Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52014DC0411

    Rakkomandazzjoni għal RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL dwar il-programm ta' riforma nazzjonali ta' Franza għall-2014 u li twassal opinjoni tal-Kunsill dwar il-programm ta' stabbiltà ta' Franza għall-2014

    /* COM/2014/0411 final */

    52014DC0411

    Rakkomandazzjoni għal RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL dwar il-programm ta' riforma nazzjonali ta' Franza għall-2014 u li twassal opinjoni tal-Kunsill dwar il-programm ta' stabbiltà ta' Franza għall-2014 /* COM/2014/0411 final - 2014/ () */


     

     

    Rakkomandazzjoni għal

    RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

    dwar il-programm ta' riforma nazzjonali ta' Franza għall-2014 u li twassal opinjoni tal-Kunsill dwar il-programm ta' stabbiltà ta' Franza għall-2014

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 121(2) u 148(4) tiegħu,

    Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 tas-7 ta’ Lulju 1997 dwar it-tisħiħ ta’ pożizzjonijiet ta' baġit u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni ta’ politika ekonomika[1], u b’mod partikolari l-Artikolu 5(2) tiegħu,

    Wara li kkunsidra r-Regolament (EU) Nru 1176/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Novembru 2011 dwar il-prevenzjoni u l-korrezzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi[2], u b’mod partikolari l-Artikolu 6(1) tiegħu,

    Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea[3],

    Wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew[4],

    Wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew,

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Impjiegi,

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju,

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali,

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Politika Ekonomika,

    Billi:

    (1) Fis-26 ta’ Marzu 2010, il-Kunsill Ewropew qabel mal-proposta tal-Kummissjoni biex tiġi mnedija strateġija ġdida għat-tkabbir u l-impjiegi, Ewropa 2020, ibbażata fuq koordinazzjoni msaħħa tal-politiki tal-ekonomija, li tiffoka fuq il-punti ewlenin fejn hija meħtieġa azzjoni biex jissaħħaħ il-potenzjal tal-Ewropa għal tkabbir sostenibbli u kompetittività.

    (2) Fit-13 ta' Lulju 2010, il-Kunsill, abbażi tal-proposti tal-Kummissjoni, adotta rakkomandazzjoni dwar il-linji gwida ġenerali għall-politiki ekonomiċi għall-Istati Membri u l-Unjoni (mill-2010 sal-2014) u, fil-21 ta' Ottubru 2010, adotta deċiżjoni dwar il-linji gwida għall-politiki tal-impjiegi tal-Istati Membri, li flimkien jiffurmaw il-"linji gwida integrati". L-Istati Membri kienu mistiedna sabiex jikkunsidraw il-linji gwida integrati fil-politiki ekonomiċi u tal-impjiegi tagħhom.

    (3) Fid-29 ta' Ġunju 2012, il-Kapijiet ta' Stat jew ta' Gvern iddeċidew dwar Patt għal Tkabbir u Impjiegi, li jipprovdi qafas koerenti għal azzjoni f'livell nazzjonali, dak tal-UE kif ukoll taż-Żona tal-Euro permezz tal-użu tal-għodod, l-istrumenti u l-politiki kollha possibbli. Huma ddeċidew dwar azzjoni li għandha tittieħed fil-livell tal-Istati Membri, fejn b'mod partikolari esprimew impenn sħiħ biex jintlaħqu l-għanijiet tal-Istrateġija Ewropa 2020 u biex jiġu implimentati r-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż.

    (4) Fid-9 ta' Lulju 2013, il-Kunsill adotta rakkomandazzjoni dwar il-programm nazzjonali ta' riforma ta' Franza għall-2013 u wassal l-opinjoni tiegħu dwar il-programm ta' stabbiltà aġġornat ta' Franza għall-2012-2017. Fil-15 ta' Novembru 2013, b'konformità mar-Regolament (UE) Nru 473/2013[5], il-Kummissjoni ppreżentat l-opinjoni tagħha dwar l-abbozz ta' pjan baġitarju ta' Franza għall-2014[6].

    (5) Fit-13 ta' Novembru 2013, il-Kummissjoni adottat l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir[7], li jagħti bidu għas-Semestru Ewropew 2014 tal-koordinazzjoni tal-politika ekonomika. Fl-istess ġurnata abbażi tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011, il-Kummissjoni adottat ir-Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta' Twissija[8], li fih Franza ġiet identifikata bħala wieħed mill-Istati Membri li dwaru għandu jitwettaq eżami mill-ġdid fil-fond.

    (6) Fl-20 ta' Diċembru 2013, il-Kunsill Ewropew approva l-prijoritajiet li jiżguraw stabbiltà finanzjarja, konsolidament fiskali u azzjoni biex jissaħħaħ it-tkabbir. Il-Kunsill enfasizza l-ħtieġa li jissokta l-konsolidament fiskali differenzjat u favur it-tkabbir, sabiex il-kundizzjonijiet ta' self għall-ekonomija jerġgħu lura għan-normal, jiġu promossi t-tkabbir u l-kompetittività, jiġu ttrattati l-qgħad u l-konsegwenzi soċjali tal-kriżi, u biex l-amministrazzjoni pubblika tiġi mmodernizzata.

