EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52014IE1568

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-qagħda tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fit-Turkija”

ĠU C 242, 23.7.2015, p. 34–38 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

23.7.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 242/34


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-qagħda tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fit-Turkija”

(2015/C 242/06)

Relatur:

is-Sur METZLER

Matul is-sessjoni plenarja tiegħu li saret nhar is-26 u s-27 ta’ Frar 2014, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 29(2) tar-Regoli tal-Proċedura tiegħu, li jħejji opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar

Il-qagħda tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fit-Turkija

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għar-Relazzjonijiet Esterni, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar is-17 ta’ Diċembru 2014.

Matul il-504 sessjoni plenarja tiegħu tal-21 u t-22 ta’ Jannar 2015 (seduta tal-21 ta’ Jannar), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’205 voti favur, u 2 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Il-KESE jħeġġeġ lill-gvern u l-amministrazzjoni tat-Turkija li jagħrfu l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili bħala parti importanti tas-soċjetà u tal-proċess tal-konverġenza tat-Turkija mal-valuri tal-UE u mal-acquis. L-għan għandu jkun il-ħolqien ta’ soċjetà li fiha l-gruppi soċjali kollha jkollhom sehem vitali. It-Turkija għandha bżonn taħdem bħala parti minn sforz konġunt biex jinħoloq qafas istituzzjonali u leġislattiv għal kultura pluralistika u parteċipattiva ta’ rikonoxximent reċiproku u skambju.

1.2.

Bħala prerekwiżit bażiku għall-operazzjoni tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, trid tinżamm is-separazzjoni tas-setgħat taħt l-istat tad-dritt fl-oqsma kollha. Indħil żejjed mill-Istat li jfixkel l-operat tagħhom, bħal pereżempju fil-każ tal-awditjar speċjali, mhuwiex kompatibbli ma’ dan il-prinċipju. L-aċċess tagħhom għal rimedju jrid jinżamm. Il-korruzzjoni għandha tiġi indirizzata b’mod partikolari.

1.3.

Trid tingħata attenzjoni partikolari lid-djalogu UE-Turkija għall-implimentazzjoni effettiva tad-drittijiet bażiċi u l-libertajiet, fosthom:

il-libertà tal-espressjoni mingħajr biża ta’ diskriminazzjoni individwali jew kastig;

il-libertà tal-istampa li tippromovi d-diversità;

il-libertà tal-assoċjazzjoni u assemblea, fosthom u b’mod speċjali f’dibattiti u avvenimenti konfliġġenti;

id-drittijiet tan-nisa;

id-drittijiet tat-Trade Unions;

id-drittijiet tal-minoranzi, fosthom reliġjużi, kulturali jew sesswali;

id-drittijiet tal-konsumatur.

1.4.

Is-separazzjoni tas-setgħat bejn leġislattivi, ġudizzjarji u eżekuttivi b’mod partikolari distinzjoni ċara u distintività bejn azzjoni tal-gvern u azzjoni tal-amministrazzjoni – din tal-aħħar trid tiġi appoġġjata minn leġislazzjoni – huwa rekwiżit ewlieni li jiżgura t-tħaddim tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili. B’mod partikolari ġudikatura indipendenti hija l-bażi tal-istat tad-dritt.

1.5.

Il-KESE jappella lill-Kunsill tal-UE biex jaħdem għall-ftuħ tal-Kapitolu 23 (Ġudikatura u Drittijiet Fundamentali) u Kapitolu 24 (Ġustizzja, Libertà, Sigurtà) tan-negozjati tal-adeżjoni tat-Turkija mal-UE sabiex ikomplu jakkumpanjaw il-proċess fit-Turkija.

1.6.

Fl-istess waqt, għandu jinżamm il-prinċipju tal-qsim vertikali tas-setgħat – pereżempju l-awtonomija lokali.

1.7.

