Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52014DC0473

    KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Is-sitt rapport dwar il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali: investiment għat-tkabbir u l-impjiegi

    /* COM/2014/0473 final */

    52014DC0473

    KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Is-sitt rapport dwar il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali: investiment għat-tkabbir u l-impjiegi /* COM/2014/0473 final - 2014/ () */


    KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

    Is-sitt rapport dwar il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali: investiment għat-tkabbir u l-impjiegi

    1. Introduzzjoni

    Għalkemm il-gvernijiet nazzjonali kellhom japplikaw tnaqqis fl-infiq f'dawn l-aħħar snin biex jibbilanċjaw il-baġits tagħhom u l-finanzjament privat safa fix-xejn minħabba l-kriżi finanzjarja u ekonomika, il-finanzjament tal-Politika ta' Koeżjoni kompla jmur għand l-Istati Membri u r-reġjuni, u jappoġġa l-investimenti kritiċi fit-tkabbir u l-impjiegi.

    Il-kriżi kellha impatt profond fuq il-baġits nazzjonali u reġjonali kollha, u llimitat id-disponibbiltà tal-finanzjament madwar l-oqsma ta' investiment kollha. Fl-UE kollha kemm hi, l-investiment pubbliku naqas b'20 % f'termini reali bejn l-2008 u l-2013. Fil-Greċja, Spanja u l-Irlanda, it-tnaqqis kien ta' madwar 60 %. Fil-pajjiżi tal-Ewropa ċentrali u tal-Lvant, fejn il-finanzjament tal-Politika ta' Koeżjoni huwa partikolarment sinifikanti, l-investiment pubbliku (imkejjel bħala l-formazzjoni ta' kapital fiss gross) naqas b'terz. Mingħajr il-Politika ta' Koeżjoni, l-investimenti fl-Istati Membri l-aktar milquta mill-kriżi kien jinżel b'50 % addizzjonali. Il-finanzjament tal-Koeżjoni issa jirrappreżenta aktar minn 60 % tal-baġit tal-investiment f'dawn il-pajjiżi.

    Dijagramma 1: L-impatt tal-Politika ta' Koeżjoni fuq l-investiment pubbliku || Dijagramma 2: Il-parti tal-Politika ta' Koeżjoni fl-investiment pubbliku

    Il-kriżi ekonomika invertiet tendenza twila ta' konverġenza fil-PDG u r-rati tal-qgħad fl-UE, u dan affettwa b'mod partikolari r-reġjuni fin-Nofsinhar tal-Ewropa. Il-kriżi wasslet ukoll għal żidiet fil-faqar u l-esklużjoni soċjali. Dan, min-naħa tiegħu, għamilha aktar diffiċli li jintlaħqu bosta mill-objettivi tal-istrateġija Ewropa 2020.

    Pereżempju, f'210 minn 277 reġjun tal-UE, kien hemm żieda fil-qgħad bejn l-2007 u l-2012. F'50 minn dawn ir-reġjuni, iż-żieda fissret li r-rata tal-qgħad aktar milli rdoppjat. Is-sitwazzjoni hija partikolarment ta' tħassib għaż-żgħażagħ billi, fl-2012, f'madwar nofs ir-reġjuni r-rata tal-qgħad fost iż-żgħażagħ kienet ta' aktar minn 20 %. Bħala riżultat, ħafna reġjuni għadhom ma kinux kapaċi jikkontribwixxu għall-ilħuq tal-mira ewlenija tal-Ewropa 2020 ta' livell ta' impjieg ta' 75 % fost il-popolazzjoni bejn l-20 u l-64 sena sal-2020.

    Filwaqt li żammew enfasi fuq l-indirizzar tal-ostakoli strutturali fit-tul għall-iżvilupp, il-Kummissjoni u l-Istati Membri rrispondew għall-kriżi billi rriallokaw xi investimenti tal-koeżjoni lejn oqsma fejn l-impatt fuq l-attività ekonomika u l-impjiegi jkun dirett u immedjat. Bħala riżultat, aktar minn EUR 45 biljun – jew 13% tal-fondi totali – ġew riallokati sa tmiem l-2013. Dan iċ-ċaqliq ta' fondi appoġġa miżuri biex jittaffew il-qgħad u l-esklużjoni soċjali li qed jiżdiedu u biex jiġi sostnut l-investiment fl-innovazzjoni u r-riċerka u l-iżvilupp (R&Ż), l-appoġġ għan-negozju, l-enerġija sostenibbli, l-infrastruttura soċjali u edukattiva.

    Il-Kummissjoni pproponiet ukoll miżuri li jtejbu l-likwidità għall-Istati Membri l-aktar milquta mill-kriżi. L-adozzjoni ta' dawn il-miżuri mill-Parlament Ewropew u l-Kunsill ippermettiet tnaqqis fil-kontribuzzjonijiet nazzjonali, u wasslet għal aktar minn EUR 7 biljun fi ħlasijiet bil-quddiem addizzjonali. Tnaqqis addizzjonali fil-kofinanzjament nazzjonali, li jiswa kważi EUR 2,1 biljun, ġie wkoll approvat.

    L-evidenza tissuġġerixxi li l-investimenti tal-Politika ta' Koeżjoni kellhom impatt sinifikanti.

