Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52014IP0032

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Jannar 2014 dwar ir-riindustrijalizzazzjoni tal-Ewropa biex jiġu promossi l-kompetittività u s-sostenibbiltà (2013/2006(INI))

    ĠU C 482, 23.12.2016, p. 89–109 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    23.12.2016   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 482/89


    P7_TA(2014)0032

    Ir-riindustrijalizzazzjoni tal-Ewropa biex jiġu promossi l-kompetittività u s-sostenibbiltà

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Jannar 2014 dwar ir-riindustrijalizzazzjoni tal-Ewropa biex jiġu promossi l-kompetittività u s-sostenibbiltà (2013/2006(INI))

    (2016/C 482/13)

    Il-Parlament Ewropew,

    wara li kkunsidra l-Artikolu 173 tat-Titolu XVII tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (li kien l-Artikolu 157 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea), li jkopri l-politika industrijali tal-UE u jirreferi, fost affarijiet oħra, għall-kompetittività tal-industrija tal-Unjoni,

    wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-10 ta’ Ottubru 2012 bit-titolu “Industrija Ewropea Aktar b’Saħħitha għat-Tkabbir u l-Irkupru Ekonomiku – Aġġornament tal-Komunikazzjoni dwar il-Politika Industrijali” (COM(2012)0582),

    wara li kkunsidra d-Direttiva 2012/27/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 dwar l-effiċjenza fl-enerġija (1),

    wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni tad-29 ta' Novembru 2012 għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar Programm Ġenerali ta’ Azzjoni Ambjentali tal-Unjoni sal-2020 “Ngħixu tajjeb, fil-limiti tal-pjaneta tagħna” (COM(2012)0710).

    wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni tat-30 ta’ Novembru 2011 għal regolament li jistabbilixxi Programm għall-Kompetittività tal-intrapriżi u l-intrapriżi ż-żgħar u ta’ daqs medju (2014 – 2020) (COM(2011)0834),

    wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-31 ta’ Lulju 2012 intitolata “L-Istrateġija tal-kompetittività sostenibbli fis-settur tal-kostruzzjoni u tal-intrapriżi tiegħu” (COM(2012)0433),

    wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-25 ta’ Ġunju 2008 bit-titolu “Aħseb l-Ewwel fiż-Żgħir. Att dwar in-Negozji ż-Żgħar” għall-Ewropa (COM(2008)0394),

    wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-4 ta’ Novembru 2008 bit-titolu “L-inizjattiva tas-swieq tal-materja prima – nilħqu l-ħtiġijiet kritiċi tagħna għat-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi fl-Ewropa” (COM(2008)0699),

    wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta’ Marzu 2010 bit-titolu “Ewropa 2020 – Strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv” (COM(2010)2020),

    wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-6 ta' Ottubru 2010 bit-titolu “Inizjattiva Ewlenija Ewropa 2020: Unjoni tal-Innovazzjoni” (COM(2010)0546),

    wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta’ Settembru 2011 bit-titolu “Pjan Direzzjonali għal Ewropa b’Użu Effiċjenti tar-Riżorsi” (COM(2011)0571),

    wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-14 ta’ Ottubru 2011 bit-titolu “Industrial policy: Reinforcing competitiveness” (COM(2011)0642),

    wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-15 ta’ Diċembru 2011 bit-titolu “Pjan Direzzjonali għall-Enerġija 2050” (COM(2011)0885),

    wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta’ Frar 2012 bit-titolu “Ninnovaw għal Tkabbir Sostenibbli: Bijoekonomija għall-Ewropa” (COM(2012)0060),

    wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-30 ta’ Mejju 2012 bit-titolu “Azzjoni għall-istabbiltà, għat-tkabbir u għall-impjiegi” (COM(2012)0299),

    wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-26 ta’ Ġunju 2012, bit-titolu “Strateġija Ewropea għat-Teknoloġiji Ewlenin ta' Appoġġ – Pont għat-tkabbir u l-impjiegi” (COM(2012)0341),

    wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta’ Marzu 2013 bit-titolu “Green Paper: Il-finanzjament fuq terminu twil tal-ekonomija Ewropea” (COM(2013)0150),

    wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-27 ta’ Marzu 2013 bit-titolu “Green Paper – Qafas għall-politiki dwar il-klima u l-enerġija sal-2030” (COM(2013)0169),

    wara li kkunsidra d-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal li jakkumpanja l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-4 ta’ Novembru 2008 bit-titolu “L-inizjattiva tas-swieq tal-materja prima – nilħqu l-ħtiġijiet kritiċi tagħna għat-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi fl-Ewropa” (COM(2008)0699) – (SEC(2008)2741),

    wara li kkunsidra d-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni tas-26 ta’ Settembru 2012 bit-titolu “Competitiveness of the European high-end industries” (SWD(2012)0286),

    wara li kkunsidra d-Dokument ta' Ħidma tal-Kummissjoni tal-10 ta’ Ottubru 2012 li jakkumpanja l-komunikazzjoni dwar “A Stronger European Industry for Growth and Economic Recovery Industrial Policy Communication Update” (SWD(2012)0297),

    wara li kkunsidra d-Dokument ta’ Ħidma tal-Kummissjoni tal-10 ta’ Ottubru 2012 bit-titolu “European Competitiveness report 2012. Reaping the benefits of Globalisation” (SWD(2012)0299),

    wara li kkunsidra d-Dokument ta' Ħidma tal-Kummissjoni tal-11 ta’ April 2013 bit-titolu “Industrial relations in Europe 2012” (Ir-relazzjonijiet industrijali fl-Ewropa 2012) (SWD(2013)0126),

    wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-18 ta' Ġunju 2013 bit-titolu “Is-segwitu tal-Kummissjoni tal-Konsultazzjoni ‘TOP TEN’ tal-SMEs dwar ir-Regolamentazzjoni tal-UE” (COM(2013)0446),

    wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Soċjali u Ekonomiku Ewropew tas-17 ta’ April 2013 intitolata “Strateġija tal-kompetittività sostenibbli fis-settur tal-kostruzzjoni u l-intrapriżi tiegħu” (2),

    wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tas-20 ta’ Marzu 2013 intitolata “L-involviment u l-parteċipazzjoni tal-impjegati bħala pedamenti essenzjali ta’ governanza korporattiva tajba u approċċi bbilanċjati biex tingħeleb il-kriżi” (3),

    wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta’ Marzu 2010 dwar l-investiment fl-iżvilupp ta’ teknoloġiji b’livell baxx ta’ karbonju (SET-Plan) (4),

    wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta' Settembru 2010 dwar l-iżvilupp tal-potenzjal ta’ ħolqien ta’ impjiegi ta’ ekonomija sostenibbli ġdida (5),

    wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Novembru 2010 dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-istandards soċjali u ambjentali fil-ftehimiet ta' kummerċ internazzjonali (6),

    wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta’ Marzu 2011 dwar Politika Industrijali għall-Era Globalizzata (7),

    wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta’ Settembru 2011 dwar strateġija effettiva tal-materja prima għall-Ewropa (8),

    wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tal-24 ta' Mejju 2012 dwar Ewropa li tuża r-riżorsi b'effiċjenza (9),

    wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta’ Ġunju 2012 bit-titolu “L-Att dwar is-Suq Uniku: Il-Passi li Jmiss għal Tkabbir” (10),

    wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta’ Ottubru 2012 dwar “L-SMEs: kompetittività u opportunitajiet kummerċjali” (11),

    wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tal-21 ta’ Novembru 2012 dwar l-impatti ambjentali tal-attivitajiet ta’ estrazzjoni ta' gass tax-shale u ta' żejt tax-shale (12),

    wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tal-21 ta’ Novembru 2012 dwar l-aspetti industrijali u enerġetiċi u aspetti oħra tal-gass u ż-żejt tax-shale (13),

    wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta’ Marzu 2013 dwar il-Pjan Direzzjonali għall-Enerġija 2050, futur bl-enerġija (14),

    wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta’ Marzu 2012 dwar Pjan direzzjonali għal ekonomija kompetittiva b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju fl-2050 (15),

    wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tal-21 ta’ Mejju 2013 dwar sfidi u opportunitajiet attwali għall-enerġija rinnovabbli fis-suq intern Ewropew tal-enerġija (16),

    wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tal-21 ta’ Mejju 2013 dwar strateġiji reġjonali għaż-żoni industrijali fl-Unjoni Ewropea (17),

    wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta’ Ġunju 2013 dwar l-akkomodazzjoni soċjali fl-Unjoni Ewropea (18),

    wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tat-2 ta’ Lulju 2013 dwar il-kontribut tal-kooperattivi biex tingħeleb il-kriżi (19),

    wara li kkunsidra d-dibattitu tiegħu tal-4 ta’ Frar 2013, b’segwitu għad-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni, dwar l-irkupru tal-industrija Ewropea fid-dawl tad-diffikultajiet attwali (2013/2538(RSP)),

    wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tat-3 208 laqgħa tal-Kunsill Kompetittività tal-10 u l-11 ta’ Diċembru 2012 bit-titolu “A stronger European industry for growth and economic recovery”,

    wara li kkunsidra r-rapport bit-titolu “EU industrial structure 2011 – Trends and Performance” tal-2011 li sar f’isem il-Kummissjoni,

    wara li kkunsidra r-rapport li joħroġ minn stħarriġ tal-inizjattivi tal-UE 2020 bit-titolu “An Industrial Policy for the Globalisation Era”, li sar f’April 2013 f’isem il-Kumitat tar-Reġjuni,

    wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tat-18 ta' Ġunju 2013 dwar “Industrija Ewropea Aktar b’Saħħitha għat-Tkabbir u l-Irkupru Ekonomiku. Aġġornament dwar il-Komunikazzjoni tal-Politika Industrijali” (20),

    wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni tal-11 ta’ April 2013 bit-titolu “Industrija Ewropea aktar b’saħħitha għat-tkabbir u l-irkupru ekonomiku” (21),

    wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

    wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali, il-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali, il-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel, il-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur, il-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali u l-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi (A7-0464/2013),

    A.

    billi l-industrija Ewropea qed taffaċċja kriżi bla preċedent u għandha wkoll diversi żvantaġġi li jxekklu l-kompetittività tagħha;

    B.

    billi ċ-ċifri mogħtija mill-Kummissjoni Ewropea huma ambizzjużi iżda kundizzjonali, minħabba li huma marbutin ma’ diversi fatturi li għadhom identifikati ħażin;

    C.

    billi l-industrija Ewropea għandha rwol ewlieni u hija parti importanti mis-soluzzjoni għal din il-kriżi;

    D.

    billi l-kompetituri industrijali tal-Ewropa ilhom snin jiżviluppaw strateġiji industrijali b’saħħithom,

    E.

    billi l-UE teħtieġ strateġija biex tindirizza l-kriżi ekonomika u finanzjarja u tagħti bidu għal dinamika ekonomika ġdida;

    F.

    billi l-Kummissjoni għandha tiġi mfaħħra talli impenjat ruħha f’politika industrijali bil-komunikazzjoni tagħha bil-għan li torganizza bidla fir-rotta industrijali;

    G.

    billi l-futur komuni tal-Ewropa bħala destinazzjoni industrijali jinsab f’offensiva favur il-modernizzazzjoni li ssaħħaħ iċ-ċentri tal-innovazzjoni u telimina n-nuqqasijiet fl-iżvilupp ta’ reġjuni dgħajfa industrijalment u strutturalment;

    H.

    billi t-tnaqqis fid-disponibbiltà ta’ kreditu jillimita l-investimenti, u dan jostakola l-innovazzjoni kif ukoll l-adozzjoni ta’ teknoloġiji effiċjenti ġodda; Billi politika industrijali fl-Ewropa għalhekk teħtieġ arkitettura finanzjarja robusta li tippromwovi l-investimenti;

    I.

    billi l-kundizzjonijiet ta’ finanzjament fin-Nofsinhar tal-Ewropa huma aktar riġidi u b’hekk jinħtieġu soluzzjonijiet ta’ finanzjament imfassla apposta;

    J.

    billi l-Istati Membri għandhom jiġu ggwidati minn metodi ta’ ristrutturar industrijali li taw prova ta' suċċess fl-Ewropa u f’pajjiżi oħra fid-dinja;

    K.

    billi l-Kummissjoni rrimarkat li l-industriji tal-UE jistgħu jiksbu lura l-attrattiva tagħhom minħabba t-tnaqqis mistenni fid-differenzjali tal-pagi globali;

    L.

    billi l-ħolqien ta’ kundizzjonijiet ġenerali aħjar għal politika industrijali Ewropea jfisser it-twettiq u l-funzjonament xieraq tas-suq intern tal-UE fi ħdan ekonomija tas-suq soċjali;

    M.

    billi l-ewwel prijorità tal-Ewropa għandha tkun li ssalvagwardja s-setturi tal-manifattura u n-know-how, filwaqt li l-industrija tiġi megħjuna terġa' tikseb il-kompetittiva tagħha f'livell dinji;

    N.

    billi l-ispejjeż tal-enerġija għall-industrija u d-differenzi li qed jiżdiedu tal-prezzijiet tal-enerġija bejn l-Ewropa u l-pajjiżi industrijalizzati l-oħra (b’mod partikolari l-Istati Uniti) se jkollhom rwol ikbar jekk it-tendenzi attwali ma jiġux indirizzati b'mod adegwat;

    O.

    billi fid-dawl tal-isfidi globali huwa essenzjali li l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija u r-riżorsi tkun fil-bażi tat-tiġdid industrijali Ewropew jekk l-industrija Ewropea għandha l-ħsieb li żżomm il-kompetittività tagħha fil-futur;

    P.

    billi l-UE teħtieġ approċċ ta’ politika industrijali li jgħaqqad flimkien il-kompetittività, is-sostenibbiltà u xogħol deċenti sabiex jiġu indirizzati l-isfidi kbar tas-soċjetà;

    Q.

    billi huwa meħtieġ li tiġi żgurata l-konsistenza tal-politika tal-enerġija, tal-klima, dik ambjentali, industrijali u kummerċjali tal-UE sabiex jinsab bilanċ bejn l-objettivi tal-politika tal-klima u tal-protezzjoni tal-ambjent u l-objettivi tar-RISE;

    R.

    billi fl-aħħar għexieren ta’ snin il-produttività tax-xogħol żviluppat b’mod ħafna aktar mgħaġġel mill-produttività tar-riżorsi, filwaqt li l-istimi juru li x-xogħol jirrappreżenta inqas minn 20 % tal-ispejjeż ta' produzzjoni, waqt li r-riżorsi jirrappreżentaw 40 %;

    S.

    billi l-UE għandha fi ħdanha kapaċità ta’ innovazzjoni enormi b’sitt Stati Membri tal-UE fost l-ewwel 10 mill-50 pajjiż l-aktar innovattivi fid-dinja;

    T.

    billi l-politika industrijali għandha dimensjoni soċjali qawwija li taffettwa l-livelli kollha tas-soċjetà;

    U.

    billi politika industrijali Ewropea teħtieġ forza tax-xogħol b’saħħitha, filwaqt li bħala medja 7 % biss tal-forza tax-xogħol b’ħiliet baxxi ġiet imħarrġa;

    Strateġija ta’ “Qawmien mill-Ġdid tal-Industrija għal Ewropa Sostenibbli” (RISE): prinċipji, objettivi u governanza

    1.

    Jilqa’ l-enfasi tal-Kummissjoni fuq il-politika industrijali (PI), peress li tali enfasi hija essenzjali għall-iżvilupp ekonomiku u l-kompetittività, u tiżgura prosperità fuq terminu ta' żmien twil, filwaqt li ssolvi l-problema tal-qgħad, meta jitqies li l-industrija toħloq impjieg wieħed minn kull erbgħa, u tipprovdi impjieg għal madwar 34 miljun ruħ; jissottolinja l-fatt li l-PI għandha tindirizza d-dgħufijiet komparattivi fl-ekonomija tal-UE, sew jekk huma nuqqas ta' investiment fir-R&Ż, l-iżvilupp ta' prezzijiet tal-enerġija, burokrazija żejda jew diffikultà fl-aċċess għall-finanzi; jinnota li l-industrija hija responsabbli għal 80 % tan-nefqa fil-qasam tar-R&Ż u li kważi 75 % tal-esportazzjonijiet Ewropej jikkonsistu f'merkanzija industrijali; jenfasizza li l-industrija hija responsabbli għal parti kbira mill-ħolqien ta' valur fl-ekonomija, filwaqt li kull impjieg fl-industrija joħloq madwar żewġ impjiegi addizzjonali fis-setturi tal-provvista u s-servizzi;

    2.

