EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52014DC0549

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL Rapport Annwali dwar l-Attivitajiet ta' Riċerka u Żvilupp Teknoloġiku tal-Unjoni Ewropea fl-2013

/* COM/2014/0549 final */

52014DC0549

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL Rapport Annwali dwar l-Attivitajiet ta' Riċerka u Żvilupp Teknoloġiku tal-Unjoni Ewropea fl-2013 /* COM/2014/0549 final */


RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

Rapport Annwali dwar l-Attivitajiet ta’ Riċerka u Żvilupp Teknoloġiku tal-Unjoni Ewropea fl-2013

1.               Il-kuntest tar-Rapport Annwali dwar l-attivitajiet ta' Riċerka u Żvilupp Teknoloġiku (Research and Technological Development - RTD)

Ir-Rapport Annwali dwar l-attivitajiet ta’ riċerka u żvilupp teknoloġiku tal-Unjoni Ewropea (UE) jitħejja skont l-Artikolu 190 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE). L-għan ta' dan ir-rapport huwa li jipprovdi ħarsa ġenerali tal-miżuri ewlenin li twettqu matul is-sena ta' rappurtaġġ.

2.               Il-kuntest politiku aktar mifrux fl-2013

Fl-2013, l-Istati Membri bdew u komplew għadd ta' riformi sinifikanti biex jerġgħu lura għat-tkabbir ekonomiku u s-servizzi soċjali sostenibbli. Il-Kummissjoni Ewropea wettqet miżuri importanti biex ittejjeb u tikkomplementa dawn l-isforzi, fosthom billi saħħet l-involviment tas-sħab soċjali fil-qafas tas-Semestru Ewropew. B'riżultat ta' dan mill-bidu tal-2013 'l hawn beda l-irkupru bil-mod il-mod tal-ekonomija tal-Ewropa, li beda jinħass aktar fit-tieni semestru tal-2013. Filwaqt li l-irkupru huwa mistenni li jkompli, l-Unjoni Ewropea għandha bżonn tkompli tagħmel sforz konġunt biex issaħħaħ il-kapaċità tagħha li tikkompeti fuq livell dinji.

Minkejja l-klima ekonomika diffiċli matul is-sena li għaddiet, l-UE għamlet progress lejn il-miri tal-Ewropa 2020 billi nediet xejriet strutturali pożittivi, pereżempju billi għolliet il-livelli tal-edukazzjoni, bniet taħlita ta' enerġija aktar sostenibbli, naqqset l-intensità tal-użu tal-karbonju tal-ekonomija u pprogressat lejn il-mira ta' investiment ta' 3 % fir-Riċerka u l-Innovazzjoni.

L-investiment fir-Riċerka u l-Innovazzjoni (R&I) huwa kruċjali biex tissaħħaħ il-pożizzjoni tal-Ewropa bħala kompetitur dinji u biex l-ekonomija tagħha terġa' lura fit-triq tat-tkabbir.  Għalhekk, ir-R&I għadhom il-qofol tal-aġenda tal-UE għal impjiegi intelliġenti u tkabbir u fiċ-ċentru tal-investimenti tal-UE.

L-Orrizzont 2020, li ġie varat fi tmiem l-2013, huwa l-istrument finanzjarju li jimplimenta l-inizjattiva ewlenija tal-Ewropa 2020, "l-Unjoni tal-Innovazzjoni". Il-programm qafas il-ġdid kien maħsub biex jindirizza u jaħdem fuq l-isfidi soċjali u biex jippromwovi l-prosperità ekonomika billi jiffinanzja x-xjenza li teċċella, it-teknoloġija, u l-innovazzjoni. 

3.               Orizzont 2020

Wara li saru n-negozjati trilaterali bejn l-istituzzjonijiet tal-UE, il-pakkett Orizzjont 2020 ġie adottat b'maġġoranzi ċari fil-Parlament Ewropew, fil-21 ta' Novembru 2013, u fil-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, fit-3 ta' Diċembru 2013.

Il-programm qafas il-ġdid tal-UE, li għandu baġit tal-UE (2014-2020) ta' EUR 79,2 biljun fi prezzijiet kurrenti[1], jirrappreżenta bidla mill-imgħoddi –billi huwa ħafna aktar sempliċi, u b'hekk jippermetti parteċipazzjoni ikbar, bl-integrazzjoni tar-riċerka u l-innovazzjoni, u bl-aproċċ tiegħu bbażat fuq l-isfidi.  L-Orizzont 2020 se jgħin biex jagħlaq id-distakk bejn ir-riċerka u s-suq, u fl-istess ħin se jkompli jsaħħaħ l-eċċellenza, biex b'hekk joffri opportunitajiet kbar biex l-għarfien u t-teknoloġiji l-ġodda jissarfu f'servizzi u prodotti innovattivi ta' livell għoli.