    Bejn l-2007 u l-2012, il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR) ħoloq kważi 600 000 impjieg. Dan huwa ekwivalenti għal kważi 20 % tat-telf stmat ta' impjiegi fl-istess perjodu, sa mill-bidu tal-kriżi finanzjarja. Huwa investa f'200 000 proġett ta' impriżi żgħar u medji (SME) u 80 000 start-up, iffinanzja 22 000 proġett li jinvolvu r-riċerka u l-kooperazzjoni tas-settur kummerċjali, ipprovda kopertura tal-broadband għal ħames miljun persuna u għaqqad 5,5 miljun persuna mat-trattament tal-iskart tal-ilma. Minbarra dan, l-investimenti tal-UE bħala parti mill-Politika ta' Koeżjoni bnew 3 000 km ta' netwerks ewlenin tat-trasport Ewropej (15% tan-netwerk TEN‑T kumplessiv) u wkoll irduppjaw il-volum tal-finanzjament tal-gvern għar-R&Ż fl-Istati Membri l-anqas żviluppati.

    Bejn l-2007 u l-2012, il-Fond Soċjali Ewropew (FSE) appoġġa 68 miljun parteċipazzjoni individwali fi proġetti. Wara li rċevew l-appoġġ tal-FSE, 5,7 miljun persuna qiegħda jew inattivi bdew jaħdmu, u kważi 8,6 miljun kwalifika nkisbu permezz ta' appoġġ mill-FSE. Kien hemm aktar minn 400 000 każ irrappurtat ta' start-ups ġodda u ta' nies li jibdew jaħdmu għal rashom. Dan kollu għen biex jew jiġi limitat it-tnaqqis fil-PDG f'ħafna pajjiżi jew jiġu evitati aktar żidiet fil-qgħad.

    L-effetti ta' dawn l-investimenti se jiżdiedu tul il-ftit snin li ġejjin billi l-Istati Membri għandhom sal-aħħar tal-2015 biex jużaw il-fondi mill-programmi 2007-13 u hemm distakk ta' żmien bejn il-mument li jsir investiment u ż-żmien meta l-impatt tiegħu jkun jista' jitkejjel.

    B'baġit totali ta' aktar minn EUR 450 biljun (inkluż il-kofinanzjament nazzjonali) għall-perjodu ta' programmar 2014-20, il-Politika ta' Koeżjoni se tkun l-għodda tal-investiment prinċipali tal-UE. Hija se tipprovdi l-akbar kontribut għall-appoġġ tal-SMEs, ir-R&Ż u l-innovazzjoni, l-edukazzjoni, l-ekonomija b'użu baxx ta' karbonju, l-ambjent, il-ġlieda kontra l-qgħad u l-esklużjoni soċjali, għall-iżvilupp ta' infrastruttura li tgħaqqad liċ-ċittadini tal-UE u għall-immodernizzar tal-amministrazzjonijiet pubbliċi. L-investimenti tagħha, flimkien ma' riformi strutturali, se jkollhom rwol importanti fl-appoġġ tat-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi u fil-kisba tal-objettivi tal-Istrateġija Ewropa 2020 ta' tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv.

    L-isfida hija li jiġi assigurat li dawn ir-riżorsi jintużaw bl-aktar mod effettiv u effiċjenti, jiġi massimizzat l-impatt tagħhom, jiġi kkonsolidat l-irkupru u l-UE tiġi megħjuna toħroġ mill-kriżi aktar b'saħħitha u aktar kompetittiva minn qabel.

    Il-Politika ta' Koeżjoni l-ġdida hija allinjata b'mod sħiħ mal-Istrateġija Ewropa 2020 u l-miri ewlenin tagħha dwar l-impjieg, ir-riċerka u l-iżvilupp, il-klima u l-enerġija, l-edukazzjoni u l-ġlieda kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali, u marbuta mas-Semestru Ewropew u l-proċess ta' governanza ekonomika tal-UE. Għalhekk, l-investimenti tal-Politika ta' Koeżjoni se jiġu użati wkoll sabiex jappoġġaw il-politiki segwiti mill-Istati Membri fil-qafas tal-Linji Gwida Integrati u l-Programmi Nazzjonali ta' Riforma, kif ukoll biex jindirizzaw ir-rakkomandazzjonijiet rilevanti speċifiċi għall-pajjiżi (CSRs) mill-Kunsill. Il-Kummissjoni tista' wkoll titlob lill-Istati Membri biex jemendaw il-Ftehimiet ta' Sħubija u l-programmi operattivi tagħhom biex jilħqu sfidi ġodda identifikati fis-CSRs.

    Din il-Komunikazzjoni tiġbor fil-qosor il-kisbiet tal-finanzjament ta' koeżjoni fil-perjodu ta' programmar preċedenti. Hija tiddeskrivi l-elementi ewlenin tar-riforma tal-Politika ta' Koeżjoni introdotta għall-perjodu 2014-20,[1] u x-xejriet li joħorġu min-negozjati dwar il-programm li jinsabu għaddejjin bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri. Hija akkumpanjata minn Dokument tal-Ħidma tal-Persunal, li janalizza l-isfidi soċjoekonomiċi u tal-governanza li l-Istati Membri u r-reġjuni qed jiffaċċaw u jivvaluta l-impatt tal-Politika ta' Koeżjoni u l-investiment pubbliku fuq id-disparitajiet ekonomiċi u soċjali.

    2.           Politika li tevolvi: Ninvestu fil-kompetittività tar-reġjuni sabiex intejbu l-ħajjiet tan-nies

    It-Trattat tal-UE jistabbilixxi bħala l-objettiv għall-Politika ta' Koeżjoni li tnaqqas id-disparitajiet ekonomiċi, soċjali u territorjali, u tipprovdi appoġġ partikolari għar-reġjuni inqas żviluppati.

