EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52014IR0090

Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni – Il-pakkett dwar il-Mobilità Urbana

ĠU C 271, 19.8.2014, p. 18–24 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

19.8.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 271/18


Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni – Il-pakkett dwar il-Mobilità Urbana

2014/C 271/04

Relatur

:

Is-Sur Bore (UK/PSE), Membru tal-Kunsill tal-Belt ta’ Birmingham

Dokument ta’ referenza

:

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Lejn mobilità urbana kompetittiva u effiċjenti fl-użu tar-riżorsi – COM(2013) 913 final

A call to action on urban logistics – SWD(2013) 524 final

Targeted action on urban road user safety – SWD(2013) 525 final

A call for smarter urban vehicle access regulations – SWD(2013) 526 final

Mobilising Intelligent Transport Systems for EU cities – SWD(2013) 527 final

I.   PUNTI ĠENERALI

1.

Is-sistemi tat-trasport urban sostenibbli jwasslu għal kwalità tal-ħajja aħjar għaċ-ċittadini Ewropej u huma importanti għall-kompetittività ekonomika tal-bliet, ir-reġjuni u l-Unjoni Ewropea kollha kemm hi. Fil-bliet jgħixu 70 % taċ-ċittadini Ewropej u l-bliet huma ċentri importanti tal-attività ekonomika, fejn jiġi ġġenerat iktar minn 80 % tal-PDG tal-Unjoni.

2.

Il-mobilità urbana u t-trasport urban huma kompetenza tal-awtoritajiet lokali u reġjonali, li huma responsabbli għat-tfassil u l-implimentazzjoni tal-politiki ta’ mobilità urbana u għall-provvediment tat-trasport pubbliku fit-territorju tagħhom. Id-deċiżjonijiet li jridu jittieħdu fuq livell lokali spiss huma marbuta ma’ qafas stabbilit mill-politika nazzjonali u fi ħdan Aġenda Urbana tal-UE ġdida. Fil-fatt, bosta jikkunsidraw l-aġenda għall-Mobilità Urbana bħala komponent tal-aġenda tal-Bliet Intelliġenti.

3.

Il-Kumitat tar-Reġjuni ħareġ rakkomandazzjonijiet ta’ politika fl-Opinjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-mobilità urbana, b’mod partikolari fl-Opinjoni tiegħu dwar il-Green Paper dwar it-Trasport Urban (1), fiż-żewġ Opinjonijiet dwar il-Pjan ta’ Azzjoni dwar il-Mobilità Urbana (2), u fl-Opinjoni dwar il-White Paper “Pjan Direzzjonali għal Żona Unika Ewropea tat-Trasport” (3). Dawn ir-rakkomandazzjonijiet ipproponew politiki ta’ mobilità urbana sostenibbli li jikkunsidraw id-dimensjonijiet ekonomiċi, ambjentali u soċjali.

4.

Fil-Pakkett dwar il-Mobilità Urbana, hemm fehim sħiħ dwar il-prinċipju tas-sussidjarjetà, b’azzjonijiet iffukati meta jkun hemm valur miżjud tal-UE, b’mod partikolari fit-trawwim ta’ kooperazzjoni, l-iskambju tal-aħjar prattika u l-gwida. Hemm ukoll rakkomandazzjonijiet lill-Istati Membri biex jintroduċu miżuri fir-rigward tal-loġistika urbana, ir-regolamenti dwar l-aċċess urban, l-użu tas-soluzzjonijiet tas-sistemi ta’ trasport intelliġenti (STI), u s-sikurezza tat-toroq urbani.

5.

jenfasizza l-importanza ta’ politika tal-Unjoni Ewropea komprensiva dwar iż-żoni urbani fuq il-bażi tal-ideat u s-suġġerimenti espressi fl-Opinjonijiet paralleli u komplementari tal-Kumitat dwar aġenda urbana integrata, dwar l-enfasi tas-Seba’ Programm ta’ Azzjoni Ambjentali fuq il-bliet sostenibbli u dwar il-mobbiltà urbana;

II.   RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Pjani ta’ Mobilità Urbana Sostenibbli (PMUS)

6.

Jenfasizza li għall-iżvilupp urban irid jiġi segwit approċċ sostenibbli u olistiku. Il-problemi ta’ mobilità urbana ma jistgħux jiġu solvuti permezz ta’ approċċ settorjali biss. Għandha tiġi kkunsidrata b’mod partikolari r-rabta bejn id-dimensjoni urbana tal-politika tat-trasport u l-kunċett usa’ tal-ġestjoni tat-territorju, mhux biss biex jitjiebut-trasport u l-infrastruttura urbani iżda wkoll biex tiġi miġġielda l-espansjoni urbana u tiġi kkunsidrata mill-ġdid ir-relazzjoni bejn il-bliet u l-ambjent (urban/rurali) tal-madwar. Għal aktar proposti dwar is-sostenibbiltà, il-KtR jirreferi għall-Opinjoni dwar is-Seba’ Programm ta’ Azzjoni Ambjentali u l-Bliet Sostenibbli (4);

7.

