This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52014IP0100
European Parliament resolution of 6 February 2014 on the situation in Egypt (2014/2532(RSP))
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-6 ta' Frar 2014 dwar is-sitwazzjoni fl-Eġittu (2014/2532(RSP))
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-6 ta' Frar 2014 dwar is-sitwazzjoni fl-Eġittu (2014/2532(RSP))
ĠU C 93, 24.3.2017, p. 113–117
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
24.3.2017 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 93/113 |
P7_TA(2014)0100
Is-sitwazzjoni fl-Eġittu
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-6 ta' Frar 2014 dwar is-sitwazzjoni fl-Eġittu (2014/2532(RSP))
(2017/C 093/19)
Il-Parlament Ewropew,
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-Eġittu, partikolarment dik tat-12 ta' Settembru 2013 dwar is-sitwazzjoni fl-Eġittu (1), |
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta' Ottubru 2013 dwar “il-Politika Ewropea tal-Viċinat: ħidma favur sħubija aktar b'saħħitha. Il-pożizzjoni tal-PE dwar ir-rapporti ta' progress 2012”. (2), |
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta' Mejju 2013 dwar l-irkupru tal-beni mill-pajjiżi tar-Rebbiegħa Għarbija fi tranżizzjoni (3), |
— |
wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-Viċi President/Rappreżentant Għoli Catherine Ashton tal-24 ta' Jannar 2014 dwar l-attakki vjolenti riċenti fl-Eġittu, tad-19 ta' Jannar 2014 dwar ir-referendum kostituzzjonali fl-Eġittu, tal-11 ta' Jannar 2014 dwar is-sitwazzjoni fl-Eġittu qabel ir-referendum kostituzzjonali, tal-24 ta' Diċembru 2013 dwar il-karozzi bomba f'Mansoura, fl-Eġittu, u tat-23 ta' Diċembru 2013 dwar l-għoti tas-sentenzi lill-attivisti politiċi fl-Eġittu, |
— |
wara li kunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tat-8 ta' Frar 2013 dwar ir-Rebbiegħa Għarbija; |
— |
wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Affarijiet Barranin tat-22 ta' Lulju u tal-21 ta' Awwissu 2013 dwar l-Eġittu, |
— |
wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Assoċjazzjoni UE-Eġittu tal-2001, li daħal fis-seħħ fl-2004, u li ssaħħaħ bil-Pjan Ta' Azzjoni tal-2007, u r-rapport ta' progress tal-20 ta' Marzu 2013 tal-Kummissjoni dwar l-implimentazjoni tiegħu, |
— |
wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948, |
— |
wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi tal-1966, li tiegħu l-Eġittu huwa parti kontraenti, |
— |
wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Kostituzzjonali maħruġa mill-Eġittu fit-8 ta' Lulju 2013, li tipproponi pjan direzzjonali għal emendi kostituzzjonali u elezzjonijiet ġodda, |
— |
wara li kkunsidra l-Kostituzzjoni tal-Eġittu, abbozzata mill-Kumitat Kostituzzjonali u adottata b'referendum tal-14 u l-15 ta' Jannar 2014, |
— |
wara li kkunsidra l-“Programm ta' Appoġġ għat-Triq Lejn id-Demokrazija” tal-Gvern interim tal-Eġittu, |
— |
wara li kkunsidra l-Liġi 107 tal-Eġittu tal-24 ta' Novembru 2013 dwar id-Dritt ta' Laqgħat Pubbliċi, Purċissjonijiet u Dimostrazzjonijiet Paċifiċi, |
— |
wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, |
A. |