Ikun vantaġġ jekk l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fit-Turkija jingħataw aċċess għall-informazzjoni dwar il-proċessi (tat-teħid tad-deċiżjonijiet) tal-gvern. Għalhekk għandu jkun hemm seduti u konsultazzjonijiet regolari, f’konformità ma’ regoli trasparenti, li jippermettu li l-għarfien li jinkiseb mill-ħidma tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-interessi tal-gruppi soċjali li jirrappreżentaw, jirriflettu fuq id-deċiżjonijiet politiċi u amministrattivi. Il-gvern u l-amministrazzjoni Torok huma mħeġġa jimpenjaw lis-soċjetà ċivili fi proċess ta’ diskussjoni formali (Kunsill Ekonomiku u Soċjali), u li dan jinkluduh fil-kostituzzjoni permezz ta’ proċess ta’ riforma kostituzzjonali.

1.8.

Fil-fehma tal-KESE, ċerti professjonijiet b’mod partikolari l-professjonijiet liberi għandhom rwol partikolarment importanti x’jaqdu fil-ħolqien ta’ soċjetà ħielsa taħt l-istat tad-dritt. L-aċċess għall-ġustizzja u l-kura medika jistgħu jiġu garantiti biss minn professjonisti kwalifikati u indipendenti li l-pubbliku jista’ jkollu fiduċja fihom fuq il-bażi ta’ relazzjoni ta’ fiduċja li hija mħarsa mill-interferenza jew il-vjolenza minn barra. Servizzi bbażati fuq il-fiduċja bħal dawk li joffru l-avukati, it-tobba, dawk li jagħtu pariri dwar it-taxxa u oħrajn jeħtieġu ħarsien komprensiv tas-sigriet professjonali.

1.9.

Dawn il-professjonijiet jitolbu għalhekk awtonomija effettiva pereżempju f’assoċjazzjonijiet tal-professjonisti li jiżguraw li dawn jaqdu r-responsabbiltajiet professjonali tagħhom lejn is-soċjetà u l-individwi mingħajr indħil politiku. Il-vjaġġ biex tinkiseb l-informazzjoni tal-KESE indika ksur ta’ dan il-prinċipju.

1.10.

Id-djalogu soċjali fil-livell nazzjonali, tas-settur u tal-intrapriża huwa mixtieq fit-Turkija ħalli l-ħaddiema u min iħaddem isiru msieħba fuq l-istess livell. L-għan għandu jkun li jitjiebu l-kundizzjonijiet u s-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol permezz ta’ drittijiet komprensivi għall-ħaddiema (1).

2.   Introduzzjoni u sfond

2.1.

Iż-żjara tal-KESE f’Istanbul u f’Ankara fid-9 u l-10 ta’ Settembru 2013 żvelat il-kundizzjonijiet li fihom jaħdmu l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fit-Turkija li xi drabi kien ċar li kienu żvantaġġjati. F’ċertu każijiet, xi rappreżentanti u persunal ta’ dawn l-organizzazzjonijiet esperjenzaw restrizzjonijiet personali severi jew saħansitra vjolenza fiżika mill-istituzzjonijiet tal-Istat.

2.2.

Żjara ta’ segwitu f’Ankara u Diyarbakir mill-1 sat-3 ta’ Lulju 2014 kienet intiża li tinvestiga s-sitwazzjoni attwali u l-iżvilupp tal-kundizzjonijiet għall-ħidma tas-soċjetà ċivili fit-Turkija. Saru diskussjonijiet mar-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili tat-Turkija sabiex jiġi mistoqsi jekk l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili rawx tibdil fil-kundizzjonijiet tal-ħidma tagħhom minn Settembru 2013 ‘l hawn.

2.3.

Dawk iż-żjarat kienu addizzjonali għal laqgħat regolari tal-Kumitat Konsultattiv Konġunt UE-Turkija, li qed jissorvelja l-proċess tal-adeżjoni tat-Turkija mal-UE. Il-membri tal-KESE setgħu jitkellmu mar-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili li ma kinux ġew proposti bħala msieħba fid-diskussjoni għall-Kumitat Konsultattiv Konġunt UE-Turkija.

