EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52014IR1344

Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni – Il-pakkett dwar il-Politika Industrijali

ĠU C 19, 21.1.2015, p. 15–23 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

21.1.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 19/15


Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni – Il-pakkett dwar il-Politika Industrijali

(2015/C 019/04)

Relatur

Is-Sur Markkula (FI/PPE), Membru tal-Kunsill tal-Belt ta’ Espoo

Dokumenti ta’ referenza

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea – Għal Rinaxximent Industrijali Ewropew,

COM(2014) 14 final, u

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni – Viżjoni għas-suq intern għall-prodotti industrijali,

COM(2014) 25 final

I.   MESSAĠĠI EWLENIN ABBAŻI TAL-ATTIVITAJIET TAL-MONITORAĠĠ TAL-EWROPA 2020 TAL-KTR

1.

Mill-2010, il-KtR indirizza l-politika industrijali, b’mod partikolari mil-lat tal-inizjattivi ewlenin relatati fl-Istrateġija Ewropa 2020, li għall-evalwazzjoni tagħha l-KtR iddedika sensiela ta’ stħarriġiet u konferenzi (1). Din kienet wasslet għal evalwazzjoni globali u komprensiva tal-KtR dwar l-Istrateġija Ewropa 2020, ippreżentata nhar is-7 ta’ Marzu 2014 fid-Dikjarazzjoni ta’ Ateni (2) dwar viżjoni territorjali għat-tkabbir u l-impjiegi, flimkien ma’ Rapport ta’ Valutazzjoni ta’ Nofs it-Term (3). Fil-qosor, il-KtR huwa favur li:

a.

l-Ewropa 2020 tingħata dimensjoni territorjali, u li jiġu stabbiliti miri divrenzjati fil-livell reġjonali permezz ta’ approċċ imħallat minn isfel għal fuq u minn fuq għal isfel;

b.

l-Ewropa 2020 titfassal u tiġi implimentata abbażi ta’ approċċ ta’ governanza f’diversi livelli;

c.

l-investimenti fit-tul meħtieġa biex jappoġġjaw it-tkabbir u l-impjiegi jiġu finanzjati adegwatament;

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI:

2.

jinnota li bl-involviment iktar mill-qrib tal-bliet fl-istadji kollha fiċ-ċiklu tat-tfassil tal-politika, l-UE tkun tista’ tindirizza aħjar il-bidliet li ċ-ċittadini qed jiffaċċjaw madwar l-Ewropa. Dan jeħtieġ l-applikazzjoni ta’ approċċ ta’ governanza f’diversi livelli, ħidma mas-saffi kollha tal-gvernijiet (sħubija vertikali) u f’kooperazzjoni fuq skali differenti mal-partijiet interessati kollha (sħubija orizzontali);

3.

jipproponi li l-Kummissjoni żżid l-attivitajiet tagħha ta’ valutazzjoni komparattiva reġjonali u lokali, ta’ skambju tal-esperjenzi u tagħlim bejn il-pari – dawn huma kollha kruċjali għall-bini tal-kapaċità tal-innovazzjoni industrijali u għaldaqstant għandhom rilevanza kbira għall-Ewropa 2020. Sabiex ikollhom rwol ta’ koordinazzjoni u biex l-imsieħba jingħataw pjattaforma biex isibu soluzzjonijiet, jeħtieġ li tissaħħaħ il-kapaċità amministrattiva tal-awtoritajiet lokali u reġjonali f’dawn l-oqsma;

Analiżi addizzjonali dwar id-dimensjoni territorjali tal-pakkett industrijali

4.

Il-KtR analizza d-dimensjoni territorjali tal-Pakkett tal-Politika Industrijali u identifika l-kwistjonijiet u l-ħtiġijiet ewlenin tal-awtoritajiet lokali u reġjonali meta jimplimentaw il-politika industrijali: (1) ir-rwol tal-oqsma lokali u reġjonali fil-katina tal-valur globali; (2) l-impatt irregolari u persistenti tal-kriżi fuq il-koeżjoni territorjali, ekonomika u soċjali; (3) il-koordinazzjoni tal-governanza f’diversi livelli u l-politika; (4) il-kapaċità istituzzjonali u l-governanza strateġika tal-politiki industrijali; (5) il-kapaċità li tiġi promossa l-iskoperta intraprenditorjali u li s-suq jiġi regolat b’mod ġust u effiċjenti;

5.

jinnota li l-analiżi tinkludi wkoll valutazzjoni tar-rabtiet bejn dawn il-problemi u l-ħtiġijiet u l-komunikazzjonijiet tal-Pakkett Industrijali, u l-valutazzjoni komparattiva ta’ wħud mill-każijiet tal-aqwa prattika. Ir-riżultati jinkludu proposti għall-awtoritajiet lokali u reġjonali biex jappoġġjaw u jippromovu l-attivitajiet industrijali;

6.

Abbażi ta’ din l-analiżi, il-KtR jirrakkomanda li l-awtoritajiet lokali u reġjonali, fl-istrateġiji ta’ riċerka u innovazzjoni tagħhom għall-ispeċjalizzazzjoni intelliġenti tal-RIS3, jagħtu attenzjoni speċjali għal dan li ġej, fejn f’ħafna każijiet l-implimentazzjoni se tiddipendi fuq il-miżuri tal-Kummissjoni:

a.

Iwettqu analiżi tal-ħtiġijiet abbażi tas-sitwazzjoni u l-potenzjal lokali;

b.

Jidentifikaw il-prijoritajiet tat-tibdil strutturali adegwati li jkunu speċifiċi għall-kuntest;

c.

Analiżi mill-pari tal-istrateġija;

d.

Jintegraw l-istrateġiji reġjonali u lokali fis-sistema nazzjonali;

e.

Jippromovu l-iżvilupp tal-kapaċità istituzzjonali u ta’ governanza;

f.

Jimplimentaw sistema ta’ monitoraġġ u valutazzjoni sigura, sabiex l-objettivi għar-riżultati u l-impatti jiġu appoġġjati minn linji gwida amministrattivi u prattiki tal-verifika flessibbli;

g.

