-Tariffa Doganali Komuni.

Top