Il-programm il-ġdid qiegħed f'pożizzjoni tajba ħafna biex ipoġġi flimkien is-sorsi pubbliċi u privati tal-finanzjament bil-għan li jagħti spinta lill-kumpaniji innovattivi tal-Ewropa:

· Ġie assigurat aktar investiment privat biex jindirizza l-isfidi soċjali l-kbar filwaqt li jagħti spinta lill-kompetittività industrijali tal-Ewropa. Fl-10 ta' Lulju 2013 il-Kummissjoni ħarġet il-proposti dwar għadd ta' inizjattivi ta' sħubija pubblika-privata u pubblika-pubblika li jagħmlu parti mill-Pakkett tal-Investiment fl-Innovazzjoni[2]. Dawn is-sħubiji se jkunu wieħed mill-elementi ewlenin tal-Orizzjont 2020, peress li se jippermettu attivitajiet ta' innovazzjoni kbar u fuq tul ta' żmien billi jagħqdu flimkien is-settur privat, l-UE, u l-Istati Membri b'baġit ta' iżjed minn EUR 20 biljun.

 

Twaqqfu l-miżuri biex jintgħeleb in-nuqqas ta' finanzjament disponibbli fl-Ewropa, li hu ostaklu kbir għat-tqegħid fis-suq ta' innovazzjonijiet.  Il-Faċilità ta' Finanzjament għall-Kondiviżjoni tar-Riskji, imwaqqfa b'mod konġunt mill-Kummissjoni Ewropea u l-Grupp tal-Bank Ewropew tal-Investiment, żgurat li għal kull biljun euro mill-baġit tal-UE, il-BEI ħareġ EUR 12-il biljun f'self u aktar minn EUR 30 biljun f'investiment finali fir-R&I.  Dan wassal biex mill-2007 kien hemm EUR 40 biljun għal attivitajiet ta' riċerka u innovazzjoni li altrimenti kienu jibqgħu mingħajr finanzjament.  Bi qbil mal-approċċ integrattiv tal-Orizzont 2020, huwa previst li l-miżuri se jwaqqfu sistema robusta ta' appoġġ li jgawdu minnha b'mod partikolari l-SMEs, u li tiffaċilitalhom ukoll l-aċċess għall-opportunitajiet ta' finanzjament minn kull qasam tal-programm. L-istrument il-ġdid iddedikat għall-SMEs isostni l-iktar ideat innovattivi tal-SMEs Ewropej li juru ambizzjoni kbira li jiżviluppaw, jikbru u jsiru internazzjonali.  Mill-20% tal-finanzi tal-programm allokati b'mod ġenerali għall-isfidi soċjali u għall-għan speċifiku "Il-post ewlieni fit-Teknoloġiji abilitanti u industrijali", 5% ġew allokati għas-sejħa dejjem miftuħa fl-2014/2015, u 7% ġew allokati għall-perjodu kollu tal-programm.

Minbarra t-teħid ta' deċiżjonijiet politiċi, il-Kummissjoni għamlet il-preparamenti meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-programm il-ġdid.

(a)             Il-Programmi ta' Ħidma tal-Orizzont 2014-15

Fl-10 ta' Diċembru 2013, il-Kummissjoni Ewropea adottat l-ewwel programm ta' ħidma tal-Orizzont 2020. Il-Kummissjoni indikat il-prijoritajiet għall-finanzjament fuq sentejn, b'hekk ir-riċerkaturi u n-negozji ngħataw ċertezza akbar minn qatt qabel dwar id-direzzjoni tal-opportunitajiet li hemm fir-riċerka u l-innovazzjoni tal-UE. Is-sejħa għall-proposti nfetħet fil-11 ta' Diċembru 2013. Fost l-affarijiet ewlenin:

Ingħatat attenzjoni speċjali lill-Intrapriżi Żgħar u Medji (SMEs), b'mod partikolari permezz ta' strument ġdid iddedikat. Fl-2014 biss, l-SMEs se jkunu jistgħu japplikaw għal EUR 253 miljun f'għotjiet għall-innovazzjoni f'din l-iskema ġdida esklussiva. Kif stipulat fis-sejħiet tal-2014/2015, baġit totali ta' kważi EUR 20 miljun huwa allokat għal għotjiet individwali mill-Kunsill Ewropew tar-Riċerka (kważi EUR 14-il miljun) u l-Azzjonijiet Marie Sklodowska-Curie (kważi EUR 7 miljuni) għat-taħriġ u l-mobbiltà tar-riċerkaturi. Bħala kontribut biex jiġi indirizzat id-distakk fl-innovazzjoni, il-miżuri li jifirxu l-opportunitajiet jinkludu sejħiet għal "Presedenzi taż-Żona Ewropea tar-Riċerka" (EUR 34 miljun), Azzjonijiet għall-Ħolqien ta' Timijiet (EUR 12-il miljun) fl-2014 u Ġemellaġġ (EUR 74 miljun) fl-2015. 