Jippromovu r-regoli tas-suq u approċċ minn isfel għal fuq fit-tfassil tal-politika;

h.

Jesploraw u jippromovu teknoloġiji abilitanti essenzjali (KET) ta’ integrazzjoni u żvilupp li jkunu speċifiċi għall-kuntest.

i.

Iqisu l-kapaċità li jinħolqu l-impjiegi u l-mobilizzazzjoni tal-għarfien espert fil-livell lokali, b’mod speċjali fil-proċessi tal-produzzjoni u tas-servizzi;

II.   RAKKOMANDAZZJONIJIET BAŻIĊI TA’ POLITIKA

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

7.

Jaqbel mal-Kummissjoni li bażi industrijali b’saħħitha hija importanti ħafna għall-kompetittività tal-Ewropa u għal tkabbir kontinwu. Filwaqt li jenfasizza li l-industrija tfisser ħafna aktar mis-settur tradizzjonali ta’ manifattura li tipikament isir referenza għalih b’dal mod, u jenfasizza li l-proċessi industrijali u l-ekosistemi għandhom impatt enormi fuq is-soċjetà kollha, il-KtR iħeġġeġ biex jiġu implimentati malajr il-miżuri proposti f’din id-dikjarazzjoni;

8.

jirrimarka li l-vantaġġ kompetittiv tal-Ewropa fl-ekonomija globali jiġi prinċipalment mill-prodotti u s-servizzi tagħha li għandhom valur miżjud għoli u huma sostenibbli, u għalhekk li t-tnaqqis, matul perjodu ta’ kriżi ekonomika, tal-investiment fl-innovazzjoni, li huwa essenzjali għat-tiġdid industrijali, qed iwassal biex tinħoloq theddida serja għall-futur tal-Ewropa;

9.

iħeġġeġ lill-Ewropa tirrikonoxxi l-ħtieġa li tkompli tkun mexxejja globali f’setturi strateġiċi b’impjiegi ta’ valur għoli. Għal dan, l-industrija eżistenti jeħtieġ li tiġi stimulata permezz ta’ investiment f’teknoloġiji ġodda, billi jittejbu l-ambjenti tan-negozju, billi jiġi ffaċilitat l-aċċess għas-swieq u għall-finanzi, kif ukoll billi jiġi żgurat li l-ħaddiema jkollhom ħiliet industrijali rilevanti;

10.

jenfasizza li l-itwal kriżi li qatt esperjenzat l-UE enfasizzat l-importanza ta’ industrija b’saħħitha, kompetittiva u sostenibbli bħala bażi essenzjali għall-benesseri taċ-ċittadini. L-industrija tammonta għal aktar minn 80 % tal-esportazzjonijiet tal-Ewropa u 80 % tar-riċerka u l-innovazzjoni fis-settur privat. Kważi wieħed minn kull erba’ impjiegi fis-settur privat huwa fl-industrija, li ta’ spiss jeħtieġ livell għoli ta’ ħiliet professjonali. Kull impjieg ġdid fil-manifattura jwassal għal 0,5-2 impjiegi f’setturi oħra.

11.

jenfasizza li, barra minn miżuri meħuda mis-soċjetà, il-kapaċità ta’ reazzjoni u l-miżuri meħuda minn kull negozju industrijali nnifsu huma kruċjali biex l-industrija – li hija s-sinsla tal-ekonomija reali u l-prosperità – tiżviluppa b’mod kompetittiv;

12.

jiġbed l-attenzjoni għal bidla fil-ħiliet ta’ ġestjoni fil-livell lokali madwar l-Ewropa. Il-kompetenzi industrijali kif ukoll politiċi jinkludu aktar minn qatt qabel il-fehim tal-proċessi ta’ negozju, il-ġestjoni tal-għarfien u t-teknoloġija, kif ukoll ħiliet ta’ interazzjoni personali. L-attivitajiet industrijali fi ħdan il-ktajjen ta’ valur u n-netwerks qed isiru dejjem usa’ u aktar kumplessi, peress li l-kumpaniji l-kbar u l-SMEs li joperaw f’setturi u pajjiżi differenti qed jinteraġixxu flimkien. Hemm bżonn li l-politiki tal-kumpaniji l-kbar u l-SMEs fis-settur industrijali jkunu marbutin ġenwinament mal-politiki industrijali konkreti tal-Istati u r-reġjuni fejn dawn ikunu jinsabu;

13.

juri li l-kunċett tradizzjonali ta’ katina tal-prodott bil-fażijiet u l-fatturi ta’ produzzjoni stabbiliti tiegħu qed isir inqas ċar peress li r-realtà hija bbażata fuq interazzjonijiet kumplessi f’ekosistemi f’netwerk globali. It-teknoloġiji jaqdu rwol prinċipali bħala faċilitaturi ta’ approċċi ġodda u sostenibbli;

14.

jenfasizza l-importanza li għandha l-modernizzazzjoni tal-industriji tradizzjonali tal-UE b’mod partikolari dawk li l-kompetittività tagħhom kienet imsejsa prinċipalment fuq fattur tal-ispejjeż tal-forza tax-xogħol u li għandhom għarfien espert importanti li jista’ jiġi kapitalizzat;

15.

jirrikonoxxi l-iżvilupp industrijali riċenti fejn prodotti u servizzi industrijali jikkomplementaw lil xulxin. Is-servizzi jirrappreżentaw madwar 40 % tal-valur miżjud fl-esportazzjonijiet Ewropej tal-manifattura. Madwar terz tal-impjiegi ġġenerati minn dawn l-esportazzjonijiet jinsabu f’kumpaniji li jfornu lill-esportaturi ta’ prodotti b’servizzi awżiljarji. Servizzi bħall-manutenzjoni u t-taħriġ huma elementi kruċjali fil-forniment ta’ prodotti manifatturati kumplessi. Servizzi speċjalizzati – bħall-finanzjament, il-komunikazzjonijiet, l-assigurazzjoni u s-servizzi kummerċjali speċjalizzati b’intensità għolja ta’ għarfien (Knowledge-Intensive Business Services – KIBS) qed jaqdu rwol dejjem akbar fil-produzzjoni tal-merkanzija manifatturata. Din hija waħda mid-diversi spjegazzjonijiet għall-kontribut dejjem jiżdied tas-servizzi għall-produzzjoni ġenerali ta’ ekonomija.

