Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52014DC0472

    KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI L-indirizzar ta' prattiki kummerċjali żleali (PKŻ) fil-katina ta' provvista alimentari bejn in-negozji

    /* COM/2014/0472 final */

    52014DC0472

    KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI L-indirizzar ta' prattiki kummerċjali żleali (PKŻ) fil-katina ta' provvista alimentari bejn in-negozji /* COM/2014/0472 final */


    L-indirizzar ta’ prattiki kummerċjali żleali (PKŻ) fil-katina ta' provvista alimentari bejn in-negozji

    1. Introduzzjoni

    Il-katina tal-provvista alimentari tiggarantixxi li l-prodotti tal-ikel u tax-xorb jitwasslu lill-pubbliku ġenerali għall-konsum personali jew domestiku. Din taffettwa l-konsumaturi kollha fl-UE fuq bażi ta’ kuljum u tammonta għal parti sinifikanti tal-baġit medju tal-familji.[1] Qabel ma prodott jasal għand il-konsumatur, għadd ta’ parteċipanti fis-suq (produtturi, proċessuri, bejjiegħa bl-imnut, eċċ.) iżidu l-valur tiegħu u għandhom impatt fuq il-prezz finali li jitħallas mill-konsumatur. F’dan ir-rigward, is-Suq Uniku ġab benefiċċji kbar għall-operaturi fil-katina tal-provvista alimentari. Il-fornituri u l-bejjiegħa bl-imnut, kemm kbar kif ukoll żgħar, issa għandhom aktar opportunitajiet tas-suq u klijentela ikbar. Il-kummerċ transfruntier bejn l-Istati Membri tal-UE issa jammonta għal madwar 20 % tat-total tal-produzzjoni tal-ikel u tax-xorb tal-UE u mill-inqas 70 % tat-total ta’ esportazzjonijiet ta’ prodotti agrikoli u tal-ikel tal-Istati Membri tal-UE huma destinati għal Stati Membri oħra tal-UE.[2] Għalhekk, katina ta' provvista alimentari effiċjenti u li taħdem tajjeb madwa l-UE kollha tista’ tkun ta' kontribut sinifikanti għas-Suq Uniku.

    Madankollu, matul l-aħħar ftit deċennji, żviluppi bħal ma huma ż-żieda fil-konċentrazzjoni u fl-integrazzjoni vertikali ta’ parteċipanti fis-suq mal-UE kollha wasslu għal bidliet strutturali fil-katina tal-provvista alimentari. Dawn l-iżviluppi kkontribwew għal sitwazzjoni b’livelli differenti b'mod sinifikanti ta’ setgħa ta’ negozjar u ta' żbilanċi ekonomiċi fir-relazzjonijiet kummerċjali individwali bejn l-atturi fil-katina. Filwaqt li huwa komuni u leġittimu li jkun hemm differenzi fis-setgħa ta’ negozjar fir-relazzjonijiet kummerċjali, l-abbuż ta’ differenzi bħal dawn xi kultant jista' jwassal għal prattiki kummerċjali żleali (PKŻ).[3]

    Il-PKŻ jistgħu ġeneralment jiġu definiti bħala prattiki li jitbiegħdu b'mod serju minn imġiba kummerċjali tajba, imorru kontra l-bona fide u n-negozjar ġust u huma imposti unilateralment minn sieħeb kummerċjali wieħed fuq l-ieħor.

    Din il-Komunikazzjoni ma tipprevedix azzjoni regolatorja fil-livell tal-UE u ma tipproponix soluzzjoni unika biex tiġi indirizzata l-kwistjoni tal-PKŻ, iżda pjuttost tħajjar lill-dawk ikkonċernati u lill-Istati Membri biex jindirizzaw il-PKŻ b'manjiera xierqa u proporzjonata, fil-kunsiderazzjoni taċ-ċirkostanzi nazzjonali u tal-aħjar prattika. Hija tħeġġeġ lill-operaturi fil-katina tal-provvista alimentari Ewropea biex jipparteċipaw fi skemi volontarji li għandhom l-għan li jippromwovi l-aħjar prassi u jnaqqsu l-PKŻ. Tenfasizza wkoll l-importanza ta' rimedju effettiv. Il-Kummissjoni tinsab impenjata li tkompli taħdem f’kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri u mal-partijiet konċernati rilevanti; kull min hu involut jeħtieġ li jagħti sehmu biex jiġu eliminati l-PKŻ.

    2. L-Isfond

    Għalkemm huwa diffiċli li jiġi evalwat kemm hi kbira u kemm hi frekwenti, il-problema tal-PKŻ hija rikonoxxuta minn dawk kollha kkonċernati fil-katina tal-provvista alimentari. Stħarriġ li sar diversi drabi juri li l-PKŻ jseħħu relattivament b'mod frekwenti, tal-anqas f'ċerti partijiet tal-katina ta' provvista. Pereżempju, fi stħarriġ li sar madwar l-UE fost il-fornituri fil-katina alimentari, 96% ta' dawk li wieġbu qalu li huma kienu diġà soġġetti għal mill-anqas forma waħda ta' PKŻ[4]. Sar ukoll stħarriġ fil-livell nazzjonali. F'rapport mill-Awtorità Spanjola tal-Kompetizzjoni dwar ir-relazzjonijiet bejn il-manifatturi u l-bejjiegħa bl-imnut fis-settur tal-ikel, 56% tal-fornituri li wieġbu qalu li t-tibdil retroattiv fil-kundizzjonijiet tal-kuntratt seħħ b'mod frekwenti jew darba kultant[5].  Stħarriġ mill-Awtorità Taljana tal-Kompetizzjoni juri li 57% tal-produtturi ta' spiss, jew dejjem, jaċċettaw tibdil unilaterali retroattiv, għaliex jibżgħu minn ritaljazzjoni kummerċjali fil-każ li jirrifjutaw it-tibdil[6].

    Il-PKŻ jista’ jkollhom effetti dannużi, speċjalment fuq l-SMEs fil-katina tal-provvista alimentari.[7] Dawn jistgħu jaffettwaw il-kapaċità tal-SMEs li jissopravvivu fis-suq, li jagħmlu investimenti finanzjarji ġodda fi prodotti u teknoloġija, u li jiżviluppaw l-attivitajiet transfruntiera tagħhom fis-Suq Uniku. Filwaqt li jista' jkun diffiċli biex wieħed jivvaluta f'termini kwantitattivi l-effett globali tal-PKŻ fis-suq, ma hemm l-ebda dubju li jeżisti effett dirett negattiv fuq dawk il-partijiet affettwati minn prattiki bħal dawn. Fl-istħarriġ madwar l-UE li ssemma qabel, 83% ta' dawk li wieġbu li saħqu li kienu suġġetti għal PKŻ qalu li l l-PKŻ żiedulhom il-kostijiet u 77% qalu li l-PKŻ naqqsulhom id-dħul tagħhom. Barra minn hekk, jista’ jkun hemm ukoll effetti indiretti tul il-katina tal-provvista fejn jidħlu b'mod partikolari SMEs li lanqas biss jippruvaw jidħlu f'relazzjoni kummerċjali minħabba r-riskju li jiġu imposti PKŻ fuqhom. 