    (7) Fil-5 ta' Marzu 2014, il-Kummissjoni ppubblikat ir-riżultati tal-eżami mill-ġdid fil-fond dwar Franza[9], skont l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011. L-analiżi tal-Kummissjoni wasslitha biex tikkonkludi li Franza għadha għaddejja minn żbilanċi makroekonomiċi li jeħtieġu monitoraġġ speċifiku u azzjoni politika deċiżiva. Partikolarment, id-deterjorazzjoni fil-bilanċ tal-kummerċ u fil-kompetittività u l-implikazzjonijiet tad-dejn kbir tas-settur pubbliku jistħoqqilhom attenzjoni politika kontinwa.

    (8) Fis-7 ta' Mejju 2014, Franza ppreżentat il-programm nazzjonali ta' riforma tagħha għall-2014 kif ukoll il-programm ta' stabbiltà għall-2014. Biex jiġu kkunsidrati l-konnessjonijiet ta' bejniethom, iż-żewġ Programmi ġew ivvalutati fl-istess żmien.

    (9) L-objettiv tal-istrateġija baġitarja spjegata fil-programm ta' stabbiltà tal-2014 huwa li jikkoreġi d-defiċit eċċessiv sal-2015 u li jilħaq l-objettiv ta’ terminu medju fl-2017. Il-programm jikkonferma l-objettiv ta’ terminu medju preċedenti ta' baġit bilanċjat f'termini strutturali, li huwa aktar strett mir-rekwiżiti mitluba mill-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir. Il-parogramm jippjana li d-defiċit jinġieb għal 3 % tal-PDG fl-2015, lil hinn mill-objettiv stipulat fir-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-21 ta' Ġunju 2013. Minn hemm 'il hemm, il-progress annwali ppjanat (rikalkulat) lejn l-objettiv fuq terminu medju huwa inqas mill-minimu mitlub ta' 0,5 % tal-PDG. Kumplessivament, l-istrateġija tal-baġit spjegata fil-programm hija biss parzjalment skont ir-rekwiżiti tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir. Il-programm jipproġetta li d-dejn tal-gvern se jilħaq il-95,6 % tal-PDG fl-2014 u l-2015 u mbagħad jinżel għal 91,9 % fl-2017. Ix-xenarju makroekonomiku sottostanti l-proġġezzjonijiet baġitarji fil-prgramm huwa plawsibbli għall-2014 u kemm xejn ottimist għall-2015, bil-PDG proġġettat li jikber b'1,0 % u 1,7 % din is-sena u ta' wara, minflok 1,0 % u 1,5 % skont it-Tbassir tar-Rebbiegħa tal-Kummissjoni tal-2014. F'April 2014, il-Kunsill Għoli għall-Finanzi Pubbliċi (“Haut Conseil des finances publiques”), li huwa indipendenti ħareġ opinjoni dwar ix-xenarju makroekonomiku tal-programm. Fil-5 ta' Marzu 2014, Franza kienet rakkomandata mill-Kummissjoni biex tagħmel aktar sforzi biex tiżgura komformità sħiħa mar-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill skont il-proċedura ta' defiċit eċċessiv. Il-programm ta' stabbiltà jelenka għadd ta' miżuri addizzjonali għall-2014, fosthom il-kanċellazzjoni ta' approprazzjonijiet ministerjali li se jiġu adottati bħala parti minn baġit supplimentari u l-ewwel effetti tal-pjan ta' ffrankar ta' EUR 50 biljun mħabbar mill-gvern. Abbażi ta' dan, u wkoll meta jitqies li l-isforz fiskali milħuq fl-2013 kien ogħla minn dak mistenni meta saret ir-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni, il-programm jista' jitqies li ftit jew wisq jirreaġixxi għar-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni. Il-livell tad-dettall tal-miżuri ta' konsolidament fiskali mhuwiex biżżejjed biex jiżgura l-korrezzjoni tas-sitwazzjoni ta' defiċit eċċessiv sal-2015, kif sostnut mit-tbassir tal-Kummissjoni ta' defiċit ta' 3,4 % tal-PDG is-sena d-dieħla u aġġustament strutturali sottostanti li ma jilħaqx b'ħafna l-livell rakkomandat mill-Kunsill. Barra minn dan, ir-riskji għall-miri tal-gvern ixeqilbu 'l isfel. Partikolarment, parti mill-miżuri addizzjonali għall-2014 imħabbra fil-programm għadhom iridu jiġu adottati u l-ammont pjanat ta' ffrankar għall-2015 huwa ambizjuż wisq. Abbażi tat-Tbassir tal-Kummissjoni, l-isforz fiskali matul l-2013-2014 mhux biżżejjed b'0,2 pp tal-PDG f'termini ta' bidla (ikkoreġuta) fil-bilanċ strutturali u b'0,1 pp tal-PDG f'termini ta' ammont ta' miżuri estimati bħala meħtieġa fi żmien ir-rakkomandazzjoni tal-Kunsill. Abbażi tal-valutazzjoni tiegħu tal-programm u t-tbassir tal-Kummissjoni, skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97, il-Kunsill huwa tal-opinjoni li l-miżuri sottostanti l-istrateġija baġitarja jeħtiġilhom jiġu speċifikati aktar u li huma meħtieġa aktar sforzi biex tikkonforma mar-rakkomandazzjoni tal-Kunsill u biex tiżgura perkors xieraq lejn l-objettiv ta’ terminu medju minn hemm 'l hemm. Partikolarment, l-isforzi għandhom ikunu elenkati fil-dettall fil-liġi li ġejja li temenda l-baġit għall-2014.