16.

jixtieq jenfasizza l-konsegwenzi tal-bidla fil-paradigma tal-ICT. Fil-preżent, in-netwerks tal-mowbajl huma aktar prevalenti fil-karozzi, l-elettroniċi tal-konsumatur, il-produzzjoni industrijali u l-kura tas-saħħa milli fl-attivitajiet ta’ kuljum tan-nies. Kumpanija moderna tal-għodda tal-makkinarju ta’ spiss ikollha iktar minn għaxar darbiet kompjuters u strumenti ta’ netwerk milli jkollu uffiċċju. Attivitajiet f’netwerk jeħtieġu ġestjoni effettiva tal-għarfien: mudellar tal-informazzjoni għas-sistemi kif ukoll l-innovazzjoni miftuħa u l-attività kooperattiva, b’benefiċċji għal dawk kollha kkonċernati. Hemm ħtieġa urġenti għall-immudellar tal-informazzjoni reġjonali fl-ippjanar urban, u ġestjoni tal-ipproċessar fil-livell muniċipali u reġjonali;

17.

jixtieq iħeġġeġ li fil-politika industrijali Ewropea jiġu adottati kunċetti proprji tar-Responsabbiltà Soċjali Korporattiva bħala bażi ta’ ekonomija aktar produttiva, sostenibbli u inklużiva;

Il-prijoritajiet ewlenin definiti fil-komunikazzjoni tal-Kummissjoni u d-deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew f’Marzu 2014

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

18.

Jaqbel mal-Kummissjoni li għandha titlob lill-Istati Membri biex jieħdu f’idejhom il-kwistjoni tal-irkupru industrijali u jfittxu soluzzjonijiet komuni sabiex tissaħħaħ il-kompetittività Ewropea u jkun żgurat it-tkabbir sostenibbli; huwa tal-fehma li min-naħa tagħha, il-Kummissjoni Ewropea għandha tisfrutta aħjar il-potenzjal kollu tagħha fir-rigward tal-politika industrijali definit fl-Artikolu 173 tat-TFUE, b’mod speċjali billi tieħu l-opportunità sabiex “tieħu kull inizjattiva utli sabiex tippromovi (dik i)l-koordinazzjoni (tal-Istati Membri fir-rigward tal-politika industrijali), b’mod partikolari inizjattivi li jimmiraw li jistabbilixxu linji gwida u indikaturi, li jorganizzaw l-iskambju tal-aħjar prattika, u li jħejju l-elementi meħtieġa għall-monitoraġġ u l-valutazzjonijiet perijodiċi”.

19.

jenfasizza li l-istrateġija industrijali ma tistax tiġi implimentata waħedha, peress li tinteraġixxi ma’ ħafna oqsma oħra ta’ politika; L-istrateġija industrijali għandha tkun marbuta mill-qrib mal-politiki dwar l-enerġija, it-taħriġ, ir-Riċerka, l-Iżvilupp u l-Innovazzjoni (RŻI), il-kummerċ, l-infrastruttura, ir-responsabbiltà soċjali u s-saħħa u s-sigurtà; għalhekk jitlob approċċ aktar integrat u interdixxiplinari għall-politika industrijali;

20.

josserva li l-SMEs jiġu rikonoxxuti bħala element strateġiku fil-politika industrijali Ewropea waqt li l-Komunikazzjoni dwar l-Att dwar in-Negozji ż-Żgħar tiġi applikata b’mod effettiv;

21.

jiġbed l-attenzjoni għar-rwol importanti li taqdi l-industrija primarja peżanti fl-iżvilupp tal-bijoindustriji fl-Ewropa, u jirrakkomanda li l-UE tintroduċi mekkaniżmi ġodda ta’ kooperazzjoni u ta’ finanzjament għall-applikazzjoni tal-aħħar teknoloġija Ewropea u għarfien ieħor fil-proġetti kumplessi fuq skala kbira għat-tiġdid tal-industrija primarja, speċjalment fiż-żoni li jbatu minn qgħad persistenti;

22.

jixtieq jenfasizza l-prijoritajiet proposti mill-Kummissjoni li għandhom jittieħdu sabiex tiġi appoġġjata l-kompetittività tal-industrija Ewropea. Madankollu, il-KtR jenfasizza li dawk huma rekwiżiti bażiċi li jeħtieġu aktar żvilupp u implimentazzjoni konkreta;

23.

jilqa’ d-deċiżjonijiet importanti fir-rigward tal-kompetittività industrijali li qed tiżdied meħuda mill-Kunsill Ewropew fl-20-21 ta’ Marzu 2014. Il-Kunsill qal li t-teknoloġiji abilitanti essenzjali (KET) għandhom jiġu konsolidati billi kemm jista’ jkun jiġu definiti proġetti ta’ interess Ewropew, u ngħatat ukoll attenzjoni speċjali lir-rwol tal-cleantech bħala element trażversali għat-tisħiħ tal-kompetittività tal-industrija;

24.

fil-qafas tal-implimentazzjoni tar-Regolament 1260/2012 dwar il-kooperazzjoni msaħħa fil-qasam tal-privattivi, iqis neċessarju li jinstab bilanċ ġust bejn il-ħarsien tal-proprjetà intellettwali, ħalli l-innovazzjoni tiġi stimulata, u t-tixrid massimu tal-għarfien li jista’ jkun sors ta’ progress teknoloġiku fil-futur. Fil-livell Ewropew, hemm bżonn li jiġi evitat l-użu tal-privattivi bħala arma strateġika, pereżempju permezz tal-użu abbużiv ta’ labirinti ta’ privattivi (“patent thickets”) jew il-frammentazzjoni tal-privattivi u li jiġu promossi kriterji stretti ta’ privatibbiltà biex jiġi evitat id-dritt għal monopolju għal privattivi li ftit li xejn għandhom valur miżjud;

25.