    Il-Politika Agrikola Komuni (PAK) il-ġdida[8] u l-Politika tas-Sajd Komuni (PSK)[9] l-ġdida saħħew il-pożizzjoni tal-produtturi agrikoli fil-katina ta' provvista fejn jidħlu l-operaturi downstream, b'mod partikolari billi tappoġġja l-ħolqien u l-iżvilupp tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi. L-Organizzazzjoni unika Komuni għas-Swieq il-ġdida tinkludi wkoll elementi li għandhom l-għan li jnaqqsu l-iżbilanċi ta' setgħa ta' negozjar bejn il-bdiewa u partijiet oħra fil-katina tal-provvista alimentari f'xi setturi magħżula (tal-ħabib, taż-żejt taż-żebbuġa, taċ-ċanga u l-vitella, tal-uċuħ tar-raba'. Ir-regoli l-ġodda jipprovdu wkoll lill-Istati Membri l-possibbiltà li jimponu l-obbligu li jsiru kuntratti bil-miktub f’setturi agrikoli oħra, soġġett għal salvagwardji li jiżguraw li tali dispożizzjonijiet ma jfixklux il-funzjonament tajjeb tas-suq intern. Ir-riforma tal-PAK, b’mod partikolari permezz tal-Organizzazzjoni Komuni tas-Suq il-ġdida, tinkludi elementi li għandhom l-għan li jitnaqqsu r-relazzjonijiet żbilanċjati ta’ poter ta’ negozjar bejn il-bdiewa u partijiet oħra fil-katina tal-provvista alimentari.

    Għadd ta’ Stati Membri indirizzaw il-PKŻ fil-livell nazzjonali bl-użu ta’ bosta approċċi differenti, xi wħud regolatorji, oħrajn ibbażati fuq pjattaformi awtoregolatorji fost il-parteċipanti fis-suq. Fejn jeżistu regolamenti, dawn ivarjaw fejn jidħlu natura, livell u forma legali ta’ protezzjoni pprovduta kontra l-PKŻ.

    L-eżistenza u d-dannu tal-PKŻ fil-katina tal-provvista alimentari ġiet ukoll rikonoxxuta minn partijiet interessati fil-Forum ta’ Livell Għoli għal funzjonament aħjar tal-katina tal-provvista alimentari, stabblit mill-Kummissjoni fl-2010.[10] Filwaqt li jirrikonoxxu l-ħtieġa li l-kwistjoni tiġi indirizzata fil-livell Ewropew, il-partijiet konċernati stabbilixxew qafas awtoregolatorju (l-Inizjattiva dwar il-katina tal-provvista alimentari) li l-Kummissjoni laqgħet b’mod pożittiv u li wara disa’ xhur deher li ġiet aċċettata tajjeb fost kumpaniji tal-bejgħ bl-imnut, bl-ingrossa u tal-manifattura u minn xi SMEs. Iżda wħud fost dawk ikkonċernati - jiġifieri bdiewa u l-industrija tal-ipproċessar tal-laħam - għadhom ma ngħaqdux ma' dan il-qafas fil-livel tal-UE. Filwaqt li l-bdiewa huma rappreżentati fi pjattaformi nazzjonali fi ftit Stati Membri[11], erba’ operazzjonijiet tal-biedja biss sa issa rreġistraw fil-qafas fil-livell tal-UE. Barra minn hekk, il-qafas jorbot biss lil dawk il-kumpaniji li jiddeċiedu li jaderixxi miegħu.

    Ir-riżultat huwa li, illum, għad hemm diverġenza wiesgħa fil-mod kif il-kwistjonijiet ta' PKŻ fil-katina ta' provvista alimentari jiġu indirizzati fl-UE.

    Il-benefiċċji potenzjali meta l-PKŻ jitnaqqsu jistgħu jkunu sostanzjali, speċjalment għall-SMEs u l-mikrointrapriżi peress li huwa aktar probabbli li dawn ikunu soġġetti għall-PKŻ u l-effetti tagħhom, milli jkunu kumpaniji kbar. Għandu jiġi nnutat ukoll li l-PKŻ applikati fi ħdan l-UE jista’ jkollhom effetti diretti jew indiretti fuq il-produtturi u l-kumpaniji barra mill-UE, inkluż fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw.

    F'dan il-kuntest, din il-Komunikazzjoni għandha l-għan li tkun ta' kontribut biex ikun hemm relazzjonijiet kummerċjali ġusti u sostenibbli kif ukoll ambjent ekwu għall-parteċipanti tas-suq fil-katina tal-provvista alimentari billi tgħin biex jitnaqqsu l-effetti dannużi u l-possibilità ta' ostakoli transfruntiera kkawżati minn PKŻ, speċjalment fejn jidħlu SMEs.

    3. Il-problemi kkawżati minn PKŻ

    Ir-riperkussjonijiet possibbli tal-PKŻ fil-livell tal-UE qajmu tħassib mhux biss fil-Kummissjoni Ewropea iżda ukoll fil-Parlament Ewropew. F’Jannar 2012, il-Parlament adotta riżoluzzjoni[12] li enfasizzat id-dimensjoni Ewropea tal-iżbilanċi fil-katina tal-provvista alimentari li tista’ twassal għal prattiki inġusti. Din ir-riżoluzzjoni identifikat lista ta’ PKŻ speċifiċi u appellat biex dawn ikunu soġġetti għal regolamentazzjoni speċifika, superviżjoni u sanzjonijiet.

    Sabiex tifhem aħjar din il-kwistjoni, il-Kummissjoni ppubblikat Green Paper dwar il-PKŻ f’Jannar 2013 biex tiġbor l-opinjonijiet tal-partijiet konċernati dwar l-okkorrenza ta’ PKŻ fil-katina ta' provvista alimentari u mhux[13], u biex jiġu identifikati toroq possibbli biex dawn jiġu indirizzati. Ir-riżultati tal-konsultazzjoni pubblika sussegwenti pprovdew il-prinċipji li ġejjin.

    1. Filwaqt li l-PKŻ, fil-prinċipju, jistgħu jkunu preżenti fi kwalunkwe settur, ir-reazzjoni mill-partijiet ikkonċernati għall-Green Paper tindka li huma problematiċi b'mod partikolari fil-katina tal-provvista alimentari.

    2. Il-kategoriji prinċipali ta’ PKŻ identifikati fil-Green Paper u kkonfermati minn għadd ta’ partijiet konċernati jistgħu jiġu deskritti kif ġej:

    - użu abbużiv retroattiv minn imsieħeb kummerċjali ta' kundizzjonijiet fil-kuntratt li ma jkunux speċifikati, ikunu ambigwi jew mhux kompluti

    - it-trasferiment eċċessiv, u mhux prevedibbli, tal-kostijiet jew tar-riskji minn imsieħeb kummerċjali fuq il-kontroparti tiegħu

    - l-użu minn imsieħeb kummerċjali ta’ informazzjoni kunfidenzjali

    - it-terminazzjoni żleali jew it-tħarbit ta' relazzjoni kummerċjali.

    3. Ir-restrizzjonijiet territorjali fuq il-provvista kienu wkoll identifikati bħala prattika problematika. Dawn ir-restrizzjonijiet huma xi kultant imposti minn fornituri multinazzjonali fuq il-bejjiegħa bl-imnut u jimpedulhom milli jakkwistaw merkanzija identika minn naħa għal oħra tal-fruntiera jew minn post ċentrali. Madankollu, ir-restrizzjonijiet territorjali huma ta’ natura differenti mill-PKŻ kategorizzati hawn fuq u għalhekk il-Kummissjoni se tevalwahom b’mod separat.

