Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52014IP0046

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta' Jannar 2014 dwar deċiżjonijiet reċenti ta' kriminalizzazzjoni kontra l-persuni leżbjani, gay, bisesswali, transġeneru u intersesswali (LGBTI) (2014/2517(RSP))

    ĠU C 482, 23.12.2016, p. 152–154 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    23.12.2016   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 482/152


    P7_TA(2014)0046

    Tentattivi reċenti ta' kriminalizzazzjoni kontra l-persuni LGBTI

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta' Jannar 2014 dwar deċiżjonijiet reċenti ta' kriminalizzazzjoni kontra l-persuni leżbjani, gay, bisesswali, transġeneru u intersesswali (LGBTI) (2014/2517(RSP))

    (2016/C 482/24)

    Il-Parlament Ewropew,

    wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem, il-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, il-Konvenzjoni dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa, il-Karta Afrikana għad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli u l-Kostituzzjoni Indjana,

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Kunsill għad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU A/HRC/17/19 tas-17 ta’ Ġunju 2011 dwar id-drittijiet tal-bniedem, l-orjentazzjoni sesswali u l-identità tal-ġeneru,

    wara li kkunsidra t-tieni reviżjoni tal-Ftehim ta' Sħubija bejn il-membri tal-Grupp tal-Istati tal-Afrika, tal-Karibew u tal-Paċifiku minn naħa l-waħda, u l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha min-naħa l-oħra (il-Ftehim ta' Cotonou), u l-klawsoli dwar id-drittijiet tal-bniedem f’dan il-Ftehim, b'mod partikolari l-Artikoli 8(4) u 9,

    wara li kkunsidra l-Artikoli 2, 3(5) u 21 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 10 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jimpenjaw lill-UE u lill-Istati Membri tagħha, fir-relazzjoni tagħhom mal-bqija tad-dinja, li jiddefendu u jippromwovu d-drittijiet universali tal-bniedem u l-protezzjoni tal-individwi,

    wara li kkunsidra l-Linji Gwida għall-Promozzjoni u l-Protezzjoni tat-Tgawdija tad-Drittijiet tal-Bniedem kollha minn Persuni Leżbjani, Omosesswali, Bisesswali, Transġeneri u Intersesswali (LGBTI), adottati mill-Kunsill fl-24 ta' Ġunju 2013,

    wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-20 ta' Diċembru 2013 mill-Viċi President tal-Kummissjoni/ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà dwar l-adozzjoni “Abbozz ta' Liġi kontra l-Omosesswalità” fl-Uganda,

    wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' Catherine Ashton tal-15 ta' Jannar 2014 li tesprimi t-tħassib tagħha dwar l-iffirmar tal-Abbozz ta' Liġi dwar (il-Projbizzjoni ta') Żwiġijiet bejn Persuni tal-Istess Sess fin-Niġerja biex sabiex din issir liġi,

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni preċedenti tiegħu tal-5 ta' Lulju 2012 dwar il-vjolenza kontra l-leżbjani u d-drittijiet tal-persuni leżbjani, gay, bisesswali, transġeneru u intersesswali (LGBTI) fl-Afrika (1), pożizzjoni tat-13 ta' Ġunju 2013 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni tal-Ftehim li jemenda għat-tieni darba l-Ftehim ta' Sħubija bejn il-membri tal-Grupp ta' Stati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku, min-naħa l-waħda, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha min-naħa l-oħra, iffirmat f'Cotonou fit-23 ta' Ġunju 2000, kif emendat għall-ewwel darba fil-Lussemburgu fil-25 ta' Ġunju 2005 (2), u r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Diċembru 2013 dwar ir-Rapport Annwali tal-2012 dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija fid-Dinja u l-politika tal-Unjoni Ewropea dwar il-kwistjoni (3),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu tas-17 ta' Diċembru 2009 dwar “l-Uganda: abbozz ta’ leġiżlazzjoni antiomosesswali” (4), u tas-16 ta’ Diċembru 2010 dwar “l-Unganda: l-hekk imsejjaħ ‘Abbozz ta' Liġi tal-Bahati’ u d-diskriminazzjoni kontra l-popolazzjoni LGBT (5), u tas-17 ta' Frar 2011 dwar”l-Uganda: Il-qtil ta' David Kato (6),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu tal-15 ta' Marzu 2012 (7) u l-4 ta' Lulju 2013 (8) dwar is-sitwazzjoni fin-Niġerja,