    Jenfasizza li l-qawwa u l-importanza industrijali futuri tal-Unjoni Ewropea jinsabu fil-Qawmien mill-Ġdid ta' strateġija tal-Industrija għal Ewropa Sostenibbli (RISE) li tfittex innovazzjoni teknoloġika, kummerċjali, finanzjarja, ambjentali u soċjali favur it-tielet rivoluzzjoni industrijali li tinkludi strateġija ta' effiċjenza li terġa' tindustrijalizza l-Ewropa, isaħħaħ l-industrija Ewropea b'mod globali u taġixxi bħala rispons għall-isfidi soċjali li qed jiżdiedu; jargumenta li l-istrateġija RISE tista’ toħloq swieq ġodda, inter alia għal prodotti u servizzi ġodda u innovattivi, mudelli kummerċjali u imprendituri u intrapriżi kreattivi, impjiegi ġodda u xogħol deċenti, u b’hekk iġġib magħha tiġdid industrijali b’dinamiżmu ekonomiku, fiduċja u kompetittività; jemmen li waħda mill-prijoritajiet prinċipali hija li jinżammu setturi tal-produzzjoni b'saħħitjom u n-know-ħow u li s-swieq miftuħa, id-disponibilità ta' enerġija u materja prima kif ukoll l-innovazzjoni, l-enerġija u l-effiċjenza fl-enerġija u l-effiċjenza fir-riżorsi huma pilastri ewlenin ta’ tali strateġija għall-kompetittività; jinnota li infrastruttura affidabbli orjentata lejn il-futur għat-trasport, il-produzzjoni u d-distribuzzjoni tal-enerġija kif ukoll it-telekomunikazzjonijiet huma wkoll ta’ importanza kbira;

    3.

    Iqis li l-istrateġija RISE trid tkun integrata f’ekonomija ekoloġika u ekonomija soċjali tas-suq f'konformità mal-prinċipji tal-imprenditorija, il-kompetizzjoni ġusta, il-mira fuq żmien twil ta' internalizzazzjoni tal-esternalitajiet, politiki finanzjarji sodi u regolamenti ta' qafas ekonomiċi b’kuxjenza ambjentali; isostni li l-politika industrijali għandha tkun koerenti ma' viżjoni ggwidata mill-innovazzjoni, is-sostenibilità u l-kompetittività, li jsaħħaħ is-setturi tal-manifattura u n-know-how kif ukoll l-ekonomija ċirkolari; jinnota r-rwol kruċjali li għandhom l-industrija u l-kumpaniji bħala promoturi tas-sostenibilità kif ukoll l-importanza tat-trasparenza fil-katini tal-provvista;

    4.

    Jenfasizza li l-istrateġija RISE teħtieġ aġenda għal żmien qasir sabiex issalvagwrdja l-bażi tal-manifattura u n-know-how, biex jiġu indirizzati l-isfidi urġenti f'uħud mis-setturi (bħall-kapaċità żejda ta’ produzzjoni, ir-ristrutturar u l-kompetizzjoni inġusta) kif ukoll pjan direzzjonali u qafas fuq terminu twil ibbażat fuq approċċ b'objettivi u miri ċari u stabbli, indikaturi bbażati fuq ix-xjenza u approċċ ta' ekonomija b'ċiklu tal-ħajja u ċirkolari li joħloq u jipprovdi inċentivi biex l-investimenti jiġu diretti lejn il-kreattività, il-ħiliet, l-innovazzjoni, it-teknoloġiji ġodda, u jippromwovi l-modernizzazzjoni, is-sostenibilità u l-kompetittività tal-bażi industrijali tal-Ewropa, permezz ta’ politika konxja mill-katina tal-valur li tkopri intrapriżi ta' kull daqs, tagħti attenzjoni dovuta lill-industriji bażiċi u twassal għaż-żamma tal-katina ta' produzzjoni fl-Ewropa; iqis li tali modernizzazzjoni għandha tinbena fuq iż-żewġ industriji ewlenin u setturi ġodda tal-industrija u li għandha tkun indirizzata lejn it-tkabbir f'konformità ma' prinċipji ta' żvilupp sostenibbli;

    5.

    Jenfasizza li l-politika industrijali tinkorpora l-oqsma kollha tal-politika li għandhom impatt fuq l-industrija; jirrikonoxxi li l-PI għandha tindirizza l-isfidi kbar tas-soċjetà u tal-ambjent stabbiliti fl-istrateġija u l-għanijiet tal-Ewropa 2020, kif ukoll il-miri, inklużi l-objettivi futuri dwar l-enerġija, ir-riżorsi, l-impjiegi u l-klima, u għandha tiġi integrata b’mod effettiv fil-proċess tas-Semestru Ewropew u l-Programmi Nazzjonali ta’ Riforma, sabiex jiġu stabbiliti l-prekundizzjonijiet meħtieġa għall-investiment u jinħolqu impjiegi tajba, b’mod partikolari għaż-żgħażagħ; jistieden lill-Kummissjoni ttejjeb il-komunikazzjoni tagħha dwar l-impenji tagħha favur il-PI sabiex terġa’ tiġi stabbilita l-fiduċja tal-investituri, tal-ħaddiema u taċ-ċittadini fl-azzjoni Ewropea;

    6.

    Jinnota li s-sehem tal-industrija Ewropea fil-prodott domestiku gross Ewropew aggregat (PDG) niżel minn 20 % għal 15 % fi 15-il sena;

    7.

    Jemmen li l-istrateġija RISE trid tkompli ssegwi miri industrijali ambizzjużi u realistiċi; jinnota li l-mira ewlenija ta’ 20 % tkun teħtieġ li mill-anqas jinħolqu 400 000 impjieg industrijali ġdid kull sena; jappoġġja bil-qawwa l-mira ta’ 20 % u jipproponi li għandha titqies bħala objettiv direzzjonali allinjat mal-objettivi 20/20/20 tal-UE;

    8.

    Jemmen li dawn il-miri għandhom jirriflettu r-realtajiet industrijali ġodda bħall-integrazzjoni tal-manifattura u s-servizzi (manu-services) kif ukoll spostament lejn ekonomija mmexxija mid-dejta u lejn produzzjoni b’valur miżjud; jistieden lill-Kummissjoni, f'dan ir-rigward, tivvaluta u tissostanzja x-xogħol tagħha fuq il-miri u tifformula mill-ġdid il-klassifikazzjoni tas-setturi industrijali;

    9.

    Jenfasizza li l-attivitajiet tas-setturi industrijali jagħmluha possibbli li l-kriżi tiġi superata, mhux l-inqas billi l-ekonomija tas-servizzi fil-periferija tissaħħaħ;

    10.

    Jistieden lill-Kummissjoni tirrispetta l-impenn tagħha li tipproduċi indikaturi għall-monitoraġġ u l-valutazzjoni tal-proċess ta’ riindustrijalizzazzjoni; jenfasizza li dawn l-indikaturi għandhom mhux biss ikunu kwantitattivi iżda wkoll kwalitattivi, sabiex jiġi żgurat li dan il-proċess ikun sostenibbli u kompatibbli mal-protezzjoni tal-ambjent;

    11.

    Jistenna li, b'implimentazzjoni xierqa, l-istrateġija RISE tkun tista' tagħti ħajja ġdida lill-industrija u terġa' ġġib il-manifattura lura fl-UE, filwaqt li tagħti attenzjoni lill-immaniġġjar tal-katina tal-provvista u wkoll tikkunsidra kulturi u domandi speċifiċi ta' manifattura reġjonali u lokali, filwaqt li ssaħħaħ setturi emerġenti importanti neċessarji għal ekonomija u soċjetà sostenibbli;

    12.

    Jenfasizza li l-istrateġija RISE tirnexxi biss jekk tkun sostnuta minn qafas makroekonomiku adegwat, ċar u prevedibbli, billi jiġu evitati politiki konfliġġenti, u mir-riżorsi baġitarji meħtieġa sabiex jiġi sfruttat l-investiment pubbliku u privat u tiġi promosa l-kompetittività globali tal-UE; jiddispjaċih li l-politika makroekonomika dominanti attwali fl-UE ma tipprovdix aċċess adegwat għal kapital għal investiment u innovazzjoni, speċjalment għall-SMEs, u għalhekk tmur kontra PI; jitlob, f’dan il-kuntest, strateġija ta’ tkabbir intelliġenti u inklużiva Ewropea u jiddeplora t-tnaqqis li għamel il-Kunsill fl-intestatura 1A tal-Qafas Finanzjarji Pluriennali (QFP), b’mod partikolari fl-Orizzont 2020, COSME u l-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa; jistieden lill-Istati Membri jsaħħu b’mod sostanzjali s-setgħa finanzjarja ta’ dawk il-programmi;

    13.

    Jenfasizza li l-ħolqien ta’ riżorsi proprji għall-baġit Ewropew jista' jkollu effett pożittiv fuq ir-riindustrijalizzazzjoni tal-Ewropa;

    14.

    Jenfassiza li l-PI tal-UE għandha tkun definita b’mod ċar, meta jitqies li bosta prattiki u xejriet differenti attwalment qed jiddominaw il-qasam tal-PI fi ħdan l-UE u fl-Istati Membri;

    15.

    Ifaħħar l-approċċ trasversali tal-Kummissjoni lejn il-PI u jenfasizza l-importanza ta' approċċ ħolistiku li jkun kemm koerenti kif ukoll ikkoordinat f'setturi fejn l-oqsma kollha l-oħra tal-politika (bħall-kompetizzjoni, il-kummerċ, l-enerġija, l-ambjent, l-innovazzjoni, il-fondi strutturali, is-Suq Uniku eċċ.) jikkunsidraw l-għanijiet tal-istrateġija RISE; ifakkar, f’dan ir-rigward, il-Komunità Ewropea tal-Faħam u l-Azzar (KEFA), li tagħti prova li azzjoni b'suċċess, integrata u innovattiva hija possibbli fil-qasam tal-PI, u li tiġġenera t-tkabbir u l-impjiegi, tippromwovi l-integrazzjoni tagħha stess u hija ta' natura li tippromwovi s-sħubija soċjali; isostni li l-istrateġija RISE għandha tkun ibbażata fuq kunċett tal-PI orizzontali pjuttost milli vertikali; jemmen li, filwaqt li tingħata l-attenzjoni dovuta lill-industriji bażiċi, miżuri settorjali għandhom jappoġġjaw il-katini tal-valuri u r-raggruppamenti ta’ attivitajiet b’potenzjal ta’ tkabbir għoli u għandhom ikunu konnessi ma' speċjalizzazzjoni settorjali li tippromwovi teknoloġija għolja u strateġiji b'valur għoli miżjud kif ukoll l-innovazzjoni, il-ħiliet, l-intraprenditorija, l-impjiegi u l-kreattività; jinnota, f'dan ir-rigward, li l-istrateġiji settorjali fl-industriji tal-vetturi bil-mutur (Cars 2020) u l-azzar (pjan ta’ azzjoni għall-azzar) u jitlob lill-Kummissjoni tadotta miżuri adattati biex jiġu implimentati l-istrateġiji; jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jiffukaw suffiċjentement fuq setturi li għandhom know-how robust u grad għoli ta’ investiment fir-R&Ż u fil-ħolqien ta’ valur miżjud inkluża l-innovazzjoni tal-proċess;

    16.

    Jirrakkomanda li l-Kummissjoni tiffoka fuq il-valur miżjud tal-produzzjoni industrijali Ewropea fil-katini tal-produzzjoni dinjin fuq bażi ta' settur b'settur, biex tiddetermina kemm huma b'saħħithom l-għeruq tal-industriji differenti f’diversi Stati Membri u tistabbilixxi b’mod aktar effettiv strateġija komuni biex tiddefendi l-interessi industrijali Ewropej;

    17.

    Huwa tal-fehma li l-UE teħtieġ taħlita intelliġenti ta' industrija privata u istituzzjonijiet pubbliċi biex tissaħħaħ il-formazzjoni ta’ katini ta’ valur miżjud fl-UE;

    18.

    Jenfasizza li l-politika ta’ koeżjoni futura se tkun waħda mill-politiki ewlenin tal-UE li jrawmu l-innovazzjoni industrijali permezz ta' speċjalizzazzjoni intelliġenti bħala respons għall-isfidi marbutin mal-enerġija sostenibbli, it-tibdil fil-klima u l-użu effiċjenti tar-riżorsi kemm materjali kif ukoll umani; huwa tal-fehma, għaldaqstant, li l-appoġġ mill-politika ta’ koeżjoni futura u l-fondi strutturali u ta’ investiment Ewropej huwa ta’ importanza ċentrali għar-riindustrijalizzazzjoni tal-UE u r-reġjuni tagħha permezz ta’ politika industrijali ġenwinament moderna – inklużiva, sostenibbli, effiċjenti fl-enerġija u kompetittiva ħafna; jitlob li jkun hemm koordinament u sinerġiji aħjar bejn il-politika ta' koeżjoni u l-programmi tal-Orizzont 2020 sabiex jitwaqqfu inkubaturi reġjonali ta' innovazzjoni u tkun massimizzata l-innovazzjoni fil-livell reġjonali;

    19.

    Jaqbel mal-Kummissjoni li l-PI jrid ikollha struttura ta’ governanza effettiva u integrata li tinkludi s-sorveljanza tal-attivitajiet; ifakkar ir-rakkomandazzjoni tal-PE fir-rapport Lange dwar l-industrija biex tiġi stabbilita task force permanenti tal-Kummissjoni dwar il-PI magħmula mid-direttorati ġenerali relevanti li tikkunsidra l-input tal-partijiet interessati u tikkoordina u tissorvelja l-implimentazzjoni; jenfasizza li l-Parlament għandu jkun regolarment infurmat dwar l-iżviluppi tal-PI u jitlob lill-Kummissjoni biex kull sena tirrapporta lill-Parlament dwar il-progress tal-istrateġija RISE u safejn l-ambizzjonijiet tagħha qed jintlaħqu bl-għodod disponibbli; jipproponi li t-task forces għal-linji ta' azzjoni ta' prijorità wkoll jippubblikaw rapport annwali; jistieden ukoll lill-Kummissjoni tistudja u tidentifika l-kapaċità żejda u l-isfidi ta' ristrutturar li l-industrija Ewropea u setturi partikolari jiffaċċaw bil-għan li jitfasslu soluzzjonijiet fuq perjodu qasir u jistieden lill-Kummissjoni tissorvelja kwalunkwe delokalizzazzjoni barra l-pajjiż tal-manifattura Ewropea; jenfasizza li l-istrateġija RISE teħtieġ alleanza ta’ u sħubija ma’ partijiet interessati mill-industrija minn setturi differenti (inklużi l-SMEs), mit-trejdjunjins, minn fost l-akkademiċi u mis-soċjetà ċivili, bħal gwardjani tal-konsumaturi u organizzazzjonijiet mhux governattivi; jitlob lill-Kummissjoni tagħmel użu sħiħ tal-Artikolu 173(2) tat-Trattat biex tressaq ’il quddiem l-istrateġija RISE u tqassam ir-riżorsi tagħha b'mod aktar effettiv; jidika l-importanza li jitjieb il-mod li bih l-Unjoni tikkomunika l-PI tagħha lill-pubbliku u b'mod partikolari liż-żgħażagħ sabiex tkun promossa l-importanza tal-industrija Ewropea, l-impjiegi tagħha u l-għarfien tagħha;

    20.

    Isostni li l-istrateġija RISE għandha tkun immirata lejn il-ħolqien ta' ambjent attraenti u kompetittiv fl-Ewropa li jagħti bidu għall-flussi ta' investiment fl-UE kollha u r-reġjuni tagħha, speċjalment fin-Nofsinhar tal-Ewropa, sabiex issaħħaħ mill-ġdid it-tkabbir, b'mod partikolari permezz ta' sepċjalizzazzjonijiet intelliġenti u l-formazzjoni ta' raggruppamenti, inklużi raggruppamenti transnazzjonali u reġjonali kif ukoll netwerks kummerċjali bħal dawn;

    21.