jirrikonoxxi li l-Kunsill Ewropew, ukoll, ħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jindirizzaw bħala prijorità n-nuqqasijiet fil-qasam tax-xjenza, it-teknoloġija, l-inġinerija u l-matematika (il-ħiliet STEMS), b’aktar involviment tal-industrija; Huma meħtieġa b’mod urġenti miżuri sabiex dan iseħħ, u l-Kumitat jirrakkomanda li dawn jinkludu miżuri biex jitjiebu l-ħiliet lingwistiċi u b’hekk titjieb il-prestazzjoni tas-suq intern;

26.

jitlob lill-Kummissjoni biex tieħu miżuri ta’ industrijalizzazzjoni mill-ġdid li jiffukaw fuq l-eċċellenza u l-promozzjoni tal-eċċellenza fir-reġjuni industrijalizzati tal-Ewropa, appoġġjati mill-programm Orizzont 2020. Il-programmi INTERREG ċertament huma strumenti neċessarji biex jissaħħaħ in-netwerking bejn l-universitajiet tax-xjenzi applikati li jinsabu fir-reġjuni industrijalizzati, madankollu, fid-dawl ta’ interazzjoni dejjem akbar bejn id-dinjiet tax-xjenza u tal-industrija, il-KtR jiddispjaċih dwar in-nuqqas tal-għodda “Reġjuni tal-Għarfien” tal-programm Orizzont 2020 mill-perijodu ta’ programmar 2014-2020, għodda li fil-passat tat prova li hija ta’ valur fil-programmi qafas f’termini ta’ koordinazzjoni tal-aġendi tar-riċerka tar-raggruppamenti reġjonali għal perijodu ta’ kważi għaxar snin; jenfasizza li l-ewwel sena ta’ operat tal-programm tal-Orizzont 2020 wriet li ma ġiet żviluppata l-ebda għodda effettiva ġdida biex tilħaq din il-ħtieġa. L-għodda tar-“Reġjuni tal-Għarfien” għandha tiġi żviluppata mill-ġdid u implimentata minnufih;

27.

iħeġġeġ lill-Kummissjoni tenfasizza r-relazzjoni bejn ix-xjenza, l-intrapriża, is-soċjetà, il-pubbliku u t-tfassil tal-politika, u jappoġġja r-rwol importanti tar-reġjuni biex ilaqqgħu flimkien il-partijiet interessati kollha fil-kuntest tat-tliet spirali u f’ambjent kwadruplu;

28.

jirrimarka li l-Kunsill enfasizza wkoll li, biex jinkisbu l-għanijiet għall-kompetittività u t-tkabbir sostenibbli Ewropej, għandhom jintużaw l-istrumenti kollha disponibbli, inklużi l-fondi strutturali u ta’ investiment tal-UE;

Il-pakkett ta’ investiment għat-tkabbir u l-impjiegi

29.

jenfasizza r-responsabbiltà konġunta tal-Kummissjoni Ewropea, l-Istati Membri u l-awtoritajiet lokali u reġjonali biex joħolqu u jimplimentaw il-pakkett ta’ investiment ta’ EUR 300 biljun għall-promozzjoni tat-tkabbir u l-impjiegi, peress li għandhom kompetenzi legali u baġitarji komplementarji f’dan ir-rigward. Soluzzjonijiet ġodda kemm b’impatt fuq żmien qasir kif ukoll fit-tul jistgħu jkunu bbażati fuq il-prinċipji li ġejjin:

Rinaxximent industrijali jeħtieġ l-iżvilupp ta’ strumenti finanzjarji aktar effettivi b’integrazzjoni pubblika u privata aħjar, inkluż kapital ta’ riskju, akkwist pubbliku innovattiv, u self jew garanziji b’kapaċità akbar ta’ riskju;

Rinaxximent industrijali jeħtieġ l-iżvilupp ta’ strumenti finanzjarji aktar effettivi b’integrazzjoni pubblika u privata aħjar, inkluż kapital ta’ riskju, akkwist pubbliku innovattiv, u self jew garanziji b’kapaċità akbar ta’ riskju. Il-pass ta’ dan l-iżvilupp jista’ jitħaffef billi jitkissru l-kumpartimenti strutturali u u permezz tat-tagħlim mill-aktar riċerka u applikazzjonijiet industrijali reċenti f’setturi ta’ negozju differenti;

L-irkupru industrijali jista’ jiġi aċċellerat billi jissaħħaħ l-użu ta’ teknoloġiji diġitali u servizzi onlajn, u speċjalment billi finalment jiġi implimentat is-suq uniku diġitali Ewropew;

30.

jappoġġja r-riċerka ta’ sorsi alternattivi ta’ finanzjament biex jissaħħu l-ekosistemi; dawn is-sorsi jinkludu crowdfunding, kapital ta’ riskju, u għodod innovattivi oħra sabiex tingħeleb id-dipendenza tradizzjonali fuq is-self mill-banek;

III.   RAKKOMANDAZZJONIJIET ĠENERALI FIR-RIGWARD TAL-POLITIKA TAL-UE

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

31.

jirrikonoxxi li l-vantaġġ kompetittiv tal-Ewropa fl-ekonomija dinjija jibbaża fuq il-prodotti u s-servizzi ta’ valur miżjud u sostenibbli, fil-ġestjoni effettiva tal-ktajjen tal-valur u fl-aċċess għas-swieq mad-dinja;

32.

jindika li ambjent regolatorju stabbli u prevedibbli huwa prerekwiżit sabiex ikun hemm investiment fl-industrija fl-UE. Dawn l-istabbiltà u l-prevedibilità għandhom jinkisbu kemm fil-livell lokali u reġjonali, kif ukoll fil-livell nazzjonali u tal-UE. L-istabbiltà u l-prevedibilità bħala garanzija taċ-ċertezza legali għan-negozji għandhom jiġu xprunati mil-leġislazzjoni tal-UE, preferibbilment permezz ta’ Direttivi;

33.

jappoġġja l-politika tal-Kummissjoni tal-iżvilupp tas-Suq Uniku bħala fundament għal industrija kompetittiva u sostenibbli. Barra minn hekk, il-KtR juri li l-leġislazzjoni tas-suq intern għall-prodotti u s-servizzi huwa fattur ewlieni mhux biss għall-kompetittività tal-industrija Ewropea iżda wkoll għall-protezzjoni tal-konsumatur u l-ambjent;