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Mejju 2011 dwar l-istat attwali tan-negozjati tal-Ftehim ta' Kummerċ Ħieles bejn l-UE u l-Indja (9),

    wara li kkunsidra l-Artikolu 122(5) u 110(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

    A.

    billi kull bniedem jitwieled ħieles u b’dinjità u drittijiet indaqs; billi l-Istati kollha għandhom l-obbligu li jevitaw il-vjolenza, it-tixwix, il-mibegħda u l-istigmatizzazzjoni abbażi ta' karatteristiċi individwali, inkluż l-orjentazzjoni sesswali, l-identità tal-ġeneru u l-espressjoni tal-ġeneru;

    B.

    billi 78 pajjiż għadhom jikkunsidraw attivitajiet konsenswali bejn adulti tal-istess sess bħala att kriminali, u sebgħa minnhom jipprevedu l-piena kapitali għal tali “atti kriminali” (l-Iran, il-Mawritanja, partijiet min-Niġerja, l-Arabja Sawdija, partijiet mis-Somalja, is-Sudan u l-Jemen); billi dawn ir-restrizzjonijiet legali huma qodma u superati fid-dawl tal-integrazzjoni ġenerali tad-drittijiet tal-persuni leżbjani, gay, bisesswali, transġeneru u intersesswali (LGBTI) tul l-għexieren ta' snin reċenti, u billi l-iżviluppi pożittivi f'bosta pajjiżi għandhom iservu bħala eżempju għal titjib globali fir-rigward ta' kwistjonijiet LGBTI;

    C.

    billi l-atti konsenswali bejn persuni tal-istess sess diġà ġew ikkastigati b'14-il sena priġunerija fl-Uganda u seba' snin priġunerija fin-Niġerja (jew bil-piena kapitali fit-tnax-il stat taħt il-liġi tax-Sharia), u kienu ġew dikriminalizzati fl-Indja b'deċiżjoni tal-2009 tal-Qorti Suprema ta' Delhi;

    D.

    billi fl-20 ta' Diċembru 2013, il-Parlament tal-Uganda adotta l-“Abbozz ta' Liġi kontra l-Omosesswalità”, li jikkastiga l-appoġġ għad-drittijiet tal-persuni LGBTI bi priġunerija li tista' tlaħħaq seba' snin, in-nuqqas ta' denunzja ta' persuna LGBTI bi priġunerija li tista' tlaħħaq tliet snin, u “reċidivi” jew dawk misjuba pożittivi għall-HIV bi priġunerija għall-ħajja, u billi r-relazzjonijiet konsenswali bejn persuni tal-istess sess huma dejjem kriminalizzati fl-ambitu tat-taqsima 145 tal-Kodiċi Penali tal-Uganda;

    E.

    billi fis-17 ta' Diċembru 2013, is-Senat Niġerjan adotta l-“Abbozz ta' Liġi ta' Projbizzjoni ta' Żwiġijiet bejn Persuni tal-Istess Sess”, li jikkastiga lill-persuni li qegħdin f'relazzjoni ma' persuna oħra tal-istess sess bi priġunerija li tista' tlaħħaq sa 14-il sena, u persuni li jkunu xhieda ta' persuni li qegħdin f'relazzjoni ma' persuna oħra tal-istess sess, jew imexxu bars, organizzazzjonijiet jew laqgħat għall-LGBTI bi priġunerija li tista' tlaħħaq sa 10 snin; billi l-abbozz ta' liġi ġie ffirmat mill-President Goodluck Jonathan u għadda bħala liġi f'Jannar 2014;

    F.

    billi fil-11 ta' Diċembru 2013, il-Qorti Suprema Indjana irrevokat sentenza tal-Qorti Suprema ta' Delhi tal-2009 fejn it-Taqsima 377 tal-Kodiċi Penali Indjan, liġi tal-era kolonjali li tagħmel l-omosesswalità illegali, kienet tikser il-prinċipju tal-ugwaljanza mnaqqax fil-Kostituzzjoni Indjana, u b'hekk l-omosesswalità reġgħet ġiet kriminalizzata u kkastigata bi priġunerija għall-ħajja;

    G.