billi fl-1 ta' Diċembru 2013 il-President interim Adly Mansour approva l-kostituzzjoni l-ġdida tal-Eġittu li sar qbil dwarha fil-Kumitat Kostituzzjonali magħmul minn 50 espert inkluż firxa wiesgħa ta' rappreżentanti politiċi u reliġjużi iżda mingħajr ebda rappreżentant tal-Aħwa Musulmani; |
B. |
billi fl-14 u l-15 ta' Jannar 2014 sar ir-referendum dwar il-kostituzzjoni, fejn ħarġu jivvutaw 38,6 % u l-appoġġ għall-kostituzzjoni kien ta' 98,1 %; billi l-fażi ta' qabel ir-referendum ġiet mgħarrqa b'atti ta' vjolenza u bil-fastidju u l-arrest ta' attivisti li kienu qed jipparteċipaw f'kampanji għal vot “kontra”, li wassal għal dibattitu politiku minn naħa waħda biss qabel ir-referendum; billi skont dikjarazzjoni tal-Viċi President/Rappreżentant Għoli Catherine Ashton “filwaqt li l-UE mhijiex f'pożizzjoni li tagħmel valutazzjoni bir-reqqa ta' kif tmexxa r-referendum jew li tivverifika l-irregolaritajiet allegati, dawn ma jidhrux li affettwaw b'mod fundamentali r-riżultat”; |
C. |
billi l-kostituzzjoni l-ġdida tal-Eġittu għandha ħafna elementi pożittivi fl-oqsma tal-libertajiet fundamentali u d-drittijiet tal-bniedem, il-protezzjoni tal-minoranzi u d-drittijiet tan-nisa b'mod partikulari, iżda tinkludi wkoll artikoli li jeżentaw lill-forzi armati mill-iskrutinju ċivili, u l-baġit tagħhom mill-iskrutinju parlamentari, u jippermettu lill-imħallfin militari jisimgħu kawżi ta' persuni ċivili, filwaqt li artikolu ieħor jirrestrinġi l-libertà tal-fidili tar-reliġjonijiet Abraħamiċi milli jipprattikaw ritwali reliġjużi u li jwaqqfu postijiet ta' qima; |
D. |
billi t-tensjonijiet politiċi u l-polarizzazzjoni fil-fond tas-soċjetà għadhom qed jipprovokaw attakki terroristiċi u ġlied vjolenti fl-Eġittu; billi minn Lulju 2013 'l hawn aktar minn elf ruħ tilfu ħajjithom u ħafna oħrajn sfaw midruba fil-ġlied bejn id-dimostranti u l-forzi tas-sigurtà u bejn dawk li jappoġġjaw u dawk li jopponu lill-ex-President Morsi; billi ġie rrappurtat li l-forzi tas-sigurtà użaw forza eċċessiva kontra d-dimostranti u eluf ġew arrestati u miżmuma, filwaqt li għadha tipprevali l-prattika tal-impunità; billi fit-12 ta' Novembru 2013 ġie rrevokat l-istat ta' emerġenza fil-pajjiż; |
E. |
billi d-dikjarazzjoni kostituzzjonali tat-8 ta' Lulju 2013 iddefinixxiet pjan direzzjonali politiku għall-Eġittu; billi, kuntrarju għall-pjan direzzjonali, il-President interim Eġizzjan Adly Mansour minn dakinhar 'l hawn talab li l-ewwel isiru l-elezzjonijiet presidenzjali; billi l-programm tal-gvern interim afferma l-impenn tiegħu li jaħdem sabiex tinbena sistema demokratika li tiggarantixxi d-drittijiet u l-libertajiet tal-Eġizzjani kollha, u li jitlesta dan il-pjan direzzjonali bil-parteċipazzjoni sħiħa tal-atturi politiċi kollha u referendum dwar il-kostituzzjoni l-ġdida, li jkun segwit minn elezzjonijiet parlamentari u presidenzjali liberi u ġusti li għandhom isiru fiż-żmien dovut skont ir-regoli leġiżlattivi kollha; |
F. |