    Ifaħħar il-ħidma tal-Viċi President Tajani fil-koordinazzjoni aktar mill-qrib tal-PI mal-Kunsill tal-Kompetittività; jirrikonoxxi li PI għal strateġija RISE għandha tifforma bażi komuni għall-UE iżda jenfasizza li għandha tikkunsidra ċ-ċirkostanzi nazzjonali u reġjonali differenti u tkun ikkoordinata mal-PI tal-Istati Membri; jappoġġja l-idea ta' Kunsill tal-Kompetittività aktar b'saħħtu li, f'koordinazzjoni mal-Kummissjoni, jikkontribwixxi għall-koordinazzjoni vertikali tal-politiki fuq livell Ewropew, reġjonali u tal-Istati Membri; josserva, fost l-oħrajn, li regolamentazzjoni intelliġenti u burokrazija mnaqqsa huma prekundizzjonijiet essenzjali għat-tkabbir industrijali;

    22.

    Jemmen li l-livelli territorjali differenti għandhom ikunu involuti b'mod sħiħ u jaġixxu b’mod ikkoordinat fil-proċess ta' industrijalizzazzjoni mill-ġdid, fl-identifikazzjoni tal-prijoritajiet, il-potenzjal u l-qawwiet għall-industrija fit-territorji tagħhom kif ukoll fl-istimolu tal-iżvilupp tal-SMEs; jirrimarka li l-SMEs huma l-aktar vittmi tal-kriżi li ntlaqtu ħażin, anki jekk dawn huma ta' valur minħabba li għandhom id-daqs u r-reattività suffiċjenti biex jindirizzaw il-bidliet; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jintroduċu programmi speċifiċi ta’ appoġġ u għajnuna għall-SMEs u jgħinu lill-SMEs isiru l-industriji futuri fl-oqsma tagħhom; jilqa’ l-ħidma mwettqa mill-Kumitat tar-Reġjuni kif ukoll il-ħidma tal-Kummissjoni fir-rigward ta’ strateġiji ta’ speċjalizzazzjoni intelliġenti għas-simplifikazzjoni tal-finanzjament mill-UE lejn l-objettivi ta’ Ewropa 2020;

    23.

    Jistieden lill-Istati Membri, fil-każ ta’ bidliet eventwali fit-Trattati, biex iwaqqfu politika industrijali komuni b’ambizzjoni u b’mezzi komparabbli għall-Politika Agrikola Komuni, li tkun tinkludi djalogu ġenwin nazzjonali biex jaqsmu strateġija komuni permezz ta’ riżorsi finanzjarji sostanzjali u għodod finanzjarji u regolatorji simili għal dawk tal-oqsma kummerċjali ewlenin oħra li jinkludu, pereżempju, għodda monetarja jew regoli dwar l-għajnuniet statali mfassla għall-ħtiġijiet tal-industrija tagħna, filwaqt li jibqgħu fid-dritt internazzjonali.

    24.

    Jilqa’ l-fatt li l-Kummissjoni tinteressa ruħha fil-produtturi, b'mod partikolari dawk industrijali, u mhux biss fil-konsumaturi;

    25.

    Jiddeplora l-assenza mill-proposta tal-Kummissjoni ta’ kwalunkwe miżura kontra d-dumping tal-pagi u d-dumping soċjali u dwar il-parteċipazzjoni tal-impjegati u r-ristrutturar;

    Offensiva favur l-Innovazzjoni, l-Effiċjenza u t-Teknoloġija Sostenibbli

    26.

    Jenfasizza l-fatt li strateġija għall-innovazzjoni, l-effiċjenza u t-teknoloġija ġdida, inkluża t-teknoloġija għas-sostennibbiltà, flimkien mal-mudelli kummerċjali ġodda, il-kreattività u l-manifattura avvanzata għandhom il-potenzjal li jiġġeneraw mill-ġdid u jimmodernizzaw il-bażi industrijali tal-UE, billi jżidu l-kompetittività prinċipali reġjonali u globali; jemmen li jeħtieġ li tiġi promossa l-innovazzjoni fil-kamp kollu, meta jitqiesu l-partijiet interessati kollha li jvarjaw minn innovazzjoni shop-floor u innovazzjoni mhux teknika għal R&Ż ta’ teknoloġija avvanzata fil-laboratorji tar-riċerka; josserva, f'dan il-kuntest, l-importanza tal-involviment tal-impjegati b'mod proattiv fil-proċess ta' innovazzjoni li jistimula kumpaniji innovattivi li huma l-mexxejja f'termini ekonomiċi, soċjali u ambjentali; jenfasizza l-ħtieġa tal-ħolqien ta' ambjent favorevoli u jqis li huwa fundamentali li jiġu żgurati kundizzjonijiet li fl-ambitu tagħhom in-negozji jistgħu joperaw u jkunu kompetittivi; iqis li huwa meħtieġ li tissaħħaħ il-bażi tal-għarfien tal-Ewropa, titnaqqas il-frammentazzjoni billi tiġi promossa l-eċċellenza fix-xjenza u l-edukazzjoni, jinħolqu kundizzjonijiet għat-trasformazzjoni ta’ ideat tajbin fi prodotti kummerċjabbli u jiżdied l-aċċess għall-finanzjament minn negozji innovattivi, jinħoloq ambjent favur l-innovazzjoni u jitneħħew l-inugwaljanzi soċjali u ġeografiċi billi jiġu reklamati l-benefiċċji ta’ innovazzjoni fl-Ewropa kollha; jenfassizza, f’dan il-kuntest, li għandu jiġi kkunsidrat b'mod partikolari r-rapport annwali tal-Kummissjoni dwar l-innovazzjoni (“Tabella ta’ Valutazzjoni tal-Unjoni tal-Innovazzjoni tal-2013”), li juri kif l-innovazzjoni taffettwa t-titjib tal-kompetittività dejjiema u li jipprovdi valutazzjoni komparattiva tal-prestazzjoni tal-Istati Membri tal-UE fir-rigward tar-riċerka u l-innovazzjoni, u jindika s-saħħiet u d-dgħufijiet relattivi tas-sistemi tar-riċerka u l-innovazzjoni tagħhom;

    27.

    Jemmen li l-fondi tal-UE għar-riċerka u l-innovazzjoni għandhom jaġixxu bħala katalisti u għandhom jintużaw f’sinerġija ma’ diversi strumenti nazzjonali kif ukoll fondi Ewropej, nazzjonali u reġjonali; ifakkar il-mira tar-R&Ż ta’ 3 % b’żewġ terzi ġejjin mis-settur privat; jappoġġja l-istabbiliment ta’ sħubijiet pubbliċi-privati (PPPs) skont Orizzont 2020 u jistieden lill-Kummissjoni tiżgura effett ta’ lieva suffiċjenti għall-investiment mis-settur privat;

    28.

    Jilqa’ l-parti ta’ 4 % mill-fondi li se jiġu implimentati permezz ta’ strument iddedikat għall-SMEs skont il-programm Orizzont 2020;

    29.

    Jilqa’ l-enfasi tal-Kummissjoni fuq l-ekodisinn, ir-riċiklabbiltà bi speċifikazzjonijiet minn nieqa sa nieqa, il-kriterji ġodda ta’ sostenibbiltà għall-prodotti u l-metodi ta’ kostruzzjoni u l-effiċjenza fir-riżorsi fil-kunċett ta' ekonomija ċirkolari; jitlob li l-abbozz tal-leġiżlazzjonijiet u l-istudji dwar l-użu effiċjenti ta’ riżorsi jqisu l-vijabilità ta’ dan tal-aħħar skont il-kriterji ta’ effiċjenza, profittabilità u effetti fit-tul; jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi aktar il-mentalità li tqis “iċ-ċiklu tal-ħajja” permezz tal-politika integrata dwar il-prodotti (IPP) li tikunsidra ċ-ċiklu tal-ħajja sħiħ tal-prodott (l-approċċ minn nieqa sa nieqa);

    30.

    Jilqa’ l-linji ta’ azzjoni tal-Kummissjoni kif ukoll il-PPPs possibbli; madankollu, jinsab imħasseb li l-iżviluppi ta' big data u tat-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni mhumiex inklużi b'mod adegwat; jistieden lill-Kummissjoni tintegra dawn l-iżviluppi b'mod xieraq; iqis li s-servizzi broadband huma importanti għall-iżvilupp tal-industrija tal-UE u jistgħu jikkontribwixxu għat-tkabbir ekonomiku tal-UE u fl-impjiegi, u għalhekk il-promozzjoni tal-investiment fil-faċilitajiet ta' broadband sabiex jintlaħqu netwerks ta' broadband u fibra ta' kapaċità għolja fin-netwerks ta' aċċess għandha tkompli tkun waħda mill-prijoritajiet tal-UE; jitlob lill-Kummissjoni tappoġġja l-formazzjoni ta' raggruppamenti minn naħa għall-oħra tal-linji ta' azzjoni, filwaqt li tippromwovi s-sinerġiji u l-effetti konsekwenzjali bejniethom;

    31.

    Jenfasizza r-rwol ewlieni tat-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni fit-tranżizzjoni għal ekonomija sostenibbli, li tinvolvi aspetti bħal dematerjalizzazzjoni, ekosorveljanza, effiċjenza fit-trasport u l-loġistika, servizzi–e u l-kura tas-saħħa; jilqa’ l-Istrateġija Industrijali Ġdida Ewropea għall-Elettronika li għandha l-għan li tirdoppja l-produzzjonijiet taċ-ċippi elettroniċi tal-UE għal 20 % tal-produzzjoni globali; jinsisti li ssir iżjed promozzjoni tal-użu tat-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni f'setturi industrijali tradizzjonali u l-iżvilupp ta' prodotti u servizzi diġitali ġodda li jikkontribwixxu għall-ilħuq tal-objettivi ta' żvilupp sostenibbli;

    32.

    Jilqa’ l-linja ta’ azzjoni dwar il-manifattura avvanzata; jemmen li din tibbenefika minn PPPs bħal SPIRE; jemmen li t-tnedija ta’ Komunità dwar l-Għarfien u l-Innovazzjoni sal-2016 fil-qasam tal-manifattura ta’ valur miżjud hija prijorità; jistieden lill-Kummissjoni tintegra l-esperjenzi tal-EPEC (iċ-Ċentru Ewropew ta’ Konsulenza Esperta fuq il-PPPs tal-BEI) fil-PPPs li ġejjin; iħeġġeġ lill-Kummissjoni toħloq ukoll sinerġiji fil-manifattura avvanzata bejn Stati Membri u istituzzjonijiet industrijali u tar-riċerka; jitlob lill-Kummissjoni tikkunsidra safejn in-Netwerk Nazzjonali għall-Innovazzjoni fil-Manifuttura tal-Istati Uniti jista’ jservi bħala mudell;

    33.

    Jilqa' l-linja ta' azzjoni dwar il-grilji intelliġenti u jemmen li din tibbenefika mill-estensjoni fl-iskop tagħha u jiżdiedu aktar proposti; jirrakkomanda li xogħolha għandu wkoll jinkludi l-aspetti ta’ infrastruttura adegwata tal-enerġija, ħażna u kapaċità ta' riżerva tal-enerġija msemmijin mill-Kummissjoni, bħal grilja tal-elettriku b’effiċjenza għolja b’interkonnetturi li tgħin fit-tlestija tas-suq intern għall-enerġija u kapaċi timmaniġġja sorsi ta’ enerġija rinnovabbli bħal enerġija mir-riħ kif ukoll infrastruttura diġitali ta’ teknoloġija avvanzata;

    34.

    Jistieden lill-Kummissjoni tipproponi politika ta' raggruppamenti u netwerk ta' raggruppamenti fil-forma ta' kooperazzjoni, b'mod partikolari fil-ktajjen tal-valur, bejn il-kumpaniji, il-fornituri, il-fornituri tas-servizzi, l-universitajiet u ċ-ċentri ta' riċerka konnessi li wkoll jistimulaw ħolqien organiku ta' ragguppamenti “minn isfel għal fuq” biex iwieġbu għall-ħtiġijiet tan-negozju u/jew tar-riċerka; jenfasizza l-importanza li jiġu stabbiliti raggruppamenti transnazzjonali, b'mod partikolari sabiex ikunu strutturalment integrati reġjuni aktar dgħajfa fil-katina tal-valur industrijali Ewropea, abbażi ta’ kompetizzjoni fl-Unjoni kollha sabiex tinkoraġġixxi l-parteċipazzjoni ta’ pajjiżi/reġjuni sottorappreżentati u tiżgura t-trasferiment tal-għarfien fil-komunitajiet tar-riċerka mill-Istati Membri kollha; jemmen li dan huwa aspett kruċjali li għandu jkun integrat fil-politiki industrijali reġjonali; josserva li l-Kummissjoni għandha tagħti attenzjoni partikolari biex tappoġġja raggruppamenti eżistenti; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex timplimenta raggruppamenti dwar l-effiċjenza tar-riżorsi permezz tal-Pjan ta’ Azzjoni ambjentali li jmiss għall-SMEs;

    35.

    Jilqa’ l-istrateġija għal teknoloġiji abilitanti essenzjali fejn l-UE għandha l-potenzjal li tikseb vantaġġ kompetittiv qawwi u l-potenzjal li żżidu minħabba l-bażi ta’ riċerka b’saħħitha li għandha, però jemmen li hemm bżonn sforz akbar rigward l-isfruttament ta’ riżultati sabiex jitwassal dan il-vantaġġ; jappoġġja l-azzjonijiet proposti biex jittejbu l-koordinazzjoni u s-sinerġiji bejn il-politiki u l-istrumenti, inklużi l-Orizzont 2020, il-BEI, il-Fondi Strutturali tal-UE u fondi pubbliċi u privati oħra; jilqa’ l-inizjattivi li jsaħħu l-azzjonijiet speċifiċi għar-raggruppamenti relatati mal-KETs u ż-żieda fil-kooperazzjoni transreġjonali; jistieden lill-Kummissjoni tevita li tistabbilixxi għeluq għal konsorzji individwali jew kumpaniji individwali; josserva li l-iffinanzjar ta’ infrastruttura ta’ riċerka għandu jkun għall-benefiċċju u l-użu ta’ bosta atturi;

    36.

    Jistieden lill-Kummissjoni ssaħħaħ in-netwerks ta' komunikazzjoni fuq l-eżempju tal-proġetti tal-bliet intelliġenti, permezz ta' kooperazzjoni bejn ir-reġjuni, l-ibliet u żoni lokali, sabiex jamministraw is-servizzi komuni, jipproduċu u jikkunsmaw l-enerġija b'mod effiċjenti, filwaqt li jinċentivaw interventi ta’ kwalifikazzjoni mill-ġdid tal-enerġija li jippromwovu, pereżempju, il-kostruzzjoni ta' bini b' teknoloġija avvanzata u konsum baxx ta' enerġija;

    37.

    Josserva l-orjentazzjoni predominanti ta’ “spinta teknoloġika” lejn il-programmi ta’ riċerka u innovazzjoni tal-Kummissjoni; jemmen li hemm bżonn ġenerali biex jissaħħu l-miżuri u l-attivitajiet ta’ domanda tas-suq li jkunu jistgħu b’mod effettiv idaħħlu s-soluzzjonijiet fis-swieq;

    38.

    Jistieden lill-Kummissjoni tgħaqqad għodod ta’ politika mil-lat tal-provvista mal-lat tad-domanda permezz tal-ħolqien ta’ Sħubija għal Innovazzjoni (bħal bliet intelliġenti, it-tixjiħ attiv jew il-materja prima) u l-iżvilupp ta’ “suq pilota” bl-għan li ssir promozzjoni tal-adozzjoni ta’ prodotti u servizzi ġodda fis-suq li jissodisfaw il-bżonnijiet tas-soċjetà;

    39.

    Jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa strateġija li tiżgura li l-Ewropa tiġbed talenti barranin filwaqt li fl-istess ħin iżżomm relazzjonijiet mal-ogħla talenti Ewropej; jenfasizza l-importanza tal-kollaborazzjoni mal-komunitajiet espatrijati mill-UE, filwaqt li jiġu mħeġġa jużaw l-għarfien u l-kuntatti tagħhom għal opportunitajiet ta’ negozju fl-UE;

    40.

    Huwa tal-fehma li l-inċentiv ta’ forom ta’ turiżmu sostenibbli marbuta mal-konsum ta’ produzzjonijiet lokali jkun kapaċi jagħti spinta lill-irkupru ta’ attivitajiet agrikoli u artiġjanali kif ukoll it-tixrid ta’ intrapriżi żgħar fil-lokalitajiet u jista’ jservi ta’ mutur ekonomiku sinifikanti b’tali mod li jiffavorixxi l-irkupru ekonomiku, li fl-istess ħin jiżgura mmaniġġjar korrett tal-ambjent, protezzjoni tal-kulturi u salvagwardja tal-bniedem, il-prevenzjoni ta’ żbilanċi idroġeoloġiċi;

    41.

