EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52014DC0405

Rakkomandazzjoni għal RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL dwar il-programm ta' riforma nazzjonali tal-2014 tad-Danimarka u t-twassil ta' opinjoni tal-Kunsill dwar il-programm ta' konverġenza tal-2014 tad-Danimarka

/* COM/2014/0405 final */

52014DC0405

Rakkomandazzjoni għal RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL dwar il-programm ta' riforma nazzjonali tal-2014 tad-Danimarka u t-twassil ta' opinjoni tal-Kunsill dwar il-programm ta' konverġenza tal-2014 tad-Danimarka /* COM/2014/0405 final */


Rakkomandazzjoni għal

RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

dwar il-programm ta' riforma nazzjonali tal-2014 tad-Danimarka u t-twassil ta' opinjoni tal-Kunsill dwar il-programm ta' konverġenza tal-2014 tad-Danimarka

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 121(2) u 148(4) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 tas-7 ta' Lulju 1997 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ta' pożizzjonijiet ta' budget u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni ta' politika ekonomika[1], u b'mod partikolari l-Artikolu 9(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea[2],

Wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew[3],

Wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Impjiegi,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Politika Ekonomika,

Billi:

(1) Fis-26 ta' Marzu 2010, il-Kunsill Ewropew qabel mal-proposta tal-Kummissjoni li tiġi mnedija strateġija ġdida għat-tkabbir u l-impjiegi, Ewropa 2020, ibbażata fuq koordinazzjoni msaħħa tal-politiki tal-ekonomija, li tiffoka fuq il-punti ewlenin fejn hija meħtieġa azzjoni biex jisaħħaħ il-potenzjal tal-Ewropa għal tkabbir sostenibbli u kompetittività.

(2) Fit-13 ta' Lulju 2010, il-Kunsill, abbażi tal-proposti tal-Kummissjoni, adotta rakkomandazzjoni dwar il-linji gwida ġenerali għall-politiki ekonomiċi tal-Istati Membri u tal-Unjoni (mill-2010 sal-2014) u, fil-21 ta' Ottubru 2010, adotta deċiżjoni dwar il-linji gwida għall-politiki tal-impjiegi tal-Istati Membri, li flimkien jifformaw il-"linji gwida integrati". L-Istati Membri kienu mistiedna sabiex jikkonsidraw il-linji gwida integrati fil-politiki ekonomiċi u tal-impjiegi tagħhom.

(3) Fid-29 ta' Ġunju 2012, il-Kapijiet ta' Stat jew tal-Gvern iddeċidew dwar Patt għat-Tkabbir u Impjiegi, li jipprovdi qafas koerenti għal azzjoni f'livelli nazzjonali, dak tal-UE kif ukoll taż-Żona tal-Euro permezz tal-użu tal-għodod, l-istrumenti u l-politiki kollha possibbli. Huma ddeċidew dwar azzjoni li għandha tittieħed fil-livell tal-Istati Membri, b'mod partikolari li tesprimi impenn b'mod sħiħ sabiex jinkisbu l-objettivi tal-Ewropa 2020 u jiġu implimentati r-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż.

(4) Fid-9 ta' Lulju 2013, il-Kunsill adotta rakkomandazzjoni dwar il-programm nazzjonali ta' riforma tad-Danimarka għall-2013 u wassal l-opinjoni tiegħu dwar il-programm ta' konverġenza aġġornat tad-Danimarka għall-2013-2016.

(5) Fit-13 ta' Novembru 2013, il-Kummissjoni adottat l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir[4], li jagħti bidu tas-Semestru Ewropew 2014 tal-koordinazzjoni tal-politika ekonomika. Fl-istess ġurnata abbażi tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011, il-Kummissjoni adottat ir-Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta' Twissija[5], li fih hija identifikat id-Danimarka bħala wieħed mill-Istati Membri li dwaru għandu jitwettaq eżami mill-ġdid fil-fond.

(6) Fl-20 ta' Diċembru 2013, il-Kunsill Ewropew approva l-prijoritajiet li jiżguraw stabbiltà finanzjarja, konsolidament fiskali u azzjoni biex jissaħħaħ it-tkabbir. Il-Kunsill enfasizza l-ħtieġa li jissokta l-konsolidament fiskali differenzjat u favur it-tkabbir, sabiex il-kundizzjonijiet ta' self għall-ekonomija jerġgħu lura għan-normal, jiġu promossi t-tkabbir u l-kompetittività, jiġu trattati l-qgħad u l-konsegwenzi soċjali tal-kriżi, u biex l-amministrazzjoni pubblika tiġi modernizzata.