    (10) Minħabba d-dejn tal-gvern għoli u li għadu qed jiżdied u li l-iskadenza biex jiġi kkoreġut id-defiċit eċċessiv kienet estiża għall-2015, huwa wisq aktar importanti li l-baġit tal-2014 jiġi implimentat b'mod strett u li jsiru sforzi sostanzjali ta' konsolidament bis-serjetà fl-2015. Partikolarment, in-nefqa pubblika għandha tikber b'pass wisq iżgħar mis-snin ta' qabel, kif ippjanat mill-Gvern Franċiż. Għalhekk, hemm il-ħtieġa li l-istrateġija biex titnaqqas in-nefqa tiġi speċifikata aktar billi tiġi intensifikata l-analiżi kontinwa tal-infiq u billi jiġi ridifenit fejn rilevanti, l-ambitu tal-azzjoni tal-gvern. Iffrankar imdaqqas fuq terminu qasir ma jistax jintlaħaq mingħajr ma titnaqqas b'mod sinifikanti ż-żieda fin-nefqa tas-sigurtà soċjali, li tammonta għal kważi nofs in-nefqa tas-settur pubbliku. Dan jimplika tnaqqis fil-kostijiet tal-kura tas-saħħa u l-pensjonijiet, pereżempju billi jiġu stabbiliti miri għan-nefqa annwali fil-kura tas-saħħa aktar ambizjużi u ffriżar temporanju tal-pensjonijiet, kif ukoll ta' benefiċċji soċjali oħra attwalment previsti mill-gvern. Barra minn dan, il-liġi l-ġdida pjanata tad-deċentralizzazzjoni għandha tirrazzjonalizza d-diversi s-saffi amministrattivi fi Franza biex telimina d-dupplikazzjoni amministrattiva u jinħolqu aktar sinerġiji, żieda fl-effiċjenza u ffrankar permezz tal-fużjoni jew it-tneħħija ta' saffi amministrattivi . F'dan ir-rigward, mhux biss ir-riformi strutturali elenkati fil-programm ta' stabbiltà se jseħħu biss fuq terminu medju, minkejja l-iskeda pjanata li kienet ġiet ippreżentata mill-programm ta' stabbiltà, iżda se jkunu wkoll soġġetti għal riskju ta' implimentazzjoni sinifikanti. Il-kontroll tan-nefqa tal-gvern lokali għandha tissaħħaħ ukoll, fosthom billi tinkludi limitu massimu fuq iż-żieda annwali fid-dħul mit-taxxi tal-gvern lokali filwaqt li jiġi implimentat b'mod rigoruż it-tnaqqis fl-għotjiet mill-gvern ċentrali. Lil hinn mill-ħtieġa għall-iffrankar fuq terminu qasir, is-sostenibbiltà fuq terminu twil tal-finanzi pubbliċi hija kwistjoni ta' tħassib ukoll. Filwaqt li n-nefqa pubblika fuq is-saħħa nżammet taħt kontroll f'dan l-aħħar snin, huma meħtieġa aktar sforżi biex titjieb il-kosteffikaċja tas-sistema tas-saħħa. Partikolarment, hemm il-ħtieġa li jiġu implimentati aktar politiki ta' konteniment tal-kostijiet peress li s-sistema tas-saħħa hija proġettata li tiffaċċa żieda sinifikanti fin-nefqa fuq perjodu medju u twil. Oqsma fejn għandha tiżdied l-effiċjenza jinkludu l-farmaċewtiċi u l-infiq amministrattiv kif ukoll il-kura fl-isptarijiet. Fl-aħħar, riforma tal-pensjonijiet ġiet adottata f'Diċembru 2013 bil-għan li tiżgura s-sostenibbiltà fit-tul tas-sistema. Madankollu r-riforma fil-pensjonijiet mhux se tkun biżżejjed biex tneħħi d-defiċit tas-sistema, partikolarment id-defiċit li jirriżulta minn skemi għall-uffiċjali tal-gvern statali u l-impjegati li jaħdmu f'għadd ta' kumpaniji kontrollati mill-istat. Kollox ma' kollox, skont il-proġettazzjonijiet tal-awtoritajiet Franċiżi, il-miżuri l-ġodda tal-pensjonijiet se jnaqqsu d-defiċit totali tas-sistema biss b'nofs għal madwar 0,5 % tal-PDG sal-2020. Barra minn hekk, id-daqs tal-aġġustament huwa soġġett għal riskji għax ix-xenarju makroekonomiku sottostanti dawn il-proġezzjonijiet jista' jkun ottimist żżejjed. Il-kumitat li għadu kif twaqqaf biex jimmonitorja l-pensjonijiet (“Comité de suivi des retraites”) għandu jiżgura li d-defiċit tas-sistema jiġi eliminat gradwalment.