34.

jappoġġja d-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni li sabiex jibqa’ kompetittiv, is-suq Ewropew għall-prodotti u s-servizzi industrijali jeħtieġ qafas regolatorju li jiffaċilita l-innovazzjoni u ma joħloqx xkiel żejjed għall-użu fil-ħin ta’ teknoloġiji ġodda u l-introduzzjoni fis-suq ta’ innovazzjonijiet. Il-leġislazzjoni u l-istandards tal-UE jridu jippermettu lill-prodotti, is-servizzi u t-teknoloġiji l-ġodda jkunu disponibbli fis-suq malajr, sabiex l-Ewropa tkun tista’ tisfrutta l-vantaġġ bħala attur fl-avangwardja fis-suq tax-xogħol globali;

35.

jenfasizza li r-reġjuni jridu jkunu jistgħu jiddefinixxu l-potenzjal ta’ tkabbir tagħhom stess u jagħtu bidu għall-innovazzjoni, billi l-awtoritajiet lokali u reġjonali jiġu assoċjati fi proċess li jabbina l-approċċi minn fuq għal isfel u minn isfel għal fuq;

36.

itenni l-proposta tiegħu ta’ patti territorjali li tippermetti l-organizzazzjoni ta’ livelli differenti ta’ kooperazzjoni marbutin mal-proġetti ta’ żvilupp territorjali u l-promozzjoni ta’ kooperazzjoni bejn ir-reġjuni; jipproponi li dan l-approċċ jiġi trattat f’dokument uniku ta’ programmazzjoni biex b’hekk jiġi żgurat li l-politiki fil-livell reġjonali, nazzjonali u lokali jirriflettu l-politiki settorjali u ta’ koeżjoni tal-UE;

37.

jitlob li l-investimenti relatati mad-dokumenti uniċi tal-programmazzjoni jkunu jistgħu jiffurmaw parti minn pakkett ta’ self dedikat tal-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) li jaħdem biex jinħolqu ekosistemi reġjonali ġodda għall-innovazzjoni ekonomika u soċjali. Dan jista’ jkun mezz speċjali biex jitħeġġu soluzzjonijiet innovattivi, biex l-intrapriżi jiġu provduti b’demostraturi u jiġi promoss il-ħolqien ta’ konsorzji f’oqsma li jeħtieġu sħubija ġdida bejn l-intrapriżi. Dawn l-ekosistemi jkunu sħubijiet pubbliċi/privati li jindirizzaw l-għan doppju li jikkontribwixxu għat-titjib tal-kompetittività tal-intrapriżi u l-effikaċja tas-servizz pubbliku (u b’hekk jgħinu fir-razzjonalizzazzjoni tal-infiq pubbliku);

38.

huwa konvint li l-komponent ewlieni biex jiġu appoġġjati l-ambizzjonijiet industrijali tal-UE huwa rrappreżentat mill-politika reġjonali ta’ speċjalizzazzjoni intelliġenti RIS 3, ibbażata fuq analiżi sistematika tal-ispeċifiċitajiet reġjonali eżistenti u l-potenzjal għall-innovazzjoni u t-tkabbir;

39.

jissuġġerixxi li l-Istati Membri jadottaw politiki ta’ ġestjoni tat-territorju li jippermettu reazzjonijiet mgħaġġla fil-qasam tal-attribuzzjoni taż-żoni għal attivitajiet ekonomiċi u li ma joħolqux ostakoli inutli li jxekklu l-istabbiliment tal-intrapriżi;

40.

iħeġġeġ lir-reġjuni jevalwaw il-bżonn li t-teknoloġiji jippromovu l-iżvilupp maħsub fl-istrateġiji tagħhom għall-ispeċjalizzazzjoni intelliġenti (RIS3) u sabiex jieħdu l-miżuri neċessarji għall-promozzjoni tal-politika industrijali bħala prijorità prinċipali ta’ finanzjament, kif ukoll miżuri sabiex iżidu s-sħubijiet tagħhom madwar l-UE sabiex jiksbu l-miri tagħhom;

41.

jappella lill-Kumissjoni biex tappoġġja lin-netwerks interreġjonali b’mod partikolari, il-kooperazzjoni bejniethom u t-tagħlim reċiproku. Eżempju wieħed huwa l-inizjattiva Vanguard, li ressqet ir-rinaxximent industrijali fil-qalba tal-attivitajiet S3 tagħhom, bil-għan li tippromovi l-iskambju ta’ esperjenzi, il-ħolqien ta’ skala tal-eċċellenza u l-ipproċessar konġunt ta’ applikazzjonijiet għal proġetti;

42.

jistieden lill-UE biex tiffinanzja lir-reġjuni sabiex tgħinhom joħolqu ekosistemi ta’ innovazzjoni u jieħdu inizjattivi Ewropej konġunti effiċjenti. Il-KtR jenfasizza li l-attivitajiet ta’ innovazzjoni deċentralizzati u appoġġjati mill-UE huma l-uniċi mezzi sabiex jinkisbu l-miri tal-RIS3 madwar l-Ewropa;

43.

jenfasizza li meta mqabbel mal-perjodu ta’ programmazzjoni preċedenti tal-2007-2013, ir-regoli u l-prattiki definiti mill-Istati Membri u l-awtoritajiet reġjonali għandhom jiġġeddu sabiex jenfasizzaw u jkejlu r-riżultati u l-impatt. Dan jirrikjedi essenzjalment parteċipazzjoni ikbar tal-atturi ewlenin kollha tar-RŻI (riċerka, żvilupp u innovazzjoni) fir-reġjun fl-implimentazzjoni tal-RSI3 tar-reġjun, kif ukoll il-ħolqien ta’ netwerk effettiv fil-livell tal-UE;

44.

jaqbel mat-tħassib li qed jintwera minn bosta atturi madwar l-Ewropa li l-Istati Membri u l-awtoritajiet reġjonali ma segwewx il-linji gwida tal-Kummissjoni għat-tnaqqis tal-burokrazija, it-tiġdid tal-finanzjament sabiex ikun ibbażat fuq l-RIS3, u l-bini ta’ sistema ta’ fondi flessibbli tal-Fondi Ewropej Strutturali u ta’ Investiment immexxija mill-utenti;