    4. L-effetti diretti tal-KTŻ imsemmija hawn fuq, b’mod partikolari meta jkunu applikati b’mod mhux prevedibbli, jistgħu jwasslu għal kostijiet żejda jew għal dħul anqas milli mistenni għall-imsieħeb kummerċjali li jkun fil-pożizzjoni ta’ negozjar aktar dgħajfa. It-tibdil mhux previdibbli tal-kundizzjonijiet tal-kuntratt jista' wkoll iwassal għal produzzjoni żejda bir-riżultat li jkun hemm ikel żejjed għall-ħela. L-abiltà jew ir-rieda li jkollu l-imsieħeb kummerċjali l-aktar dgħajjef li jiffinanzja l-investimenti tista' tiġi affettwata jekk dan ikun soġġett għal PKŻ, jew anki għall-prospett li jkun espost għal PKŻ fil-futur. Bħalissa, il-Kummissjoni qiegħda wkoll tagħmel studju dwar l-għażla u l-innovazzjoni fis-settur tal-bejgħ bl-imnut. Dan għandu jiċċara l-evoluzzjoni u dak li jmexxi 'l quddiem l-għażla u l-innovazzjoni fil-livell tas-suq b'mod ġenerali. Barra minn hekk, l-ambjent regolatorju frammentat li jindirizza l-PKŻ fil-livell nazzjonali jimplika li l-SMEs — bir-riżorsi legali limitati tagħhom — huma kkonfrontati b’sitwazzjoni kumplessa fejn jidħlu PKŻ u r-rimedji possibbli. L-inċertezzi li jirriżultaw jistgħu jiskoraġġixxu lil ċerti kumpaniji, b’mod partikolari SMEs, milli jidħlu fi swieq ġeografiċi ġodda jew saħansitra minn kummerċ transfruntier. Dan intwera minn stħarriġ madwar l-UE fost il-bdiewa u l-produtturi primarji fis-suq agrikolu u tal-ikel. 46% fost dawk li wieġbu kienu tal-fehma li l-PKŻ għandhom effett negattiv fuq l-aċċess għal swieq ġodda jew għal attivitajiet transfruntiera[14].

    4. Il-pajżaġġ frammentat ta' miżuri kontra l-PKŻ fl-UE 4.1. Il-frammentazzjoni fl-indirizzar tal-PKŻ

    Sa ċertu punt, il-qafas regolatorju preżenti fil-livell tal-UE fih ċerti regoli li għandhom l-għan li jinidirizzaw prattiki inġusti fil-katina tal-provvista alimentari u lil hinn minnha. Strumenti eżistenti, bħar-riforma tal-PAK imsemmiija aktar 'l fuq, il-liġi tal-kompetizzjoni, il-qafas dwar prattiki ta’ kummerċjalizzazzjoni[15], kundizzjonijiet żleali ta’ kuntratt f’kuntratti tal-konsumatur[16], id-Direttiva proposta dwar is-sigriet kummerċjali[17] u leġiżlazzjoni oħra transettorjali jistgħu jkunu utli fl-indirizzar tal-PKŻ f'ċerti sitwazzjonijiet, iżda fil-biċċa l-kbira tal-każi ma japplikawx għall-PKŻ speċifiċi imsemmija hawn fuq. Il-proposta għal Regolament dwar Liġi Komuni Ewropea dwar il-Bejgħ[18] tipprojbixxi li jiddaħħlu ċerti kundizzjonijiet inġusti f’kuntratti bejn negozji u dan jista' jipprovdi ċarezza utli f’relazzjonijiet fit-tul sostenibbli. Madankollu, l-applikazzjoni ta’ din il-liġi, darba tiġi miftiehma mill-koleġiżlaturi, tkun tiddependi fuq ftehim bilaterali bejn il-partijiet ikkonċernati li jkun qed jagħmlu l-kummerċ bejniethom.

    Hemm ħafna diverġenza fil-mod kif jiġu indirizzati l-PKŻ fil-livell nazzjonali. Xi Stati Membri adottaw miżuri regolatorji iżda uħud minnhom għażlu metodi awtoregolatorji jew ma ħadux azzjoni speċifika kontra l-PKŻ fil-katini tal-provvista, u minflok strieħu fuq prinċipji ġenerali. L-Istati Membri li ppruvaw jindirizzaw il-PKŻ b'mod speċifiku fir-regolamentazzjoni tagħhom jew stabbilixxew regoli speċifiċi li jikkonċernaw ir-relazzjonijiet bejn in-negozji ("Business-to-business", B2B), jew ikkumplimentaw il-liġi tal-kompetizzjoni nazzjonali tagħhom jew estendew l-applikazzjoni tad-Direttiva dwar il-Prattiki Kummerċjali Żleali[19] għar-relazzjonijiet B2B. Xi Stati Membri li kienu inizjalment ħadu passi rigward il-PKŻ permezz ta' approċċi volontarji sussegwentement iddeċidew li jindirizzaw dawn il-prattiki permezz ta' leġiżlazjzoni.

    Din id-diversità fl-approċċi timplika li l-estensjoni u t-tip ta' protezzjoni mogħtija kontra l-PKŻ, kif ukoll il-mekkaniżmu potenzjali ta' infurzar li jkun hemm jiddependu fuq fejn tkun lokalizzata l-kumpanija li jkollha qawwa ta' negozjar u li tkun qed tuża PKŻ. Dan jista’ jkun problematiku f’sitwazzjoni fejn l-akkwist miftuħ għal diversi pajjiżi qiegħed jiżdied. Barra minn hekk, mit-tweġibiet mill-awtoritajiet pubbliċi għall-konsultazzjoni tal-Green Paper ġew żvelati każijiet ta' “forum shopping”, jiġifieri prattika fejn il-parti kuntrattwali l-aktar b'saħħitha b'mod unilaterali tiddetermina f’liema Stat Membru u għalhekk taħt liema qafas regolatorju, jiġi applikat il-kuntratt sabiex jiġu evitat il-qafas nazzjonali rispettiv li jkunu miżuri aktar stretti kontra l-PKŻ. Din il-kwistjoni tqajmet b'mod espliċitu minn ħames Stati Membri waqt il-konsultazzjoni pubblika u matul diskussjonijiet f'diversi fora tal-partijiet ikkonċernati organizzati mill-Kummissjoni.

    4.2. Infurzar

    Kwalunkwe parti esposta għal PKŻ tista' fil-prinċipju tfittex rimedju permezz ta’ kawża fil-qorti skont id-dispożizzjonijiet tal-liġi ċivili ġenerali kontra klażoli abbużivi f'kuntratt. Madankollu, xi partijiet ikkonċernati, speċjalment SMEs, enfasizzaw li l-litigazzjoni permezz tal-qrati ħafna drabi fil-prattika ma tkunx mod effettiv ta' kif jiġu indirizzati l-PKŻ. L-ewwel nett, il-litigazzjoni ġeneralment tkun għalja u tieħu l-ħin. It-tieni, u forsi aktar importanti minn hekk, il-parti l-aktar dgħajfa f’relazzjoni kummerċjali fil-katina tal-provvista alimentari (li fil-biċċa l-kbira tal-każijiet tkun SME) ta’ spiss tkun tibża’ li jekk tibda litigazzjoni dan jista’ jwassal biex il-parti l-aktar b’saħħitha ttemm ir-relazzjoni kummerċjali ("il-fattur ta' biża"). Dan jista' jaqta' qalb il-partijiet li jkunu suġġetti għall-PKŻ milli jieħdu azzjoni legali, li imbagħad jista' jillimita l-fattur ta' deterrent għall-parti kummerċjali li tkun qed tuża PKŻ.