billi l-ksur tal-libertajiet fundamentali u tad-drittijiet tal-bniedem għadhom mifruxa fl-Eġittu; billi l-vjolenza, t-tixwix u l-fastidju kontra l-avversarji politiċi, il-ġurnalisti u l-attivisti tas-soċjetà ċivili komplew jintensifikaw aktar fiż-żmien ta' qabel ir-referendum; billi ħafna attivisti politiċi u tas-soċjetà ċivili, fosthom Alaa Abdel Fattah, Mohamed Abdel miċ-Ċentru Eġizzjan għad-Drittijiet Ekonomiċi u Soċjali, il-mexxejja tal-moviment 6 ta' April Ahmed Maher u Ahmed Douma, kif ukoll membri ta' diversi partiti politiċi, ġew arrestati u ssentenzjati matul dawn l-aħħar ġimgħat; billi fit-12 ta' Jannar 2014 il-Kunsill Nazzjonali Eġizzjan għad-Drittijiet tal-Bniedem ħareġ rapport wara li żar lill-attivisti prominenti msemmija qabel fil-ħabs ta' Tora, u kkritika il-kundizzjonijiet ta' detenzjoni tagħhom u appella sabiex it-trattament ħażin tagħhom jintemm; billi l-Kumitat għall-Protezzjoni tal-Ġurnalisti rrapporta li minn Lulju 2013 'il hawn inqatlu mill-inqas ħames ġurnalisti u ġew attakkati 45, 11-il post li jxandar l-aħbarijiet ġew irrejdjati, u mill-inqas 44 ġurnalist ġew arrestati mingħajr akkuża bi proċeduri twal ta' qabel il-proċessi; billi fid-29 ta' Jannar 2014, 20 ġurnalist tal-Al-Jazeera, li minnhom tmienja issa jinsabu arrestati u tlieta huma Ewropej, ġew akkużati li jappartienu għal “organizzazzjoni terroristika” jew li qed “ixerrdu aħbarijiet foloz”; |
G. |
billi l-Aħwa Musulmani ripetutament irrifjutaw li jipparteċipaw fil-proċess politiku mħabbar mill-gvern interim u sejħu bojkott tar-referendum, filwaqt li għadd ta' mexxejja tagħhom għadhom ixewxu għall-vjolenza kontra l-awtoritajiet tal-istat u l-forzi tas-sigurtà; billi l-awtoritajiet interim Eġizzjani pprojbixxew lill-Aħwa Musulmani, xeħtu lill-mexxejja tagħhom il-ħabs, ħatfu l-beni tagħhom, għalqulhom il-mezzi tal-midja tagħhom, u kkriminalizzaw is-sħubija magħhom, filwaqt li l-Partit tal-Libertà u l-Ġustizzja tal-moviment għadu jeżisti; billi l-ex-President Morsi ilu miżmum mit-3 ta' Lulju 2013 u issa qed jiffaċċja akkużi kriminali multipli; |
H. |
billi l-libertajiet fundamentali u d-drittijiet tal-bniedem, kif ukoll il-ġustizzja soċjali u standard ogħla tal-għajxien għaċ-ċittadini, huma dimensjonijiet kruċjali tat-tranżizzjoni lejn soċjetà Eġizzjana miftuħa, ħielsa, demokratika u prospera; billi t-trejdjunjins indipendenti u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili għandhom irwol kruċjali f'dan il-proċess, u l-midja ħielsa jiffurmaw parti kruċjali mis-soċjetà fi kwalunkwe demokrazija; billi n-nisa Eġizzjani għadhom f'sitwazzjoni partikolarment vulnerabbli fiż-żmien attwali ta' tranżizzjoni politika u soċjali fil-pajjiż; |
I. |
billi t-tensjonijiet bejn il-Ġiħadisti u l-Insara Kopti fl-Eġittu żdiedu mindu tneħħa mis-setgħa l-President Morsi s-sajf li għadda u wasslu għall-qirda ta' għexieren ta' knejjes tal-Insara Kopti; billi fl-Eġittu fl-2013 seħħew l-akbar għadd ta' inċidenti li kienu jinvolvu l-Insara fid-dinja, u kien hemm tal-anqas 167 każ irrappurtat fil-midja; billi kien hemm kważi 500 attentat sabiex jingħalqu jew jinqerdu knejjes fil-pajjiż u tal-anqas 83 każ ta' qtil ta' Nsara b'motivazzjoni reliġjuża; |
J. |
billi s-sitwazzjoni tas-sigurtà kompliet tiħżien u fis-Sinaj komplew jintensifikaw l-atti ta' terroriżmu u l-attakki vjolenti kontra l-forzi tas-sigurtà; billi, skont id-dejta uffiċjali, tal-anqas 95 ħaddiem tas-sigurtà tilfu ħajjithom f'attakki vjolenti mit-30 ta' Ġunju 2013 'l hawn; |