    Maż-żmien, il-politika għenet biex ittejjeb il-livell tal-għajxien u l-opportunitajiet ekonomiċi fir-reġjuni tal-UE billi tejbet il-ħiliet u l-impjegabilità; iżżid l-aċċess għar-reġjuni; tappoġġa l-bini tal-kapaċità amministrattiva; tistabbilixxi rabtiet bejn l-istituzzjonijiet tar-riċerka, l-universitajiet u l-komunità tan-negozju; u tipprovdi servizzi lin-negozji ta' daqs żgħir jew medju. Billi tappoġġa l-ixpruni ewlenin tat-tkabbir ekonomiku, il-Politika ta' Koeżjoni tgħin lir-reġjuni tal-UE jikbru aktar malajr.

    Filwaqt li baqgħet leali lejn l-għeruq tagħha, il-Politika ta' Koeżjoni żviluppat u għamlet progress. Fis-snin bikrija tagħha, il-politika kellha enfasi nazzjonali biss, u kienet tiffinanzja proġetti predeterminati fl-Istati Membri, bi ftit influwenza Ewropea. Maż-żmien, iddaħħlu prinċipji bażiċi, bħal programmar pluriennali, investiment aktar strateġiku u involviment akbar ta' sħab reġjonali u lokali.

    Il-biċċa l-kbira tal-appoġġ finanzjarju tal-politika ffoka konsistentement fuq ir-reġjuni u l-Istati Membri l-inqas żviluppati. Kien hemm, madankollu, ċaqliq ta' investiment mill-infrastruttura lejn l-appoġġ għall-SMEs, l-innovazzjoni, u politiki soċjali u tal-impjiegi aktar innovattivi. Din il-bidla saret possibbli minħabba l-iżvilupp tal-infrastruttura fl-Istati Membri (kemm dawk li ssieħbu wara l-2004 kif ukoll fl-Istati Membri “iktar antiki”) appoġġat mill-Politika ta' Koeżjoni f'perjodi preċedenti.

    Id-Dijagramma 3 turi kif il-kompożizzjoni tal-investiment evolviet mill-1989.

    Dijagramma 3: Il-kompożizzjoni tal-investiment tal-politika ta' koeżjoni f'reġjuni inqas żviluppati (1989-2013)

    Il-proporzjon ta' investiment fl-infrastruttura tqila (b'mod partikolari t-trasport) kien għoli meta tnediet il-politika u wara t-tkabbir tal-2004, meta pajjiżi li kellhom nuqqas ċar fl-infrastruttura ngħaqdu mal-UE. Bil-ħolqien tal-Fond ta' Koeżjoni (FK) fis-snin 1990, l-investiment ambjentali sar dejjem aktar rilevanti, u għen lill-Istati Membri u lir-reġjuni sabiex jikkonformaw mad-direttivi u r-regolamenti tal-UE f'dan il-qasam. L-investiment fis-settur produttiv u fl-SMEs, b'mod partikolari, baqa' relattivament stabbli.

    L-investiment fin-nies (l-edukazzjoni, l-impjiegi, l-inklużjoni soċjali), madankollu, naqas bi ftit f'termini relattivi. Madankollu, ir-rwol tal-FSE bħala strument għall-investiment fil-kapital uman kiber b'mod sinifikanti, l-aktar riċenti bħala konsegwenza tal-impatt drammatiku tal-kriżi ekonomika fuq is-swieq tax-xogħol tal-Istati Membri. Bħala miżura ġdida biex jindirizza dan, il-qafas regolatorju għall-2014-20 jirriżerva sehem minimu (23,1 %) tal-baġit tal-Politika ta' Koeżjoni għall-FSE. Dan hu importanti biex jiġi żgurat il-volum tal-investimenti fil-kapital uman, l-impjiegi, l-inklużjoni soċjali, ir-riforma tal-amministrazzjoni pubblika u l-bini tal-kapaċità istituzzjonali meħtieġa għal ħidma lejn l-objettivi tal-istrateġija Ewropa 2020.

    Għall-ewwel darba, il-Politika ta' Koeżjoni – b'mod partikolari permezz tal-FSE – ipprovdiet appoġġ matul il-perjodu 2007-13 sabiex jiġu mmodernizzati u rriformati l-amministrazzjonijiet pubbliċi u s-sistemi ġudizzjarji fil-pajjiżi ta' konverġenza. Dan l-appoġġ għandu l-għan li jtejjeb il-funzjonament, l-aċċessibbiltà u l-kwalità tas-servizzi pubbliċi, li jiffaċilita t-tfassil ta' politika bbażat fuq l-evidenza u li jipproduċi l-politiki b'mod konġunt mas-sħab soċjali u s-soċjetà ċivili.

    Fl-aħħar nett, il-proporzjon tar-riżorsi ddedikat għall-assistenza teknika żdied b'mod sinifikanti mill-2000-06, li jirrifletti l-importanza kritika ta' istituzzjonijiet li jiffunzjonaw tajjeb għall-ġestjoni effettiva tal-programmi tal-Politika ta' Koeżjoni.

    Billi fasslet l-investimenti skont il-livelli ta' żvilupp ekonomiku, il-Politika ta' Koeżjoni rnexxielha tadatta għat-tibdil fil-bżonnijiet ta' kull reġjun maż-żmien. Madankollu, l-evoluzzjoni tal-politika ma kenitx determinanti daqs kemm seta' kien mistenni. L-evidenza tissuġġerixxi, pereżempju, li l-introduzzjoni fl-2007-13 ta' allokazzjoni obbligatorja ta' parti mill-finanzjament għall-prijoritajiet tal-UE kien pass 'il quddiem, iżda r-riżultati kienu mħallta u l-fondi għadhom imxerrda wisq.