    (11) Franza hija fost l-Istati Membri fejn il-kost tax-xogħol huwa l-ogħla. Partikolarment, il-piż għoli tat-taxxa fuq ix-xogħol inaqqas il-profittabbiltà tad-ditti. Sabiex jgħin lill-kompetittività tal-kost, il-Gvern Franċiż ħa għadd ta' inizjattivi biex inaqqas il-piż tat-taxxa fuq ix-xogħol. Ribass tat-taxxa għall-kompetittività u l-impjiegi (CICE), ekwivalenti għal tnaqqis fil-kost tax-xogħol għall-pagi inqas minn darbtejn u nofs il-paga minima kien adottat f'Diċembru 2012. Tnaqqis ieħor ta' EUR 10 biljun fil-kost tax-xogħol tħabbar bħala parti mill-"patt ta' responsabbiltà u solidarjetà" f'Jannar 2014. Iż-żewġ miżuri se jammontaw għal EUR 30 biljun jew 1,5 % tal-PDG, li huma proporzjonati maż-żieda kumplessiva fit-tassazzjoni tal-kumpaniji rreġistrati fl-2010-2013 u li tnaqqas biss bin-nofs id-differenza bejn Franza u ż-Żona tal-Euro f'termini ta' kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali mill-impjegatur. Madankollu, id-ditti li jesportaw, li x'aktarx iħallsu pagi għoljin, se jibbenefikaw inqas mis-CICE mid-ditti li ma jesportawx, u b'hekk jitnaqqas l-impatt tal-miżura fuq il-kompetittività. Il-patt ta' responsabbiltà u solidarjetà jinkludi tnaqqis fil-kost tax-xogħol għall-pagi baxxi u tnaqqis li jimmira lejn pagi bejn 1,6 u 3,5 darbiet il-paga minima. Il-miżura tal-aħħar, li mistennija tidħol fis-seħħ mill-2016, ikollha impatt aktar dirett fuq id-ditti li jesportaw. L-iffissar tal-pagi fi Franza għandu x-xejra li jwassal għal distrosjonijiet tal-istruttura tal-pagi u jillimita l-abbiltà tad-ditti li jaġġustaw il-pagi meta jonqos ir-ritmu ekonomiku. Il-Kunsill Għoli għall-Finanzjament tal-Protezzjoni Soċjali (“Haut Conseil du financement de la protection sociale”) ivvaluta l-impatt tax-xenarji differenti tal-eżenzjonijiet mis-sigurtà soċjali fuq ix-xogħol, iżda ma tantx enfażizza l-impatt fuq l-iżvilupp tal-pagi u l-kompetittività. Madankollu, għalkemm ingħataw eżenzjonijiet estenżivi, għall-ħaddiema li jitħallsu paga minima, il-kost tax-xogħol bil-paga minima għadu għoli. Dawn l-eżenzjonijiet jikkontribwixxew biex ġie kkontenut il-kost tax-xogħol fl-2013, li huwa żvilupp pożittiv, iżda l-livell tal-paga minima fi Franza huwa tali li jipprovdi wieħed mill-ogħla livelli ta' poter tal-akkwist fl-UE. Il-paga minima għalhekk għandha tibqa' tevolvi b'mod li jkun ta' sostenn għall-kompetittività u l-ħolqien tax-xogħol. Fi Franza jeżistu biss ftit eżenzjonijiet mill-paga minima statutorja u jistgħu jsiru sforzi addizzjonali biex jitnaqqas il-kost tax-xogħol għall-gruppi vulnerabbli.

    (12) Il-klassifikazzjoni globali ta' Franza f'għadd ta' stħarriġ dwar l-ambjent kummerċjali ħżienet. Waqt li saru sforzi bħala parti minn "xokk ta' simplifikazzjoni" mniedi f'Lulju 2013 biex tiġi ffaċilitata r-relazzjoni bejn id-ditti u l-amministrazzjoni, hemm bżonn li l-ambjent kummerċjali jitjieb aktar. Flimkien ma' dan, għadd ta' miżuri meqjusa fil-pjan ta' simplifikazzjoni għadhom iridu jiġu definiti u implimentati. Partikolarment, għandha tingħata attenzjoni speċifika lir-regolamenti tal-kodiċi tax-xogħol jew ir-regoli tal-kontabilità marbuta ma' limiti ta' daqs speċifiċi li jtellfu t-tkabbir tad-ditti Franċiżi. Dawn jistgħu jkollhom rwol fid-diffikultajiet tal-SMEs biex jikbru sa daqs li jippermettilhom jesportaw u jinnovaw. Inizjattivi politiċi biex jissaħħaħ l-infiq fir-R&Ż u l-innovazzjoni minn kumpaniji privati, partikolarment il-kreditu tat-taxxa fil-pilastri tar-riċerka u l-innovazzjoni, sa issa taw riżultati mħallta. Il-piż dejjem jonqos tas-settur industrijali fis-settur privat ta' Franza jfisser li l-infiq fir-R&Ż mill-kumpaniji privati qed jistaġna minkejja sforżi sinifikanti fil-livell tad-ditti. Bħala konsegwenza, proporzjon kbir tal-infiq fir-R&Ż għadu ffinanzjat bi flus pubbliċi direttament permezz ta' riċerka pubblika jew indirettament permezz ta' sussidji. L-effikaċja tal-għodod eżistenti għandha titjieb aktar sabiex twassal għal infiq ogħla fir-R&Ż minn ditti privati u innovazzjoni fis-settur privat. Partikolarment, ir-riżorsi allokati għall-pilastri tal-kompetittività jistgħu jrawmu effetti ta' skala aħjar u jtejbu d-diffużjoni tal-innovazzjoni. Barra minn hekk, l-effikaċja tal-politika tista' tissaħħaħ billi dawn il-pilastri jitħallew isiru netwerks reali ta' ditti b'effetti sekondarji pożittivi. Fl-aħħar il-kost tal-kreditu tat-taxxa fuq ir-riċerka huwa mistenni li jilħaq EUR 5,8 biljun fl-2014 (qrib iż-0,3 % tal-PDG). Minkejja l-kost ta' din il-miżura, mhi disponibbli l-ebda valutazzjoni tal-effikaċja tagħha fuq ir-R&Ż.