45.

iħeġġeġ lill-Istati Membri jagħmlu analiżi tal-kundizzjonijiet lokali tan-negozju bil-għan li l-proċeduri amministrattivi jsiru iżjed effiċjenti u titnaqqas il-burokrazija għall-intrapriżi. Dan se jagħmilha possibbli li jsir paragun ta’ kif proċeduri u prattiki regolatorji differenti jaffettwaw l-ambjent lokali tan-negozju;

46.

iħeġġeġ lir-reġjuni biex b’mod konġunt mal-Kummissjoni jġeddu l-RIS3 u l-pjani ta’ Sħubija Ewropea fir-rigward tal-KET. Skont ir-rapport tal-Pjattaforma S3, dawk responsabbli mit-tfassil tal-politika reġjonali għandhom ħafna mistoqsijiet relatati mal-għajnuna mill-istat u l-finanzjament tal-KET, inklużi r-regoli tal-finanzjament tal-proġetti ta’ dimostrazzjoni u l-infrastruttura;

47.

juri li għandhom jintużaw ukoll l-istrumenti nazzjonali, prinċipalment dawk ibbażati fuq is-suq u strumenti oħra ta’ finanzjament innovattiv. Il-prijoritajiet il-ġodda ta’ finanzjament li qablu dwarhom il-Kummissjoni u l-BEI jipprovdu opportunità sinifikanti għall-kumpaniji li qegħdin fuq quddiem sabiex jinvestu fit-teknoloġiji abilitanti essenzjali;

48.

jenfasizza l-importanza tal-Fondi Ewropej Strutturali u ta’ Investiment tal-programm Orizzont 2020 fit-tisħiħ tal-kompetittività industrijali tal-UE. Huwa partikolarment importanti li tittejjeb ir-riċerka multidixxiplinarja tal-ogħla livell u l-applikazzjoni prattika tas-sejbiet tagħha fil-livell reġjonali. Huma meħtieġa pakketti ta’ miżuri li jinvolvu ħafna fondi, u b’mod partikolari li l-aħħar għarfien tar-riċerka fl-ICT u l-KET jintuża biex jimmodernizza s-setturi industrijali varji u biex jinħolqu l-prattiki ġodda meħtieġa għall-kisba ta’ riżultati soċjali dejjiema;

49.

barra minn hekk, l-appoġġ tal-Fond Ewropew għall-Globalizzazzjoni jibqa’ importanti bħala strument prattiku li jgħin lin-nies u lir-reġjuni jirkupraw mill-konsegwenzi tal-kriżi ekonomika u l-effetti tal-globalizzazzjoni billi jgħin lin-nies li jkunu tilfu l-impjieg biex jerġgħu jsibu wieħed;

50.

jiġbed l-attenzjoni għar-rwol kruċjali tal-kapital uman, il-kompetenzi għolja u l-ħiliet fl-indirizzar tal-isfidi industrijali. In-nuqqas ta’ tlaqqigħ tal-ħiliet u kwistjonijiet ta’ taħriġ ser ikunu sfida ewlenija għall-industrija tal-UE fis-snin li ġejjin, l-aktar minħabba li l-progress fit-teknoloġiji tal-manifattura iżid id-domanda għal għadd ta’ ħiliet u taħriġ speċifiċi; jemmen li trid tiżdied is-sensibilizzazzjoni tal-pubbliku u jridu jiġu stabbiliti programmi ta’ taħriġ u edukazzjoni li jkunu multidixxiplinarji u intersettorjali, sabiex is-sejbiet tar-riċerka u l-innovazzjoni jkunu jistgħu jiġu żviluppati aktar, u jsiru permanenti u jiġu implimentati;

51.

jisfida lill-ġenerazzjoni diġitali żagħżugħa u l-istart-ups tagħha biex jikkontribwixxu għat-tfassil u l-implimentazzjoni ta’ strateġiji reġjonali ta’ speċjalizzazzjoni intelliġenti billi jgħinu fl-identifikazzjoni tal-lakuni u jirranġaw il-proċessi fil-katini ta’ valur meħtieġa fir-reġjuni. Is-soluzzjonijiet innovattivi ġodda għandhom jiffokaw kemm fuq il-proċessi industrijali pubbliċi u privati kif ukoll fuq l-imġiba taċ-ċittadini bħala klijenti;

52.

iħeġġeġ lill-UE, lill-Istati Membri u lir-reġjuni biex jindirizzaw il-fondi ta’ koeżjoni u tal-programm Orizzont 2020 lejn l-investimenti li jsaħħu l-kompetittività f’reġjuni industrijali transkonfinali, u f’opportunitajiet transkonfinali u transsettorjali. Għandha tingħata attenzjoni partikolari fir-rigward tal-infrastruttura tal-enerġija, tat-trasport u dik diġitali, biex jiġu ffaċilitati l-kooperazzjoni bejn il-pajjiżi, l-integrazzjoni tal-katina tal-provvista u l-kummerċ intern tal-UE msaħħaħ;

Ħtieġa urġenti sabiex titħaffef il-bidla

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

53.

appella fl-opinjonijiet tiegħu, għal riforma strutturali tal-industrija u enfasizza l-importanza tal-kapaċità tas-soċjetà u tal-kumpaniji li jaġixxu fil-pront fl-ambjent kompetittiv maħluq mill-globalizzazzjoni u d-diġitalizzazzjoni. Dawn ir-rakkomandazzjonijiet huma marbutin ukoll ma’ miżuri li jżidu l-livell ta’ ħiliet meħtieġa u ma’ ħsieb tul iċ-ċiklu tal-ħajja li jenfasizza l-miri ġenerali ta’ impatt u ta’ tibdil tal-klima. Dawn l-istqarrijiet jinkludu:

a.