    billi f'Ġunju 2013 id-Duma Statali Russu adotta liġi li tipprojbixxi l-hekk imsejħa “propaganda omosesswali”, li tillimita severament l-organizzazzjonijiet LGBTI, il-libertà ta' espressjoni u l-laqgħat bejn omosesswali, u billi l-President Vladimir Putin iffirma l-liġi;

    H.

    billi l-midja, il-pubbliku, il-mexxejja politiċi u reliġjużi f'dawn il-pajjiżi dejjem qed ifittxu li jintimdaw aktar lill-persuni LGBTI, li jillimitaw id-drittijiet tagħhom u li jilleġittimizzaw il-vjolenza fuqhom;

    I.

    billi bosta kapijiet ta' stati u gvenijiet, mexxejja tan-Nazzjonijiet Uniti, rappreżentanti tal-gvern u rappreżentanti parlamentari, l-UE (inkluż il-Kunsill, il-Parlament, il-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli) u bosta personalitajiet mondjali kkundannaw bil-qawwa l-liġijiet li jikkriminalizzaw il-persuni LGBTI;

    1.

    Jikkundanna bill-qawwa dan it-theddid serju ħafna kontra d-drittijiet universali għall-ħajja, il-ħelsien mit-tortura, trattament krudili, inuman u degradanti, il-privatezza u l-libertà tal-espressjoni u assoċjazzjoni, flimkien ma' kull diskriminazzjoni kontra l-persuni LGBTI u r-restrizzjonijiet legali fuqhom u kontra kulmin jiddefendi d-drittijiet tal-bniedem li għandhom igawdu; jissottolinja l-fatt li l-ugwaljanza tal-LGBTI hija element innegabbli tad-drittijiet fundamentali tal-bniedem;

    2.

    Jikkundanna fermament l-adozzjoni ta' liġijiet dejjem aktar ripressivi kontra l-persuni LGBTI; itenni li l-orjentazzjoni sesswali u l-identità tal-ġeneru huma kwistjonijiet li jaqgħu fil-kompitu tad-drittijiet individwali għall-privatezza, kif garantiti mid-dritt internazzjonali u l-kostituzzjonijiet nazzjonali; jistieden lit-78 pajjiż imsemmi hawn fuq biex jieqfu jikkriminalizzaw atti konsenwali bejn adulti tal-istess sess;

    3.

    Jistieden lill-President tal-Uganda ma jiffirmax l-Abbozz ta' Liġi kontra l-Omosesswalità sabiex dan ma jgħaddix bħala liġi u biex jirrevoka t-Taqsima 145 tal-Kodiċi Penali tal-Uganda; ifakkar lill-Gvern tal-Uganda fl-obbligi tiegħu skont il-liġi internazzjonali u skont il-Ftehim ta' Cotonou, li jitolbu l-ħarsien tad-drittijiet universali tal-bniedem;

    4.

    Jikkundanna bil-qawwa l-adozzjoni u l-iffirmar tal-Abbozz ta' Liġi dwar (projbizzjoni ta') Żwieġ bejn Persuni tal-istess Sess biex għadda bħala liġi fin-Niġerja; jistieden lill-President tan-Niġerja jirrevoka din il-liġi, flimkien mat-taqsimiet 214 u 217 tal-Kodiċi Penali Niġerjan;

    5.

    Jenfasizza l-fatt li l-atti konsenswali bejn l-adulti tal-istess sess huma legali fil-Burkina Faso, il-Benin, iċ-Ċad, ir-Repubblika Ċentru-Afrikana, il-Kongo, ir-Repubblika Demokratika tal-Kongo, il-Ginea Ekwatorjali, il-Gabon, il-Ginea Bissaw, il-Côte d’Ivoire, il-Madagaskar, Mali, in-Niġer, ir-Rwanda u l-Afrika t'Isfel, u li d-dikriminazzjoni bbażata fuq l-orjentazzjoni sesswali hija illegali fil-Kostituzzjoni tal-Afrika t'Isfel, li juri li l-approċċi dwar din il-kwistjoni huma varji fl-Afrika;

    6.

    Jitlob lill-Kummissjoni, lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) u lill-Istati Membri jesprimu l-oppożizzjoni l-aktar qawwija tagħhom għat-tliet liġijiet inkwistjoni, u biex jagħmluha ċara li dawn se jkollhom implikazzjonijiet sinifikanti għar-relazzjonijiet bilaterali tal-pajjiżi kkonċernati mal-UE u l-Istati Membri tagħha;

    7.