(b)          Is-simplifikazzjoni tal-aċċess

Fl-4 ta' Diċembru 2013, tnediet verżjoni ġdida tal-Portal tal-Parteċipanti fir-Riċerka u l-Innovazzjoni bl-użu ta' kapaċità miżjuda tal-informatika, teknoloġija aktar kontemporanja, navigazzjoni organizzata mill-ġdid u ssimplifikata, u tqassim u kontenut aktar żviluppati. Il-gwida onlajn il-ġdida għall-parteċipanti fl-Orizzont 2020 – il-Horizon 2020 Online Manual – ġiet żviluppata f'kollaborazzjoni biex tiffaċilita l-fehim tal-proċessi tal-programm. Il-manwal huwa aċċessibbli faċilment minn kull taqsima tal-Portal tal-Parteċipanti[3], u jwassal lill-utenti direttament għat-taqsima ta' gwida rilevanti.

4.               L-Unjoni tal-Innovazzjoni

L-Unjoni tal-Innovazzjoni tqiegħdet fil-qalba tal-Istrateġija Ewropa 2020 bil-għan li trawwem il-kapaċità tal-Ewropa għall-innovazzjoni. L-Unjoni tal-Innovazzjoni qed jirnexxilha żżid l-attività innovattiva billi żżid l-investimenti fir-R&I, timmobilizza l-partijiet ikkonċernati u tintegra l-innovazzjoni fil-politiki ewlenin Ewropej, nazzjonali u reġjonali.

Bħala strateġija komprensiva, l-Unjoni tal-Innovazzjoni tindirizza firxa wiesgħa ta' elementi li għandhom impatt fuq l-ekosistema tal-innovazzjoni Ewropea, u qed jirnexxilha tibdilha. Sar progress eċċellenti fit-twettiq ta' kull waħda mill-prijoritajiet tal-Unjoni tal-Innovazzjoni:

It-tisħiħ tal-bażi tal-għarfien u t-tnaqqis tal-frammentazzjoni: Il-bażi tal-għarfien fl-Ewropa qiegħda tissaħħaħ, b'mod partikolari permezz ta': it-tnedija tal-Orizzont 2020; il-fokus tal-Fondi Ewropej għall-Iżvilupp Reġjonali fuq l-Istrateġiji ta' Speċjalizzazzjoni Intelliġenti; u l-appoġġ għall-iżvilupp tal-ħiliet u l-progress lejn iż-Żona Ewropea tar-Riċerka (ŻER) – ara hawn taħt fit-taqsima 5; It-twassil tal-ideat għas-suq: Saru sforzi kbar biex jitfasslu l-għodod għal ambjent kummerċjali aktar favur l-innovazzjoni fl-Ewropa, bħall-privattiva unitarja u d-direttivi riveduti dwar l-akkwist pubbliku, li joffru opportunitajiet aħjar għall-innovazzjoni. L-istrumenti li jiffaċilitaw l-aċċess għall-finanzjament huma stabbiliti, b'mod partikolari dawk li hemm fil-programm Orizzont 2020, u qegħdin appik li jibdew jagħtu l-frott, fost affarijiet oħra, il-faċilitajiet rinfurzati ta' dejn u ekwità u l-passaport tal-kapital ta' riskju.

Filwaqt li fl-imgħoddi tipikament kien jintuża l-intervent pubbliku biex jistimula l-forniment ta' riċerka u għarfien ġdid, dan qed jintuża dejjem iżjed biex jistimula d-domanda għall-innovazzjoni bi strumenti bħall-akkwist pubbliku prekummerċjali, ir-regolamentazzjoni favur l-innovazzjoni, l-istabbiliment ta' standards, eċċ. Pereżempju, l-akkwist tal-innovazzjoni kien iffaċilitat, ġiet żviluppata u ttestjata metodoloġija biex jiġi eżaminat l-impatt tar-regoli fuq l-innovazzjoni, tnieda l-pjan ta' azzjoni għall-ekoinnovazzjoni, u l-istabbiliment tal-istandards ġie mmodernizzat u mħaffef.