Il-politika industrijali trid issir wieħed mill-pilastri tal-kostruzzjoni Ewropea, identifikata bħala prijorità politika ġenwina bl-istess livell ta’ impenn politiku bħall-koeżjoni, l-infrastruttura, jew l-agrikoltura; il-ġestjoni li tħares ‘il quddiem tal-kompetenzi u t-tibdiliet għandha titqies bħala element essenzjali tal-istrateġija industrijali fil-livelli kollha (4); L-UE għandha tappoġġja finanzjarjament lir-reġjuni li jintroduċu miżuri innovattivi għall-ġestjoni ta’ bidliet previsti għall-ġejjieni;

b.

Approċċ komprensiv joffri fuq kollox opportunitajiet kbar fl-iżvilupp ta’ materjali sostenibbli ġodda u jgħin biex jinkisbu l-għanijiet relatati mas-CO2 stabbiliti fl-Istrateġija Ewropa 2020. Approċċ konsistenti għaċ-ċiklu tul il-ħajja diġà jibda fil-fażi ta’ diżinn tal-prodott. Dan ikopri wkoll effetti ambjentalment rilevanti fil-proċess tal-produzzjoni, kif ukoll fil-fażi operattiva u, finalment, ir-riċiklaġġ u/jew l-ipproċessar għall-użu mill-ġdid sussegwenti ukoll (5);

54.

diġà identifika l-bidliet ewlenin meħtieġa għall-politika industrijali u l-investiment neċessarju għall-immodernezzar tal-attività tan-negozju, kif ukoll il-mezzi għall-implimentazzjoni tagħhom. Il-kwotazzjonijiet li ġejjin mill-opinjoni tal-KtR adottata tliet snin ilu juru li dawn l-istess linji gwida għadhom fil-fażi ta’ tħejjija u li l-miżuri tal-UE huma bil-mod wisq biex iwieġbu malajr għall-ħtiġijiet ekonomiċi u ta’ negozju li qed jinbidlu. Il-KtR (6):

a.

jaqbel li hemm bżonn isir progress fl-ispeċjalizzazzjoni intelliġenti biex tiġi promossa l-kompetittività tan-nisġa industrijali, u huwa favur li l-gvernijiet reġjonali u lokali jinkoraġġixxu l-oqsma speċjalizzati tagħhom tal-innovazzjoni. L-ispeċjalizzazzjoni intelliġenti hija l-ħolqa li tgħaqqad il-Komunikazzjoni dwar il-politika industrijali mal-inizjattiva ewlenija “Unjoni tal-Innovazzjoni”;

b.

jaħseb li l-amministrazzjonijiet pubbliċi jistgħu jkunu mutur importanti għall-kompetittività tal-intraprapriżi permezz tal-akkwisti pubbliċi innovattivi;

c.

jaqbel li hemm bżonn urġenti li jsiru riformi strutturali minħabba l-bidliet radikali li jaffettwaw il-kuntest intraprenditorjali;

55.

jenfasizza li l-pass tal-bidla jista’ jiżdied billi jiġu allokati aktar riżorsi lil-livelli lokali u reġjonali. Neħtieġu attivitajiet pijunieri innovattivi u ta’ kwalità għolja kif ukoll replikazzjoni tar-riżultati madwar l-Ewropa. Ir-reġjuni huma lesti biex jibdew jesperimentaw u jwettqu prototipar rapidu, li huwa essenzjali biex jirnexxu;

56.

indika f’għadd ta’ opinjonijiet tiegħu x’għandu jiġi enfasizzat fl-implimentazzjoni. L-eżempji li ġejjin, meħuda mill-opinjoni dwar Orizzont 2020 (7), li l-KtR adotta sentejn ilu, huma rilevanti, fost affarijiet oħra, meta niġu għall-implimentazzjoni tal-Pakkett tal-Politika Industrijali. Il-KtR:

a.

jinnota li l-prodotti ta’ suċċess internazzjonali huma r-riżultat ta’ għarfien espert ta’ livell dinji bbażat fuq ktajjen ta’ valur u ekosistemi. L-Orizzont 2020 għandu jkun jista’ joħloq il-kundizzjonijiet għal ktajjen ta’ innovazzjoni funzjonali. B’hekk biss ikun possibbli li nirreaġixxu għall-isfidi prinċipali tas-soċjetà u l-ħtieġa għar-riġenerazzjoni industrijali;

b.

jenfasizza r-rwol tat-teknoloġiji abilitanti essenzjali f’Orizzont 2020. It-tekonoloġiji m’għandhomx jiġu żviluppati biss fi programmi separati tax-xjenza u t-teknoloġija, imma għandhom ikunu diġà marbutin mill-istadju tar-riċerka u l-iżvilupp mal-ktajjen ta’ valur industrijali u man-netwerks tal-valur globali tal-innovazzjoni, kif ukoll ma’ attivitajiet li jiżviluppaw l-ekosistemi reġjonali u r-raggruppamenti tal-innovazzjoni u li jsaħħu l-għarfien espert.

IV.   RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA SPEĊIFIĊI FIR-RIGWARD TAL-AMBJENT TAN-NEGOZJU

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

57.

jirrikonoxxi li l-ambjent kompetittiv globali nbidel b’mod fundamentali u jeħtieġ li mhux biss jadatta għas-sitwazzjoni iżda jsir ukoll xprun tal-bidla f’ħafna aspetti. Jeħtieġ li l-kompetittività globali fit-tul tan-negozju tal-UE tingħata aktar piż meta jiġi vvalutat ir-regolament eżistenti tal-UE u meta tittieħed deċiżjoni dwar kif għandu jiġi mmirat il-finanzjament tar-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni;

58.

jenfasizza li l-leġislazzjoni tal-UE dwar il-prodotti industrijali tistabbilixxi r-rekwiżiti prinċipali għall-kumpaniji fir-rigward tas-sigurtà, is-saħħa u kwistjonijiet oħra ta’ interess pubbliku. Huwa partikolarment importanti li l-industrija ma tittaqqalx eċċessivament b’bidliet regolatorji frekwenti għalxejn, anzi għandu jkollha mekkaniżmi konkreti mmirati li jiffaċilitaw u jappoġġjaw l-investiment tal-intrapriżi. It-tneħħija kkontrollata tal-ostakli regolatorji hija importanti hekk kif it-teknoloġija tiżviluppa dejjem aktar b’mod mgħaġġel u l-ktajjen ta’ provvista globali jsiru dejjem aktar interkonnessi;