    Fuq dan l-isfond, xi Stati Membri stabbilixxew mekkaniżmi oħra ta' rimedju biex jindirizzaw il-PKŻ fil-katini ta' provvista vertikali. Għadd ta' Stati Membri ħatru awtorità tal-infurzar li tkun indipendenti mill-atturi fis-suq ikkonċernati, u xi Stati Membri oħrajn bħalissa qed jiddiskutu riformi possibbli f'din id-direzzjoni.

    F'ċerti każi, l-awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni tfasslet għall-infurzar tar-regoli kontra l-imġiba abbużiva lejn impriżi ekonomikament dipendenti u/jew l-abbuż ta' pożizzjoni superjuri ta' negozjar. Madankollu, jeżistu wkoll eżempji ta’ Stati Membri li jkunu ħatru awtoritajiet oħra eżistenti (pereż. l-awtoritajiet responsabbli għal kwistjonijiet relatati mal-ikel jew il-ħarsien tal-konsumatur) jew li jkunu stabbilixxew awtoritajiet amministrattivi ġodda biex jinfurzaw ir-regoli kontra l-PKŻ. Ħafna minn dawn l-awtoritajiet ikollhom is-setgħa jagħmlu investigazzjonijiet u normalment jaċċettaw ilmenti kunfidenzjali.

    F'xi Stati Membri oħra ġie stabbilit mekkaniżmu volontarju ta' riżoluzzjoni tat-tilwimiet mill-partijiet ikkonċernati biex jippruvaw isolvu t-tilwimiet barra mill-qorti. F'każijiet oħra inżamm "approċċ imħallat", li jikkonsisti minn skemi voluntarji ikkumplimentati bl-infurzar pubbliku.

    Dawk li jfornu lill-bdiewa u lill-SMEs jisħqu li l-eżistenza ta’ awtorità amministrattiva bis-setgħa li tniedi investigazzjonijiet u li taċċetta ilmenti kunfidenzjali dwar allegati PKŻ tkun kruċjali biex tiġi indirizzata l-kwistjoni tal-fattur ta' biża’ deskritt hawn fuq. Il-biċċa l-kbira ta’ dawn il-partijiet ikkonċernati jappellaw għat-twaqqif ta’ korp ta’ infurzar indipendenti fil-livell nazzjonali, għaliex l-infurzar effettiv ikun fattur ewlieni sabiex titnaqqas l-okkorrenza ta’ PKŻ.

    Xi partijiet ikkonċernati oħra kien jidhrilhom li għandhom jiġu eżaminati l-ewwel l-oqfsa volontarji u s-soluzzjonijiet ta’ awtoregolazzjoni. F’każ li jirriżulta li dawn il-mudelli ma jindirizzawx b'mod effettiv il-PKŻ, wieħed jista' jikkonċepixxi li jkun hemm awtorità indipendenti.

    4.3. L-Iniżjattiva dwar il-katina ta' provvista

    L-Inizjattiva dwar il-Katina ta' Provvista ġiet żviluppata fil-kuntest tal-Forum ta' Livell Għoli tal-Kummissjoni għal Katina ta' Provvista Alimentari li taħdem aħjar, li huwa magħmul minn awtoritajiet nazzjonali u rappreżentanti ta' partijiet ikkonċernati ewlenin fil-livell tal-UE min-naħat tal-provvista u tal-bejgħ bl-imnut tas-settur alimentari. F’Novembru 2011, ir-rappreżentanti tas-suq kollha involuti fil-grupp ta’ ħidma tal-Forum dwar il-PKŻ b’mod konġunt qablu dwar ġabra ta’ prinċipji ta’ prattika tajba f’relazzjonijiet vertikali fil-katina tal-provvista alimentari[20]. Dawn il-prinċipji jinkludu: previdibilità ta' tibdiliet fil-kundizzjonijiet tal-kuntratti; responsabbiltà għar-riskju imprenditorjali proprju; kif ukoll li t-talbiet u l-imposti jkunu ġustifikabbli.

    Fit-tieni pass, f'Settembru 2013 tnieda qafas volontarju għall-implimentazzjoni tal-prinċipji ta’ prattika tajba (l-Inizjattiva dwar il-katina tal-provvista)[21]. Il-kumpaniji individwali jistgħu jissieħbu fl-Inizjattiva dwar il-katina tal-provvista ladarba jkunu vvalutaw l-konformità tagħhom mal-prinċipji ta’ prattika tajba. It-tilwim individwali jista', skont il-qafas u suġġett għal ċerti kundizzjonijiet, jiġi indirizzat permezz ta’ mekkaniżmi ta’ riżoluzzjoni ta’ tilwim, medjazzjoni u arbitraġġ. Sabiex jiġu evitati l-PKŻ, il-qafas ta’ implimentazzjoni jiffoka fuq rekwiżiti organizzazzjonali fil-livell ta' kumpanija, inkluż it-taħriġ tal-persunal u l-kapaċità ta' parteċipazzjoni fil-mekkaniżmi ta’ riżoluzzjoni ta’ tilwim ddefiniti fil-qafas. Il-ksur ta’ dawn ir-rekwiżiti organizzattivi jista' jwassal biex il-kumpanija kkonċernata tiġi eskluża minn din l-inizjattiva. Il-qafas jobbliga lill-membri tiegħu jipprovdu assigurazzjoni li l-partijiet l-aktar dgħajfa li jużaw il-mekkaniżmi għas-soluzzjoni tat-tilwim ma jkunux suġġetti għal ritaljazzjoni kummerċjali.

    L-inizjattiva hija ġestita minn grupp ta’ governanza li huwa magħmul minn assoċjazzjonijiet differenti ta’ partijiet ikkonċernati li jirrappreżentaw l-operaturi fil-katina tal-provvista alimentari. S’issa, disa’ xhur wara t-tnedija, irreġistraw 98 grupp ta’ bejgħ bl-imnut, bl-ingrossa u ta' manifattura u kumpaniji irreġistraw , li jirrappreżentaw 736 kumpanija operattiva madwar l-Istati Membri kollha tal-UE. L-għadd ta’ SMEs li qed jirreġistraw qed jiżdied. Madankollu, mhux l-assoċjazzjonijiet rilevanti kollha tal-partijiet ikkonċernati ffirmaw il-qafas. B’mod partikolari, ir-rappreżentanti tal-produtturi primarji (jiġifieri l-bdiewa) u tal-industrija tal-ipproċessar tal-laħam żammew lura milli jipparteċipaw fil-grupp ta' governanza tal-iskema fil-livell tal-UE. Għalkemm dawn jaqblu mal-prinċipji, dawn il-partijiet ikkonċernati huma mħassba dwar in-nuqqas ta’ infurzar indipendenti u effettiv fi ħdan l-Inizjattiva dwar il-katina ta' provvista. Xi wħud minnhom madankollu jipparteċipaw fil-livell nazzjonali.