2.4.

Permezz ta’ dawn id-diskussjonijiet ma’ rappreżentanti ta’ firxa wiesgħa ta’ organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u tal-gvern inkluż awtorità lokali wasslu biex stajna nifhmu l-kundizzjonijiet tal-ħidma tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fit-Turkija u kwalunkwe tibdil f’dawn il-kundizzjonijiet. L-għan kien li jintużaw l-esperjenzi u l-interpretazzjonijiet individwali tal-partijiet interessati tas-soċjetà ċivili għal ħarsa ġenerali lejn is-sitwazzjoni. L-għan mhuwiex il-qafas legali iżda s-sitwazzjoni fil-prattika li hija kruċjali għall-involviment personali tal-persuni fl-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili.

2.5.

Qed inqisu li qatt mhu possibbli li l-partijiet interessati tas-soċjetà ċivili jkunu kompletament sodisfatti bil-kundizzjonijiet li fihom joperaw anki fl-aħjar ċirkustanzi possibbli. L-għan għandu jkun minflok ħidma kontinwa li tottimizza l-ambjent tal-involviment tas-soċjetà ċivili permezz ta’ bilanċ tal-interessi differenti bil-għan tal-iżvilupp kontinwu ta’ soċjetà demokratika u pluralistika, kif inhi iffurmata fl-Istati Membri kollha tal-UE permezz ta’ proċess attiv.

2.6.

Il-KESE jappella lit-Turkija u lill-Unjoni Ewropea ħalli titratta d-djalogu tas-soċjetà ċivili bħala prerekwiżit assolut ħalli s-soċjetajiet tagħhom joqorbu u biex jagħmlu ħilithom kollha ħalli jippromovu dan. Dan il-proċess jista’ jkollu suċċess biss jekk ikun proċess ta’ tagħlim reċiproku fi ħdan djalogu kontinwu u miftuħ.

3.   Qafas istituzzjonali legali għall-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili

3.1.

It-Turkija għamlet progress ċar fir-rigward ta’ prinċipji bażiċi ta’ separazzjoni tas-setgħat u governanza awtonoma u indipendenti, għalkemm għad iridu jsiru sforzi konsiderevoli ħalli japplikaw dawn il-prinċipji. L-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili għandu jkollhom qafas legali affidabbli bħala bażi tal-ħidma tagħhom. Dan jinkludi fost affarijiet oħra li l-liġi applikabbli għandha tipprovdilhom biżżejjed flessibbiltà f’xogħolhom u għandha titħares u tiġi applikata mill-istat u l-amministrazzjoni. Din iċ-ċertezza legali fir-rigward tal-kundizzjonijiet tal-ħidma tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-persunal għandha tkun trasparenti u garantita.

3.2.

L-enfasi tal-kritika kienet ir-realtà kostituzzjonali f’termini ta’ fiduċja fir-rispett lejn id-drittijiet individwali min-naħa tal-awtoritajiet pubbliċi. Irrispettivament minn jekk azzjonijiet amministrattivi speċifiċi kinux teknikament legali jew kisrux id-dispożizzjonijiet legali, f’ċertu każijiet kien hemm nuqqas ta’ ċertezza u trasparenza fir-rigward tal-bażi jew ġustifikazzjoni tal-azzjoni tal-gvern, bir-riżultat li miżuri li ttieħdu mill-istat kienu jidhru arbitrarji.

3.3.

Il-bażi legali ta’ miżura, il-parti li ressqitha u r-raġuni għad-deċiżjoni jew miżuri għandhom dejjem jaslu għand il-parti kkonċernata b’mod ċar. Aċċess immedjat għar-rimedju legali għandu jiġi garantit dejjem u jkun dokumentat sew.

4.   Is-separazzjoni tas-setgħat, l-istat tad-dritt u l-libertà tal-azzjoni tal-individwi

4.1.