59.

iħeġġeġ lir-reġjuni u l-bliet Ewropej biex joħolqu u jimplimentaw qafas regolatorju li jistimula l-innovazzjoni u l-investiment tal-ICT fl-ekonomija kollha fit-territorji tagħhom. Ir-rwol ristabbilit tal-UE bħala innovatur globali se jniedi ċirku virtuż ta’ żieda fil-produttività, ta’ tkabbir u ħolqien tal-impjiegi;

60.

jirrimarka li l-Kummissjoni wegħdet li tiżgura li r-regolamenti jkunu stabbli fuq perjodu twil u li r-regoli jiġu ssemplifikati b’mod sostanzjali. Dan l-għan jeħtieġ li jingħata prijorità immedjata. Għandhom jitwettqu valutazzjonijiet ta’ impatt bir-reqqa tar-regoli l-ġodda. Fil-prattika, l-istandards tal-UE jservu ta’ mudell fid-dinja kollha, u l-Kummissjoni ser tkompli tippromovi sistema ta’ standards internazzjonali;

61.

għal darba oħra, jitlob lill-Kummissjoni biex tirfina l-kapaċità ta’ analiżi tagħha kif ukoll l-għodda ta’ appoġġ għall-intrapriżi billi tistudja l-possibbiltà li toħloq, kif aċċettat li tagħmel għall-industriji agroalimentari, kategorija ġdida ta’ intrapriżi medji, bejn l-SMEs u l-intrapriżi l-kbar, li jkollhom bejn 250 u 750 ħaddiem u valur tal-bejgħ ta’ anqas minn EUR 200 miljun. Din il-kategorija ta’ intrapriżi tista’ tibbenefika minn rati ta’ appoġġ adatti, ogħla minn dawk għall-intrapriżi l-kbar u inqas minn dawk għall-SMEs (8);

62.

jirrimarka li r-regoli l-ġodda tal-għajnuna mill-istat għar-Regolament għal Eżenzjoni Ġenerali Sħiħa (GBER) u r-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni (RŻI) daħlu fis-seħħ f’Lulju 2014 (9). Ir-regoli l-ġodda jippermettu aktar investiment fir-riċerka u l-innovazzjoni, b’mod speċjali f’raggruppamenti ta’ proġetti kumplessi fuq skala kbira, fejn għan wieħed huwa li jiġi influwenzat sew it-tiġdid industrijali;

63.

jinnota li l-iffaċilitar tal-implimentazzjoni tal-fondi strutturali u ta’ investiment tal-UE, billi jiġi estiż l-ambitu tal-applikazzjoni tar-Regolament għal Eżenzjoni Ġenerali Sħiħa, jirrappreżenta titjib sinifikanti;

64.

jinnota li r-Regolament għal Eżenzjoni Ġenerali Sħiħa jistabbilixxi l-kundizzjonijiet li fihom l-għajnuna mill-istat tiġi eżentata mill-obbligu ta’ notifikazzjoni minn qabel lill-Kummissjoni, u li r-Regolament għal Eżenzjoni Ġenerali Sħiħa jistabbilixxi limiti miżjuda ta’ notifikazzjoni u livelli ogħla ta’ għajnuna, u jintroduċi kategoriji ġodda addizzjonali ta’ għajnuna eżentata bħalma hi l-għajnuna lir-raggruppamenti ta’ innovazzjoni u għajnuna ta’ investiment għall-infrastruttura ta’ riċerka;

65.

jinnota li l-qafas għall-għajnuna mill-istat għar-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni jinkludi għajnuna għall-iżvilupp sperimentali u r-riċerka industrijali, u issa huma possibbli livelli ta’ għajnuna massima ogħla;

66.

jenfasizza li l-istrument IPCEI għal proġetti importanti ta’ interess komuni Ewropew għandu kamp ta’ applikazzjoni estiż lil hinn mir-riċerka u l-iżvilupp li jinkludi l-ewwel skjerament, u l-iskjerament tal-IPCEIs ta’ spiss jirrikjedi parteċipazzjoni sinifikanti mill-awtoritajiet pubbliċi peress li mingħajrha s-suq ma jiffinanzjax dawn il-proġetti;

67.

ifakkar li l-IPCEIs jistgħu jirrappreżentaw kontribut importanti għat-tkabbir ekonomiku, l-impjiegi u l-kompetittività għall-ekonomija u l-industrija tal-UE minħabba l-effetti konsegwenzjali pożittivi fuq is-suq intern u s-soċjetà tal-UE;

68.

jenfasizza li l-Istati Membri u l-industrija għandhom jagħmlu użu sħiħ tal-possibbilitajiet offruti mir-regoli l-ġodda tal-għajnuna mill-istat meta jippromovu l-attività ta’ negozju, it-tiġdid industrijali u l-ħolqien tal-impjieg fl-Ewropa;

69.

jenfasizza li minkejja li jiġu imposti kundizzjonijiet inġusti fuq il-kumpaniji Ewropej li joperaw fi swieq ewlenin emerġenti, il-kumpaniji Ewropej għandhom itejbu l-kapaċità ta’ innovazzjoni u jsiru atturi ewlenin fi ħdan ktajjen ta’ valur f’netwerk li qed jespandu b’mod dinamiku.

Brussell, 3 ta’ Diċembru 2014.

Il-President tal-Kumitat tar-Reġjuni

Michel LEBRUN


(1)  http://portal.cor.europa.eu/europe2020/Pages/MTAR.aspx

(2)  http://portal.cor.europa.eu/europe2020/Documents/2210%20Athens%20declaration%20A5%20indd.pdf

(3)  http://portal.cor.europa.eu/europe2020/Documents/CoR%20Europe%202020%20mid-term%20assessment%20report.pdf

(4)  CdR 2255/2012 fin.

(5)  CdR 1997/2013 fin.

(6)  CdR 374/2010 fin.

(7)  CdR 402/2011 fin.

(8)  Ara l-punt 18 CdR 2255/2012 fin.

(9)  Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 2014/C 188/02 u Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 651/2014.


Top