    Il-partijiet ikkonċernati ma jqisux li l-Inizjattiva dwar il-katina ta' provvista tindirizza b’mod suffiċjenti il-fattur ta' biża’ għal partijiet kummerċjali ekonomikament dipendenti, li ssemma qabel,  b'mod speċjali peress li kumpanija li tkun esposta għal PKŻ ma jkollha l-ebda possibbiltà biex tressaq ilmenti kunfidenzjali. L-inzjattiva volontarja tipprovdi li jkun hemm kunfidenzjalità biss fil-każ ta’ tilwimiet aggregati permezz tal-possibbiltà li l-assoċjazzjonijiet tal-partijiet ikkonċernati jitolbu interpretazzjoni tal-prinċipji mingħand il-grupp ta’ governanza u l-aċċess għall-mekkaniżmi tar-riżoluzzjoni tat-tilwim jirrekjedi l-ftehim taż-żewġ partijiet kontraenti. L-inizjattiva lanqas ma tipprovdi għal investigazzjonijiet jew sanzjonijiet jekk kumpanija tikser il-prinċipji tal-prattiki tajba.

    Għandu jkun rikonoxxut li hemm limiti sa fejn tista' tasal inizjattiva awtoregolatorja fil-provvista ta' mekkaniżmu għar-riżoluzzjoni ta’ tilwim. Għaldaqstant, jekk l-Inizjattiva tal-katina ta' provvista tiġi ssupplimentata b’miżuri ta’ infurzar indipendenti, f’dawk l-Istati Membri fejn tali miżuri bħalissa ma jeżistux, dan jista' jżid l-effikaċja tal-inizjattiva u jkun jidher li jelimina r-raġuni prinċipali għaliex ċerti gruppi ta’ partijiet ikkonċernati ma jkunux ingħaqdu mal-qafas tal-Inizjattiva dwar il-katina ta' provvista.

    F’dan il-kuntest għandu jiġi nnutat li r-rapport fuq inizjattiva proprja tal-Parlament Ewropew dwar kwistjonijiet relatati mal-bejgħ bl-imnut adottat f’Diċembru 2013 appoġġja l-prinċipji u l-qafas tal-Inizjattiva dwar il-katina ta' provvista iżda fl-istess ħin stieden lill-Kummissjoni biex teżamina l-ħtieġa u l-fattibbiltà ta’ infurzar indipendenti biex jiġi indirizzat il-fattur ta' biża li ssemma qabel li jkollhom il-parteċipanti ż-żgħar fil-katina ta' provvista[22].

    5. Strateġija effettiva kontra l-PKŻ 5.1. Użu komprensiv mis-suq tal-inizjattiva dwar il-katina ta' provvista

    Il-kodiċi volontarji tal-imġiba huma pedament importanti fil-ħolqien ta’ ambjent fejn l-impriżi jittrattaw ma’ xulxin b’mod ġust u sostenibbli. Dawn jistgħu b’mod effiċjenti jkunu ta' għajnuna biex jiġu stabbiliti l-mentalitajiet, l-approċċi ta' negozjar u l-mekkaniżmi ta' riżoluzzjoni t-tajba fl-organizzazzjoni, biex b’hekk jitnaqqsu jew idealment jiġu eliminati l-prattiki kummerċjali żleali. Barra minn hekk, il-kodiċi volontarji jistgħu jipprovdu proċeduri ta’ riżoluzzjoni ta’ tilwim bejn żewġ partijiet f’relazzjoni vertikali, li ħafna drabi jista’ jgħin biex jiġu evitati proċeduri legali twal u kkumplikati. L-Inizzjattiva dwar il-katina ta' provvista għalhekk tikkostitwixxi pass importanti ħafna biex jiġu indirizzati l-PKŻ. L-istabbiliment ta' pjattaformi nazzjonali skont l-Inizjattiva dwar il-katina ta' provvista tista’ tkompli ssaħħaħ l-effetti pożittivi tagħha.

    Is-suġġeriment għat-triq 'il quddiem:

    (1)          Il-Kummissjoni tinkoraġġixxi l-impriżi u l-organizzazzjonijiet rilevanti kollha fil-katina tal-provvista alimentari  biex jiffirmaw inizjattiva volontarja  li tindirizza l-PKŻ, b’mod partikolari l-Inizjattiva dwar il-katina ta' provvista, sabiex juru l-impenn tagħhom, jibnu l-fiduċja fil-katina tal-provvista alimentari u jiksbu l-massa kritika u l-kopertura wiesgħa li jkunu jinħtieġu skemi bħal dawn biex ikunu effettivi.

    (2)          Il-Kummissjoni tħeġġeġ lill-impriżi fil-katina tal-provvista tal-ikel biex jippromwovu b’mod attiv l-Inizjattiva dwar il-katina ta' provvista fost l-imsieħba kummerċjali tagħhom u biex jinfurmawhom bid-drittijiet u l-obbligi tagħhom. Huma għandhom awtomatikament jinfurmaw lil kull wieħed mis-sħab kummerċjali hekk kif ikunu ngħaqdu mal-Inizjattiva dwar il-katina ta' provvista u għandhom jinkoraġġixxu lis-sħab kummerċjali tagħhom jagħmlu l-istess.

    (3)          Il-grupp ta’ governanza tal-Inizjattiva dwar il-katina ta' provvista għandu jkompli bl-isforzi tiegħu u jsaħħaħhom biex jibni kuxjenza akbar fost l-SMEs u jsib modi effiċjenti għalihom biex jissieħbu fl-inizjattiva. L-SMEs huma l-benefiċjarji ewlenin ta’ skemi bħal dawn, għalhekk huwa kruċjali li l-parteċipazzjoni tagħhom tkun massimizzata.

    (4)          Il-grupp ta’ governanza tal-Inizjattiva tal-katina ta' provvista għandu jkompli bl-isforzi tiegħu biex jimbotta u jiffaċilita l-ħolqien ta’ pjattaformi nazzjonali f’kull Stat Membru tal-UE.

    (5)          Il-Kummissjoni ser tkompli tiffaċilita l-iskambju ta’ informazzjoni u d-diskussjoni bejn gruppi ewlenin ta’ partijiet ikkonċernati u taħdem mill-qrib mal-grupp ta' governanza tal-inizjattiva biex timmassimizza l-firxa tagħha, b'mod partikolari lejn l-SMEs, u se tkompli timmonitorja mill-qrib l-iżvilupp tal-inizjattiva u tħeġġeġ biex l-Inizjattiva dwar il-katina ta' provvista taħdem fuq it-tisħiħ tas-sistemi tal-mekkaniżmu tad-disputi u tas-sanzjonar.           

    5.2. Prinċipji ta’ prattika tajba

    Dawk l-Istati Membri li diġà kienu indirizzaw il-PKŻ fil-livell nazzjonali għażlu approċċi differenti biex jagħmlu dan, inkluż definizzjonijiet differenti ta’ prattiki inġusti. Definizzjonijiet nazzjonali bħal dawn ivarjaw minn deskrizzjonijiet wiesgħa ħafna għal listi dettaljati ta’ prattiki projbiti. Min-naħa l-oħra, xi Stati Membri ma ħadu l-ebda azzjoni speċifika kontra l-PKŻ. Sabiex il-PKŻ jiġu indirizzati b’mod effettiv madwar l-UE kollha, u partikolarment bejn il-fruntieri, ikun ta' ġid li tiġi instawrata mentalità komuni għar-regoli ta' infurzar tal-PKŻ.