Il-persunal tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili huwa responsabbli mill-azzjonijiet tagħhom, kif inhu kull ċittadin ieħor. Madanakollu dawn m’għandhomx ikunu suġġetti għal żvantaġġi personali inġusti jew restrizzjonijiet minħabba l-involviment tagħhom. B’mod partikolari l-ħajja privata tagħhom u ta’ familthom jixirqilhom ħarsien sħiħ.

4.2.

Il-KESE huwa konxju li xi rappreżentanti tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili sfaw bosta drabi mhedda verbalment jew permezz ta’ prosekuzzjoni legali, xi drabi anki personalment, u esperjenzaw restrizzjonijiet mhux ġustifikati fuq l-attivitajiet tas-soċjetà ċivili tagħhom. Uħud mir-restrizzjonijiet deskritti ġew imposti fil-kuntest tal-protesti tal-Park ta’ Geżi f’Mejju u Ġunju 2013 u l-passi legali assoċjati magħhom.

4.3.

Id-delegazzjoni tal-KESE kienet allarmata meta semgħet li wara l-protesti tal-Park ta’ Geżi, it-tobba ma tħallewx jikkuraw l-feruti u li d-dokumenti tal-pazjenti ntalbu għall-investigazzjoni. Ġie allegat ukoll li xi tobba ġew investigati għal atti kriminali bħad-diżubbidjenza tar-regolamenti tal-gvern peress li ma żammewx mal-istruzzjonijiet mill-awtoritajiet pubbliċi. Kura medika kunfidenzjali u indipendenti hija dritt tal-bniedem irrispettivament minn avvenimenti politiċi u mill-persuna u għandha tingħata skont il-Ġurament Ipokratiku. Il-kura medika, bħar-rappreżentazzjoni legali, ir-rispett lejn il-partijiet involuti kollha lejn is-sigriet professjonali, hijaa pilastru tal-attivitajiet ibbażati fuq il-fiduċja u karatteristika tal-istat tad-dritt. L-importanza ta’ konformità ma’ dawn il-prinċipji mill-uffiċjali kollha testendi lil hinn mill-każijiet individwali għad-demokrazija u l-istat tad-dritt u l-fiduċja tal-pubbliku li d-drittijiet tagħhom ser jiġu rispettati.

4.4.

Il-KESE jagħti parir lill-awtoritajiet Torok li jfittxu li jerġgħu jiksbu l-fiduċja li tilfu mill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili billi jiżguraw li d-deċiżjonijiet li jittieħdu fil-livelli kollha tal-gvern ikunu trasparenti u konformi mal-istat tad-dritt, u li d-deċiżjonijiet li jittieħdu mill-korpi leġislattivi, ġudizzjarji u eżekuttivi huma indipendenti għal kollox.

4.5.

Il-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet demokratiku tista’ tiġi appoġġjata fil-proċess tal-adeżjoni tal-UE billi jinfetħu l-Kapitolu 23 (Ġudikatura u d-Drittijiet Fundamentali) u 24 (Ġustizzja, Libertà, Sigurtà) bl-implimentazzjoni proattiva tad-drittijiet bażiċi u l-libertajiet li fihom.

4.6.

Il-KESE jenfasizza li l-indipendenza tal-ġudikatura, bl-mħallfin inklużi, hi element fundamentali tas-soċjetà ċivili ħielsa f’demokrazija. L-imħallfin b’mod partikolari għandhom jamministraw il-ġustizzja b’mod indipendenti u skont il-liġi mingħajr istruzzjonijiet indiretti minn korpi oħra u mingħajr pressjoni individwali u mingħajr theddid ta’ żvantaġġi personali.

5.   It-trasparenza u l-komunikazzjoni għall-involviment tas-soċjetà ċivili

5.1.