    Iqis li x-xjenzi tal-ħajja huma settur strateġiku tal-Unjoni Ewropea minħabba l-potenzjal innovattiv tagħhom, ir-rwol tagħhom fil-produzzjoni industrijali Ewropea, l-importanza tagħhom f’termini ta’ impjiegi diretti u indiretti li joħolqu u l-abbiltà tagħhom għall-esportazzjoni ta’ prodotti barra l-UE;

    42.

    Jemmen li sabiex tiżviluppa l-politika industrijali tagħha l-UE trid tagħmel għażliet politiċi u tikkonċentra l-isforzi tagħha fuq setturi strateġiċi li jindirizzaw l-isfidi soċjali filwaqt li jibnu fuq l-għarfien Ewropew; iħeġġeġ lill-Kummissjoni, għalhekk, tiżviluppa aġenda strateġika għall-industrija Ewropea tax-xjenzi tal-ħajja kif spjegat fil-komunikazzjoni tagħha intitolata “Industrija Ewropea Aktar B'saħħitha għat-Tkabbir u l-Irkupru Ekonomiku Aġġornament tal-Komunikazzjoni dwar il-Politika Industrijali”;

    It-tlestija tas-suq intern u l-ftuħ ta’ swieq esterni għall-istrateġija RISE

    43.

    Jenfasizza li s-Suq Uniku Ewropew għandu rwol ċentrali bħala s-suq lokali għall-industrija Ewropea u li hemm bżonn ta’ żvilupp ta’ strateġija fis-suq intern xprunata mid-domanda sabiex tippromwovi l-adozzjoni ta’ teknoloġiji ġodda, b’hekk tgħin fil-ħolqien ta’ swieq ġodda, mudelli ta’ negozji u setturi industrijali; jenfasizza li dan huwa partikolarment pertinenti waqt il-pubblikazzjoni tar-riżultati tar-R&Ż fis-swieq; jenfasizza li regoli u standards prevedibbli fis-suq intern – applikati b'mod effikaċi fl-Istati Membri – jgħinu biex jipprovdu lill-kumpaniji bi prospettiva stabbli; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jlestu b’urġenza s-suq uniku għall-prodotti, għall-enerġija, it-telekomunikazzjonijiet, it-trasport, il-prodotti ekoloġiċi (kif stabbilit mill-Kummissjoni fl-inizjattiva tagħha) u l-kapital ta’ riskju kif ukoll biex jiġi żgurat il-moviment ħieles tar-riċerkaturi, l-għarfien xjentifiku u t-teknoloġija; jirrimarka li n-nuqqas ta' tlestija tas-suq intern huwa ostaklu għat-tkabbir u jistieden lill-Kummissjoni twettaq studju biex tivvaluta l-impatt tal-kriżi fuq is-suq intern u tindirizza l-inugwaljanza tal-ispejjeż fl-UE li jistgħu jwasslu għal żvantaġġi għall-kumpaniji Ewropej meta mqabbla ma' kompetituri f'pajjiżi terzi; iwissi dwar il-periklu ta' tfixkil fil-kompetizzjoni bejn l-Istati Membri fi ħdan it-territorju tal-UE minħabba l-frammentazzjoni tas-suq intern; jitlob lill-UE tkompli ssaħħaħ il-kooperazzjoni tagħha fl-oqsma tal-liġi tax-xogħol u l-benefiċċji tat-taxxa; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tippromwovi l-użu tal-marka “Magħmul fl-Ewropa” biex issaħħaħ is-suq uniku u l-prodotti ta’ oriġini Ewropea;

    44.

    Jilqa’ l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tiżviluppa pjan ta’ azzjoni orizzontali biex tagħti spinta lid-domanda għal prodotti u servizzi innovattivi; jistieden lill-Kummissjoni tippersisti fl-istudju tal-ħajja tal-prodotti sa mill-fażi ta' materja prima sal-fażi ta' riċiklaġġ, bil-għan li tavvanza 'l quddiem u tistabbilixxi parametri referenzjarji ta’ effiċjenza għall-prodotti li jqisu l-benefiċċji meta mqabbla mal-ispejjeż u l-potenzjal ta' innovazzjoni;

    45.

    Jenfasizza li l-akkwist pubbliku għandu jixpruna l-innovazzjoni; jirrimarka li l-akkwist pubbliku huwa parti integrali tal-politika industrijali tas-sħab fil-kummerċ tal-Unjoni Ewropea; jemmen li l-linji gwida tal-għajnuna mill-istat għandu jkollhom l-għan li jagħtu spinta lill-kompetittività industrijali tal-UE anke b'kont meħud tal-aħjar prattiki u eżempji tajba mis-sħab fil-kummerċ tal-UE, jippromwovu l-kooperazzjoni Ewropea u jkunu miftuħa għall-miżuri politiki li jtejbu l-innovazzjoni; jemmen li l-istandardizzazzjoni u l-ekotikkettar, kif ukoll ir-responsabbiltà soċjali tal-kumpaniji, inkluż għall-oġġetti importati, għandhom rwol importanti biex jagħtu spinta fl-adozzjoni ta’ teknoloġiji ġodda; jistieden lill-Kummissjoni sabiex tipprijoritizza attivitajiet li jappoġġjaw l-istandardizzazzjoni u l-interoperabiltà għall-prodotti emerġenti ġodda, servizzi u teknoloġiji bħala pilastru għall-kompetizzjoni interna Ewropea u opportunitajiet ta’ kummerċ internazzjonali;

    46.

    Jirrikonoxxi li s-sorveljanza tas-suq hija pilastru kruċjali biex is-sigurtà u l-kwalità jkunu żgurati fi ħdan is-suq intern; jilqa’ l-pakkett propost mill-Kummissjoni dwar is-sigurtà tal-prodotti u s-sorveljanza tas-swieq, billi jenfasizza l-importanza li jista’ jkollha l-indikazzjoni tal-oriġini, mhux biss għall-konsumaturi, imma wkoll fl-għan ta' politika kummerċjali, interna u esterna, aktar trasparenti; jistieden lill-Kummissjoni tisfrutta s-saħħa u l-effikaċja tal-internet fil-ħidma tagħha dwar is-sorveljanza tas-suq, billi tippermetti lin-nies jipparteċipaw billi jipprovdu rispons ikkwalifikat dwar il-prodotti; jenfasizza, f’dan ir-rigward, l-importanza tal-protezzjoni tal-konsumatur li tiffunzjona sew fl-Unjoni Ewropea;

    47.

    Jenfasizza li t-tlestija tas-suq uniku diġitali hija element importanti fl-istrateġija industrijali tal-UE; itenni l-importanza għall-SMEs li jiddiġitalizzaw is-suq intern u l-iżvilupp tal-kummerċ elettroniku fis-suq intern; jemmen li s-suq diġitali u t-teknoloġiji ġodda tal-informazzjoni joffru opportunità ta’ żvilupp industrijali li għad irid jiġi sfruttat bis-sħiħ u li l-Ewropa għandha għarfien qawwi tiegħu; jenfasizza l-ħtieġa kbira tal-adattament tal-politika ta’ standardizzazzjoni tat-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni tal-UE mal-iżviluppi tas-suq u tal-politika, li se jwasslu għall-kisba tal-għanijiet tal-politika Ewropea li teħtieġ l-interoperabilità bħan-negozju elettroniku, il-kummerċ elettroniku, it-trasport elettroniku ta' merkanzija u s-sistemi intelliġenti tat-trasport, eċċ.;

    48.

    Jenfasizza li t-tlestija tas-suq uniku diġitali għandu jkun element importanti fl-istrateġija industrijali tal-UE; jenfasizza li għandu jiġi applikat qafas regolatorju ekwivalenti lis-swieq online u offline sabiex tkun żgurata l-kompetizzjoni ġusta u l-protezzjoni tal-konsumaturi;

    49.

    Jilqa' r-rikonoxximent mill-Kummissjoni Ewropea ta’ definizzjoni tal-industriji kulturali u kreattivi ta’ kwalità għolja bħala settur ekonomiku li jkopri s-sezzjonijiet tas-swieq għal prodotti u servizzi ta’ kwalità għolja u jirrifletti l-karatteristiċi speċifiċi bħad-dimensjoni kulturali u ta' kreattività tal-prodott jew tas-servizz, il-prestiġju tal-prodott, il-proprjetà intellettwali, il-kwalità tal-manifattura, id-disinn u l-innovazzjoni, u l-mod li bih il-prodotti u s-servizzi huma kkumerċjalizzati jew irreklamati; jistieden lill-Kummissjoni tagħraf in-natura speċifika ta’ eċċellenza tal-professjonijiet fi ħdan l-industriji Ewropej, li jammontaw għal numru sostanzjali ta’ impjiegi fl-Ewropa u li huma bbażati fuq erba’ kriterji: il-kreattivita, l-eċċellenza, l-għarfien espert u t-tagħlim matul il-karriera;

    50.

    Jilqa’ l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tappoġġja l-kompetittività tas-settur ta’ kwalità għolja, li jammonta għal 3 % tal-PDG fl-UE u aktar minn 1,5 miljun impjieg dirett u indirett u jistedinha biex timplimenta miżuri li jindirizzaw ir-riskju ta’ nuqqas ta’ ħiliet fis-settur sabiex jitħarsu l-metodi tal-produzzjoni u l-għarfien espert li huma speċifikament Ewropej;

    51.

    Josserva li l-industrija tal-azzar Ewropea taħdem b’50 % tal-kapaċità tagħha u li l-produzzjoni Ewropea tal-azzar waqgħet b’25 % mill-2008;

    52.

    Josserva li s-settur Ewropew tal-karozzi, li fl-2007 pproduċa 16-il miljun karozza, mhux se jirnexxilu jipproduċi 12-il miljun karozza fl-2013;

    53.

    Iqis li, meta titqies il-kriżi finanzjarja, ekonomika u soċjali ta' bħalissa, l-investiment pubbliku u privat huwa essenzjali bħala parti mill-istrateġija ġenerali għat-tkabbir sostenibbli; jappoġġja, f'dan is-sens, ir-riforma globali fir-reġim tal-assistenza statali, permezz tal-applikazzjoni ta' approċċ b'bażijiet aktar soċjali u ekonomiċi u permezz ta' flessibilità akbar tar-regoli ta' kompetizzjoni kif stabbilit fl-Artikoli 101 u 102 tat-TFUE; itenni l-importanza li jittieħed akkont akbar tal-kwalità u tal-effikaċja tan-nefqa pubblika.

    54.

    Jenfasizza li l-politika industrijali għandha tagħmel użu sħiħ mill-istrumenti tal-politika tal-kompetizzjoni sabiex jinħolqu kundizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni u jitrawmu swieq kompetittivi;

    55.

    Jissuġġerixxi li l-Kummissjoni tevalwa safejn ir-rifjut minn grupp li jopera globalment li jċedi sit li ddeċieda li jagħlaq lil grupp potenzjali ieħor jew entità pubblika għal użu pubbliku temporanju, huwa f’konformità mal-liġi tal-kompetizzjoni Ewropea;

    56.

    Jieħu nota tal-investigazzjoni tal-Kummissjoni dwar ir-riforma tas-suq intern għall-prodotti industrijali; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li dawn l-istandards relevanti jkunu kompatibbli mas-suq;

    57.

    Jirrikonoxxi l-kampanja tal-Kummissjoni dwar regolamentazzjoni intelliġenti mfassla biex tnaqqas il-piżijiet lill-industrija mingħajr ma xxekkel l-effikaċja tal-leġiżlazzjoni, li tinkludi l-valutazzjonijiet tal-impatti, il-verifika tal-kompetittività, il-kontrolli tal-adegwatezza u t-test tal-intrapriżi żgħar u medji, b'mod partikolari fir-rigward tal-intrapriżi mikro u l-intrapriżi żgħar u medji, u jirrikonoxxi l-ħtieġa ta' stabbiltà regolatorja sabiex tinkoraġixxi l-investiment; jemmen li piż burokratiku u politiki konfliġġenti huma ħafna drabi barriera biex tittejjeb il-kompetittività tal-kumpaniji industrijali u jqis li x-xogħol biex jitnaqqsu dawn il-piżijiet għandu jkun ta' prijorità fuq l-aġenda politka, u jistenna bil-ħerqa proposti mill-Kummissjoni dwar dan is-suġġett b'objettivi konkreti; jappoġġja l-koerenza regolatorja, l-approċċ regolatorju trasversali u l-prijoritizzazzjoni kif ukoll it-titjib fil-verifika tal-kompetittività li għandu jkun parti integrali u obbligatorja skont il-linji gwida dwar il-valutazzjoni tal-impatt; jistieden lill-Istati Membri jużaw it-test tal-intrapriżi żgħar u medji u tat-titjib tal-verifika tal-kompetittività fuq livell nazzjonali wkoll; jilqa' l-isforzi tal-Kummissjoni biex tevalwa l-effett kumulattiv ta' leġiżlazzjoni fis-settur tal-azzar u jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa aktar il-metodoloġija kif ukoll tidentifika s-setturi l-oħra li jistgħu jibbeneffikaw minn dan l-approċċ;

    58.

    Jinkoraġġixxi l-isfruttament ulterjuri tal-potenzjal tal-proċedura ta' notifika 98/34/KE, u jissuġġerixxi li l-Istati Membri jintroduċu l-verifika tal-kompetittività fil-valutazzjonijiet tal-impatt imwettqa fl-istadji tat-tfassil tal-proċessi leġiżlattivi nazzjonali, fil-qasam aktar wiesa' tat-'Test tas-Suq Uniku' li ntalab fir-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta' Frar 2013 b'rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar il-governanza tas-Suq Uniku;

    59.

    Jitlob għall-implimentazzjoni rapida tal-Att dwar in-Negozji ż-Żgħar sabiex ikunu appoġġjati l-intrapriżi żgħar u medji Ewropej; josserva l-importanza tan-Netwerk Enterprise Europe biex ikunu appoġġjati l-intrapriżi żgħar u medji fil-kummerċ transkonfinali fl-UE; jenfasizza l-importanza li jiġu appoġġjati n-negozji ż-żgħar u jiġu mgħejjuna biex jinbidlu f'intrapriżi ta' daqs medju u li l-intrapriżi żgħar u medji jinbidlu f'atturi akbar, sabiex il-kompetittività globali tagħhom tkun iffaċilitata wkoll; jiġbed l-attenzjoni għall-benefiċċju ekonomiku li jiġu żviluppati wkoll rabtiet bejn il-kumpaniji fl-istess settur, bħall-industrija tad-difiża, sabiex jiksbu ekonomiji ta' skala u jaqsmu proġetti industrijali komuni;

    60.

    Iqis aċċess tal-SMEs li jkun aħjar, aktar rapidu u jiswa anqas, għall-proċeduri tal-antidumping, bħala fundamentali biex jitħarsu b’mod aktar effettiv minn prattiki kummerċjali inġusti min-naħa ta' sħab kummerċjali; jistieden lill-UE tqis dan il-punt meta tkun qed teżamina mill-ġdid l-istrumenti tagħha ta’ difiża kummerċjali;

    61.

    Jistieden lill-UE ssaħħaħ il-produzzjoni industrijali tagħha billi tipprovdi informazzjoni aktar preċiża lill-konsumaturi, billi trendi obbligatorja l-ispeċifikazzjoni tal-provenjenza tal-prodotti tal-UE u ta’ prodotti importati minn pajjiżi terzi u billi tinforza r-rispett tal-indikazzjonijiet ġeografiċi tal-prodotti tal-ikel Ewropej fil-pajjiżi terzi;

    62.

    Jenfasizza li l-iżvilupp teknoloġiku huwa settur sensittiv u vulnerabbli; jemmen li d-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali (DPI) huma komponent essenzjali ta’ ekonomija bbażata fuq l-għarfien u ta’ politika industrijali soda li jistgħu jrawmu l-innovazzjoni u r-riċerka, u jsaħħu l-industrija Ewropea; jilqa’ f’dan ir-rigward, il-ħolqien ta’ privattiva unitarja tal-UE u jistieden lill-Istati Membri jimplimentawha mingħajr dewmien; jemmen li l-proċedura li wasslet għall-ħolqien tagħha għandha tinżamm bħala eżempju tal-aħjar prattika fil-kuntest tat-tisħiħ tal-integrazzjoni aktar mill-qrib tal-industrija u s-suq intern; jinsab imħasseb li r-reġim attwali tad-DPI spiss ma jwettaqx il-missjoni tiegħu li jwassal għall-innovazzjoni; jemmen li żieda fit-trasparenza u prattiki ta’ ġestjoni u liċenzjar innovattivi jistgħu jġibu soluzzjonijiet tas-suq aktar rapidi; jilqa’, f’dan il-kuntest, ix-xogħol mibdi mill-Kummissjoni; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jsaħħu l-protezzjoni tad-DPI, partikolarment biex jittrattaw b’mod determinat l-iffalsifikar u l-ispjunaġġ industrijali; jenfasizza li hemm bżonn ta’ strutturi ta’ governanza u fora ġodda għall-protezzjoni tad-DPI fil-livell internazzjonali; jistieden lill-Kummissjoni biex tistabbilixxi strateġija għall-protezzjoni tas-sigrieti kummerċjali fuq livell Ewropew;

    63.