    Sar ukoll dejjem aktar ċar li l-effikaċja tal-Politika ta' Koeżjoni tiddependi fuq politiki makroekonomiċi sodi, ambjent favorevoli għan-negozju u istituzzjonijiet b'saħħithom. F'xi każijiet, politiki inadegwati u nuqqasijiet amministrattivi u istituzzjonali llimitaw l-effikaċja tal-finanzjament. Għad hemm ukoll nuqqasijiet fit-traspożizzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE fil-liġi nazzjonali f'oqsma direttament marbuta mal-Politika ta' Koeżjoni. Għalkemm saru tentattivi biex jiġu definiti l-oqfsa strateġiċi, istituzzjonali u amministrattivi fis-seħħ, l-applikazzjoni tagħhom baqgħet diskrezzjonali u mhux sistematika.

    Fl-aħħar nett, l-implimentazzjoni tal-fondi ffukat aktar fuq l-infiq u l-konformità mar-regoli tal-ġestjoni milli fuq l-ilħuq tal-objettivi. L-objettivi tal-programm kultant kienu vagi, li għamilha diffiċli biex tiġi mmonitorjata u evalwata l-prestazzjoni. L-iffissar ta' miri huwa kumpless u xi Stati Membri stabbilixxew miri li ma kinux ambizzjużi biżżejjed. Dan illimita l-kapaċità biex jiġu vvalutati l-effetti tal-interventi u biex wieħed jifhem liema miżuri kienu l-aktar effettivi u għala.

    3.           Il-kisba ta' riżultati hija fil-qalba tal-Politika ta' Koeżjoni l-ġdida

    Ir-riżultati tan-negozjati dwar ir-riforma tal-Politika ta' Koeżjoni, li ntemmu f'Diċembru 2013, jindirizzaw dawn in-nuqqasijiet.

    Ir-riforma hija ffukata fuq il-produzzjoni ta' politika tal-investiment. L-objettivi tal-Politika ta' Koeżjoni nġiebu f'konformità mal-istrateġija Ewropa 2020, u s-CSRs rilevanti qegħdin sistematikament jiġu kkunsidrati meta jiġu ppjanati l-investimenti. Il-mod kif taħdem il-Politika ta' Koeżjoni ġie wkoll riformat, ibbażat fuq ħames ideat prinċipali.

    3.1.        Il-programmi tal-Politika ta' Koeżjoni għandhom bżonn joperaw f'ambjent favorevoli

    Il-Politika ta' Koeżjoni ġdida hija marbuta mal-proċess ta' governanza ekonomika tal-UE u mas-“semestru Ewropew”, billi l-investiment tal-Politika ta' Koeżjoni ma jistax jitqies b'mod iżolat mill-kuntest ekonomiku li fih isir.

    Sabiex jiġu evitati politiki ekonomiċi jew fiskali mhux sostenibbli li jnaqqsu l-effikaċja tal-appoġġ tal-UE matul il-perjodu 2014-20, il-finanzjament jista' jiġi sospiż meta Stat Membru ma jikkonformax mar-rakkomandazzjonijiet li jirċievi fil-proċess ta' governanza ekonomika tal-UE.

    L-effikaċja tal-investiment ma għandhiex tiġi mdgħajfa permezz ta' politiki ħżiena jew punti ta' konġestjoni regolatorji, amministrattivi jew istituzzjonali. L-Istati Membri u r-reġjuni għandhom għalhekk jissodisfaw sensiela ta' prekundizzjonijiet. Dawn huma mfassla biex jiżguraw li l-investiment jalimenta qafas ta' politika strateġiku ċar li jiżgura traspożizzjoni rapida tal-liġi tal-UE li taffettwa l-implimentazzjoni tal-fondi ta' koeżjoni, kapaċità amministrattiva suffiċjenti, u r-rispett ta' rekwiżiti minimi dwar, pereżempju, l-antidiskriminazzjoni, l-ugwaljanza bejn is-sessi, id-diżabbiltà, l-akkwist pubbliku u l-għajnuna mill-Istat.

    B'mod partikolari, kull qasam ta' investiment għandu jkun ibbażat fuq strateġija definita tajjeb. Pereżempju, l-ebda investiment fit-trasport ma jista' jsir sakemm ma tkunx fis-seħħ strateġija komprensiva nazzjonali jew reġjonali tat-trasport. Bl-istess mod, investiment fil-qasam tar-R&Ż u l-innovazzjoni jeħtieġ li jiġi inkwadrat fi ħdan "strateġija ta' speċjalizzazzjoni intelliġenti”, li tinvolvi proċess ta' żvilupp ta' viżjoni, identifikazzjoni ta' vantaġġ kompetittiv, l-istabbiliment ta' prijoritajiet strateġiċi u l-użu ta' politiki intelliġenti sabiex jiġi mmassimizzat il-potenzjal ta' żvilupp ibbażat fuq l-għarfien ta' kull reġjun. Fi ftit kliem, il-proġetti għandhom isegwu l-istrateġiji u mhux bil-maqlub.

    3.2.        Il-programmi tal-Politika ta' Koeżjoni jeħtieġ li jikkonċentraw ir-riżorsi fuq numru żgħir ta' prijoritajiet u jimmassimizzaw il-valur miżjud tagħhom

    L-Istati Membri u r-reġjuni għandhom jikkonċentraw il-finanzjament fuq għadd limitat ta' oqsma ta' rilevanza għall-UE. Sehem kbir mill-FEŻR se jkun allokat għal erba' prijoritajiet fil-qalba tal-istrateġija Ewropa 2020: l-innovazzjoni u r-riċerka, l-aġenda diġitali, l-appoġġ għall-SMEs u l-ekonomija b'użu baxx ta' karbonju.

