Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52014DC0501

REPORT FROM THE COMMISSION TO THE EUROPEAN PARLIAMENT AND THE COUNCIL Rapport Annwali 2014 dwar il-politiki ta' żvilupp u għajnuna esterna tal-Unjoni Ewropea u l-implimentazzjoni tagħhom fl-2013

/* COM/2014/0501 final */

52014DC0501

REPORT FROM THE COMMISSION TO THE EUROPEAN PARLIAMENT AND THE COUNCIL Rapport Annwali 2014 dwar il-politiki ta' żvilupp u għajnuna esterna tal-Unjoni Ewropea u l-implimentazzjoni tagħhom fl-2013 /* COM/2014/0501 final */


Responsabbilità globali

                Is-solidarjetà globali

                                Il-valuri globali

Ngħinu lill-pajjiżi u lin-nies l-aktar fil-bżonn 

Il-politika tal-Unjoni Ewropea (UE) dwar l-iżvilupp qatt ma kienet aktar importanti jew effettiva. Qiegħda tirnexxi fit-tixrid tal-valuri Ewropej madwar id-dinja li tinbidel b’rata mgħaġġla u qed tikseb ir-rispett u l-influwenza għall-UE. U, fuq kollox, qiegħda tagħti kontribuzzjoni deċiżiva lill-għan prevalenti tagħna li neqirdu l-faqar estrem darba għal dejjem.

Fl-2013, l-UE kompliet tagħti l-appoġġ politiku u finanzjarju tagħha għall-iżvilupp madwar id-dinja. Hija impenjat somma sostanzjali, EUR 14.86 biljun, f'għajnuna għall-iżvilupp estern. Skont l-Aġenda għall-Bidla[1] – il-pjan ta' azzjoni tal-Kummissjoni għal politika ta' żvilupp b'impatt għoli iffukata fuq l-għajnuna għall-pajjiżi u n-nies l-aktar fil-bżonn –, il-benefiċjarji ewlenin ta' din l-għajnuna huma l-pajjiżi b'introjtu baxx u dawk l-inqas żviluppati.  

Kollettivament, imbagħad, l-UE u t-28 Stat Membru tagħha jibqgħu l-akbar donatur ta’ għajnuna fid-dinja. Nagħrfu li nistgħu nagħmlu aktar –  speċjalment jekk irridu nilħqu l-mira kollettiva tagħna li nagħtu 0.7% tad-Dħul Nazzjonali Gross tal-UE (DNG) għall-iżvilupp sal-2015. Nirrikonoxxu wkoll li l-kooperazzjoni għall-iżvilupp mhix biss kwistjoni ta' flus. Meta nħarsu bi kburija lejn il-passat, fejn konna appoġġjati minn aktar minn 80% taċ-ċittadini Ewropej[2], naraw li dejjem iffokajna fuq il-faqar. Iżda dan jinvolvi wkoll l-impenn li l-pajjiżi msieħba jiġu mqiegħda f’pożizzjoni ta’ tmexxija u biex it-twassil tal-għajnuna jkun effettiv kemm jista' jkun.

Nistabbilixxu l-bażi finanzjarja għall-iżvilupp

F'Diċembru tal-2013 il- Parlament Ewropew approva l-istrumenti finanzjarju għall-azzjoni esterna tal-UE[3] għall-2014-2020. Element ċentrali ta’ dan il-pakkett f’termini ta’ żvilupp huwa l-għan li jelimina l-faqar globali filwaqt li jiġi żgurat li l-pajjiżi msieħba tagħna jkunu f’pożizzjoni ta’ tmexxija tal-iżvilupp tagħhom stess.

Il-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP) jfisser il-prijoritajiet politiċi tal-UE għall-2014 sal-2020 f’termini finanzjarji u jindika kif l-ammonti miftiehma se jintefqu fil-qasam tal-azzjoni esterna, inkluż l-iżvilupp. L-UE se tiffoka l-ħidma tagħha mal-imsieħba esterni tagħha fuq erba' prijoritajiet politiċi speċifiċi: it-tkabbir, il-viċinat, il-kooperazzjoni mal-imsieħba strateġiċi u l-kooperazzjoni għall-iżvilupp.

L-ammont totali miftiehem għal strumenti finanzjarji tal-azzjoni esterna jammonta għal ftit aktar minn EUR 51.4 biljun għall-perjodu 2014-2020. Se jkunu disponibbli EUR 30.5 biljun oħra għall-kooperazzjoni mal-pajjiżi Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku (AKP) kif ukoll fil-Pajjiżi u t-Territorji extra-Ewropej (OCT) permezz tal-11-il Fond Ewropew għall-Iżvilupp, li mhuwiex parti mill-baġit tal-UE.

Il-Parlament Ewropew se jkun involut fl-istabbiliment ta’ prijoritajiet għall-koperazzjoni esterna tal-UE qabel il-programmazzjoni tal-istrumenti finanzjarji esterni. Il-koordinazzjoni mtejba bejn l-UE u l-Istati Membri biex issaħħaħ l-impatt u l-viżibbiltà – l-aktar permezz ta' programmar konġunt tal-għajnuna – se tkun karatteristika ewlenija.

L-UE qiegħda tagħmel ukoll użu akbar ta’ sorsi innovattivi ta’ finanzjament għall-iżvilupp, inkluż faċilitajiet ta’ taħlit u l-fondi tas-settur privat.