(7) Fil-5 ta' Marzu 2014, il-Kummissjoni ppubblikat ir-riżultati tal-eżami mill-ġdid fil-fond tagħha għad-Danimarka[6], skont l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011. L-analiżi tal-Kummissjoni twassalha biex tikkonkludi li l-isfidi makroekonomiċi tad-Danimarka li jirrelataw ma' dejn privat u kompetittività esterna ma kenux għadhom identifikati bħala żbilanċi fis-sens tal-Proċedura ta' Żbilanċ Makroekonomiku. B'mod partikolari, l-aġġustament tas-suq tad-djar u l-implikazzjonijiet tad-dejn tas-settur provat għoli għall-ekonomija reali u l-istabbiltà tas-settur finanzjarju jidhru kkontrollati. Madankollu, dawn l-iżviluppi, kif ukoll il-muturi tal-kompetittività esterna, jistħoqqilhom monitoraġġ kontinwu.

(8) Fil-15 ta' April 2014, id-Danimarka ppreżentat il-programm tagħha ta' konverġenza tal-2014 u l-programm ta' riforma nazzjonali tagħha tal-2014. Biex jiġu kkunsidrati l-konnessjonijiet ta' bejniethom, iż-żewġ programmi ġew ivvalutati fl-istess żmien.

(9) L-objettiv tal-istrateġija baġitarja msemmi fil-Programm ta' Konverġenza tal-2014 huwa li tiġi żgurata s-sostenibbiltà tal-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv u li jinżamm il-bilanċ tal-baġit strutturali fuq il-livell tal-objettiv ta' terminu medju jew 'il fuq minnu. L-objettiv tat-terminu medju, f'-0,5 % tal-PDG, jirrifletti l-ħtiġijiet tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir. Id-defiċit tal-gvern ġenerali tad-Danimarka kien inġieb b'mod sostenibbli taħt it-3 % tal-PDG fl-2013. Il-programm jimmira defiċit primarju tal-gvern ġenerali ta' 1,3 % tal-PDG fl-2014 u 2,9 % fl-2015, li huwa konsistenti ma' bilanċ strutturali (kalkolat mill-ġdid) fil-livell tal-objettiv tat-terminu medju jew 'il fuq minnu. B'ħarsa ġenerali, l-istrateġija baġitarja deskritta fil-programm hija konformi mal-ħtiġijiet tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir. Il-livell tad-dejn, f'44,5% tal-PDG fl-2013, huwa ppjanat li jiżdied temporanjament fl-2015 u li jonqos wara. Ix-xenarju makroekonomiku sottostanti tal-previżjonijiet baġitarji fil-programm huwa plawżibbli. Ix-xenarju jipproġetta tkabbir tal-PDG ta' 1,6 % fl-2014 u 1,9 % fl-2015 u b'mod ġenerali huwa f'konformità mat-Tbassir tar-Rebbiegħa 2014 tal-Kummissjoni ta' 1,5 % u 1,9 %. Ibbażat fuq il-valutazzjoni tal-Programm ta' Konverġenza tal-2014 u t-tbassir tal-Kummissjoni, skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97, il-Kunsill huwa tal-opinjoni li l-finanzi pubbliċi tad-Danimarka huma tajbin u l-objettiv tal-Programm ta' Konverġenza jista' jkun mistenni li jintlaħaq.

(10) Id-Danimarka għamlet xi progress dwar l-indirizzar tas-sitwazzjoni għal gruppi fil-marġini tas-suq tax-xogħol kif ukoll dwar l-avvanz tal-effettività tal-prezz tas-sistema edukattiva. Ir-riforma tal-pensjonijiet tad-diżabilità u tal-flessimpjieg bdiet turi riżultati, ir-riforma tal-benefiċċju fi flus daħlet fis-seħħ, intlaħaq qbil fuq riforma tal-benefiċċju tal-mard u l-gvern nieda proposta għal riforma għal politiki tas-suq tax-xogħol attivi f'April. Jibqgħu l-isfidi biex jiġi żgurat numru suffiċjenti ta' apprendistati u jitkabbru l-kwalità u l-immaġni ta' dan it-tip ta' tagħlim, tiġi mtejba l-edukazzjoni vokazzjonali u s-sistemi tat-taħriġ u jiġu indirizzati r-rati għoljin tal-abbandun bikri mill-iskola. Minħabba l-istadju bikri tal-implimentazzjoni tar-riformi, l-effett sħiħ għad irid jidher. Rigward l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali, intlaħaq ftehim għal riforma fi Frar 2014 u hija mistennija tidħol fis-seħħ f'nofs l-2015, bil-ħsieb li tittejjeb il-kwalità tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali permezz ta' varjetà wiesgħa ta' inizjattivi.