    (13) Minkejja li tneħħew ostakli fuq il-forma ġuridiċi, ir-rekwiżiti jew it-tariffi tal-parteċipazzjoni għal ċerti professjonijiet (pereż. il-veterinarji), il-maġġoranza għadhom jiffaċċaw ostakli sinifikanti biex jidħlu jew iwettqu negozju llum (pereż. tat-taxxi, is-settur privat, in-nutara u l-professjonisti legali aktar ġeneralment). Il-prinċipju tan-numerus clausus għall-aċċes għal ħafna professjonijiet (tobba, spiżjara, eċċ,) għadu qed itellef l-aċċess għas-servizzi, u jista' jiġi rieżaminat mingħajr ma' il-kwalità u s-sikurezza jitpoġġew f'riskju. Sal-lum ma saret l-ebda valutazzjoni bir-reqqa tal-ħtieġa għal u l-proporzjonalità tar-restrizzjonijiet li affettwaw il-professjonijiet regolati. Fis-settur tal-imnut, ir-rekwiżiti tqal tal-awtorizzazzjonijiet biex jinfetħu ħwienet kummerċjali, speċjalment li jirriżulataw mir-regoli tal-ippjanar urban u l-projbizzjoni ta' bejgħ b'telf għadhom hemm u għandhom impatt ħażin fuq il-kompetittività u l-konsumaturi. Sal-lum, ma ġiet adottata l-ebda miżura konkretta fi Franza biex jitneħħew l-ostakli għad-dħul fis-settur tal-imnut. Fir-rigward tad-distribuzzjoni tal-elettriku u l-gass, qed jitneħħew gradwalment il-prezzijiet regolati għall-konsumaturi li mhumiex unitijiet domestiċi. Madankollu, il-prezzijiet għadhom regolati għall-unitajiet domestiċi u għall-elettriku dawn huma stipulati taħt il-livelli tal-kost u l-aċċess għal fornituri oħrajn huwa limitat. Fir-rigward tal-interkonnessjonijiet tal-enerġija, il-proġetti fis-seħħ, partikolarment ma' Spanja, għandhom jitlestew biex jissaħħu l-interkonnessjonijiet tal-elettriku u l-gass mal-pajjiżi ġirien. Fis-settur tal-ferroviji, l-ostakli għad-dħul fis-suq għadhom jimpedixxu l-funzjonament effiċjenti tas-suq. Franza ma fetħitx is-suq domestiku tagħha tal-passiġġieri bil-ferrovija għall-kompetizzjoni, ħlief is-servizzi internazzjonali, fejn hemm biss ftit parteċipanti ġodda. Hija nediet riforma tas-sistema ferrovjarja tagħha bil-ħsieb li tagħmilha aktar finanzjarjament sostenibbli. Abbozz ta' liġi kien ppreżentat f'Ottubru 2013 u bħalissa qiegħed jiġi diskuss mill-Parlament. Il-miżuri ppreżentati jinkludu t-twaqqif ta' maniġer tal-infrastruttura bil-poteri kollha fi ħdan struttura integrata vertikalment inkluż l-operatur attwali. Din l-istruttura ġdid tistà xxekkel l-aċċess għan-netwrk minn operaturi alternattivi.

    (14) Franza għandha taxxi kumplessivi għoljin u li qed jiżdiedu. Fl-2013, il-proporzjon tat-taxxa mal-PDG kien ta' 45,9 %, wieħed mill-ogħla fl-UE u li kien għola bi 3,3 pps minn meta beda l-konsolidament fiskali fl-2010. F'dan l-isfond, kumitat speċjali (“Assises de la fiscalité”) ipprovda input għal riforma tas-sistema tat-taxxa. Sa issa ftit sar progress biex jitbaxxaw ir-rati statutorji tat-taxxa fuq l-introjtu personali u tal-kumpaniji u biex tiżdied effiċjenza tal-VAT. Minflok, sovraimposta fuq il-kumpaniji kbar ġiet estiża sal-2015 u dan se jirriżulta biex ir-rata kumplessiva tat-taxxa fuq l-introjtu tal-kumpaniji se tilħaq 38,1 % (ir-rata statutorja ta' 33,3 % diġà hija waħda mill-għola fl-UE). Il-Gvern Franċiż ħabbar tnaqqis gradwali fir-rata statutorja għal 28 % sal-2020 iżda ma hemmx informazzjoni dwar l-iskedar preċiż ta' din il-miżura. Sar ukoll xi progress limitat matul l-aħħar sena fit-tnaqqis u r-razzjonalizzazzjoni tal-infiq tat-taxxa fuq l-introjtu. Minkejja xi ftit progress fil-qasam tat-tassazzjoni ambjenatli (pereż. bl-introduzzjoni gradwali tat-taxxa fuq il-karbonju jew "contribution climat énergie") is-sehem tat-taxxa ambjentali fil-PDG għadu baxx. Partikolarment, id-dazji tas-sisa fi Franza mhumiex indiċizzati mal-inflazzjoni u xi sussidji ta' ħsara għall-ambjent importanti bħar-rata preferenzjali tad-dazju tas-sisa fuq id-diżil għadhom hemm. Fl-aħħar ma ttieħdet l-ebda miżura addizzjonali fl-2013 biex tindirizza x-xejra lejn id-dejn fit-tassazzjoni tal-kumpaniji bil-għan li tiġi pprevenuta żieda oħra fid-dejn privat.