K. |
billi f'din iż-żona eluf ta' persuni, l-aktar refuġjati mill-Eritrea u s-Somalja, fosthom ħafna nisa u tfal, qed jitilfu ħajjithom, jgħibu, jinħatfu u jinżammu ostaġġi għall-iskop ta' ħlas ta' fidwa, jiġu ttorturati, sfruttati sesswalment jew maqtula għall-kummerċ tal-organi minn traffikanti tal-bnedmin; |
L. |
billi l-Liġi 107 tal-24 ta' Novembru 2013 dwar id-Dritt ta' Laqgħat Pubbliċi, Purċissjonijiet u Dimostrazzjonijiet Paċifiċi pprovokat kritika mifruxa u qawwija fl-Eġittu u barra mill-Eġittu; billi l-Viċi President/Rappreżentant Għoli Catherine Ashton, fl-istqarrija tagħha tat-23 ta' Diċembru 2013, qalet li din il-liġi kienet meqjusa minn ħafna li tirrestrinġi b'mod eċċessiv il-libertà tal-espressjoni u tal-assemblea; billi ħafna protesti paċifiċi ġew sfrattati u ħafna dimostranti ġew arrestati u miżmuma skont din il-liġi matul dawn l-aħħar ġimgħat; |
M. |
billi l-ekonomija tal-Eġittu tinsab f'diffikultà kbira; billi mill-2011 'l hawn ir-rata tal-qgħad żdiedet u r-rati tal-faqar marru għall-agħar; billi l-prosperità ekonomika fil-pajjiż tirrikjedi stabilità politika, politiki ekonomiċi sodi, azzjoni biex tiġi miġġielda l-korruzzjoni, u appoġġ internazzjonali; billi l-iżviluppi politiċi, ekonomiċi u soċjali fl-Eġittu għandhom implikazzjonijiet sinifikanti fuq ir-reġjun kollu u lil hinn minnu; |
N. |
billi, f'konformità mal-Politika Ewropea tal-Viċinat rieżaminata tagħha, u b'mod partikolari l-approċċ “aktar għal aktar”, il-livell u l-ambitu tal-involviment tal-UE mal-Eġittu huwa bbażat fuq l-inċentivi u għalhekk dipendenti mill-progress fir-rigward ta' kemm il-pajjiż jirrispetta l-impenji tiegħu, inklużi dawk dwar id-demokrazija, l-istat tad-dritt, id-drittijiet tal-bniedem u l-ugwaljanza bejn is-sessi; |
1. |
Jesprimi mill-ġdid is-solidarjetà qawwija tiegħu mal-poplu Eġizzjan u jkompli jappoġġja l-aspirazzjonijiet demokratiċi leġittimi tiegħu u l-isforzi biex jassigura tranżizzjoni demokratika paċifika lejn riformi politiċi, ekonomiċi u soċjali; |
2. |
Jikkundanna bil-qawwa kull att ta' vjolenza, terroriżmu, tixwix, fastidju, diskors ta' mibegħda u ċensura; iħeġġeġġ lill-atturi politiċi kollha u lill-forzi tas-sigurtà juru l-akbar rażna u jevitaw il-provokazzjoni, bil-għan li jevitaw aktar vjolenza fl-aħjar interessi tal-pajjiż; jestendi l-kondoljanzi sinċieri tiegħu lill-familji tal-vittmi; |
3. |
Iħeġġeġ lill-awtoritajiet interim tal-Eġittu u lill-forzi tas-sigurtà tagħha jiżguraw is-sigurtà taċ-ċittadini kollha, huma x'inhuma l-fehmiet politiċi tagħhom, l-affiljazzjoni jew il-professjoni ta' twemmin tagħhom, jiddefendu l-istat tad-dritt u jirrispettaw id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, iħarsu il-libertà ta' assoċjazzjoni, il-libertà ta' assemblea paċifika, il-libertà ta' espressjoni u l-libertà tal-istampa, jimpenjaw ruħhom għad-djalogu u n-non-vjolenza, u jirrispettaw u jwettqu l-obbligi internazzjonali tagħhom; |
4. |