jikkunsidra neċessarju li jkun hemm miżuri (kampanji ta’ sensibilizzazzjoni, inċentivi, eċċ) fil-livell tal-Istati Membri li jistgħu jibdlu l-imġiba tan-nies fil-konfront tal-użu ta’ mezzi ta’ trasport li jużaw inqas enerġija;

8.

jemmen li l-PMUS għandhom ikunu integrati sew mal-politiki tal-użu tal-art. L-iżvilupp ippjanat ħażin li ma jkunx effettivament integrat man-netwerk tat-trasport jirriżulta f’iktar domanda għat-trasport u jwassal għal dipendenza eċċessiva mill-karozza privata għal ħafna vjaġġi;

9.

jaċċetta li l-pjani ta’ mobilità urbana sostenibbli huma strument strateġiku xieraq għall-iżvilupp ta’ dan l-approċċ integrat għall-mobilità urbana li huwa mmirat lejn il-modi u l-forom kollha ta’ trasport fiż-żona funzjonali kollha ta’ belt jew ta’ agglomerazzjoni urbana: dak pubbliku u privat; it-taksis; it-trasport tal-passiġġieri u tal-merkanzija; motorizzat jew le; mobbli jew ipparkjat – li lkoll għandhom jikkunsidraw l-aspetti ta’ mobilità u tal-ġeneru tal-popolazzjoni. It-tfassil ta’ pjani ta’ mobilità urbana sostenibbli għall-bliet kollha tibqa’ talba ewlenija tal-KtR, billi t-tfassil u l-implimentazzjoni tal-pjani ta’ mobilità urbana huma r-responsabbiltà tal-bliet stess;

10.

jiddispjaċih li għalkemm diġà ġew żviluppati pjani ta’ mobilità sostenibbli f’ħafna bliet u wrew li huma bażi eċċellenti għal diskussjoni u għall-implimentazzjoni ta’ miżuri għat-titjib tal-mobilità fiż-żoni urbani, għad m’hemmx definizzjoni komuni fil-livell Ewropew tal-kunċett ta’ pjani ta’ mobilità urbana sostenibbli;

11.

jilqa’ l-fatt li l-Kummissjoni Ewropea involviet b’mod attiv lill-Kumitat tar-Reġjuni fil-proċess tal-valutazzjoni tal-impatt għall-pakkett dwar il-Mobilità Urbana u b’mod partikolari il-fatt li d-DĠ MOVE ikkunsidra t-tħassib ewlieni tal-Kumitat tar-Reġjuni fir-rigward tal-elaborazzjoni ta’ proposta mhux vinkolanti;

12.

Għandu dubji dwar il-proċess li bih il-Kummissjoni għandha l-intenzjoni tiżgura li l-miri u l-miżuri msemmija fil-pakkett dwar il-mobilità urbana jinkisbu sew, meta hija konxja mill-fatt li fit-territorju Ewropew hemm bliet u reġjuni fejn id-definizzjoni u l-implimentazzjoni tal-pjani taż-żoni urbani qegħdin fi stadji differenti ta’ maturità. Dan jista’ jirrigwarda l-mobilità tal-persuni jew miżuri għall-loġistika urbana, ir-regolamentazzjoni u l-monitoraġġ iktar intelliġenti għall-aċċess għaż-żoni urbani, it-twaqqif ta’ sistemi intelliġenti tat-trasport urban u s-sikurezza fuq it-toroq urbani;

13.

jikkunsidra l-kunċett bħala gwida mhux vinkolanti, kif ukoll jiċċara li dan jista’ u għandu jiġu adattat għaċ-ċirkostanzi partikolari tal-Istati Membri u taż-żoni urbani;

14.

jilqa’ l-impenn tal-Kummissjoni li tappoġġja l-iżvilupp u l-promozzjoni ta’ dan il-kunċett, b’mod partikolari l-proposta biex titwaqqaf Pjattaforma Ewropea dwar il-PMUS u l-impenn li jingħata appoġġ lill-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali fl-iżvilupp u l-implimenzzjoni tal-PMUS, inkluż permezz ta’ strumenti ta’ finanzjament. Għandu jkun hemm impenn assolut mill-Kummissjoni Ewropea biex ir-rappreżentanti tal-awtoritajiet lokali u reġjonali jiġu involuti fil-Pjattaforma Ewropea;

15.

iħeġġeġ li l-proposta tal-Kummissjoni għat-twaqqif ta’ Grupp ta’ Esperti tal-Istati Membri dwar il-Mobilità u t-Trasport Urbani tinvolvi wkoll lir-rappreżentanti tal-awtoritajiet lokali jew tal-bliet, biex b’hekk jikkontribwixxu għall-pjattaforma Ewropa proposta;

16.

jitlob li l-PMUS jiġu promossi fil-livell nazzjonali u jħeġġeġ lill-Istati Membri biex iħejju l-bidliet leġislattivi meħtieġa sabiex jiżguraw li jkun hemm il-kundizzjonijiet qafas neċessarji sabiex jippermettu lill-awtoritajiet lokali u reġjonali joħolqu u jimplimentaw b’suċċess strateġiji lokali għall-mobilità urbana;