L-iżvilupp massimu tal-koeżjoni soċjali u territorjali: L-Unjoni tal-Innovazzjoni ħadet ħsieb ukoll l-isfida tal-koeżjoni territorjali u soċjali. Pereżempju, twaqqfu strateġiji ta' speċjalizzazzjoni intelliġenti bħala kundizzjoni preliminarja għall-prijoritajiet tal-investiment fl-oqsma tar-riċerka, l-iżvilupp teknoloġiku u l-innovazzjoni biex tiżdied u titjieb l-innovazzjoni madwar ir-reġjuni Ewropej u l-Istati Membri mingħajr ma jkun hemm tnaqqis ta' eċċellenza. Iż-żieda fl-enfasi fuq l-innovazzjoni fis-setturi soċjali u pubbliku qed tiżgura t-teħid usa' tal-innovazzjoni u tal-impatt soċjali tagħha, kif ukoll bidla fil-mentalità dwar min għandu jkun ikkonċernat mill-innovazzjoni u min jista' jaġixxi għall-bidla fl-UE. B'mod partikolari qed jiżdied il-momentum fl-innovazzjoni tas-settur pubbliku, fejn l-azzjonijiet li saru kienu iżjed milli kien mistenni oriġinarjament mill-Unjoni tal-Innovazzjoni. Is-sħubiji Ewropej tal-Innovazzjoni (EIPs) jipprovdu aproċċ ġdid għar-riċerka u l-innovazzjoni fl-UE. Tnedew ħames EIPs fl-oqsma ewlenin tat-tixjiħ b'saħħtu u attiv, l-ilma. l-agrikoltura, il-materja prima u l-bliet intelliġenti. Dawn issa qegħdin kollha fl-istadju tal-implimentazzjoni, billi identifikaw il-prijoritajiet, qegħdin iħaddmu firxa wiesgħa ta' sħab miż-żewġ naħat tad-domanda u tal-forniment tal-innovazzjoni, u qed jibdew jagħtu l-ewwel riżultati, eż. l-immappjar ta' prattiċi tajba, l-għodod prattiċi għar-replikazzjoni, il-ġbir tal-impatt imġarrab u t-tħaddim tas-servizzi integrati.

Saret valutazzjoni tal-progress minn grupp espert u tal-prestazzjoni ġenerali tal-EIPs. Il-grupp ikkonkluda li l-EIP huwa l-aħjar aproċċ biex jgħin it-tkabbir ekonomiku u l-ġid futur għall-Ewropa. Ir-rakkomandazzjonijiet tal-grupp jagħtu ħjiel tat-titjib li jista' jsir fl-EIPs attwali u tat-tibdiliet sinifikanti li jistgħu jsiru fil-mod kif jitnedew u jitmexxew l-EIPs fil-ġejjieni.

Ningranaw il-politiki tagħna esternament: Id-dimensjoni globali tal-innovazzjoni tqieset ukoll. Ġew żviluppati bosta inizjattivi biex tiżdied il-ġibda tal-Ewropa bħala destinazzjoni ta' riċerka u innovazzjoni, u ssaħħew is-sħubiji bejn l-UE u l-Istati Membri bid-definizzjoni tal-prijoritajiet għall-kooperazzjoni ma' pajjiżi terzi, fosthom l-iżvilupp ta' infrastrutturi globali tar-riċerka. Kif dan iseħħ: Il-progress fir-riċerka u l-innovazzjoni tal-Ewropa u l-Istati Membri ġie mmonitorjat fil-qafas tal-koordinazzjoni ekonomika integrata ("Is-Semestru Ewropew"), permezz tat-Tabella ta' Valutazzjoni tal-Unjoni tal-Innovazzjoni[4], tar-Rapport tal-Kompetittività tal-Unjoni tal-Innovazzjoni, u permezz tal-indikatur tar-riżultati l-ġdid tal-innovazzjoni. L-indikatur il-ġdid juża erba' indikaturi mir-riżultati u t-tipi ta' attivitajiet tal-kumpaniji fit-Tabella ta' Valutazzjoni tal-Unjoni tal-Innovazzjoni, raggruppati fi tliet komponenti (privattivi, impjieg f'attivitajiet b'għarfien intensiv, u l-kompetittività ta' prodotti u servizzi b'għarfien intensiv), u kejl ġdid tal-impjieg f'kumpaniji fis-setturi innovattivi li qegħdin jikbru b'rata mgħaġġla.

Il-monitoraġġ se jitkompla u jittejjeb permezz tal-Faċilità ta' Appoġġ għall-Politika fl-Orizzont 2020. L-iskambju tal-aħjar prattiki u t-tagħlim reċiproku wkoll ġew iffaċilitati mill-UE.