L-implimentazzjoni tal-Aġenda għall-Bidla

Il-ħtieġa li jsir l-aħjar użu possibbli tal-għajnuna għall-iżvilupp esterna tagħna rat il-Kummissjoni Ewropea tmexxi bidla fil-politika għall-iżvilupp; l-2013 ratna noqorbu aktar lejn il-kisba tal-mira prinċipali tagħna li jiġi eliminat il-faqar estrem madwar id-dinja f’ġenerazzjoni waħda.

Ninvestu għall-ġejjieni tagħna

Id-dinja, u b’mod partikolari d-dinja li għadha qed tiżviluppa, qiegħda tinbidel b’rata mgħaġġla. Il-PDG globali kiber b’terz mill-2000, iżda huma l-pajjiżi li qed jiżviluppaw il-pijunieri, b'70% tat-tkabbir dinji f’dawn l-aħħar għaxar snin. Il-PGD tal-Afrika sub-Saħarjana żdied b'84% mill-2000. L-Afrika issa hija kontinent li għandu l-aktar rata mgħaġġla ta’ tkabbir u popolazzjoni żagħżugħa.

Bħala riżultat hemm bidla sinifikanti fl-influwenza globali u s-swieq mid-dinja żviluppata lejn il-pajjiżi emerġenti u dawk l-anqas żviluppati. Ħamsin sena ilu l-ekonomiji emerġenti u li qegħdin jiżviluppaw kienu jammontaw għal 25% biss tal-PDG globali. Illum din iċ-ċifra hi ta’ 50% u probabbilment se taqbeż 66% fl-għaxar snin li ġejjin. Din l-aħbar pożittiva turi illi l-kooperazzjoni għall-iżvilupp hija aktar milli sempliċement solidarjetà: hija tikkonċerna wkoll l-investiment f'ġejjieni aħjar li jgawdi minnu kulħadd.

Fl-2013, l-UE ħadmet biex timplimenta r-rakkomandazzjonijiet politiċi li kienu mressqin fl-Aġenda għall-Bidla, u biex taħdem fuq l-isfidi tal-iżvilupp li qegħdin naffaċċjaw, b’enfasi fuq l-ifqar pajjiżi tad-dinja u ċ-ċittadini u fuq l-oqsma fejn l-UE tista’ żżid il-valur b’mod ċar.

Governanza tajba, inkluż ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija u l-istat tad-dritt, u appoġġ għal tkabbir sostenibbli u inklussiv bl-użu ta’ xprun bħall-agrikoltura sostenibbli u l-enerġija sostenibbli, huma żewġ settijiet ta’ prijoritajiet ta’ politika alleati li jsaħħu lil xulxin b’mod reċiproku li fuqhom hija mibnija l-Aġenda għall-Bidla.

Matul l-2013 ġie organizzat segwitu bir-reqqa tal-ipprogrammar fil-pajjiżi biex jiġi żgurat li l-azzjoni tal-UE tiffoka fuq massimu ta’ tliet setturi fokali li jirriflettu dawn il-prijoritajiet ta’ politika. Barra minn hekk, permezz tal-Aġenda għall-Bidla aħna nikkommettu ruħna biex nipprovdu mill-inqas 20% tal-għajnuna tal-UE għall-iżvilupp estern biex nappoġġaw l-inklużjoni soċjali u l-iżvilupp tal-bniedem, u biex insegwu mill-qrib il-finanzjament tat-tibdil fil-klima. Il-pjanijiet għal programmar konġunt mal-Istati Membri tal-UE u donaturi oħrajn imxew 'il quddiem f’aktar minn 40 pajjiż madwar id-dinja, u jinkludu numru ta’ Stati fraġli.

Tkabbir inklużiv u sostenibbli

Il-malnutrizzjoni hija l-kawża ta’ mill-inqas terz tal-imwiet tat-tfal kollha fid-dinja li qed tiżviluppa u l-kawża prinċipali ta’ mewt għal 20% tal-ommijiet. Fl-2013 l-UE kattret l-isforzi tagħha biex tiġġieled il-ġuħ madwar id-dinja, in-nuqqas ta' sigurtà fl-ikel u l-malnutrizzjoni b' proposta għal politika ġdida stabbilita fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni ‘Intejjbu n-Nutrizzjoni tal-Ommijiet u tat-Tfal fl-għajnuna esterna: qafas ta' politika tal-UE’. Din ġiet ippreżentata f'Marzu waqt laqgħa fi Brussell tal-Moviment Scaling up Nutrition (SUN): pjattaforma globali biex tiġi indirizzata l-isfida tal-malnutrizzjoni. Il-Kummissjoni timmira biex ittejjeb in-nutrizzjoni tal-ommijiet u t-tfal sabiex tnaqqas il-mortalità u l-mard, kif ukoll l-ostakoli għat-tkabbir u l-iżvilupp ikkawżati mill-maltnutrizzjoni. Il-qofol tal-politika tagħna hija wiegħda ta' EUR 3.5 biljun biex tgħin tnaqqas l-għadd ta’ tfal li baqgħu lura fl-iżvilupp tagħhom b’seba’ miljun sal-2025.