Jieħu nota tal-Kostituzzjoni l-ġdida tal-Eġittu, approvata permezz tar-referendum li sar fl-14 u l-15 ta' Jannar 2014, li għandu jkun pass importanti 'l quddiem fit-tranżizzjoni mwegħra tal-pajjiż lejn id-demokrazija; jilqa' r-referenza li tagħmel il-kostituzzjoni l-ġdida tal-Eġittu għal gvern ċivili, il-libertà tat-twemmin u l-ugwaljanza taċ-ċittadini kollha, inklużi t-titjib tad-drittijiet tan-nisa, id-dispożizzjoni dwar id-drittijiet tat-tfal, il-projbizzjoni tat-tortura fis-suriet u l-manifestazzjonijiet kollha tagħha, il-projbizzjoni u l-kriminalizzazzjoni ta' kull sura ta' skavitù u l-impenn li l-Eġittu joqgħod għat-trattati internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem li tagħhom l-Eġittu huwa firmatarju; jappella għall-implimentazzjoni sħiħa u effikaċi tad-dispożizzjonijiet dwar il-libertajiet fundamentali – inklużi l-libertà tal-assemblea, il-libertà ta' assoċjazzjoni u l-libertà ta' espressjoni – u d-drittijiet tal-bniedem fil-kostituzzjoni l-ġdida kif ukoll sabiex il-leġiżlazzjoni eżistenti u futura kollha f'dawn l-oqsma tkun konformi ma' din l-istess kostituzzjoni; |
5. |
Jesprimi, madankollu, it-tħassib tiegħu dwar ċerti artikoli fil-kostituzzjoni l-ġdida, speċjalment fir-rigward ta' dawk relatati mal-istatus tal-forzi armati, inklużi dawn li ġejjin: l-Artikolu 202, li jiddikjara li l-Ministru tad-Difiża, li huwa wkoll il-Kap Kmandant, għandu jinħatar minn fost l-uffiċjali tal-forzi armati; l-Artikolu 203 dwar il-baġit tal-forzi armati; l-Artikolu 204 li jippermetti li nies ċivili jiġu mismugħa f'ġurijiet minn imħallfin militari f'każijiet ta' reati ta' attakki diretti fuq installazzjonijiet militari, żoni militari, tagħmir militari, dokumenti u sigrieti militari, fondi pubbliċi tal-forzi armati, fabbriki militari, u persunal militari, kif ukoll f'każijiet ta' reati li jikkonċernaw is-servizz militari; u l-Artikolu 234 li jiddikjara li l-Ministru tad-Difiża għandu jinħatar fuq l-approvazzjoni tal-Kunsill Suprem tal-Forzi Armati, dispożizzjoni li għandha tibqa' fis-seħħ għal żewġ mandati presidenzjali sħaħ, mingħajr ebda indikazzjoni dwar kif u minn min jista' l-ministru jitneħħa mill-kariga; |
6. |
Jenfasizza l-fatt li r-referendum dwar il-kostituzzjoni ikkostitwixxa opportunità biex jinbena l-kunsens nazzjonali, ir-rikonċiljazzjoni u l-istabbiltà istituzzjonali u politika għall-pajjiż; jieħu nota tal-maġġoranza ferm kbira li appoġġjat il-kostituzzjoni l-ġdida, ir-rata relattivament baxxa ta' dawk li ħarġu jivvutaw u r-rapporti ta' allegati irregolaritajiet waqt il-votazzjoni; jiddispjaċih ħafna minħabba l-ġlied vjolenti li kien hemm qabel, waqt u wara r-referendum, li wassal għal imwiet u korrimenti; |
7. |
Jikkundanna l-atti kollha ta' vjolenza u intimidazzjoni, u jappella lill-atturi kollha u lill-forzi tas-sigurtà juru rażan, bil-għan li jevitaw li aktar persuni jinqatlu jew jindarbu u li dan ikun fl-aħjar interessi tal-pajjiż; iħeġġeġ lill-gvern interim Eġizzjan jiżgura li jsiru investigazzjonijiet fil-pront, indipendenti, serji u imparzjali fil-każijiet kollha bħal dawn u li dawk li kkommettew dawn l-atti jinżammu responsabbli; ifakkar lill-gvern interim fir-responsabilità tiegħu li jiżgura s-sigurtà taċ-ċittadini Eġizzjani kollha, huma x'inhuma l-fehmiet politiċi jew affiljazzjoni reliġjuża tagħhom, kif ukoll l-esiġenza imparzjali li dawk responsabbli għall-vjolenza, it-tixwix għall-vjolenza, jew l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem jagħtu kont ta' għemilhom; |