Tul dawn l-aħħar snin, kien hemm bidla għall-aħjar li naqset id-distakk fl-innovazzjoni bejna u l-kompetituri ewlenin tagħna. L-iżjed Tabella ta' Valutazzjoni tal-Unjoni tal-Innovazzjoni riċenti turi li, mill-2008 'l hawn l-UE rnexxielha tnaqqas id-distakk tal-innovazzjoni bejnha u l-Istati Uniti u l-Ġappun bi kważi n-nofs. Madankollu, id-distakk bejnha u l-Korea t'Isfel qiegħed jikber u ċ-Ċina mhijiex 'il bogħod. Għaldaqstant, jeħtieġ li l-UE, l-Istati Membri tagħha u partijiet ikkonċernati oħrajn ikomplu jaħdmu id f'id biex itejbu l-ekosistema tal-innovazzjoni Ewropea.

5.               Iż-Żona Ewropea tar-Riċerka (ŻER)

Wara l-adozzjoni tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Reinforced European Research Area Partnership for Excellence and Growth (Komunikazzjoni taż-ŻER) fis-17 ta' Lulju 2012, u t-twaqqif tal-Mekkaniżmu ta' Monitoraġġ taż-ŻER (EMM) biex jimmonitorja l-progress tal-implimentazzjoni taż-ŻER, il-Kummissjoni kompliet tikkonsolida l-EMM tul l-2013. Il-Kummissjoni kkooperat fil-qrib mal-grupp ta' ħidma ad hoc tal-monitoraġġ tal-Kumitat taż-Żona Ewropea tar-Riċerka (KŻER) li twaqqaf dan l-aħħar biex jirfinaw l-indikaturi taż-ŻER u l-metodi relatati tal-ġbir tad-dejta, b'mod partikolari l-Istħarriġ taż-ŻER.

Il-ħidma fuq l-EMM wasslet għall-adozzjoni tal-Ewwel Rapport ta' Progress taż-ŻER f'Settembru 2013, li jagħti ritratt tal-qagħda fl-Istati Membri u ta' xi Pajjiżi Assoċjati kif kienet dak iż-żmien, u jistabbilixxi x-xenarju ta' referenza għal valutazzjoni sħiħa tal-progress fis-sena ta' wara[5]. Ir-Rapport ta' Progress taż-ŻER tal-2013 ġie diskuss waqt il-laqgħa tal-Kunsill dwar il-Kompetittività f'Settembru 2013, fejn ittenna li hemm ħtieġa li jitħaffu r-riformi strutturali tas-sistemi nazzjonali u li jissaħħaħ il-monitoraġġ tal-progress taż-ŻER. It-tqassim tar-rapport ta' Progress taż-ŻER tal-2013 ipprovda valutazzjoni tal-progress li sar f'oqsma fil-mira bħat-trasparenza u l-ġustizzja fir-reklutaġġ tar-riċerkaturi, jew it-tixrid aħjar tal-għarfien xjentifiku.

Barra minn hekk, l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir għas-sena 2014[6] li ġie adottat fl-2013, enfasizza l-ħtieġa li l-Istati Membri jadottaw ir-riformi bi qbil mal-Komunikazzjoni taż-ŻER u ppermetta li l-Mekkaniżmu ta' Monitoraġġ taż-ZER u r-Rapport ta' Progress jiddaħħlu b'mod sħiħ fiċ-ċiklu politiku tas-Semestru Ewropew.

L-implimentazzjoni tal-Komunikazzjoni taż-ŻER fil-livell tal-partijiet ikkonċernati fir-riċerka ġiet appoġġata permezz tat-twessigħ u r-rinfurzar tal-pjattaforma tal-partijiet ikkonċernati. Is-sitt organizzazzjoni[7] ngħaqdet mal-pjattaforma f'Lulju tal-2013. Fit-13 ta' Diċembru 2013 ġiet iffirmata Dikjarazzjoni Konġunta mis-sitt organizzazzjonijiet tal-partijiet ikkonċernati[8] u mill-Kummissjoni. L-organizzazzjonijiet kollha affermaw mill-ġdid l-impenn konġunt tagħhom biex jiksbu l-għanijiet taż-ŻER. Fi tmiem l-2013 il-partijiet ikkonċernati kollha rrappurtaw il-progress tal-impenn tagħhom biex jilħqu l-għanijiet taż-ŻER u kkontribwixxew id-dejta tagħhom għar-Rapport ta' Progress taż-ŻER tal-2013.

Il-Manifest taż-ŻER – inizjattiva ġdida tal-Parlament Ewropew li jiġbor flimkien il-Membri tal-Parlament Ewropew u l-partijiet ikkonċernati fir-riċerka - ukoll ta imbuttatura lill-implimentazzjoni tal-azzjonijiet taż-ŻER fil-livell tal-awtoritajiet nazzjonali u l-partijiet ikkonċernati fir-riċerka.