Il-Kambodja ttejjeb l-esportazzjonijiet tar-ross

L-UE appoġġjat l-iżvilupp tal-SMEs fil-Kambodja permezz ta’ kontribuzzjoni ta’ EUR 8.6 miljun lill-Fond Fiduċjarju b’Bosta Donaturi ġestit mill-Korporazzjoni Internazzjonali tal-Finanzi. Bl-UE bħala l-kontributur ewlieni, il-programm qed itejjeb il-kompetittività tal-SMEs fis-settur tar-ross. Dan jinkludi t-titjib tal-kapaċità tat-tħin tar-ross fil-pajjiż kif ukoll għajnuna għall-kummerċjalizzazzjoni tar-ross tal-Kambodja li rebaħ il-premju tal-"Aqwa Ross fid-Dinja” għall-2012 u l-2013. Bħala riżultat, il-valur u l-volum tal-esportazzjonijiet iktar minn irduppjaw fl-2013.

Madwar id-dinja xi 1.4 biljun persuna m’għandhom l-ebda aċċess għall-elettriku u tliet biljun persuna jiddependu fuq il-fjuwils solidi, bħal bijomassa tradizzjonali u l-faħam, għat-tisjir u t-tisħin. Bħala impenn lejn l-Inizjattiva ta’ Enerġija Sostenibbli għal Kulħadd tan-NU (SE4ALL), l-UE stabbiliet għaliha nnifisha l-mira li tippermetti l-aċċess għal enerġija sostenibbli għal 500 miljun ruħ sal-2030 u allokat fondi għall-koordinazzjoni, it-tixrid u t-traċċar ta’ dan l-isforz globali fuq perjodu ta’ tliet snin.

Fl-2013, l-UE appoġġjat proġetti għall-ġenerazzjoni tal-enerġija madwar id-dinja li qed tiżviluppa permezz tal-faċilitajiet tagħha biex tħallat l-għotjiet għall-iżvilupp ma’ strumenti kapitali oħra. Fl-Afrika sub-Saħarjana, EUR 400 miljun ġew allokati taħt il-Fond Fiduċjarju għall-Infrastruttura UE-Afrika (ITF) biex b'hekk għolliet b'mod sinifikanti investiment ta’ mill-inqas EUR 4 biljuni. Inizjattivi bħalma huma l-Faċilità għall-Assistenza Teknika tal-UE b’valur ta’ EUR 80 miljun huma disponibbli biex jgħinu lill-pajjiżi msieħba fl-irfinar u l-iżvilupp tal-politika tagħhom sabiex ikunu jistgħu jattiraw l-investiment privat meħtieġ biex jiżviluppaw is-settur tal-enerġija sostenibbli. 

Bejn l-2007 u l-2012, ir-rata ta’ impjieg globali tal-popolazzjoni fl-età tax-xogħol żdiedet minn 60.3 għal 61.3%. Sabiex jiġi promoss tkabbir inklussiv li jippermetti lill-ifqar pajjiżi biex jipparteċipaw f’attivitajiet li jiġġeneraw id-dħul, l-għajnuna tal-UE kienet ta' benefiċċju għal 8.8 miljun persuna u għenet biex ipprovdiet lil 7.7 miljun persuna b’edukazzjoni teknika u vokazzjonali bejn l-2004 u l-2012.

Il-migrazzjoni kienet prominenti fl-aħbarijiet matul l-2013. Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni "Maximising the Development Impact of Migration’[4] ipprovdiet il-bażi għall-pożizzjoni komuni tal-UE u l-Istati Membri tagħha ippreżentata lid- Djalogu ta' Livell Għoli dwar il-Migrazzjoni Internazzjonali u l-Iżvilupp, organizzat mill-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti bejn it-3 u l-4 ta' Ottubru. Il-pożizzjoni tal-UE tenfasizza li l-migrazzjoni għandha tiġi rikonoxxuta bħala mutur tal-iżvilupp ekonomiku, soċjali u ambjentali inklussiv u li l-istrateġiji ta’ żvilupp jirrikonoxxu l-migrazzjoni u l-mobilità bħala “fatturi determinanti” għall-iżvilupp.

Governanza tajba

Fl-2013, l-UE għamlet progress ulterjuri fl-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija[5]. Hija kompliet tappoġġa b’mod attiv l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u saru djalogi speċifiċi dwar id-drittijiet tal-bniedem ma’ aktar minn 20 pajjiż. L-UE bagħtet missjonijiet ta’ osservazzjoni elettorali biex tappoġġja d-demokrazija u d-demokratizzazzjoni inklużi, pereżempju, fil-Kenja, il-Pakistan, il-Ħonduras u l-Mali.

Fi ħdan il-Politika ta' Sigurtà u ta' Difiża Komuni (PSDK) l-UE nediet żewġ missjonijiet ġodda: il-Missjoni għat-Taħriġ tal-UE fil-Mali u l-Missjoni għall-Assistenza mal-Fruntieri fil-Libya. B’kollox, l-UE bagħtet aktar minn 7 000 persunal ċivili u militari fl-2013 fi 12-il missjoni ċivili u erba’ operazzjonijiet militari.

F’Diċembru 2013, il-Kummissjoni Ewropea u r-Rappreżentant Għoli għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà adottaw Komunikazzjoni Konġunta ‘L-Approċċ Komprensive tal-UE għall-kunflitti u l-kriżijiet esterni’[6] bil-ħsieb li tkompli żżid l-isforzi tagħha biex l-azzjoni globali tagħha ssir aktar koerenti, komprensiva u effettiva.

Paċi u stabilità

L-iżvilupp sostenibbli u l-qerda tal-faqar jeħtieġu l-paċi u s-sigurtà, u l-verità tgħodd ukoll bil-maqlub. L-UE baqgħet minn ta’ quddiem fl-isforzi tagħha biex tippromwovi l-paċi u l-istabilità, għaliex irrikonoxxiet li l-użu effettiv ta’ għajnuna għall-iżvilupp jista' jkun element essenzjali fil-bini ta’ bidla dejjiema.