Il-KESE jkun sodisfatt jekk il-gvern u l-amministrazzjoni fit-Turkija jużaw aktar il-potenzjal tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fit-tfassil u l-komunikazzjoni tad-deċiżjonijiet ta’ politika billi jikkonsultawhom regolarment qabel ma jieħdu d-deċiżjonijiet u billi jipprovdulhom aċċess għall-informazzjoni dwar il-proċessi tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-gvern bil-ħsieb ta’ djalogu. Ħafna organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili Torok ilmentaw dwar in-nuqqas ta’ opportunitajiet ta’ aċċess għall-proċessi tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-gvern. Fl-Istati Membri tal-UE, ir-rappreżentanti tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jiġu konsultati fuq bażi regolari qabel ma jittieħdu d-deċiżjonijiet sabiex jiġbru fihom il-fehmiet kollettivi u l-interessi tal-membri ta’ dawn l-organizzazzjonijiet fil-proċess u jtejbu l-kwalità u l-vijabbiltà soċjali tad-deċiżjonijiet li jittieħdu. Permezz ta’ konsultazzjoni tal-gruppi soċjali involuti jew milquta, bħala parti mill-proċess leġislattiv u regolatorju, l-awtoritajiet pubbliċi jistgħu jantiċipaw oqsma possibbli ta’ titjib u jużaw l-organizzazzjonijiet konċernati biex iwasslu d-deċizjoni fl-oqsma ta’ influwenza tagħhom.

5.2.

Il-gvern u l-amministrazzjoni Torok huma mħeġġa jimpenjaw lis-soċjetà ċivili, inklużi l-minoranzi, fi proċess strutturat ta’ formazzjoni ta’ opinjoni politika permezz tal-ħolqien ta’ Kunsill Ekonomiku u Soċjali, u biex dan jinkluduh fil-kostituzzjoni permezz ta’ proċess ta’ riforma kostituzzjonali.

5.3.

Ir-rappreżentanti tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili qisu lilhom infushom bħala ristretti ħafna fil-komunikazzjoni tagħhom mal-membri u l-pubbliku meta saret iż-żjara ta’ ġbir ta’ informazzjoni. Huma jsibu l-aċċess għall-istampa diffiċli jew saħansitra impossibbli minħabba l-istruttura spiss oligopolistika tal-mezzi tax-xandir u pożizzjonijiet editorjali fundamentali u unilaterali. Huma rrappurtaw ukoll bosta dipendenzi ekonomiċi sinifikanti u influwenza diretta fuq il-mezzi tax-xandir. Dan qalu li joħloq restrizzjonijiet kemm fuq ir-rappurtar tal-ħidma tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili kif ukoll opportunitajiet għal dibattiti politiċi miftuħa fejn tista’ tiġi komunikata kritika diretta lejn il-gvern.

5.4.

Madanakollu jemmen li għad hemm passi li għadhom ma ttiħdux fir-rigward tat-twaqqif ta’ ambjent liberu u varjat tal-mezzi tax-xandir. Ir-ripressjoni, inkluża d-detenzjoni, tal-ġurnalisti b’riżultat ta’ ħidma ta’ kritika għandha tieqaf minnufih.

5.5.

Il-KESE hu kritiku tar-restrizzjoni temporanja fuq is-servizz tal-mikroblogging Twitter. Il-gvern tat-Turkija għandu jappoġġja l-libertà tal-opinjoni inkluż tal-mezzi soċjali u dan għandu jsir permess bħala element tal-iskambju vivaċi tal-fehmiet li jagħmel parti mid-demokrazija.

6.   Esperjenzi tal-ħarsien tal-minoranzi bħala pilastru tat-tħaddim tad-demokrazija

6.1.