    Jenfasizza l-importanza tal-infurzar tad-DPI fl-ambjent fiżiku u f’dak diġitali għat-tkabbir u l-ħolqien ta’ impjiegi fl-industriji Ewropej; jilqa’, f’dan ir-rigward, ir-riforma li għadha għaddejja tas-sistema tal-marki kummerċjali tal-UE, li għandha l-potenzjal li ssaħħaħ il-protezzjoni tal-marki kummerċjali online, offline u fis-suq intern kollu kemm hu;

    64.

    Jappoġġja r-riforma attwali tas-sistema tal-liġi tal-marki kummerċjali li se tagħti spinta lill-protezzjoni tal-marki kummerċjali onlajn, offlajn u fis-suq intern kollu kemm hu u fil-qafas tal-kummerċ internazzjonali;

    65.

    Jilqa’ l-għarfien tal-problema tal-“patent thickets” (massa kumplessa ta’ privattivi) u l-“patent ambushes” (“imbuskati” ta’ privattivi); jappoġġja l-emendar tas-sistema regolatorja biex jitrawmu arranġamenti ta’ liċenzjar reċiproku u ta’ pula ta’ privattivi favur il-kompetizzjoni;

    66.

    Jistieden lill-Kummissjoni tipproponi leġiżlazzjoni li se tippermetti lill-kumpaniji Ewropej jimmanifatturaw mediċini ġeneriċi u bijosimili fl-UE waqt il-perjodu taċ-Ċertifikat Kumplementari ta’ Protezzjoni għall-Mediċamenti (ĊKP), wara li tkun skadiet il-protezzjoni tal-privattivi, bil-għan li jħejju għall-varar immedjat wara l-iskadenza taċ-ĊKP jew jesportaw lejn pajjiżi fejn ma hemm fis-seħħ l-ebda privattiva jew ĊKP; jemmen li tali dispożizzjonijiet jistgħu jgħinu sabiex tiġi evitata l-esternalizzazzjoni tal-produzzjoni u sabiex jitrawwem il-ħolqien ta’ impjiegi fl-UE, kif ukoll biex jinħolqu kundizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni bejn il-kumpaniji Ewropej u l-kompetituri tagħhom f’pajjiżi terzi;

    67.

    Jenfasizza li r-relazzjonijiet esterni għandhom implikazzjonijiet li jmorru lil hinn mill-ambitu tal-ftehimiet iffirmati taħt l-awspiċi tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) u li, meta jkunu qed jiżviluppaw id-dimensjoni esterna tal-politika industrijali, l-UE u l-Istati Membri għandhom jaqblu dwar pożizzjonijiet komuni sabiex jiżguraw li jkun hemm kundizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni fuq livell globali;

    68.

    Jibed l-attenzjoni lejn il-fatt li fil-komunikazzjoni konġunta tagħha tas-7 ta’ Frar 2013 bit-titolu “L-Istrateġija taċ-Ċibersigurtà tal-Unjoni Ewropea: Ċiberspazju Miftuħ, Sikur u Sigur” (22), il-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà impenjat ruħha li tiżviluppa u li tippromwovi riżorsi industrijali u teknoloġiċi għall-qasam taċ-ċibersigurtà;

    69.

    Jenfasizza l-ħtieġa li tittejjeb il-kompetittività tal-kumpaniji Ewropej fis-suq dinji; jinnota l-importanza ta’ strateġija tal-kummerċ tal-UE; jistieden lill-Kummissjoni, fid-dawl ta' kompetizzjoni akbar min-naħa tas-sħab kummerċjali tal-UE, torganizza mill-ġdid il-politika tal-kummerċ tagħha biex tiżgura li l-politika tal-kummerċ u tal-kompetizzjoni tal-Unjoni tkun kompatibbli mal-objettivi tal-politika industrijali Ewropea u li ma tipperikolax il-potenzjal innovattiv u kompetittiv tal-kumpaniji Ewropej; jitlob lill-Kummissjoni, flimkien mal-VP/RGħ, tiżviluppa strateġija għall-inklużjoni ta' uffiċċji għall-SMEs fil-missjonijiet tal-UE; jinnota li dawn l-uffiċċji għall-SMEs għandhom iqisu x-xogħol tal-kmamar tal-kummerċ u għandhom jintegraw il-lezzjonijiet meħuda miċ-ċentri tan-negozju Ewropej; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jżidu l-kooperazzjoni tagħhom b'appoġġ għall-kumpaniji Ewropej fis-swieq barranin; jistedinhom jagħtu prijorità b'mod partikolari lil strumenti maħsuba biex jgħinu lill-SMEs u biex jiċċentralizzaw l-informazzjoni għall-SMEs billi jistabbilixxu punti uniċi ta' servizz fl-UE kollha; jistieden lill-Kummissjoni tagħmel it-test imtejjeb tal-kompetittività parti mill-valutazzjonijiet tal-impatt tal-ftehimiet ta' kummerċ u tal-impatt kumulattiv tagħhom;

    70.

    Jinnota li kulma jmur l-ispejjeż ambjentali li ġġarrab l-industrija Ewropea qed iwasslu biex l-industrijalisti Ewropej jinvestu barra mill-Unjoni Ewropea;

    71.

    Jenfasizza l-importanza ta’ standards ambjentali u soċjali fil-ftehimiet kummerċjali bilaterali u r-relazzjonijiet kummerċjali multilaterali sabiex jiġi stabbilit kummerċ ġust u ekwu u kundizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni globali; jistieden lill-Kummissjoni, meta tkun qed tiffirma ftehimiet kummerċjali ġodda jew tirrevedi dawk eżistenti, tiżgura li l-operaturi kemm ġewwa u kemm barra mill-UE jiġu fuq livell indaqs; jenfasizza li l-UE għandha tieħu passi reali biex tqajjem kwistjonijiet ta' tgħawwiġiet speċifiċi li huma ta' ħsara għall-interessi industrijali Ewropej, u li għandha ddaħħal gradwalment il-prinċipju tar-relazzjonijiet kummerċjali reċiproċi, b'mod partikolari fir-rigward tal-aċċess għas-swieq tal-akkwist pubbliku u ttejjeb il-kapaċità ta' rispons, ħwejjeġ li jistgħu jgħinu fil-ftuħ tas-swieq;

    72.

    Ifakkar lill-Kummissjoni li l-livell baxx tas-salarji u tal-protezzjoni ambjentali għadu element importanti ħafna tal-kompetizzjoni internazzjonali u li huwa neċessarju b’mod urġenti li jiġi segwit allinjament ’il fuq ta’ dawn l-istandards sabiex l-UE tkun tista' verament tirriindustrijalizza; jistieden lill-Kummissjoni, f'dan ir-rigward, tinnegozja impenji vinkolanti fir-rigward tad-drittijiet tal-ħaddiema u l-protezzjoni tal-ambjent fil-Ftehimiet ta' Kummerċ Ħieles ma' pajjiżi terzi;

    73.

    Jieħu nota tal-proposta tal-Kummissjoni li jiġu mmodernizzati l-istrumenti ta’ difiża kummerċjali tal-UE, li huma elementi kruċjali tal-politika industrijali; jittama li din il-modernizzazzjoni tkun tista' ttejjeb l-effettività tagħhom; iħeġġeġ lill-Kummissjoni, għal dan il-għan, ma ddgħajjifx dawk l-istrumenti, la de jure u lanqas de facto, iżda għall-kuntrarju ssaħħaħhom sabiex tipproteġi l-impriżi Ewropej ta' kull daqs b’mod aktar effikaċi, u malajr kemm jista' jkun, kontra prattiki kummerċjali illegali jew inġusti;

    74.

    Ifakkar fil-ħtieġa li, kulfejn dan ikun iġġustifikat miċ-ċirkostanzi, jintużaw l-istrumenti ta’ difiża kummerċjali kontra pajjiżi li ma jirrispettawx ir-regoli tal-kummerċ internazzjonali jew il-kundizzjonijiet tal-ftehimiet ta’ kummerċ ħieles konklużi mal-Unjoni, u jitlob li l-aċċess tal-SMEs għall-proċeduri tal-antidumping jiġi iffaċilitat, isir aktar malajr u irħas sabiex ikunu jistgħu jipproteġu ruħhom aħjar kontra l-prattiki inġusti;

    75.

    Jiġbed l-attenzjoni lejn ir-rwol ewlieni mwettaq mir-riċerka u l-innovazzjoni fl-iżgurar tal-kompetittività tal-kumpaniji Ewropej fis-swieq dinjija u jenfasizza l-ħtieġa li l-kumpaniji Ewropej isiru kapaċi jantiċipaw aħjar il-ħtiġijiet tas-swieq ta' pajjiżi terzi sabiex iwieġbu għad-domanda dinjija;

    76.

    Iqis li huwa essenzjali, bħala parti mill-isforzi biex tagħti l-ħajja mill-ġdid lill-industrija tagħha, li l-UE tgħammar lilha nfisha bil-għodda biex:

    issegwi politika aktar attiva ta’ antidumping u tieħu azzjoni xierqa b'reazzjoni, inter alia, għas-sussidji tal-esportazzjoni inġusti stabbiliti minn ċerti pajjiżi terzi,

    timplimenta politika ġenwina fir-rigward tar-rata tal-kambju li tħares l-interessi kummerċjali Ewropej,

    tiddefendi l-prinċipju ta’ “kummerċ ġust”, li huwa bbażat fuq ir-rispett reċiproku għal standards soċjali, ambjentali, kulturali u tad-drittijiet tal-bniedem fil-kuntest tal-kummerċ internazzjonali;

    77.

    Jistieden lill-Kummissjoni ttejjeb b’mod sinifikanti l-valutazzjonijiet tagħha tal-ftehimiet kummerċjali, b'mod partikolari l-istudji dwar l-impatt li jsiru, billi tqis il-kwistjoni tal- kompetittività industrijali u twettaq studji ex-post, kif ukoll analiżijiet tal-effett kumulattivi tal-ftehimiet kollha li diġà huma konklużi jew li qed jiġu nnegozjati; jenfasizza l-importanza tal-impenn tas-Sħubija Trans-Atlantika ta' Kummerċ u ta' Investiment (TTIP) għar-realizzazzjoni tal-objettivi tar-riindustrijalizzazzjoni, it-tkabbir u l-impjiegi Ewropej, u li għandu l-potenzjal li jissimplifika u jżid l-esportazzjoni tal-prodotti industrijali Ewropej, itejjeb il-kompetittività tal-industrija billi jgħolli l-istandards internazzjonali tal-produzzjoni u jnaqqas il-ispejjeż tal-importazzjoni tal-materja prima u tal-materja pproċessata għall-kumpaniji tal-manifattura; jinsisti li t-TTIP, l-istess bħal fil-każ ta' ftehimiet kummerċjali oħra, għandha tinkludi kapitolu iffukat fuq tali kwistjonijiet tal-enerġija bħalma huma dawk li jistgħu jaffettwaw is-suq intern; jistieden lill-Kummissjoni biex, permezz tat-tneħħija tat-tariffi, tagħmel possibbli aċċess aħjar għas-suq b’konnessjoni mas-servizzi u l-investimenti, issaħħaħ il-kooperazzjoni regolatorja, tiżgura t-titjib tar-regoli tal-akkwist pubbliku u l-protezzjoni tal-proprjetà intellettwali, u ssegwi dawn l-objettivi b’mod attiv fil-politika tal-kompetizzjoni u b’konnessjoni mal-enerġija u l-komoditajiet; jenfasizza l-bżonn li r-regolamenti jiġu simplifikati kif ukoll li l-piżijiet regolatorji u amministrattivi jitnaqqsu kif maħsub mit-TTIP, li għandha tiġu implimentata taħt il-konsiderazzjoni u l-protezzjoni stretti ta’ standards soċjali u ambjentali għolja u tad-drittijiet tal-impjegati; jenfasizza l-fatt li l-konklużjoni eventwali tat-TTIP se toħloq il-prospett ta’ spazju ekonomiku wiesa' li imbagħad isaħħaħ ir-relazzjonijiet tal-UE u jservi bħala multiplikatur għall-investiment dirett barrani (IDB) fl-UE;

    78.

    Jistieden lill-Kummissjoni tistudja l-eżempju tal-Istati Uniti li tippermetti lit-trejdjunjins iressqu lmenti kummerċjali, minħabba li t-tgħawwiġ tal-kummerċ jista' jolqot b'mod negattiv lill-industrija u għalhekk lill-ħaddiema u tipproponi miżuri simili għall-UE;

    79.

    Jenfasizza li għandha tissaħħaħ il-katina tal-valur miżjud industrijali fl-Ewropa permezz tal-konklużjoni ta’ ftehimiet kummerċjali ġodda, ta’ ftehimiet ta’ investiment ġodda u ta’ ftehimiet ġodda dwar il-proprjetà intellettwali, jiġifieri li għandu jiġi diġà, f’dan ir-rigward, integrat orjentament strateġiku li jimxi mal-mandat li se jingħata;

    80.

    Jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa strateġija ta’ esportazzjoni Ewropea għar-riżorsi u t- teknoloġiji effiċjenti fl-użu tar-riżorsi u servizzi korrispondenti li tinkludi d-diplomazija tal-istandardizzazzjoni biex jiġi żgurat li l-istandards Ewropej jiġu promossi fid-dinja kollha;

    81.

    Jirrimarka li l-istandards u r-regolamenti tekniċi għandhom rwol kruċjali sabiex jiġi ggarantit li l-UE tkun fuq quddiem nett fis-setturi innovattivi, inklużi t-teknoloġiji ekoloġiċi; jistieden, għalhekk, lill-Kummissjoni ssaħħaħ il-kapaċità tal-UE li tistabbilixxi standards u regoli tekniċi internazzjonali fis-setturi innovattivi; iħeġġeġ lill-Kummissjoni, barra minn hekk, ittejjeb il-kooperazzjoni mal-pajjiżi terzi ewlenin – inklużi l-pajjiżi emerġenti – bil-ħsieb li jiġu stabbiliti standards u regoli tekniċi komuni;

    Finanzjament u Rinaxximent Industrijali

    82.

    Jirrikonoxxi l-eżistenza ta’ limitazzjonijiet fuq is-self mill-banek u l-impatt negattiv tagħhom, b’mod partikolari fuq l-SMEs; jiddeplora l-fatt li dawn il-limitazzjonijiet jaffettwaw ukoll l-istrumenti ta' finanzjament ipprovduti mill-Unjoni Ewropea u jemmen li l-Kummissjoni għandha titlob lill-intermedjarji finanzjarji li huma responsabbli mill-amministrazzjoni ta' dawk l-istrumenti iressqu rapporti annwali; jilqa’ l-Green Paper tal-Kummissjoni dwar il-finanzjament fit-tul; jenfasizza l-ħtieġa li tissaħħaħ ir-robustezza u l-kredibilità tas-settur bankarju tal-UE permezz ta’ Basel III, unjoni bankarja u l-MES; jenfasizza l-importanza tas-sħab internazzjonali tagħna li wkoll qed jimplimentaw ir-regoli ta' Basel III; jirrimarka li l-investimenti fl-industrijali huma investimenti fit-tul; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jtejbu l-qafas leġiżlattiv u finanzjarju ħalli jagħmluh aktar ċar u aktar prevedibbli u b'hekk jinkoraġġixxu investiment fl-industrija;

    83.

    Jemmen li jeħtieġ li jiġu investigati toroq alternattivi u kreattivi ġodda ta’ finanzjament b’mod partikolari fir-rigward tal-finanzjament privat u l-finanzjament mill-bejgħ ta’ ishma; jinnota li l-promozzjoni tal-litteriżmu finanzjarju wkoll għandha rwol importanti f’dan ir-rigward u li l-litteriżmu finanzjarja għandu jiġi integrat fil-kurrikuli tal-iskejjel;

    84.