    Il-konċentrazzjoni tal-FSE fuq mhux aktar minn ħames prijoritajiet ta' investiment se tappoġġa l-konsolidazzjoni tar-riżultati f'livell Ewropew. Hija se tiżgura wkoll rabta aktar ċara mal-Istrateġija Ewropea għall-Impjiegi u l-Linji Gwida Integrati dwar l-Impjiegi. Mill-inqas 20 % tal-baġit tal-FSE se jitwarrab għall-appoġġ tal-inklużjoni soċjali u l-ġlieda kontra l-faqar u d-diskriminazzjoni.

    Minħabba l-ħtieġa urġenti biex jiġi indirizzat il-qgħad taż-żgħażagħ, ġiet imnedija Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ (YEI) ta' EUR 6 biljun, li tipprovdi finanzjament dedikat biex tgħin fl-implimentazzjoni tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ madwar l-UE. Dan jiżgura li kull persuna żagħżugħa tiġi offruta impjieg jew taħriġ xieraq fi żmien erba' xhur minn meta titlaq mill-iskola jew titlef l-impjieg. Il-finanzjament tal-YEI se jkun iffukat fuq ir-reġjuni b'rati partikolarment għolja ta' qgħad fost iż-żgħażagħ.

    Ir-reġjuni u l-Istati Membri ser ikollhom jagħmlu għażliet ċari dwar l-objettivi tagħhom. Dan se jippermetti li tintlaħaq massa kritika ta' riżorsi, li jiżgura impatt sinifikanti u jiggarantixxi li jsiru investimenti f'dawk l-oqsma li għandhom impatt dirett u immedjat fuq it-tkabbir u l-impjiegi.

    3.3.        Il-programmi tal-Politika ta' Koeżjoni jeħtieġ li jiddefinixxu b'mod ċar l-objettivi u r-riżultati

    Is-suċċess tal-Politika ta' Koeżjoni għandu jitkejjel mir-riżultati u l-impatt tagħha. Ir-riformi għalhekk jikkonċentraw fuq li tiġi żgurata enfasi akbar fuq ir-riżultati permezz ta' titjib fl-indikaturi ta' prestazzjoni, fir-rappurtar u fl-evalwazzjoni.

    Meta jfasslu l-programmi, l-Istati Membri u r-reġjuni għandhom jispeċifikaw ir-riżultati li bi ħsiebhom jiksbu sa tmiem il-perjodu ta' programmar. Il-programmi se jkollhom jistabbilixxu kif l-azzjonijiet proposti se jikkontribwixxu sabiex jintlaħqu dawn l-għanijiet u se jistabbilixxu indikaturi tal-prestazzjoni b'linji bażi u miri ċari biex jitkejjel il-progress. Kull programm se jkollu qafas ta' prestazzjoni biex jiżdiedu t-trasparenza u r-responsabbiltà.

    Sabiex jiġi pprovdut inċentiv ieħor, madwar EUR 20 biljun (jew 6 % tal-baġit tal-Politika ta' Koeżjoni) ġew imwarrba sabiex jiġu allokati fl-2019 għal dawk il-programmi li juru li jinsabu fit-triq it-tajba biex jilħqu l-objettivi tagħhom.

    3.4.        Il-programmi tal-Politika ta' Koeżjoni jeħtieġ li jagħtu vuċi aktar b'saħħitha lill-ibliet

    L-ibliet jistgħu jaqdu rwol ewlieni fil-Politika ta' Koeżjoni, u sabiex jintlaħqu l-objettivi tal-istrateġija Ewropa 2020. Aktar minn żewġ terzi tal-Ewropej jgħixu fl-ibliet. L-ibliet huma produttivi u innovattivi u jistgħu jkunu fuq quddiem fil-kisba ta' tkabbir intelliġenti. Huma jistgħu jkunu iktar effiċjenti fl-użu tar-riżorsi (pereżempju billi jimminimizzaw l-użu tal-art, l-issiġillar tal-ħamrija u l-użu tal-enerġija) u jistgħu jieħdu sehem fit-twettiq ta' tkabbir sostenibbli, pereżempju permezz ta' infrastruttura ekoloġika. Minħabba d-differenzi tal-ġid, il-konċentrazzjoni ta' dawk soċjalment esklużi u l-konċentrazzjoni tal-faqar fil-bliet, huma essenzjali biex tiġi indirizzata l-isfida tat-tkabbir inklużiv.

    Għal dawn ir-raġunijiet, huwa mistenni li madwar nofs il-FEŻR se jintefqu fl-ibliet fl-2014-20. Il-Politika ta' Koeżjoni l-ġdida għandha wkoll l-għan li tagħti s-setgħa lill-ibliet biex ifasslu u jimplimentaw politiki li jikkontribwixxu biex jintlaħqu l-objettivi tal-Ewropa 2020, billi tistabbilixxi ammont minimu (5 % tal-FEŻR) għal investiment integrat fl-iżvilupp urban sostenibbli, u billi tiggarantixxi li l-bliet ikollhom ir-rwol ewlieni fl-għażla tal-proġetti.

    Il-Kummissjoni se tniedi wkoll sejħiet għal proġetti bħala parti mill-programm il-ġdid ta' Azzjonijiet Urbani Innovattivi f'appoġġ għall-ibliet li huma lesti li jittestjaw ideat ġodda fl-iżvilupp urban.