8. |
Jenfasizza għal darb'oħra li r-rikonċiljazzjoni u l-proċess politiku inklużiv immexxi minn persuni ċivili, bis-sehem tal-atturi politiċi demokratiċi kollha, huma elementi kruċjali tat-tranżizzjoni demokratika fl-Eġittu, u li l-fatt li jsiru elezzjonijiet parlamentari u presidenzjali ħielsa u ġusti skont il-kalendarju ddefinit mill-kostituzzjoni l-ġdida –li jwasslu għal rappreżentanza adegwata tal-fehmiet politiċi differenti u tan-nisa u tal-komunitajiet minoritarji – huwa pass ieħor kruċjali f'dan il-proċess; iħeġġeġ lill-atturi kollha politiċi u soċjali, inklużi dawk li jappoġġjaw lill-ex-President Morsi, jevitaw kull att ta' vjolenza, tixwix għall-vjolenza, jew provokazzjoni, u jikkontribwixxu għall-isforzi ta' rikonċiljazzjoni; jitlob għall-ħelsien tad-detenuti politiċi kollha miżmuma minħabba li b'mod paċifiku eżerċitaw id-drittijiet tagħhom għal-libertà ta' assemblea, assoċjazzjoni u espressjoni; jenfasizza l-importanza ta' proċessi tal-qorti ħielsa u ġusti għal dawk kollha detenuti; jissuġġerixxi li ssir riforma tal-liġijiet tal-awtoritajiet ġudizzjarji biex tiġi żgurata separazzjoni ġenwina tas-setgħat; |
9. |
Jappella għat-tmiem immedjat tal-atti kollha ta' vjolenza, fastidju jew intimidazzjoni – mill-awtoritajiet tal-istat, mill-forzi tas-sigurtà jew minn gruppi oħra – kontra l-avversarji politiċi, dimostranti paċifiċi, rappreżentanti tat-trejdjunjins, ġurnalisti, attivisti tad-drittijiet tan-nisa, u atturi oħra tas-soċjetà ċivili fl-Eġittu; jappella biex isiru investigazzjonijiet serji u imparzjali f'dawn il-każijiet u biex dawk repsonsabbli jitressqu l-qorti; jerġa' jistieden lill-gvern interim jiggarantixxi li l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili lokali u internazzjonali, it-trejdjunjins indipendenti u l-ġurnalisti jkunu jistgħu jaħdmu fil-pajjiż fil-libertà, mingħajr indħil mill-gvern; |
10. |
Jinsab imħasseb dwar il-Liġi 107 dwar ir-Regolamentazzjoni tad-Dritt ta' Laqgħat Pubbliċi, Purċissjonijiet u Dimostrazzjonijiet Paċifiċi, u jħeġġeġ lill-awtoritajiet interim tal-Eġittu jirriformaw jew jirtiraw il-liġi sabiex jiggarantixxu d-dritt għal-libertà ta' assoċjazzjoni u ta' assemblea paċifika skont il-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi u l-konformità mal-istandards u l-obbligi internazzjonali. |
11. |
Jikkundanna l-attakki terroristiċi riċenti kontra l-forzi tas-sigurtà fl-Eġittu; jinsab ferm imħasseb dwar id-deterjorament ulterjuri tas-sitwazzjoni tas-sigurtà fis-Sinaj, u jitlob lill-gvern interim Eġizzjan u lill-forzi tas-sigurtà jintensifikaw l-isforzi tagħhom biex jerġgħu jistabbilixxu s-sigurtà, partikolarment billi jiġġieldu lit-traffikanti tal-bnedmin, f'dik iż-żona; ifakkar, f'dan il-kuntest, li l-Artikolu 89 tal-Kostituzzjoni l-ġdida jiddikjara li s-suriet kollha ta' skjavitù, oppressjoni, sfruttament sfurzat tal-persuni, il-kummerċ tas-sess, u suriet oħra ta' traffikar tal-bnedmin, huma pprojbiti u kkriminalizzati bil-liġi fl-Eġittu; |
12. |
Jikkundanna bil-qawwa l-vjolenza kontra l-komunità Kopta u l-qerda ta' għadd kbir ta' knejjes, ċentri komunitarji u negozji madwar il-pajjiż kollu; jesprimi tħassib għall-fatt li l-awtoritajiet naqsu milli jieħdu miżuri ta' sigurtà adegwati biex iħarsu l-komunità Kopta minkejja għadd kbir ta' twissijiet; |