    Jilqa' l-inizjattiva tal-Gvern Indjan li jitlob lill-Qorti Suprema biex tirrevedi s-sentenza tagħha, peress li tikser il-prinċipju kostituzzjonali tal-ugwaljanza; jistieden lill-Parlament Indjan jabolixxi t-Taqsima 377 tal-Kodiċi Penali Indjan jekk kemm il-darba l-Qorti Suprema tonqos milli tirrevedi s-sentenza tagħha;

    8.

    Huwa mħasseb profondament bil-konsegwenzi tal-liġi li tipprojbixxi propaganda għal “relazzjonijiet sesswali mhux tradizzjonali” fir-Russja, li qed iżid il-livell ta' diskriminazzjoni u vjolenza kontra individwi LGBTI; jistieden lill-awtoritajiet Russi jirrevokaw din il-liġi, u jitlob viġilanza internazzjonali kontinwa dwar din il-kwistjoni;

    9.

    Ifakkar li l-liġijiet li jikkriminalizzaw attivitajiet konsenswali bejn adulti tal-istess sess u d-difiża tad-drittijiet tal-bniedem li jikkonċernaw il-persuni LGBTI jirrappreżentaw ostaklu maġġuri fil-ġlieda kontra l-HIV/AIDS, u b'mod sistematiku jżidu t-trażmissjoni tal-HIV u l-mard trażmess sesswalment, peress li gruppi fir-riskju jibżgħu jagħmlu kuntatt ma' professjonisti mediċi, u jikkontribwixxu għal klima ta' omofobija u diskriminazzjoni estremi; jinnota li dawn il-liġijiet, fost affarijiet oħra, se jirrendu l-prevenzjoni tal-HIV/AIDS aktar diffiċli f'pajjiżi b'rati għolja ta' prevalenza;

    10.

    Jenfasizza li jekk il-kriminalizzazzjoni ta' attivitajiet konsenswali bejn adulti tal-istess sess tibqa' tiżdied, se jkun aktar diffiċli li jintlaħqu kemm l-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju, speċjalment fir-rigward ta' ugwaljanza bejn is-sessi u l-ġlieda kontra l-mard, kif ukoll li jinkiseb suċċess fir-rigward tal-qafas ta' żvilupp għal wara l-2015;

    11.

    Jistieden lill-Kummissjoni, is-SEAE u l-Istati Membri jużaw il-mezzi kollha, inklużi fora bilaterali u multilaterali u n-negozjati li għaddejjin għal ftehim ta' kummerċ ħieles mal-Indja, u jesprimu b'termini mill-aktar iebsa l-oppożizzjoni tagħhom għall-kriminalizzazzjoni tal-persuni LGBTI;

    12.

    Jistieden lill-Kummissjoni, is-SEAE u l-Istati Membri jagħtu kull assistenza possibbli lill-NGOs u lid-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, billi jużaw il-Linji Gwida tal-Kunsill dwar l-LGBTI, l-Istrument Ewropew għad-Demokrazija u għad-Drittijiet tal-Bniedem u programmi oħra;

    13.

    Jistieden lill-Kummissjoni u l-Kunsill jinkludu b'mod espliċitu n-non-diskriminazzjoni bbażata fuq l-orjentazzjoni sesswali waqt ir-reviżjoni li jmiss tal-ftehim Cotonou, kif mitlub f'diversi okkażjonijiet mill-Parlament;

    14.

    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kummisshjoni, lill-Kunsill, lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, lill-Istati Membri, lill-gvernijiet u l-parlamenti nazzjonali tal-Uganda, in-Niġerja, l-Indja u r-Russja, u l-Presidenti tal-Uganda, n-Niġerja u r-Russja.


    (1)  ĠU C 349 E, 29.11.2013, p. 88.

    (2)  Testi adottati, P7_TA(2013)0273.

    (3)  Testi adottati, P7_TA(2013)0575.

    (4)  ĠU C 286 E, 22.10.2010, p. 25.

    (5)  ĠU C 169 E, 15.6.2012, p. 134.

    (6)  ĠU C 188 E, 28.6.2012, p. 62.

    (7)  ĠU C 251 E, 31.8.2013, p. 97.

    (8)  Testi adottati, P7_TA(2013)0335.

    (9)  ĠU C 377 E, 7.12.2012, p. 13.


    Top