Pereżempju, l-Mali kien minn ta' quddiem fuq l-aġenda tal-UE fl-2013. Fi Frar l-għajnuna għall-iżvilupp għall-pajjiż Afrikan tkompliet wara l-adozzjoni rapida mill-awtoritajiet tal-Mali ta’ pjan direzzjonali għar-restawr tad-demokrazija u l-istabilità. Madwar EUR 250 miljun ġew mobilizzati minħabba l-bżonnijiet immedjati tal-poplu tal-Mali – b’enfasi fuq is-sigurtà tal-ikel, l-ilma u s-sanità u proposti ġodda li jgħinu għall-varar mill-ġdid tal-ekonomija.

F’Mejju 2013, konferenza internazzjonali ewlenija tad-donaturi “Together for a New Mali” kienet organizzata mill-UE u Franza, u l-Mali, fi Brussell. Matul il-konferenza ġew imwiegħda total ta' EUR 3.25 biljun biex jgħinu l-prijoritajiet ta' żvilupp tal-Mali: mobilizzazzjoni deċisiva ta' għajnuna u solidarjetà mill-ogħla livelli fil-komunità internazzjonali.

Waqt konferenza internazzjonali dwar is-Somalja fi Brussell fis-16 ta’ Settembru, l-UE wiegħdet EUR 650 miljun addizzjonali biex tappoġġja l-momentum pożittiv fil-pajjiż u tiżgura li jibqa’ fit-triq lejn l-istabilità u l-paċi. Il-fondi l-ġodda se jintużaw biex jiżguraw il-forniment ta’ servizzi bażiċi bħall-kura tas-saħħa, ilma nadif u l-edukazzjoni.

Il-konferenza "Somalia New Deal" immarkat pass importanti fir-relazzjonijiet bejn l-UE u s-Somalja, fejn laqqgħet flimkien il-komunità internazzjonali u s-Somalja biex jaċċettaw is-Somali Compact, biex jagħtu għajnuna biex jippermettu l-implimentazzjoni tiegħu u, fuq kollox, timpenja lill-partijiet kollha għal dan il-proċess politiku. Bħala l-akbar donatur lis-Somalja, l-UE pprovdiet madwar EUR 521 miljun bejn l-2008 u l-2013. Uħud mir-riżultati konsiderevoli miksuba jinkludu 40 000 li ddaħħlu fl-iskola, l-għoti ta’ ilma sikur għal nofs miljun ruħ u 70 000 persuna li pew megħjuna jkabbru l-bhejjem.

L-UE ikkonfermat l-impenn fit-tul tagħha sabiex tappoġġa lill-Afganistan waqt it-tranżizzjoni u d-deċennju tat-trasformazzjoni. Il-mandat tal-Missjoni tal-Pulizija tal-Unjoni Ewropea fl-Afganistan bħala appoġġ għall-pulizija ċivili u l-istat tad-dritt ġie estiż sal-31 ta’ Diċembru 2014. Fl-2013, l-UE ddedikat EUR 196.5 miljun biex tappoġġa l-iżvilupp lokali u l-governanza, elezzjonijiet kredibbli u trasparenti, il-kooperazzjoni reġjonali mill-Afganistan mal-ġirien tiegħu, l-iżvilupp tal-agrikoltura u l-pulizija.

Minn mindu faqqgħet vjolenza ġdida fl-aħħar tal-2012 fir-Repubblika Ċentrali Afrikana (CAR), l-UE intensifikat l-involviment tagħha mal-imsieħba tagħha. F’nofs Awwissu, il-Kummissjoni Ewropea adottat programm ta’ stabbilizzazzjoni ta’ EUR 10 miljun f’rispons għal kriżi wara l-kolp tal-istat taħt l-Istrument ta’ Stabbiltà. Il-vjolenza interkomunali wasslet għal kriżi umanitarja fil-pajjiż u l-Kummissjoni allokat EUR 39 miljun f’għajnuna. L-UE allokat ukoll EUR 50 miljun għal Missjoni Internazzjonali ta’ Appoġġ għar-Repubblika Ċentru-Afrikana taħt tmexxija Afrikana (tal-MISCA jew AFISM-CAR)). Huwa previst appoġġ ulterjuri għall-MISCA.

Kuntratt ta’ bini tal-Istat għall-Kosta tal-Avorju li jiswa EUR 115-il miljun kien element prinċipali tal-istrateġija ġenerali tal-UE mmirata lejn l-istabilizzazzjoni tal-pajjiż, bl-introduzzjoni mill-ġdid tal-awtorità tal-istat u l-promozzjoni tat-tkabbir inklussiv fl-2013.

Solidarjetà u appoġġ

Bl-istess mod l-UE kienet l-aktar donatur prominenti u viżibbli fl-appoġġ tat-tranżizzjoni tal-Mjanmar għad-demokrazija u matul l-2013, l-UE kompliet tappoġġa l-bidla. Fil-5 ta’ Marzu ħarġet Dikjarazzjoni Konġunta mill-President Van Rompuy, il-President Barroso u l-President tal-Mjanmar U Thein Sein matul iż-żjara tal-President tal-Mjanmar fi Brussell. Id-dikjarazzjoni kienet ġrajja importanti fir-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Mjanmar, minħabba li stabbilixxiet viżjoni biex tinbena sħubija dejjiema u ħidma għall-pjanijiet għad-demokratizzazzjoni, ir-rikonċiljazzjoni nazzjonali u l-liberalizzazzjoni ekonomika.