6.               Kooperazzjoni Internazzjonali

Is-sena 2013 kienet l-ewwel sena sħiħa tal-implimentazzjoni tal-Komunikazzjoni ‘Intejbu u niffukaw il-kooperazzjoni internazzjonali tal-UE fir-riċerka u l-innovazzjoni: Approċċ strateġiku’[9]. L-istrateġija, bi qbil mal-Unjoni tal-Innovazzjoni, tfittex li ssaħħaħ l-eċċellenza u l-attrattività tal-Unjoni fil-qasam tar-riċerka u l-innovazzjoni u fil-kompetittività ekonomika u industrijali tagħha; l-indirizzar tal-isfidi soċjali globali; u l-appoġġ għall-politiki esterni tal-Unjoni. Biex jintlaħaq dan il-għan ġiet żgurata l-integrazzjoni tal-istrateġija fil-pakkett leġiżlattiv tal-Orizzont 2020 waqt id-dibattitu interistituzzjonali. Il-pakkett jinkludi politika għall-assoċjazzjoni mal-Orizzont 2020 li tiffoka fuq it-Tkabbir, l-EFTA u l-pajjiżi tal-Viċinat. In-negozjati bdew b'għadd ta' pajjiżi fl-2013, bl-inizjalar tal-ftehim mal-Iżrael f'Diċembru tal-istess sena.

Il-Forum Strateġiku għall-Kooperazzjoni Internazzjonali fix-Xjenza u t-Teknoloġija rreveda u ssimplifika r-Regoli tal-Proċeduri tiegħu biex itejjeb il-koordinazzjoni tal-attivitajiet ta' kooperazzjoni internazzjonali tal-Istati Membri u magħhom. Il-Bord tas-Sħubija tal-Lvant dwar ir-riċerka u l-innovazzjoni aċċetta li jaħdem b'mod konġunt biex tiġi żviluppata Strateġija Konġunta għall-kooperazzjoni. Fil-laqgħa ta' Novembru 2013 tad-Djalogu Politiku ta' Livell Għoli dwar ix-Xjenza, it-Teknoloġija u l-Innovazzjoni bejn l-UE u l-Afrika, il-partijiet ftehmu li jibdew jaħdmu biex jaslu għal sħubija ta' riċerka u innovazzjoni fuq terminu ta' żmien twil, iffinanzjata b'mod konġunt u li tappartjeni għaż-żewġ partijiet, li l-ewwel fokus tagħha jkun is-sigurtà tal-ikel u n-nutrizzjoni u l-agrikoltura sostenibbli.

Il-laqgħa ta' livell għoli "L-Atlantiku: Riżors Kondiviż" ġiet organizzata f'Galway f'Mejju, u wasslet għall-iffirmar tad-Dikjarazzjoni ta' Galway mill-UE, il-Kanada u l-Istati Uniti tal-Amerika, u l-varar tal-Alleanza tal-Oċean Transatlantiku għar-Riċerka.

Ġew organizzati tliet konferenzi Destinazzjoni Ewropa fl-Istati Uniti tal-Amerika bejn l-Istati Membri u l-Pajjiżi Assoċjati biex issir sensibilizzazzjoni dwar l-eċċellenza tar-riċerka Ewropea u l-opportunitajiet ta' karriera u ta' finanzjament disponibbli fl-Ewropa għar-riċerkaturi mid-dinja kollha.

Bi qbil mal-għan li l-kundizzjonijiet għall-kooperazzjoni jkunu ekwi, u biex jiġu indirizzati l-kundizzjonijiet fil-qafas li jfixklu l-kooperazzjoni, f'Novembru tal-2013 saret l-ewwel laqgħa ta' livell għoli għal Djalogu dwar il-Kooperazzjoni fl-Innovazzjoni maċ-Ċina, f'Beijing. Kien hemm interess reċiproku għal kundizzjonijiet qafas marbutin mal-innovazzjoni li jkunu prevedibbli, trasparenti u effikaċi u nħatar Grupp ta' Ħidma Espert dwar il-Kooperazzjoni fl-Innovazzjoni biex jidentifika u jippromwovi prattiċi li jirnexxu fl-UE u fiċ-Ċina.

F'Novembru tnediet b'suċċess is-Sena tax-Xjenza bejn l-UE u r-Russja. Dan l-avveniment ta' livell għoli ta l-opportunità liż-żewġ naħat biex itennu l-impenn tagħhom fil-kooperazzjoni ta' bejn l-UE u r-Russja fix-Xjenza u t-Teknoloġija.