(11) Li tingħata l-ħajja mill-ġdid lill-produttività tibqa' sfida għall-ekonomija Daniża. Il-valutazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea hija b'mod wiesa' konformi mas-sejbiet tal-Kummissjoni dwar il-Produttività. F'April 2014, il-Kummissjoni dwar il-Produttività ppubblikat 25 rakkomandazzjoni prinċipali u iktar minn 100 proposta konkreta f'oqsma bħall-kompetizzjoni, l-akkwist pubbliku, l-edukazzjoni, l-internalizzazzjoni, l-innovazzjoni, it-tassazzjoni u l-infrastuttura. Il-problema tal-indirizzar tal-isfida tat-tkabbir tal-produttività baxx se tkun indirizzata bl-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni tal-Produttività.

(12) Fil-kuntest tas-Semestru Ewropew, il-Kummissjoni wettqet analiżi komprensiva tal-politika ekonomika tad-Danimarka. Il-Kummissjoni vvalutat il-programm ta' konverġenza u l-programm ta' riforma nazzjonali. Hija ma kkunsidratx biss ir-rilevanza tagħhom għall-politika fiskali u soċjoekonomika sostenibbli fid-Danimarka iżda wkoll il-konformità tagħhom mar-regoli u l-gwida tal-UE, minħabba l-bżonn għat-tisħiħ tal-governanza ekonomika globali tal-Unjoni Ewropea billi jiġi pprovdut kontribut fil-livell tal-UE fid-deċiżjonijiet nazzjonali futuri. Ir-rakkomandazzjonijiet tagħha skont is-Semestru Ewropew jidhru fir-rakkomandazzjonijiet minn (1) sa (3) hawn taħt.

(13) Abbażi ta' din il-valutazzjoni, il-Kunsill eżamina l-programm ta' konverġenza tad-Danimarka, u l-opinjoni tiegħu[7] tidher b'mod partikolari fir-rakkomandazzjoni (1) hawn taħt.

B'DAN JIRRAKKOMANDA li fil-perjodu bejn l-2014-2015 id-Danimarka tieħu azzjoni biex:

1.           Wara l-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv, tkompli tfittex politika fiskali li tiffavorixxi t-tkabbir u żżomm pożizzjoni fiskali tajba, billi tiżgura li l-objettiv baġitarju tat-terminu medju jkompli jkun osservat matul il-perjodu kopert mill-Programm ta' Konverġenza.

2.           Tieħu miżuri ulterjuri biex ittejjeb l-impjegabbiltà tan-nies fil-marġini tas-suq tax-xogħol. Ittejjeb ir-riżultati edukattivi, b'mod partikolari għal żgħażagħ b'passat ta' migrazzjoni, u l-effettività tat-taħriġ vokazzjonali. Tiffaċilita t-tranżizzjoni għas-suq tax-xogħol, inkluż permezz ta' użu iktar wiesa' ta' taħriġ u apprentistat ibbażat fuq ix-xogħol.

3.           Iżżid l-isforzi biex tneħħi ostakoli għad-dħul u tnaqqas il-piż regolatorju bil-ħsieb li żżid il-kompetizzjoni fis-settur tas-servizzi domestiċi, b'mod partikolari fil-bejgħ bl-imnut u fil-kostruzzjoni, kif rakkomandat mill-Kummissjoni dwar il-Produttività.

Magħmul fi Brussell,

                                                                       Għall-Kunsill

                                                                       Il-President

[1]               ĠU L 209, 2.8.1997, p. 1.

[2]               COM(2014) 405 finali.

[3]               P7_TA(2014)0128 u P7_TA(2014)0129.

[4]               COM(2013) 800 finali.

[5]               COM(2013) 790 finali.

[6]               SWD(2014) 77 finali.

[7]               .               Skont l-Artikolu 9(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97.

Top