Il-Qafas Komprensiv tal-UE għall-Mjanmar jistabbilixxi l-għanijiet u l-prijoritajiet tal-UE u tal-Istati Membri lejn il-bini ta’ sħubija aktar dejjiema u l-promozzjoni ta’ involviment aktar mill-qrib mal-pajjiż. Huwa sforz kollettiv li jinvolvi azzjonijiet għall-appoġġ tal-paċi, id-demokrazija, l-iżvilupp u l-kummerċ.

F’Novembru 2013, matul l-ewwel Task Force bejn l-UE u l-Mjanmar, il-Kummissarju Piebalgs indika li s-setturi prinċipali tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp mal-Mjanmar għall-2014-2020 kienu se jkunu l-iżvilupp rurali, l-edukazzjoni, il-governanza u l-appoġġ għall-konsolidazzjoni tal-paċi.

SWITCH-SMART

F’Novembru 2013, il-Kummissarju Piebalgs nieda l-programm SWITCH-SMART (SMEs għal Ambjent, il-Kontabilità, ir-Responsabbiltà u t-Trasparenza) fil-Mjanmar. Il-proġett jappoġġja l-produzzjoni sostenibbli ta’ ħwejjeġ "magħmula fil-Mjanmar” u se jaħdem biex iżid il-kompetittività internazzjonali tal-SMEs f’dan is-settur.  Il-proġett ta’ tliet snin huwa ffinanzjat b’għotja tal-UE ta’ EUR 2 miljuni u għandu l-għan li jnaqqas il-faqar permezz tal-kummerċ u l-iżvilupp tas-settur privat fil-Mjanmar.

Is-Sirja kompliet tkun involuta f’kunflitt, li għandu impatt ukoll fuq l-istabbiltà tal-pajjiżi ġirien, b’mod partikolari l-Libanu u l-Ġordan. L-UE kellha rwol importanti fiż-żamma ta’ djalogu politiku mal-partijiet interessati biex tinstab soluzzjoni politika fis-Sirja, u ħadet sehem attiv fit-tħejjija għal-Konferenza tal-Paċi fis-Sirja (Ġinevra II). Fl-2013, l-UE ddeċidiet li timmodifika r-reġim tas-sanzjonijiet tagħha għall-ġid tal-popolazzjoni Sirjana u l-oppożizzjoni Sirjana, filwaqt li żammet pressjoni fuq ir-reġim innifsu. Dan inkluda wkoll pakkett finanzjarju addizzjonali ta’ EUR 400 miljun għall-2013 biex ikopri l-ħtiġijiet prijoritarji tal-popolazzjoni affettwata fis-Sirja u r-reġjun. Fl-2013 l-UE u l-Istati Membri tagħha baqgħu l-akbar donaturi ta' għajnuna umanitarja ('il fuq minn EUR 2 biljuni) għal 9.3 miljun persuna affetwata mill-kunflitt: kważi nofshom tfal. L-għajnuna  Ewropea tilħaq sa 80% tal-popolazzjoni milquta

L-UE appoġġat b’mod attiv l-implimentazzjoni tar-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-eliminazzjoni tal-armi kimiċi fis-Sirja u pprovdiet għajnuna materjali lin-NU u l-missjoni tal-Organizzazzjoni għall-Projbizzjoni ta’ Armi Kimiċi (OPCW).

It-tfal Sirjani fil-bżonn

Permezz tal-appoġġ tal-UE mill-inqas 780 000 tfal fis-Sirja, il-Ġordan u l-Libanu, ħafna minnhom f’kampijiet tar-refuġjati u l-persuni spustati internament, irċevew edukazzjoni skolastika adattata għal kurrikulu Sirjan bl-għan li dawn ikunu jistgħu jkomplu l-edukazzjoni tagħhom. Madwar 10 000 għalliema ġew imħarrġa f’metodi ta’ tagħlim jew appoġġ psikosoċjali biex jgħinhom jgħallmu tfal affettwati b’mod aktar effettiv.

Tfal tal-Paċi tal-UE: Infakkru l-Premju Nobel fil-ġejjieni

It-tfal huma fost l-aktar vittmi vulnerabbli tal-kunflitt. Wara li rċeviet il-Premju Nobel għall-Paċi tal-2012 għall-kisbiet tagħha fil-paċi fil-kontinent tal-Ewropa, l-UE ddedikat il-flus tal-premju biex tgħin lit-tfal madwar id-dinja li huma mċaħħdin mill-opportunità li jikbru fil-paċi.

Fil-Kolombja, it-tfal jibbenefikaw minn proġett li jipprevjeni r-reklutaġġ tat-tfal mill-gruppi armati. Fis-Sudan tan-Nofsinhar, il-fondi jintużaw biex it-tfal jingħataw l-għajnuna jibdew ħajja mill-ġdid wara snin ta’ kunflitt. Fil-Pakistan, l-inizjattiva tappoġġa l-edukazzjoni u l-protezzjoni tat-tfal li jkunu spostati minħabba l-kunflitt. F’Novembru 2013, l-UE kkonfermat id-deċiżjoni tagħha li tkompli l-inizjattiva “Tfal tal-Paċi” billi ħabbret fondi addizzjonali għal proġetti ġodda fl-2014.