    (15) Għalkemm għadd ta' miżuri politiċi ttieħdu fi Franza, is-sitwazzjoni fis-suq tax-xogħol baqgħet tiħżin fl-2013 u għad hemm sfidi sinifikanti. Il-qgħad kompla jikber għal 10,3 % fl-2013 (minflok 7,5 % fl-2008). Is-suq tax-xogħol ta' Franza għadu segmentat b'livelli baxxi ħafna ta' tranzizzjonijiet minn kuntratti temporanji għal kuntratti permanenti (il-probabilità li wieħed jiċċaqlaq minn kuntratt temporanju għal xogħol permanenti kienet biss ta' 10,6 % fl-2010 meta mqabbla ma' 25,9 % tal-medja tal-UE). Il-ftehim interprofessjonali dwar l-iżgurar tax-xogħol sar liġi li ġiet adottata f'Lulju 2013. Minkejja li din ir-riforma hija pass pożittiv, l-impatt f'dan l-istadju għadu ma nħassx kullimkien. Partikolarment, wisq ftit kumpaniji użaw l-arranġamenti għall-arranġamenti fil-livell ta' kumpanija maħluqa mil-liġi biex tiżdied il-flessibbiltà tal-kundizzjonijiet tax-xogħol fil-każ ta' diffikultajiet ekonomiċi temporanji. Madankollu, ir-rata tat-tkeċċijiet effettivi li nġibu quddiem il-qrati naqqset sew. Filwaqt li fl-2014 saru negozjati bejn is-sħab soċjali biex jirriformaw is-sistema tal-benefiċċji tal-qgħad, l-arranġament il-ġdid mhuwiex mistenni jnaqqas sostanzjalment id-defiċit tas-sistema. Id-defiċit kumulat tas-sistema tal-benefiċċji tal-qgħad, li kien qrib 1 % tal-PDG fl-2013, jitlob miżuri strutturali addizzjonali biex jiżguraw is-sostenibbiltà tagħha. Partikolarment, xi elementi, bħall-kundizzjonijiet tal-eleġibbiltà, il-benefiċċji digressivi tul iż-żmien jew ir-rati ta' sostituzzjoni għall-ħaddiema bl-għola pagi ġew immodifikati biss ftit wara l-aħħar ftehim bejn is-sħab soċjali f'Marzu 2014 u dawn għandhom jiġu adattati aktar biex jiżguraw li l-inċentivi biex dak li jkun jaħdem ikunu adegwati. Grazzi għar-riformi suċċessivi fil-pensjonijiet, ir-rata tal-impjieg tal-ħaddiema bejn il-55 u l-64 sena żdiedet b'mod kostanti matul dawn l-aħħar tliet snin. Madankollu, ir-rata tal-impjieg fost il-ħaddiema ixjaħ fi Franza (45,6 % fl-2012) għadha inqas sew mill-medja tal-UE (-4,5 pps inqas) u 55 % biss tal-ħaddiema ixjaħ fi Franza jirtiraw mill-ewwel wara l-impjieg (2008-2011). B'riżultat, ir-rata tal-qgħad f'dan il-grupp żdiedet sew matul l-aħħar snin. Għalhekk, hemm il-ħtieġa li jissaħħu l-miżuri biex titjieb l-impjegabbiltà tagħhom filwaqt li jiġu rieżaminati l-inċentivi tagħhom biex jibqgħu jaħdmu jew jerġgħu jibdew jaħdmu. 

    (16) L-istħarriġ tal-Programm tal-2013 għall-Valutazzjoni Internazzjonali tal-Istudenti juri li l-inugwalità edukattiva fi Franza hija fost l-għola fil-pajjiż tal-OECD. Wieħed minn kull sitt żgħażugħ fi Franza jitlaq l-edukazzjoni u t-taħriġ mingħajr kwalifiki. Dan huwa partikolarment ta' tħassib minħabba li r-rata tal-qgħad fost iż-żgħażagħ fl-2013 kienet ta' 25,5 % u peress li r-riskju li tkun qiegħed kien kważi d-doppju għaż-żgħażagħ bl-inqas kwalifiki. Skemi li jippromwovu l-apprendistat għandhom jilħqu partikolarment liż-żgħażagħ bl-inqas kwalifiki Sar xi progress fl-indirizzar ta' din il-kwistjoni permezz tat-tnedija tar-riforma tal-edukazzjoni obbligatorja f'Lulju 2013 u l-adozzjoni ta' liġi dwar l-edukazzjoni vokazzjonali u t-tagħlim tul il-ħajja f'Marzu 2014. Madankollu, għadu kmieni wisq biex wieħed jivvaluta jekk dawn il-miżuri hux effettivament se naqqsu l-inugwalitajiet fis-sistema edukattiva u pjan ġdid li jimmira lejn l-iskejjel tal-edukazzjoni sekondarja baxxa f'żoni żvantaġġati tħabbar f'Jannar 2014 u għad irid jiġi implimentat. Fl-aħħar, it-tranżizzjoni mill-iskola għax-xogħol ġiet iffaċilitata iżda l-għadd ta' apprendisti naqqas fl-2012 u l-iskemi bbenefikaw dejjem aktar minn studenti fl-edukazzjoni ogħla.

    (17) Fil-kuntest tas-Semestru Ewropew, il-Kummissjoni għamlet analiżi komprensiva tal-politika ekonomika ta' Franza. Ivvalutat l-programm ta' stabbiltà u l-programm nazzjonali ta' riforma. Hija qieset mhux biss ir-rilevanza tagħhom għall-politika fiskali u soċjoekonomika sostenibbli fi Franza iżda anki l-konformità tagħhom mar-regoli u l-gwida tal-UE, fid-dawl tal-ħtieġa li tissaħħaħ il-governanza ekonomika ġenerali tal-Unjoni billi jingħata kontribut fil-livell tal-UE għad-deċiżjonijiet nazzjonali futuri. Ir-rakkomandazzjonijiet tagħha skont is-Semestru Ewropew jidhru fir-rakkomandazzjonijiet minn (1) sa (7) hawn taħt.