    Jenfasizza l-importanza ta’ riżorsi finanzjarji għall-kumpaniji li jkunu għadhom qed jiġu stabbiliti u l-SMEs sabiex l-intraprendituri jkollhom ir-riżorsi biex iġibu ideat innovattivi fis-suq;

    85.

    Jilqa’ l-inizjattiva tal-Kummissjoni li toħloq strumenti finanzjarji konġunti mal-BEI u jinnota li din l-inizjattiva ġiet approvata waqt il-laqgħa tal-Kunsill Ewropew ta’ Ġunju 2013; jilqa’ wkoll il-fatt li l-Kummissjoni u l-BEI kellhom il-ħsieb li lill-Kunsill Ewropew, qabel il-laqgħa tiegħu ta' Ottubru 2013, iressqulu rapport komprensiv dwar l-applikazzjoni tagħhom fejn jispjegaw l-objettivi kwantitattivi, l-istrumenti u kalendarju;

    86.

    Jitlob lill-Kunsill, f’konsultazzjoni mal-Kummissjoni u l-BEI, jispeċifika mingħajr dewmien il-parametri għad-disinn ta’ dawn l-istrumenti bil-għan li jinkiseb effett ta’ lieva importanti; jenfasizza li dawn l-istrumenti għandhom jibdew jaħdmu qabel it-tmiem tal-2013;

    87.

    Jilqa' ż-żieda kapitali tal-BEI u l-linji gwida tiegħu li għadhom kif ġew ippubblikati marbuta ma standard ġdid tal-prestazzjoni fir-rigward tal-emissjonijiet (EPS) ta' 550 gramma ta' CO2 kull kilowatt hour (g/kWh); jemmen li l-BEI jista’ jgħin biex jittaffew il-problemi marbuta mal-frammentazzjoni tas-swieq finanzjarji tal-UE; jitlob lill-BEI ikompli jinvestiga l-iżvilupp ta’ mudelli ġodda ta’ kreditu mfassla apposta għall-ħtiġijiet tal-industrija; jistieden lill-BEI jimplimenta l-pjan tiegħu li jżid l-attività kreditizja fl-UE b’aktar minn 50 % bejn l-2013 u l-2015;

    88.

    Jinnota li s-sussidarjetà tħalli l-bieb miftuħ għal varjetà wiesgħa ta’ politiki fiskali u self, kif ukoll arranġamenti ta' sissidju madwar l-Ewropa kollha;

    89.

    Jistieden lill-Kummissjoni tinvestiga kif is-suq tat-titoli abbażi ta’ assi kif ukoll formuli alternattivi ta’ finanzjament bis-superviżjoni prudenzjali xierqa jistgħu jiġu ingranati biex jiġi ffaċilitat il-finanzjament għall-SMEs; jinnota r-rwol li l-banek għall-iżvilupp tan-negozji u l-infrastruttura jista’ jkollhom fl-investiment f’bonds koperti strutturati maħruġa mill-banek, billi jgħaqqdu tali investiment ma’ żieda fl-objettivi ta’ self lill-SMEs; jilqa’ l-proposta ta’ sħubiji ta’ self privat lill-privat fejn kumpanija tal-assigurazzjoni u bank jingħaqdu sabiex jipprovdu selfiet għal perjodu qasir u fit-tul;

    90.

    Jemmen li huwa importanti li jiġu mrawma mudelli ġodda ta' finanzjament innovattiv għall-SMEs, speċjalment b'potenzjal għoli ta' tkabbir; jiġbed l-attenzjoni lejn l-inizjattivi ta’ finanzjament kollettiv (crowd-funding) u l-pjattaformi elettroniċi li qed jiffjorixxu għas-self fl-Ewropa u lejn il-benefiċċji finanzjarji u mhux finanzjarji li dan il-finanzjament iġib għall-SMEs u l-intraprendituri bħalma hu l- provvediment ta’ finanzjament biex jingħata bidu għal negozju, il-validazzjoni ta' prodotti, feedback tal-konsumatur, u struttura stabbli u impenjata ta’ parteċipazzjoni azzjonarja; jistieden lill-Kummissjoni toħroġ komunikazzjoni dwar il-finanzjament kollettiv (crowd-funding); jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa qafas regolatorju effettiv għall-finanzjament kollettiv (crowd-funding) fuq bażi ta’ massimu ta’ EUR 1 miljun għal kull proġett li jindirizza wkoll il-kwistjonijiet rigward il-protezzjoni tal-investitur; jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra tagħmel fondi limitati disponibbli għal servizzi ta’ finanzjament kollettiv (crowd-funding), kif diġà sar minn xi Stati Membri;

    91.

    Jistieden lill-Kummissjoni tappoġġja l-ħolqien ta’ swieq tal-bonds lokali għall-SMEs sabiex jiġi pprovdut finanzjament fit-tul adegwat, b’mod partikolari fir-reġjuni bi problemi ta’ kreditu; jemmen li swieq tal-bonds lokali bħalma hi l-Borża ta’ Stuttgart jistgħu jservi bħala mudell potenzjali;

    92.

    Jistieden lill-Kummissjoni tappoġġja l-iżvilupp ta’ banek tal-investiment nazzjonali għall-SMEs u tippermetti lil dawk eżistenti jespandu l-operazzjonijiet tagħhom fi Stati Membri oħra u jsiru involuti fil-finanzjament ta' proġetti 'il barra mill-fruntieri nazzjonali tagħhom, billi tfassal linji gwida bil-ħsieb li jingħeleb il-fenomenu mifrux tal-kriżi tal-kreditu;

    93.

    Jemmen li l-ħlasijiet tard huma sors ta’ instabbiltà u telf ta’ kompetittività għad-ditti, b'mod partikolari għall-SMEs; ifaħħar lil dawk l-Istati Membri li implimentaw bis-sħiħ id-Direttiva dwar il-ħlasijiet tard u jitlob li tiġi implimentata għalkollox tagħha fl-UE kollha; jemmen li l-għajnuna u l-istrumenti finanzjarji Ewropejli huma disponibbli isofru minn nuqqas ta’ għarfien fost l-operaturi ekonomiċi, speċjalment l-SMEs; jitlob li fl-UE kollha jiġu stabbiliti punti uniċi ta' servizz li jiċċentralizzaw l-informazzjoni għall-SMEs dwar il-finanzjament Ewropew disponibbli; jenfasizza l-importanza li jiġu stabbiliti netwerks ta’ assoċjazzjonijiet intermedjarji ta' intraprendituri u b'għanijiet mhux għall-qligħ għall-finijiet li jiġu stabbiliti u jingħataw lill-SMEs appoġġ, konsulenza u selfiet, bil-ħsieb li tiġi żviluppata l-intraprenditorija;

    94.

    Jemmen li l-kompetizzjoni tat-taxxa mhux ġusta bejn l-Istati Membri mhijiex adegwata għall-iżvilupp ta’ IP Ewropew b’saħħtu;

    95.

    Huwa favur koordinament aħjar tas-sistemi tat-taxxa tal-kumpaniji fl-UE permezz tal-introduzzjoni ta' bażijiet tat-taxxa armonizzati;

    96.

    Jistieden lill-Kummissjoni tipproduċi studju komprensiv tal-fatturi tal-kompetittività mhux marbuta mal-prezz ta’ attivitajiet industrijali fit-territorju tal-Unjoni Ewropea (iż-żminijiet tal-kunsinna, il-privattivi, il-kwalità tal-prodotti, is-servizz ta' wara l-bejgħ, il-kwalità tan-netwerks tal-infrastruttura tat-trasport, tal-enerġija u tal-informatika, eċċ), hekk kif imqabbl regolarment ma’ dawk f’reġjuni oħra tad-dinja.; jitlob li l-Kummissjoni tmexxi analiżi li tibqa' għaddejja tal-kompetittività makro-ekonomika fl-Unjoni Ewropea, b'referenza partikolari għan-netwerks tal-infrastruttura tat-trasport, l-enerġija u l-informatika, u tipproduċi studji dwar il-finanzjament fit-tul għall-infrastruttura ġdida jew eżistenti li huwa meħtieġ bil-għan li l-Unjoni Ewropea tibqa' kompetittiva;

    97.

    Jenfasizza l-importanza ta’ netwerks ta’ kapital ta’ riskju u ta’ investituri informali, b’mod partikolari għan-nisa; jitlob l-implimentazzjoni fil-pront tal-portal online tal-intraprendituri nisa; jilqa’ l-appoġġ tal-UE għall-istabbiliment ta’ netwerks ta’ investituri informali u inkubaturi; jilqa’ b’mod partikolari l-istabbiliment ta’ faċilità ta’ ekwità taħt Orizzont 2020 u COSME biex tiġi appoġġjata ż-żieda fil-kwantità u l-kwalità tal-provvista ta’ kapital ta’ riskju; jemmen li l-Fond Ewropew tal-Investiment għandu rwol kruċjali x’jiżvolġi fl-iżvilupp tas-swieq tal-kapital ta’ riskju, b’mod partikolari għall-varar ta’ teknoloġiji ġodda; jemmen li d-distinzjoni għal finijiet ta’ taxxa bejn l-ekwità u d-dejn għandha titneħħa;

    98.

    Jistieden lill-Kummissjoni tistudja l-effetti multiplikaturi tal-unitajiet ta’ kompetenzi ewlenin b'referenza għall-produzzjoni tagħhom, il-ħolqien tal-valur u n-netwerks ta’ impjiegi fl-ekonomija kollha bħala ħaġa sħiħa; jikkunsidra li l-unitajiet ta' kompetenzi ewlenin mhumiex neċessarjament definiti mid-daqs tagħhom imma jissodisfaw firxa ta’ kriterji, bħal pereżempju enfasi internazzjonali, ċertu sehem minimu mis-suq domestiku u globali, R&Ż intensivi u kooperazjoni ma’ netwerk kbir ta' impriżi; jikkunsidra li dan it-tip ta’ studju jista’ fuq kollox jiġbed l-attenzjoni lejn l-interdipendenza tan-negozji industrijali u l-SMEs, u b'hekk jinvalida ċerti sterjotipi fir-rigward tal-bażi industrijali tal-ipproċessar;

    Nattiraw il-ħiliet u l-forza tax-xogħol għal Rinaxximent Industrijali

    99.

    Hu tal-fehma li, sa mill-bidu tal-kriżi, madwar 5 500 intrapriża industrijali Ewropea ġiet “ristrutturata”, li rriżulta fit-telf ta’ xi 2,7 miljuni ta' impjiegi;

    100.

    Jenfasizza li l-proġett RISE huwa opportunità għal xogħol stabbli b’impjiegi tajbin u paga deċenti; jenfasizza s-sħubija indispensabbli mal-partijiet interessati, b’mod speċjali s-sħab soċjali, il-kmamar u l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ, fil-kuntest tal-integrazzjoni taż-żgħażagħ fil-forza tax-xogħol; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jintensifikaw id-djalogu soċjali wkoll fi ħdan il-fergħat tal-industrija u d-ditti; jemmen li l-involviment tas-sħab soċjali fl-aktar stadju bikri possibbli fi kwalunkwe proċedura ta’ leġiżlazzjoni jkun ta’ benefiċċju kbir; jistieden ukoll lill-Kummissjoni tippromwovi r-rwol tas-sħab soċjali fil-livell tagħha, filwaqt li tqis kif dovut id-differenzi bejn id-diversi sistemi nazzjonali; Jistieden lis-sħab soċjali jidħlu fi djalogu fil-livell tal-UE kulfejn ikun possibbli;

    101.

    Jinnota li l-proġett RISE se jirrikjedi aċċess aktar u aħjar għat-taħriġ, it-tagħlim tul il-ħajja, taħriġ vokazzjonali u edukazzjoni universitarja li jkunu jgħoddu għall-ġejjieni, enfasi qawwija fuq l-oqsma tax-xjenza, it-teknoloġija, l-inġinerija u l-matematika (STEM), b'mod partikolari għan-nisa, u appoġġ għall-intraprenditorija; jappoġġja l-inklużjoni ta' tali suġġetti fil-kurrikuli tal-iskejjel; jappoġġa l-iżvilupp ta' skemi ta' taħriġ u apprentistat marbuta max-xogħol u xibka ta' sikurezza soċjali adegwata flimkien ma' politika tat-tieni ċans; jemmen, f'dan ir-rigward, li l-programmi u l-istrumenti tal-UE, bħalma huma Orizzont 2020 u l-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija (EIT), għandhom iwettqu rwol importanti;

    102.

    Jikkunsidra li l-appoġġ għal forza tax-xogħol ikkwalifikata huwa vantaġġ kbir għall-Ewropa u mutur maġġuri għall-iżvilupp tal-investiment fir-riċerka u l-iżvilupp; jitlob li tingħata attenzjoni speċjali lill-appoġġ għall-edukazzjoni, bil-għan li jinħolqu ċentri tar-riċerka li jkunu fuq quddiem nett tal-eċċellenza akkademika internazzjonalment;

    103.

    Jemmen li l-innovazzjoni tal-post tax-xogħol, l-iżvilupp tal-kompetenzi, ħaddiema kreattivi u awtonomi u x-xogħol f'tim huma assi importanti kemm fil-prestazzjoni kemm soċjali kif ukoll ekonomika tal-kumpaniji; jenfasizza li d-demokratizzazzjoni tas-suq tax-xogħol, inkluża l-parteċipazzjoni attiva mir-rappreżentanti tal-persunal u t-trejdjunjins, għandha bżonn titwessa'; jistieden lill-Istati Membri jew lill-korpi reġjonali kkonċernati joħolqu qafas għat-taħriġ li jibqa' għaddej, kemm jekk bħala dritt individwali għat-taħriġ jew skemi oħra, li jiżgura li l-ġabra ta' ħiliet tagħhom tibqa' pass 'il quddiem mid-domanda li kulma jmur qed tikber fis-settur u tkun adattabbli għal suq ġdid jew, fil-każ ta' ħaddiema li jispiċċaw żejda, tkun trasferibbli għal settur industrijali ieħor; jinnota li min iħaddem u l-ħaddiema għandhom responsabbiltà kondiviża fi-rigward tat-tagħlim tul il-ħajja; jinnota, barra minn hekk, li l-informazzjoni u l-konsultazzjoni fuq il-post tax-xogħol huma dritt fundamentali stabbiliti fit-Trattat;

    104.

    Jistieden lill-Kummissjoni taħdem mill-qrib mal-Istati Membri u mas-sħab soċjali settorjali kkonċernati sabiex tfassal tbassir għall-futur medju u għat-tul dwar il-ħiliet meħtieġa mis-suq tax-xogħol, pereżempju billi jinħolqu kunsilli Ewropej tal-ħiliet industrijali;

    105.

    Jistieden lill-Istati Membri jindirizzaw in-nuqqasijiet fil-ħiliet elettroniċi fil-livelli edukattivi kollha u permezz tat-tagħlim tul il-ħajja minħabba li l-iżviluppi tal-ICT jista’ jkollhom, fuq perjodu ta’ żmien twil, impatt kbir fuq industriji li qed jikbru fis-setturi bħall-effiċjenza enerġetika, l-ippjanar ambjentali, l-objettivi tas-sigurtà u kapaċitajiet ta’ komunikazzjonijiet oħra (eż. sistemi tat-trasport effiċjenti u intelliġenti, sistemi ta’ komunikazzjoni bejn persuni, bejn persuni u magni u bejn il-magni);

    106.

    Jenfasizza li s-saħħa fl-inġinerija u t-teknoloġija tal-informazzjoni ttejjeb ir-reżiljenza fl-impjieg; jistieden lill-Istati Membri bl-appoġġ tal-Kummissjoni jikkunsidraw li jistabbilixxu miri nazzjonali biex iżidu n-numru ta’ studenti li jistudjaw suġġetti tal-iSTEM; jemmen li l-ħolqien ta’ pjattaformi STEM nazzjonali, reġjonali u Ewropej għall-iskambju tal-aħjar prattika bejn ir-reġjuni, l-universitajiet u l-industrija, jista’ jkun ta’ benefiċċju fl-istabbiliment ta’ miri STEM; iqis ukoll li l-pjattaformi Ewropej, jekk stabbiliti, jistgħu jkunu importanti biex jipprovdu koordinazzjoni u kooperazzjoni għall-pjattaformi nazzjonali fil-livell Ewropew; jenfasizza li l-ħiliet bażiċi tal-ICT għandhom ikunu mrawma fl-iskejjel u programmi ta’ taħriġ vokazzjonali f’dan il-kuntest;

    107.

    Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jikkunsidraw il-mudell tal-Istati Uniti għall-istabbiliment ta’ Fondi College-to-Career (C2C) biex jinħolqu sħubijiet bejn l-industrija u l-universitajiet sabiex jitħarrġu żgħażagħ għall-impjiegi fl-industriji emerġenti; jinnota l-pjanijiet għall-istabbiliment ta' “Kulleġġi Tekniċi Universitarji” mas-sħab fl-industrija, kif diskuss fir-Renju Unit;

    108.

    Jenfasizza l-importanza li tissaħħaħ il-mobilità volontarja fost iż-żgħażagħ, bil-promozzjoni ta' Erasmus għal Kulħadd u t-tneħħija tal-ostakli eżistenti għall-apprendistati, l-iskemi ta’ taħriġ u t-tiroċinji transkonfinali, u bit-tisħiħ tal-portabbiltà tal-pensjonijiet u d-drittijiet tax-xogħol u tal-protezzjoni soċjali madwar l-UE; jenfasizza li l-programm “Erasmus għal Imprendituri Żgħażagħ”, b'mod partikolari, għandu jkun estiż b'mod sinifikanti;

    109.

    Jissuġġerixxi l-immobilizzar tal-istrumenti finanzjarji u leġiżlattivi kollha disponibbli biex titħeġġeġ ir-rilokazzjoni tal-ekonomija, u jitlob li jinħolqu ċentri ta’ informazzjoni biex jissensibilizzaw l-imprendituri rigward il-vantaġġi taż-żamma jew ir-rilokazzjoni tal-attività tagħhom fl-Ewropa, billi it-tqassir tal-ktajjen tal-provvista jista' jwassal biex tiġi stabbilita provvista lokali ta’ prodotti u għal effiċjenza akbar għas-settur tal-manifattura filwaqt li jiġu żviluppati opportunitajiet ta’ impjieg lokali; iħeġġeġ biex l-EURES jiġi sfruttat b'mod effiċjenti kemm jista' jkun sabiex isir użu mill-ħiliet tal-Ewropej żgħażagħ li jkunu qed ifittxu l-impjiegi; jistieden lill-Istati Membri biex jimplimentaw id-direttiva dwar is-servizzi b'mod aktar effettiv u jeliminaw id-dumping soċjali;

    110.

    Jissottolinja li l-edukazzjoni hija rekwiżit bażiku u għandha tkun aċċessibbli għal kulħadd, fil-livelli kollha tal-edukazzjoni mill-iskola primarja sal-università;

    111.

    Jenfasizza l-ħtieġa li titnaqqas ir-rata ta’ tfal li jieqfu mill-iskola qabel iż-żmien, u jenfasizza li dawk li jispiċċaw l-iskola jeħtieġu opportunitajiet ta’ kollokamenti għal taħriġ, bħalma hu l-każ tal-“Garanzija ta’ Taħriġ” Awstrijaka;

    112.

    Jilqa' d-deċiżjonijiet biex jiġu implimentati l-Garanzija taż-Żgħażagħ u l-ambizzjonijiet warajha kif ukoll ir-rieda tal-Istati Membri biex jallokaw il-finanzjament biex jittrattaw il-qgħad fost iż-żgħażagħ; jilqa' l-promozjoni ta' Alleanza għall-Apprendistati; jenfasizza li f’ċerti Stati Membri l-apprendistati ma jiffurmawx, sa ċertu punt, parti integrali mill-politika tal-impjieg; jistieden lill-Kummissjoni biex tiżviluppa indikaturi komuni tal-investiment soċjali, speċjalment rigward il-qgħad taż-żgħażagħ; jistieden lill-industrija tilgħab parti attiva fl-implimentazzjoni tal-Garanzija għaż-Żagħżagħ fuq il-livelli nazzjonali rispettivi u toffri impjiegi ta’ kwalità jew skemi ta’ taħriġ liż-żgħażagħ fejn ikun possibbli, u toħloq tiroċinji ta’ kwalità b’paga deċenti; iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jagħmlu l-iskemi ta' apprendistati aktar attraenti għall-kumpaniji permezz ta' varjetà ta' miżuri;

    113.

    Jenfasizza li Stati Membri b’sistemi ta’ taħriġ vokazzjonali b’saħħithom kellhom swieq tax-xogħol relattivament robusti waqt il-kriżi; jistieden lill-Istati Membri kollha jeżaminaw u jintroduċu sistemi bħal dawn flimkien mas-sħab soċjali u partijiet interessati oħra rilevanti bħall-kmamar; jieħu nota tal-isfida tal-kompatibilità li dejjem tiżdied tas-Sistema Ewropea ta’ Krediti għall-Edukazzjoni u t-Taħriġ Vokazzjonali (ECVET) u s-Sistema Ewropea għall-Akkumulazzjoni u t-Trasferiment tal-Krediti (ECTS); jenfasizza wkoll l-importanza tal-kapaċità ta’ tqabbil u l-kompatibbiltà dejjem akbar bejn id-diversi sistemi ta’ taħriġ vokazzjonali nazzjonali sabiex tiġi ffaċilitata l-mobilità fis-suq tax-xogħol fil-kategoriji rilevanti tal-impjiegi;

    114.

    Jinnota li l-iskejjel tal-edukazzjoni teknika sekondarja u s-sistemi ta’ taħriġ vokazzjonali jwettqu rwol essenzjali u jappoġġja l-inizjattivi tal-Kummissjoni li jappoġġjaw l-iskambji transkonfinali bejn l-Istati Membri;

    115.

    Jemmen li t-tisħiħ tal-immaġni tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali għandha ssir mhux biss b’enfasi fuq il-valur intrinsiku tagħhom iżda wkoll billi dawn jiġu marbutin ma’ tranżizzjoni possibbli għall-edukazzjoni universitarja jew edukazzjoni ogħla oħra; jinnota li dan jeħtieġ ukoll li l-kwalifiki tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali ta’ kwalità għolja jiksbu klassifika ta’ livell ogħla fl-oqfsa ta’ kwalità nazzjonali mill-Istati Membri; jinnota l-importanza li jiżdiedu l-kompetenzi edukattivi sabiex tiżdied il-kwalità tal-iżvilupp tal-manifattura ġdida, anke permezz ta’ azzjoni Ewropea ta’ omoġenizzazzjoni tal-politiki għar-riżorsi umani li tibda mit-taħriġ bażiku;

    116.

    Jistieden lill-Istati Membri biex, f’kooperazzjoni mas-sħab soċjali, ifasslu u jimplimentaw programmi ta' gwida vokazzjonali għaż-żgħażagħ f'dixxiplini xjentifiċi u teknoloġiċi sabiex jippromwovu l-iżvilupp ta' ekonomija vijabbli u sostenibbli, u miżuri ta' informazzjoni u sensibilizzazzjoni fir-rigward ta' kwistjonijiet ekoloġiċi u ambjentali, kemm permezz tas-sistema tal-edukazzjoni formali u kemm fil-qafas tal-miżuri meħuda mill-awtoritajiet lokali u reġjonali;

    117.

    Jemmen li l-iżvilupp ulterjuri tal-libertà tal-moviment għall-ħaddiema, bl-użu ta' strumenti bħar-rikonoxximent reċiproku tal-kwalifiki professjonali u t-taħriġ tul il-ħajja, b'mod partikolari għall-ħaddiema vulnerabbli, għandu potenzjal kbir biex itaffi n-nuqqas ta' persunal kwalifikat u biex jippromwovi t-tkabbir inklużiv;

    118.

    Jistieden lill-Istati Membri jniedu faċilitajiet ta’ mikrokreditu għaż-żgħażagħ sabiex jippromwovu l-intraprenditorija;

    119.

    Jistenna li l-miżuri u l-azzjonijiet li ttieħdu biex jippromwovu l-intraprenditorija fil-livell Ewropew jew nazzjonali japplikaw għat-tipi kollha ta’ intrapriżi, kooperattivi, negozji tas-snajja’, professjonijiet liberali u intrapriżi tal-ekonomija soċjali;

    120.

    Jenfasizza li RISE għandha tkun iggwidata mill-prinċipju ta’ “paga ugwali għal xogħol ugwali”, sabiex ikunu żgurati kemm l-ugwaljanza bejn is-sessi fil-post tax-xogħol kif ukoll kundizzjonijiet ugwali għal impjegati fuq tipi differenti ta’ kuntratt;

    121.

    Jindika li kull sena, in-nisa jirrappreżentaw aktar min-nofs tal-għadd ta’ gradwati minn istituzzjonijiet tal-edukazzjoni ogħla fl-Ewropa; jisħaq fuq l-impatt pożittiv li jista' jkollhom il-ħiliet tan-nisa kwalifikati fuq l-impriżi, partikolarment, għat-tkabbir, il-produttività u l-kompetittività tal-industrija Ewropea; f'dan ir-rigward, jistieden lill-partijiet interessati fl-oqsma ekonomiku, edukattiv u soċjali, u lill-Kummissjoni, biex jippromwovu u jsaħħu r-rwol tan-nisa fis-setturi industrijali fl-Ewropa;

    122.

    Jisħaq fuq l-importanza li jiġi evitat l-iżbilanċ tradizzjonali bejn is-sessi fl-industrija; iqis li huwa importanti li jingħeleb l-iżbilanċ sabiex kemm in-nisa kif ukoll l-irġiel ikunu jistgħu jipparteċipaw bis-sħiħ fis-suq tax-xogħol, partikolarment minħabba l-isfidi demografiċi li taffaċċja l-UE;

    123.

    Jirreferi għar-rwol importanti tal-ħaddiema nisa f'RISE; jenfasizza li l-assenza tal-perspettivi tas-sessi fil-politiki industrijali żżid l-inugwaljanza bejn is-sessi; iqis li huwa importanti li jingħeleb l-iżbilanċ tas-sessi preżenti sabiex kemm in-nisa kif ukoll l-irġiel ikunu jistgħu jipparteċipaw bis-sħiħ fis-suq tax-xogħol, abbażi tal-prinċipju ta' pagi ugwali għal xogħol ugwali; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jiżguraw li l-ħaddiema nisa mhumiex sottorappreżentati jew esklużi minn taħriġ, proġetti u programmi dwar it-trasformazzjoni ekoloġika u jenfasizza l-bżonn li jiġu integrati l-kwistjonijiet relatati mal-ugwaljanza bejn is-sessi; jistieden lill-Istati Membri biex jimplimentaw miżuri li jwasslu għal bilanċ bejn il-ħajja tal-familja u l-ħajja tax-xogħol sabiex jimmassimizzaw l-opportunitajiet lin-nisa biex ikun hemm progress kontinwu u regolari fil-karriera;

    124.

    Jinnota li t-trasformazzjoni għal ekonomija b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju mhux biss se toħloq impjiegi ġodda f’setturi ekonomiċi ġodda iżda tista’ twassal ukoll għal telf tal-impjiegi f’attivitajiet inqas sostenibbli; jirrakkomanda, f'dan il-kuntest, li l-għodod għall-antiċipazzjoni f’waqtha tal-bidla jiġu stabbiliti u msaħħa sabiex jiggarantixxu tranżizzjoni mingħajr xkiel minn impjieg għall-ieħor;

    125.

    Jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa u tippromwovi s-sett ta’ għodod għal politika tal-kumpanija sostenibbli (li jinkludi responsabbiltà soċjali korporattiva, rappurtar ta’ sostennibbiltà, azzjonijiet biex jiġu promossi mudelli li jipproduċu emissjonijiet ta’ karbonju baxx jew skart baxx);

    126.

    Jenfasizza l-importanza tar-responsabbilità soċjali tal-kumpanija, għodda ewlenija għal politika kummerċjali attenta għall-użu effiċjenti tar-riżorsi naturali, għall-aspetti soċjali dwar ir-relazzjonijiet mal-komunità, mal-ħaddiema u r-rappreżentanti tagħhom, mal-aspetti ekonomiċi dwar il-ġestjoni korretta tal-kumpanija;

    127.

    Jistieden lill-Istati Membri, fi djalogu mas-sħab soċjali u l-partijiet interessati rilevanti, biex jikkunsidraw politiki biex is-sigħat tax-xogħol ikunu aktar flessibbli meta jkun hemm tnaqqis fir-ritmu ekonomiku;

    128.

    Jipproponi li fl-aġenda ta’ summit soċjali bi tliet partijiet għat-Tkabbir u l-Impjiegi previst mill-Artikolu 152 tat-TFUE, jiġi inkluż is-suġġett tal-inklużjoni tal-konverġenza tal-istandards soċjali minimi fil-katina tal-prezzijiet ta’ kemm iqumu l-prodotti;

    Politika tar-riżorsi u tal-enerġija għal rinaxximent industrijali

    129.

    Jenfasizza l-fatt li r-riżorsi u l-enerġija huma ċentrali għal RISE, minħabba l-fatt li huma kruċjali għall-kompetittività internazzjonali; jenfasizza li d-disponibbiltà tal-materja prima hija ta’ importanza kruċjali għall-possibbiltajiet ta’ żvilupp tal-industrija Ewropea u jwissi li, mingħajr ċerta materja prima importanti, il-biċċa l-kbira tal-industriji strateġiċi Ewropej mhux se jkunu jistgħu jiżviluppaw; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex b’mod attiv jieħdu miżuri kontra spejjeż eċċessivi fil-qasam tar-riżorsi u l-enerġija; jappoġġja approċċ trijangolari ta’ affordabbiltà-sostenibbiltà-aċċessibbiltà għat-tnejn li huma, li jinsisti fuq it-tliet dimensjonijiet kollha msemmija filwaqt li għandu bħala għan id-diżakkoppjament tat-tkabbir miż-żieda fl-użu tar-riżorsi; jenfasizza l-importanza tal-iżgurar ta’ suq tal-enerġija kompetittiv u trasparenti li jevita l-iżbilanċi bejn l-Istati Membri u li jiffaċilita l-aċċess faċli għal enerġija sikura, sostenibbli, affidabbli u bi prezzijiet għall-but ta’ kulħadd; Jinnota l-bżonn ta' strateġija li tiffaċilita l-integrazzjoni tas-suq Ewropew tal-enerġija u l-iżvilupp tal-infrastrutturi tal-enerġija;

    130.

    Jilqa' l-Inizjattiva Ewropea tal-Materja Prima (RMI), is-Sħubija Ewropea għall-Innovazzjoni dwar materja prima u l-pjan strateġiku ta’ implimentazzjoni tagħha, kif ukoll il-Pjan Direzzjonali dwar l-Effiċjenza fir-Riżorsi; jenfasizza l-ħtieġa li tiġi indirizzata l-iskarsezza tar-riżorsi għal riżorsi kruċjali bħall-ilma u jistieden lill-Kummissjoni biex tkompli taħdem fuq l-istrateġija tal-materja prima tagħha fuq it-tliet pilastri tas-sħubijiet u l-kummerċ internazzjonali, tal-provvista tal-materja prima fl-UE, u l-effiċjenza, ir-riċiklar u l-użu mill-ġdid tar-riżorsi; jistieden lill-Kummissjoni biex tinkludi l-għanijiet tal-politika tal-iskart fis-Semestru Ewropew u fir-rakkomandazzjonijiet skont il-pajjiż u l-programmi nazzjonali ta’ riforma; jitlob lill-Kummissjoni tiżviluppa ulterjorment il-parametri referenzjarji settorjali għall-effiċjenza fir-riżorsi, b’mod partikolari għal finijiet ta’ akkwist pubbliku; jistieden lill-Kummissjoni biex tintegra strateġija 3R (Reduce, Re-use, Recycle (Naqqas, Erġa’ uża, Irriċikla)) u biex tistudja bir-reqqa proposti li jfittxu l-limitazzjoni ta’ materja prima importanti; jenfasizza l-importanza ta’ skema ta’ ċertifikazzjoni globali għar-riċiklaġġ tal-ewwel trattament ta’ skart perikoluż u għal materjali ta’ skart ta’ tagħmir elettriku u elettroniku (WEEE); jirrimarka li f’xi Stati Membri jeżistu skemi ta’ ġbir u riċiklaġġ rilevanti; jinnota li l-industriji estrattivi Ewropej għandhom fost l-ogħla standards fid-dinja u jistieden lill-Kummissjoni biex tevalwa fi żmien sentejn il-proposta biex jiġi stabbilit Istitut Ġeoloġiku Ewropew; jistieden lill-Kummissjoni biex toħroġ b'miżuri li jfittxu li jarmonizzaw ir-regoli u l-proċeduri għall-għoti ta' liċenzji għall-estrazzjoni ta’ materja prima fl-UE; jistieden lill-Istati Membri, l-industrija, l-istituti ġeoloġiċi u l-Kummissjoni biex jikkooperaw fl-immappjar tal-postijiet fejn tinsab il-materja prima;

    131.