Il-ħarsien soċjali tal-minoranzi għandu jittieħed bis-serjetà, bħala pilastru tat-tħaddim tad-demokrazija. Id-diskriminazzjoni min-naħa tal-awtoritajiet pubbliċi għandha tiġi abolita b’mod sistematiku u d-diskriminazzjoni minn partijiet terzi għandha tkun solvuta b’mod legali u evitata permezz ta’ kampanji ta’ edukazzjoni pubblika. Il-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet demokratiku tista’ tiġi faċilitata fil-proċess tal-adeżjoni tal-UE billi jinfetħu l-Kapitolu 23 (Ġudikatura u d-Drittijiet Fundamentali) u 24 (Ġustizzja, Libertà, Sigurtà) u bl-implimentazzjoni tad-drittijiet bażiċi u l-libertajiet li fihom mingħajr dewmien.

6.2.

Minkejja li deskrizzjoni tan-nisa bħala minoranza ma tagħmilx sens, il-KESE jħeġġeġ lit-Turkija tuża strumenti tal-protezzjoni tal-minoranzi sabiex tippromovi l-ugwaljanza bejn is-sessi. It-Turkija għandha timplimenta għalhekk il-Konvenzjoni tan-NU dwar id-drittijiet tan-nisa. L-avvanz tan-nisa u l-bniet fl-oqsma kollha tas-soċjetà b’mod partikolari fejn jidħol aċċess għas-suq tax-xogħol u inkluż is-servizz ċivili, għandu jkun għan politiku tat-Turkija u wieħed li taħdem fuqu b’mod attiv. L-istat Tork għandu jappoġġja lill-ommijiet f’ċirkostanzi diffiċli billi jipprovdi konsultazzjonijiet speċjalizzati indipendenti, ħalli jitnaqqas l-għadd ta’ aborti illegali. Forom ta’ kooperazzjoni bejn organizzazzjonijiet tad-drittijiet tan-nisa u l-istat tat-Turkija li ħadmu qabel għandhom ikomplu u jissaħħu.

6.3.

It-Turkija għandha tkompli taħdem biex tintegra l-minoranza Kurda bħala parti mis-soċjetà tat-Turkija u tippromovi l-kultura u l-lingwa tal-Kurdi.

6.4.

Il-KESE jitlob lit-Turkija tħares il-persuni b’orjentazzjoni jew identità sesswali differenti mid-diskriminazzjoni u li jiġu integrati fis-soċjetà.

6.5.

Il-KESE kellu rapporti li l-prinċipju tas-sekulariżmu tal-istat fil-kostituzzjoni Torka f’ċerti każijiet qed jinkiser. Waslitlu b’mod partikolari informazzjoni li xi dokumenti uffiċjali ta’ identità qed jitolbu r-reliġjon tal-individwu. Membri tal-minoranzi reliġjużi, inklużi l-Alevis, milli jidher jesperjenzaw żvantaġġi fil-ħajja komunitarja tagħhom u fil-prospetti tax-xogħol. It-Turkija qed tintalab li tagħmel iktar sforzi sabiex tintegra l-minoranzi reliġjużi fis-soċjetà mingħajr diskriminazzjoni.

7.   Id-djalogu soċjali bħala strument u espressjoni tad-demokrazija fil-post tax-xogħol

7.1.

Il-KESE identifika nuqqasijiet fl-implimentazzjoni tal-inklużjoni sistematika tal-impjegati fid-deċiżjonijiet rilevanti. It-trade unions irrappurtaw restrizzjonijiet dwar il-libertà ta’ assoċjazzjoni u għaqda li huma kundizzjonijiet fundamentali għas-sħubija tat-trade unions. Barra minn hekk, b’mod partikolari, membri tal-kunsilli tax-xogħol tqiegħdu personalment taħt pressjoni li tikser il-prinċipju tal-libertà ta’ assoċjazzjoni.

7.2.

Il-KESE nnota b’dispjaċir in-nuqqasijiet fit-tfassil u l-implimentazzjoni tal-miżuri ta’ sigurtà fuq il-post tax-xogħol li rriżultat f’inċidenti qabel iż-żjara għall-ġbir tal-informazzjoni f’Soma f’Mejju 2014. Il-Kumitat jitlob lill-gvern u l-amministrazzjoni tat-Turkija jaħdmu mal-impjegati sabiex jiżviluppaw miżuri ta’ prekawzjoni li jħarsu l-ħajja u s-sigurtà tal-ħaddiema u jiżguraw li dawn jiġu implimentati b’mod konsistenti.