17.

jindika li l-bliet huma fulkru fejn mezzi differenti jiltaqgħu u fejn normalment il-vjaġġi jibdew u jintemmu. Għaldaqstant għandhom jiġu kkunsidrati bħala parti importanti ħafna u inseparabbli tan-netwerks tat-trasport kollha, u b’konsegwenza, għandha tingħata biżżejjed attenzjoni għall-mobilità urbana;

Regolamenti dwar l-Aċċess tal-Vetturi fiż-Żoni Urbani

18.

jemmen li r-regolamenti dwar l-aċċess urban u t-tariffi għall-utenti tat-toroq jistgħu jkunu strumenti effettivi għall-ġestjoni tal-kompetizzjoni fid-domanda għall-ispazju fit-toroq fil-livell urban u għall-indirizzar ta’ problemi kruċjali bħall-konġestjoni, it-tniġġis u l-espansjoni urbana. Dan huwa konformi mal-prinċipju ta’ min iniġġes iħallas u jikkontribwixxi għal bidla lejn l-użu ta’ modi ta’ trasport aktar sostenibbli;

19.

jinnota li l-prinċipju tas-sussidjarjetà jeħtieġ deċiżjoni tal-awtoritajiet lokali biex jiġu implimentati regolamenti dwar l-aċċess urban u skemi ta’ tariffazzjoni tal-utenti tat-toroq. Jeħtieġ li dawn l-iskemi ikunu adattati għas-sitwazzjonijiet u l-bżonnijiet speċifiċi tal-livell lokali u għalhekk m’hemmx soluzzjoni waħda għal kulħadd. Dan jista’ jsir biss fil-livell lokali mill-awtoritajiet lokali u reġjonali;

20.

jinnota li f’dawn l-aħħar snin ġiet implimentati firxa kbira ta’ skemi madwar l-UE iżda jissuġġerixxi li din l-eteroġeneità kultant tista’ tagħmel l-ivvjaġġar madwar l-Ewropa aktar diffiċli, b’mod partikolari minħabba n-nuqqas ta’ informazzjoni li jeżisti b’mod mifrux dwar kif dak li jkun jikkonforma mad-diversi skemi lokali;

21.

jirrimarka li r-regolament dwar l-aċċess għaż-żoni urbani għandu jkun ibbażat fuq regoli ċari li huma kemm jista’ jkun universali f’termini ta’ għanijiet bħat-tnaqqis tat-traffiku, inqas emissjonijiet ta’ tniġġis u inċentivi li jinkoraġixxu l-użu ta’ mezzi ta’ trasport oħra, iktar sostenibbli;

22.

jaqbel għalhekk, f’dan ir-rigward u skont l-Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni tal-2009 dwar il-Pjan ta’ Azzjoni għall-Mobilità Urbana (5), li jkun hemm livell minimu ta’ armonizzazzjoni u koerenza fil-livell tal-UE, b’mod partikolari fir-rigward tal-kategorizzazzjoni tal-vetturi, il-klassi ta’ emissjoni u s-sinjali tat-toroq; u dan għandu jsir fi sħubija bejn l-awtoritajiet lokali, nazzjonali u tal-UE;

23.

jilqa’ l-proposta tal-Kummissjoni biex trawwem skambju mal-Istati Membri u l-esperti dwar ir-regolamenti dwar l-aċċess urban u biex tipprepara gwida mhux vinkolanti biex tgħin lill-bliet jimplimentaw skemi relatati mar-regolamenti dwar l-aċċess urban b’mod effettiv;

24.

jissuġġerixxi li bis-sistemi ta’ trasport intelliġenti (STI), hemm il-ħtieġa għal standards tekniċi komuni li jiżguraw interoperabbiltà sabiex jiġu evitati ostakli tekniċi ġodda għall-moviment liberu fi ħdan l-UE;

Sikurezza fit-Toroq Urbani

25.

jiddispjaċih li l-għadd ta’ mwiet fit-toroq fl-UE, bi 26  000 każ ta’ mewt fl-2013, jibqa’ inaċċettabilment għoli. Partikolarment inkwetanti huwa l-fatt li l-utenti vulnerabbli tat-toroq, bħall-persuni bil-mixi, iċ-ċiklisti, u b’mod partikolari l-persuni mdaħħlin fl-età, huma l-aktar affettwati. Jinsab partikolarment inkwetat dwar il-fatt li l-għadd ta’ ċiklisti li mietu kompla jiżdied meta mqabbel mal-2010;

26.

jenfasizza l-importanza tas-sikurezza fit-toroq biex tiżgura modi sostenibbli ta’ trasport, bħar-roti u l-mixi u l-impatt pożittiv għall-aġenda tas-saħħa billi aktar nies ikollhom appoġġ biex jagħmlu vjaġġi attivi. Dawn il-kwistjonijiet għandhom ikunu parti integrali mill-PMUS u gwida addizzjonali biex dan iseħħ din tkun ta’ benefiċċju;

27.