Bħala d-donaturi ewlenin tal-għajnuna umanitarja fid-dinja, l-UE u l-Istati Membri tagħha, wieġbet b’determinazzjoni għal diżastri naturali, kunflitti armati u l-kriżijiet imtawla matul l-2013. L-għajnuna għat-tnaqqis fil-kriżi pprovduta mill-Kummissjoni Ewropea waħedha fl-2013 kienet ta' aktar minn EUR 1.3 biljun u ġiet implimentata f’aktar minn 90 pajjiż.

L-UE żiedet ukoll l-isforzi tagħha biex tinbena r-reżiljenza fil-pajjiżi li għandhom it-tendenza jesperjenzaw il-kriżijiet bil-finalizzazzjoni ta’ "Pjan ta’ Azzjoni għar-Reżiljenza fil-Pajjiżi li għandhom it-Tendenza Jesperjenzaw il-Kriżijiet 2013-2020” f’Ġunju 2013[7].

Iċ-ċiklun tropikali Haiyan kien wieħed mill-aktar qawwija li qatt ġie rreġistrat u laqat lill- Filippini fis-7 u t-8 ta' Novembru 2013. Minħabba l-qawwa u d-daqs eċċezzjonali tiegħu, huwa stmat li bejn 14 u 16-il miljun persuna ġew affettwati direttament u l-firxa tal-qerda kienet estensiva. L-għadd ta’ persuni mejta kien ta' iktar minn 10 000 vittma. Iċ-ċiklun kien segwit minn terremot ta' 7.2 li laqat lill-Filippini f’Ottubru u qered id-djar u l-għajxien ta’ madwar 350 000 ruħ.

L-UE rreaġixxiet malajr b’aktar minn EUR 43 miljun allokati għal bżonnijiet umanitarji urġenti u biex tappoġġja l-isforzi ta’ rkupru u ta’ rikostruzzjoni bikrija. LUE għenet biex tiżgura li kien hemm tranżizzjoni bla xkiel mill-ġestjoni immedjata tal-kriżi biex terġa’ tinbena ħajjet in-nies. L-oqsma ta’ intervent jinkludu r-riabilitazzjoni tal-ilma u s-sanità, tiswijiet fid-distribuzzjoni tal-enerġija, saħħa bażika, appoġġ għall-għajxien, kenn u t-tiswija ta’ infrastruttura biex jiżguraw aktar reżiljenza kontra ċikluni jew terremoti futuri.

L-UE kompliet bl-impenn sħiħ tagħha fl-isforzi biex tiffaċilita t-tranżizzjoni politika u ekonomika matul l-2013. B’mod partikolari, kienet involuta fl-indirizzar tal-qasma soċjali dejjem tikber fl-Eġittu. L-għajnuna tal-UE lill-Eġittu ġiet riveduta wara l-vjolenza li faqqgħet wara t-tneħħija tal-President Mohammed Morsi. L-assistenza tal-UE għall-iżvilupp estern issa hija ffukata fuq is-settur soċjoekonomiku li minnu jibbenefikaw in-nies l-aktar fil-bżonn u l-appoġġ għas-soċjetà ċivili.

Il-Politika Ewropea tal-Viċinat (PEV) tibqa’ l-bażi għat-twaqqif ta’ żona ta’ prosperità mal-ġirien tal-UE permezz ta’ assoċjazzjoni politika msaħħa, l-integrazzjoni ekonomika u l-kooperazzjoni mill-qrib. Fl-2013, l-UE kompliet bl-isforzi tagħha biex tappoġġa u tinkoraġġixxi tranżizzjonijiet demokratiċi fir-reġjun u, b’kollox, kienu disponibbli madwar EUR 1.3 biljuni f’impenji ġodda. L-UE tibqa’ s-sieħeb waħdieni l-aktar importanti għal kważi l-pajjiżi kollha tal-viċinat.

Sar progress sinifikanti fl-implimentazzjoni tas-Sħubija tal-Lvant fl-2013. Is-Summit dwar is-Sħubija tal-Lvant f’Vilnius f’Novembru kien pass importanti ħafna fir-relazzjoni tal-UE mal-ġirien tal-Lvant qrib tagħna. In-negozjati ta’ Ftehimiet ta’ Assoċjazzjoni, inklużi Żoni ta’ Kummerċ Ħieles Profondi u Komprensivi (DCFTA), mar-Repubbika tal- Moldova u l-Ġeorġjia tlestew sostanzjalment u l-Ftehimiet ingħataw bidu.

Ir-relazzjonijiet mal-Ukraina fl-2013 kienu ffukati fuq l-għajnuna għall-pajjiż biex jissodisfa l-kundizzjonijiet li jippermettu l-iffirmar ta’ Ftehim ta’ Assoċjazzjoni li jinkludi Żona ta’ Kummerċ Ħieles Approfondita u Komprensiva (AA/DCFTA). Il-Gvern Ukren ħabbar id-deċiżjoni tiegħu li jissospendi l-iffirmar tal-AA/DCFTA fl-aħħar ta’ Novembru. Madankollu, il-progress matul is-sena kien konsiderevoli. L-iżborsamenti għal programmi ta’ sostenn tal-baġit, li kienu ġew sospiżi minħabba tħassib dwar il-ġestjoni tal-finanzi pubbliċi, fl-aħħar ġew rilaxxati b'riflessjoni tal-passi pożittivi meħuda mill-awtoritajiet tal-Ukraina. L-UE hija impenjata tappoġġa l-istabbilizzazzjoni ekonomika u finanzjarja tal-Ukraina, l-aktar fl-appoġġ tas-soċjetà ċivili u l-iżvilupp tas-settur privat.