    L-Inizjattiva tal-katina ta' provvista ma tinkludix definizzjoni preċiża tal-PKŻ, iżda tipprovdi lista ta’ prinċipji ta’ prattika tajba u eżempji ta’ prattiki ġusti u oħrajn żleali. Dawn il-prinċipji ġew maqbula b’mod konġunt bejn l-assoċjazzjonijiet tal-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha tal-UE fil-katina ta' provvista alimentari vertikali fil-qafas tal-Forum ta’ Livell Għoli.

    Għalhekk, huma jirrappreżentaw bażi utli biex jiġu identifikati l-prassi żleali li jistgħu jiġu indirizzati f'inizjattivi potenzjali dwar il-PKŻ. L-identifikazzjoni tal-PKŻ imbagħad tippermetti li jiġu mfassla prinċipji biex jiġu indirizzati. Ta' min ifakkar li fl-applikazzjoni ta' ċerti prinċipji l-atturi ekonomiċi għandhom jaraw li huma jkunu konformi mar-regoli applikabbli kollha, inkluża l-liġi nazzjonali u/jew Ewropea dwar il-kompetizzjoni, skont kif ikun relevanti.

    Il-prinċipji ddefiniti fil-Forum ta' Livell Għoli u approvat permezz tal-Inizjattiva dwar il-katina ta' provvista huma kif ġej:

    (a) Ftehimiet bil-miktub: Il-ftehimiet għandhom ikunu bil-miktub, sakemm dan ma jkunx prattikabbli jew fejn il-ftehimiet bil-fomm ikunu aċċettabbli jew konvenjenti għat-tnejn. Għandhom ikunu ċari u trasparenti, u jkopru kemm jista’ jkun elementi rilevanti, inklużi drittijiet u proċeduri ta’ terminazzjoni.

    (b) Prevedibbiltà: M’għandux isir tibdil unilaterali fil-kundizzjonijiet tal-kuntratt, sakemm  ma jkunx hemm qbil minn qabel dwar din il-possibbiltà u ċ-ċirkostanzi u l-kundizzjonijiet tagħha. Il-ftehimiet għandhom jagħtu profil tal-proċess biex kull parti tiddiskuti mal-parti l-oħra kull bidla meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-ftehim jew minħabba ċirkostanzi imprevisti, kif stipulat fil-ftehim.

    (c) Konformità: Għandu jkun hemm konformità mal-ftehimiet.

    (d) Informazzjoni: Fejn ikun hemm skambju ta’ tagħrif, dan għandu jsir b’konformità stretta mal-liġi dwar il-kompetizzjoni u liġijiet oħra applikabbli, u l-partijiet għandhom joqogħdu raġonevolment attenti biex jiżguraw li l-informazzjoni mogħtija tkun korretta u ma tqarraqx.

    (e) Kunfidenzjalità: Il-kunfidenzjalità tal-informazzjoni għandha titħares sakemm l-informazzjoni ma tkunx diġà pubblika jew tkun inkisbet b’mod indipendenti mill-parti li tirċeviha legalment u b’intenzjonijiet tajba. L-informazzjoni kunfidenzjali għandha tintuża mill-parti li tirċeviha għall-fini biss li għalih tkun ġiet ikkomunikata.

    (f) Responsabilità għar-riskju: Il-partijiet kontraenti kollha fil-katina ta’ provvista għandhom iġorru r-riskji intraprenditorjali xierqa tagħhom.

    (g) Talba ġustifikabbli: Parti kontraenti m’għandhiex tuża theddid biex tikseb vantaġġ mhux ġustifikat jew biex tittrasferixxi spiża mhux ġustifikata.

    Is-suġġeriment għat-triq 'il quddiem:

    (6)          Il-Kummissjoni tħeġġeġ lill-Istati Membri biex jeżaminaw kemm il-qafas regolatorju nazzjonali preżenti tagħhom ikunx ta' livell xieraq biex jindirizza l-PKŻ, f'kunsiderazzjoni tal-aħjar prattika fi Stati Membri oħra. L-Istati Membri għandhom jikkunsidraw ukoll effetti oħra li jista' jkun hemm mill-PKŻ, fosthom iż-żieda fl-ikel għall-ħela. Għal dan l-għan, l-Istati Membri huma mistiedna jivvalutaw jekk l-oqfsa tagħhom jistgħux jiddependu fuq lista ta’ prattiki jew fuq dispożizzjoni ġenerali li tippermetti li jiġi indirizzat ksur possibbli tal-prinċipji msemmija.

    (7)          Barra minn hekk, l-Istati Membri għandhom jinkoraġġixxu l-impriżi fit-territorju tagħhom biex jingħaqdu ma' kodiċi volontarji ta’ kondotta, kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll fil-livell tal-UE.

    (8)          Il-Kummissjoni se tkompli tappoġġja l-iskambju tal-aħjar prattiki bejn l-Istati Membri, pereżempju billi torganizza workshops ma’ esperti minn amministrazzjonijiet nazzjonali.

    5.3. Garanzija ta' infurzar effettiv fil-livell nazzjonali

    Sabiex ikun hemm żgur fattur kredibbli ta' deterrent kontra l-użu tal-PKŻ, huwa meħtieġ infurzar xieraq.

    Jekk il-parti l-aktar dgħajfa f’relazzjoni kummerċjali tkun ekonomikament dipendenti fuq il-parti li magħha jkollha relazzjoni kummerċjali, u li tkun aktar b'saħħitha, tista' toqgħod lura milli titlob rimedju għal PKŻ permezz ta’ litigazzjoni fil-qorti jew mekkaniżmi ta’ riżoluzzjoni volontarja. Jistgħu jinqalgħu sitwazzjonijiet ta' dipendenza ekonomika. Pereżempju, studju li sar mill-Kummissjoni Spanjola tal-Kompetizzjoni[23] juri li fl-2010 bħala mejda kważi 40% tad-dħul tal-fornituri fil-katina ta' provvista tal-prodotti tal-ikel kien ġenerat minn tliet bejjiegħa bl-imnut biss. F'każi estremi, is-sitwazzjoni ta' dipendenza ekonomika tfisser li l-vijabilità ekonomika ta' parti li tixtri jew li tbiegħ tiddependi fuq ir-relazzjonijiet kummerċjali individwali. Fil-każ fejn il-PKŻ ma jkunu denunzjati minħabba l-"fattur ta' biża'" li tintilef ir-relazzjoni kuntrattwali, l-oqfsa fil-konfront tal-PKŻ jistgħu jissaħħu b'mod sinifikanti jekk il-parti l-iktar dgħajfa jkollha l-possibilità li tkun tista' tirrikorri għand awtorità indipendenti jew korp b’setgħat ta’ infurzar u bil-possibbiltà li tiġi protetta l-kunfidenzjalità ta' min iressaq l-ilment.

    Is-suġġeriment għat-triq 'l quddiem:

    (9)          Il-Kummissjoni tistieden lill-Istati Membri jevalwaw l-effettività u l-kredibilità tal-mekkaniżmi disponibbli tagħhom għat-tisħiħ tar-regoli kontra l-PKŻ. L-Istati Membri huma mistiedna jikkunsidraw jekk jistax ikun xieraq li jittieħdu miżuri proċedurali jew organizzattivi ulterjuri, li jkunu bbażati fuq l-aħjar prattiki fi Stati Membri oħra. Għandha tingħata attenzjoni partikolari lill-kapaċità li tiġi miżmuma l-kunfidenzjalità ta’ kumpaniji individwali li jissottomettu l-ilmenti u l-possibbiltà li jitwettqu investigazzjonijiet.