iħeġġeġ biex tkun promossa wkoll l-edukazzjoni dwar is-sikurezza fit-toroq għall-individwi, billi hemm relazzjoni diretta bejn l-edukazzjoni dwar is-skurezza fit-toroq u l-aċċidenti tat-traffiku fit-toroq;

28.

ifakkar li l-KtR diġà approva l-għanijiet dwar is-sikurezza fit-toroq stabbiliti fil-White Paper tal-2011 dwar it-Trasport biex, sal-2050, inqarrbu lejn trasport stradali fejn ma jkunx hemm każijiet ta’ mewt, u biex nimmiraw li nnaqqsu bin-nofs l-imwiet fit-toroq sal-2020 meta mqabbel mal-għadd fl-2010;

29.

jirrikonoxxi li l-isforzi biex titjieb is-sikurezza permezz tad-disinn tal-vetturi u l-użu tas-STI, bħas-sistemi ta’ assistenza għas-sewwieq (b’mod speċjali s-soluzzjonijiet V2I u V2 V), se jnaqqsu l-livell ta’ inċidenti iżda jissuġġerixxi li jeħtieġ li jsir aktar mill-awtoritajiet lokali u reġjonali biex jinkoraġġixxu l-użu ta’ vetturi b’disinn aktar sikur, eż. permezz ta’ proċessi ta’ akkwist;

30.

jirrakkomanda li s-soluzzjonijiet ibbażati fuq is-STI għandhom jesploraw ukoll kif il-promozzjoni ta’ bidla reali fl-imġiba tas-sewqan ser tipprovdi gwadann fl-ambjent, is-sikurezza fit-toroq u l-effiċjenza enerġetika;

31.

jilqa’ l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea li tindirizza s-sikurezza tat-toroq urbani fil-qafas tal-pakkett dwar il-mobilità urbana u jinnota li hemm l-impenn tal-Kummissjoni Ewropea li tiġbor u xxerred eżempji ta’ prattika tajba dwar l-ippjanar tas-sikurezza tat-toroq, u biex tanalizza l-miżuri bil-għan li jonqos l-għadd ta’ korrimenti serji tat-traffiku fit-toroq fiż-żoni urbani. Dan m’għandux ikun limitat għas-sentejn li ġejjin, kif ġie suġġerit, iżda għandu jibqa’ għaddej jekk ikun hemm bżonn;

32.

jilqa’ b’sodisfazzjon ir-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea li l-Istati Membri jiżguraw il-ġbir adatt ta’ indikaturi dwar is-sikurezza fit-toroq fl-aktar livell dettaljat possibbli, u jinkoraġġixxi lill-awtoritajiet lokali biex jużaw din id-data biex janalizzaw is-sitwazzjoni fil-livell lokali u għall-ippjanar tas-sikurezza fit-toroq. Huwa rikonoxxut li interventi tal-inġinerija fl-aħħar mill-aħħar għandhom impatt limitat u li, bl-użu ta’ data dwar is-sikurezza fit-toroq, huwa possibbli li jiġu identifikati ċerti komunitajiet li jkunu l-aktar involuti f’ħabtiet tat-traffiku fit-toroq. Dan jippermetti kampanji u programmi ta’ mġiba dwar is-sikurezza fit-toroq aktar iffukati u mmirati;

33.

jenfasizza li, f’konformità mal-prinċipji tas-sussidjarjetà u tal-governanza f’diversi livelli, l-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom ir-responsabbiltà li jfasslu l-politiki dwar is-sikurezza fit-toroq fi ħdan mandat li jiffoka fuq is-soluzzjoni ta’ problemi lokali, adattati għall-kuntest lokali. Il-PMUS jistgħu jkunu strument effettiv biex jiġi promoss approċċ integrat għas-sikurezza fit-toroq fil-livell lokali;

Loġistika Urbana

34.

jenfasizza li r-rwol tal-merkanzija u l-loġistika ma jistax jiġi sottovalutat. Għalkemm il-loġistika urbana tirrappreżenta sehem relattivament żgħir tat-traffiku urban, tieħu ammont konsiderevoli ta’ spazju tat-toroq urbani, eż. għat-tagħbija u l-ħatt, u b’hekk tikkontribwixxi għall-konġestjoni u problemi oħra. Il-vetturi tal-merkanzija urbana jikkontribwixxu wkoll b’mod sproporzjonat għat-tniġġis tal-arja u dak akustiku, u huma ta’ spiss involuti f’inċidenti gravi li jinvolvu utenti vulnerabbli tat-toroq bħall-persuni bil-mixi u ċ-ċiklisti. F’dan ir-rigward, it-titjib tal-loġistika urbana jkollu impatt pożittiv fuq is-sistema tat-trasport urban kollha kemm hi;

35.

jenfasizza li hemm potenzjal sinifikanti fir-rigward tal-introduzzjoni ta’ teknoloġiji ġodda, eż. soluzzjonijiet bi fjuwils alternattivi. Huwa rikonoxxut li l-iżvilupp u l-użu bikri ta’ vetturi b’enerġija nadifa jista’ jkollhom benefiċċji immedjati fil-bliet f’termini tat-tnaqqis tad-dipendenza miż-żejt, kif ukoll benefiċċji għas-saħħa minħabba kwalità tal-arja mtejba u t-tnaqqis tal-istorbju. L-għan tal-White Paper tal-2011 dwar it-Trasport biex niksbu loġistika tal-bliet kważi ħielsa mis-CO2 fiċ-ċentri urbani ewlenin sal-2030 huwa għal darba oħra appoġġjat mill-KtR;