Permezz tal-Istrument Ewropew ta’ Viċinat il-ġdid, approċċ ibbażat fuq l-inċentivi, li huwa wieħed mill-aspetti ewlenin tal-Politika tal-Viċinat imġedda, se jippermetti lill-UE żżid l-appoġġ tagħha għal pajjiżi msieħba li qiegħdin ġenwinament jimplimentaw demokrazija profonda u sostenibbli, inkluż ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, u għall-objettivi miftehma tar-riforma.

MDGs u lil'hinn – Ħajja Dinjituża għal Kulħadd, Kullimkien

L-2013 kienet sena importanti fit-tiswir tad-diskussjonijiet globali dwar qafas għal wara l-2015. L-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha komplew ikollhom rwol ċentrali fid-diskussjonijiet dwar il-qafas għall-iżvilupp li se jieħu post l-Għanijiet tal-Millennju għall-Iżvilupp (MDGs) wara l-2015. Fi Frar 2013, il-Kummissjoni ppubblikat il-Komunikazzjoni pijuniera tagħha dwar "Ħajja Diċenti għal Kulħadd"[8], li tippreżenta viżjoni tal-UE proposta għal qafas għal wara l-2015, jiġifieri t-tneħħija tal-faqar estrem sal-2030 filwaqt li jiġi żgurat l-iżvilupp sostenibbli għall-pjaneta, u tressaq pjan direzzjonali biex jinkiseb dan.

Din il-viżjoni ħejjiet it-triq għall-pożizzjoni tal-UE għal wara l-2015 u ddaħħlet fid-diskussjonijiet fil-Parlament Ewropew. Barra minn hekk, fil-kuntest tan-Nazzjonijiet Uniti, il-Komunikazzjoni ġiet riflessa fir-rapport tal-Panel ta’ Livell Għoli tan-NU, fejn il-Kummissarju Piebalgs kien membru, u fid-dokument riżultanti mill-Avveniment Speċjali dwar l-MDGs fl-Assemblea Ġenerali tan-NU fi New York f’Settembru. Dan id-dokument, li ġie approvat mill-Kapijiet kollha ta’ Stat u ta’ gvern, wera qbil globali dwar il-ħtieġa ta’ mogħdija unika u unifikata lejn l-eradikazzjoni tal-faqar u l-iżvilupp sostenibbli.

Fit-23 ta' Settembru il-Kummissjoni ppubblikat riżultati ġodda li juru l- kontribuzzjoni tal-UE għall-ġlieda dinjija kontra l-faqar[9] bejn l-2004 u l-2012. Dawn ir-riżultati huma impressjonanti. Il-fatt huwa li l-finanzjament tal-UE għen fit-tnaqqis tal-faqar globali u s-sostenn tal-MDGs, u tejjeb ħajjet miljuni ta’ nies fil-proċess. Pereżempju, l-għajnuna esterna għall-iżvilupp tal-UE mill-2004 tat aċċess għall-ilma għax-xorb imtejjeb għal aktar minn 70 miljun persuna (aktar mill-popolazzjoni ta’ Franza), 14-il miljun tifel u tifla setgħu jattendu l-iskola primarja u aktar minn 46 miljun persuna rċevew għajnuna biex tiġi żgurata s-sigurtà tal-ikel tagħhom.

L-inizjattiva MDG tal-UE

Globalment, sar progress enormi fuq l-MDGs sal-2010. Madankollu, għaxar snin wara li kienu ġew miftiehma, bosta pajjiżi għadhom ’il bogħod milli jiksbu xi wħud mill-MDGs. Għalhekk l-UE ħolqot l-inizjattiva MDG ġdida fl-2010 fejn huwa disponibbli finanzjament ibbażat fuq il-ħtiġijiet u fuq ir-riżultati, b’valur ta’ EUR 1 biljun. Minn dawn, EUR 700 miljun kienu immirati lejn l-MDGs li tilfu l-aktar id-direzzjoni, bħall-ġuħ, is-saħħa tal-ommijiet u l-mortalità tat-tfal, filwaqt li EUR 300 miljun ingħataw lil pajjiżi b’rekord pożittiv fl-implimentazzjoni tal-għajnuna. S’issa l-inizjattiva MDG tal-UE iffinanzjat 70 proġett f’46 pajjiż.

Bħala parti minn sforzi tal-MDGs u l-ġlieda kontra l-faqar globali, sar progress enormi fil- ġlieda kontra l-HIV, il-malarja u t-tuberkolosi. Huwa stmat li sal-aħħar tal-2013, għotjiet lil aktar minn 140 pajjiż mill-Fond Globali  għall-ġlieda kontra dawn it-tliet mardiet ipprovdew trattament anti-retrovirali (ARV) għal AIDS għal aktar minn 6.1 miljun persuna, ġew identifikati u ndukrati 11.2 miljun persuna b’każijiet ġodda tat-tuberkolosi infettiva, u ngħataw aktar minn 360 miljun xbieki kontra n-nemus ittrattati b’insettiċida lill-familji biex jevitaw il-malarja. Iżda għad fadal miljuni ta' nies f'riskju ta' infezzjoni. Għalhekk, fl-aħħar tal-2013, l-UE ħabbret li kienet se żżid il-kontribuzzjonijiet tagħha għall-Fond Globali għal EUR 370 miljun għall-perjodu 2014-2016.