    Jenfasizza l-potenzjal tal-użu ta’ ekonomija bbażata aktar fuq il-bijoloġija, peress li l-materja prima, pereżempju mill-foresti, jista’ jkollha rwol importanti fil-produzzjoni tal-enerġija rinnovabbli u fil-produzzjoni industrijali sostenibbli;

    132.

    Jitlob għall-implimentazzjoni rapida tad-direttiva dwar l-effiċjenza enerġetika u l-pjanijiet ta’ azzjoni nazzjonali bl-appoġġ ta’ inċentivi finanzjarji xierqa; jitlob il-ħolqien ta’ eżenzjoni sħiħa għall-iskemi kollha tal-effiċjenza enerġetika li l-Kummissjoni Ewropea ġiet innotifikata dwarha bħala parti mill-pjanijiet ta’ azzjoni għall-effiċjenza enerġetika tal-Istati Membri; jemmen li l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu strateġiji ambizzjużi partikolarment biex jirrinnovaw l-istokk tal-bini eżistenti skont standards komuni stabbiliti; jenfasizza li strumenti finanzjarji jistgħu iħeġġu aktar aġenda ta' effiċjenza; jistieden lill-Kummissjoni biex taħdem favur kriterji ta' appoġġ kosteffiċjenti għall-enerġija rinnovabbli; jisħaq fuq il-fatt li provvista tal-enerġija affidabbli, sikura u li wieħed ikun jista' jaffordja hija essenzjali għall-kompetittività tal-industrija Ewropea; jisħaq fuq l-importanza ta' objettivi tal-klima ċari u fuq tul ta' żmien twil biex l-impriżi jkunu permessi jinvestu, partikolarment fl-industriji ħodor u jħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tipproponi qafas legali u stabbli ta' azzjoni fuq tul ta' żmien medju u twil għall-politika tal-enerġija u tal-klima Ewropea sal-2030 sabiex jitħeġġeġ l-investiment fit-tnaqqis tal-karbonju, l-effiċjenza tal-enerġija u l-enerġija rinnovabbli;

    133.

    Jinnota li l-UE hija l-unika li għandha skema tal-kwoti tal-emissjonijiet u li, barra l-pajjiżi tal-UE, in-numru tal-pajjiżi li għadhom jaderixxu mal-Protokoll ta’ Kyoto naqas b'inqas minn sitt pajjiżi li lanqas biss jirrappreżentaw 15 % tal-emissjonijiet globali tas-CO2, l-Unjoni Ewropea inkluża;

    134.

    Jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta strateġija industrijali għall-enerġiji rinnovabbli li tkopri l-firxa sħiħa ta’ attivitajiet ta’ riċerka, inkluż il-finanzjament, sabiex ikun żgurat li tinżamm il-pożizzjoni ewlenija tal-UE fil-qasam tal-enerġiji rinnovabbli;

    135.

    Iqis li l-industrija Ewropea, kif ukoll il-konsumaturi individwali, jistgħu jibbenefikaw minn infrastruttura tal-enerġija modernizzata bħalma huma l-grilji intelliġenti li jistgħu jgħinu biex jiġi massimizzat il-potenzjal enerġetiku indiġenu u biex jiġu integrati b’mod sħiħ is-sorsi rinovabbli fil-provvista tal-enerġija;

    136.

    Jistieden lill-Kummissjoni biex tiżgura li jkun hemm qafas stabbli għall-provvista tal-enerġija fid-deċennji li ġejjin, biex b’hekk tiġi ggarantita s-sigurtà tal-investimenti u jiġu żgurati miżuri biex tissaħħaħ il-kompetittività sostenibbli;

    137.

    Jiġbed l-attenzjoni għall-iżviluppi attwali fil-prezzijiet tal-enerġija fid-dinja, li huma assoċjati mar-riżorsi mhux konvenzjonali ta’ żejt u gass fl-Istati Uniti kif ukoll fil-Lvant Nofsani, u jinnota li prezzijiet tal-enerġija għoljin huma fattur importanti li jaffettwa l-kompetittività tal-industriji Ewropej; jenfasizza l-ħtieġa li tiġi pprovduta analiżi tal-fatturi li jinfluwenzaw il-prezz tal-enerġija; jistieden lill-Kummissjoni biex tqis dan bħala magħmul fil-valutazzjonijiet tal-impatt tagħha meta tfassal proposti futuri; jenfasizza li RISE jeħtieġ koerenza bejn il-politiki industrijali, tal-enerġija u tal-klima; jinnota li t-tnaqqis fil-prezzijiet tal-enerġija fl-Istati Uniti ppermetta investimenti industrijali addizzjonali; jirreferi għar-riżoluzzjonijiet tal-Parlament dwar tali investimenti; jenfasizza r-rwol ferm importanti tal-industriji li jużaw ħafna enerġija, li jipproduċu materja bażika essenzjali; jenfasizza li dawn l-industriji huma suġġetti għar-riskju ta' rilokazzjoni tal-emissjonijiet ta' karbonju u li prekawzjonijiet speċjali huma għalhekk bżonnjużi biex jinżammu kompetittivi; jitlob lill-Kummissjoni biex tressaq rakkomandazzjonijiet li jevitaw ir-riskju ta' rilokazzjoni tal-emissjonijiet ta' karbonju;

    138.

    Jiddispjaċih dwar il-fatt li l-Kummissjoni ma tennitx l-aderenza tagħha mal-prinċipju ta’ prekawzjoni fir-rigward tas-setturi li jużaw teknoloġiji li ma wrewx li huma ħielsa mir-riskji;

    139.

    Jenfasizza li l-pajjiżi tan-Nofshinar tal-Ewropa qed iħallsu l-ogħla prezzijiet tal-gass fl-Ewropa, u b'hekk dan iħalli lill-industriji, b’mod partikolari l-industriji li jużaw ħafna enerġija, fi żvantaġġ kompetittiv filwaqt li jiżdied ukoll ir-riskju ta’ rilokazzjoni tal-emissjonijiet ta' karbonju;

    140.

    Jistieden lill-Kummissjoni u l-Istati Membri biex jerġgħu jikkunsidraw il-kundizzjonijiet għal kuntratti tal-enerġija fuq tul ta' żmien twil u jirrevedu l-kuntratti tal-gass ibbażati fuq mekkaniżmi ta’ pprezzar tal-indiċjar taż-żejt u jersqu lejn ipprezzar aktar ibbażat fuq ċentri ta’ attività b'kompetizzjoni akbar fis-suq intern; jistieden lill-Kummissjoni biex tgħin ħalli jiġu skopruti possibilitajiet ta' negozjar mill-ġdid għal dawk il-kuntratti u tiġi ffaċilitata tranżizzjoni lejn alternattivi aktar flessibbli; b'hekk jissaħħu l-miri għal aċċess aħjar għall-gass għall-Istati Membri kollha;

    Strateġija RISE reġjonali b'attenzjoni partikolari fuq in-Nofsinhar tal-Ewropa

    141.

    Jappoġġja approċċ ta’ politika industrijali multireġjonali li jagħti spinta lit-tkabbir sostenibbli fl-ekonomiji li qed jiċkienu u lil dawk l-aktar esposti għal riskji sinifikanti għall-bażi industrijali tagħhom; jinnota l-bżonn urġenti li jiġu implimentati miżuri ta’ appoġġ għal dawk is-setturi industrijali l-aktar affettwati mill-kriżi u mill-kompetizzjoni internazzjonali; jappoġġja strateġija ta’ valur miżjud għoli fl-integrazzjoni tal-ekonomiji reġjonali, speċjalment l-ekonomiji tan-Nofsinhar, f’katini ta’ valur dinji; jemmen li l-istrateġiji ta’ speċjalizzazzjoni intelliġenti huma b’mod partikolari rilevanti f’dan il-kuntest u li s-saħħiet industrijali eżistenti jeħtieġ li jkunu promossi permezz ta’ żieda fl-innovazzjoni u l-ispeċjalizzazzjoni; jemmen li b'mod parallel mal-istrateġiji ta' speċjalizzazzjoni intelliġenti, fir-rigward tal-aċċess għall-finanzi, hija meħtieġa strateġija ta’ investiment għan-Nofsinhar;

    142.

    Jenfasizza li jrid jittejjeb is-self fl-Istati Membri fi kriżi u jsostni li jista’ jiġi introdott programm ta’ mikrokreditu ffinanzjat mill-BEI jew banek nazzjonali ta’ żvilupp li jippermetti li l-SMEs jipproċessaw l-ordnijiet;

    143.

    Jinnota li numru ta' reġjuni huma affettwati mill-pożizzjoni periferika tagħhom u li n-nuqqas ta’ infrastrutturi xierqa u konnessi sew jaffettwa l-kapaċità tagħhom li jkunu kompetittivi fis-suq intern u barra mill-Unjoni; jinnota li din hija partikolarment importanti għal ċerti żoni tan-Nofsinhar tal-Ewropa iżda li oħrajn bħaż-żoni tal-Lvant u tat-Tramuntana tal-Ewropa – fejn tinsab parti kbira mir-riżorsi naturali tal-Unjoni – ukoll jeħtieġu li jkunu kollegati aħjar mal-bqija tal-Unjoni; jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi integrazzjoni infrastrutturali Ewropea sħiħa, speċjalment tal-ekonomiji tan-Nofsinhar, b’mod partikolari tal-ferrovija, l-enerġija u l-ICT, u jenfasizza l-ħtieġa li l-faċilità Nikkollegaw l-Ewropa tingħata direzzjoni f’dan is-sens; jistieden lill-istituzzjonijiet Ewropew u lill-Istati Membri biex jiggarantixxu livelli xierqa ta’ finanzjament u proċeduri burokratiċi simplifikati sabiex itejbu l-PPP, il-finanzjament tal-proġetti u l-bonds tal-proġetti; jiddeplora l-fatt li l-Peninsula Iberika mhijiex integrata għal kollox fis-suq tal-ferroviji Ewropew u li, flimkien ma' partijiet tal-Ewropa tan-Nofsinhar u tal-Lvant, mhijiex integrata fis-suq tal-enerġija Ewropea;

    144.

    Jindika li r-reġjuni tan-Nofsinhar għandhom potenzjal kbir għall-iżvilupp tas-settur strateġiku tas-sorsi tal-enerġija rinnovabbli; jitlob miżuri li jistimulaw is-swieq f’dawn ir-reġjuni, inklużi azzjonijiet li jinkoraġġixxu l-mikroġenerazzjoni mill-impriżi li jixtiequ jipproduċu l-elettriku tagħhom stess u jbiegħu l-enerġija li tifdal fil-grilja;

    145.

    Jenfasizza li ż-żieda fid-diversità tal-provvista tal-enerġija u l-użu ta’ riżorsi indiġeni, inkluża l-enerġija rinnovabbli, jista’ jkollhom rwol sinifikanti fit-tixtil tal-ekonomiji tan-Nofsinhar; jinnota li l-pajjiżi tan-Nofsinhar jiddependu ħafna fuq l-importazzjonijiet tal-enerġija, f’ċertu każijiet minn fornitur wieħed;

    146.

    Jisħaq fuq l-importanza tal-infrastruttura tal-ICT, b’mod partikolari soluzzjonijiet flessibbli u mobbli, biex tippermetti li l-industrija tiżviluppa wkoll f’reġjuni periferali u b’popolazzjoni baxxa;

    147.

    Jenfasizza l-importanza ta’ mekkaniżmi tal-kondiviżjoni tal-aħjar prattiki u tar-replikazzjoni tas-suq; jilqa’ proposti biex tiżdied il-kooperazzjoni, is-simbjożi industrijali u jiġu żviluppati netwerks ta’ servizzi ta’ konsulenza dwar l-effiċjenza fir-riżorsi; jemmen li l-isforzi għas-simbjożi industrijali jistgħu jgħinu sabiex jinħolqu aktar valur u effiċjenzi; jinnota li l-mudell tas-simbjożi industrijali tar-Renju Unit jista’ jservi bħala mudell għal Stati Membri oħra;

    148.

    Jenfasizza li t-trasformazzjoni ta’ impriżi tal-kapital f’kooperattivi rnexxiet f’xi reġjuni u dan jiżgura b’mod effettiv approċċ aktar fit-tul, li jankrahom fl-ekonomija lokali u jagħtihom sehem fl-iżvilupp sostenibbli lokali; jinnota li l-kooperattivi jirrapreżentaw realtà ekonomika importanti fl-UE, fejn aktar minn 160 000 impriża kooperattiva huma l-proprjetà ta’ 123 miljum membru inkluż aktar minn 50 000 impriża kooperattiva fl-industrija u s-servizzi li jipprovdu impjiegi għal 1,4 miljun persuna u jikkontribwixxu bħala medja madwar 5 % tal-PDG ta’ kull Stat Membru; jemmen, f'dan ir-rigward, li l-mudelli tan-negozju adottati mill-kooperattivi għandhom jiġu kkunsidrati wkoll u li l-ispeċifiċitajiet tagħhom għandhom jingħataw kunsiderazzjoni fil-politiki rilevanti tal-UE;

    149.

    Jemmen li l-ekonomiji tal-pajjiżi tan-Nofsinhar tal-Ewropa jistgħu jibbenefikaw mis-swieq tal-esportazzjoni u huma b'mod partikolari strateġikament pożizzjonati għal swieq fin-Nofsinhar tal-Mediterran, filwaqt li l-pajjiżi tal-Ewropa tal-Lvant jistgħu jibbenefikaw b'mod simili mis-swieq tal-esportazzjoni ġodda fil-pajjiżi tal-Commonwealth ta' Stati Indipendenti (CIS); jitlob biex jintlaqa' spirtu ta' intraprenditorija, u għall-migranti min-Nofsinhar u l-Lvant tal-Ewropa biex joħolqu negozji li jistgħu jaċċessaw dawk is-swieq tal-esportazzjoni; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jiżviluppaw relazzjonijiet intraprenditorjali bejn in-Nofsinhar u t-Tramuntana tal-Mediterran; jilqa’ wkoll il-missjonijiet għat-tkabbir tal-Viċi President Tajani; huwa tal-fehma li enfasi ikbar fuq il-qawwiet industrijali reġjonali u l-clusters tista’ tfisser żieda fil-kompetittività għall-iżvilupp strutturali tal-Ewropa; jitlob li dan jiġi kkunsidrat b’mod deċiżiv fl-iżvilupp istituzzjonali u strutturali Ewropew ulterjuri;

    150.

    Huwa tal-fehma li enfasi ikbar fuq il-qawwiet industrijali reġjonali u l-clusters tista’ tfisser żieda fil-kompetittività għall-iżvilupp strutturali tal-Ewropa; jitlob li dan jiġi kkunsidrat b’mod deċiżiv fl-iżvilupp istituzzjonali u strutturali Ewropew ulterjuri;

    o

    o o

    151.

    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.


    (1)  ĠU L 315, 14.11.2012, p. 1.

    (2)  ĠU C 198, 10.7.2013, p. 45

    (3)  ĠU C 161, 6.6.2013, p. 35.

    (4)  ĠU C 349 E, 22.12.2010, p. 84.

    (5)  ĠU C 308 E, 20.10.2011, p. 6.

    (6)  ĠU C 99 E, 3.4.2012, p. 31.

    (7)  ĠU C 199 E, 7.7.2012, p. 131.

    (8)  ĠU C 51 E, 22.2.2013, p. 21.

    (9)  ĠU C 264 E, 13.9.2012, p. 59.

    (10)  ĠU C 332 E, 15.11.2013, p. 72.

    (11)  Testi adottati, P7_TA(2012)0387.

    (12)  Testi adottati, P7_TA(2012)0443.

    (13)  Testi adottati, P7_TA(2012)0444.

    (14)  Testi adottati, P7_TA(2013)0088.

    (15)  ĠU C 251 E, 31.8.2013, p. 75.

    (16)  Testi adottati, P7_TA(2013)0201.

    (17)  Testi adottati, P7_TA(2013)0199.

    (18)  Testi adottati, P7_TA(2013)0246.

    (19)  Testi adottati, P7_TA(2013)0301.

    (20)  ĠU C 327, 12.11.2013, p. 82.

    (21)  ĠU C 139, 17.5.2013, p. 11.

    (22)  JOIN(2013)0001 – 7.2.2013.


    Top