7.               Iċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka (JRC)

Il-JRC huwa s-servizz intern tax-xjenza tal-Kummissjoni Ewropea u l-uniku servizz tal-Kummissjoni li jieħu ħsieb ir-riċerka diretta. Il-missjoni tal-JRC hija li jipprovdi appoġġ xjentifiku u teknoloġiku indipendenti bbażat fuq l-evidenza għall-politiki tal-UE tul iċ-ċiklu politiku kollu. Il-JRC jaħdem b'kooperazzjoni mill-qrib mad-Direttorati Ġenerali tal-politika u jindirizza l-isfidi soċjali ewlenin filwaqt li jistimula l-innovazzjoni billi jiżviluppa metodi, għodda u standards ġodda u jaqsam l-għarfien tiegħu mal-Istati Membri, mal-komunità xjentifika u mas-sħab internazzjonali.

Fl-2013 il-JRC aġixxa b'reazzjoni għal għadd dejjem jikber ta' talbiet mingħand is-servizzi politiċi tal-Kummissjoni għall-appoġġ xjentifiku għall-politiki, b'mod speċjali fil-qafas tal-pjan tal-UE għat-tkabbir intelliġenti tal-Ewropa 2020. Il-JRC ipprovda appoġġ xjentifiku dirett għal oqsma politiċi tematiċi bħalma huma l-istabbiltà finanzjarja u l-Unjoni Ekonomika u Monetarja; is-suq uniku, it-tkabbir, l-impjiegi u l-innovazzjoni; l-ekonomija li timxi fuq livell baxx ta' karbonju, l-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi, l-ambjent u t-tibdil fil-klima; l-enerġija u t-trasport; l-agrikoltura u s-sigurtà fl-ikel; is-saħħa u l-protezzjoni tal-konsumaturi; is-soċjetà informatika u l-aġenda diġitali; is-saħħa u s-sigurtà pubblika, is-sikurezza u s-sigurtà nukleari.

Biex jaqdi dmirietu, li dejjem qegħdin jiżdiedu, b'mod effiċjenti, il-JRC ħa atteġġament aktar multidixxiplinarju u transettorjali billi elabora l-ewwel Programm ta' Ħidma tal-JRC (2014-2015) fl-Orizzont 2020, pjan ta' azzjoni rikorrenti ġdid u struttura ta' proġett ta' granularità ifjen. Innovazzjoni aktar qawwija flimkien ma' sħubiji ġodda internazzjonali jgħinu biex jindirizzaw il-kwistjonijiet globali urġenti bħat-tibdil fil-klima, is-saħħa, is-sigurtà fl-ikel, u l-faqar. Ir-relazzjonijiet u n-netwerks imsaħħa tal-JRC ma' sħab fl-UE u internazzjonali huma kruċjali għall-eċċellenza xjentifika globali.

Biex il-politiki jkollhom bażi soda ta' evidenza xjentifika u ta' analiżi jenħtieġu l-aktar infrastruttura moderna għall-attivitajiet xjentifiċi, dejta tajba u l-għodod analitiċi rilevanti. Pereżempju infetaħ bini ġdid ekoloġiku u effiċjenti fl-użu tal-enerġija għall-prattiki xjentifiċi fis-sit tal-JRC f'Ispra, l-Italja.

8.               L-implimentazzjoni tas-Seba' Programm Qafas

Fl-2012 il-Kummissjoni ħarġet l-ikbar għadd ta' sejħiet għall-proposti fi ħdan is-Seba' Programm Qafas (FP7). Biex titħaffef it-tranżizzjoni għall-Orizzont 2020, sar sforz biex jitwettqu azzjonijiet li jintegraw firxa ta' attivitajiet li għandhom potenzjal li joħolqu impatt qawwi. Fl-2013, ġew konklużi madwar 45 sejħa għall-proposti għal baġit indikattiv totali ta' EUR 4,9 biljun. Wasal għadd totali ta' 20 000 proposta eliġibbli, li minnhom kważi 3 000 inżammu biex jingħataw finanzjament, u dan irriżulta f'rata ta' suċċess ta' 15 % fuq bażi ta' proposta.

Total ta' 67 630 parteċipant ħadu sehem fil-proposti eliġibbli kollha, għal proġett totali ta' aktar minn EUR 34 biljun u kontribuzzjoni totali tal-UE mitluba ta' EUR 28 biljun. Total ta' 12 702 parteċipant ħadu sehem fil-proposti eliġibbli kollha, għal proġett totali ta' EUR 6 biljun u kontribuzzjoni totali tal-UE mitluba ta' EUR 4 biljun. Ir-rata ġenerali ta' suċċess kienet ta' 18,78 % f'termini tal-applikanti u ta' 15,96% f'termini tal-kontribuzzjoni tal-UE mitluba.

9.               Il-prospetti għall-2014

Il-Kummissjoni għadha impenjata biex tilħaq il-miri tal-istrateġija tal-Ewropa 2020. Fil-preżent qiegħda taħdem fuq l-implimentazzjoni tal-Komunikazzjoni bit-titolu "Ir-Riċerka u l-innovazzjoni bħala sorsi ta' tkabbir imġedded"[10] lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar il-valutazzjoni tar-riċerka u l-innovazzjoni bħala sorsi ta' tkabbir fil-ġejjieni.