36.

jinnota li, b’mod speċjali għal operaturi ta’ skala iżgħar, is-sostenibbiltà ekonomika tal-introduzzjoni ta’ vetturi iktar nodfa fil-flotta tal-loġistika urbana tista’ tirrikjedi mekkaniżmu ta’ inċentivi bbażati fuq gwadann assoċjat mal-esternalitajiet. F’dan ir-rigward, għandhom jiġu stabbiliti għanijiet kwantitattivi f’dak li għandu x’jaqsam mal-flotot ta’ vetturi pubbliċi u privati;

37.

jilqa’ l-inklużjoni tal-kwistjoni tal-loġistika urbana fil-pakkett dwar il-mobilità urbana, partikolarment billi l-loġistika urbana hija traskurata ħafna fl-ppjanar tat-trasport tal-bliet;

38.

jilqa’ l-impenn tal-Kummissjoni Ewropea li tieħu azzjoni fir-rigward tat-tixrid u l-adozzjoni tal-aħjar prattika tal-loġistika urbana, b’mod partikolari li tipprovdi dokumenti ta’ gwida dwar kif tista’ titjieb il-prestazzjoni loġistika urbana u li tiffaċilita l-akkwist ta’ vetturi iżjed nodfa u sikuri billi tikkunsidra mill-ġdid l-ambitu tal-Portal tal-Vetturi Nodfa (www.cleanvehicle.eu);

39.

jirrikonoxxi li għad hemm nuqqas ta’ data u informazzjoni dwar il-flussi tal-merkanzija biex iż-żoni urbani jiġu megħjuna jippjanaw b’mod iktar effettiv għall-movimenti tal-merkanzija fiż-żona tagħhom. Jekk din id-data u din l-informazzjoni jintrabtu mal-applikazzjonijiet tas-STI, l-awtoritajiet urbani jkunu jistgħu jifhmu aħjar il-bżonnijiet loġistiċi urbani, tittejjeb l-effiċjenza tal-movimenti, u jiġu identifikati rotot aktar adattati għall-vetturi bil-għan li jkun hemm inqas emissjonijiet;

40.

jaċċetta l-pożizzjoni tal-Kummissjoni Ewropea li għandha tingħata kunsiderazzjoni xierqa lil-loġistika urbana fl-approċċi nazzjonali għall-mobilità urbana fi ħdan l-Istati Membri, u b’mod partikolari lill-PMUS;

Sistemi ta’ Trasport Intelliġenti Urban

41.

jirrikonoxxi mill-ġdid il-potenzjal li joffru s-STI fir-rigward tal-ottimizzazzjoni tal-mobilità urbana u fit-tilħiq tal-għanijiet tal-politika, bħal aktar sikurezza u inqas konġestjoni. It-teknoloġiji tal-informazzjoni jaqdu rwol ewlieni billi jappoġġjaw xejriet ġodda ta’ mobilità bbażati fuq l-użu konġunt tal-modi kollha ta’ trasport (eż. informazzjoni dwar l-ivvjaġġar u t-traffiku multimodali fil-ħin reali, sistemi elettroniċi multimodali integrati għall-ħruġ tal-biljetti, u skemi ta’ car sharing u bike sharing);

42.

jiddispjaċih li l-użu tal-applikazzjonijiet tas-STI għadu frammentat ħafna, ikkawżat min-nuqqas kemm tal-interoperabilità kif ukoll ta’ koperazzjoni effettiva. Jaqbel mal-fehma tal-Kummissjoni Ewropea li s-STI jistgħu jirrealizzaw il-potenzjal sħiħ tagħhom biss bl-użu fuq skala wiesgħa madwar l-Ewropa kollha. L-importanza ta’ din il-koerenza u l-interoperabilità tappoġġja l-ivvjaġġar transkonfinali u l-moviment liberu fi ħdan l-UE. Dan japplika wkoll għaż-żoni urbani, li huma ta’spiss nodi importanti fin-netwerk trans-Ewropew tat-trasport;

43.

jitlob sabiex jingħata appoġġ lill-inizjattivi tal-awtorità lokali biex jiġu implimentati s-STI. Jeħtieġ li titħaffef l-introduzzjoni tal-innovazzjonijiet tekniċi u teknoloġiċi li jtejbu l-mobilità, l-effiċjenza, is-sigurtà u l-kwalità tat-trasport f’żoni urbani;

44.

ifakkar li l-Kummissjoni Ewropea diġà bdiet il-ħidma fir-rigward ta’ STI interoperabbli u koerenti, b’mod partikolari l-provvista ta’ qafas legali bid-Direttiva 2010/40/UE (id-Direttiva dwar is-STI) u t-twaqqif ta’ grupp ta’ esperti dwar is-STI urbani, li diġà żviluppa linji gwida għall-użu ta’ applikazzjonijiet ewlenin tas-STI fiż-żoni urbani;