8.   L-awtonomija lokali bħala strument tad-demokrazija parteċipattiva

8.1.

Fit-Turkija, il-prinċipji tal-awtonomija lokali f’xi postijiet għadu proċess ta’ tagħlim reċiproku fejn ir-rwoli u s-setgħat tal-awtoritajiet differenti għandhom ikomplu jiġu definiti u żviluppati b’mod gradwali. Il-KESE jinnota li s-separazzjoni vertikali tas-setgħat tintuża wkoll fit-Turkija bħala strument tal-iżvilupp ta’ netwerk ta’ konnessjonijiet bejn l-Istat u l-gruppi soċjali u b’hekk tankra l-proċessi demokratiċi b’mod iktar sħiħ fil-livell reġjonali u lokali. Din tista’ tkun opportunità oħra ta’ involviment tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili b’rabtiet lokali diretti fil-proċessi tat-teħid tad-deċiżjonijiet, pereżempju bħala ċittadini informati u konsulenti indipendenti.

9.   Kundizzjonijiet soċjali ġenerali għall-organizazzjonijiet tas-soċjetà ċivili

9.1.

L-istat u l-mezzi tax-xandir jistgħu jagħmlu aktar biex jgħinu lill-pubbliku jifhem id-diversità tal-gruppi soċjali u l-bżonn tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u r-rappreżentazzjoni tal-interessi sabiex il-minoranzi jibdew jitqiesu bħala parti leġittima u rikka tas-soċjetà tat-Turkija.

9.2.

Sabiex l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jiżviluppaw u joperaw b’mod professjonali jeħtieġu struttura soċjali li tkun pluralistika u parteċipattiva fil-prattika. Dan ma jiddependix biss mill-mekkaniżmi istituzzjonali li jippermettu lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili joperaw b’mod legali iżda wkoll mill-manutenzjoni tal-qafas prattiku għall-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili. Il-ħidma volontarja tiddependi mill-impenn individwali lejn l-interessi u l-valuri mfittxa iżda anki mir-rikonoxximent li jirċievu l-persuni tal-involviment tagħhom.

9.3.

Xi diskussjonijiet mal-partijiet interessati tas-soċjetà ċivili wrew li dawn iqisu l-ħidma tagħhom bħala ġlieda inugwali kontra l-awtorità iktar milli rappreżentazzoni leġittima tal-interessi tagħhom. L-użu f’xi każi ta’ lingwaġġ ta’ oppożizzjoni, nuqqas ta’ fiduċja u reżistenza lejn forzi soċjali jew governattivi kien inkwetanti. Dan ma jwassalx għal fehim reċiproku jew progress sostanzjali permezz ta’ tibdil fuq iż-żewġ naħat u jista’ jwassal għal kunflitti bejn gruppi tas-soċjetà tat-Turkija.

9.4.

Biex tingħeleb din il-klima ta’ nuqqas ta’ fiduċja u ta’ biża’, l-awtoritajiet u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili huma mistiedna li jibdew djalogu u trilogu mal-organizzazzjonijiet imsieħba tagħhom Ewropej ħalli jippromovu klima ta’ rispett reċiproku u fiduċja.

Brussell, il-21 ta’ Jannar 2015.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Henri MALOSSE


(1)  Ara Joint Report on Trade Union Rights Situation in Turkey (korelaturi s-Sinjura Annie Van Wezel u s-Sur Rucan Isik), adottat waqt it-32 laqgħa tal-Kumitat Konsultattiv Konġunt UE-Turkija, 7-8 ta’ Novembru 2013 (CES6717-2013_00_00_TRA_TCD), http://www.eesc.europa.eu/?i=portal.en.events-and-activities-32-eu-turkey-jcc-jointreport.30035


Top