    (18) Abbażi ta’ din il-valutazzjoni, il-Kunsill eżamina l-Programm ta’ Stabbiltà ta' Franza, u l-opinjoni tiegħu[10] tidher b’mod partikolari fir-rakkomandazzjoni (1) ta' hawn taħt.

    (19) Il-Kunsill eżamina l-programm nazzjonali ta' riforma u l-programm ta' stabilità fid-dawl tar-rieżami fil-fond tal-Kummisjoni u ta' din il-valutazzjoni. Ir-rakkomandazzjonijiet tiegħu skont l-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011 huma riflessi fir-rakkomandazzjonijiet (1) sa (6) hawn taħt.

    (20) Fil-kuntest tas-Semestru Ewropew, il-Kummissjoni wettqet ukoll analiżi tal-politika ekonomika taż-Żona tal-Euro inġenerali. Abbażi ta' din l-analiżi, il-Kunsill ħareġ rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro. Franza għandha tiżgura wkoll l-implimentazzjoni sħiħa u f'waqtha ta' dawn ir-rakkomandazzjonijiet.

    B’DAN JIRRAKKOMANDA li Franza tieħu azzjoni fil-perjodu 2014-2015 sabiex:

    1.           Issaħħaħ l-istrateġija baġitarja, fosthom billi tispeċifika aktar il-miżuri sottostanti għas-sena 2014 u lil hinn biex tiżgura l-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv b'mod sostenibbli sal-2015 billi tilħaq l-isforz tal-aġġustament strutturali speċifikat mir-rakkomandazzjoni tal-Kunsill skont il-Proċedura ta’ Defiċit Eċċessiv. Korrezzjoni durabbli tal-iżbilanċi fiskali teħtieġ implimentazzjoni kredibbli tar-riformi strutturali ambizjużi biex tiżdied il-kapaċità tal-aġġustament u tingħata spinta lit-tkabbir u l-impjiegi. Wara l-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv, twettaq aġġustament strutturali lejn l-objettiv ta’ terminu medju ta' mill-inqas 0,5 % tal-PDG kull sena, u aktar f'kundizzjonijiet ekonomiċi tajbin jew jekk meħtieġ li tiżgura li r-regola tad-dejn tintlaħaq sabiex il-proporzjon tad-dejn għoli tal-amministrazzjoni pubblika jinġieb b'mod sostenibbli fid-direzzjoni 'l isfel. Iżżid l-isforzi biex tikseb żidiet fl-effiċjenza fis-sottosetturi kollha tal-amministrazzjoni pubblika, fosthom billi tirridifenixxi l-ambitu tal-azzjoni tal-gvern. Partikolarment, tieħu passi biex tnaqqas b'mod sinifikanti ż-żieda fl-infiq tas-sigurtà soċjali mill-2015 kif ippjanat, billi tistipula miri tal-infiq annwali fil-kura tas-saħħa aktar ambizjużi, tikkontjeni l-kostijiet tal-pensjonijiet u tirrazzjonalizza l-benefiċċji familjali u l-benefiċċji tad-djar. Tistipula skeda ċara għall-proċess fis-seħħ ta' disċentralizzazzjoni u tieħu l-ewwel passi sa Diċembru 2014, bil-għan li telimina d-dupplikazzjoni amministrattiva, tiffaċilita l-fużjonijiet bejn il-gvernijiet lokali u tikkjarifika r-responsabbiltajiet ta' kull saff tal-gvern lokali Tintroduċi limitu massimu fuq iż-żieda annwali fid-dħul mit-taxxa tal-gvern lokali filwaqt li tnaqqas l-għotjiet mill-gvern ċentrali kif ippjanat. Apparti l-ħtieġa ta' ffrankar fuq terminu qasir, tieħu passi biex tindirizza ż-żieda proġettata fin-nefqa pubblika fuq is-saħħa fuq terminu medju u twil, fosthom fil-qasam tan-nefqa farmaċewtika, u tieħu miżuri addizzjonali meta u fejn meħtieġ biex iġġib is-sistema tal-pensjonijiet f'bilanċ sal-2020 b'mod sostenibbli, b'fowkus speċjali fuq l-iskemi speċjali eżistenti.

    2.           Tiżgura li t-tnaqqis fil-kost tax-xogħol li jirriżulta mill-“crédit d’impôt compétitivité emploi” ikun sostenibbli. Tieħu azzjoni biex tnaqqas aktar il-kontribuzzjoni tas-sigurtà soċjali mill-impjegaturi f'konformità mal-impenji skont il-patt ta' responsabbiltà u solidarjetà, u tiżgura li l-ebda miżura oħra ma tpaċi dan l-effett u li l-miri previsti attwalment jinżammu. Tevalwa aktar l-impatt ekonomiku tal-eżenzjonijiet mill-kontribuzzjoni tas-sigurtà soċjali, tpoġġi l-enfasi fuq l-impjiegi, l-iżviluppi tal-pagi u l-kompetittività u tieħu miżuri xierqa kif meħtieġ. Tnaqqas aktar il-kost tax-xogħol b'mod li ma jaffettwax il-baġit jiġifieri fin-naħa t'isfel tal-iskala tal-pagi speċjalment permezz ta' tnaqqis immirat fil-kontribuzzjoni tas-sigurtà soċjali tal-impjegaturi filwaqt li tqis l-iskemi diversi ta' għajnuna għall-paga.