45.

f’dan il-kuntest, jilqa’ l-impenn tal-Kummissjoni Ewropea li tkompli bil-ħidma tagħha f’dan il-qasam u l-intenzjoni tagħha li tissupplimenta l-leġislazzjoni eżistenti dwar l-aċċess għad-data dwar it-traffiku u l-ivvjaġġar, biex tħejji l-ispeċifikazzjonijiet dwar informazzjoni tat-traffiku f’ħin reali u servizzi ta’ informazzjoni multimodali taħt il-qafas tad-Direttiva 2010/40/UEdwar is-STI, u biex tiffaċilita l-varar ta’ sistemi ta’ komunikazzjoni bejn vettura u oħra u bejn il-vetturi u l-infrastruttura fiż-żoni urbani. Madankollu, b’dawn il-kwistjonijiet kollha, il-protezzjoni tad-data u l-kwistjonijiet ta’ privatezza huma prerekwiżiti importanti għall-aċċettazzjoni ta’ dawn is-sistemi u għandhom ikunu rispettati bis-sħiħ;

It-Tibdil fil-Klima, il-Kwalità tal-Arja u t-Tniġġis Akustiku

46.

jiddispjaċih li l-kwistjonijiet tal-kwalità tal-arja u l-klima mhumiex indirizzati b’mod adegwat fil-Komunikazzjoni. Hekk kif it-tibdil fil-klima jkollu impatt, se jiżdied l-għadd ta’ ġranet li fihom is-sistemi tat-trasport jiffaċċjaw sitwazzjonijiet ta’ temp estrem. Jekk ma tittieħed l-ebda miżura biex is-sistemi tat-trasport tagħna jiġu adattati għal dawn l-avvenimenti, huma mistennija aktar tfixkil u spejjeż soċjali u ekonomiċi ogħla;

47.

jenfasizza li, għal ħafna raġunijiet oħra, il-kwalità tal-arja hija kwistjoni ta’ tħassib kbir f’ħafna bliet tal-Ewropa, u, fid-dawl tal-fatt li l-ispiża umana tal-kwalità fqira tal-arja hija agħar minn dik tal-inċidenti tat-traffiku, hija l-ewwel kawża ambjentali ta’ mwiet prematuri fl-UE. Għandha impatt ukoll fuq il-kwalità tal-ħajja minħabba problemi li jirriżultaw mill-ażżma jew problemi respiratorji oħra. It-tniġġis tal-arja jikkawża telf ta’ ġranet ta’ xogħol u spejjeż kbar fil-qasam tal-kura tas-saħħa, u l-aktar milquta huma gruppi vulnerabbli bħat-tfal, l-ażżmatiċi u l-persuni mdaħħlin fl-età. Huwa ta’ ħsara għall-ekosistemi minħabba t-tniġġis tan-nitroġenu żejjed (l-ewtrofikazzjoni) u x-xita aċiduża. L-ispejjeż diretti tat-tniġġis tal-arja għas-soċjetà, inkluża l-ħsara fl-uċuħ tar-raba’ u l-bini, jammontaw għal madwar EUR 23 biljun fis-sena, u l-ispejjeż esterni minħabba l-impatt fuq is-saħħa biss huma stmati għal EUR 330-940 biljun (bejn 3-9 % tal-PDG tal-UE);

48.

jinnota li, minħabba ksur tal-limiti tas-saħħa għall-NO2 stabbiliti mill-UE, ħafna gvernijiet tal-Istati Membri potenzjalment qed jiffaċċjaw proċedimenti legali ta’ ksur mill-Kummissjoni Ewropea, bil-possibbiltà ta’ multi sostanzjali li jistgħu jiġu mgħoddija lill-awtoritajiet lokali u l-entitajiet pubbliċi li fihom ma tteħditx azzjoni xierqa skont is-setgħat tagħhom. Dan madankollu jeħtieġ illi jiġi amministrat b’attenzjoni. Fl-istess ħin deher ċar li l-ksur fil-livell lokali huwa spiss minħabba, fost affarijiet oħra, politika nazzjonali u Ewropea mhux adatta għall-indirizzar tal-problemi mill-bidu nett. Hemm bżonn ta’ approċċ f’diversi livelli, fejn kull livell ta’ governanza (Ewropew, nazzjonali, reġjonali u lokali) jassumi r-responsabbiltà tiegħu u jadotta l-miżuri li jistgħu u għandhom jiġu adottati fil-livell tiegħu;

49.