    3.5.        Il-programmi tal-Politika ta' Koeżjoni jeħtieġ li jinkludu aħjar l-imsieħba fil-livelli kollha

    Il-qafas ta' politika 2014-20 huwa bbażat fuq il-premessa li s-sħab kollha fil-livelli nazzjonali, reġjonali u lokali, filwaqt li jirrispettaw il-prinċipji tal-governanza fuq diversi livelli u jinkludu l-imsieħba soċjali u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, se jkunu involuti fl-istadji kollha tal-ipprogrammar. Għall-ewwel darba fil-livell tal-UE, il-Kodiċi ta' Kondotta Ewropea dwar is-Sħubija[2] tipprovdi mudell għall-Istati Membri biex jilħqu u jinvolvu dawn is-sħab fl-iżvilupp ta' programmi, matul l-implimentazzjoni tal-programmi u matul il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni. Is-sħubijiet jistgħu jkunu partikolarment effettivi sabiex jipprovdu strateġiji tal-iżvilupp lokali mmexxija mill-komunitajiet. Miżuri biex tinbena l-kapaċità tas-sħab soċjali u tas-soċjetà ċivili huma wkoll inkorporati fir-regolamenti l-ġodda.

    4.           Mit-teorija għall-prattika: evidenza li qed toħroġ min-negozjati

    Fil-mument meta adottat din il-Komunikazzjoni, il-Kummissjoni kienet irċeviet 28 ftehim ta' sħubija (PAs) u madwar 150 programm operazzjonali (PO).[3] In-negozjati ma' Stati Membri u reġjuni għadhom għaddejjin. Għalhekk, dan li ġej jipprovdi biss indikazzjoni ta' sa fejn l-elementi ewlenin tar-riforma ġew inkorporati fl-istrateġiji u l-programmi l-ġodda.

    L-informazzjoni disponibbli turi xi xejriet inkoraġġanti ħafna u xi sfidi.

    B'mod ġenerali, madwar EUR 336 biljun huma allokati għall-programmi nazzjonali u reġjonali bħala parti mill-objettiv tal-Investiment għat-tkabbir u l-impjiegi (IGJ). Ir-riżorsi huma maqsuma kif ġej: EUR 187,5 biljun għall-FEŻR, EUR 63 biljun għall-Fond ta' Koeżjoni u EUR 85 biljun għall-FSE li huwa ogħla mill-allokazzjoni minima meħtieġa legalment tal-FSE ta' EUR 80 biljun.[4]

    Dijagramma 4: Allokazzjoni għall-prijoritajiet ta' finanzjament skont il-fond (2014-20) f'% tat-total tal-fond

    Madwar EUR 124 biljun huma allokati għar-R&Ż u l-innovazzjoni, l-ICT, l-SMEs, u ekonomija b'użu baxx ta' karbonju. Dan jirrappreżenta żieda ta' kważi 22 % meta mqabbel mal-2007-2013. Il-biċċa l-kbira ta' dan l-ammont huwa ffinanzjat mill-FEŻR (EUR 116,5 biljun) u l-bqija mill-Fond ta' Koeżjoni.

    EUR 98 biljun se jiġu investiti fl-impjiegi, l-inklużjoni soċjali u l-miżuri tal-edukazzjoni. Il-biċċa l-kbira ta' dan l-ammont huwa ffinanzjat mill-FSE: impjiegi (EUR 30,7 biljun), inklużjoni soċjali (EUR 20,9 biljun), u edukazzjoni (EUR 26,3 biljun).

    EUR 59 biljun huma allokati għall-infrastruttura tan-netwerk tat-trasport u l-enerġija, li jirrappreżenta tnaqqis ta' 21% meta mqabbel mal-2007-2013.

    Kważi EUR 4,3 biljun se jiġu investiti fil-bini tal-kapaċità istituzzjonali tal-awtoritajiet pubbliċi u fl-effiċjenza tal-amministrazzjonijiet u s-servizzi pubbliċi (“il-governanza tajba”). Dan jirrappreżenta żieda ta' 72 % meta mqabbel mal-aħħar perjodu.

    Għalhekk, il-perjodu ta' programmar il-ġdid iġib bidla ċara f'termini ta' prijoritajiet ta' finanzjament meta mqabbel mal-2007-13. L-Istati Membri u r-reġjuni se jinvestu aktar fuq il-prijoritajiet tal-FEŻR (ir-R&Ż u l-innovazzjoni, l-ICT, l-SMEs, u ekonomija b'użu baxx ta' karbonju) u fuq il-prijoritajiet tal-FSE (l-impjiegi, l-inklużjoni soċjali, l-edukazzjoni, u l-governanza). Min-naħa l-oħra, inqas flus ser jiġu investiti fl-infrastruttura tan-netwerk u ambjentali. It-tnaqqis tal-investiment fl-infrastruttura huwa partikolarment notevoli fi Stati Membri iktar żviluppati.

    Dijagramma 5: Allokazzjoni għall-prijoritajiet ta' finanzjament 2014-20 vs. 2007-13, f'% tat-total

    L-enfasi partikolari li l-Kummissjoni qiegħdet fuq l-ekonomija b'użu baxx ta' karbonju rriżultat f'żieda viżibbli f'dan it-tip ta' investiment: aktar minn EUR 38 biljun se jappoġġaw it-tranżizzjoni għal ekonomija b'emissjonijiet baxxi tal-karbonju u reżiljenti għall-klima. Bosta pajjiżi poġġew enfasi partikolari fuq l-effiċjenza tal-enerġija jew l-iżvilupp tal-enerġija rinnovabbli. F'xi każijiet, madankollu, ir-rabta bejn l-investiment u r-riżultati mistennija b'rabta mal-objettivi tat-tibdil fil-klima jeħtieġ li tiġi ċċarata aktar.

    Minħabba l-isfidi ta' qgħad għoli u ta' żieda fil-faqar, l-enfasi fuq it-tkabbir inklużiv tista' tkun iktar b'saħħitha f'ċerti PAs. Il-Kummissjoni hija wkoll tal-fehma li l-finanzjament allokat għall-edukazzjoni huwa f'dan il-mument mhux biżżejjed biex jiġu implimentati l-prijoritajiet identifikati. F'xi PAs tingħata prijorità baxxa lil miżuri attivi għall-inklużjoni soċjali. Biex jiġu żgurati eżiti soċjali aħjar u investimenti li jirrispondu aħjar għall-bidliet soċjali, ir-riforma tal-politika soċjali teħtieġ li tiġi inkorporata aħjar fl-ipprogrammar.