Konsultazzjoni aktar wiesgħa mal-Istati Membri se tkun fost il-prijoritajiet tal-Kummissjoni, għall-iżvilupp tal-programm ta' ħidma għall-2016-2017 tal-Orizzont 2020. Hija se tqis ukoll l-għarfien ġdid dwar ix-xejriet xjentifiċi, teknoloġiċi, ekonomiċi, tas-suq, u soċjali, u l-previżjonijiet, kif ukoll il-ħtiġiet politiċi kurrenti u emerġenti biex tkompli tibni fuq il-vantaġġi kumpetittivi tagħha u taħtaf l-opportunitajiet ġodda.

Fl-2014, il-Kummissjoni se tkompli wkoll bl-azzjonijiet tal-Unjoni tal-Innovazzjoni. Hija se tippreżenta r-rapport tal-"2010-2014 dwar il-Qagħda Attwali tal-Unjoni tal-Innovazzjoni" li juri r-riżultati u s-sejbiet ewlenin. Madankollu, minħabba l-kriżi li għaddejja, jeħtieġ li l-Ewropa tkompli l-isforzi tagħha biex l-Unjoni tal-Innovazzjoni ssir realtà.

Ir-Rapport tal-Progress taż-ŻER tal-2013 ġie diskuss waqt il-Kunsill dwar il-Kompetitiività f'Settembru tal-2013, u se jwitti t-triq għall-adozzjoni tal-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar iż-ŻER fl-2014. Il-Kummissjoni se torganizza konferenza wara l-pubblikazzjoni tar-Rapport ta' Progress tal-2014 li se jinħareġ f'Settembru. Se ssir valutazzjoni sħiħa tal-progress fl-implimentazzjoni taż-ŻER permezz tal-Istħarriġ taż-ŻER tal-2014 bil-għan li jiġu identifikati l-azzjonijiet ta' implimentazzjoni meħtieġa għat-tlestija ta' suq uniku għar-riċerkaturi, għall-għarfien u għat-teknoloġija. L-Istħarriġ taż-ŻER tal-2014 se jkun kruċjali biex jiġu identifikati l-oqsma li fihom sar il-progress, u li jeħtieġu aktar sforz.

Barra minn hekk, il-Kummissjoni varat konsultazzjoni mal-UE kollha tal-partijiet ikkonċernati kollha dwar dak li għandha titgħallem mill-esperjenza, u dwar il-fatturi ewlenin li għandhom jgħinuha biex tfassal l-istadji li jmiss tal-istrateġija għat-tkabbir wara l-kriżi għall-perjodu 2015-2020. Hija se tippreżenta l-proposti konkreti fl-ewwel xhur tal-2015.

[1]               http://ec.europa.eu/programmes/horizon2020/en/news/horizon-2020-brief-eu-framework-programme-research-innovation.

[2]               Adottat mill-Parlament Ewropew fil-15 ta' April 2014 u mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea fis-6 ta' Mejju 2014.

[3]               http://ec.europa.eu/research/participants/portal/desktop/en/home.html.

[4]               http://ec.europa.eu/enterprise/policies/innovation/policy/innovation-scoreboard/index_en.htm

[5]               Ir-Rapport ta' Progress taż-ŻER tal-2013 kellu miegħu l-Fatti u ċ-Ċifri li wrew il-livelli diversi tal-progress għat-tlestija taż-ŻER, li kienu jirriflettu l-prijoritajiet nazzjonali. Ara: http://ec.europa.eu/research/era/era-progress-2013.htm

[6]               COM(2013) 800 final.

[7]               Il-Konferenza ta' Skejjel Ewropej għall-Edukazzjoni Avvanzata fl-Inġinerija u fir-Riċerka (CESAER) kienet is-sitt organizzazzjoni ta' partijiet ikkonċernati li ngħaqdet mal-Pjattaforma tal-Partijiet Ikkonċernati fis-17 ta' Lulju 2013, u tat Dikjarazzjoni Unilaterali lill-Kummissjoni.

[8]               Dawn huma: European Association of Research and Technological Organisations (l-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Organizzazzjonijiet tar-Riċerka u t-Teknoloġija) (EARTO), the European University Association (l-Assoċjazzjoni tal-Universitajiet Ewropej) (EUA), the League of European Research Universities (il-Lega tal-Universitajiet Ewropej tar-Riċerka) (LERU), NordForsk, Science Europe u CESAER.

[9]               COM(2012)497

[10]             COM(2014)339.

Top