jissuġġerixxi li d-diversi elementi tal-PMUS ilkoll jistgħu jikkontribwixxu biex jindirizzaw il-kwalità tal-arja. Is-STI jwasslu għal movimenti iktar effiċjenti tat-trasport. Il-ġestjoni aħjar tal-loġistika urbana tnaqqas l-istorbju u l-konġestjoni u ttejjeb l-effiċjenza tal-vjaġġi; ir-regolamenti dwar l-aċċess urban tal-vetturi jistgħu jintużaw biex jipprojbixxu vetturi li jniġġsu żżejjed u jħeġġu l-użu ta’ vetturi iżjed silenzjużi b’emissjonijiet baxxi ħafna; u, permezz ta’ miżuri tas-sikurezza fit-toroq, tista’ tiġi mħeġġa mġiba aħjar fis-sewqan li għandha tgħin sabiex jonqsu l-emissjonijiet globali filwaqt li jonqsu l-għadd ta’ inċidenti fin-netwerk tat-trasport u l-konġestjoni li ta’ spiss iġibu magħhom. Programmi bħaċ-Civitas jew l-Ecostars huma eżempji tajbin ta’ dan;

50.

jemmen li l-miżuri inklużi fil-PMUS għandhom iżidu l-għadd ta’ nies bil-mixi, u li jsuqu r-roti u jużaw it-trasport pubbliku, u b’hekk jitnaqqsu mhux biss l-emissjonijiet u l-istorbju mit-traffiku tal-vetturi iżda jkun hemm ukoll aċċessibilità aħjar għal kulħadd, titjib fl-ugwaljanza fis-sistema tat-trasport, kif ukoll żieda fl-attività fiżika u t-titjib tas-saħħa pubblika;

51.

ifakkar li l-leġislazzjoni eżistenti tal-UE dwar il-kwalità tal-arja, l-istorbju u t-tassazzjoni tal-vetturi qed tiġi riveduta bħalissa u jħeġġeġ li dawn isiru konsistenti mal-ispirtu ta’ din il-Komunikazzjoni;

52.

jemmen li huwa importanti li l-bliet esposti għar-riskju ta’ tniġġis akustiku jkollhom pjan ta’ tqassim f’żoni tal-istorbju, li bih jiġi kklassifikat it-territorju skont il-livell massimu ta’ tniġġis akustiku permess u li fih ikunu stabbiliti żoni urbani u suburbani b’impatt ta’ storbju minimu speċjalment ħdejn parks, skejjel, sptarijiet u residenzi protetti għall-persuni mdaħħlin fl-età;

53.

għaldaqstant, jitlob li t-tħassib dwar it-tniġġis tal-arja u dak akustiku jissarraf f’azzjonijiet permezz tal-PMUS, kemm mill-UE kif ukoll mill-Istati Membri;

It-tisħiħ tal-appoġġ tal-UE

54.

jilqa’ l-impenn tal-Kummissjoni Ewropea biex issaħħaħ l-appoġġ tal-UE għall-mobilità urbana sostenibbli fl-oqsma tal-kooperazzjoni, l-esperjenza u l-iskambju tal-aħjar prattiki, ir-riċerka u l-innovazzjoni, l-appoġġ finanzjarju u l-kooperazzjoni internazzjonali;

55.

B’mod partikolari, jilqa’ l-intenzjoni li jittejjeb l-Osservatorju eżistenti tal-Mobilità Urbana ELTIS billi jiġi integrat il-portal attwali tal-Pjani dwar il-Mobilità u billi dan jiġi żviluppat f’ċentru tal-għarfien komprensiv. Dan ser jikkonsolida l-informazzjoni dwar l-ippjanar tat-trasport urban minn madwar l-UE u jżid mal-Pjattaforma Ewropea ppjanata dwar il-PMUS, u b’hekk jipprovdi lill-awtoritajiet lokali u reġjonali bl-għodod neċessarji sabiex japplikaw il-PMUS b’suċċess;

56.

japprova l-proposta biex tiġi żviluppata Tabella ta’ Valutazzjoni dwar il-Mobilità Urbana, proposta għall-ewwel darba fil-White Paper tal-2011 dwar it-Trasport, bil-għan li tipprovdi indikaturi armonizzati bħala riferiment u biex jitqabbel il-progress taż-żoni urbani madwar l-UE;

57.

jissuġġerixxi, madankollu, li kwalunkwe tabella ta’ valutazzjoni teħtieġ li tkun żviluppata b’attenzjoni sabiex jiġi żgurat li ma ssirx sempliċi sistema ta’ klassifikazzjoni. It-Tabelli ta’ Valutazzjoni tal-Mobilità Urbana għandhom bżonn ikunu “speċifiċi għall-belt” biex jistabbilixxu bażi marbuta maż-żmien, biex b’hekk jinkludu għadd ta’ indikaturi ewlenin (pereżempju l-qasma modali (modal split), l-aċċessibbiltà, il-vetturi effiċjenti fl-użu tal-karburanti, il-kwalità tal-arja u s-saħħa). Applikazzjonijiet sussegwenti tal-finanzjament tal-UE jeħtieġ li jkunu marbuta b’mod speċifiku ma’ kif il-proġett jew l-iżvilupp se jtejjeb/ikollu impatt fuq il-bażi ta’ punteġġ u t-tabelli ta’ valutazzjoni għandhom jiġu riveduti annwalment;

58.