    Barra minn hekk, rigward il-YEI, l-informazzjoni rilevanti f'xi PAs u OPs hija pjuttost ġenerali u ma tistabbilixxix kif din l-inizjattiva ġdida ser titwassal u jekk u kif se tappoġġa l-implimentazzjoni tal-iskemi ta' Garanzija għaż-Żgħażagħ. F'xi programmi l-azzjonijiet appoġġati mill-YEI għandhom jiffukaw aktar fuq l-appoġġ għall-ħolqien tal-impjiegi.

    Minkejja l-eżistenza ta' CSR dwar l-integrazzjoni tal-minoranza Roma, xi Stati Membri ma jipprevedux prijorità dedikata għall-komunitajiet marġinalizzati, u dan jagħmilha aktar diffiċli biex jiġi evalwat kemm finanzjament se jiġi allokat għal dan il-qasam ta' politika. Xi Stati Membri ma jindirizzawx biżżejjed il-bżonnijiet ta' dan il-grupp fil-mira jew jeħtieġu li jelaboraw aktar l-istrateġija u l-loġika tal-intervent tagħhom.

    Il-modernizzazzjoni amministrattiva u l-kwalità tal-ġustizzja huma rikonoxxuti bħala fatturi ewlenin għall-kompetittività u t-tkabbir inklużiv. Bosta Stati Membri qed jippjanaw miżuri sabiex isaħħu l-istituzzjonijiet pubbliċi tagħhom u jtejbu l-kapaċità tagħhom li jipprovdu politika aktar effettiva, servizzi amministrattivi aħjar, proċedimenti ġudizzjarji aktar rapidi, trasparenza u integrità akbar fl-istituzzjonijiet pubbliċi, u titjib fil-parteċipazzjoni pubblika fil-fażijiet differenti tat-tfassil tal-politika. Iżda, f'għadd ta' Stati Membri fejn ir-riforma tal-amministrazzjoni pubblika ġiet identifikata bħala sfida, strateġija ċara hi nieqsa u l-objettivi huma inkompleti u mhux ċari, filwaqt li din ir-riforma hija indispensabbli biex jiġu appoġġati l-impjiegi, it-tkabbir u l-kompetittività. Barra minn hekk, f'xi wħud minn dawn l-Istati Membri huwa nieqes impenn politiku ċar favur din ir-riforma.

    Huwa ċar li l-bżonn li ssir tħejjija għall-investiment billi jiġu ssodisfati kundizzjonijiet qabel l-implimentazzjoni tal-programm ittieħed bis-serjetà. Il-proċess ma kienx faċli u, f'ħafna każijiet, il-Kummissjoni se jkollha taqbel dwar pjanijiet ta' azzjoni biex tiżgura konformità sħiħa mar-rekwiżiti fi skadenzi definiti tajjeb. Il-kundizzjonijiet, li l-Istati Membri sabuha partikolarment diffiċli li jilħqu, jikkonċernaw oqsma fejn id-Direttivi tal-UE jeħtieġu li jiġu trasposti jew fejn ir-regolamenti tal-UE jeħtieġ li jiġu applikati b'mod effettiv.

    Strateġiji ta' speċjalizzazzjoni intelliġenti ġew imfassla fil-livell nazzjonali u reġjonali biex jaċċelleraw it-trasformazzjoni ekonomika u jnaqqsu d-distakk fl-għarfien. Aktar enfasi trid titqiegħed fuq forom ta' appoġġ indiretti, fuq l-appoġġ għar-riċerka mmexxija mis-suq u l-kooperazzjoni mal-intrapriżi. Hemm riskju li kollox jibqa' kif inhu fl-appoġġ għall-SMEs, minflok li l-għajnuna tiġi mfassla skont il-bżonnijiet u l-potenzjal ta' tkabbir tagħhom biex jiġu żgurati effett ta' lieva għoli u adozzjoni rapida.

    Xi Stati Membri fasslu wkoll programmi li jistabbilixxu rabtiet ċari bejn l-ekonomija diġitali u l-innovazzjoni. Dan huwa importanti peress li l-investimenti fil-broadband b'veloċità għolja u l-ICT huma meħtieġa biex jingħelbu punti ta' konġestjoni speċifiċi u biex jiġu inkoraġġiti soluzzjonijiet immexxija mis-suq. Pereżempju, huwa essenzjali li wieħed jiffoka l-investiment fil-broadband fuq in-netwerks tal-ġenerazzjoni li jmiss sabiex jiġi żgurat li reġjuni anqas żviluppati ma jkomplux jaqgħu aktar lura. Is-sinerġiji bejn il-Politika ta' Koeżjoni, Orizzont 2020 u programmi oħra tal-UE huma wkoll ferm importanti fil-kuntest ta' strateġiji ta' speċjalizzazzjoni intelliġenti fil-livell nazzjonali u reġjonali.

    Fl-2014-20, xi 88 programm f'16-il pajjiż se jkunu programmi b'fondi differenti, li jgħaqqdu flimkien riżorsi mill-FEŻR, mill-FK u mill-FSE. Dan huwa mistenni li jinkoraġġixxi approċċ integrat li jgħaqqad flimkien politiki, fondi u prijoritajiet differenti.