    (10)        Il-mekkaniżmi ta’ infurzar nazzjonali, li jistgħu jkunu jinkludu korpi dedikati, għandhom ikunu fil-pożizzjoni li jikkoperaw b'mod effettiv fil-livell tal-UE sabiex jindirizzaw il-PKŻ bejn il-fruntieri u biex jiġi evitat arbitraġġ regolatorju possibbli.

    (11)        Il-Kummissjoni se tkompli tappoġġja l-koordinazzjoni bejn l-Istati Membri billi tiffaċilita l-iskambju ta’ informazzjoni bejn il-mekkaniżmi nazzjonali ta’ infurzar.

    (12)        Fl-iżvilupp u l-applikazzjoni ta’ miżuri ta’ infurzar, l-Istati Membri għandhom jaġixxu b’mod proporzjonali, filwaqt li jitqiesu kwalunkwe impatt li jista' jkun hemm għall-partijiet ikkonċernati u l-ġid tal-konsumatur. B’mod partikolari, huma għandhom japplikaw l-istess kriterji u prattiċi ta’ infurzar kemm fil-każ ta' operaturi domestiċi fis-suq kif ukoll ta' dawk barranin.

    5.4. Il-benefiċċji u l-kostijiet potenzjali tat-tnaqqis tal-PKŻ

    Il-benefiċċji potenzjali tal-eliminazzjoni jew għall-inqas tat-tnaqqas tal-PKŻ jistgħu jkunu sostanzjali. Meta wieħed jipprova jidentifika tali benefiċċji u kosti, jidher li jistgħu jiġu kkawżata ieffetti f'livelli differenti. F'relazzjonijiet bilaterali individwali, il-benefiċċji li jista' jkun hemm meta jiġu indirizzati l-PKŻ huma pjuttost ovvji.

    Il-PKŻ spiss ikollhom impatt finanzjarju negattiv dirett fuq il-kumpaniji li fuqhom jintużaw. Barra minn hekk, l-imġiba imprevedibbli mill-partijiet kummerċjali li jabbużaw mill-pożizzjoni ta’ negozjar superjuri tagħhom tista’ twassal għal telf ta’ effiċjenza ekonomika, pereżempju inqas investimenti jew produzzjoni żejda jew nieqsa minħabba l-imprevedibbiltà u l-kostijiet miżjuda tat-tranżazzjonijiet marbuta mar-riskju ta’ bidliet unilaterali u mhux mistennija tal-kundizzjonijiet kummerċjali. Għaldaqstant jista' jkun hemm kisbiet sinifikanti meta r-relazzjonijiet kummerċjali jsiru aktar sostenibbli fil-katina ta' provvista alimentari. Dan jista' possibilment jiġi estiż lil hinn mill-benefiċċji diretti u s-serħan finanzjarju għal kumpaniji li qabel kienu s-suġġett ta' PKŻ, jiġifieri fil-biċċa l-kbira tal-każi SMEs. Il-mekkaniżmi ssuġġeriti f’din il-Komunikazzjoni jistgħu wkoll itaffu l-impatti tal-PKŻ fuq partijiet aktar dgħajfa f’pajjiżi terzi, inkluż f’pajjiżi li qed jiżviluppaw.

    Għas-suq kollu kemm hu, l-evalwazzjoni tal-effetti tal-PKŻ u l-impatti ġenerali pożittivi tat-tnaqqis jew l-eliminazzjoni possibbli tagħhom hija aktar kumplessa. Fir-rigward tal-impatt potenzjali fuq il-konsumaturi, ma hemm ebda evidenza li tindika li jista' jkun hemm impatt negattiv fuq il-prezzijiet tal-konsumatur[24] f’dawk l-Istati Membri fejn il-PKŻ ikunu regolati u fejn il-korpi pubbliċi jieħdu azzjoni kontra l-abbużi li jsir minn negozju fuq ieħor. F'dawk il-każijiet fejn il-PKŻ jista’ jkollhom effetti negattivi fuq l-għażla, id-disponibilità u l-kwalità tal-prodott, it-tnaqqis jew l-eliminazzjoni ta’ dawn il-prattiki tista’ titiqies li tkun ta’ benefiċċju għall-konsumaturi.

    F'dak li għandu x'jaqsm mal-impatt tal-kosti, ma jkun hemm l-ebda kostijiet addizzjonali għan-negozji li diġà jaderixxu mal-Inizjattiva dwar il-katina ta' provvista, jew li jkunu qed jippjanaw li jaderixxu magħha, jew inkella ma' oqsfa nazzjonali simili. L-approċċ issuġġerit ma jimplika l-ebda kostijiet għall-Istati Membri fejn il-qafas regolatorju attwali jkunu jissodisfa l-kriterji deskritti hawn fuq. F’dawk l-Istati Membri li jagħżlu li jaġġustaw il-qafas tagħhom f’konformità ma’ dan ta’ hawn fuq, il-kostijiet tal-infurzar ikunu jiddependi fuq jekk ikunx qed jintuża mekkaniżmu eżistenti għal dawn l-iskopijiet jew jekk jiġux stabbiliti arranġamenti organizzattivi jew proċedurali ġodda.

    6. Konklużjonijiet

    Il-prattiki bejn il-parteċipanti fis-suq fil-katina tal-provvista alimentari huma fil-biċċa l-kbira tal-każi ġusti u sostenibbli għaż-żewġ partijiet. Madankollu, il-partijiet ikkonċernati matul il-katina ta' provvista jaqblu li l-PKŻ jeżistu tassew u huma l-SMEs b'mod speċjali li jressqu l-argument li dawn iseħħu relattivament ta' spiss u li dawn għandhom effetti negattivi fuq il-vijabilità finanzjarja tagħhom u fuq il-kapaċità tagħhom li jagħmlu n-negozju. Il-konsultazzjoni bbażata fuq il-Green Paper, l-istudji paralleli u xi wħud mill-inizjattivi nazzjonali l-iktar riċenti jindikaw li "approċċ imħallat", jiġifieri skemi volontarji kkumplementati b’infurzar kredibbli u effettiv ibbażat fuq prinċipji paragunabbli, jista’ jkun xieraq biex jindirizza l-PKŻ. Fil-preżenza ta’ fattur kredibbli ta' deterrent, inizjattivi volontarji bħal ma hija l-Inizjattiva tal-katina ta' provvista tista' tkun il-mod primarju għar-riżoluzzjoni tal-kunflitti bejn il-partijiet kummerċjali filwaqt li l-infurzar pubbliku jew il-litigazzjoni fil-qorti jintużaw biss jekk l-alternattiva aktar effiċjenti u rapida ta’ soluzzjoni bilaterali ma tkunx vijabbli. B'hekk, it-triq 'l quddiem proposta f’din il-Komunikazzjoni mhux biss tikkumplimenta iżda wkoll issaħħaħ l-Inizjattiva tal-katina ta' provvista billi ssir iktar attraenti għal dawk il-gruppi ta' partijiet ikkonċernati li sa issa baqgħu lura milli jingħaqdu, minħabba t-tħassib tagħhom dwar nuqqas ta’ infurzar effettiv.