jirreferi għall-piż qawwi fuq il-bliet minħabba ż-żieda fl-għadd ta’ vetturi. Is-servizzi ta’ car sharing żviluppati f’xi bliet fl-Ewropa jistgħu jtaffu s-sitwazzjoni b’mod konsiderevoli. Madanakollu, s’issa dan mhux qed jiżviluppa b’mod uniformi fil-pajjiżi Ewropej għalkemm il-proġett Ewropew MOMO wera potenzjal kbir. Il-Kummissjoni għandha ddaħħal il-mudell ta’ qsim (bħall-bike sharing, car sharing, car pooling) b’mod ċar fl-istrateġiji tagħha;

59.

iħeġġeġ li l-appoġġ finanzjarju għall-mobilità urbana sostenibbli permezz tal-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej ikun imsejjes fuq il-gwida li l-Kummissjoni Ewropea tipprovdi lill-awtoritajiet lokali u reġjonali dwar kif il-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej jistgħu jintużaw b’mod aktar sistematiku għall-finanzjament ta’ pakketti integrati ta’ miżuri fil-qasam tal-mobilità urbana, inkluż permezz ta’ strumenti ġodda bħall-Investimenti Territorjali Integrati. Barra min dan, hemm bżonn ta’ gwida dwar kif għandhom jiġu żviluppati l-Pjani dwar il-Mobilità biex juru li dawn joffru valur għall-flus għall-investimenti u jisfruttaw is-sinerġiji ma’ possibbiltajiet oħra ta’ finanzjament tal-UE bħall-Orizzont 2020;

60.

jilqa’ b’sodisfazzjon l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tagħti aktar attenzjoni lill-bliet iż-żgħar u medji li jaqdu rwol fundamentali fis-sistema urbana Ewropea kollha kemm hi. Barra minn hekk, dawn il-bliet għandhom potenzjal kbir minħabba l-vantaġġi soċjali, ambjentali u istituzzjonali li jgawdu b’rabta mad-daqs iżgħar tagħhom. Il-problemi marbutin mal-mobilità urbana mhumiex fenomenu li jolqot esklużivament lill-bliet metropolitani l-kbar, u l-bliet iż-żgħar u medji jridu saħansitra jiffaċċjaw diffikultajiet akbar biex jiffinanzjaw proġetti għat-titjib tal-mobilità urbana, minħabba l-ispejjeż għoljin u inqas ekonomiji ta’ skala;

61.

jissuġġerixxi li hemm argumenti sodi biex il-PMUS jintrabtu mal-azzjonijiet tal-bliet tal-UE fi ħdan il-Patt tas-Sindki. L-impenn volontarju tal-bliet għall-Patt tas-Sindki jista’ jkun mudell validu għall-promozzjoni tal-użu tal-PMUS;

62.

jirrimarka li f’ħafna bliet, speċjalment fl-Istati Membri l-ġodda, il-bidliet ekonomiċi u soċjali wasslu għal bidla radikali fil-funzjoni ta’ żoni urbani partikolari u għalhekk bidliet fundamentali fil-fluss ta’ trasport. Dawn il-bidliet jeħtieġu rikostruzzjoni komprensiva u bi spiża għolja ta’ kull tip ta’ infrastruttura tat-trasport. Huwa għalhekk li għal dawn il-bliet huwa essenzjali li l-ewwel tiġi indirizzata – u appoġġjata mill-Fondi Ewropej Strutturali u ta’ Investiment – ir-rikostruzzjoni ta’ din l-infrastruttura essenzjali biex issir operattiva u adegwata. L-appoġġ tal-Fondi Ewropej Strutturali u ta’ Investiment għaldaqstant m’għandux ikun limitat għall-konnessjoni għan-netwerks TEN-T, iżda għandu jkun jista’ jiffinanzja l-komunikazzjonijiet u l-infrastruttura lokali għall-pubbliku u mezzi ta’ trasport alternattiv li jikkontribwixxi sew għall-mobilità urbana;

63.

jemmen li, jekk il-PMUS jitfasslu skont linji gwida tal-UE, allura wieħed jista’ jassumi li huma msawra fuq il-ħtiġijiet tal-mobilità taċ-ċittadini lokali, bl-appoġġ tal-partijiet interessati lokali u x-xiri sfurzat mill-politiċi lokali. Il-Pjani ta’ Mobilità Urbana Sostenibbli jistgħu jiżguraw li l-flus jiġu integrati fi kwistjonijiiet ta’ pprogrammar u ppjanar usa’ li jibbenefikaw minn impenn politiku fil-livell lokali;

64.

jappoġġja l-idea li l-allokazzjoni tal-fondi ta’ koeżjoni u dawk għall-iżvilupp rurali jkunu kkoordinati billi l-bliet u r-reġjuni joħorġu ċertifikat tal-Awditjar tal-Prestazzjoni u s-Sostenibbiltà tal-Mobilità Urbana li jkun koerenti u vvalidat indipendentement.

Brussell, 25 ta’ Ġunju 2014

Il-President tal-Kumitat tar-Reġjuni

Ramón Luis VALCÁRCEL SISO


(1)  CdR 236/2007 fin.

(2)  CdR 417/2008 fin; CdR 256/2009 fin.

(3)  CdR 101/2011 fin.

(4)  COR-2013-07987

(5)  CdR 256/2009 fin.


Top