    Biex il-politika tkun aktar effettiva, orjentata lejn ir-riżultati u msejsa fuq il-prestazzjoni, l-Istati Membri u r-reġjuni għandhom jistabbilixxu objettivi u miri dettaljati. Huwa essenzjali li l-programmi ma jesprimux miri ġenerali wisq, inkluż numru kbir ta' azzjonijiet possibbli sabiex tinżamm flessibilità massima fl-għażla tal-proġetti fi stadju aktar tard. Dan huwa ta' importanza kritika: jekk l-objettivi u l-miri ma jkunux ambizzjużi biżżejjed u ddettaljati biżżejjed, se jkun diffiċli ħafna li tiġi evalwata l-politika u li jkun hemm dibattitu pubbliku utli dwarha. Matul il-proċess tan-negozjati, il-Kummissjoni se tiffoka fuq dawn ir-riskji.

    Il-Ftehimiet ta' Sħubija fil-biċċa l-kbira ġew imfassla permezz ta' djalogu raġonevoli mas-sħab, għalkemm hemm indikazzjonijiet li f'xi każijiet dan id-djalogu kien insuffiċjenti, partijiet ikkonċernati importanti ma kinux involuti, jew il-kummenti ma kinux riflessi f'verżjonijiet sussegwenti tad-dokumenti. Il-Kummissjoni se tħares bir-reqqa lejn kif l-Istati Membri applikaw il-Kodiċi ta' Kondotta dwar is-Sħubija biex jiżguraw parteċipazzjoni ġenwina min-naħa tal-partijiet ikkonċernati.

    L-aħħar iżda mhux l-inqas, il-perjodu l-ġdid jeħtieġ governanza b'saħħitha u mekkaniżmi ta' koordinazzjoni fuq il-livell nazzjonali u reġjonali biex tiġi żgurata konsistenza bejn il-programmi, appoġġ għal Ewropa 2020 u s-CSRs, u biex jiġu evitati duplikazzjonijiet u nuqqasijiet. Dan huwa partikolarment importanti minħabba ż-żieda ġenerali fl-għadd ta' programmi reġjonali (għall-programmi tal-FSE hija kważi 60 % meta mqabbla mal-2007-13).

    5.           Konklużjoni

    Fl-2014-20, il-Politika ta' Koeżjoni se tiggwida l-investiment ta' terz tal-baġit tal-UE biex tgħin fil-kisba tal-għanijiet għall-UE kollha tat-tkabbir u l-impjiegi u tnaqqas id-disparitajiet ekonomiċi u soċjali. Hija wkoll l-akbar strument ta' investiment fil-livell tal-UE biex jintlaħqu l-objettivi tal-istrateġija Ewropa 2020. Hija tipprovdi l-akbar kontribuzzjoni f'għadd ta' oqsma, inkluż l-appoġġ għall-SMEs, ir-R&Ż u l-innovazzjoni, l-investiment f'forza tax-xogħol ikkwalifikata u kompetittiva, il-ġlieda kontra l-qgħad u l-esklużjoni soċjali, l-adattament għat-tibdil fil-klima u l-ambjent.

    Il-mudelli ekonomiċi jipprovdu indikazzjoni tal-impatt makroekonomiku. Pereżempju, huwa mistenni li fil-pajjiżi benefiċjarji prinċipali, grazzi għall-Politika ta' Koeżjoni, il-PDG jista' jkun bħala medja 2% ogħla u l-impjiegi madwar 1% ogħla matul il-perjodu ta' implimentazzjoni.

    Iżda l-effetti ta' tisħiħ fil-produttività tal-Politika ta' Koeżjoni jkomplu jakkumulaw wara t-tmiem tal-programmi. Sal-2030, huwa stmat li l-PDG f'dawn il-pajjiżi se jkun iktar minn 3% ogħla mil-livell mistenni fin-nuqqas tal-politika. Dan ifisser li matul il-perjodu 2014-30, għal kull Euro minfuq fil-pajjiżi benefiċjarji ewlenin, il-PDG huwa mistenni li jkun aktar minn tliet euro ogħla.

    Sabiex dawn l-effetti jkunu jistgħu jiġu realizzati, madankollu, huwa essenzjali li l-Istati Membri u r-reġjuni jwettqu r-riformi u jużaw il-politika bħala għodda effettiva tal-investiment. L-eżitu tan-negozjati li jinsabu għaddejjin biex jiġu żviluppati strateġiji b'saħħithom, jiġi identifikat numru żgħir ta' prijoritajiet fundamentali ta' investiment, jiġu stabbiliti miri ambizzjużi, u jiġi żgurat li l-kundizzjonijiet mikro u makro jimmassimizzaw l-impatt tal-investiment kofinanzjat mill-Politika ta' Koeżjoni, għalhekk se jkun kruċjali.

    Il-Kummissjoni se tippreżenta l-ewwel rapport ta' progress dwar il-programmi lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill fl-2017. Dan se jagħti ħarsa ġenerali lejn il-progress mill-Istati Membri u r-reġjuni lejn l-objettivi stabbiliti fil-programmi tagħhom, u jindika jekk humiex qed jagħtu r-riżultati mixtieqa jew le.

    [1]     Ara ĠU L 347, l-20 ta' Diċembru 2013.

    [2]     Ara r-regolament ta' delega tal-Kummissjoni tas-7.1.2014, C(2013) 9651 finali.

    [3]     Erba' PAs diġà ġew adottati mill-Kummissjoni.

    [4]     Ir-riżorsi finanzjarji għall-objettiv tal-IGJ jinkludu l-FEŻR (eskluż l-appoġġ għal Kooperazzjoni Territorjali Ewropea), il-FSE u l-Fond ta' Koeżjoni. Iċ-ċifri jirriflettu s-sitwazzjoni mill-1 ta' Ġunju u għadhom jistgħu jinbidlu fil-kuntest tan-negozjati tal-programmi.

    Top