    Sabiex jiġu indirizzati l-kwistjonijiet rigward il-PKŻ, din il-Komunikjazzjoni tipproponi ġabra flimkien ta' oqsfa voluntarji u regolatorji, li jidentifikaw il-PKŻ u l-prinċipji biex jiġu indirizzati, fil-kunsiderazzjoni taċ-ċirkostanzi u l-approċċi nazzjonali differenti. Filwaqt li xi Stati Membri adottaw leġiżlazzjoni speċifika, oħrajn jistrieħu fuq prinċipji ġenerali tad-dritt u/jew fuq inizjattivi awtoregolatorji. Fil-kunsiderazzjoni dwar jekk humiex meħtieġa aktar miżuri, f’konformità ma’ din il-Komunikazzjoni u f'kunsiderazzjoni tal-aħjar prattika, l-Istati Membri għandhom jaġixxu b’mod proporzjonali u jqisu kwalunkwe impatt fuq il-partijiet ikkonċernati u l-ġid tal-konsumatur. Fil-livell tal-Kummissjoni, l-azzjonijiet proposti ma għandhom l-ebda impatt baġitarju lil hinn minn dak li huwa diġà previst għas-snin li ġejjin fl-ipprogrammar uffiċjali.

    Il-Kummissjoni se timmonitorja u tevalwa l-progress magħmul billi tevalwa (i) l-impatt reali tal-Inizjattiva tal-katina ta' provvista u l-pjattaformi nazzjonali tagħha[25] u (ii) il-mekkaniżmi ta’ infurzar stabbiliti mill-Istati Membri biex tizdied il-fiduċja u l-kunfidenza tal-partijiet kollha fil-funzjonament xieraq ta’ katina sostenibbli ta' provvista alimentari.

    Il-Kummissjoni se tippreżenta rapport lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew fi tmiem l-2015. Fid-dawl ta’ dan ir-rapport, il-Kummissjoni se tiddeċiedi jekk għandhiex tittieħed azzjoni ulterjuri fil-livell tal-UE biex jiġu indirizzati l-kwistjonijiet deskritti.

    [1]               L-infiq fuq l-ikel jammonta għal madwar 14 % tal-baġit medju tal-unitajiet domestiċi (dejta HBS tal-Eurostat)

    [2]               Rapport tal-Forum ta’ Livell Għoli għal funzjonament aħjar tal-katina tal-provvista alimentari, Diċembru 2012

    [3]               Ara l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni COM(2009)591 finali: A better functioning food supply chain in Europe http://ec.europa.eu/economy_finance/publications/publication16061_en.pdf

    [4]               Stħarriġ dwar prattiki kummerċjali żleali fl-Ewropa, Marzu 2011, organizzat minn Dedicated f'isem CIAA (l-assoċjazzjoni Ewropea tal-industrija tal-ikel u x-xorb) u AIM (l-assoċjazzjoni Ewropea tal-marki)

    [5]               Rapport dwar ir-relazzjonijiet bejn il-manifatturi u l-bejjiegħa bl-imnut fis-settur tal-ikel, Comisión Nacional de la Competencia, Ottubru 2011

    [6]               Indagine conoscitiva sul settore della GDO – IC43, Awwissu 2013

    [7]               Ara wkoll il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni COM(2011)78 finali: Ir-reviżjoni tal-Att dwar in-Negozji ż-Żgħar fl-Ewropa, fejn jingħad li “... l-SMEs ħafna drabi jaffaċċjaw kundizzjonijiet kuntrattwali u prattiki żleali imposti minn diversi atturi fil-katina tal-forniment.”

    [8]               Il-miżuri ta' appoġġ għall-ħolqien u l-iżvilupp tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi jeżistu taħt il-programm il-ġdid tal-iżvilupp rurali, li jista' jkun ta' għajnuna għall-produtturi fil-konfront ta' xerrejja akbar.

    [9]               L-Organizzazzjoni Komuni għas-Swieq il-ġdida, għas-sajd u għall-prodotti tal-akkwakultura (ir-Regolament (UE) Nru 1179/2013) tipprovdi sostenn lill-organizzazzjoni tal-produtturi biex jitjieb it-tqegħid fis-suq tal-prodotti tagħhom u tal-pożizzjoni fis-suq tagħhom permezz tal-produzzjoni u l-pjani ta' kummerċjalizzazzjoni.

    [10]             Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-30 ta’ Lulju 2010 li tistabbilixxi l-Forum ta' livell għoli dwar it-titjib tal-funzjonament tal-katina ta' provvista tal-ikel (2010/C 210/03).

    [11]             Il-Belġju, il-Ġermanja, il-Pajjiżi l-Baxxi u l-Finlandja

    [12]             Ir-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar żbilanċi fil-katina tal-provvista alimentari tad-19.01.2012

    [13]             Green Paper dwar prattiki kummerċjali inġusti fil-katina tal-provvista alimentari u mhux alimentari minn negozju għal negozju fl-Ewropa COM(2013) 37, il-31 ta' Jannar 2013

    [14]             L-impatt tal-PKŻ fis-settur Ewropea agrikolu u tal-ikel, April 2013, organizzat minn Dedicated f'isem COPA COGECA (l-assoċjazzjoni Ewropea tal-bdiewa u l-kooperattivi agrikoli)

    [15]             Id-Direttiva 2006/114/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Diċembru 2006 dwar reklamar qarrieqi u komparattiv

    [16]             Id-Direttiva 93/13/KEE tal-5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur

    [17]             Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-protezzjoni ta' informazzjoni ta' kompetenza u tan-negozju (sigrieti kummerċjali) kontra l-ksib, l-użu u l-iżvelar illegali tagħhom tat-28 ta' Novembru 2013, COM(2013) 813 finali

    [18]             Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar Liġi Komuni Ewropea dwar il-Bejgħ tal-11 ta' Ottubru 2011 COM(2011)635 finali

    [19]             Id-Direttiva 2005/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Mejju 2005 dwar prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur fis-suq intern.

    [20]             http://www.supplychaininitiative.eu

    [21]             Id.

    [22]             Ir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta' Diċembru 2013 dwar il-Pjan ta’ Azzjoni Ewropew dwar il-Bejgħ bl-Imnut għall-benefiċċju tal-parteċipanti kollha

    [23]             Rapport dwar ir-relazzjonijiet bejn il-manifatturi u l-bejjiegħa bl-imnut fis-settur tal-ikel, Comisión Nacional de la Competencia, Ottubru 2011

    [24]             Għar-rigward tal-iżviluppi ġenerali tal-prezzijiet, l-Istrument Ewropew għall-monitoraġġ tal-prezzijiet tal-ikel huwa strument utli: http://ec.europa.eu/enterprise/sectors/food/competitiveness/prices_monitoring_en.htm

    [25]             F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni se tikkunsidra li ttawwal il-mandat tal-Forum ta’ Livell Għoli għal funzjonament aħjar tal-katina ta' provvista alimentari sabiex issegwi l-implimentazzjoni tal-azzjonijiet stabbiliti f’din il-Komunikazzjoni permezz ta’ djalogu trasparenti mal-partijiet ikkonċernati privati u mal-awtoritajiet nazzjonali.

    Top