13. |
Jitlob li l-Kunsill ipoġġi lill-Ansar Bayt al-Maqdis, il-grupp li ħa r-responsabilità għal għadd ta' attakki u attakki bil-bombi li saru dal-aħħar fis-Sinaj kif ukoll fil-Kajr u f'postijiet oħra, fuq il-lista tiegħu tal-organizzazzjonijiet terroristiċi; |
14. |
Jistieden lill-awtoritajiet interim Eġizzjani jiżviluppaw, jadottaw u jimplimentaw leġiżlazzjoni biex tiġi miġġielda kull sura ta' vjolenza bbażata fuq il-ġeneru, inklużi l-istupru konjugali u l-vjolenza sesswali kontra n-nisa li jipparteċipaw fi protesti u dimostrazzjonijiet; jitlob, barra minn hekk, lill-awtoritajiet interim Eġizzjani jiżguraw mezzi ta' rappurtar effettivi u aċċessibbli u miżuri ta' protezzjoni li jkunu sensittivi għall-ħtiġijiet u l-kunfidenzjalità tal-vittmi; iħeġġeġ li tintemm l-impunità u li jiġu żgurati sanzjonijiet kriminali xierqa kontra min iwettaq ir-reati; |
15. |
Jilqa' r-rieda li ġiet imħabbra min-naħa tal-Gvern interim Eġizzjan, wara r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill Nazzjonali Eġizzjan għad-Drittijiet tal-Bniedem, li jiftaħ uffiċċju reġjonali tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem fil-Kajr, u jħeġġeġ lill-Gvern interim Eġizzjan jagħmel dak li hu meħtieġ biex iħaffef il-ftuħ ta' dan l-uffiċċju; |
16. |
Jilqa' u jappoġġja l-isforzi tal-Viċi President/Rappreżentant Għoli Catherine Ashton u tar-Rappreżentant Speċjali Bernardino León biex ikunu li jaġixxu ta' medjaturi bejn il-partijiet bil-għan li tiġi mfassla soluzzjoni għall-kriżi politika attwali; jerġa' jħeġġeġ lill-Kunsill, lill-VP/RGħ u lill-Kummissjoni jqisu kemm il-prinċipju tal-kondizzjonalità (“aktar għal aktar”) u kemm l-isfidi ekonomiċi serji li l-Eġittu qed jiffaċċja fir-relazzjonijiet bilaterali tal-UE mal-Eġittu, kif ukoll l-appoġġ finanzjarju tagħha lill-pajjiż; itenni t-talba tiegħu li jkun hemm punti ta' riferiment ċari u miftiehma b'mod konġunt f'dan ir-rigward; jikkonferma mill-ġdid l-impenn tiegħu li jgħin lill-poplu Eġizzjan fil-proċess lejn riforma demokratika u ekonomika; |
17. |
Jistieden lill-Viċi President/Rappreżentant Għoli Catherine Ashton tippubblika r-rapport tal-Missjoni Elettorali ta' Esperti tal-UE li mmonitorjat ir-referendum kostituzzjonali fl-Eġittu fl-14 u l-15 ta' Jannar 2014. |
18. |
Jistieden lill-Gvern Eġizzjan jitlob li tintbagħat Missjoni ta' Osservazzjoni Elettorali tal-UE biex timmonitorja l-elezzjonijiet presidenzjali li resqin; |
19. |
Jenfasizza mill-ġdid li l-faċilitazzjoni tar-ritorn tal-beni misruqa mill-ex-dittaturi u mir-reġimi tagħhom hija ħtieġa imperattiva morali għall-UE u hija kwistjoni ferm politika, minħabba l-valur simboliku tiegħu, fir-rabtiet tal-Unjoni mal-ġirien tagħha tan-Nofsinhar; |
20. |
Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukolllill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-parlamenti u lill-gvernijiet tal-Istati Membri, u lill-Gvern interim tar-Repubblika Għarbija tal-Eġittu. |
(1) Testi adottati, P7_TA(2013)0379.
(2) Testi adottati, P7_TA(2013)0446.
(3) Testi adottati, P7_TA(2013)0224.