Jiem Ewropej tal-Iżvilupp

Il-qafas ta’ wara l-2015 u l-Komunikazzjoni "Ħajja Diċenti għal Kulħadd" kienu wkoll is-suġġett ewlieni tal-Ġranet Ewropej tal-Iżvilupp (EDDs) fi Brussell f’Novembru 2013. Dan l-avveniment annwali jkompli jiġbor flimkien lil dawk li jfasslu l-politika, is-soċjetà ċivili, l-organizzazzjonijiet ta’ riċerka u s-settur privat minn pajjiżi żviluppati u li qed jiżviluppaw sabiex jiddiskutu l-kwistjonijiet ta’ żvilupp l-aktar urġenti tal-ġurnata. L-avveniment tal-2013 ma kienx eċċezzjoni, u attira rekord ta’ attendenza ta’ aktar minn 5 500.

Iċ-ċittadini tal-UE: meta ngħinu lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw, qed ngħinu lilna nfusna wkoll

Fi stħarriġ speċjali tal-Ewrobarometru mwettaq għall-Ġranet Ewropej tal-Iżvilupp fi Brussell fis-26 u s-27 ta’ Novembru, 66% taċ-ċittadini tal-UE qablu li l-ġlieda kontra l-faqar fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw għandha tkun waħda mill-prijoritajiet ewlenin tal-UE. Kważi sebgħa minn kull għaxra min-nies (69%) jemmnu li l-għajnuna lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw hija tajba wkoll għall-UE u ċ-ċittadini tagħha.

Ħarsa ’l quddiem

Fl-2014, l-UE se tkompli tmexxi ‘l quddiem l-implimentazzjoni tal-Aġenda għall-Bidla u żżid l-impatt tal-koperazzjoni għall-iżvilupp tal-UE.

Il-prinċipji ewlenin tal-Aġenda għall-Bidla se jżommu aġġornat il-proċess ta’ programmazzjoni għall-istrumenti tal-azzjoni esterna tagħna u l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp. Is-sejħa fl-Aġenda għall-Bidla għal rwol aktar b’saħħtu tas-settur privat fil-ksib ta’ tkabbir inklużiv u sostenibbli se tinbidel fi proposti prattiċi f’forma ta’ Komunikazzjoni tal-Kummissjoni li se tiġi ppreżentata fl-ewwel nofs tal-2014.   

Barra minn hekk, l-Aġenda għall-Bidla ssejjaħ lill-UE biex tgħaddi għal approċċ ibbażat fuq id-drittijiet, sabiex id-drittijiet tal-bniedem u l-governanza jiġu kkunsidrati bħala l-kundizzjonijiet li jippermettu progress, l-iżvilupp u l-għoti tas-setgħa tal-poplu. Għaldaqstant, il-Kummissjoni se taħdem biex sistematikament tintegra l-prinċipji tad-drittijiet tal-bniedem u l-istandards u l-ksib sħiħ tagħhom fil-proċess ta’ żvilupp.

Ix-xogħol fl-2014 se jkompli jimmira lejn żieda fl-effiċjenza u l-effikaċja tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp permezz ta’ koordinazzjoni aħjar, koerenza tal-politiki u r-responsabbiltà. F’dan ir-rigward, se jiġi ffinalizzat l-iżvilupp ta’ qafas ta’ riżultati tal-UE, u tkompli l-ħidma fuq il-proċess ta’ pprogrammar konġunt tal-UE.

L-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha se jkomplu jaħdmu biex jinkisbu l-MDGs kollha qabel d-data ta’ mira tal-2015 tagħhom u jwettqu r-rwol kostruttiv li ilna nwettqu fil-proċess globali tat-tiswir ta' qafas għal wara l-2015 biex imexxina 'l quddiem.

Kollox ma kollox, l-2015 se tkun sena kruċjali għall-iżvilupp. B'rikonoxximent ta' dan, fi tmiem l-2013, il-Parlament u l-Kunsill kienu waslu għal deċiżjoni dwar in-nomina tal-2015 bħala “Is-Sena Ewropea għall-Iżvilupp”. Din tkun opportunità ideali għall-Unjoni Ewropea biex tinforma liċ-ċittadini tagħha dwar il-valur miżjud tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp tal-UE u biex turi r-riżultati li l-UE diġà kisbet. Din tista’ tenfasizza wkoll il-kapaċità unika tal-UE biex tiġbor flimkien il-vantaġġi tal-Istati Membri tagħha, f’termini tal-ġlieda kontra l-faqar u tippromwovi l-iżvilupp, il-paċi u l-prosperità madwar id-dinja kollha u tikseb saħansitra iktar fil-ġejjieni.

[1] COM(2011) 637 finali, 13.10.2011

[2] Ewrobarometru Speċjali 405 “L-Għajnuna tal-UE għall-Iżvilupp u l-Għanijiet tal-Millennju”

http://ec.europa.eu/public_opinion/archives/ebs/ebs_405_en.pdf

[3] http://europa.eu/rapid/press-release_MEMO-13-1134_en.htm

[4] COM/2013/0292

[5] https://www.consilium.europa.eu/uedocs/cms_data/docs/pressdata/EN/foraff/131181.pdf

[6] JOIN(2013) 30 finali, 11.12.2013

[7] SWD(2013) 227 finali, 19.6.2013

[8] COM(2013) 92 finali, 27.2.2013

[9] http://europa.eu/rapid/press-release_IP-13-852_en.htm

Top