    3.           Tissimplifika r-regoli amministrattivi, fiskali u tal-kontabilità tal-kumpaniji u tieħu miżuri konkreti biex timplimenta l-"pjan ta' simplifikazzjoni" fis-seħħ tal-gvern sa Diċembru 2014. Telimina l-impedimenti regolatorji fuq it-tkabbir tal-kumpaniji, partikolarment billi tirrieżamina l-kriterji marbuta mad-daqs fir-regolamenti biex tevita l-effetti ta' limiti massimi. Tieħu passi biex tissimplifika u ttejjeb l-effiċenjenza tal-politika tal-innovazzjoni, speċjalment permezz ta' evalwazzjoni u jekk meħtieġ ta' adattament tal-“crédit d’impôt recherche”. Tiżgura li r-riżorsi jkunu ffukati fuq il-pilastri tal-kompetittività l-aktar effettivi u tippromwovi aktar l-impatt ekonomiku tal-innovazzjoni żviluppata fil-pilastri.

    4.           Tneħħi r-restrizzjonijiet mhux ġustifikati fuq l-aċċess għal u l-eżerċizzju tal-professjonijiet regolati u tnaqqas il-kostijiet tad-dħul u timpromwovi l-kompetizzjoni fis-servizzi. Tieħu aktar azzjoni biex tnaqqas il-piż regolatorju li jaffettwa l-funzjonament tas-settur bl-imnut, partikolarment billi tissimplifika l-awtorizzazzjonijiet għall-ftuħ ta' ħwienet kummerċjali u tneħħi l-probizzjoni fuq il-bejgħ b'telf. Filwaqt li żżomm kundizzjonijiet affordabbli għall-gruppi vulnerabbli, tiżgura li t-tariffi regolati tal-gass u l-elettriku għall-konsumaturi tal-unitajiet domestiċi jkunu stipulati f'livell xieraq li ma jirrappreżentax ostaklu għall-kompetizzjoni. Issaħħaħ il-kapaċità tal-interkonnessjoni tal-elettriku u l-gass ma' Spanja; partikolarment, iżżid il-kapaċità tal-interkonnessjonijiet tal-gass sabiex tintegra bis-sħiħ is-suq tal-gass Iberiku mas-suq Ewropew. Fis-settur tal-ferroviji, tiżgura l-indipendenza mill-operatur eżistenti tal-maniġer tal-infrastruttura unifikata l-ġdid u tieħu passi biex tiftaħ it-trasport domestiku tal-passiġġieri għall-kompetizzjoni qabel 2019.

    5.           Tnaqqas il-piż tat-taxxa fuq ix-xogħol u żżid l-isforzi biex tissimplifika u żżid l-effiċjenza tas-sistema tat-taxxa. Għal dan il-għan, mill-baġit tal-2015 tieħu miżuri biex: tneħħi l-infiq ineffeċjenti tat-taxxa fuq l-introjtu personali u tal-kumpaniji abbażi tal-valutazzjonijiet riċenti u l-inizjattiva “Assises de la fiscalité” filwaqt li tnaqqas ir-rati statutorji; tieħu miżuri addizzjonali biex tneħħi x-xejra lejn id-dejn fit-tassazzjoni tal-kumpaniji; twessa' l-bażi għat-taxxa, speċjalment fuq il-konsum; gradwalment tneħħi s-sussidji li huma ta' ħsara għall-ambjent.

    6.           Tieħu aktar azzjoni biex tiġġieled ir-riġidità tas-suq tax-xogħol, partikolarment billi tieħu miżuri biex tirriforma l-kundizzjonijiet tal-“accords de maintien de l’emploi” biex iżżid l-użu tagħhom minn kumpaniji li jkunu għaddejjin minn diffikultajiet. Tieħu miżuri addizzjonali biex tirriforma s-sistema tal-benefiċċju tal-qgħad flimkien mas-sħab soċjali, sabiex tiggarantixxi s-sostenibbiltà tagħha filwaqt li tiżgura li tipprovdi inċentivi adegwati biex dak li jkun jirritorna jaħdem. Iżżid l-konsulenza u t-taħriġ għall-ħaddiema ixjaħ u tirrivaluta l-arranġamenti rilevanti speċifiċi tal-benefiċċju tal-qgħad.

    7.           Twettaq modernizzazzjoni tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali, timplimenta r-riforma tal-edukazzjoni obbligatorja u tieħu aktar passi biex tnaqqas l-inugwaljanzi edukattivi partikolarment billi ssaħħaħ il-miżuri tat-tluq kmieni mill-iskola. Tiżgura li l-politiki attivi tas-suq tax-xogħol jgħinu lill-gruppi l-aktar vulnerabbli. Ittejjeb it-tranżizzjoni mill-iskola għax-xogħol, speċjalment billi żżid il-miżuri biex tiżviluppa aktar l-apprendistat b'emfasi speċifika fuq dawk bl-inqas ħiliet. 

    Magħmul fi Brussell,

                                                                           Għall-Kunsill

                                                                           Il-President

    [1]               ĠU L 209, 2.8.1997, p. 1.

    [2]               ĠU L 306, 23.11.2011, p. 25.

    [3]               COM(2014) 411 final.

    [4]               P7_TA(2014)0128 u P7_TA(2014)0129.

    [5]               ĠU L 140, 27.5.2013, p. 11.

    [6]               C(2013) 8004 final.

    [7]               COM(2013) 800 final.

    [8]               COM(2013) 790 final.

    [9]               SWD(2014) 81 final

    [10]             Skont l-Artikolu 5(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97.

    Top